26.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 299/58


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1846

tat-23 ta' Novembru 2018

li temenda d-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trasport intern ta' oġġetti perikolużi sabiex jitqies il-progress xjentifiku u tekniku

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta' oġġetti perikolużi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(1) tagħha.

Billi:

(1)

It-Taqsima I.1 tal-Anness I, it-Taqsima II.1 tal-Anness II u t-Taqsima III.1 tal-Anness III tad-Direttiva 2008/68/KE jirreferu għad-dispożizzjonijiet stipulati fi ftehimiet internazzjonali dwar it-trasport intern ta' oġġetti perikolużi bit-triq, bil-ferrovija u fuq passaġġi tal-ilma interni kif iddefiniti fl-Artikolu 2 ta' dik id-Direttiva

(2)

Id-dispożizzjonijiet ta' dawk il-ftehimiet internazzjonali jiġu aġġornati kull sentejn. Għalhekk, il-verżjonijiet emendati l-aħħar ta' dawk il-ftehimiet għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2019, bi perjodu transizzjonali sat-30 ta' Ġunju 2019.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li t-Taqsima I.1 tal-Anness I, it-Taqsima II.1 tal-Anness II u t-Taqsima III.1 tal-Anness III tad-Direttiva 2008/68/KE jiġu emendati skont dan.

(4)

Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar it-trasport ta' oġġetti perikolużi,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2008/68/KE

Id-Direttiva 2008/68/KE hija emendata kif ġej:

1.

Fl-Anness I, it-Taqsima I.1 hija sostitwita b'dan li ġej:

“I.1.   ADR

Fl-Annessi A u B tal-ADR, kif applikabbli b'effett mill-1 ta' Jannar 2019, huwa mifhum illi l-frażi “parti kontraenti” hija sostitwita bil-frażi “Stat Membru” kif xieraq.”;

2.

Fl-Anness II, it-Taqsima II.1 hija sostitwita b'dan li ġej:

“II.1.   RID

Fl-Anness tal-RID, li jidher fl-Appendiċi C tal-COTIF, kif applikabbli b'effett mill-1 ta' Jannar 2019, huwa mifhum illi l-frażi “Stat kontraenti tal-RID” hija sostitwita bil-frażi “Stat Membru” kif xieraq.”;

3.

Fl-Anness III, it-Taqsima III.1 hija sostitwita b'dan li ġej:

“III.1.   ADN

Fir-Regolamenti annessi tal-ADN applikabbli b'effett mill-1 ta' Jannar 2019, kif ukoll l-Artikoli 3(f), 3(h), 8(1), 8(3) tal-ADN, huwa mifhum illi l-frażi “parti kontraenti” hija sostitwita bil-frażi “Stat Membru” kif xieraq.”.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2019. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni it-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Novembru 2018.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Violeta BULC

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13.