5.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 139/1


DIRETTIVA TAL-KUNSILL (UE) 2018/822

tal-25 ta' Mejju 2018

li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar l-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni fir-rigward ta' arranġamenti transkonfinali rapportabbli

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 113 u 115 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxi f'konformità ma' proċedura leġislattiva speċjali,

Billi:

(1)

Sabiex jiġu akkomodati inizjattivi ġodda fil-qasam tat-trasparenza tat-taxxa fil-livell tal-Unjoni, id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE (3) kienet is-suġġett ta' sensiela ta' emendi matul dawn l-aħħar snin. F'dan il-kuntest, id-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE (4) introduċiet l-Istandard Komuni ta' Rappurtar (CRS, Common Reporting Standard) li ġie żviluppat mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) għal informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji fl-Unjoni. Is-CRS jipprovdi għall-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji miżmuma minn persuni mhux residenti u jistabbilixxi qafas għal dak l-iskambju fid-dinja kollha. Id-Direttiva 2011/16/UE ġiet emendata bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/2376 (5), li pprevediet l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar deċiżjonijiet transkonfinali antiċipati tat-taxxa u bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/881 (6), li pprevediet l-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta' informazzjoni dwar rappurtar għal kull pajjiż tal-intrapriżi multinazzjonali bejn l-awtoritajiet tat-taxxa. Fid-dawl tal-użu li l-informazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jista' jkollha għall-awtoritajiet tat-taxxa, id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/2258 (7) stabbilixxiet obbligu fuq l-Istati Membri li jagħtu lill-awtoritajiet tat-taxxa aċċess għal proċeduri ta' diliġenza dovuta għall-konsumatur applikati minn istituzzjonijiet finanzjarji taħt id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Għalkemm id-Direttiva 2011/16/UE ġiet emendata diversi drabi sabiex jitjiebu l-mezzi li l-awtoritajiet tat-taxxa jistgħu jużaw biex jirreaġixxu għal ippjanar aggressiv tat-taxxa, għad hemm il-ħtieġa li jiġu rinforzati ċerti aspetti speċifiċi ta' trasparenza tal-qafas eżistenti tat-tassazzjoni.

(2)

L-Istati Membri jsibuha dejjem aktar diffiċli li jipproteġu l-bażijiet tat-taxxa nazzjonali tagħhom mill-erożjoni peress li l-istrutturi tal-ippjanar tat-taxxa evolvew biex saru partikolarment sofistikati u ħafna drabi jieħdu vantaġġ mill-mobilità miżjuda kemm tal-kapital kif ukoll tal-persuni fis-suq intern. Tali strutturi spiss jikkonsistu minn arranġamenti li huma żviluppati f'diversi ġurisdizzjonijiet u jċaqilqu l-profitti taxxabbli lejn sistemi tat-taxxa aktar favorevoli jew li jkollhom l-effett li jnaqqsu l-kont tat-taxxa globali tal-kontribwent. B'riżultat ta' dan, l-Istati Membri ħafna drabi jesperjenzaw tnaqqis konsiderevoli tad-dħul tagħhom mit-taxxi, li jtellifhom milli japplikaw politiki tat-taxxa li jgħinu t-tkabbir. Huwa għalhekk fundamentali li l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri jiksbu informazzjoni komprensiva u rilevanti dwar arranġamenti potenzjalment aggressivi tat-taxxa. Tali informazzjoni tippermetti li dawk l-awtoritajiet jirreaġixxu fil-pront kontra prattiki tat-taxxa dannużi u jagħlqu lakuni bil-promulgazzjoni ta' leġislazzjoni jew billi jwettqu valutazzjonijiet tar-riskju adegwati u awditjar tat-taxxa. Madankollu, il-fatt li l-awtoritajiet tat-taxxa ma jirreaġixxux fir-rigward ta' arranġament rappurtat ma għandux jimplika l-aċċettazzjoni tal-validità jew tat-trattament ta' taxxa ta' dak l-arranġament.

(3)

Meta jiġi kkunsidrat li l-parti l-kbira tal-arranġamenti ta' ppjanar potenzjalment aggressiv tat-taxxa hija mifruxa fuq aktar minn ġurisdizzjoni waħda, l-iżvelar tal-informazzjoni dwar dawk l-arranġamenti jwassal għal riżultati pożittivi addizzjonali fejn dik l-informazzjoni tkun ġiet skambjata wkoll fost l-Istati Membri. B'mod partikolari, l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni bejn awtoritajiet tat-taxxa huwa kruċjali biex dawk l-awtoritajiet jiġu pprovduti bl-informazzjoni meħtieġa biex ikunu jistgħu jieħdu azzjoni fejn josservaw prattiki aggressivi tat-taxxa.

(4)

Bir-rikonoxximent li qafas trasparenti għall-iżvilupp ta' attività ta' negozju jista' jikkontribwixxi għat-trażżin tal-evitar u tal-evażjoni tat-taxxa fis-suq intern, il-Kummissjoni ntalbet twettaq inizjattivi fir-rigward tal-iżvelar obbligatorju ta' informazzjoni dwar arranġamenti ta' ppjanar potenzjalment aggressiv tat-taxxa fuq il-linji tal-Azzjoni 12 tal-Proġett tal-OECD dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitti (BEPS). F'dan il-kuntest, il-Parlament Ewropew talab miżuri aktar severi kontra intermedjarji li jgħinu f'arranġamenti li jistgħu jwasslu għall-evitar u l-evażjoni tat-taxxa. Huwa importanti wkoll li wieħed jinnota li fid-“Dikjarazzjoni ta' Bari tal-G7 tat-13 ta' Mejju 2017 dwar il-ġlieda kontra reati tat-taxxa u flussi finanzjarji illeċiti oħra”, l-OECD ntalbet tibda tiddiskuti modi possibbli biex jiġu indirizzati arranġamenti mfassla bil-ħsieb li jevitaw ir-rappurtar taħt is-CRS jew li għandhom l-għan li jipprovdu lis-sidien benefiċjarji bil-protezzjoni ta' strutturi mhux trasparenti, filwaqt li tqis ukoll mudelli ta' regoli obbligatorji ta' żvelar ispirati mill-approċċ meħud għall-arranġamenti tal-evitar tat-taxxa deskritti fir-Rapport tal-Azzjoni 12 tal-BEPS.

(5)

Jenħtieġ li jitfakkar li ċerti intermedjarji finanzjarji u fornituri oħra ta' pariri dwar it-taxxa jidhru li għenu b'mod attiv lill-klijenti tagħhom biex jaħbu flus barra mill-pajjiż. Barra minn hekk, għalkemm is-CRS introdott mid-Direttiva 2014/107/UE huwa pass sinifikanti 'l quddiem fl-istabbiliment ta' qafas ta' trasparenza tat-taxxa fl-Unjoni, tal-anqas f'termini ta' informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji, dan xorta waħda jista' jitjieb.

(6)

Ir-rappurtar ta' arranġamenti ta' ppjanar potenzjalment aggressiv tat-taxxa ta' dimensjoni transkonfinali jista' jikkontribwixxi b'mod effettiv għall-isforzi biex jinħoloq ambjent ta' tassazzjoni ġusta fis-suq intern. F'dan id-dawl, l-obbligu li intermedjarji jinformaw lill-awtoritajiet tat-taxxa dwar ċerti arranġamenti transkonfinali li jistgħu potenzjalment jintużaw għal ippjanar aggressiv tat-taxxa jkun jikkostitwixxi pass fid-direzzjoni t-tajba. Sabiex tiġi żviluppata politika aktar komprensiva, ikun ukoll meħtieġ li bħala t-tieni pass, wara r-rappurtar, l-awtoritajiet tat-taxxa jikkondividu informazzjoni mal-pari tagħhom fi Stati Membri oħra. Dawn l-arranġamenti jeħtieġu jsaħħu wkoll l-effettività tas-CRS. Barra minn hekk, ikun kruċjali li l-Kummissjoni tingħata aċċess għal ammont suffiċjenti ta' informazzjoni sabiex tkun tista' timmonitorja l-funzjonament korrett ta' din id-Direttiva. Dan l-aċċess għall-informazzjoni mill-Kummissjoni ma jeżonerax lil Stat Membru mill-obbligi tiegħu li jinnotifika kull għajnuna mill-Istat lill-Kummissjoni.

(7)

Huwa rikonoxxut li r-rappurtar ta' arranġamenti ta' ppjanar transkonfinali potenzjalment aggressiv tat-taxxa jkollu aktar ċans li jikseb l-effett ta' deterrent previst tiegħu fejn l-informazzjoni rilevanti tkun laħqet lill-awtoritajiet tat-taxxa fi stadju bikri, fi kliem ieħor qabel ma tali arranġamenti jkunu fil-fatt ġew implimentati. Biex jiġi ffaċilitat ix-xogħol tal-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri, l-iskambju awtomatiku sussegwenti ta' informazzjoni dwar tali arranġamenti jista' jseħħ kull tliet xhur.

(8)

Biex ikun żgurat il-funzjonament korrett tas-suq intern u biex jiġu evitati lakuni fil-qafas propost ta' regoli, l-obbligu ta' rappurtar jenħtieġ li jiġi impost fuq l-atturi kollha li huma normalment involuti fit-tfassil, il-kummerċjalizzazzjoni, l-organizzazzjoni jew il-ġestjoni tal-implimentazzjoni ta' tranżazzjoni transkonfinali rapportabbli jew sensiela ta' tali tranżazzjonijiet, kif ukoll fuq dawk li jipprovdu assistenza jew parir. Lanqas ma għandu jiġi injorat li, f'ċerti każijiet, l-obbligu ta' rappurtar ma jkunx infurzabbli fuq intermedjarju minħabba privileġġ professjonali legali jew fejn ma jkunx hemm intermedjarju minħabba li, pereżempju, il-kontribwent ifassal u jimplimenta skema interna. F'dawn iċ-ċirkostanzi, ikun għaldaqstant kruċjali li l-awtoritajiet tat-taxxa ma jitilfux l-opportunità li jirċievu informazzjoni dwar arranġamenti relatati mat-taxxa li huma potenzjalment konnessi ma' ppjanar aggressiv tat-taxxa. F'tali każijiet, ikun għalhekk meħtieġ li l-obbligu ta' rappurtar jiġi trasferit lill-kontribwent li jibbenefika mill-arranġament.

(9)

L-arranġamenti ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa evolvew matul is-snin u saru dejjem aktar kumplessi u huma dejjem soġġetti għal modifiki u aġġustamenti kostanti bħala reazzjoni għall-kontromiżuri difensivi mill-awtoritajiet tat-taxxa. Meta jiġi kkunsidrat dan kollu, ikun aktar effettiv li wieħed jipprova jindividwa arranġamenti ta' ppjanar potenzjalment aggressiv tat-taxxa bil-kompilazzjoni ta' lista ta' karatteristiċi u elementi ta' tranżazzjonijiet li jippreżentaw indikazzjoni qawwija ta' evitar jew ta' abbuż tat-taxxa pjuttost milli wieħed jiddefinixxi l-kunċett ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa. Dawk l-indikazzjonijiet jissejħu “karatteristiċi distintivi”.

(10)

Peress li l-objettiv primarju ta' din id-Direttiva dwar ir-rappurtar ta' arranġamenti transkonfinali ta' ppjanar potenzjalment aggressiv tat-taxxa jeħtieġ li jiffoka biex ikun żgurat il-funzjonament korrett tas-suq intern, huwa kruċjali li ma ssirx regolamentazzjoni fil-livell tal-Unjoni lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jintlaħqu l-għanijiet previsti. Għal din ir-raġuni jkun meħtieġ li tiġi limitata kwalunkwe regola komuni dwar ir-rappurtar għal sitwazzjonijiet transkonfinali, jiġifieri dawk li jinvolvu jew aktar minn Stat Membru wieħed jew xi Stat Membru u pajjiż terz. F'tali ċirkostanzi, minħabba l-impatt potenzjali fuq il-funzjonament tas-suq intern, tista' tiġi ġġustifikata l-ħtieġa li jiġi promulgat sett komuni ta' regoli, pjuttost milli l-kwistjoni titħalla tiġi indirizzata fil-livell nazzjonali. Stat Membru jkun jista' jieħu miżuri nazzjonali ta' rappurtar ulterjuri ta' natura simili, iżda kwalunkwe informazzjoni miġbura addizzjonalment għal dik li hija rapportabbli f'konformità ma' din id-Direttiva ma għandhiex tiġi kkomunikata awtomatikament lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra. Dik l-informazzjoni tista' tiġi skambjata fuq talba jew spontanjament skont regoli applikabbli.

(11)

Filwaqt li jiġi kkunsidrat li l-arranġamenti rapportabbli jenħtieġ li jkollhom dimensjoni transkonfinali, ikun importanti li tiġi kondiviża l-informazzjoni rilevanti mal-awtoritajiet tat-taxxa fi Stati Membri oħra sabiex tiġi żgurata l-effettività massima ta' din id-Direttiva fl-iskoraġġiment ta' prattiki ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa. Il-mekkaniżmu għall-iskambju ta' informazzjoni fil-kuntest ta' deċiżjonijiet antiċipati transkonfinali u arranġamenti preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment jenħtieġ li jintuża wkoll biex jiġi akkomodat l-iskambju obbligatorju u awtomatiku ta' informazzjoni rapportabbli dwar arranġamenti ta' ppjanar transkonfinali potenzjalment aggressiv tat-taxxa fost l-awtoritajiet tat-taxxa fl-Unjoni.

(12)

Sabiex jiġi faċilitat l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni u jitjieb l-użu effiċjenti tar-riżorsi, jenħtieġ li l-iskambji jitwettqu permezz tan-netwerk komuni ta' komunikazzjoni (“NKK”) żviluppat mill-Unjoni. F'dan il-kuntest, l-informazzjoni tiġi rreġistrata f'direttorju ċentrali sikur dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jimplimentaw sensiela ta' arranġamenti prattiċi, inklużi miżuri biex tiġi standardizzata l-komunikazzjoni tal-informazzjoni kollha mitluba billi tinħoloq formola standard. Dan jenħtieġ ukoll li jinvolvi l-ispeċifikazzjoni tar-rekwiżiti lingwistiċi għall-iskambju previst ta' informazzjoni u t-titjib tan-NKK skont kif ikun meħtieġ.

(13)

Sabiex jiġu minimizzati l-ispejjeż u l-piżijiet amministrattivi kemm għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa kif ukoll għall-intermedjarji u sabiex tiġi żgurata l-effettività ta' din id-Direttiva fl-iskoraġġiment ta' prattiki ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa, l-ambitu tal-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni f'dak li għandu x'jaqsam ma' arranġamenti transkonfinali rapportabbli fi ħdan l-Unjoni għandu jkun konsistenti mal-iżviluppi internazzjonali. Jenħtieġ li tiġi introdotta karatteristika distintiva biex jiġu indirizzati arranġamenti mfassla bil-ħsieb li jevitaw l-obbligi ta' rappurtar, li jinvolvi skambji awtomatiċi ta' informazzjoni. Għall-finijiet ta' dik il-karatteristika distintiva, il-ftehimiet dwar l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji taħt is-CRS għandhom jiġu ttrattati bħala ekwivalenti għall-obbligi ta' rappurtar stabbiliti fl-Artikolu 8(3a) tad-Direttiva 2014/107/UE u fl-Anness I tagħha. Fl-implimentazzjoni tal-partijiet ta' din id-Direttiva li jindirizzaw arranġamenti ta' evitar tas-CRS u arranġamenti li jinvolvu persuni ġuridiċi jew arranġamenti legali jew kwalunkwe struttura simili oħra, l-Istati Membri jistgħu jużaw ix-xogħol tal-OECD, u aktar speċifikament il-Mudell ta' Regoli tagħha dwar l-Iżvelar Obbligatorju għall-Indirizzar ta' Arranġamenti ta' Evitar tas-CRS u Strutturi Offshore Opaki u l-Kummentarju tagħha, bħala sors ta' illustrazzjoni jew interpretazzjoni, sabiex tiġi żgurata konsistenza fl-applikazzjoni fost l-Istati Membri, sa fejn dawk it-testi huma allinjati mad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni.

(14)

Filwaqt li t-tassazzjoni diretta tibqa' fil-kompetenza tal-Istati Membri, huwa xieraq li wieħed jirreferi għal rata tat-taxxa korporattiva ta' żero jew kważi żero, għall-iskop biss li tiddefinixxi b'mod ċar l-ambitu ta' karatteristika distintiva li tkopri arranġamenti li jinvolvu tranżazzjonijiet transkonfinali, li jenħtieġ li jkunu rapportabbli taħt id-Direttiva 2011/16/UE minn intermedjarji jew, kif xieraq, kontribwenti, u li dwarha l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiskambjaw informazzjoni b'mod awtomatiku. Barra minn hekk, huwa xieraq li jitfakkar li l-arranġamenti ta' ppjanar transkonfinali aggressiv tat-taxxa, li l-għan ewlieni jew wieħed mill-għanijiet ewlenin tagħhom hu li jinkiseb vantaġġ ta' taxxa li jmur kontra l-objettiv jew il-fini tal-liġi applikabbli tat-taxxa, huma soġġetti għar-regola ġenerali kontra l-abbuż kif stipulat fl-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1164 (9).

(15)

Sabiex jiġu mtejba l-prospetti għall-effettività ta' din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu penali kontra l-ksur ta' regoli nazzjonali li jimplimentaw din id-Direttiva. Jenħtieġ li dawn il-penali jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(16)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u b'mod partikolari għall-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni bejn awtoritajiet tat-taxxa, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta' implimentazzjoni biex tadotta formola standard b'għadd limitat ta' komponenti, inklużi l-arranġamenti lingwistiċi. Għall-istess raġuni, jenħtieġ ukoll li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta' implimentazzjoni biex tadotta l-arranġamenti prattiċi meħtieġa għall-aġġornament tad-direttorju ċentrali dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

(17)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f'konformità mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). Kwalunkwe proċessar ta' data personali mwettaq fil-qafas ta' din id-Direttiva jeħtieġ li jikkonforma mad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) u mar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

(18)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(19)

Ladarba l-objettiv ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern bl-iskoraġġiment tal-użu tal-arranġamenti transkonfinali ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda pjuttost jista', minħabba l-fatt li għandu fil-mira tiegħu skemi li jiġu żviluppati biex potenzjalment jieħdu vantaġġ minn ineffiċjenzi fis-suq li joriġinaw mill-interazzjoni fost regoli tat-taxxa nazzjonali mhux ugwali, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jinkiseb dak l-objettiv, b'mod speċjali meta jiġi kkunsidrat li huwa limitat għal arranġamenti transkonfinali li jikkonċernaw jew aktar minn Stat Membru wieħed jew xi Stat Membru u pajjiż terz.

(20)

Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva 2011/16/UE tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2011/16/UE hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt 9 huwa emendat kif ġej:

(i)

fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

għall-finijiet tal-Artikolu 8(1) u l-Artikoli 8a, 8aa u 8ab, il-komunikazzjoni sistematika ta' informazzjoni definita minn qabel lil Stat Membru ieħor, mingħajr talba minn qabel, f'intervalli regolari stabbiliti minn qabel. Għall-finijiet tal-Artikolu 8(1), ir-referenza għall-informazzjoni disponibbli hija relatata mal-informazzjoni fil-fajls tat-taxxa tal-Istat Membru li jikkomunika l-informazzjoni, li tista' tiġi rkuprata f'konformità mal-proċeduri dwar il-ġbir u l-ipproċessar tal-informazzjoni f'dak l-Istat Membru;”;

(ii)

fl-ewwel subparagrafu, il-punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(c)

għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva minbarra l-Artikolu 8(1) u (3a) u l-Artikoli 8a, 8aa u 8ab, il-komunikazzjoni sistematika ta' informazzjoni definita minn qabel ipprovduta fil-punti (a) u (b) ta' dan il-punt;”;

(iii)

fit-tieni subparagrafu, l-ewwel sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

“Fil-kuntest tal-Artikoli 8(3a), 8(7a), u 21(2), l-Artikolu 25(2) u (3) u l-Anness IV, kwalunkwe terminu kapitalizzat għandu jkollu t-tifsira li għandu taħt id-definizzjonijiet korrispondenti stabbiliti fl-Anness I.”;

(b)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“18.

“arranġament transkonfinali” tfisser arranġament li jikkonċerna jew aktar minn Stat Membru wieħed jew xi Stat Membru u pajjiż terz fejn tal-inqas tkun issodisfata waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

mhux il-parteċipanti kollha fl-arranġament ikunu residenti għal finijiet tat-taxxa fl-istess ġurisdizzjoni;

(b)

wieħed jew aktar mill-parteċipanti fl-arranġament ikunu simultanjament residenti għal finijiet tat-taxxa f'aktar minn ġurisdizzjoni waħda;

(c)

wieħed jew aktar mill-parteċipanti fl-arranġament imexxu negozju f'ġurisdizzjoni oħra permezz ta' stabbiliment permanenti li jkun jinsab f'dik il-ġurisdizzjoni u l-arranġament ikun jifforma parti jew it-totalità tan-negozju ta' dak l-istabbiliment permanenti;

(d)

wieħed jew aktar mill-parteċipanti fl-arranġament iwettqu attività f'ġurisdizzjoni oħra mingħajr ma jkunu residenti għal finijiet ta' taxxa jew mingħajr ma joħolqu stabbiliment permanenti f'dik il-ġurisdizzjoni;

(e)

tali arranġament ikollu impatt possibbli fuq l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni jew l-identifikazzjoni ta' sjieda benefiċjarja.

Għall-finijiet tal-punti 18 sa 25 ta' dan l-Artikolu, l-Artikolu 8ab u l-Anness IV, arranġament għandu jinkludi wkoll sensiela ta' arranġamenti. Arranġament jista' jinkludi aktar minn pass wieħed jew parti waħda.

19.

“arranġament transkonfinali rapportabbli” tfisser kwalunkwe arranġament transkonfinali li jinkludi tal-inqas waħda mill-karatteristiċi distintivi stipulati fl-Anness IV.

20.

“karatteristika distintiva” tfisser karatteristika jew element ta' arranġament transkonfinali li jippreżentaw indikazzjoni ta' riskju potenzjali ta' evitar tat-taxxa, kif elenkat fl-Anness IV.

21.

“intermedjarju” tfisser kwalunkwe persuna li tfassal, tikkummerċjalizza, torganizza jew tagħmel disponibbli għall-implimentazzjoni jew tiġġestixxi l-implimentazzjoni ta' arranġament transkonfinali rapportabbli.

Tfisser ukoll kwalunkwe persuna li, fid-dawl tal-fatti u taċ-ċirkostanzi rilevanti u fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli u l-għarfien espert u l-fehim rilevanti meħtieġa għall-forniment ta' tali servizzi, tkun taf, jew tista' tkun raġonevolment mistennija li tkun taf li hija impenjat ruħha li tipprovdi, direttament jew permezz ta' persuni oħra, għajnuna, assistenza jew pariri rigward it-tfassil, il-kummerċjalizzazzjoni, l-organizzazzjoni, it-tqegħid għad-disponibbiltà għall-implimentazzjoni jew rigward il-ġestjoni tal-implimentazzjoni ta' arranġament transkonfinali rapportabbli. Kwalunkwe persuna għandu jkollha d-dritt li tipprovdi evidenza li tali persuna ma kinitx taf u ma setgħetx tkun raġonevolment mistennija li tkun taf li dik il-persuna kienet involuta f'arranġament transkonfinali rapportabbli. Għal dan il-fini, dik il-persuna tista' tirreferi għall-fatti u ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha kif ukoll għall-informazzjoni disponibbli u l-għarfien espert u l-fehim rilevanti tagħhom.

Sabiex tkun intermedjarju, persuna għandha tissodisfa tal-inqas waħda mill-kondizzjonijiet addizzjonali li ġejjin:

(a)

tkun residenti għal finijiet tat-taxxa fi Stat Membru;

(b)

ikollha stabbiliment permanenti fi Stat Membru li permezz tiegħu jiġu pprovduti s-servizzi fir-rigward tal-arranġament;

(c)

tkun inkorporata fi Stat Membru jew regolata mil-liġijiet tiegħu;

(d)

tkun irreġistrata ma' assoċjazzjoni professjonali relatata ma' servizzi legali, ta' tassazzjoni jew ta' konsulenza fi Stat Membru.

22.

“kontribwent rilevanti” tfisser kwalunkwe persuna li jkun tqegħdilha għad-dispożizzjoni tagħha arranġament transkonfinali rapportabbli għall-implimentazzjoni, jew li hija lesta li timplimenta arranġament transkonfinali rapportabbli jew tkun implimentat l-ewwel pass ta' tali arranġament.

23.

għall-finijiet ta' Artikolu 8ab, “intrapriża assoċjata” tfisser persuna li tkun relatata ma' persuna oħra f'tal-inqas wieħed mill-modi li ġejjin:

(a)

persuna tieħu sehem fil-ġestjoni ta' persuna oħra billi tkun f'pożizzjoni li teżerċita influwenza sinifikanti fuq il-persuna l-oħra;

(b)

persuna tieħu sehem fil-kontroll ta' persuna oħra permezz ta' parteċipazzjoni li taqbeż 25 % tad-drittijiet tal-vot;

(c)

persuna tieħu sehem fil-kapital ta' persuna oħra permezz ta' dritt ta' sjieda li, direttament jew indirettament, jaqbeż 25 % tal-kapital;

(d)

persuna tkun intitolata għal 25 % jew aktar tal-profitti ta' persuna oħra.

Jekk aktar minn persuna waħda tieħu sehem, kif imsemmi fil-punti (a) sa (d), fil-ġestjoni, il-kontroll, il-kapital jew il-profitti tal-istess persuna, il-persuni kollha kkonċernati għandhom jitqiesu bħala intrapriżi assoċjati.

Jekk l-istess persuni jipparteċipaw, kif imsemmi fil-punti (a) sa (d), fil-ġestjoni, il-kontroll, il-kapital jew il-profitti ta' aktar minn persuna waħda, il-persuni kollha kkonċernati għandhom jitqiesu bħala intrapriżi assoċjati.

Għall-finijiet ta' dan il-punt, persuna li taġixxi flimkien ma' persuna oħra fir-rigward tad-drittijiet tal-vot jew tas-sjieda tal-kapital ta' entità għandha tkun trattata bħala li għandha parteċipazzjoni fid-drittijiet tal-vot kollha jew fis-sjieda tal-kapital kollha ta' dik l-entità li huma miżmuma mill-persuna l-oħra.

F'parteċipazzjonijiet indiretti, it-twettiq tar-rekwiżiti taħt il-punt (c) għandu jiġi stabbilit bil-multiplikazzjoni tar-rati ta' parteċipazzjoni tul il-livelli suċċessivi. Persuna li jkollha iżjed minn 50 % tad-drittijiet tal-vot għandha titqies li għandha 100 %.

Individwu, il-konjuġi tiegħu u l-axxendenti jew id-dixxendenti diretti tiegħu għandhom jiġu ttrattati bħala persuna waħda.

24.

“arranġament kummerċjabbli” tfisser arranġament transkonfinali li jkun imfassal, kummerċjalizzat, lest għall-implimentazzjoni jew disponibbli għall-implimentazzjoni mingħajr il-ħtieġa li jiġi personalizzat b'mod sostanzjali.

25.

“arranġament imfassal għal għan speċifiku” tfisser kwalunkwe arranġament transkonfinali li mhuwiex arranġament kummerċjabbli.”.

(2)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 8ab

Kamp ta' applikazzjoni u kondizzjonijiet għall-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni dwar arranġamenti transkonfinali rapportabbli

1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jirrikjedi li intermedjarji jippreżentaw informazzjoni li jkollhom għarfien tagħha, jew tkun fil-pussess tagħhom jew taħt il-kontroll tagħhom dwar arranġamenti transkonfinali rapportabbli lill-awtoritajiet kompetenti fi żmien 30 jum minn:

(a)

il-jum wara li l-arranġament transkonfinali rapportabbli jkun sar disponibbli għall-implimentazzjoni; jew

(b)

il-jum wara li l-arranġament transkonfinali rapportabbli jkun lest għall-implimentazzjoni; jew

(c)

meta jkun sar l-ewwel pass fl-implimentazzjoni tal-arranġament transkonfinali rapportabbli,

skont liem minn dawn iseħħ l-ewwel.

Minkejja l-ewwel subparagrafu, l-intermedjarji msemmijin fit-tieni paragrafu tal-punt 21 tal-Artikolu 3 għandhom ukoll ikunu meħtieġa jippreżentaw informazzjoni fi żmien 30 jum mill-jum wara li jingħataw, direttament jew permezz ta' persuni oħrajn, għajnuna, assistenza jew pariri.

2.   Fil-każ ta' arranġamenti kummerċjabbli, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jirrikjedu li jsir rapport perjodiku mill-intermedjarju kull 3 xhur li jagħti aġġornament li jkun fih informazzjoni rapportabbli ġdida kif imsemmi fil-punti (a), (d), (g) u (h) tal-paragrafu 14, li tkun saret disponibbli minn mindu ġie ppreżentat l-aħħar rapport.

3.   Fejn l-intermedjarju jkun responsabbli li jippreżenta informazzjoni dwar arranġamenti transkonfinali rapportabbli lill-awtoritajiet kompetenti ta' aktar minn Stat Membru wieħed, din l-informazzjoni għandha tiġi ppreżentata biss fl-Istat Membru li jidher l-ewwel fil-lista hawn taħt:

(a)

l-Istat Membru fejn l-intermedjarju jkun residenti għal finijiet ta' taxxa;

(b)

l-Istat Membru fejn l-intermedjarju jkollu stabbiliment permanenti li permezz tiegħu jingħataw is-servizzi marbutin mal-arranġament;

(c)

l-Istat Membru fejn l-intermedjarju jkun inkorporat jew regolat mil-liġijiet tiegħu;

(d)

l-Istat Membru fejn l-intermedjarju jkun reġistrat ma' assoċjazzjoni professjonali marbuta ma' servizzi legali, ta' tassazzjoni jew ta' konsulenza.

4.   Fejn, skont il-paragrafu 3, ikun hemm obbligu ta' rappurtar multiplu, l-intermedjarju għandu jiġi eżentat mill-preżentazzjoni tal-informazzjoni jekk ikollu prova, skont il-liġi nazzjonali, li l-istess informazzjoni tkun ġiet ippreżentat fi Stat Membru ieħor.

5.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jagħti lill-intermedjarji d-dritt ta' rinunzja mill-preżentazzjoni tal-informazzjoni dwar arranġament transkonfinali rapportabbli fejn l-obbligu ta' rappurtar jikser il-privileġġ professjonali legali skont il-liġi nazzjonali ta' dak l-Istat Membru. F'tali ċirkostanzi, kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jirrikjedi lill-intermedjarji jinnotifikaw, mingħajr dewmien, kwalunkwe intermedjarju ieħor jew, jekk ma jkun hemm ebda tali intermedjarju, lill-kontribwent rilevanti dwar l-obbligi tagħhom ta' rappurtar taħt il-paragrafu 6.

L-intermedjarji jistgħu jkunu intitolati għal rinunzja taħt l-ewwel subparagrafu biss sa fejn huma jkunu joperaw fil-limiti tal-liġijiet nazzjonali rilevanti li jiddefinixxu l-professjonijiet tagħhom.

6.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jirrikjedi li, fejn ma jkun hemm ebda intermedjarju jew l-intermedjarju jinnotifika lill-kontribwent rilevanti jew intermedjarju ieħor dwar l-applikazzjoni ta' rinunzja taħt il-paragrafu 5, l-obbligu li tiġi ppreżentata informazzjoni dwar arranġament transkonfinali rapportabbli jkun tal-intermedjarju notifikat l-ieħor, jew, jekk ma jkun hemm ebda tali intermedjarju, tal-kontribwent rilevanti.

7.   Il-kontribwent rilevanti li jkollu l-obbligu ta' rappurtar għandu jippreżenta l-informazzjoni fi żmien 30 jum, mill-jum wara li l-arranġament transkonfinali rapportabbli jsir disponibbli għall-implimentazzjoni lil dak il-kontribwent rilevanti, jew ikun lest għall-implimentazzjoni mill-kontribwent rilevanti, jew meta jkun sar l-ewwel pass fl-implimentazzjoni tiegħu b'rabta mal-kontribwent rilevanti, skont liema minn dawn iseħħ l-ewwel.

Fejn il-kontribwent rilevanti jkollu obbligu li jippreżenta informazzjoni dwar l-arranġament transkonfinali rapportabbli lill-awtoritajiet kompetenti ta' aktar minn Stat Membru wieħed, din l-informazzjoni għandha tiġi ppreżentata biss lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li jidher l-ewwel fil-lista hawn taħt:

(a)

l-Istat Membru fejn il-kontribwent rilevanti jkun residenti għal finijiet ta' taxxa;

(b)

l-Istat Membru fejn il-kontribwent rilevanti jkollu stabbiliment permanenti li jibbenefika mill-arranġament;

(c)

l-Istat Membru fejn il-kontribwent rilevanti jirċievi introjtu jew jiġġenera qligħ, għalkemm il-kontribwent rilevanti ma jkun residenti għal finijiet ta' taxxa u ma jkollu stabbiliment permanenti f'ebda Stat Membru;

(d)

l-Istat Membru fejn il-kontribwent rilevanti jwettaq attività, għalkemm il-kontribwent rilevanti ma jkun residenti għal finijiet ta' taxxa u ma jkollu stabbiliment permanenti f'ebda Stat Membru.

8.   Fejn, skont il-paragrafu 7, ikun hemm obbligu ta' rappurtar multiplu, il-kontribwent rilevanti għandu jiġi eżentat mill-preżentazzjoni tal-informazzjoni jekk ikollu prova, skont il-liġi nazzjonali, li l-istess informazzjoni tkun ġiet ippreżentata fi Stat Membru ieħor.

9.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jirrikjedi li, fejn ikun hemm aktar minn intermedjarju wieħed, l-obbligu li tiġi ppreżentata informazzjoni dwar l-arranġament transkonfinali rapportabbli jkun tal-intermedjarji kollha involuti fl-istess arranġament transkonfinali rapportabbli.

Intermedjarju għandu jiġi eżentat milli jippreżenta l-informazzjoni biss sa fejn ikollu prova, skont il-liġi nazzjonali, li l-istess informazzjoni msemmija fil-paragrafu 14 tkun diġà ġiet ippreżentata minn intermedjarju ieħor.

10.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jirrikjedi li, fejn l-obbligu ta' rappurtar ikun tal-kontribwent rilevanti u fejn ikun hemm aktar minn kontribwent rilevanti wieħed, il-kontribwent rilevanti li għandu jippreżenta l-informazzjoni skont il-paragrafu 6 jkun dak li jidher l-ewwel fil-lista hawn taħt:

(a)

il-kontribwent rilevanti li ftiehem l-arranġament transkonfinali rapportabbli mal-intermedjarju;

(b)

il-kontribwent rilevanti li jimmaniġġa l-implimentazzjoni tal-arranġament.

Kontribwent rilevanti għandu jiġi eżentat milli jippreżenta l-informazzjoni biss sa fejn ikollu prova, skont il-liġi nazzjonali, li l-istess informazzjoni msemmija fil-paragrafu 14 tkun diġà ġiet ippreżentata minn kontribwent rilevanti ieħor.

11.   Kull Stat Membru jista' jieħu l-miżuri meħtieġa biex jirrikjedi li kull kontribwent rilevanti jippreżenta informazzjoni dwar l-użu tiegħu tal-arranġament lill-amministrazzjoni tat-taxxa f'kull waħda mis-snin li għalihom jużah.

12.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jirrikjedi li l-intermedjarji u l-kontribwenti rilevanti jippreżentaw informazzjoni dwar l-arranġamenti transkonfinali rapportabbli li l-ewwel pass tagħhom ikun ġie implimentat qabel id-data tad-dħul fis-seħħ u d-data tal-applikazzjoni ta' din id-Direttiva. L-intermedjarji u l-kontribwenti rilevanti, skont kif meħtieġ, għandhom jippreżentaw l-informazzjoni dwar dawk l-arranġamenti transkonfinali rapportabbli sal-31 ta' Awwissu 2020.

13.   L-awtorità kompetenti ta' Stat Membru fejn ġiet ippreżentata l-informazzjoni skont il-paragrafi 1 sa 12 ta' dan l-Artikolu għandha, permezz ta' skambju awtomatiku, tikkomunika l-informazzjoni speċifikata fil-paragrafu 14 ta' dan l-Artikolu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra kollha, f'konformità mal-arranġamenti prattiċi adottati skont l-Artikolu 21.

14.   L-informazzjoni li trid tiġi kkomunikata mill-awtorità kompetenti ta' Stat Membru taħt il-paragrafu 13 għandha tinkludi dan li ġej, kif applikabbli:

(a)

l-identifikazzjoni ta' intermedjarji u kontribwenti rilevanti, inklużi isimhom, id-data u l-post tat-twelid tagħhom (fil-każ ta' individwu), ir-residenza tagħhom għal finijiet ta' taxxa, it-TIN tagħhom u, fejn xieraq, il-persuni li huma intrapriżi assoċjati għall-kontribwent rilevanti;

(b)

id-dettalji tal-karatteristiċi distintivi stipulati fl-Anness IV li permezz tagħhom l-arranġamenti transkonfinali jkun rapportabbli;

(c)

ġabra fil-qosor tal-kontenut tal-arranġament transkonfinali rapportabbli, inkluża referenza għall-isem li bih ġeneralment ikun magħruf, jekk ikun hemm, u deskrizzjoni f'termini astratti tal-attivitajiet jew l-arranġamenti ta' negozju rilevanti, mingħajr ma jiġi żvelat xi sigriet kummerċjali, industrijali jew professjonali, jew xi proċess kummerċjali, jew xi informazzjoni li l-iżvelar tagħha jmur kontra l-ordni pubbliku;

(d)

id-data li fiha jkun sar jew ikun ser isir l-ewwel pass fl-implimentazzjoni tal-arranġament transkonfinali rapportabbli;

(e)

dettalji tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jifformaw il-bażi tal-arranġament transkonfinali rapportabbli;

(f)

il-valur tal-arranġament transkonfinali rapportabbli;

(g)

l-identifikazzjoni tal-Istat Membru tal-kontribwent(i) rilevanti u kwalunkwe Stat Membru ieħor li x'aktarx ikun ikkonċernat mill-arranġament transkonfinali rapportabbli;

(h)

l-identifikazzjoni ta' kwalunkwe persuna oħra fl-Istat Membru li x'aktarx tintlaqat mill-arranġament transkonfinali rapportabbli, fejn għandu jiġi indikat ma' liema Stati Membri hi marbuta tali persuna.

15.   Il-fatt li amministrazzjoni fiskali ma tirreaġixxix għal arranġament transkonfinali rapportabbli ma għandu jimplika ebda aċċettazzjoni tal-validità jew it-trattament ta' taxxa ta' dak l-arranġament.

16.   Biex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' informazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 13 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tadotta l-arranġamenti prattiċi meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu, inklużi miżuri biex tiġi standardizzata l-komunikazzjoni tal-informazzjoni stipulata fil-paragrafu 14 ta' dan l-Artikolu, bħala parti mill-proċedura għall-istabbiliment tal-formola standard prevista fl-Artikolu 20(5).

17.   Il-Kummissjoni ma għandux ikollha aċċess għall-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (c) u (h) tal-paragrafu 14.

18.   L-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni għandu jseħħ fi żmien xahar minn tmiem il-perijodu ta' tliet xhur li fih tkun ġiet ippreżentata l-informazzjoni. L-ewwel informazzjoni għandha tiġi kkomunikata sal-31 ta' Ottubru 2020.”.

(3)

fl-Artikolu 20, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“5.   Il-Kummissjoni għandha tadotta formoli standard, inklużi l-arranġamenti lingwistiċi, f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2), fil-każijiet li ġejjin:

(a)

għall-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar deċiżjonijiet transkonfinali antiċipati u arranġamenti preliminari ta' prezzijiet skont l-Artikolu 8a qabel l-1 ta' Jannar 2017;

(b)

għall-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar arranġamenti transkonfinali rapportabbli skont l-Artikolu 8ab qabel it-30 ta' Ġunju 2019.

Dawk il-formoli standard ma għandhomx jeċċedu l-komponenti għall-iskambju ta' informazzjoni elenkati fl-Artikoli 8a(6) u 8ab(14), u tali oqsma relatati oħra li huma konnessi ma' dawn il-komponenti li huma meħtieġa biex jinkisbu l-għanijiet tal-Artikolu 8a u 8ab rispettivament.

L-arranġamenti lingwistiċi msemmija fl-ewwel subparagrafu ma għandhomx jipprekludu lill-Istati Membri milli jikkomunikaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 8a u 8ab bi kwalunkwe waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni. Madankollu, dawk l-arranġamenti lingwistiċi jistgħu jipprevedu li l-elementi ewlenin ta' tali informazzjoni għandhom jintbagħtu wkoll b'lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni.”.

(4)

fl-Artikolu 21, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“5.   Il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta' Diċembru 2017, tiżviluppa, u tipprovdi appoġġ tekniku u loġistiku għal, direttorju ċentrali sikur tal-Istati Membri dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni fejn l-informazzjoni li trid tiġi kkomunikata fil-qafas tal-Artikolu 8a(1) u (2) għandha tiġi rreġistrata sabiex jiġi ssodisfat l-iskambju awtomatiku previst f'dawk il-paragrafi.

Il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta' Diċembru 2019, tiżviluppa, u tipprovdi appoġġ tekniku u loġistiku għal, direttorju ċentrali sikur tal-Istati Membri dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni fejn l-informazzjoni li trid tiġi kkomunikata fil-qafas tal-Artikolu 8ab(13), (14) u (16) għandha tiġi rreġistrata sabiex jiġi ssodisfat l-iskambju awtomatiku previst f'dawk il-paragrafi.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni rreġistrata f'dak id-direttorju. Il-Kummissjoni għandu jkollha wkoll aċċess għall-informazzjoni rreġistrata f'dak id-direttorju, iżda fil-limitazzjonijiet stipulati fl-Artikolu 8a(8) u 8ab(17). L-arranġamenti prattiċi meħtieġa għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2).

Sa meta dak id-direttorju ċentrali sikur isir operattiv, l-iskambju awtomatiku previst fl-Artikolu 8a(1) u (2) u fl-Artikolu 8ab(13), (14) u (16) għandu jitwettaq f'konformità mal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u l-arranġamenti prattiċi applikabbli.”.

(5)

fl-Artikolu 23, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw valutazzjoni annwali lill-Kummissjoni dwar l-effettività tal-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni msemmi fl-Artikoli 8, 8a, 8aa u 8ab kif ukoll ir-riżultati prattiċi miksuba. Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tadotta l-forma u l-kondizzjonijiet tal-komunikazzjoni għal dik il-valutazzjoni annwali. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2).”.

(6)

l-Artikolu 25a huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 25a

Pieni

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u dwar l-Artikoli 8aa u 8ab, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.”.

(7)

l-Artikolu 27 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 27

Rappurtar

1.   Kull ħames snin wara l-1 ta' Jannar 2013, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

2.   Kull sentejn wara l-1 ta' Lulju 2020, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jevalwaw ir-rilevanza tal-Anness IV u l-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Kunsill. Dan ir-rapport għandu, fejn ikun il-każ, jiġi akkumpanjat minn proposta leġislattiva.”.

(8)

jiżdied l-Anness IV, li t-test tiegħu jinsab fl-Anness għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2019, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jinformaw immedjatament lill-Kummissjoni dwar dan.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Lulju 2020.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, huma għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-mod kif għandha ssir tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-leġislazzjoni nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Mejju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

V. GORANOV


(1)  Opinjoni tal-1 ta' Marzu 2018 (għadha mhijiex ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tat-18 ta' Jannar 2018 (għadha mhijiex ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta' Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1).

(4)  Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE tad-9 ta' Diċembru 2014 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (ĠU L 359, 16.12.2014, p. 1).

(5)  Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/2376 tat-8 ta' Diċembru 2015 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (ĠU L 332, 18.12.2015, p. 1).

(6)  Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/881 tal-25 ta' Mejju 2016 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (ĠU L 146, 3.6.2016, p. 8).

(7)  Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/2258 tas-6 ta' Diċembru 2016 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-aċċess mill-awtoritajiet tat-taxxa għal informazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (ĠU L 342, 16.12.2016, p. 1).

(8)  Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

(9)  Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1164 tat-12 ta' Lulju 2016 li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta' evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern (ĠU L 193, 19.7.2016, p. 1).

(10)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(11)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(12)  Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).


ANNESS

ANNESS IV

KARATTERISTIĊI DISTINTIVI

Part I.   Il-kriterju tal-benefiċċju prinċipali

Il-karatteristiċi distintivi ġeneriċi fil-kategorija A u karatteristiċi distintivi speċifiċi taħt il-kategorija B u taħt il-punti (b)(i), (c) u (d) tal-paragrafu 1 tal-kategorija C jistgħu jitqiesu biss meta jissodisfaw “il-kriterju tal-benefiċċju prinċipali”.

Dak il-kriterju ikun issodisfat jekk jista' jiġi stabbilit li l-benefiċċju prinċipali jew wieħed mill-benefiċċji prinċipali li, b'kont meħud tal-fatti u ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, persuna tista' b'mod raġonevoli tistenna li tikseb minn dan l-arranġament huwa l-kisba ta' vantaġġ ta' taxxa.

Fil-kuntest tal-karatteristika distintiva taħt il-paragrafu 1 tal-kategorija C, il-preżenza ta' kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (b)(i), (c) jew (d) tal-paragrafu 1 tal-kategorija C ma tistax waħedha tkun raġuni sabiex jiġi konkluż li arranġament jissodisfa l-kriterju tal-benefiċċju prinċipali.

Part II.   Kategoriji ta' karatteristiċi distintivi

A.   Karatteristiċi distintivi ġeneriċi relatati mal-kriterju tal-benefiċċju prinċipali

1.

Arranġament fejn il-kontribwent rilevanti jew parteċipant fl-arranġament jintrabtu li jikkonformaw ma' kondizzjoni ta' kunfidenzjalità li tista' tirrikjedi li ma jiżvelawx kif l-arranġament jista' jikseb vantaġġ ta' taxxa fil-konfront ta' intermedjarji oħra jew tal-awtoritajiet tat-taxxa.

2.

Arranġament fejn l-intermedjarju jkun intitolat li jirċievi ħlas (jew imgħax, rimunerazzjoni għall-kostijiet finanzjarji u għal spejjeż oħra) għall-arranġament u fejn dak il-ħlas ikun stabbilit b'referenza għal:

(a)

l-ammont tal-vantaġġ ta' taxxa miksub mill-arranġament; jew

(b)

jekk vantaġġ ta' taxxa jinkisibx jew le mill-arranġament. Dan ikun jinkludi obbligu fuq l-intermedjarju ta' rifużjoni parzjali jew sħiħa tal-ħlas jekk il-vantaġġ ta' taxxa maħsub, miksub mill-arranġament, ma nkisibx parzjalment jew sħiħ.

3.

Arranġament li jkollu dokumentazzjoni u/jew struttura sostanzjalment standardizzati u huwa disponibbli għal aktar minn kontribwent wieħed rilevanti mingħajr il-ħtieġa li jiġi sostanzjalment addattat għall-implimentazzjoni.

B.   Karatteristiċi distintivi speċifiċi relatati mal-kriterju tal-benefiċċju prinċipali

1.

Arranġament li permezz tiegħu parteċipant f'arranġament jieħu passi artifiċjali li jikkonsistu fil-kisba ta' kumpannija li tagħmel it-telf, il-waqfien tal-attività prinċipali tat-tali kumpannija u l-użu tat-telf tagħha sabiex titnaqqas l-obbligazzjoni tat-taxxa tagħha, inkluż permezz ta' trasferiment ta' dak it-telf lil ġurisdizzjoni oħra jew permezz tal-aċċelerazzjoni fl-użu ta' dak it-telf.

2.

Arranġament li għandu l-effett li jikkonverti l-introjtu f'kapital, donazzjonijiet jew kategoriji oħra ta' dħul li jkunu ntaxxati f'livell aktar baxx.

3.

Arranġament li jinkludi transazzjonijiet ċirkolari (circular transactions) li jirriżultaw fir-round-tripping ta' fondi, b'mod partikolari bl-involviment ta' entitajiet intermedjarji mingħajr l-ebda funzjoni jew transazzjoni kummerċjali primarja oħra li jikkumpensaw jew jikkanċellaw lil xulxin jew li għandhom karatteristiċi simili oħra.

C.   Karatteristiċi distintivi speċifiċi relatati mat-transazzjonijiet transkonfinali

1.

Arranġament li jinvolvi arranġamenti transkonfinali li jistgħu jitnaqqsu magħmula bejn żewġ intrapriżi assoċjati jew aktar fejn isseħħ mill-inqas waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ir-riċevitur mhuwiex residenti għal finijiet ta' taxxa f'xi ġurisdizzjoni tat-taxxa;

(b)

għalkemm ir-riċevitur huwa residenti f'ġurisdizzjoni għal finijiet ta' taxxa, dik il-ġurisdizzjoni:

(i)

ma timponi l-ebda taxxa korporattiva jew timponi taxxa korporattiva bir-rata ta' żero jew kważi żero; jew

(ii)

tiġi inkluża f'lista ta' ġurisdizzjonijiet ta' pajjiżi terzi li ġew ivvalutati mill-Istati Membri b'mod kollettiv jew fi ħdan il-qafas tal-OECD bħala li ma jikkooperawx;

(c)

il-pagament jibbenefika minn eżenzjoni sħiħa mit-taxxa fil-ġurisdizzjoni fejn ir-riċevitur huwa residenti għal finijiet ta' taxxa;

(d)

il-pagament jibbenefika minn sistema tat-taxxa preferenzjali f'ġurisdizzjoni fejn ir-riċevitur huwa residenti għal finijiet ta' taxxa;

2.

It-tnaqqis għall-istess d-deprezzament fuq l-assi jintalab f'aktar minn ġurisdizzjoni waħda.

3.

Ikun iddikjarat ħelsien mit-tassazzjoni doppja fir-rigward tal-istess element ta' introjtu jew kapital f'aktar minn ġurisdizzjoni waħda.

4.

Hemm arranġament li jinkludi t-trasferimenti ta' assi u fejn hemm differenza materjali fl-ammont li qed jiġi trattat bħala pagabbli, b'kunsiderazzjoni tal-assi f'dawk il-ġurisdizzjonijiet involuti.

D.   Karatteristiċi distintivi speċifiċi dwar l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni u dwar is-sidien benefiċjarji

1.

Arranġament li jista' jkollu l-effett li jdgħajjef l-obbligu ta' rappurtar taħt il-liġijiet li jimplimentaw il-leġislazzjoni tal-Unjoni jew kwalunkwe ftehimiet ekwivalenti dwar l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar Kontijiet Finanzjarji, inklużi ftehimiet ma' pajjiżi terzi, jew li jieħu vantaġġ min-nuqqas ta' leġislazzjoni jew ftehimiet bħal dawn. Dawn l-arranġamenti jinkludu mill-inqas dan li ġej:

(a)

l-użu ta' kont, prodott jew investiment li ma jkunx, jew maħsub li mhuwiex, Kont Finanzjarju, iżda jkollu karatteristiċi li huma sostanzjalment simili għal dawk ta' Kont Finanzjarju;

(b)

it-trasferiment ta' Kontijiet Finanzjarji jew assi, jew l-użu ta' ġurisdizzjonijiet li mhumiex marbuta bl-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar Kontijiet Finanzjarji mal-Istat ta' residenza tal-kontribwent rilevanti;

(c)

il-klassifikazzjoni mill-ġdid ta' introjtu u kapital fi prodotti jew pagamenti li mhumiex soġġetti għall-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar Kontijiet Finanzjarji;

(d)

it-trasferiment jew il-konverżjoni ta' Istituzzjoni Finanzjarja jew Kont Finanzjarju jew l-assi tagħhom f'Istituzzjoni Finanzjarja jew Kont Finanzjarju jew assi mhux soġġetti għal rappurtar skont l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar Kontijiet Finanzjarji;

(e)

l-użu ta' entitajiet ġuridiċi, arranġamenti jew strutturi li jeliminaw jew maħsuba li jeliminaw ir-rappurtar ta' wieħed jew aktar Detenturi ta' Kont jew Persuni Kontrollanti permezz tal-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar Kontijiet Finanzjarji;

(f)

arranġamenti li jdgħajfu, jew jisfruttaw id-dgħufijiet fi, il-proċeduri ta' diliġenza dovuta użati minn Istituzzjonijiet Finanzjarji biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom li jirrappurtaw informazzjoni dwar Kontijiet Finanzjarji, inkluż l-użu ta' ġurisdizzjonijiet b'sistemi inadegwati jew dgħajfa tal-infurzar ta' leġislazzjoni kontra l-ħasil tal-flus jew b'rekwiżiti ta' trasparenza dgħajfa għal persuni ġuridiċi jew arranġamenti ġuridiċi.

2.

Arranġament li jinvolvi katina ta' sidien ġuridiċi jew benefiċjarji mhux trasparenti bl-użu ta' persuni, arranġamenti jew strutturi ġuridiċi:

(a)

li ma jwettqux attività ekonomika sostantiva bis-sostenn ta' persunal, tagħmir, assi u bini adegwati; u

(b)

li huma inkorporati, ġestiti, residenti, ikkontrollati jew stabbiliti f'ġurisdizzjoni differenti minn dik il-ġurisdizzjoni tar-residenza ta' wieħed jew aktar sidien benefiċjarji tal-assi miżmuma minn dawn il-persuni, arranġamenti jew strutturi ġuridiċi; u

(c)

fejn is-sidien benefiċjarji ta' tali persuni, arranġamenti jew strutturi ġuridiċi, kif definit fid-Direttiva (UE) 2015/849, isiru mhux identifikabbli.

E.   Karatteristiċi distintivi dwar il-prezzijiet ta' trasferiment

1.

Arranġament li jinvolvi l-użu ta' regoli dwar protezzjoni unilaterali.

2.

Arranġament li jinvolvi t-trasferiment ta' assi intanġibbli mhux faċilment stimabbli. It-terminu ‘assi intanġibbli mhux faċilment stimabbli’ jkopri intanġibbli jew drittijiet fl-intanġibbli li għalihom, fil-mument tat-trasferiment tagħhom bejn intrapriżi assoċjati:

(a)

ma jeżistu l-ebda prodotti simili affidabbli; u

(b)

fiż-żmien meta saret it-transazzjoni, il-projezzjonijiet ta' flussi futuri ta' flus jew introjtu mistennija li jiġu mill-intanġibbli ttrasferit, jew is-suppożizzjonijiet użati fil-valutazzjoni tal-intanġibbli huma inċerti ħafna, u b'hekk huwa diffiċli li jitbassar il-livell ta' suċċess aħħari tal-intanġibbli fil-mument tat-trasferiment.

3.

Arranġament li jinvolvi trasferiment tal-funzjonijiet transkonfinali intragrupp sinifikanti u/jew riskji u/jew assi, jekk il-qligħ annwali proġettat qabel l-imgħax u t-taxxi (EBIT), matul il-perijodu ta' tliet snin wara t-trasferiment, tat-trasferent jew trasferenti, huwa anqas minn 50 % tal-EBIT annwali proġettat ta' tali trasferent jew trasferenti jekk it-trasferiment ma kienx sar.