14.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 150/100


DIRETTIVA (UE) 2018/850 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-30 ta’ Mejju 2018

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE dwar ir-rimi ta’ skart f’landfills

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

L-immaniġġjar tal-iskart fl-Unjoni jenħtieġ li jittejjeb, bil-ħsieb li titħares, tinżamm u titjieb il-kwalità tal-ambjent, tkun protetta s-saħħa tal-bniedem, tkun żgurata utilizzazzjoni prudenti, effiċjenti u razzjonali tar-riżorsi naturali, jiġu promossi l-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari, tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u titnaqqas id-dipendenza tal-Unjoni fuq riżorsi importati.

(2)

Il-miri stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE (4) li tistabbilixxi restrizzjonijiet fl-użu ta’ landfills jenħtieġ li jiġu msaħħa sabiex jirriflettu aħjar l-ambizzjoni tal-Unjoni li timxi lejn ekonomija ċirkolari, u tagħmel progress fl-implimentazzjoni tal-Inizjattiva tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Novembru 2008 dwar “L-inizjattiva tas-swieq tal-materja prima: nilħqu l-ħtiġijiet kritiċi tagħna għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-Ewropa billi tnaqqas gradwalment għal livell minimu r-rimi f’landfills tal-iskart maħsub għal-landfills għal skart mhux perikoluż. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw li tali tnaqqis jidħol fl-ambitu ta’ politika integrata li tiżgura l-applikazzjoni tajba tal-ġerarkija tal-iskart, issaħħaħ il-qalba lejn il-prevenzjoni, inkluż l-użu mill-ġdid, il-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ u tipprevjeni bidla mir-rimi f’landfills għall-inċinerazzjoni.

(3)

Biex tiġi żgurata aktar koerenza fil-liġi tal-Unjoni dwar l-iskart, jenħtieġ li d-definizzjonijiet stipulati fid-Direttiva 1999/31/KE jiġu allinjati, meta jkun rilevanti, ma’ dawk fid-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(4)

Id-definizzjoni eżistenti ta’ “abitat iżolat” jenħtieġ li tiġi adattata fir-rigward tar-reġjuni ultraperiferiċi, sabiex jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta’ tali abitat, li jqajmu preokkupazzjonijiet differenti materjalment minn perspettiva ambjentali meta mqabbla ma’ reġjuni oħra.

(5)

Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 1999/31/KE jenħtieġ li jkun allinjat ma’ dak tad-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u jenħtieġ li jkompli jkopri r-rimi tal-iskart mill-industriji estrattivi li mhumiex koperti bid-Direttiva 2006/21/KE.

(6)

Żieda fir-restrizzjoni tar-rimi f’landfills, li tibda minn flussi tal-iskart li huma soġġetti għal ġbir separat, bħal plastik, metall, ħġieġ, karta u, bijoskart tissarraf f’benefiċċji ċari mil-lat ambjentali, ekonomiku u soċjali. Fl-implimentazzjoni ta’ dawk ir-restrizzjonijiet tar-rimi f’landfills, jenħtieġ li titqies il-vijabbiltà teknika, ambjentali u ekonomika tar-riċiklaġġ, jew ta’ rkupru ieħor tal-iskart residwu li jirriżulta mill-iskart miġbur b’mod separat.

(7)

L-iskart muniċipali bijodegradabbli jirrappreżenta proporzjon kbir tal-iskart muniċipali. Ir-rimi f’landfills tal-iskart bijodegradabbli mingħajr trattament joħloq effetti ambjentali negattivi ħafna fil-forma ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u t-tniġġis tal-ilma tal-wiċċ, tal-ilma tal-pjan, tal-ħamrija u tal-arja. Minkejja li d-Direttiva 1999/31/KE diġà tistabbilixxi miri ta’ evitar tal-landfills għall-iskart bijodegradabbli, jixraq li jiġu implimentati aktar restrizzjonijiet fuq ir-rimi f’landfills tal-iskart bijodegradabbli billi jiġi pprojbit ir-rimi f’landfills tal-iskart bijodegradabbli li jkun inġabar b’mod separat għar-riċiklaġġ skont id-Direttiva 2008/98/KE.

(8)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tal-ġerarkija tal-iskart, jenħtieġ li jittieħdu miżuri xierqa biex, mill-2030, japplikaw restrizzjonijiet fuq ir-rimi f’landfills għall-iskart kollu li huwa adattat għar-riċiklaġġ jew għall-irkupru ieħor ta’ materjal jew tal-enerġija. Dawk ir-restrizzjonijiet jenħtieġ li ma japplikawx meta jista’ jintwera li l-iskart ma jkunx adattat għar-riċiklaġġ jew irkupru ieħor u li r-rimi f’landfills jwassal għall-aqwa eżitu ambjentali ġenerali f’konformità mal-ġerarkija tal-iskart stabbilita fid-Direttiva 2008/98/KE.

(9)

Għadd ta’ Stati Membri għadhom ma żviluppawx għalkollox l-infrastruttura meħtieġa għall-immaniġġjar tal-iskart. L-istabbiliment ta’ miri ta’ tnaqqis tar-rimi f’landfills jirrikjedi bidliet kbar fl-immaniġġjar tal-iskart f’ħafna Stati Membri u jiffaċilita progress u investiment ulterjuri fil-ġbir separat, is-separazzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart, u jevita li jsakkar materjali riċiklabbli fil-livell l-aktar baxx tal-ġerarkija tal-iskart.

(10)

Jenħtieġ tnaqqis progressiv tar-rimi f’landfills sabiex jiġu pprevenuti impatti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent u sabiex jiġi żgurat li l-materjali ta’ skart b’siwi ekonomiku jiġu rkuprati progressivament u b’mod effettiv, permezz ta’ mmaniġġjar tajjeb tal-iskart, u bi qbil mal-ġerarkija tal-iskart kif stabbilit fid-Direttiva 2008/98/KE. Dak it-tnaqqis jenħtieġ li jevita l-iżvilupp ta’ kapaċità eċċessiva għall-faċilitajiet ta’ trattament tal-iskart residwu, fost l-oħrajn permezz tal-irkupru tal-enerġija jew it-trattament bijoloġiku mekkaniku ta’ livell baxx tal-iskart muniċipali mhux ittrattat, billi dan jista’ jhedded il-preparazzjoni fit-tul tal-Unjoni għall-ksib tal-miri ta’ użu mill-ġdid u ta’ riċiklaġġ għall-iskart muniċipali, kif stipulat fid-Direttiva 2008/98/KE. B’mod simili, filwaqt li sabiex jiġu pprevenuti impatti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li fil-landfills jintrema biss dak l-iskart li jkun għadda minn trattament, jenħtieġ li l-konformità ma’ dan l-obbligu ma jwassalx għall-ħolqien ta’ kapaċitajiet eċċessivi għat-trattament tal-iskart muniċipali residwu. Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn il-miri stipulati fid-Direttiva 2008/98/KE u l-mira ta’ tnaqqis tar-rimi f’landfills stipulata fid-Direttiva 1999/31/KE, kif emendata b’din id-Direttiva, u biex jiġi żgurat ippjanar ikkoordinat tal-infrastrutturi u l-investimenti meħtieġa biex jintlaħqu dawk il-miri, l-Istati Membri li, skont id-data rrappurtata fil-Kwestjonarju Konġunt tal-OECD u l-Eurostat, remew f’landfills aktar minn 60 % tal-iskart muniċipali tagħhom fl-2013 jenħtieġ li jitħallew jiddeċiedu li jestendu ż-żmien għall-konformità mal-mira dwar ir-rimi f’landfills stabbilita għall-2035.

(11)

Sabiex tiġi żgurata l-affidabbiltà tad-data, huwa importanti li jiġu stipulati b’mod aktar preċiż ir-regoli li skonthom l-Istati Membri jenħtieġ li jirrappurtaw l-iskart muniċipali li ġie mormi f’landfills. Jenħtieġ li r-rappurtar ikun ibbażat fuq l-ammont ta’ skart muniċipali mormi f’landfills wara operazzjonijiet ta’ trattament biex tali skart jitħejja għal rimi sussegwenti f’terraferma, bħall-istabbilizzazzjoni tal-iskart muniċipali bijodegradabbli, u fuq l-ammont ta’ skart li jidħol f’impjanti ta’ rimi b’inċinerazzjoni. Fir-rigward tal-iskart muniċipali li jidħol f’impjanti ta’ trattament qabel ir-riċiklaġġ u l-irkupru tal-iskart, bħas-separazzjoni u t-trattament mekkaniku, l-iskart li jirriżulta minn tali operazzjonijiet li finalment jintrema f’landfills jenħtieġ li jitqies ukoll għall-finijiet tal-kalkolu tal-mira dwar ir-rimi f’landfills.

(12)

Meta jimplimentaw l-obbligu stabbilit fid-Direttiva 1999/31/KE biex jiġi żgurat it-trattament tal-iskart qabel ir-rimi f’landfills, jenħtieġ li l-Istati Membri japplikaw l-aktar trattament xieraq, inkluża l-istabbilizzazzjoni tal-parti organika tal-iskart, sabiex jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-effetti negattivi tar-rimi f’landfills ta’ skart bħal dan fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem. Meta jivvalutaw l-adegwatezza ta’ trattament, jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu l-miżuri diġà implimentati biex jitnaqqsu dawk l-effetti negattivi, b’mod partikolari s-separazzjoni tal-bijoskart u l-ġbir separat tal-karta u l-kartun.

(13)

Sabiex tkun żgurata implimentazzjoni aħjar, aktar f’waqtha, u aktar uniformi ta’ din id-Direttiva u sabiex tiġi antiċipata kwalunkwe dgħufija fl-implimentazzjoni, jenħtieġ li titwaqqaf sistema ta’ rapporti ta’ twissija bikrija sabiex jiġu identifikati n-nuqqasijiet u tkun tista’ tittieħed azzjoni qabel l-iskadenzi għall-ilħiq tal-miri.

(14)

Sabiex tgħin biex jintlaħqu l-objettivi tad-Direttiva 1999/31/KE, u biex tagħti spinta lit-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, il-Kummissjoni jenħtieġ li tippromwovi l-koordinazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni u l-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri u setturi differenti tal-ekonomija.

(15)

Ir-rapporti tal-implimentazzjoni li jħejju l-Istati Membri kull tliet snin urew li mhumiex għodda effettiva biex tkun verifikata l-konformità jew żgurata implimentazzjoni tajba, u dawn qed joħolqu piżijiet amministrattivi żejda. Għaldaqstant, jixraq li jitħassru d-dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-Istati Membri jipproduċu tali rapporti. Minflok, il-monitoraġġ tal-konformità jenħtieġ li jissejjes esklussivament fuq id-data li l-Istati Membri jirrappurtaw kull sena lill-Kummissjoni.

(16)

Id-data li jirrappurtaw l-Istati Membri hi essenzjali biex il-Kummissjoni tivvaluta l-konformità mal-liġi tal-Unjoni dwar l-iskart mill-Istati Membri. Il-kwalità, l-affidabbiltà u l-paragunabbiltà tad-data jenħtieġ li jittejbu billi jiġi introdott punt ta’ dħul wieħed għad-data kollha dwar l-iskart, billi jitħassru rekwiżiti ta’ rappurtar li m’għadhomx jgħoddu, billi ssir valutazzjoni komparattiva tal-metodoloġiji nazzjonali tar-rappurtar, u billi jiġi introdott rapport ta’ verifika tal-kwalità tad-data. Ir-rappurtar affidabbli tad-data dwar l-immaniġġjar tal-iskart huwa kruċjali għal implimentazzjoni effiċjenti, għal ippjanar tajjeb tal-infrastruttura tat-trattament tal-iskart, u biex tkun żgurata l-paragunabbiltà tad-data fost l-Istati Membri. Għaldaqstant, meta jirrappurtaw dwar l-ilħiq tal-miri stipulati fid-Direttiva 1999/31/KE, kif emendata b’din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Istati Membri jużaw ir-regoli l-aktar riċenti li jkunu żviluppaw mill-Kummissjoni u l-metodoloġiji żviluppati mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali rispettivi, responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(17)

Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 1999/31/KE, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni fir-rigward tal-Artikoli 5a(4) u 15(5) u l-Artikoli 15b u 15c tagħha kif emendati b’din id-Direttiva. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(18)

Minħabba li l-għanijiet ta’ din id-Direttiva,jiġifieri li ttejjeb l-immaniġġjar tal-iskart fl-Unjoni, u b’hekk tikkontribwixxi għall-protezzjoni, il-preżervazzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent, kif ukoll għall-użu prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu minħabba l-iskala u l-effetti tal-miżuri, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformitaà mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(19)

Jenħtieġ għalhekk li d-Direttiva 1999/31/KE tiġi emendata skont dan.

(20)

Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar dokumenti ta’ spjegazzjoni (8), l-Istati Membri ntrabtu li, f’każijiet ġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ tali dokumenti hija ġġustifikata,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi

Id-Direttiva 1999/31/KE hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Bil-għan li tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni tal-Unjoni għal ekonomija ċirkolari u li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), u b’mod partikolari l-Artikoli 4 u 12 tagħha, l-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tiżgura tnaqqis progressiv tar-rimi tal-iskart f’landfills, b’mod partikolari tal-iskart li huwa adattat għar-riċiklaġġ jew għal xi tip ta’ rkupru ieħor, u, permezz ta’ rekwiżiti tekniċi u operattivi stretti dwar l-iskart u r-rimi f’landfills, li tipprevedi miżuri, proċeduri u gwida biex jiġu evitati jew imnaqqsa kemm jista’ jkun l-effetti negattivi fuq l-ambjent, b’mod partikolari t-tniġġis tal-ilma tal-wiċċ, l-ilma tal-pjan, il-ħamrija u l-arja, u fuq l-ambjent globali, inkluż l-effett serra, kif ukoll kwalunkwe riskju sussegwenti għas-saħħa tal-bniedem, mir-rimi tal-iskart f’landfills, tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-landfill.

(*1)  Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill td-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).”;"

(2)

l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

għandhom japplikaw id-definizzjonijiet ta’ “skart”, “skart perikoluż”, “skart mhux perikoluż”, “skart muniċipali”, “produttur tal-iskart”, “detentur tal-iskart”, “maniġġar tal-iskart”, “ġbir separat”, “irkupru”, “preparazzjoni għal użu mill-ġdid”, “riċiklaġġ” u “rimi” stipulati fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98/KE;”

(b)

il-punti (b), (c), (d) u (n) huma mħassra;

(c)

fil-punt (r), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Fir-reġjuni ultraperiferiċi fis-sens tal-Artikolu 349 tat-Trattat, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw id-definizzjoni li ġejja:

“abitat iżolat” tfisser abitat:

b’mhux aktar min 2 000 abitant għal kull abitat u mhux aktar min ħames abitanti għal kull kilometru kwadru, jew b’aktar minn 2 000 abitant iżda b’anqas minn 5 000 abitant għal kull abitat u mhux aktar minn ħames abitanti għal kull kilometru kwadru u li l-produzzjoni tal-iskart tagħhom ma taqbiżx it-3 000 tunnellata fis-sena; u

fejn id-distanza għall-eqreb agglomerazzjoni urbana b’tal-anqas 250 abitanti għal kull kilometru kwadru ma tkunx anqas minn 100 km u mingħajr aċċess bit-triq.”;

(3)

l-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, l-aħħar inċiż huwa mħassar;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-immaniġġjar tal-iskart mill-industriji estrattivi bbażati fuq l-art, jiġifieri l-iskart li jinħoloq mill-prospettar, l-estrazzjoni, anke fl-istadju ta’ żvilupp ta’ qabel il-produzzjoni, it-trattament u l-ħażna tar-riżorsi minerali u mill-użu tal-barrieri għandu jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jekk jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ atti leġiżlattivi oħra tal-Unjoni.”;

(4)

L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, is-subparagrafu li ġej huwa mħassar:

“Sentejn qabel id-data riferuta fil-paragrafu (ċ) il-Kunsill għandu jeżamina mill-ġdid l-iskopijiet ta’ hawn fuq, fuq il-bażi ta’ rapport mill-Kummissjoni dwar l-esperjenza prattika miksuba mill-Istati Membri magħmula fl-iskopijiet stipulati fil-paragrafi (a) u (b) flimkien, jekk ikun xieraq, bi proposta bl-iskop li jikkonfermaw jew jemendaw dan l-għan sabiex jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali.”;

(b)

fil-paragrafu 3, jiżdied il-punt li ġej:

“(f)

skart li jkun inġabar b’mod separat għall-preparazzjoni għal użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2008/98/KE u l-Artikolu 22 ta’ dik id-Direttiva, bl-eċċezzjoni tal-iskart li jirriżulta minn operazzjonijiet ta’ trattament sussegwenti tal-iskart miġbur b’mod separat li għalih ir-rimi f’terraferma jagħti l-aħjar eżitu ambjentali f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dik id-Direttiva.”;

(c)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jiżguraw li mill-2030 ’il quddiem, l-iskart kollu li jkun adattat għar-riċiklaġġ jew għal irkupru ieħor, b’mod partikolari l-iskart muniċipali, m’għandux jiġi aċċettat f’landfill bl-eċċezzjoni tal-iskart li għalih ir-rimi f’landfills jagħti l-aħjar eżitu ambjentali f’konformità mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/98/KE.

L-Istati Membri għandhom jinkludu informazzjoni dwar il-miżuri meħuda skont dan il-paragrafu fil-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-iskart imsemmija fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 2008/98/KE, jew f’dokumenti strateġiċi oħra li jkopru t-territorju sħiħ tal-Istat Membru kkonċernat.”;

(d)

Jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“5.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, sal-2035, l-ammont tal-iskart muniċipali mormi f’landfills ikun naqas għal 10 % jew anqas tal-ammont totali tal-iskart muniċipali ġġenerat (skont il-piż).

6.   Stat Membru jista’ jipposponi l-iskadenza biex tintlaħaq il-mira msemmija fil-paragrafu 5 b’massimu ta’ ħames snin bil-kondizzjoni li dak l-Istat Membru:

(a)

ikun rema f’landfills aktar minn 60 % tal-iskart muniċipali tiegħu ġġenerat fl-2013 kif rappurtat fil-Kwestjonarju Konġunt tal-OECD u l-Eurostat; u

(b)

sa mhux aktar tard minn 24 xahar qabel l-iskadenza stipulata fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, jinnotifika lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu li jipposponi l-iskadenza u jissottometti pjan ta’ implimentazzjoni skont l-Anness IV għal din id-Direttiva. Dak il-pjan jista’ jiġi akkumpanjat bi pjan ta’ implimentazzjoni ppreżentat skont il-punt (b) tal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2008/98/KE.

7.   Fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi l-pjan ta’ imlimentazzjoni ppreżentat skont il-punt (b) tal-paragrafu 6, il-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru jirrevedi dak il-pjan jekk il-Kummissjoni tqis li l-pjan ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Anness IV. L-Istat Membru kkonċernat għandu jippreżenta pjan rivedut fi żmien tliet xhur minn meta jirċievi t-talba tal-Kummissjoni.

8.   F’każ ta’ posponiment tal-iskadenza f’konformità mal-paragrafu 6, l-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex, sal-2035, inaqqas l-ammont ta’ skart muniċipali mormi f’landfills għal 25 % jew anqas tal-ammont totali tal-iskart muniċipali ġġenerat (skont il-piż).

9.   Sal-31 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni għandha teżamina mill-ġdid il-mira stabbilita fil-paragrafu 5 bil-għan li żżommha jew, jekk ikun xieraq, tnaqqasha, tqis mira kwantitattiva per capita dwar ir-rimi f’landfills u ddaħħal restrizzjonijiet għar-rimi f’landfills ta’ skart mhux perikoluż minbarra dak muniċipali. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, akkumpanjat, fejn xieraq, minn proposta leġiżlattiva.”;

(5)

jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

“Artikolu 5a

Regoli dwar il-kalkolu tal-ilħiq tal-miri

1.   Għall-fini tal-kalkolu ta’ jekk intlaħqux il-miri stipulati fl-Artikolu 5(5) u (6):

(a)

il-piż tal-iskart muniċipali ġġenerat u meħud għar-rimi f’landfills għandu jiġi kkalkulat f’sena kalendarja speċifika;

(b)

il-piż tal-iskart li jirriżulta minn operazzjonijiet ta’ trattament qabel ir-riċiklaġġ jew irkupru ieħor ta’ skart muniċipali, bħas-separazzjoni jew it-trattament bijoloġiku mekkaniku, li sussegwentement jintrema f’landfills għandu jiġi inkluż fil-piż tal-iskart muniċipali rrappurtat bħala mormi f’landfills;

(c)

il-piż tal-iskart muniċipali li jidħol fl-impjanti ta’ rimi b’inċinerazzjoni u l-piż tal-iskart prodott fl-operazzjonijiet ta’ stabbilizzazzjoni tal-parti bijodegradabbli tal-iskart muniċipali sabiex sussegwentement jiġi mormi f’tlandfills għandu jiġi rrappurtat bħala mormi f’landfills;

(d)

il-piż tal-iskart prodott matul operazzjonijiet ta’ riċiklaġġ jew ta’ rkupru ieħor tal-iskart muniċipali li sussegwentement jintrema f’landfills m’għandux jiġi inkluż fil-piż tal-iskart muniċipali rrappurtat bħala mormi f’landfills.

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema effettiv ta’ kontroll tal-kwalità u ta’ traċċabilità tal-iskart muniċipali mormi f’landfills sabiex jiżguraw li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Huma jistgħu jużaw is-sistema stabbilita f’konformità mal-Artikolu 11a(3) tad-Direttiva 2008/98/KE għal dak il-għan.

3.   Meta l-iskart muniċipali jiġi ttrasportat bil-baħar lejn Stat Membru ieħor jew jiġi esportat mill-Unjoni għall-finijiet tar-rimi f’landfills, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2)„ għandu jingħadd mal-ammont ta’ skart mormi f’landfills, f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, mill-Istat Membru fejn l-iskart ikun inġabar.

4.   Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tadotta sal-31 ta’ Marzu 2019 atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu r-regoli għall-kalkolu, il-verifika u r-rappurtar tad-data. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 17(2).

Artikolu 5b

Rapport ta’ twissija bikrija

1.   Bi sħab mal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar il-progress lejn l-ilħiq tal-miri stipulati fl-Artikolu 5(5) u (6), sa mhux aktar tard minn tliet snin qabel kull skadenza stipulata hemm.

2.   Ir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu li ġej:

(a)

stima dwar l-ilħiq tal-miri minn kull Stat Membru;

(b)

lista tal-Istati Membri bir-riskju li ma jiksbux il-miri fl-iskadenzi rispettivi, akkumpanjata minn rakkomandazzjonijiet xierqa għall-Istati Membri kkonċernati;

(c)

eżempji tal-aħjar prattiki li jintużaw fl-Unjoni kollha li jistgħu jipprovdu gwida biex isir progress lejn l-ilħiq tal-miri.

Artikolu 5c

Skambju tal-informazzjoni u l-aħjar prattiki

Il-Kummissjoni għandha torganizza skambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki fuq bażi regolari fost l-Istati Membri, inkluż, fejn ikun xieraq, mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, dwar l-implimentazzjoni prattika tar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.”;

(*2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1);"

(6)

fil-punt (a) tal-Artikolu 6, tiżdied is-sentenza li ġejja:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda skont dan il-punt ma jipperikolawx l-ilħiq tal-għanijiet tad-Direttiva 2008/98/KE, speċifikament fir-rigward tal-ġerarkija tal-iskart u taż-żieda fil-preparazzjoni għal użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ, kif stipulat fl-Artikolu 11 tal-istess Direttiva.”;

(7)

fl-Artikolu 11(2), it-tieni subparagrafu huwa mħassar;

(8)

l-Artikolu 15 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 15

Rappurtar

1.   L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni, għal kull sena kalendarja, id-data dwar l-implimentazzjoni tal-Artikoli 5(2), 5 u (6).

Għandhom jirrappurtaw din id-data b’mod elettroniku sa 18-il xahar minn tmiem is-sena ta’ rappurtar li għaliha tkun inġabret id-data. Id-data għandha tiġi rrappurtata fil-format stabbilit mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.

L-ewwel perijodu ta’ rrappurtar dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 5(5) u (6) għandu jibda fl-ewwel sena kalendarja sħiħa wara l-adozzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-format għar-rappurtar, skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, u għandu jkopri d-data għal dak il-perjodu ta’ rappurtar.

2.   L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw id-data dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 5(2) sal-1 ta’ Jannar 2025.

3.   Id-data rrappurtata mill-Istati Membri skont dan l-Artikolu għandha tkun akkumpanjata b’rapport ta’ verifika tal-kwalità.

4.   Il-Kummissjoni għandha teżamina mill-ġdid d-data rappurtata f’konformità ma’ dan l-Artikolu, u tippubblika rapport dwar ir-riżultati tal-eżami mill-ġdid tagħha. Ir-rapport għandu jivvaluta l-organizzazzjoni tal-ġbir tad-data, is-sorsi tad-data u l-metodoloġija użata fl-Istati Membri, kif ukoll il-kompletezza, l-affidabbiltà, il-puntwalità u l-konsistenza ta’ dik id-data. Il-valutazzjoni tista’ tinkludi rakkomandazzjonijiet speċifiċi għat-titjib. Ir-rapport għandu jitfassal wara l-ewwel rappurtar tad-data mill-Istati Membri u kull erba’ snin wara dan.

5.   Sal-31 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-format għar-rappurtar tad-data msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 17(2).”;

(9)

jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

“Artikolu 15a

Strumenti biex tiġi promossa bidla lejn ekonomija aktar ċirkolari

Sabiex jikkontribwixxu għall-objettivi stabbiliti f’din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jużaw strumenti ekonomiċi u miżuri oħra biex jipprovdu inċentivi għall-applikazzjoni tal-ġerarkija tal-iskart. Tali strumenti u miżuri jistgħu jinkludu dawk indikati fl-Anness IVa tad-Direttiva 2008/98/KE jew strumenti u miżuri xierqa oħra.

Artikolu 15b

Determinazzjoni tal-koeffiċjent tal-permeabbiltà għall-landfills

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi l-metodu li għandu jintuża għad-determinazzjoni tal-koeffiċjent tal-permeabbiltà għall-landfills, fil-post u għall-estenzjoni kollha tas-sit. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 17(2).

Artikolu 15c

Standard tal-Unjoni għall-kampjunar tal-iskart

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tiżviluppa standard għall-kampjunar tal-iskart. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 17(2). Sakemm dawk l-atti ta’ implimentazzjoni jkunu ġew adottati, l-Istati Membri jistgħu japplikaw standards u proċeduri nazzjonali.”;

(10)

l-Artikolu 16 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 16

Rieżami tal-Annessi

Il-Kummissjoni għandha żżomm l-Annessi taħt rieżami, u, meta jkun meħtieġ, għandha tagħmel proposti leġiżlattivi xierqa.”;

(11)

l-Artikolu 17 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 17

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2008/98/KE. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Fejn il-kumitat ma jagħti ebda opinjoni, il-Kummissjoni m’għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(*3)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13)”;"

(12)

fl-Anness I, il-punt 3.5 huwa mħassar;

(13)

fl-Anness II, il-punt 5 huwa mħassar;

(14)

fil-punt 2 tal-Anness III, l-ewwel subparagrafu huwa mħassar;

(15)

L-Anness VI jiżdied kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-5 ta’ Lulju 2020. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni b’dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu referenza għaliha meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra dwarhom.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, it-30 ta’ Mejju 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

L. PAVLOVA


(1)  ĠU C 264, 20.7.2016, p. 98.

(2)  ĠU C 17, 18.1.2017, p. 46.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2018.

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta’ April 1999 dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma (ĠU L 182, 16.7.1999, p. 1).

(5)  Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).

(6)  Id-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-immaniġġar ta’ skart mill-industriji ta’ estrazzjoni u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 15).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(8)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


ANNESS

L-anness li ġej jiżdied:

“ANNESS IV

PJAN TA’ IMPLIMENTAZZJONI LI GĦANDU JIĠI PPREŻENTAT SKONT L-ARTIKOLU 5(6)

Il-pjan ta’ implimentazzjoni li għandu jiġi ppreżentat skont l-Artikolu 5(6) għandu jinkludi dan li ġej:

1.

valutazzjoni tar-rati passati, attwali u mbassra ta’ riċiklaġġ, rimi f’landfills u trattament ieħor tal-iskart muniċipali u l-flussi li huwa kompost minnhom;

2.

valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-iskart u tal-programmi għall-prevenzjoni tal-iskart fis-seħħ skont l-Artikoli 28 u 29 tad-Direttiva 2008/98/KE;

3.

ir-raġunijiet li għalihom l-Istat Membru ikkunsidra li ma jirnexxilux jilħaq il-mira rilevanti stipulati fl-Artikolu 5(5) fi żmien l-iskadenza stipulata hemmhekk u valutazzjoni tal-estensjoni taż-żmien meħtieġa biex dik il-mira tintlaħaq;

4.

miżuri meħtieġa biex jintlaħqu l-miri stipulati fl-Artikolu 5(8) ta’ din id-Direttiva applikabbli għall-Istat Membru matul l-estensjoni taż-żmien, inklużi l-istrumenti ekonomiċi xierqa u miżuri oħra biex jipprovdu inċentivi għall-applikazzjoni tal-ġerarkija tal-iskart kif stipulat fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/98/KE u l-Anness IVa tagħha;

5.

skeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni tal-miżuri identifikati fil-punt 4, id-determinazzjoni tal-korp kompetenti għall-implimentazzjoni tagħhom u valutazzjoni tal-kontribut individwali tagħhom biex jintlaħqu l-miri applikabbli fil-każ ta’ estensjoni taż-żmien;

6.

informazzjoni dwar il-finanzjament għall-immaniġġjar tal-iskart bi qbil mal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas;

7.

miżuri biex titjieb il-kwalità tad-data kif xieraq bil-għan li tittejjeb il-prestazzjoni tal-ippjanar u tal-monitoraġġ fl-immaniġġjar tal-iskart.”.