28.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 303/69


DIRETTIVA (UE) 2018/1808 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta' Novembru 2018

li temenda d-Direttiva 2010/13/UE dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) fid-dawl ta' realtajiet tas-suq li qed jinbiddlu

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 53(1) u l-Artikolu 62 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

L-aħħar emenda sostantiva għad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE (4), sussegwentement ikkodifikata mid-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), saret fl-2007 bl-adozzjoni tad-Direttiva 2007/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Minn dakinhar 'l hawn, is-suq tas-servizzi tal-media awdjoviżiva evolva b'mod sinifikanti u mgħaġġel minħabba l-konverġenza kontinwa bejn is-servizzi tat-televiżjoni u tal-internet. L-iżviluppi teknoloġiċi ippermettew tipi ġodda ta' servizzi u esperjenzi ġodda għall-utenti. It-tendenzi tat-telespettaturi, b'mod partikolari dawk tal-ġenerazzjonijiet ta' żgħażagħ, inbiddlu b'mod sinifikanti. Filwaqt li l-iskrin ewlieni tat-TV jibqa' apparat importanti għall-kondiviżjoni ta' esperjenzi awdjoviżivi, bosta telespettaturi mxew għal apparati portabbli oħra biex jaraw kontenut awdjoviżiv.

Il-kontenut tradizzjonali tat-TV għadu jammonta għal sehem kbir tal-ħin medju li fih it-telespettaturi jaraw it-TV kuljum. Madankollu, tipi ġodda ta' kontenut, bħal videos qosra jew kontenut iġġenerat mill-utenti, kisbu importanza dejjem ikbar u parteċipanti ġodda, inkluż fornituri tas-servizzi ta' video-on-demand u ta' pjattaformi ta' video-sharing, issa huma stabbiliti sew. Din il-konverġenza tal-media teħtieġ qafas ġuridiku aġġornat sabiex jiġu riflessi l-iżviluppi fis-suq u biex jinkisbu bilanċ bejn l-aċċess għas-servizzi tal-kontenut online, il-protezzjoni tal-konsumatur u l-kompetittività.

(2)

Fis-6 ta' Mejju 2015, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni intitolata “Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa” li fiha ħabbret reviżjoni tad-Direttiva 2010/13/UE.

(3)

Id-Direttiva 2010/13/UE jenħtieġ li tibqa' applikabbli biss għal dawk is-servizzi li l-fini ewlieni tagħhom huwa l-forniment ta' programmi sabiex jipprovdu informazzjoni, divertiment jew edukazzjoni. Jenħtieġ li r-rekwiżit tal-fini ewlieni jitqies ukoll li ġie ssodisfat jekk is-servizz ikollu kontenut u forma awdjoviżivi li huma separabbli mill-attività ewlenija tal-fornitur tas-servizzi, bħal partijiet indipendenti ta' gazzetti online li juru programmi awdjoviżivi jew videos iġġenerati mill-utenti fejn dawk il-partijiet jistgħu jitqiesu separabbli mill-attività ewlenija tagħhom. Jenħtieġ li servizz jitqies li huwa sempliċiment komplement inseparabbli mill-attività ewlenija minħabba r-rabtiet bejn l-offerta awdjoviżiva u l-attività ewlenija, bħal aħbarijiet mogħtija f'forma miktuba. Bħala tali, il-kanali, jew kwalunkwe servizz awdjoviżiv ieħor taħt ir-responsabbiltà editorjali ta' fornitur, fihom infushom jistgħu jikkostitwixxu servizzi tal-media awdjoviżiva, anke jekk huma offruti fuq pjattaforma ta' video-sharing li hija kkaratterizzata min-nuqqas ta' responsabbiltà editorjali. F'każijiet bħal dawn, ikun f'idejn il-fornituri b'responsabbiltà editorjali li jikkonformaw mad-Direttiva 2010/13/UE.

(4)

Is-servizzi ta' pjattaforma ta' video-sharing jipprovdu kontenut awdjoviżiv li kulma jmur qed isir aktar aċċessibbli mill-pubbliku ġenerali, b'mod partikolari miż-żgħażagħ. Dan huwa minnu wkoll fir-rigward tas-servizzi tal-media soċjali, li saru mezzi importanti għall-kondiviżjoni ta' informazzjoni, divertiment u edukazzjoni, inkluż billi jipprovdu aċċess għal programmi u videos iġġenerati mill-utenti. Dawk is-servizzi tal-media soċjali jeħtieġu li jiġu inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2010/13/UE peress li jikkompetu għall-istess udjenzi u dħul bħas-servizzi tal-media awdjoviżiva. Barra minn hekk, huma għandhom ukoll impatt konsiderevoli minħabba li jiffaċilitaw il-possibbiltà għall-utenti li jifformaw u jinfluwenzaw l-opinjonijiet ta' utenti oħra. Għalhekk, sabiex il-minorenni jiġu protetti minn kontenut ta' ħsara u ċ-ċittadini kollha jiġu protetti minn inċitament għall-mibegħda, il-vjolenza u t-terroriżmu, jenħtieġ li dawn is-servizzi jkunu koperti mid-Direttiva 2010/13/UE sa fejn dawn jissodisfaw id-definizzjoni ta' servizz ta' pjattaforma ta' video-sharing.

(5)

Filwaqt li l-għan tad-Direttiva 2010/13/UE mhuwiex li tirregola s-servizzi tal-media soċjali bħala tali, servizz tal-media soċjali jenħtieġ li jkun kopert jekk il-forniment ta' programmi u videos iġġenerati mill-utenti jikkostitwixxi funzjonalità essenzjali ta' dak is-servizz. Il-forniment ta' programmi u ta' videos iġġenerati mill-utenti jista' jitqies li jikkostitwixxi funzjonalità essenzjali tas-servizz tal-media soċjali jekk il-kontenut awdjoviżiv mhuwiex biss anċillari għall-attivitajiet ta' dak is-servizz tal-media soċjali jew ma jikkostitwixxix parti żgħira tal-attivitajiet ta' dak is-servizz tal-media soċjali. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċarezza, l-effikaċja u l-konsistenza tal-implimentazzjoni, jenħtieġ li, fejn meħtieġ, il-Kummissjoni toħroġ linji gwida, wara konsultazzjoni mal-Kumitat ta' Kuntatt, dwar l-applikazzjoni prattika tal-kriterju ta' funzjonalità essenzjali tad-definizzjoni ta' “servizz ta' pjattaforma ta' video-sharing”. Jenħtieġ li dawk il-linji gwida jiġu abbozzati bir-rispett dovut għall-objettivi ta' interess pubbliku ġenerali li għandu jinkiseb mill-miżuri li għandhom jittieħdu mill-fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing u d-dritt tal-libertà ta' espressjoni.

(6)

Meta taqsima separabbli tas-servizz tikkostitwixxi servizz ta' pjattaforma ta' video-sharing għall-finijiet tad-Direttiva 2010/13/UE, jenħtieġ li dik it-taqsima biss tkun koperta minn dik id-Direttiva, u biss fir-rigward ta' programmi u videos iġġenerati mill-utenti. Filmati inkorporati f'kontenut editorjali ta' verżjonijiet elettroniċi ta' gazzetti u rivisti u immaġnijiet animati bħal GIFs jenħtieġ li ma jkunux koperti mid-Direttiva 2010/13/UE. Id-definizzjoni ta' servizz ta' pjattaforma ta' video-sharing jenħtieġ li ma tkoprix attivitajiet li mhumiex ekonomiċi, bħall-forniment ta' kontenut awdjoviżiv fuq siti web privati u komunitajiet ta' interess mhux kummerċjali.

(7)

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva 2010/13/UE, huwa kruċjali li l-Istati Membri jistabbilixxu u jżommu rekords aġġornati tal- fornituri tas-servizzi tal-media u tal-fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom u li b'mod regolari jikkondividu dawk ir-rekords mal-awtoritajiet jew korpi regolatorji indipendenti kompetenti tagħhom u mal-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk ir-rekords jinkludu informazzjoni dwar il-kriterji li fuqhom hija bbażata l-ġurisdizzjoni.

(8)

L-istabbiliment tal-ġurisdizzjoni jeħtieġ valutazzjoni tas-sitwazzjonijiet fattwali kontra l-kriterji stabbiliti fid-Direttiva 2010/13/UE. Il-valutazzjoni ta' sitwazzjonijiet fattwali bħal dawn tista' twassal għal riżultati konfliġġenti. Fl-applikazzjoni tal-proċeduri ta' kooperazzjoni previsti f'dik id-Direttiva, huwa importanti li l-Kummissjoni tkun tista' tibbaża s-sejbiet tagħha fuq fatti affidabbli. Għalhekk jenħtieġ li l-Grupp ta' Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (ERGA) jkollu s-setgħa li jipprovdi opinjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni fuq it-talba tal-Kummissjoni. Fejn il-Kummissjoni, meta tapplika dawk il-proċeduri ta' kooperazzjoni, tiddeċiedi li tikkonsulta lill-ERGA, jenħtieġ li tinforma lill-Kumitat ta' Kuntatt, inkluż dwar notifiki li jaslu mingħand Stati Membri skont dawk il-proċeduri ta' kooperazzjoni u dwar l-opinjoni tal-ERGA.

(9)

Il-proċeduri u l-kondizzjonijiet għal-limitazzjoni tal-libertà biex jingħataw u jiġu rċevuti servizzi tal-media awdjoviżiva jenħtieġ li jkunu l-istess kemm għal servizzi lineari kif ukoll għal servizzi mhux lineari.

(10)

Skont il-każistika eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-“Qorti”), huwa possibbli li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantiti skont it-Trattat tista' tiġi ristretta għal raġunijiet imperattivi fl-interess pubbliku ġenerali, bħalma huma li jinkiseb livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumaturi, dment li tali restrizzjonijiet ikunu ġustifikati, proporzjonati u neċessarji. Għalhekk, jenħtieġ li Stat Membru jkun jista' jieħu ċerti miżuri biex jiżgura r-rispett għar-regoli tal-protezzjoni tal-konsumatur li ma jaqgħux fl-oqsma ikkoordinati mid-Direttiva 2010/13/UE. Il-miżuri meħuda minn Stat Membru biex jinforza s-sistema nazzjonali tiegħu għall-protezzjoni tal-konsumaturi, inkluż fir-rigward ta' reklamar dwar il-logħob tal-azzard, jeħtieġ li jkunu ġustifikati, proporzjonati għall-għan li jrid jintlaħaq, u neċessarji kif meħtieġ skont il-każistika tal-Qorti. Fi kwalunkwe każ, Stat Membru li jirċievi m'għandu jieħu l-ebda miżura li tipprevjeni r-ritrażmissjoni, fit-territorju tiegħu, ta' xandiriet televiżivi li ġejjin minn Stat Membru ieħor.

(11)

Meta Stat Membru jinnotifika lill-Kummissjoni li fornitur tas-servizzi tal-media jkun stabbilixxa ruħu fl-Istat Membru li jkollu ġurisdizzjoni sabiex jevita r-regoli aktar stretti fl-oqsma koordinati mid-Direttiva 2010/13/UE, li jkunu applikabbli għal dak il-fornitur li kieku kien stabbilit fl-Istat Membru notifikanti, jenħtieġ li jippreżenta evidenza kredibbli u sostanzjata b'mod debitu għal dak il-għan. Tali evidenza jenħtieġ li tiddeskrivi sett ta' fatti li jikkorroboraw li jippermettu li tali ċirkomvenzjoni tkun stabbilita raġonevolment.

(12)

Fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar Regolamentazzjoni Aħjar għal Riżultati Aħjar – Aġenda tal-UE, il-Kummissjoni enfasizzat li, waqt li tqis is-soluzzjonijiet ta' politika, hija ser tqis kemm mezzi regolatorji kif ukoll dawk mhux regolatorji, immudellati fuq il-Komunità ta' prattika u l-Prinċipji għal Awtoregolamentazzjoni u Koregolamentazzjoni Aħjar. Għadd ta' kodiċijiet ta' kondotta stabbiliti fl-oqsma koordinati mid-Direttiva 2010/13/UE taw prova li huma mfasslin tajjeb, f'konformità mal-Prinċipji għal Awtoregolamentazzjoni u Koregolamentazzjoni Aħjar. L-eżistenza ta' protezzjoni leġislattiva tqieset bħala fattur ta' suċċess importanti fil-promozzjoni tal-konformità mal-kodiċi awtoregolatorju jew koregolatorju. Huwa importanti bl-istess mod li tali kodiċijiet jistabbilixxu miri u objettivi speċifiċi li jippermettu l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni regolari, trasparenti u indipendenti tal-objettivi mmirati mill-kodiċijiet ta' kondotta. Jenħtieġ li l-kodiċijiet ta' kondotta jipprevedu wkoll infurzar effettiv. Dawn il-prinċipji jenħtieġ li jkunu segwiti mill-kodiċijiet awtoregolatorji u koregolatorji adottati fl-oqsma kkoordinati mid-Direttiva 2010/13/UE.

(13)

L-esperjenza uriet li kemm l-istrumenti awtoregolatorji kif ukoll dawk koregolatorji, implimentati skont it-tradizzjonijiet legali differenti tal-Istati Membri, jista' jkollhom rwol importanti fit-twassil ta' livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumaturi. Il-miżuri mmirati lejn il-kisba ta' objettivi ta' interess pubbliku ġenerali fis-settur tas-servizzi tal-media awdjoviżiva emerġenti jkunu aktar effettivi jekk jittieħdu bl-appoġġ attiv tal-fornituri tas-servizzi nfushom.

(14)

Għalhekk l-awtoregolamentazzjoni tikkostitwixxi tip ta' inizjattiva volontarja li tippermetti lill-operaturi ekonomiċi, lis-sħab soċjali, lill-organizzazzjonijiet u lill-assoċjazzjonijiet nongovernattivi jadottaw linji gwida komuni bejniethom u għalihom. Huma responsabbli għall-iżvilupp, il-monitoraġġ u l-infurzar tal-konformità ma' dawk il-linji gwida. Jenħtieġ li l-Istati Membri, skont it-tradizzjonijiet legali differenti tagħhom, jirrikonoxxu r-rwol li l-awtoregolamentazzjoni effettiva tista' taqdi bħala komplement għall-mekkaniżmi leġislattivi, ġudizzjarji u amministrattivi fis-seħħ u l-kontribut utli tagħha għall-kisba tal-għanijiet tad-Direttiva 2010/13/UE. Madankollu, filwaqt li l-awtoregolamentazzjoni tista' tkun metodu komplementari għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2010/13/UE, jenħtieġ li ma tikkostitwixxix sostitut għall-obbligi tal-leġislatur nazzjonali. Il-koregolamentazzjoni tagħti, fis-sura minima tagħha, ħolqa legali bejn l-awtoregolamentazzjoni u l-leġislatur nazzjonali skont it-tradizzjonijiet legali tal-Istati Membri. Fil-koregolamentazzjoni, ir-rwol regolatorju huwa maqsum bejn il-partijiet ikkonċernati u l-gvern jew l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali. Ir-rwol tal-awtoritajiet pubbliċi rilevanti jinkludi r-rikonoxximent tal-iskema koregolatorja, il-verifika tal-proċessi tagħha u l-finanzjament tal-iskema. Jenħtieġ li l-koregolamentazzjoni tippermetti l-possibbiltà għal intervent mill-Istat f'każ li l-objettivi tagħha ma jintlaħqux. Mingħajr preġudizzju għall-obbligi formali tal-Istati Membri fir-rigward tat-traspożizzjoni, id-Direttiva 2010/13/UE tinkoraġġixxi l-użu tal- awtoregolamentazzjoni u koregolamentazzjoni. Jenħtieġ li dan la jobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu sistemi awtoregolatorji jew koregolatorji, jew it-tnejn, u lanqas ifixkel jew jipperikola inizjattivi koregolatorji attwali li diġà hemm fis-seħħ fl-Istati Membri u li qegħdin jiffunzjonaw b'mod effettiv.

(15)

It-trasparenza tas-sjieda tal-media hija direttament marbuta mal-libertà tal-espressjoni, element fundamentali ta' sistemi demokratiċi. L-informazzjoni dwar l-istruttura tas-sjieda ta' fornituri tas-servizzi tal-media, fejn tali sjieda tirriżulta fil-kontroll jew l-eżerċizzju ta' influwenza sinifikanti fuq il-kontenut tas-servizzi pprovduti, tippermetti lill-utenti jagħmlu ġudizzju infurmat dwar tali kontenut. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddeterminaw jekk u sa liema punt l-informazzjoni dwar l-istruttura tas-sjieda ta' fornitur tas-servizzi tal-media għandha tkun aċċessibbli għal utenti, sakemm l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali kkonċernati hija rispettata u li miżuri bħal dawn huma meħtieġa u proporzjonati.

(16)

Minħabba n-natura speċifika tas-servizzi tal-media awdjoviżiva, speċjalment l-impatt ta' dawk is-servizzi fuq il-mod kif il-persuni jiffurmaw opinjonijiet, l-utenti għandhom interess leġittimu li jkunu jafu min hu responsabbli għall-kontenut ta' dawk is-servizzi. Sabiex tissaħħaħ il-libertà tal-espressjoni, u, b'estensjoni, biex jiġi promoss il-pluraliżmu tal-media u jiġu evitati konflitti ta' interess, huwa importanti għall-Istati Membri li jiżguraw li l-utenti jkollhom aċċess faċli u dirett f'kull ħin għall-informazzjoni dwar il-fornituri tas-servizzi tal-media. Huwa f'idejn kull Stat Membru li jiddeċiedi, b'mod partikolari fir-rigward tal-informazzjoni li tista' tingħata dwar l-istruttura tas-sjieda u sidien benefiċjarji.

(17)

Sabiex jiġu żgurati l-koerenza u ċ-ċertezza legali għan-negozji u għall-awtoritajiet tal-Istati Membri, jenħtieġ li l-kunċett ta' “inċitament għal vjolenza jew mibegħda”, ikun mifhum skont it-tifsira tad-definizzjoni fid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI (7).

(18)

Meta titqies l-evoluzzjoni tal-mezzi li permezz tagħhom jixxerred il-kontenut permezz ta' netwerks tal-komunikazzjoni elettronika, huwa importanti li l-pubbliku ġenerali jiġi protett mill-inċitament għat-terroriżmu. Għalhekk id-Direttiva 2010/13/UE jenħtieġ li tiżgura li s-servizzi tal-media awdjoviżiva ma jkunx fihom provokazzjoni pubblika biex jitwettaq reat terroristiku. Sabiex jiġu żgurati l-koerenza u ċ-ċertezza legali lin-negozji u lill-awtoritajiet tal-Istati Membri, jenħtieġ li l-kunċett ta' “provokazzjoni pubbliku biex jitwettaq reat terroristiku” jiġi mifhum skont it-tifsira tad-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(19)

Sabiex it-telespettaturi, inkluż il-ġenituri u l-minorenni, jingħataw is-setgħa biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar il-kontenut li ser jiġi segwit, huwa neċessarju li l-fornituri tas-servizzi tal-media jipprovdu biżżejjed informazzjoni dwar il-kontenut li jista' jfixkel l-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tal-minorenni. Dak jista' jsir, pereżempju, permezz ta' sistema ta' deskritturi tal-kontenut, twissija akustika, simbolu viżiv jew kwalunkwe mezz ieħor, li jiddeskrivi n-natura tal-kontenut.

(20)

Il-miżuri adatti għall-protezzjoni tal-minorenni applikabbli għas-servizzi tax-xandir televiżiv jenħtieġ li japplikaw ukoll għal servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand. Dak għandu jżid il-livell ta' protezzjoni. L-approċċ ta' armonizzazzjoni minima jippermetti li l-Istati Membri jiżviluppaw livell ogħla ta' protezzjoni għal kontenut li jista' jfixkel l-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tal-minorenni. L-aktar kontenut ta' ħsara, li jista' jfixkel l-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali ta' minorenni, iżda li mhux bilfors jikkostitwixxi reat kriminali, għandu jkun soġġett għall-miżuri l-aktar stretti bħall-kriptaġġ u kontrolli effettivi tal-ġenituri, mingħajr preġudizzju għall-adozzjoni ta' miżuri aktar stretti mill-Istati Membri.

(21)

Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) jirrikonoxxi li t-tfal jistħoqqilhom protezzjoni speċifika fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom. L-istabbiliment ta' mekkaniżmi ta' protezzjoni tat-tfal mill-fornituri tas-servizzi tal-media jwassal inevitabbilment għall-ipproċessar ta' data personali ta' minorenni. Minħabba li tali mekkaniżmi għandhom l-għan li jipproteġu t-tfal, id-data personali ta' minorenni pproċessata fil-qafas ta' miżuri tekniċi tal-protezzjoni tat-tfal jenħtieġ li ma tintużax għal finijiet kummerċjali.

(22)

L-iżgurar tal-aċċessibbiltà ta' kontenut awdjoviżiv huwa rekwiżit essenzjali fil-kuntest tal-impenji meħuda taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltà. Fil-kuntest tad-Direttiva 2010/13/UE, jenħtieġ li t-terminu “persuni b'diżabbiltà” jiġi interpretat fid-dawl tan-natura tas-servizzi koperti minn dik id-Direttiva, li huma s-servizzi tal-media awdjoviżiva. Id-dritt tal-persuni b'insuffiċjenza u tal-anzjani li jipparteċipaw u jiġu integrati fil-ħajja soċjali u kulturali tal-Unjoni huwa marbut mal-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva aċċessibbli. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri, mingħajr dewmien żejjed, jiżguraw li l-fornituri tas-servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom ifittxu b'mod attiv li jagħmlu kontenut aċċessibbli għal persuni b'diżabbiltà, b'mod partikolari dawk b'insuffiċjenza fil-vista jew fis-smigħ. Ir-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà jenħtieġ li jiġu ssodisfati permezz ta' proċess progressiv u kontinwu, filwaqt li jitqiesu r-restrizzjonijiet prattiċi u inevitabbli li jistgħu jipprevjenu aċċessibbiltà sħiħa, bħal programmi jew avvenimenti mxandra f'ħin reali. Sabiex jitkejjel il-progress li jkunu wettqu l-fornituri tas-servizzi tal-media biex jagħmlu s-servizzi tagħhom progressivament aċċessibbli għal persuni b'diżabbiltà tal-vista jew tas-smigħ, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrikjedu lill-fornituri tas-servizzi tal-media stabbiliti fit-territorju tagħhom biex jinfurmawhom fuq bażi regolari.

(23)

Il-mezz biex tinkiseb l-aċċessibbiltà tas-servizzi tal-media awdjoviżiva skont id-Direttiva 2010/13/UE jenħtieġ li jinkludu, iżda jeħtieġ li ma jkunux limitati għal-lingwaġġ tas-sinjali, is-sottotitoli għat-torox u għal dawk b'diffikultajiet tas-smigħ, sottotitoli mitkellma, u deskrizzjoni awdjo. Madankollu, dik id-Direttiva ma tkoprix karatteristiċi jew servizzi li jipprovdu aċċess għal servizzi tal-media awdjoviżiva, u lanqas ma tkopri l-karatteristiċi ta' aċċessibbiltà tal-gwidi elettroniċi tal-programmi (EPGs). Għalhekk, dik id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni li għandha l-għan li tarmonizza l-aċċessibbiltà ta' servizzi li jipprovdu aċċess għal servizzi tal-media awdjoviżiva, bħal siti web, applikazzjonijiet online u EPGs, jew il-forniment ta' informazzjoni dwar l-aċċessibbiltà u f'formati aċċessibbli.

(24)

F'xi każijiet, jista' ma jkunx possibbli li tingħata informazzjoni ta' emerġenza b'mod li jkun aċċessibbli għall-persuni b'diżabbiltà. Madankollu, tali każijiet eċċezzjonali jenħtieġ li ma jipprevenux informazzjoni ta' emerġenza milli ssir pubblika permezz ta' servizzi tal-media awdjoviżiva.

(25)

Id-Direttiva 2010/13/UE hija mingħajr preġudizzju għall-kapaċità tal-Istati Membri li jimponu obbligi biex tiġi żgurata l-prominenza xierqa ta' kontenut ta' interess ġenerali definit skont objettivi ta' interess ġenerali definiti, bħall-pluraliżmu tal-media, il-libertà tal-kelma u d-diversità kulturali. Dawn l-obbligi jenħtieġ li jiġu imposti biss meta jkunu meħtieġa biex jintlaħqu objettivi ta' interess ġenerali definiti b'mod ċar mill-Istati Membri f'konformità mal-liġi tal-Unjoni. Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jimponu regoli dwar il-prominenza xierqa, dawn għandhom jimponu biss obbligi proporzjonati fuq l-impriżi, fl-interess ta' kunsiderazzjonijiet leġittimi ta' politika pubblika.

(26)

Sabiex tiġi protetta r-responsabbiltà editorjali tal-fornituri tas-servizzi tal-media u tal-katina tal-valur awdjoviżiva, huwa essenzjali li tiġi ggarantita l-integrità tal-programmi u s-servizzi tal-media awdjoviżiva fornuti mill-fornituri tas-servizzi tal-media. Jenħtieġ li l-programmi u s-servizzi tal-media awdjoviżiva ma jiġux trażmessi f'forma mqassra, mibdula jew interrotti, jew sovrapposti għal finijiet kummerċjali, mingħajr il-kunsens espliċitu tal-fornituri tas-servizzi tal-media. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li s-sovrapposti mibdija jew awtorizzati biss minn dak li jirċievi s-servizz għal użu privat, bħalma huma s-sovrapposti li jirriżultaw minn servizzi għal komunikazzjonijiet individwali, ma jkunux jirrikjedu l-kunsens tal-fornitur ta' servizzi tal-media. Jenħtieġ li ma jiġux koperti l-elementi tal-kontroll ta' kwalunkwe interfaċċa tal-utent meħtieġa għat-tħaddim tal-apparat jew għan-navigazzjoni tal-programm, bħall-buttuni tal-volum, funzjonijiet tat-tiftix, menus tan-navigazzjoni jew listi tal-kanali. Is-sovrapposti leġittimi bħal informazzjoni ta' twissija, informazzjoni ta' interess tal-pubbliku ġenerali, sottotitoli jew komunikazzjonijiet kummerċjali forniti mill-fornitur tas-servizz tal-media wkoll jenħtieġu li ma jiġux koperti. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), anke tekniki ta' kompressjoni li jnaqqsu d-daqs ta' fajl tad-data u tekniki oħra li jadattaw servizz għall-mezz ta' distribuzzjoni, bħar-riżoluzzjoni u l-kodifikazzjoni, mingħajr ma jimmodifikaw il-kontenut, jenħtieġ li ma jkunux koperti.

Jenħtieġ li miżuri għall-protezzjoni tal-integrità ta' programmi u ta' servizzi tal-media awdjoviżiva jiġu imposti fejn jkunu meħtieġa biex jintlaħqu objettivi ta' interess ġenerali definiti b'mod ċar mill-Istati Membri f'konformità mal-liġi tal-Unjoni. Tali miżuri jenħtieġ li jimponu obbligi proporzjonati fuq l-impriżi fl-interess ta' konsiderazzjonijiet leġittimi ta' politika pubblika.

(27)

Bl-eċċezzjoni tal-isponsorizzazzjoni u l-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali, il-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi għal xarbiet alkoħoliċi f'servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand jenħtieġ li jikkonformaw mal-kriterji applikabbli għar-reklamar televiżiv u għat-telebejgħ għal xarbiet alkoħoliċi kif stipulat fid-Direttiva 2010/13/UE. Il-kriterji aktar dettaljati applikabbli għal reklamar televiżiv u għal telebejgħ għal xarbiet alkoħoliċi huma limitati għal spots ta' reklami, li min-natura tagħhom huma separati mill-programm, u għalhekk jeskludi komunikazzjonijiet kummerċjali oħra li huma marbutin mal-programm jew huma parti integrali mill-programm, bħala sponsorizzazzjoni u inklużjoni ta' prodotti kummerċjali. Konsegwentement, dawk il-kriterji jenħtieġ li ma japplikawx għal sponsorizzazzjoni u inklużjoni ta' prodotti kummerċjali f'servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand.

(28)

Ċerti linji gwida nutrizzjonali rikonoxxuti b'mod wiesa' jeżistu fil-livell nazzjonali u dak internazzjonali, bħall-mudell ta' profili nutrittivi tal-Uffiċċju Reġjonali tal- Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ għall-Ewropa, sabiex tinħoloq differenza bejn l-ikel abbażi tal-kompożizzjoni nutrizzjonali tiegħu fil-kuntest tal-irreklamar tal-ikel għat-tfal fuq it-televiżjoni. L-Istati Membri jenħtieġ li jiġu mħeġġa jiżguraw li l-awtoregolamentazzjoni u l-koregolamentazzjoni, inkluż permezz ta' kodiċi ta' kondotta, jintużaw biex jitnaqqas effettivament l-esponiment tat-tfal għal komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi dwar l-ikel u x-xorb li fihom ħafna melħ, zokkor, xaħam, xaħmijiet saturati jew aċidi xaħmin trans jew inkella li ma jissodisfawx dawk il-linji gwida nutrizzjonali nazzjonali jew internazzjonali.

(29)

Bl-istess mod, l-Istati Membri jenħtieġ li jiġu mħeġġa jiżguraw li l-kodiċijiet ta' kondotta awtoregolatorji u koregolatorji jintużaw biex inaqqsu effettivament l-esponiment tat-tfal u tal-minorenni għall-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi għax-xorb alkoħoliku. Ċerti sistemi awtoregolatorji jew koregolatorji jeżistu fil-livell nazzjonali u dak tal-Unjoni sabiex ix-xorb alkoħoliku jiġi kkummerċjalizzat b'mod responsabbli, inkluż fil-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi. Dawk is-sistemi jeħtieġ li jiġu mħeġġa aktar, b'mod partikolari dawk li għandhom l-għan li jiżguraw li messaġġi dwar xorb responsabbli jakkumpanjaw komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi għax-xorb alkoħoliku.

(30)

Huwa importanti li l-minorenni jiġu protetti b'mod effettiv mill-esponiment għal komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi dwar il-promozzjoni tal-logħob tal-azzard. F'dan il-kuntest, bosta sistemi awtoregolatorji jew koregolatorji jeżistu fil-livell tal-Unjoni u f'dak nazzjonali għall-promozzjoni ta' logħob tal-azzard responsabbli, inkluż fil-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi.

(31)

Sabiex jitneħħew l-ostakli għaċ-ċirkolazzjoni libera ta' servizzi transfruntiera fi ħdan l-Unjoni, huwa meħtieġ li tiġi żgurata l-effikaċja tal-miżuri awtoregolatorji u koregolatorji li, b'mod partikolari, għandhom l-għan li jipproteġu l-konsumaturi jew is-saħħa pubblika.

(32)

Is-suq għax-xandir tat-televiżjoni evolva u għalhekk hemm il-ħtieġa għal aktar flessibbiltà fir-rigward tal-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi, b'mod partikolari għal regoli kwantitattivi għal servizzi tal-media awdjoviżiva lineari u l-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali. Il-ħolqien ta' servizzi ġodda, inklużi dawk mingħajr reklamar, wassal għal għażla akbar għat-telespettaturi, li faċilment jistgħu jaqilbu għal offerti alternattivi.

(33)

Il-liberalizzazzjoni tal-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali ma ġabitx magħha l-użu mistenni ta' din il-forma ta' komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva. B'mod partikolari, il-projbizzjoni ġenerali tal-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali, għalkemm b'xi eċċezzjonijiet, ma ħolqotx ċertezza legali għall-fornituri tas-servizzi tal-media. L-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali jenħtieġ għalhekk li titħalla fis-servizzi kollha tas-servizzi tal-media awdjoviżiva u servizzi ta' pjattaforma ta' video-sharing, soġġetta għal eċċezzjonijiet.

(34)

L-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali jenħtieġ li ma tkunx permessa fl-aħbarijiet u fi programmi dwar ġrajjiet kurrenti, fil-programmi dwar l-affarijiet tal-konsumaturi, fil-programmi reliġjużi u fil-programmi għat-tfal. B'mod partikolari, l-evidenza uriet li l-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali u r-riklami integrati jistgħu jaffettwaw l-imġiba tat-tfal peress li t-tfal spiss mhumiex kapaċi jagħrfu l-kontenut kummerċjali. Għalhekk hemm bżonn li tibqa' tiġi pprojbita l-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali fil-programmi għat-tfal. Il-programmi għall-affarijiet tal-konsumaturi huma programmi li joffru pariri lit-telespettaturi jew li jinkludu analiżi dwar ix-xiri ta' prodotti u servizzi. Il-permess għall-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali fi programmi bħal dawn jista' jwassal biex id-distinzjoni bejn ir-reklamar u l-kontenut editorjali ma tkunx ċara għat-telespettaturi li jista' jkun li jistennew analiżi ġenwina u onesta tal-prodotti jew tas-servizzi f'tali programmi.

(35)

Il-fornituri tas-servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand jenħtieġ li jippromwovu l-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta' xogħlijiet Ewropej billi jiżguraw li l-katalgi tagħhom jinkludu sehem minimu ta' xogħlijiet Ewropej u li dawk jingħataw biżżejjed prominenza. It-tikkettar ta' metadata ta' kontenut awdjoviżiv li jikkwalifika bħala xogħol Ewropew jenħtieġ li jiġi mħeġġeġ sabiex din il-metadata tkun disponibbli għal fornituri ta' servizzi tal-media. Il-prominenza tinvolvi l-promozzjoni ta' xogħlijiet Ewropej billi jiġi ffaċilitat l-aċċess għal xogħlijiet bħal dawn. Il-prominenza tista' tiġi żgurata permezz ta' diversi mezzi bħal taqsima ddedikata għax-xogħlijiet Ewropej li tkun aċċessibbli mill-homepage tas-servizzi, il-possibbiltà ta' tfittxija għal xogħlijiet Ewropej bl-għodda ta' tiftix disponibbli bħala parti minn dak is-servizz, l-użu ta' xogħlijiet Ewropej f'kampanji ta' dak is-servizz jew perċentwal minimu ta' xogħlijiet Ewropej promossi mill-katalgu ta' dak is-servizz, pereżempju billi jintużaw banners jew għodod simili.

(36)

Sabiex jiġu żgurati livelli adegwati ta' investiment f'xogħlijiet Ewropej, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu kapaċi jimponu obbligi finanzjarji fuq il-fornituri tas-servizzi tal-media stabbiliti fit-territorju tagħhom. Dawk l-obbligi jistgħu jieħdu l-għamla ta' kontribuzzjonijiet diretti għall-produzzjoni u l-akkwist ta' drittijiet f'xogħlijiet Ewropej. L-Istati Membri jistgħu jimponu wkoll imposti pagabbli f'fond, fuq il-bażi tad-dħul iġġenerat mis-servizzi tal-media awdjoviżiva li huma pprovduti fit-territorju tagħhom u mmirati lejh. Din id-Direttiva tiċċara li, minħabba r-rabta diretta bejn l-obbligi finanzjarji u l-politiki kulturali differenti tal-Istati Membri, Stat Membru jitħalla wkoll jimponi tali obbligi finanzjarji fuq il-fornituri tas-servizz tal-media stabbiliti fi Stat Membru ieħor li jimmiraw it-territorju tiegħu. F'dak il-każ, jenħtieġ li l-obbligi finanzjarji jiġu imposti biss fuq id-dħul iġġenerat mill-udjenza fl-Istat Membru fil-mira. Jenħtieġ li l-fornituri ta' servizzi tal-media li huma meħtieġa jikkontribwixxu għal skemi ta' finanzjament ta' filmati fi Stat Membru fil-mira jkunu jistgħu jibbenefikaw b'mod nondiskriminatorju, anke fin-nuqqas ta' stabbiliment f'dak l-Istat Membru, mill-għajnuna disponibbli taħt l-iskemi rispettivi ta' finanzjament ta' filmati għal fornituri ta' servizzi tal-media.

(37)

Ix-xandara llum il-ġurnata qed jinvestu f'xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej minn fornituri ta' servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand. Għalhekk, jekk Stat Membru fil-mira jagħżel li jimponi obbligu finanzjarju fuq xandar li jaqa' taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru ieħor, il-kontribuzzjonijiet diretti għall-produzzjoni u l-akkwist ta' drittijiet f'xogħlijiet Ewropej, b'mod partikolari l-koproduzzjonijiet, magħmula minn dak ix-xandar, jenħtieġ li jitqiesu, b'kunsiderazzjoni xierqa tal-prinċipju tal-proporzjonalità. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri li jistabbilixxu, f'konformità mal-politika kulturali tagħhom u soġġett għall-kompatibbiltà ma' regoli ta' għajnuna tal-Istat, il-livell ta' kontribuzzjonijiet finanzjarja pagabbli mill-fornituri tas-servizz tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom.

(38)

Meta Stat Membru jivvaluta skont il-każ jekk servizz tal-media awdjoviżiva on-demand stabbilit fi Stat Membru ieħor ikunx qiegħed jimmira lejn udjenzi fit-territorju tiegħu, huwa jenħtieġ li jirreferi għal indikaturi bħar-reklamar jew promozzjonijiet oħra li jimmiraw speċifikament lejn il-konsumaturi fit-territorju tiegħu, il-lingwa ewlenija tas-servizz jew l-eżistenza ta' kontenut jew komunikazzjonijiet kummerċjali li jimmiraw speċifikament lejn l-udjenza fl-Istat Membru li jirċievi.

(39)

Meta Stati Membru jimponi kontribuzzjonijiet finanzjarji fuq fornituri tas-servizzi tal-media, jenħtieġ li l-kontribuzzjonijiet bħal dawn ifittxu li jiksbu promozzjoni adegwata ta' xogħlijiet Ewropej filwaqt li jevitaw ir-riskju ta' impożizzjoni doppja għall-fornituri tas-servizzi tal-media. B'dan il-mod, jekk l-Istat Membru li fih huwa stabbilit il-fornitur tas-servizzi tal-media jimponi tali kontribuzzjoni finanzjarja, jenħtieġ li dan jikkunsidra kull kontribuzzjoni finanzjarja imposta mill-Istati Membri fil-mira.

(40)

Sabiex jiġi żgurat li l-obbligi dwar il-promozzjoni ta' xogħlijiet Ewropej ma jdgħajfux l-iżvilupp tas-suq u sabiex ikun permess id-dħul ta' parteċipanti ġodda fis-suq, jenħtieġ li l-fornituri mingħajr preżenza sinifikanti fis-suq ma jkunux soġġetti għal rekwiżiti bħal dawn. Dan huwa l-każ b'mod partikolari għall-fornituri bi dħul baxx jew udjenza żgħira. Udjenza żgħira tista' tiġi ddeterminata, pereżempju, abbażi ta' ħin ta' xandir jew bejgħ, skont in-natura tas-servizz, filwaqt li biex jiġi ddeterminat id-dħul baxx jenħtieġ li jiġu kkunsidrati d-daqsijiet differenti ta' swieq awdjoviżivi fl-Istati Membri. Jista' wkoll ma jkunx xieraq li dawn ir-rekwiżiti jiġu imposti f'każijiet fejn, minħabba n-natura jew is-suġġett tas-servizzi tal-media awdjoviżiva, dawn ikunu imprattikabbli jew mhux ġustifikati.

(41)

Huwa importanti li x-xandara jkollhom aktar flessibbiltà u jkunu jistgħu jiddeċiedu meta jagħmlu r-reklamar sabiex jimmassimizzaw id-domanda ta' dawk li jirreklamaw u l-fluss tat-telespettaturi. Huwa neċessarju wkoll, madankollu, li jinżamm livell suffiċjenti ta' protezzjoni tal-konsumatur f'dak ir-rigward peress li tali flessibilità tista' tesponi lit-telespettaturi għal ammont eċċessiv ta' reklamar matul il-ħin bl-aktar telespettaturi. Għalhekk jenħtieġ li japplikaw limiti speċifiċi fil-perijodu mis-06.00 sas-18.00 u mis-18.00 sa 24.00.

(42)

Il-frames newtrali jisseparaw il-kontenut editorjali mir-reklamar televiżiv jew mill-ispots ta' telebejgħ, kif ukoll jisseparaw l-ispots individwali. Dawn jippermettu li t-telespettatur jiddistingwi b'mod ċar meta jintemm tip wieħed ta' kontenut awdjoviżiv u meta jibda ieħor. Huwa neċessarju li jiġi ċċarat li l-frames newtrali huma esklużi mil-limitu kwantitattiv stabbilit għar-reklamar televiżiv. Dan sabiex jiġi żgurat li l-ħin li jintuża fil-frames newtrali ma jkollux impatt fuq il-ħin li jintuża għar-reklamar u li d-dħul iġġenerat mir-reklamar ma jkunx affettwat b'mod negattiv.

(43)

Il-ħin ta' trażmissjoni allokat għal avviżi magħmula mix-xandar b'rabta mal-programmi tiegħu stess u prodotti anċillari derivati direttament minn dawk il-programmi,, jew għal avviżi ta' servizz pubbliku u appelli għall-karità mxandra mingħajr ħlas, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż li saru mit-trażmissjoni ta' tali appelli, jenħtieġ li ma jiġix inkluż fl-ammonti massimi ta' ħin ta' trażmissjoni li jistgħu jiġu allokati għar-reklamar televiżiv jew għat-telebejgħ. Barra minn hekk, bosta xandara huma parti minn gruppi akbar ta' xandara u jagħmlu avviżi mhux biss b'konnessjoni mal-programmi tagħhom stess u prodotti anċillari derivati direttament minn dawk il-programmi, iżda wkoll b'rabta ma' programmi u servizzi tal-media awdjoviżiva minn entitajiet oħra li jappartjenu għall-istess grupp ta' xandara. Il-ħin ta' trażmissjoni allokat għal tali avviżi jenħtieġ ukoll li ma jiġix inkluż fl-ammonti massimi ta' ħin ta' trażmissjoni li jistgħu jiġu allokati għar-reklamar televiżiv jew għat-telebejgħ.

(44)

Il-fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing koperti mid-Direttiva 2010/13/UE jipprovdu servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni skont it-tifsira tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). Dawn il-fornituri huma konsegwentement soġġetti għar-regoli dwar is-suq intern stabbiliti f'dik id-Direttiva, jekk huma stabbiliti fi Stat Membru. Huwa xieraq li jkun żgurat li l-istess regoli japplikaw ukoll għall-fornituri ta' pjattaformi ta' video-sharing li mhumiex stabbiliti fi Stat Membru bil-għan li tiġi salvagwardata l-effikaċja tal-miżuri għall-protezzjoni tal-minorenni u l-pubbliku ġenerali stabbiliti fid-Direttiva 2010/13/UE u li jkunu żgurati, kemm jista' jkun, kondizzjonijiet ekwi, sakemm dawk il-fornituri jkollhom jew impriża prinċipali jew impriża sussidjarja li tkun stabbilita fi Stat Membru, jew fejn dawk il-fornituri jkunu parti minn grupp u impriża oħra ta' dak il-grupp tkun stabbilita fi Stat Membru. Għalhekk,, jenħtieġ li d-definizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2010/13/UE jkunu bbażati fuq prinċipji u jenħtieġ li jiżguraw li ma jkunx possibbli għal impriża li teskludi lilha nfisha mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dik id-Direttiva billi toħloq struttura ta' grupp li jkun fih saffi multipli ta' impriżi stabbiliti fl-Unjoni jew 'il barra minnha. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun infurmata dwar il-fornituri taħt il-ġurisdizzjoni ta' kull Stat Membru skont ir-regoli dwar l-istabbiliment stabbiliti fid-Direttivi 2000/31/KE u 2010/13/UE.

(45)

Hemm sfidi ġodda, b'mod partikolari b'rabta mal-pjattaformi ta' video-sharing, li fuqhom l-utenti, b'mod partikolari dawk minorenni, qegħdin jikkunsmaw dejjem aktar kontenut awdjoviżiv. F'dan il-kuntest, il-kontenut ta' ħsara u d-diskors ta' mibegħda pprovdut fuq servizzi ta' pjattaformi ta' video-sharing qegħdin iqajmu dejjem aktar tħassib. Sabiex il-minorenni u l-pubbliku inġenerali jiġu protetti minn tali kontenut, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti regoli proporzjonati dwar dawk il-kwistjonijiet.

(46)

Il-komunikazzjonijiet kummerċjali fuq servizzi ta' pjattaformi ta' video-sharing huma diġà regolati mid-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), li tipprojbixxi prattiki kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumaturi, inkluż prattiki qarrieqa u aggressivi li jsiru f'servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni.

Fir-rigward ta' komunikazzjonijiet kummerċjali dwar it-tabakk u prodotti relatati fi pjattaformi ta' video-sharing, il-projbizzjonijiet eżistenti previsti fid-Direttiva 2003/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), kif ukoll il-projbizzjonijiet applikabbli għall-komunikazzjonijiet kummerċjali dwar is-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta' rikarika skont id-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), jiżguraw li l-konsumaturi huma protetti biżżejjed mit-tabakk u prodotti relatati. Peress li l-utenti jiddependu dejjem aktar fuq servizzi ta' pjattaformi ta' video-sharing biex jaċċessaw kontenut awdjoviżiv, huwa neċessarju li jiġi żgurat livell suffiċjenti ta' protezzjoni tal-konsumatur permezz tal-allinjament tar-regoli dwar il-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi, sal-punt xieraq, fost il-fornituri kollha. Huwa għalhekk importanti li l-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi fuq pjattaformi ta' video-sharing ikunu identifikati b'mod ċar u jirrispettaw sett ta' rekwiżiti kwalitattivi minimi.

(47)

Sehem sinifikanti tal-kontenut ipprovdut fuq servizzi ta' pjattaformi ta' video-sharing ma jaqax taħt ir-responsabbiltà editorjali tal-fornitur ta' pjattaforma ta' video-sharing. Madankollu, dawk il-fornituri tipikament jiddeterminaw l-organizzazzjoni tal-kontenut, jiġifieri programmi, videos iġġenerati mill-utenti u komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi, inkluż b'mezzi awtomatiċi jew algoritmi. Għalhekk, jenħtieġ li dawk il-fornituri jkunu meħtieġa jieħdu miżuri xierqa biex jipproteġu l-minorenni mill-kontenut li jista' jfixkel l-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tagħhom. Jenħtieġ li jkunu meħtieġa wkoll jieħdu miżuri xierqa biex jipproteġu lill-pubbliku ġenerali mill-kontenut li fih inċitament għall-vjolenza jew għall-mibegħda diretta kontra grupp jew membru ta' grupp għal kwalunkwe raġuni msemmija fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”), jew li t-tixrid tiegħu jikkostitwixxi reat kriminali skont il-liġi tal-Unjoni.

(48)

Fid-dawl tan-natura tal-involviment tal-fornituri mal-kontenut ipprovdut fuq servizzi ta' pjattaformi ta' video-sharing, jenħtieġ li l-miżuri xierqa biex jiġu protetti l-minorenni u l-pubbliku ġenerali għandhom jirrelataw mal-organizzazzjoni tal-kontenut u mhux mal-kontenut bħala tali. Ir-rekwiżiti f'dan ir-rigward kif stabbiliti fid-Direttiva 2010/13/UE għalhekk għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 12 sa 14 tad-Direttiva 2000/31/KE, li tipprevedi eżenzjoni mir-responsabbiltà għal informazzjoni illegali trażmessa, jew maħżuna awtomatikament, immedjatament jew temporanjament, jew maħżuna minn ċerti fornituri tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. Meta jkunu qed jiġu provduti servizzi koperti mill-Artikoli 12 sa 14 tad-Direttiva 2000/31/KE, dawk ir-rekwiżiti għandhom japplikaw ukoll mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 15 ta' dik id-Direttiva, li jipprekludi li jiġu imposti fuq dawk il-fornituri obbligi ġenerali għall-monitoraġġ ta' tali informazzjoni u għal tiftix b'mod attiv ta' fatti jew ta' ċirkostanzi li jindikaw attività illegali, mingħajr madankollu ma jirrigwarda l-monitoraġġ tal-obbligi f'każijiet speċifiċi u, b'mod partikolari, mingħajr ma jaffettwa l-ordnijiet minn awtoritajiet nazzjonali skont il-liġi nazzjonali.

(49)

Huwa xieraq li kemm jista' jkun jiġu involuti l-fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing meta jkunu qegħdin jiġu implimentati l-miżuri xierqa li għandhom jittieħdu skont id-Direttiva 2010/13/UE. Jenħtieġ għalhekk li l-koregolamentazzjoni tkun imħeġġa. Għandu jibqa' possibbli wkoll li l-fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing jieħdu miżuri aktar stretti fuq bażi volontarja skont il-liġi tal-Unjoni, b'rispett għal-libertà ta' espressjoni u informazzjoni u l-pluraliżmu tal-media.

(50)

Id-dritt għal rimedju effettiv u d-dritt għal proċess ġust quddiem il-qorti huma drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikolu 47 tal-Karta. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2010/13/UE ma għandhomx, għalhekk, jiġu interpretati b'mod li jipprevjeni lill-partijiet milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' aċċess għas-sistema ġudizzjarja.

(51)

Meta jittieħdu l-miżuri xierqa għall-protezzjoni tal-minorenni minn kontenut ta' ħsara u għall-protezzjoni tal-pubbliku ġenerali minn kontenut li fih inċitament għall-vjolenza, għall-mibegħda u għat-terroriżmu skont id-Direttiva 2010/13/UE, jenħtieġ li d-drittijiet fundamentali applikabbli, kif stabbiliti fil-Karta, jiġu bbilanċjati bir-reqqa. Dan jikkonċerna b'mod partikolari, skont ma jkun il-każ, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja u l-protezzjoni ta' data personali, il-libertà ta' espressjoni u ta' informazzjoni, il-libertà tat-twettiq ta' negozju, il-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni u d-drittijiet tat-tfal.

(52)

Il-Kumitat ta' Kuntatt għandu l-għan li jiffaċilita implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva 2010/13/UE u jenħtieġ li jiġi kkonsultat b'mod regolari dwar kwalunkwe problema prattika li tirriżulta mill-applikazzjoni tagħha. Il-ħidma tal-Kumitat ta' Kuntatt m'għandhiex tkun limitata għal kwistjonijiet ta' politika awdjoviżiva eżistenti, iżda għandha tkopri wkoll l-iżviluppi rilevanti li jinħolqu f'dan is-settur. Dan huwa magħmul minn rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti tal-Istati Membri. Meta jaħtru r-rappreżentanti tagħhom, l-Istati Membri huma mħeġġa jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-kompożizzjoni tal-Kumitat ta' Kuntatt.

(53)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji jew il-korpi nazzjonali tagħhom huma legalment distinti mill-gvern. Madankollu, jenħtieġ li dan ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jeżerċitaw superviżjoni f'konformità mal-liġi kostituzzjonali nazzjonali tagħhom. Jenħtieġ li l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali jitqiesu li jkunu kisbu l-livell meħtieġ ta' indipendenza jekk dawk l-awtoritajiet jew il-korpi, inkluż dawk li huma kostitwiti bħala awtoritajiet jew korpi pubbliċi, huma funzjonalment u effettivament indipendenti mill-gvernijiet rispettivi tagħhom u minn kwalunkwe korp pubbliku jew privat ieħor. Dak jitqies li huwa essenzjali biex tiġi żgurata l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet meħuda minn awtorità jew korp regolatorju nazzjonali. Jenħtieġ li r-rekwiżit ta' indipendenza jkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Membri jistabbilixxu awtoritajiet regolatorji li jissorveljaw setturi differenti, bħas-settur awdjoviżiv u dak tat-telekomunikazzjoni. Jenħtieġ li l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali jkollhom is-setgħat ta' infurzar u r-riżorsi meħtieġa biex jaqdu l-kompiti tagħhom, f'termini ta' persunal, għarfien espert u mezzi finanzjarji. L-attivitajiet tal-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji stabbiliti skont id-Direttiva 2010/13/UE jenħtieġ li jiżguraw ir-rispett lejn l-għanijiet tal-pluraliżmu tal-media, id-diversità kulturali, il-protezzjoni tal-konsumatur, il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u l-promozzjoni ta' kompetizzjoni ġusta.

(54)

Peress li wieħed mill-għanijiet tas-servizzi tal-media awdjoviżiva huwa li sservi l-interessi tal-individwi u li tifforma l-opinjoni pubblika, huwa essenzjali li tali servizzi jkunu jistgħu jinfurmaw lill-individwi u lis-soċjetà kompletament kemm jista' jkun u bl-ogħla livell ta' varjetà. Dak l-għan jista' jinkiseb biss jekk id-deċiżjonijiet editorjali jibqgħu ħielsa minn kwalunkwe ndħil jew influwenza statali mill-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali li tmur lil hinn mis-sempliċi implimentazzjoni tal-liġi u li ma sservix bħala salvagwardja ta' dritt protett legalment li għandu jkun protett irrispettivament minn opinjoni partikolari.

(55)

Għandu jkun hemm mekkaniżmi ta' appell effettivi fil-livell nazzjonali. Il-korp ta' appell rilevanti jenħtieġ li jkun indipendenti mill-partijiet involuti. Dan il-korp jista' jkun qorti. Jenħtieġ li din il-proċedura ta' appell tkun mingħajr preġudizzju għad-diviżjoni tal-kompetenzi fis-sistemi ġudizzjarji nazzjonali.

(56)

Bl-għan li tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju awdjoviżiv tal-Unjoni madwar l-Istati Membri kollha, il-Kummissjoni stabbiliet l-ERGA bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Frar 2014 (15). Ir-rwol tal-ERGA huwa li jipprovdi parir espert tekniku lill-Kummissjoni fil-ħidma tagħha sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni konsistenti tad-Direttiva 2010/13/UE fl-Istati Membri kollha u biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet jew korpi regolatorji nazzjonali, u bejn l-awtoritajiet jew korpi regolatorji nazzjonali u l-Kummissjoni.

(57)

L-ERGA kkontribwixxa b'mod pożittiv għall-prattika regolatorja konsistenti u ta parir ta' livell għoli lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet marbutin mal-implimentazzjoni. Dan jitlob ir-rikonoxximent formali u t-tisħiħ tar-rwol tiegħu fid-Direttiva 2010/13/UE. Jenħtieġ għalhekk li l-ERGA jiġi stabbilit permezz ta' dik id-Direttiva.

(58)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun libera li tikkonsulta lill-ERGA dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mas-servizzi tal-media awdjoviżiva u mal-pjattaformi ta' video-sharing. Jenħtieġ li l-ERGA jassisti lill-Kummissjoni billi jipprovdi kompetenza esperta u pariri tekniċi u billi jiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki, inkluż dwar kodiċijiet ta' kondotta awtoregolatorji u koregolatorji. B'mod partikolari, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkonsulta lill-ERGA fl-applikazzjoni tad-Direttiva 2010/13/UE sabiex tiffaċilita l-implimentazzjoni konverġenti tagħha. Fuq it-talba tal-Kummissjoni, jenħtieġ li l-ERGA jipprovdi opinjonijiet mhux vinkolanti dwar il-ġurisdizzjoni, dwar miżuri li jidderogaw mil-libertà ta' riċezzjoni u dwar miżuri li jindirizzaw iċ-ċirkomvenzjoni tal-ġurisdizzjoni. Jenħtieġ li ERGA jkun ukoll kapaċi jipprovdi pariri tekniċi dwar kwalunkwe kwistjoni regolatorja relatata mal-qafas tas-servizzi tal-media awdjoviżiva, inkluż fil-qasam tad-diskors ta' mibegħda u tal-protezzjoni tal-minorenni, kif ukoll dwar il-kontenut ta' komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi għal ikel b'ħafna xaħam, melħ jew sodju u zokkor.

(59)

“Litteriżmu fil-media” jirreferi għal ħiliet, għarfien u intendiment li jippermettu liċ-ċittadini jużaw il-media b'mod effettiv u sikur. Sabiex iċ-ċittadini jkun jista' jkollhom aċċess għall-informazzjoni u biex jużaw, jivvalutaw b'mod kritiku u joħolqu kontenut tal-media b'mod responsabbli u sikur, jeħtieġ li jkollhom ħiliet avvanzati tal-litteriżmu fil-media. Il-litteriżmu fil-media jenħtieġ li ma jkunx limitat għat-tagħlim dwar l-għodod u t-teknoloġiji, iżda jenħtieġ li jkollu l-għan li jgħammar liċ-ċittadini bil-ħiliet ta' riflessjoni kritika meħtieġa biex jeżerċitaw il-kapaċità ta' ġudizzju, janalizzaw realtajiet kumplessi u jagħrfu d-differenza bejn opinjoni u fatti. Għalhekk huwa neċessarju li kemm il-fornituri tas-servizzi tal-media u l-fornituri ta' pjattaformi ta' video-sharing, f'kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, jippromwovu l-iżvilupp tal-litteriżmu fil-media fit-taqsimiet kollha tas-soċjetà, għaċ-ċittadini ta' kull età, u għall-media kollha u li l-progress f'dan ir-rigward jiġi segwit mill-qrib.

(60)

Id-Direttiva 2010/13/UE hija mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Istati Membri li jirrispettaw u jipproteġu d-dinjità tal-bniedem. Tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta. B'mod partikolari, id-Direttiva 2010/13/UE tfittex li tiżgura r-rispett sħiħ tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni, il-libertà ta' impriża, id-dritt għal reviżjoni ġudizzjarja u li tippromwovi l-applikazzjoni tad-drittijiet tat-tfal minquxa fil-Karta.

(61)

Kwalunkwe miżura meħuda mill-Istati Membri taħt id-Direttiva 2010/13/UE għandha tirrispetta l-libertà ta' espressjoni u informazzjoni u l-pluraliżmu tal-media, kif ukoll tad-diversità kulturali u lingwistika skont il-Konvenzjoni tal-Unesco dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali.

(62)

Id-dritt ta' aċċess għal programmi tal-aħbarijiet politiċi huwa kruċjali biex tiġi salvagwardata l-libertà fundamentali li wieħed jirċievi l-informazzjoni u biex jiġi żgurat li l-interessi tat-telespettaturi fl-Unjoni jitħarsu bis-sħiħ u b'mod xieraq. Minħabba l-importanza dejjem akbar tas-servizzi tal-media awdjoviżiva għas-soċjetajiet u d-demokrazija, jenħtieġ li x-xandiriet ta' aħbarijiet politiċi, sa l-aktar li jkun possibbli, u mingħajr preġudizzju għar-regoli tad-drittijiet tal-awtur, ikunu disponibbli b'mod transkonfinali fl-Unjoni.

(63)

Id-Direttiva 2010/13/UE ma tikkonċernax regoli ta' dritt internazzjonali privat, b'mod partikolari regoli li jirregolaw il-ġurisdizzjoni tal-qrati kif ukoll il-liġi applikabbli għal obbligi kuntrattwali u mhux kuntrattwali.

(64)

F'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni (16), l-Istati Membri impenjaw rwieħhom li, f'każijiet ġustifikati, jehmżu man-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom dokument wieħed, jew aktar, li jispjega r-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti ta' strumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġislatur iqis li t-trażmissjoni ta' tali dokumenti hija ġustifikata.

(68)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2010/13/UE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2010/13/UE hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

“servizz tal-media awdjoviżiva” tfisser:

(i)

servizz kif definit mill-Artikoli 56 u 57 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fejn l-għan ewlieni tas-servizz jew taqsima separabbli tiegħu huwa ddedikat għall-forniment ta' programmi, taħt ir-responsabbiltà editorjali ta' fornitur ta' servizz tal-media, lill-pubbliku ġenerali, sabiex jipprovdi informazzjoni, divertiment jew edukazzjoni, permezz ta' netwerks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi fit-tifsira tal-punt (a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/21/KE; tali servizz tal-media awdjoviżiva huwa jew xandira bit-televiżjoni kif definit fil-punt (e) ta' dan il-paragrafu jew servizz tal-media awdjoviżiva on-demand kif definit fil-punt (g) ta' dan il-paragrafu;

(ii)

komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva;”;

(b)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(aa)

“servizz ta' pjattaforma ta' video-sharing” tfisser servizz kif definit mill-Artikoli 56 u 57 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fejn l-għan ewlieni tas-servizz jew ta' taqsima separabbli tiegħu jew funzjonalità essenzjali tas-servizz huwa ddedikat għall-forniment ta' programmi, videos iġġenerati mill-utenti, jew it-tnejn, lill-pubbliku ġenerali, li għalihom il-fornitur ta' pjattaforma ta' video-sharing ma għandux responsabbiltà editorjali, sabiex jipprovdi informazzjoni, divertiment jew edukazzjoni, permezz ta' netwerks ta' komunikazzjoni elettronika skont it-tifsira tal-punt (a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/21/KE u li l-organizzazzjoni tiegħu hija ddeterminata mill-fornitur ta' pjattaforma ta' video-sharing, inkluż b'mezzi awtomatiċi jew algoritmi, b'mod partikolari permezz ta' wiri, tagging u sekwenzjar.”;

(c)

il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

“programm” tfisser sett ta' immaġnijiet li jiċċaqalqu bil-ħoss jew mingħajru li jikkostitwixxu element individwali, irrispettivament mit-tul tiegħu, fi skeda jew katalgu stabbilit minn fornitur tas-servizzi tal-media, inkluż films prinċipali, videos qosra, avvenimenti sportivi, kummiedji sitwazzjonali (sitcoms), dokumentarji, programmi għat-tfal u drammi oriġinali;”;

(d)

jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“(ba)

“video ġġenerat mill-utent” tfisser sett ta' immaġnijiet li jiċċaqalqu bil-ħoss jew mingħajru li jikkostitwixxu element individwali, irrispettivament mit-tul tiegħu, li huwa maħluq minn utent u mtella' fuq pjattaforma ta' video-sharing minn dak l-utent jew kwalunkwe utent ieħor;

(bb)

“deċiżjoni editorjali” tfisser deċiżjoni li tittieħed fuq bażi regolari għall-fini tal-eżerċitar tar-responsabbiltà editorjali u marbuta mat-tħaddim ta' kuljum tas-servizz tal-media awdjoviżiva;”;

(e)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(da)

“fornitur ta' pjattaforma ta' video-sharing” tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi servizz ta' pjattaforma ta' video-sharing;”;

(f)

il-punt (h) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(h)

“komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva” tfisser immaġnijiet bil-ħoss jew mingħajru li huma ddisinjati biex jippromwovu, direttament jew indirettament, il-prodotti, is-servizzi jew ix-xbieha ta' persuna fiżika jew ġuridika li tkun qed twettaq attività ekonomika; tali immaġnijiet jakkumpanjaw, jew huma inklużi fi, programm jew f'video ġġenerat mill-utent bi ħlas jew għal remunerazzjoni simili jew għal finijiet ta' promozzjoni tagħhom stess. Forom ta' komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva jinkludu, fost l-oħrajn, reklamar televiżiv, sponsorizzazzjoni, telebejgħ u inklużjoni ta' prodotti kummerċjali;”;

(g)

il-punt (k) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(k)

“sponsorizzazzjoni” tfisser kwalunkwe kontribut magħmul minn impriżi pubbliċi jew privati jew persuni fiżiċi li mhumiex involuti fil-provvista ta' servizzi tal-media awdjoviżiva jew servizzi tal-pjattaformi ta' video-sharing jew fil-produzzjoni ta' xogħlijiet awdjoviżivi għall-finanzjament tas-servizzi tal-media awdjoviżiva, tas-servizzi tal-pjattaformi ta' video-sharing, tal-videos maħluqa mill-utenti jew tal-programmi bil-ħsieb li jippromwovu l-isem, it-trademark, l-immaġni, l-attivitajiet jew il-prodotti tagħhom;”;

(h)

il-punt (m) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(m)

“inklużjoni ta' prodotti kummerċjali” tfisser kwalunkwe forma ta' komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva li tikkonsisti fl-inklużjoni ta', jew referenza għal, prodott, servizz jew it-trademark tagħhom sabiex dan jidher fi programm jew video maħluq mill-utenti, bi ħlas jew għal remunerazzjoni simili;”;

(2)

it-titolu tal-Kapitolu II huwa sostitwit b'dan li ġej:

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI GĦAS-SERVIZZI TAL-MEDIA AWDJOVIŻIVA”;

(3)

l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 3, il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

jekk fornitur tas-servizzi tal-media għandu l-uffiċċju prinċipali tiegħu fi Stat Membru wieħed iżda d-deċiżjonijiet editorjali dwar is-servizz tal-media awdjoviżiva jittieħdu fi Stat Membru ieħor, il-fornitur tas-servizzi tal-media għandu jitqies li huwa stabbilit fl-Istat Membru fejn topera parti sinifikanti mill-forza tax-xogħol involuta fit-twettiq tal-attività tas-servizz tal-media awdjoviżiva relatat mal-programm. Jekk parti sinifikanti tal-forza tax-xogħol involuta fit-twettiq tal-attività tas-servizz tal-media awdjoviżiva relatat ma' programm topera f'kull wieħed minn dawk l-Istati Membri, il-fornitur tas-servizzi tal-media għandu jitqies li jkun stabbilit fl-Istat Membru fejn għandu l-uffiċċju prinċipali tiegħu. Jekk parti sinifikanti mill-forza tax-xogħol involuta fit-twettiq tal-attività tas-servizz tal-media awdjoviżiva relatat ma' programm ma tkun topera fl-ebda wieħed minn dawk l-Istati Membri, il-fornitur tas-servizzi tal-media għandu jitqies li jkun stabbilit fl-Istat Membru fejn l-ewwel beda l-attivitajiet tiegħu skont is-sistema tal-liġi ta' dak l-Istat Membru, sakemm huwa jżomm rabta stabbli u effettiva mal-ekonomija ta' dak l-Istat Membru;”;

(b)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“5a.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri tas-servizzi tal-media jinformaw lill-awtoritajiet jew lill-korpi regolatorji nazzjonali kompetenti dwar kwalunkwe bidla li tista' taffettwa id-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni f'konformità mal-paragrafi 2, 3 u 4.

5b.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jżommu lista aġġornata tal-fornituri tas-servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom u jindikaw fuq liema mill-kriterji stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 5 hija bbażata l-ġurisdizzjoni tagħhom. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw dik il-lista, inkluż kwalunkwe aġġornament tagħha, lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li tali listi jsiru disponibbli f'bażi tad-data ċentralizzata. Fil-każ ta' inkonsistenzi bejn il-listi, il-Kummissjoni għandha tikkuntattja lill-Istati Membri kkonċernati sabiex tinstab soluzzjoni. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali jkollhom aċċess għal din il-bażi tad-data. Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-informazzjoni fil-bażi tad-data disponibbli għall-pubbliku.

5c.   Meta, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 3 jew 4, l-Istati Membri kkonċernati ma jaqblux dwar liema Stat Membru għandu l-ġurisdizzjoni, huma għandhom iressqu l-kwistjoni għall-attenzjoni tal-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed. Il-Kummissjoni tista' titlob lill-Grupp ta' Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (ERGA) biex jagħti opinjoni dwar il-kwistjoni f'konformità mal-punt (d) tal-Artikolu 30b(3). L-ERGA għandu jagħti tali opinjoni fi żmien 15-il jum ta' ħidma minn meta tiġi ppreżentata t-talba tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Kumitat ta' Kuntatt stabbilit mill-Artikolu 29 infurmat kif xieraq.

Meta l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 3(2) jew (3), jew l-Artikolu 4(5), hija għandha tiddeċiedi wkoll liema Stat Membru għandu l-ġurisdizzjoni.”;

(4)

L-Artikolu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 3

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-libertà tar-riċezzjoni u ma għandhomx jirrestrinġu t-trażmissjonijiet mill-ġdid fit-territorju tagħhom ta' servizzi tal-media awdjoviżiva minn Stati Membri oħra għal raġunijiet li jaqgħu taħt l-oqsma kkoordinati minn din id-Direttiva.

2.   Stat Membru jista' proviżorjament jidderoga mill-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu fejn servizz tal-media awdjoviżiva pprovdut minn fornitur ta' servizz tal-media taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru ieħor manifestament, serjament u gravement jikser il-punt (a) tal-Artikolu 6(1) jew l-Artikolu 6a(1) jew jippreġudika jew jippreżenta riskju ta' preġudizzju serju u gravi għas-saħħa pubblika.

Id-deroga msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

matul it-12-il xahar preċedenti, il-fornitur ta' servizzi tal-media jkun mill-inqas f'żewġ okkażjonijiet preċedenti diġà aġixxa darba jew aktar kif deskritt fl-ewwel subparagrafu;

(b)

l-Istat Membru kkonċernat ikun innotifika lill-fornitur tas-servizzi tal-media, lill-Istat Membru li għandu ġurisdizzjoni fuq dak il-fornitur u lill-Kummissjoni bil-miktub dwar l-allegat ksur u dwar il-miżuri proporzjonati li biħsiebu jadotta jekk jerġa' jseħħ kwalunkwe ksur bħal dan;

(c)

l-Istat Membru kkonċernat ikun irrispetta d-dritt tad-difiża tal-fornitur tas-servizzi tal-media u, b'mod partikolari, ikun ta lil dak il-fornitur l-opportunità biex jesprimi l-opinjonijiet tiegħu dwar l-allegat ksur; u

(d)

il-konsultazzjonijiet mal-Istat Membru li għandu ġurisdizzjoni fuq il-fornitur tas-servizz tal-media u l-Kummissjoni ma wasslux għal riżoluzzjoni bonarja fi żmien xahar minn meta l-Kummissjoni rċeviet in-notifika msemmija fil-punt (b).

Fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi n-notifika tal-miżuri meħuda mill-Istat Membru kkonċernat u wara li l-ERGA jkun intalab jagħti opinjoni f'konformità mal-punt (d) tal-Artikolu 30b(3), il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar jekk dawk il-miżuri humiex kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Kumitat ta' Kuntatt infurmat kif xieraq. Fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li dawk il-miżuri mhumiex kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni, hija għandha tirrikjedi li l-Istat Membru jtemm il-miżuri inkwistjoni b'urġenza.

3.   Stat Membru jista' proviżorjament jidderoga mill-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu meta servizz tal-media awdjoviżiva pprovdut minn fornitur ta' servizz tal-media taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru ieħor manifestament, serjament u gravement jikser il-punt (b) tal-Artikolu 6(1) jew jippreġudika jew jippreżenta riskju ta' preġudizzju serju u gravi għas-sigurtà pubblika, inkluż is-salvagwardja tas-sigurtà u d-difiża nazzjonali.

Id-deroga msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

matul it-12-il xahar preċedenti l-aġir imsemmi fl-ewwel subparagrafu seħħ mill-inqas f'okkażjoni preċedenti waħda;

u

(b)

l-Istat Membru kkonċernat ikun innotifika lill-fornitur tas-servizzi tal-media, lill-Istat Membru li għandu ġurisdizzjoni fuq dak il-fornitur u lill-Kummissjoni bil-miktub dwar l-allegat ksur u dwar il-miżuri li biħsiebu jadotta jekk jerġa' jseħħ kwalunkwe ksur allegat bħal dan.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jirrispetta d-drittijiet ta' difiża tal-fornitur tas-servizz tal-media kkonċernat u, b'mod partikolari, jagħti lil dak il-fornitur l-opportunità li jesprimi l-opinjonijiet tiegħu dwar l-allegat ksur.

Fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi n-notifika tal-miżuri meħuda minn Stat Membru kkonċernat u wara li tkun talbet lill-ERGA biex jagħti opinjoni f'konformità mal-punt (d) tal-Artikolu 30b(3), il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar jekk dawk il-miżuri humiex kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Kumitat ta' Kuntatt infurmat kif xieraq. Fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li dawk il-miżuri mhumiex kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni, hija għandha tirrikjedi li l-Istat Membru jtemm il-miżuri inkwistjoni b'urġenza.

4.   Il-paragrafi 2 u 3 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' kwalunkwe proċedura, rimedju jew sanzjoni għall-ksur inkwistjoni fl-Istat Membru li għandu ġurisdizzjoni fuq il-fornitur tas-servizzi tal-media kkonċernat.

5.   L-Istati Membri jistgħu, f'każijiet urġenti, sa mhux aktar tard minn xahar wara l-allegat ksur, jidderogaw mill-kundizzjonijiet stipulati fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 3. Fejn dan ikun il-każ, il-miżuri meħuda għandhom jiġu nnotifikati fl-iqsar żmien possibbli lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru li l-fornitur ta' servizzi jaqa' taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu, b'indikazzjoni tar-raġunijiet li għalihom l-Istat Membru jikkunsidra li hemm urġenza. Il-Kummissjoni għandha teżamina l-kompatibbiltà tal-miżuri notifikati mal-liġi tal-Unjoni fl-iqsar żmien possibbli. Fejn tikkonkludi li l-miżuri mhumiex kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tirrikjedi lill-Istat Membru inkwistjoni jtemm dawk il-miżuri b'mod urġenti.

6.   Jekk il-Kummissjoni ma jkollhiex l-informazzjoni meħtieġa biex tieħu deċiżjoni skont il-paragrafu 2 jew 3, hija għandha, fi żmien xahar minn meta tasal in-notifika, titlob lill-Istati Membru kkonċernat l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tasal għal dik id-deċiżjoni. Il-limitu ta' żmien li fih il-Kummissjoni għandha tieħu d-deċiżjoni għandu jiġi sospiż sakemm dak l-Istat Membru ma jkunx ipprovda tali informazzjoni meħtieġa. Fi kwalunkwe każ, is-sospensjoni tal-limitu ta' żmien m'għandiex idum iktar minn xahar.

7.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom regolarment jikkondividu l-esperjenzi u l-aħjar prattiki dwar il-proċedura stabbilita f'dan l-artikolu fil-qafas tal-Kumitat ta' Kuntatt u l-ERGA.”;

(5)

L-Artikolu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 4

1.   L-Istati Membri għandhom jibqgħu liberi li jirrikjedu lill-fornituri tas-servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom biex jikkonformaw ma' regoli aktar dettaljati jew aktar stretti fl-oqsma koordinati minn din id-Direttiva, dment li tali regoli jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni.

2.   Fejn Stat Membru:

(a)

ikun eżerċita l-libertà tiegħu taħt il-paragrafu 1 li jadotta regoli ta' interess pubbliku ġenerali aktar dettaljati jew aktar stretti, u

(b)

jivvaluta li fornitur tas-servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru ieħor jipprovdi servizz tal-media awdjoviżiva li huwa kompletament jew fil-biċċa l-kbira tiegħu dirett lejn it-territorju tiegħu,

huwa jista' jitlob lill-Istat Membru li jkollu l-ġurisdizzjoni biex jindirizza kwalunkwe problema identifikata fir-rigward ta' dan il-paragrafu. Iż-żewġ Stati Membri għandhom jikkooperaw b'mod sinċier u rapidu bil-ħsieb li jiksbu soluzzjoni sodisfaċenti għat-tnejn li huma.

Meta jirċievi talba sostanzjata skont l-ewwel subparagrafu, l-Istat Membru li jkollu l-ġurisdizzjoni għandu jitlob lill-fornitur tas-servizzi tal-media biex jikkonforma mar-regoli tal-interess pubbliku ġenerali inkwistjoni. L-Istat Membru li għandu ġurisdizzjoni għandu jinforma regolarment lill-Istat Membru li jagħmel talba dwar il-passi meħuda biex jiġu indirizzati dawk il-problemi identifikati. Fi żmien xahrejn mill-wasla tat-talba, l-Istat Membru li għandu ġurisdizzjoni għandu jinforma lill-Istat Membru li jagħmel it-talba u l-Kummissjoni dwar ir-riżultati miksuba u jispjega r-raġunijiet fejn ma tkunx instabet soluzzjoni.

Kull wieħed mill-Istati Membri jista' jistieden lill-Kumitat ta' Kuntatt biex jeżamina l-każ fi kwalunkwe ħin.

3.   L-Istat Membru kkonċernat jista' jadotta miżuri xierqa kontra l-fornitur tas-servizz tal-media kkonċernat fejn:

(a)

jivvaluta li r-riżultati miksuba permezz tal-applikazzjoni tal-paragrafu 2 mhumiex sodisfaċenti; u

(b)

ikun ippreżenta evidenza li turi li l-fornitur tas-servizzi tal-media inkwistjoni stabbilixxa ruħu fl-Istat Membru li għandu ġurisdizzjoni sabiex jevita r-regoli aktar stretti, fl-oqsma kkoordinati minn din id-Direttiva, li jkunu applikabbli għalih li kieku kien stabbilit fl- Istat Membru kkonċernat; tali evidenza għandha tippermetti li din iċ-ċirkomvenzjoni tkun stabbilita b'mod raġonevoli, mingħajr il-ħtieġa li tiġi ppruvata l-intenzjoni tal-fornitur tas-servizz tal-media li jevita dawk ir-regoli stretti.

Tali miżuri għandhom ikunu oġġettivament meħtieġa, applikati b'mod nondiskriminatorju u proporzjonati mal-objettivi li huma jfittxu li jwettqu.

4.   Stat Membru jista' biss jieħu miżuri skont il-paragrafu 3 meta l-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu ssodisfati:

(a)

huwa jkun innotifika lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru li fih huwa stabbilit il-fornitur tas-servizzi tal-media dwar l-intenzjoni tiegħu li jieħu tali miżuri filwaqt li jissostanzja r-raġunijiet li fuqhom jibbaża l-valutazzjoni tiegħu;

(b)

huwa jkun irrispetta d-drittijiet tad-difiża tal-fornitur tas-servizzi tal-media kkonċernat u, b'mod partikolari, ikun ta lil dak il-fornitur tas-servizzi tal-media l-opportunità biex jesprimi l-opinjonijiet tiegħu dwar l-allegata ċirkomvenzjoni u l-miżuri li l-Istat Membru notifikanti biħsiebu jieħu; u

(c)

il-Kummissjoni tkun iddeċidiet, wara li tkun talbet lill-ERGA jagħti opinjoni skont il-punt (d) tal-Artikolu 30b(3), li l-miżuri huma kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni, u b'mod partikolari li l-valutazzjonijiet magħmula mill-Istat Membru li qed jieħu l-miżuri skont il-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu għandhom bażi korretta; il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Kumitat ta' Kuntatt infurmat kif xieraq.

5.   Fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi n-notifika prevista fil-punt (a) tal-paragrafu 4, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar jekk dawk il-miżuri humiex kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni. Fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li mhumiex, hija għandha tirrikjedi lill-Istat Membru kkonċernat biex iżomm lura milli jieħu l-miżuri maħsuba.

Jekk il-Kummissjoni ma jkollhiex l-informazzjoni meħtieġa biex tieħu d-deċiżjoni skont l-ewwel subparagrafu, hija għandha, fi żmien xahar minn meta tirċievi n-notifika, titlob lill-Istat Membru kkonċernat, l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tasal għal dik id-deċiżjoni. It-terminu ta' żmien li fih il-Kummissjoni għandha tieħu d-deċiżjoni għandu jiġi sospiż sakemm dak l-Istat Membru ma jkunx ipprovda tali informazzjoni meħtieġa. Fi kwalunkwe każ, is-sospensjoni tal-limitu ta' żmien stipulat ma għandux idum iktar minn xahar.

6.   L-Istati Membri għandhom, b'mezzi xierqa, jiżguraw, fil-qafas tal-liġi nazzjonali tagħhom, li l-fornituri tas-servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom jikkonformaw b'mod effikaċi ma' din id-Direttiva.

7.   Id-Direttiva 2000/31/KE għandha tapplika dment li ma ġiex previst mod ieħor f'din id-Direttiva. Fil-każ ta' konflitt bejn id-Direttiva 2000/31/KE u din id-Direttiva, din id-Direttiva għandha tipprevali, dment li ma ġiex previst mod ieħor f'din id-Direttiva.”;

(6)

Jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 4a

1.   L-Istati Membri għandhom iħeġġu l-użu ta' koregolamentazzjoni u t-trawwim ta' awtoregolamentazzjoni permezz ta' kodiċijiet ta' kondotta adottati fil-livell nazzjonali fl-oqsma kkoordinati minn din id-Direttiva sal-limitu permess mis-sistemi legali tagħhom. Dawn il-kodiċijiet għandhom:

(a)

ikunu tali li jkunu aċċettati b'mod ġenerali mill-partijiet ikkonċernati ewlenin fl-Istati Membri kkonċernati;

(b)

jistabbilixxu l-objettivi tagħhom b'mod ċar u mingħajr ambigwità;

(c)

jipprevedu monitoraġġ u evalwazzjoni regolari, trasparenti u indipendenti tal-ksib tal-objettivi mmirati; u

(d)

jipprevedu għal infurzar effikaċi inkluż sanzjonijiet effikaċi u proporzjonati.

2.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jrawmu l-awtoregolamentazzjoni permezz ta' kodiċijiet ta' kondotta tal-Unjoni mfassla minn fornituri tas-servizzi tal-media, fornituri tas-servizzi ta' pjattaforma ta' video-sharing jew organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom, f'kooperazzjoni, kif meħtieġ, ma' setturi oħra bħas-settur tal- industrija, tal-kummerċ, ta' assoċjazzjonijiet jew organizzazzjonijiet professjonali u tal-konsumaturi. Dawk il-kodiċijiet għandhom ikunu tali li jiġu aċċettati b'mod ġenerali mill-partijiet ikkonċernati ewlenin fil-livell tal-Unjoni u għandhom jikkonformaw mal-punti (b) sa (d) tal-paragrafu 1. Il-kodiċijiet ta' kondotta tal-Unjoni għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-kodiċijiet ta' kondotta nazzjonali.

F'kooperazzjoni mal-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-iżvilupp ta' kodiċijiet ta' kondotta tal-Unjoni, fejn xieraq, f'konformità mal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità.

Il-firmatarji tal-kodiċijiet ta' kondotta tal-Unjoni għandhom jippreżentaw l-abbozzi ta' dawk il-kodiċijiet u l-emendi għalihom lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Kumitat ta' Kuntatt dwar dak l-abbozz ta' kodiċijiet jew l-emendi għalihom.

Il-Kummissjoni għandha tqiegħed il-kodiċijiet ta' kondotta tal-Unjoni għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u tista' tirriklamahom kif xieraq.

3.   L-Istati Membri għandhom jibqgħu liberi li jirrikjedu lil fornituri ta' servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom biex jikkonformaw ma' regoli aktar dettaljati jew aktar stretti f'konformità ma' din id-Direttiva u mal-liġi tal-Unjoni, inkluż fejn l-awtoritajiet regolatorji jew il-korpi indipendenti nazzjonali tagħhom jikkonkludu li xi kodiċi ta' kondotta jew partijiet minnu taw prova li mhumiex effettivi biżżejjed. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw tali regoli lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed.”;

(7)

It-titolu tal-Kapitolu III huwa sostitwit b'dan li ġej:

DISPOŻIZZJONIJIET APPLIKABBLI GĦAS-SERVIZZI TAL-MEDIA AWDJOVIŻIVA”;

(8)

L-Artikolu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 5

1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li fornitur ta' servizz tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu għandu jagħmel aċċessibbli faċilment, direttament u b'mod permanenti lir-riċevituri ta' servizz tal-anqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

ismu;

(b)

l-indirizz ġeografiku li fih huwa stabbilit;

(c)

id-dettalji, inkluż l-indirizz tal-posta elettronika jew is-sit web tiegħu, li jippermettulu li jiġi kkuntattjat malajr b'mod dirett u effikaċi;

(d)

l-Istat Membru li għandu ġurisdizzjoni fuqu u l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji kompetenti jew il-korpi superviżorji kompetenti.

2.   L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislattivi li jipprevedu li, minbarra l-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 1, il-fornituri tas-servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom jagħtu aċċess għal informazzjoni dwar l-istruttura tas-sjieda tagħhom, inkluż is-sidien benefiċjarji. Tali miżuri għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali kkonċernati, bħall-ħajja privata u tal-familja tas-sidien benefiċjarji. Tali miżuri għandhom ikunu neċessarji u proporzjonati u għandhom jippruvaw jiksbu objettiv ta' interess ġenerali.”;

(9)

L-Artikolu 6 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 6

1.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Istati Membri li jirrispettaw u jħarsu d-dinjità umana, l-Istati Membri għandhom jiżguraw b'mezzi xierqa li s-servizzi tal-media awdjoviżiva pprovduti minn fornituri tas-servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom ma jinkludu l-ebda:

(a)

inċitament għall-vjolenza jew għall-mibegħda kontra grupp ta' persuni jew membru ta' grupp abbażi ta' kwalunkwe waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 21 tal-Karta;

(b)

provokazzjoni pubblika sabiex jitwettaq reat terroristiku kif stabbilit fl-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2017/541.

2.   Il-miżuri meħuda għall-finijiet ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu neċessarji u proporzjonati u għandhom jirrispettaw id-drittijiet u josservaw il-prinċipji mniżżla fil-Karta.”;

(10)

Jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 6a

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li s-servizzi tal-media awdjoviżiva provduti minn fornituri tas-servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, li jistgħu jfixklu l-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tal-minorenni jkunu disponibbli biss b'tali mod li jkun żgurat li l-minorenni normalment ma jarawhomx jew ma jisimgħuhomx. Miżuri bħal dawn jistgħu jinkludu l-għażla tal-ħin tax-xandira, l-għodod li jivverifikaw l-età jew miżuri tekniċi oħra. Huma għandhom ikunu proporzjonati għall-ħsara potenzjali tal-programm.

L-aktar kontenut ta' ħsara, bħal vjolenza u pornografija bla ħlas, għandhom ikunu soġġetti għall-aktar miżuri stretti.

2.   Data personali ta' minuri miġbura jew iġġenerata b'mod ieħor mill-fornituri tas-servizzi tal-media skont il-paragrafu 1 ma għandhiex tiġi pproċessata għal finijiet kummerċjali, bħall-kummerċjalizzazzjoni diretta, it-tfassil ta' profili u r-reklamar immirat skont l-imġiba.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta' servizzi tal-media jipprovdu biżżejjed informazzjoni lit-telespettaturi dwar kontenut li jista' jfixkel l-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tal-minorenni. Għal dan il-għan, il-fornituri tas-servizzi tal-media għandhom jużaw sistema li tiddeskrivi n-natura potenzjalment ta' ħsara tal-kontenut tas-servizzi tal-media awdjoviżiva.

Għall-implimentazzjoni ta' dan il-paragrafu, l-Istati Membri għandhom iħeġġu l-użu tal-koregolamentazzjoni kif previst fl-Artikolu 4a(1).

4.   Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ lill-fornituri tas-servizzi tal-media biex jagħmlu skambju tal-aħjar prattiki dwar kodiċijiet ta' kondotta koregolatorji. L-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jrawmu l-awtoregolamentazzjoni, għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, permezz tal-kodiċijiet ta' kondotta tal-Unjoni kif imsemmija fl-Artikolu 4a(2).”;

(11)

L-Artikolu 7 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 7

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw, mingħajr dewmien żejjed, li s-servizzi pprovduti mill-fornituri ta' servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom isiru kontinwament u progressivament aktar aċċessibbli għall-persuni b'diżabbiltà permezz ta' miżuri proporzjonati.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri tas-servizzi tal-media jirrappurtaw fuq bażi regolari lill-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1. Sad-19 ta' Diċembru 2022 u kull tliet snin wara dan, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-paragrafu 1.

3.   L-Istati Membri għandhom iħeġġu lill-fornituri ta' servizzi tal-media biex jiżviluppaw pjanijiet ta' azzjoni għall-aċċessibbiltà biex kontinwament u progressivament irendu s-servizzi tagħhom aktar aċċessibbli għall-persuni b'diżabbiltà. Kwalunkwe pjan ta' azzjoni bħal dan għandu jkun ikkomunikat lill-awtoritajiet jew lill-korpi regolatorji nazzjonali.

4.   Kull Stat Membru għandu jaħtar punt ta' kuntatt online uniku, li huwa faċilment aċċessibbli, inkluż minn persuni b'diżabbiltà, u disponibbli b'mod pubbliku, fejn tingħata informazzjoni u fejn jaslu lmenti fir-rigward ta' kwalunkwe kwistjoni ta' aċċessibbiltà msemmija f'dan l-Artikolu.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li informazzjoni ta' emerġenza, inkluż komunikazzjonijiet u tħabbir pubbliku f'sitwazzjonijiet ta' diżastri naturali, li ssir disponibbli għall-pubbliku permezz ta' servizzi tal-media awdjoviżiva, tingħata b'mod li huwa aċċessibbli għal persuni b'diżabbiltà.”;

(12)

Jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

“Artikolu 7a

L-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri biex jiżguraw il-prominenza xierqa ta' servizzi tal-media awdjoviżiva ta' interess ġenerali.

Artikolu 7b

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa u proporzjonati biex jiżguraw li s-servizzi tal-media awdjoviżiva pprovduti mill-fornituri ta' servizzi tal-media ma jkunux, mingħajr il-kunsens espliċitu ta' dawk il-fornituri, sovrapposti għal skopijiet kummerċjali jew modifikati.

Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw id-dettalji regolatorji, inkluż eċċezzjonijiet, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda s-salvagwardja tal-interessi leġittimi tal-utenti filwaqt li jitqiesu l-interessi leġittimi tal-fornituri ta' servizzi tal-media li oriġinarjament ipprovdew is-servizzi tal-media awdjoviżiva.”;

(13)

L-Artikolu 9 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 9

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi pprovduti minn fornituri tas-servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

il-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi għandhom ikunu faċilment rikonoxxibbli bħala tali; għandha tiġi pprojbita l-komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva bil-moħbi;

(b)

il-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi ma għandhomx jużaw tekniki subliminali;

(c)

il-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi ma għandhomx:

(i)

jippreġudikaw ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem;

(ii)

jinkludu jew jippromwovu kwalunkwe diskriminazzjoni abbażi ta' sess, razza jew oriġini etnika, nazzjonalità, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali;

(iii)

jinkoraġġixxu mġiba ta' ħsara għas-saħħa jew għas-sigurtà;

(iv)

jinkoraġġixxu mġiba li hija ta' ħsara kbira għall-ħarsien tal-ambjent;

(d)

il-forom kollha ta' komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi għal sigaretti u prodotti oħra tat-tabakk, kif ukoll ta' sigaretti elettroniċi u kontenituri ta' rikarika għandhom jiġu pprojbiti;

(e)

il-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi għal xorb alkoħoliku ma għandhomx ikunu mmirati speċifikament lejn il-minorenni u ma għandhomx jinkoraġġixxu konsum mhux moderat ta' tali xorb;

(f)

il-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi għal prodotti mediċinali u trattament mediku disponibbli biss b'riċetta tat-tabib fl-Istat Membru li l-fornitur ta' servizzi tal-media jaqa' taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu għandhom ikunu pprojbiti;

(g)

il-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi ma għandhomx jikkaġunaw detriment fiżiku, mentali jew morali lill-minorenni; għalhekk huma ma għandhomx iħajru direttament lill-minorenni sabiex jixtru jew jikru prodott jew servizz billi jisfruttaw in-nuqqas ta' esperjenza jew il-kredulità tagħhom, jinkoraġġuhom direttament sabiex jipperswadu lill-ġenituri tagħhom jew lil persuni oħra biex jixtru l-prodotti jew is-servizzi rriklamati, jisfruttaw il-fiduċja speċjali li l-minorenni għandhom fil-ġenituri, l-għalliema jew persuni oħra, jew juru mingħajr raġuni lill-minorenni f'sitwazzjonijiet perikolużi.

2.   Il-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi għal xorb alkoħoliku f'servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand, bl-eċċezzjoni tal-isponsorizzazzjoni u l-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali, għandhom jikkonformaw mal-kriterji stipulati fl-Artikolu 22.

3.   L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-użu tal-koregolamentazzjoni u jrawmu l-awtoregolamentazzjoni permezz ta' kodiċijiet ta' kondotta kif previst fl-Artikolu 4a(1) fir-rigward ta' komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi mhux xierqa għal xorb alkoħoliku. Dawk il-kodiċijiet għandhom jimmiraw li jnaqqsu b'mod effikaċi l-esponiment tal-minorenni għall-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi għal xorb alkoħoliku.

4.   L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-użu tal-koregolamentazzjoni u t-trawwim tal-awtoregolamentazzjoni permezz ta' kodiċijiet ta' kondotta kif previst fl-Artikolu 4a(1) fir-rigward ta' komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi mhux xierqa, li jakkumpanjaw programmi għat-tfal jew huma inklużi fihom, għal ikel u xorb li fihom nutrijenti u sustanzi b'effett nutrizzjonali jew fiżjoloġiku, b'mod partikolari xaħam, xaħam saturat, aċidi xaħmija trans, melħ jew sodju u zokkor, li t-teħid eċċessiv tagħhom fid-dieta ġenerali mhuwiex irrakkomandat.

Dawk il-kodiċijiet għandhom jimmiraw li jnaqqsu b'mod effikaċi l-esponiment tat-tfal għall-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi għal tali ikel u xorb. L-għan tagħhom huwa li tali komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi ma jenfasizzawx il-kwalità pożittiva tal-aspetti nutrizzjonali ta' tali ikel u xorb.

5.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jrawmu l-awtoregolamentazzjoni, għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, permezz tal-kodiċijiet ta' kondotta tal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 4a(2).”;

(14)

l-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Is-servizzi jew il-programmi tal-media awdjoviżiva ma għandhomx jiġu sponsorizzati minn impriżi li l-attività ewlenija tagħhom hija l-manifattura jew il-bejgħ ta' sigaretti u prodotti oħra tat-tabakk, kif ukoll sigaretti elettroniċi u kontenituri ta' rikariki.”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   L-aħbarijiet u l-programmi dwar ġrajjiet kurrenti ma għandhomx ikunu sponsorizzati. L-Istati Membri jistgħu jipprojbixxu l-isponsorizzazzjoni tal-programmi tat-tfal. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jipprojbixxu l-wiri ta' logo ta' sponsorizzazzjoni waqt programmi għat-tfal, dokumentarji u programmi reliġjużi.”;

(15)

L-Artikolu 11 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 11

1.   Dan l-Artikolu għandu japplika biss għal programmi prodotti wara d-19 ta' Diċembru 2009.

2.   L-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali għandha tkun permessa fis-servizzi kollha tal-media awdjoviżiva, ħlief fl-aħbarijiet u fi programmi dwar ġrajjiet kurrenti, fil-programmi dwar affarijiet tal-konsumaturi, fil-programmi reliġjużi u fil-programmi għat-tfal.

3.   Il-programmi li fihom issir l-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

il-kontenut u l-organizzazzjoni tagħhom fi skeda, fil-każ ta' xandir televiżiv, jew f'katalgu fil-każ tas-servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand, ma għandhom, fl-ebda ċirkostanza, jiġu influwenzati b'tali mod li jaffettwa r-responsabbiltà u l-indipendenza editorjali tal-fornitur ta' servizzi tal-media;

(b)

huma ma għandhomx iħeġġu direttament ix-xiri jew il-kiri ta' prodotti jew servizzi, b'mod partikolari billi jagħmlu referenzi promozzjonali speċjali għal dawk il-prodotti jew servizzi;

(c)

huma ma għandhomx jagħtu prominenza mhux dovuta lill-prodott inkwistjoni;

(d)

it-telespettaturi għandhom ikunu mgħarrfa b'mod ċar bl-eżistenza tal-inklużjoni ta' prodott kummerċjali permezz ta' identifikazzjoni xierqa fil-bidu u fit-tmiem tal-programm, u meta programm jerġa' jibda wara waqfa għar-reklami, sabiex tiġi evitata kwalunkwe konfużjoni min-naħa tat-telespettatur.

L-Istati Membri jistgħu jirrinunzjaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punt (d) ħlief għall-programmi prodotti jew ikkummissjonati minn fornitur ta' servizzi tal-media jew minn kumpannija affiljata ma' dak il-fornitur tas-servizzi tal-media.

4.   Fi kwalunkwe każ, fil-programmi ma għandux ikun hemm l-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali ta':

(a)

sigaretti u prodotti oħra tat-tabakk, kif ukoll sigaretti elettroniċi u kontenituri ta' rikarika, jew l-inklużjoni ta' prodott kummerċjali minn impriżi li l-attività ewlenija tagħhom hija l-manifattura jew il-bejgħ ta' dawk il-prodotti;

(b)

prodotti mediċinali jew trattamenti mediċi speċifiċi disponibbli biss b'riċetta tat-tabib fl-Istat Membru li taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu jaqa' l-fornitur tas-servizzi tal-media.”;

(16)

Jitħassar it-titolu tal-Kapitolu IV;

(17)

Jitħassar l-Artikolu 12;

(18)

L-Artikolu 13 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 13

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri tas-servizzi tal-media ta' servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom jiżguraw li l-katalgi tagħhom ikollhom mill-inqas sehem ta' 30 % ta' xogħlijiet Ewropej u li dawk ix-xogħlijiet jingħataw prominenza.

2.   Meta l-Istati Membri jirrikjedu lill-fornituri tas-servizzi tal-media li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom biex jikkontribwixxu finanzjarjament għall-produzzjoni ta' xogħlijiet Ewropej, inkluż b'investiment dirett fil-kontenut u l-kontribuzzjoni għall-fondi nazzjonali, huma jistgħu wkoll jirrikjedu lill-fornituri tas-servizzi tal-media li jimmiraw udjenzi fit-territorji tagħhom, iżda stabbiliti fi Stati Membri oħra, biex jagħmlu kontribuzzjonijiet finanzjarji bħal dawn, li għandhom ikunu proporzjonati u nondiskriminatorji.

3.   Fil-każ imsemmi fil-paragrafu 2, il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha tkun ibbażata biss fuq dħul miksub fl-Istati Membri mmirati. Jekk l-Istat Membru li fih huwa stabbilit il-fornitur jimponi kontribuzzjoni finanzjarja bħal din, dan għandu jqis kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja imposta mill-Istati Membri mmirati. Kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja għandha tkun konformi mal-liġi tal-Unjoni, b'mod partikolari mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

4.   L-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 sad-19 ta' Diċembru 2021 u kull sentejn wara dan.

5.   Il-Kummissjoni għandha, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri u ta' studju indipendenti, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2, b'kunsiderazzjoni tas-suq u tal-iżviluppi teknoloġiċi u tal-objettiv ta' diversità kulturali.

6.   L-obbligu impost skont il-paragrafu 1 u r-rekwiżit fuq fornituri tas-servizzi tal-media li jimmiraw udjenzi fi Stati Membri oħra stabbiliti fil-paragrafu 2 ma għandhomx japplikaw għal fornituri tas-servizzi tal-media bi dħul baxx jew b'udjenza żgħira. L-Istati Membri jistgħu wkoll jirrinunzjaw obbligi jew rekwiżiti bħal dawn fejn ikun imprattikabbli jew mhux ġustifikat minħabba n-natura jew is-suġġett tas-servizzi tal-media awdjoviżiva.

7.   Il-Kummissjoni għandha toħroġ linji gwida rigward il-kalkolu tas-sehem ta' xogħlijiet Ewropej imsemmija fil-paragrafu 1 u rigward id-definizzjoni ta' udjenza żgħira u dħul baxx imsemmija fil-paragrafu 6 wara li tikkonsulta l-Kumitat ta' Kuntatt.”;

(19)

Fl-Artikolu 19, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Spots iżolati ta' reklamar televiżiv u ta' telebejgħ għandhom ikunu ammissibbli f'avvenimenti sportivi. Spots iżolati ta' reklamar televiżiv u ta' telebejgħ, li mhumiex trażmissjonijiet ta' avvenimenti sportivi, għandhom jibqgħu l-eċċezzjoni.”;

(20)

Fl-Artikolu 20, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   It-trażmissjoni ta' films magħmula għat-televiżjoni (esklużi sensiliet, serje u dokumentarji), xogħlijiet ċinematografiċi u programmi tal-aħbarijiet tista' tiġi interrotta minn reklamar televiżiv, minn telebejgħ, jew mit-tnejn, darba waqt kull perijodu skedat ta' mill-inqas 30 minuta. It-trażmissjoni ta' programmi tat-tfal tista' tiġi interrotta minn reklamar televiżiv darba għal kull perijodu skedat ta' mill-inqas 30 minuta, dment li t-tul ta' ħin skedat tal-programm ikun aktar minn 30 minuta. It-trażmissjoni tat-telebejgħ għandha tkun ipprojbita matul il-programmi tat-tfal. Waqt servizzi reliġjużi ma għandu jiddaħħal l-ebda reklamar televiżiv jew telebejgħ.”;

(21)

L-Artikolu 23 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 23

1.   Il-proporzjon ta' spots ta' reklamar televiżiv u spots ta' telebejgħ fil-perijodu bejn is-06.00 u s-18.00 ma għandux jaqbeż 20 % ta' dak il-perijodu. Il-proporzjon ta' spots ta' reklamar televiżiv u spots ta' telebejgħ fil-perijodu bejn is-18.00 u 24.00 ma għandux jaqbeż 20 % ta' dak il-perijodu.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal:

(a)

l-avviżi magħmula mix-xandar b'konnessjoni mal-programmi tiegħu stess u prodotti anċillari meħuda direttament minn dawk il-programmi jew ma' programmi u servizzi tal-media awdjoviżiva minn entitajiet oħra li jappartjenu għall-istess grupp tax-xandir;

(b)

l-avviżi ta' sponsorizzazzjoni;

(c)

l-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali;

(d)

il-frames newtrali bejn il-kontenut editorjali u r-reklamar televiżiv jew l-ispots ta' telebejgħ, u bejn l-ispots individwali.”;

(22)

Il-Kapitolu VIII huwa mħassar;

(23)

Jiddaħħal il-Kapitolu li ġej:

“KAPITOLU IXA

DISPOŻIZZJONIJIET APPLIKABBLI GĦAS-SERVIZZI TA' PJATTAFORMA TA' VIDEO-SHARING

Artikolu 28a

1.   Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, fornitur ta' pjattaforma ta' video-sharing stabbilit fit-territorju ta' Stat Membru skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/31/KE għandu jkun taħt il-ġurisdizzjoni ta' dak l-Istat Membru.

2.   Fornitur ta' pjattaforma ta' video-sharing li mhux stabbilit fit-territorju ta' Stat Membru skont il-paragrafu 1 għandu jitqies li huwa stabbilit fit-territorju ta' Stat Membru għall-finijiet ta' din id-Direttiva jekk dak il-fornitur ta' pjattaforma ta' video-sharing:

(a)

ikollu impriża prinċipali jew impriża sussidjarja li tkun stabbilita fit-territorju ta' dak l-Istat Membru; jew

(b)

huwa parti minn grupp u jkun hemm impriża oħra ta' dak il-grupp li hija stabbilita fit-territorju ta' dak l-Istat Membru.

Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu:

(a)

“impriża prinċipali” tfisser impriża li tikkontrolla impriża sussidjarja waħda jew aktar;

(b)

“impriża sussidjarja” tfisser impriża li tkun ikkontrollata minn impriża prinċipali, inkluż kwalunkwe impriża sussidjarja ta' impriża prinċipali aħħarija;

(c)

“grupp” tfisser impriża prinċipali, l-impriżi sussidjarji kollha tagħha u l-impriżi l-oħra kollha li għandhom rabtiet organizzattivi ekonomiċi u legali magħhom.

3.   Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 2, fejn l-impriża prinċipali, l-impriża sussidjarja jew l-impriżi l-oħra tal-grupp huma kollha stabbiliti fi Stati Membri differenti, il-fornitur ta' pjattaforma ta' video-sharing għandu jitqies li huwa stabbilit fl-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-impriża prinċipali tiegħu jew, fin-nuqqas ta' dan, fl-Istat Membru fejn hija stabbilita l-impriża sussidjarja tiegħu jew, fin-nuqqas ta' stabbiliment bħal dan, fl-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-impriża l-oħra tal-grupp.

4.   Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 3, meta jkun hemm diversi impriżi sussidjarji u kull waħda minnhom hija stabbilita fi Stat Membru differenti, il-fornitur ta' pjattaforma ta' video-sharing għandu jitqies li huwa stabbilit fl-Istat Membru fejn waħda mill-impriżi sussidjarji bdiet l-attività tagħha inizjalment, dment li hija żżomm rabta stabbli u effettiva mal-ekonomija ta' dak l-Istat Membru.

Meta jkun hemm diversi impriżi oħra li huma parti mill-grupp u kull waħda hija stabbilita fi Stat Membru differenti, il-fornitur ta' pjattaforma ta' video-sharing għandu jitqies li huwa stabbilit fl-Istat Membru fejn waħda minn dawn l-impriżi bdiet l-attività tagħha inizjalment, dment li hija żżomm rabta stabbli u effettiva mal-ekonomija ta' dak l-Istat Membru.

5.   Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, l-Artikoli 3 u l-Artikoli 12 sa 15 tad-Direttiva 2000/31/KE għandhom japplikaw għall-fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing meqjusa li huma stabbiliti fi Stat Membru skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

6.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jżommu lista aġġornata tal-fornituri ta' pjattaformi ta' video-sharing stabbiliti jew meqjusa li huma stabbiliti fit-territorju tagħhom u jindikaw fuq liema mill-kriterji stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4 hija bbażata l-ġurisdizzjoni tagħhom. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw dik il-lista, inkluż kwalunkwe aġġornament tagħha, lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li tali listi jsiru disponibbli f'bażi tad-data ċentralizzata. Fil-każ ta' inkonsistenzi bejn il-listi, il-Kummissjoni għandha tikkuntattja lill-Istati Membri kkonċernati sabiex tinstab soluzzjoni. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali jkollhom aċċess għal dik il-bażi tad-data. Il-Kummissjoni għandha tagħmel din l-informazzjoni fil-bażi tad-data disponibbli għall-pubbliku.

7.   Meta, fl-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri kkonċernati ma jaqblux dwar liema Stat Membru għandu ġurisdizzjoni, huma għandhom iressqu l-kwistjoni għall-attenzjoni tal-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed. Il-Kummissjoni tista' titlob lill-ERGA biex jagħti opinjoni dwar il-kwistjoni f'konformità mal-punt (d) tal-Artikolu 30b(3). L-ERGA għandu jagħti tali opinjoni fi żmien 15-il jum ta' ħidma minn meta tiġi ppreżentata t-talba tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Kumitat ta' Kuntatt infurmat kif xieraq.

Artikolu 28b

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 12 sa 15 tad-Direttiva 2000/31/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jipproteġu:

(a)

lill-minorenni minn programmi, videos iġġenerati mill-utenti u komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi li jistgħu jfixklu l-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tagħhom f'konformità mal-Artikolu 6a(1);

(b)

lill-pubbliku ġenerali minn programmi, videos iġġenerati mill-utenti u komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi li fihom inċitament għall-vjolenza jew għall-mibegħda kontra grupp ta' persuni jew membru ta' grupp abbażi ta' kwalunkwe waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 21 tal-Karta;

(c)

lill-pubbliku ġenerali minn programmi, videos maħluqa mill-utenti u komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi li fihom kontenut li d-disseminazzjoni tiegħu tirrappreżenta attività li hija reat kriminali skont il-liġi tal-Unjoni, jiġifieri provokazzjoni pubblika sabiex jitwettaq reat terroristiku kif stabbilit fl-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2017/541, reati li jikkonċernaw il-pedopornografija, kif stabbilit fl-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) u reati li jikkonċernaw ir-razziżmu u l-ksenofobija kif stabbilit fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri tal-pjattaformi ta' video-sharing taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 9(1) fir-rigward tal-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi li jiġu kkummerċjalizzati, jinbiegħu jew jiġu organizzati minn dawk il-fornituri tal-pjattaformi ta' video-sharing.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom jieħdu miżuri xierqa biex jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 9(1) fir-rigward tal-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi li mhumiex ikkummerċjalizzati, mibjugħa jew organizzati minn dawk il-fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing, b'kont meħud tal-kontroll limitat eżerċitat minn dawk il-pjattaformi ta' video-sharing fuq dawk il-komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżivi.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing jinfurmaw b'mod ċar lill-utenti meta l-programmi u l-videos iġġenerati mill-utenti jkun fihom komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi, dment li tali komunikazzjonijiet huma ddikjarati taħt il-punt (c) tat-tielet subparagrafu tal-paragrafu 3 jew il-fornitur jkun jaf dwar dan il-fatt.

L-Istati Membri għandhom iħeġġu l-użu tal-koregolamentazzjoni u t-trawwim tal-awtoregolamentazzjoni permezz ta' kodiċijiet ta' kondotta kif previst fl-Artikolu 4a(1) li għandhom l-għan li jnaqqsu effettivament l-esponiment ta' tfal għal komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi għal ikel u xorb li fihom nutrijenti, u sustanzi b'effett nutrizzjonali jew fiżjoloġiku, b'mod partikolari xaħam, aċidi xaħmija trans, melħ jew sodju u zokkor, li t-teħid eċċessiv tagħhom fid-dieta ġenerali mhuwiex rakkomandat. L-għan ta' dawk il-kodiċijiet għandu jkun li tali komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi ma jenfasizzawx il-kwalità pożittiva tal-aspetti nutrizzjonali ta' tali ikel u xorb.

3.   Għall-iskopijiet tal-paragrafi 1 u 2, il-miżuri xierqa għandhom jiġu ddeterminati fid-dawl tan-natura tal-kontenut inkwistjoni, il-ħsara li jista' jikkawża, il-karatteristiċi tal-kategorija ta' persuni li għandhom jiġu protetti kif ukoll id-drittijiet u l-interessi leġittimi involuti, inkluż dawk tal-fornituri tal-pjattaformi ta' video-sharing u l-utenti li jkunu ħolqu jew tellgħu l-kontenut, kif ukoll l-interess pubbliku ġenerali.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri kollha ta' pjattaformi ta' video-sharing taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom għandhom japplikaw dawk il-miżuri. Dawk il-miżuri għandhom ikunu prattikabbli u proporzjonati, b'kont meħud tad-daqs ta' servizz ta' pjattaforma ta' video-sharing u n-natura tas-servizz li jiġi pprovdut. Dawk il-miżuri ma għandhom iwasslu għall-ebda miżura ta' kontroll ex ante jew filtraġġ tal-kontenut imtella' li ma jikkonformax mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/31/KE. Għall-iskopijiet tal-protezzjoni tal-minuri, prevista fil-punt (a) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-aktar kontenut ta' ħsara għandu jkun soġġett għall-miżuri l-aktar stretti tal-kontroll tal-aċċess.

Dawk il-miżuri għandhom jikkonsistu minn, kif xieraq:

(a)

l-inklużjoni u l-applikazzjoni, fit-termini u l-kondizzjonijiet tas-servizzi ta' pjattaforma ta' video-sharing, tar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1;

(b)

l-inklużjoni u l-applikazzjoni fit-termini u l-kondizzjonijiet tas-servizzi tal-pjattaforma ta' video-sharing tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 9(1) għal komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi li ma jiġux ikkummerċjalizzati, ma jinbiegħux jew ma jiġux organizzati mill-fornituri tal-pjattaformi ta' video-sharing;

(c)

il-pussess ta' funzjonalità għal utenti li jtellgħu videos iġġenerati mill-utent biex jiddikjaraw jekk tali videos fihomx, sa fejn jafu huma jew sa fejn jista' jkun raġonevolment mistenni li jkunu jafu, komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi;

(d)

l-istabbiliment u t-tħaddim ta' mekkaniżmi trasparenti u b'użu faċli għall-utenti ta' pjattaforma ta' video-sharing biex jirrappurtaw jew jagħtu sinjal lill-fornitur tal-pjattaforma ta' video-sharing ikkonċernat bil-kontenut imsemmi fil-paragrafu 1 provdut fil-pjattaforma tiegħu;

(e)

l-istabbiliment u t-tħaddim ta' sistemi li permezz tagħhom il-fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing jispjegaw lill-utenti ta' pjattaformi ta' video-sharing x'effett ikun ingħata għar-rappurtar u l-għoti ta' sinjal imsemmija fil-punt (d);

(f)

l-istabbiliment u t-tħaddim ta' sistemi ta' verifika tal-età għall-utenti ta' pjattaformi ta' video-sharing fir-rigward ta' kontenut li jista' jfixkel l-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tal-minorenni;

(g)

l-istabbiliment u t-tħaddim ta' sistemi faċli biex jintużaw u li jippermettu lill-utenti ta' pjattaformi ta' video-sharing biex jikklassifikaw il-kontenut imsemmi fil-paragrafu 1;

(h)

il-provvediment għal sistemi ta' kontroll mill-ġenituri li jkunu taħt il-kontroll tal-utent finali fir-rigward ta' kontenut li jista' jfixkel l-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tal-minorenni;

(i)

l-istabbiliment u t-tħaddim ta' proċeduri trasparenti, faċli li jintużaw u effikaċi għall-ġestjoni u għar-riżoluzzjoni ta' lmenti mill-utenti lill-fornitur tal-pjattaforma ta' video-sharing fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fil-punti (d) sa (h);

(j)

il-provvediment għal miżuri u għodod effikaċi ta' litteriżmu fil-media u s-sensibilizzazzjoni tal-utenti dwar dawk il-miżuri u l-għodod.

Data personali ta' minorenni miġbura jew iġġenerata b'mod ieħor mill-fornituri ta' pjattaformi ta' video-sharing skont il-punti (f) u (h) tat-tielet subparagrafu ma għandhiex tiġi pproċessata għal finijiet kummerċjali, bħall-kummerċjalizzazzjoni diretta, it-tfassil ta' profili u r-reklamar immirat skont l-imġiba.

4.   Għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 3 ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom iħeġġu l-użu tal-koregolamentazzjoni kif previst fl-Artikolu 4a(1).

5.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-mekkaniżmi meħtieġa biex jivvalutaw l-adegwatezza tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 3 meħudin minn fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing. L-Istati Membri għandhom jinkarigaw lill-awtoritajiet jew lill-korpi regolatorji nazzjonali bil-valutazzjoni ta' dawk il-miżuri.

6.   L-Istati Membri jistgħu jimponu fuq il-fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing miżuri li huma aktar dettaljati jew stretti mill-miżuri msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu. Meta jadottaw tali miżuri, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni applikabbli, bħal pereżempju dawk stabbiliti fl-Artikoli 12 sa 15 tad-Direttiva 2000/31/KE jew fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2011/93/UE.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mekkaniżmi ta' rimedju barra mill-qorti jkunu disponibbli għas-soluzzjoni ta' tilwim bejn l-utenti u l-fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing b'rabta mal-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 3. Mekkaniżmi bħal dawn għandhom jagħmluha possibbli li t-tilwimiet jiġu solvuti b'mod imparzjali u m'għandhomx iċaħħdu lill-utent mill-protezzjoni legali mogħtija mil-liġi nazzjonali.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti jkunu jistgħu jasserixxu d-drittijiet tagħhom quddiem qorti fir-rigward ta' fornituri ta' pjattaforma ta' video-sharing skont il-paragrafi 1 u 3.

9.   Il-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi lill-fornituri ta' pjattaformi ta' video-sharing biex jagħmlu skambju tal-aħjar prattiki dwar il-kodiċijiet ta' kondotta koregolatorji msemmija fil-paragrafu 4.

10.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jrawmu l-awtoregolamentazzjoni permezz tal-kodiċijiet ta' kondotta tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 4a(2).

(*1)  Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI (ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1).”"

(24)

It-titolu tal-Kapitolu XI huwa sostitwit b'dan li ġej:

AWTORITAJIET UKORPI REGOLATORJI TAL-ISTATI MEMBRI”;

(25)

L-Artikolu 30 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 30

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità jew korp regolatorju nazzjonali wieħed jew aktar, jew it-tnejn. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li huma legalment distinti mill-gvern u funzjonalment indipendenti mill-gvernijiet rispettivi tagħhom u minn kwalunkwe korp pubbliku jew privat ieħor. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Membri jistabbilixxu awtoritajiet regolatorji li jissorveljaw setturi differenti.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b'mod imparzjali u trasparenti u skont l-objettivi ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari l-pluraliżmu tal-media, id-diversità kulturali u lingwistika, il-protezzjoni tal-konsumatur, l-aċċessibbiltà, in-nondiskriminazzjoni, il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u l-promozzjoni ta' kompetizzjoni ġusta.

L-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali ma għandhomx ifittxu jew jieħdu istruzzjonijiet mill-ebda korp ieħor b'rabta mal-eżerċizzju tal-kompiti assenjati lilhom taħt il-liġi nazzjonali li timplimenta l-liġi tal-Unjoni. Dan ma għandux jipprevjeni is-superviżjoni skont il-liġi kostituzzjonali nazzjonali.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kompetenzi u s-setgħat tal-awtoritajiet jew tal-korpi regolatorji nazzjonali, kif ukoll il-modi ta' kif jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom ikunu definiti b'mod ċar fil-liġi.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali jkollhom riżorsi finazjarji u umani u setgħat ta' infurzar adegwati biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom b'mod effikaċi u jikkontribwixxu għall-ħidma tal-ERGA. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali jingħataw il-baġits annwali tagħhom stess, li għandhom isiru pubbliċi.

5.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu fil-liġi nazzjonali tagħhom il-kondizzjonijiet u l-proċeduri għall-ħatra u għat-tkeċċija tal-kapijiet ta' awtoritajiet u ta' korpi regolatorji nazzjonali jew tal-membri tal-korp kolleġġjali li jaqdu tali funzjoni, inkluż it-tul ta' żmien tal-mandat. Il-proċeduri għandhom ikunu trasparenti, nondiskriminatorji u jiggarantixxu l-grad rikjest ta' indipendenza. Il-kap ta' awtorità jew korp regolatorju nazzjonali jew il-membri tal-korp kolleġġjali li jissodisfaw dik il-funzjoni fi ħdan awtorità jew korp regolatorju nazzjonali, jistgħu jitkeċċew jekk ma jibqgħux jissodisfaw il-kondizzjonijiet meħtieġa għall-prestazzjoni tal-kompiti tagħhom li huma stabbiliti minn qabel fil-livell nazzjonali. Deċiżjoni ta' tkeċċija għandha tkun debitament ġustifikata, soġġetta għal notifika minn qabel u tkun disponibbli għall-pubbliku.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mekkaniżmi ta' appell effikaċi fil-livell nazzjonali. Il-korp ta' appell, li jista' jkun qorti, għandu jkun indipendenti mill-partijiet involuti fl-appell.

Sakemm ikun magħruf l-eżitu tal-appell, id-deċiżjoni tal-awtorità jew il-korp regolatorju nazzjonali għandha tibqa' valida, sakemm ma jingħatawx miżuri interim skont il-liġi nazzjonali.”;

(26)

Jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

“Artikolu 30a

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali jieħdu miżuri adegwati biex jipprovdu lil xulxin u lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3 u 4.

2.   Fil-kuntest tal-iskambju ta' informazzjoni skont il-paragrafu 1, meta l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali jirċievu informazzjoni minn fornitur ta' servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom li ser jipprovdi servizz kompletament jew fil-biċċa l-kbira tiegħu dirett lejn l-udjenza ta' Stat Membru ieħor, l-awtorità jew il-korp regolatorju nazzjonali fl-Istat Membru li jkollu l-ġurisdizzjoni għandu jinforma lill-awtorità jew lill-korp regolatorju nazzjonali tal-Istat Membru fil-mira.

3.   Jekk l-awtorità jew il-korp regolatorju ta' Stat Membru li t-territorju tiegħu jinsab fil-mira ta' servizz ta' fornitur ta' servizz tal-media taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru ieħor jibgħat talba li tikkonċerna l-attivitajiet ta' dak il-fornitur lill-awtorità jew korp regolatorju tal-Istat Membru li jkollu ġurisdizzjoni fuqu, l- awtorità jew il-korp regolatorju tal-aħħar għandu jagħmel l-almu tiegħu biex jindirizza t-talba fi żmien xahrejn, mingħajr preġudizzju għal-limiti ta' żmien aktar stretti applikabbli skont din id-Direttiva. Meta mitluba, l-awtorità jew il-korp regolatorju tal-Istat Membru fil-mira għandu jipprovdi kwalunkwe informazzjoni lill-awtorità jew lill-korp regolatorju tal-Istat Membru li jkollu l-ġurisdizzjoni li tista' tassistih biex jindirizza t-talba.

Artikolu 30b

1.   Il-Grupp ta' Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (ERGA) huwa b'dan stabbilit.

2.   Huwa għandu jkunu magħmul minn rappreżentati ta' awtoritajiet jew korpi regolatorji nazzjonali fil-qasam tas-servizzi tal-media awdjoviżiva bir-responsabbiltà primarja għas-sorveljanza tas-servizzi tal-media awdjoviżiva, jew fejn m'hemmx awtorità jew korp regolatorju nazzjonali, minn rappreżentanti oħra kif magħżul permezz tal-proċeduri tagħhom. Rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jieħu sehem fil-laqgħat tal-ERGA.

3.   L-ERGA għandu jkollu l-kompiti li ġejjin:

(a)

jipprovdi l-għarfien tekniku espert lill-Kummissjoni:

fil-kompitu tagħha li tiżgura implimentazzjoni konsistenti ta' din id-Direttiva fl-Istati Membri kollha,

dwar kwistjonijiet relatati mas-servizzi tal-media awdjoviżiva fl-ambitu tal-kompetenza tagħha;

(b)

jipprovdi skambju ta' esperjenza u l-aħjar prattiki rigward l-applikazzjoni tal-qafas regolatorju għas-servizzi tal-media awdjoviżiva, inkluż dak dwar l-aċċessibbiltà u l-litteriżmu tal-media;

(c)

jikkoopera u jipprovdi lill-membri tiegħu bl-informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari fir-rigward tal-Artikoli 3, 4 u 7;

(d)

jagħti opinjonijiet, meta mitlub mill-Kummissjoni, dwar l-aspetti tekniċi u fattwali tal-kwistjonijiet skont l-Artikolu 2(5c), l-Artikolu 3(2) u (3), il-punt (c) tal-Artikolu 4(4) u l-Artikolu 28a(7).

4.   L-ERGA għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.”;

(27)

L-Artikolu 33 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 33

Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-applikazzjoni mill-Istati Membri ta' din id-Direttiva.

Mhux aktar tard mid-19 ta' Diċembru 2022, u kull tliet snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

Mhux aktar tard mid-19 ta' Diċembru 2026, il-Kummissjoni għandha tippreżenta evalwazzjoni ex-post lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, akkumpanjata fejn xieraq minn proposti għar-rieżami tagħha, dwar l-impatt ta' din id-Direttiva u l-valur miżjud tagħha.

Il-Kummissjoni għandha żżomm il-Kumitat ta' Kuntatt u l-ERGA debitament infurmati dwar il-ħidma u l-attivitajiet ta' xulxin.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-informazzjoni li tasal mingħand l-Istati Membri dwar kwalunkwe miżura li jkunu ħadu fl-oqsma kkoordinati minn din id-Direttiva tiġi kkomunikata lill-Kumitat ta' Kuntatt u l-ERGA.”;

(28)

Jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 33a

1.   L-Istati Membri għandhom jippromwovu u jieħdu miżuri għall-iżvilupp ta' ħiliet fil-litteriżmu fil-media.

2.   Sad-19 ta' Diċembru 2022 u kull tliet snin wara dan, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-paragrafu 1.

3.   Il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta mal-Kumitat ta' Kuntatt, toħroġ linji gwida dwar il-kamp ta' applikazzjoni ta' tali rapporti.”.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sad-19 ta' Settembru 2020. Għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir it-tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta' Novembru 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

K. EDTSTADLER


(1)  ĠU C 34, 2.2.2017, p. 157.

(2)  ĠU C 185, 9.6.2017, p. 41.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Ottubru 2018 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2018.

(4)  Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE tat-3 ta' Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta' attivitajiet ta' xandir bit-televiżjoni (ĠU L 298, 17.10.1989, p. 23).

(5)  Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) (ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1).

(6)  Direttiva 2007/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2007 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta' attivitajiet ta' xandir bit-televiżjoni (ĠU L 332, 18.12.2007, p. 27).

(7)  Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali, (ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55).

(8)  Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6).

(9)  Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(10)  Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal Internet miftuħ u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta' komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 310, 26.11.2015, p. 1).

(11)  Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1).

(12)  Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”) (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22).

(13)  Direttiva 2003/33/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2003 dwar it-tqarrib lejn xulxin tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mar-reklamar u l-patrunaġġ tal-prodotti tat-tabakk (ĠU L 152, 20.6.2003, p. 16).

(14)  Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (ĠU L 127, 29.4.2014, p. 1).

(15)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 462 finali tat-3 ta' Frar 2014 dwar it-twaqqif tal-Grupp Ewropew ta' Regolaturi għas-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva.

(16)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.