10.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 320/44


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-13 ta' Lulju 2018

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 tal-Kroazja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-2018 tal-Kroazja

(2018/C 320/10)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fit-22 ta' Novembru 2017, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2018. Hija kkunsidrat kif xieraq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta' Novembru 2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta' Marzu 2018. Fit-22 ta' Novembru 2017, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih identifikat lill-Kroazja bħala wieħed mill-Istati Membri li għalih trid issir analiżi fil-fond.

(2)

Ir-rapport tal-pajjiż tal-2018 għall-Kroazja ġie ppubblikat fis-7 ta' Marzu 2018. Huwa vvaluta l-progress tal-Kroazja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fil-11 ta' Lulju 2017 (3), is-segwitu mogħti lir-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress tal-Kroazja lejn il-miri nazzjonali tal-Ewropa 2020. Ir-rapport inkluda wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li r-riżultati tagħha wkoll ġew ippubblikati fis-7 ta' Marzu 2018. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha biex tikkonkludi li l-Kroazja għadha qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi kbar, għalkemm dawn qed jitnaqqsu. Il-vulnerabbiltajiet huma marbutin ma' livelli għoljin ta' dejn pubbliku, privat u estern, kollha kemm huma denominati l-aktar f'muniti barranin. Il-livell ta' self improduttiv għadu għoli, b'mod partikolari għal korporazzjonijiet mhux finanzjarji. It-tkabbir potenzjali tal-Kroazja għadu mhux biżżejjed biex jippermetti aġġustament durabbli u kumplessiv għax ftit kien hemm progress fl-implimentazzjoni tal-miżuri politiċi biex jindirizzaw l-użu kroniku baxx tal-ħaddiema u t-tkabbir kajman tal-produttività. Il-kompetittività u l-investiment għadhom imxekkla minn ambjent ta' negozju restrittiv u l-frammentazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika xxekkel l-effiċjenza fis-servizzi pubbliċi.

(3)

Fis-26 ta' April 2018, il-Kroazja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha tal-2018 u l-Programm ta' Konverġenza tal-2018 tagħha. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.

(4)

Rakkomandazzjonijiet speċifiċi rilevanti għall-pajjiż ġew indirizzati fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (“Fondi SIE”) għall-perjodu 2014-2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru li jirrieżamina l-Ftehim ta' Sħubija u l-programmi rilevanti tiegħu u jipproponi emendi għalihom. Il-Kummissjoni pprovdiet iktar dettalji dwar kif tagħmel użu minn dik id-dispożizzjoni fil-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE ma' governanza ekonomika tajba.

(5)

Bħalissa l-Kroazja qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u soġġetta għar-regola tad-dejn. Wara surplus tal-amministrazzjoni pubblika ta' 0,8 % tal-PDG fl-2017, il-Programm ta' Konverġenza tal-2018 jipprevedi li l-bilanċ nominali se jinbidel f'defiċit ta' 0,5 % tal-PDG fl-2018 u mbagħad jitjieb gradwalment għal surplus ta' 0,5 % tal-PDG fl-2021. L-objettiv baġitarju fit-terminu medju — id-defiċit strutturali ta' 1,75 % tal-PDG — huwa ppjanat li jkompli jiġi superat matul il-perjodu kollu ta' programmar. Skont il-Programm ta' Konverġenza tal-2018, id-dejn pubbliku bħala proporzjon tal-PDG huwa mistenni jonqos minn 78,0 % tal-PDG fl-2017 għal 75,1 % fl-2018 u jkompli jonqos sa 65,9 % fl-2021. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa plawżibbli. Madankollu, il-miri baġitarji previsti jidhru kawti. Skont il-previżjonijiet tar-rebbiegħa tal-2018 tal-Kummissjoni, il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika se jilħaq 0,7 % u 0,8 % tal-PDG fl-2018 u l-2019, rispettivament.

(6)

Fil-11 ta' Lulju 2017, il-Kunsill irrakkomanda lill-Kroazja li tibqa' tirrispetta l-objettiv baġitarju fit-terminu medju tagħha fl-2018. Fuq il-bażi tal-previżjonijiet tar-rebbiegħa tal-2018 tal-Kummissjoni, il-bilanċ strutturali għandu jilħaq – 0,3 % tal-PDG fl-2018 u – 0,6 % tal-PDG fl-2019, filwaqt li jibqa' jissupera l-objettiv baġitarju fit-terminu medju. Skont il-previżjonijiet, il-Kroazja għandha tikkonforma mar-regola tad-dejn fl-2018 u l-2019. B'mod ġenerali, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li l-Kroazja hija mistennija tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir fl-2018 u l-2019.

(7)

L-adozzjoni ppjanata ta' leġiżlazzjoni ewlenija biex ittejjeb il-qafas fiskali tal-Kroazja suppost ilha li saret. In-nuqqasijiet fid-disinn tar-regola numerika fiskali jagħmluha ineffettiva għall-ippjanar tal-politika fiskali u r-rwol tal-Kummissjoni tal-Politika Fiskali bħala korp indipendenti għadu dgħajjef. Il-livell tad-dejn pubbliku għadu għoli fil-Kroazja u l-iskopertura tiegħu għar-riskji tal-valuta tfisser li l-prattiki ta' ġestjoni tajba tad-dejn jibqgħu essenzjali. Fl-2017, il-funzjoni tal-immaniġġjar tad-dejn ġiet imsaħħa u ġiet prodotta strateġija tal-immaniġġjar tad-dejn, li tirrikjedi aġġornamenti regolari. L-introduzzjoni ta' taxxa fuq il-proprjetà li kienet diġà leġiżlata ġiet posposta mingħajr ebda indikazzjoni dwar jekk u meta din se tiġi implimentata. Dan iħalli lill-Kroazja bi proporzjon baxx ta' introjtu minn tassazzjoni rikorrenti fuq il-proprjetà immobbli. It-taxxa rikorrenti fuq il-propjetà tagħti lok biex il-ġbir ta' dħul isir aktar favorevoli għat-tkabbir, filwaqt li jiżgura sors ta' dħul stabbli u prevedibbli għall-unitajiet tal-gvern lokali.

(8)

Is-suq tax-xogħol Kroat kompla jirkupra fl-2017. Minkejja dan, ir-rati tal-impjieg u tal-attività għadhom sostanzjalment inqas mill-medja tal-Unjoni, u dan ixekkel it-tkabbir potenzjali. Sa issa, l-età statutorja tal-irtirar hija ta' 62 sena għan-nisa, u 65 sena għall-irġiel. Il-konverġenza u ż-żieda fl-età statutorja tal-irtirar qed isiru bil-mod, u ż-żewġ sessi se jdumu sal-2038 biex jilħqu l-età tal-irtirar ta' 67. Barra minn hekk, ħaddiema ikbar fl-età jistgħu jibbenefikaw minn diversi mezzi għal irtirar kmieni u s-sistema tal-pensjonijiet tinkludi għadd ta' skemi tal-pensjoni li jipprovdu kundizzjonijiet iktar favorevoli għall-irtirar. Ir-responsabbiltajiet tan-nisa għal ħadd ieħor jikkontribwixxu wkoll għall-parteċipazzjoni baxxa tagħhom fis-suq tax-xogħol. Il-medja baxxa tat-tul ta' żmien tal-ħajja tax-xogħol li tirriżulta timplika adegwatezza baxxa tal-pensjonijiet attwali u futuri u riskji ta' faqar relatati mal-anzjanità. Il-miżuri mħabbra biex jinkoraġġixxu ħajja tax-xogħol itwal għadhom ma ġewx implimentati.

(9)

Għalkemm fil-Kroazja hemm struttura għad-djalogu soċjali, l-interazzjoni attwali bejn l-awtoritajiet u l-partijiet ikkonċernati matul il-proċess ta' tħejjija tal-politika hija limitata u kienet ristretta kważi għal kollox għall-provvista ta' feedback bil-miktub dwar il-miżuri proposti mill-Gvern. Barra minn hekk, il-frammentazzjoni tat-trejdjunjins tillimita l-kapaċità ġenerali tagħhom li jinvolvu ruħhom fi djalogu soċjali.

(10)

Minkejja titjib riċenti, il-proporzjon tal-popolazzjoni f'riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali għadha għolja, b'differenzi territorjali kbar bejn il-kontej. L-anzjani, il-persuni b'ħiliet baxxi u b'diżabbiltà huma affettwati b'mod partikolari. Is-sistema ta' protezzjoni soċjali fiha nuqqasijiet fl-effikaċja u l-ġustizzja. Il-benefiċċji soċjali għandhom kapaċità limitata għat-tnaqqis tal-faqar. In-nuqqas ta' koordinazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u kapaċità fiskali iktar baxxa tal-unitajiet tal-gvern lokali iktar foqra jwasslu għal provvediment inugwali tal-benefiċċji soċjali.

(11)

Il-Kroazja tinsab taħt il-medja tal-Unjoni fir-rigward tal-investiment fl-edukazzjoni, fl-edukazzjoni u fl-indukrar bikrija tat-tfal, fil-ħiliet bażiċi, fil-livell edukattiv terzjarju u fir-rilevanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għas-suq tax-xogħol. Il-Kroazja nediet l-implimentazzjoni ta' diversi riformi deskritti fl-istrateġija dwar l-edukazzjoni, ix-xjenza u teknoloġija. Ir-riforma tal-kurrikuli skolastiċi x'aktarx se jkollha impatt pożittiv fuq il-kwalità tal-edukazzjoni fil-Kroazja jekk tiġi implimentata bis-sħiħ u b'mod konsistenti ma' azzjonijiet oħra fl-istrateġija. Ir-rilevanza għas-suq tax-xogħol tal-programmi ta' edukazzjoni u ta' taħriġ vokazzjonali tidher li hija limitata, kif suġġerit mill-fatt li iktar minn nofs il-persuni qiegħda rreġistrati huma gradwati minn edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali. Jeħtieġ koordinazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet pubbliċi u min iħaddem biex titjieb l-identifikazzjoni tal-bżonnijiet tal-ħiliet. Is-sistema tal-edukazzjoni għall-adulti bil-għan li tgħin l-inklużjoni fis-suq tax-xogħol hija kkaratterizzata minn għadd ta' fornituri li huwa kbir u mqassam b'mod inugwali madwar il-pajjiż, u programmi ta' tagħlim li mhumiex ivvalutati sew. Il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni għall-adulti u fi programmi edukattivi offruti bħala parti mill-politika attiva tas-suq tax-xogħol hija kritikament baxxa.

(12)

Il-frammentazzjoni territorjali tal-amministrazzjoni pubblika tal-Kroazja u d-distribuzzjoni wiesgħa tal-kompetenzi fil-livelli differenti tal-gvern huma ta' piż fuq l-effiċjenza tal-provvediment tas-servizz pubbliku u fuq in-nefqa pubblika. Diversi unitajiet lokali żgħar huma neqsin minn kapaċità finanzjarja u amministrattiva adegwata biex iwettqu funzjonijiet deċentralizzati. L-indikaturi tal-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika juru prestazzjoni inqas mill-medja tal-Unjoni, li xxekkel it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki pubbliċi u użu iktar effiċjenti tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej. It-tnaqqis ippjanat tal-għadd ta' uffiċċji tal-fergħat lokali tal-amministrazzjoni ċentrali u s-simplifikazzjoni tas-sistema tal-aġenziji tal-istat reġgħu ġew posposti. In-nuqqas ta' koerenza fl-oqfsa tal-iffissar tas-salarji tal-amministrazzjoni pubblika u tas-servizzi pubbliċi jimpedixxi t-trattament indaqs u l-kontroll tal-gvern fuq il-kont tal-pagi pubbliċi. Il-leġiżlazzjoni ppjanata għall-armonizzazzjoni tagħhom reġgħet ġiet posposta sa nofs l-2018. L-awtoritajiet ħadu l-ewwel passi biex jintegraw xi funzjonijiet bejn l-isptarijiet biex itejbu l-effiċjenza fil-provvediment tas-servizzi u l-aċċess għall-kura tas-saħħa. Madankollu, mudell ineffettiv tal-finanzjament tas-sistema tas-saħħa jirriżulta f'akkumulazzjoni ta' dejn, speċjalment fir-rigward tal-kura ta' pazjenti rikoverati.

(13)

L-intrapriżi tal-istat għad għandhom preżenza kbira fl-ekonomija. Il-miżuri biex il-governanza tagħhom titjieb avvanzaw bil-mod, u huma għadhom joperaw f'livelli ta' produttività u ta' profittabbiltà baxxi. Ġiet adottata leġiżlazzjoni ġdida li tirregola l-immaniġġjar u d-disponiment tal-assi tal-istat.

(14)

F'Novembru 2017, ġiet iffinalizzata analiżi indipendenti tal-kwalità tal-assi tal-Bank Kroat għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp. Minħabba l-importanza tal-bank għall-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji tal-Unjoni u l-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa, kif ukoll l-involviment dejjem ikbar tiegħu fis-self dirett, is-sejbiet tal-analiżi jenħtieġ li jintużaw biex isaħħu l-qafas superviżorju u regolatorju u l-governanza tal-Bank.

(15)

Il-piż amministrattiv u l-imposti parafiskali għadhom ixekklu l-ambjent tan-negozju. It-tnaqqis fil-piż amministrattiv qed jagħmel progress kontinwu, iżda b'ritmu bil-mod. It-tnaqqis fl-imposti parafiskali kien limitat u t-trasparenza hija baxxa, peress li la twettqu aġġornamenti regolari tar-reġistru u lanqas valutazzjonijiet tal-impatt tat-tnaqqis ippjanat.

(16)

Il-pjan ta' azzjoni kontra l-korruzzjoni 2017–2018 jeħtieġ li jiġi implimentat bis-sħiħ sabiex jagħti riżultati għall-objettivi tal-istrateġija kontra l-korruzzjoni 2015–2020. Għad jeħtieġ li bosta elementi ewlenin jitjiebu, partikolarment l-iżvelar tal-assi u tal-kunflitti ta' interess, iż-żieda fis-sensibilizzazzjoni dwar il-mezzi ta' rapportar ta' żvelar ta' informazzjoni protetta u l-kontroll effettiv tar-riskji fl-akkwist pubbliku, li għadu vulnerabbli għall-korruzzjoni minħabba proporzjon kbir ta' kuntrattar intern (in-house) minn entitajiet tal-istat.

(17)

Ir-regolamentazzjoni restrittiva tas-swieq tal-oġġetti u tas-servizzi, b'mod partikolari l-għadd kbir ta' professjonijiet irregolati wisq ixekkel il-kompetizzjoni. It-tnaqqis tar-regolamentazzjoni qed isir bil-mod fl-isfond ta' reżistenza qawwija minn gruppi ta' interess.

(18)

Proċedimenti tal-qorti twal u xogħol b'lura konsiderevoli jkomplu jkunu ta' piż fuq il-kwalità u l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarju u konsegwentement fuq l-ambjent tan-negozju. It-tnaqqis osservat fix-xogħol b'lura kien prinċipalment riżultat ta' influss inqas ta' kawżi ġodda iktar milli minħabba riżoluzzjoni iktar mgħaġġla tal-kawżi. Minkejja t-titjib, il-komunikazzjoni elettronika fil-litigazzjoni u fil-proċedimenti tal-insolvenza baqgħet mhux użata biżżejjed.

(19)

Bħalissa qed jitħejjew sforzi mmirati biex tiġi riformata s-sistema nazzjonali tax-xjenza u l-innovazzjoni permezz ta' Strateġija tal-Kroazja għal Speċjalizzazzjoni Intelliġenti. Ir-responsabbiltajiet politiċi li jappoġġjaw ix-xjenza u l-innovazzjoni jidhru mhux koordinati, u dan idgħajjef l-implimentazzjoni tal-istrateġija politika. Bl-istess mod, l-universitajiet ewlenin għadhom strutturi ta' governanza frammentati ħafna u regoli ta' amministrazzjoni riġidi. Il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta' riċerka u s-settur tan-negozju hija dgħajfa. Ma jsir l-ebda monitoraġġ u evalwazzjoni sistematika tal-impatt tal-politiki tar-riċerka u tal-innovazzjoni fis-seħħ, u dan jipprevjeni milli jiġu stipulati l-prijoritajiet kif xieraq. Is-sistema ta' edukazzjoni terzjarja tista' tibbenefika minn inċentivi li jinkoraġġixxu l-kwalità u r-rilevanza għas-suq tax-xogħol.

(20)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2018, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Kroazja u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2018. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta' Konverġenza tal-2018, il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Kroazja fis-snin preċedenti. Hija qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Kroazja, iżda wkoll sa fejn jikkonformaw mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(21)

Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Konverġenza tal-2018 u huwa tal-opinjoni (5) li l-Kroazja hija mistennija tikkonforma mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

(22)

Fid-dawl tal-analiżi fil-fond mill-Kummissjoni u ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 u l-Programm ta' Konverġenza tal-2018. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn nru (1) sa (4) hawn taħt,

B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Kroazja tieħu azzjoni fl-2018 u l-2019 biex:

1.

Issaħħaħ il-qafas fiskali, inkluż billi ssaħħaħ il-mandat u l-indipendenza tal-Kummissjoni tal-Politika Fiskali. Tintroduċi taxxa rikorrenti fuq il-proprjetà.

2.

Tiskoraġġixxi l-irtirar kmieni, tħaffef it-tranżizzjoni lejn età tal-irtirar statutorja iktar għolja u tallinja l-provvedimenti tal-pensjoni għal kategoriji speċifiċi mar-regoli tal-iskema ġenerali. Twettaq riforma tas-sistema tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u ttejjeb il-kwalità u r-rilevanza tagħha għas-suq tax-xogħol kemm għaż-żgħażagħ kif ukoll għall-adulti. Tikkonsolida l-benefiċċji soċjali u ttejjeb il-kapaċità tagħhom għat-tnaqqis tal-faqar.

3.

Tnaqqas il-frammentazzjoni territorjali tal-amministrazzjoni pubblika, tissimplifika d-distribuzzjoni funzjonali tal-kompetenzi u ttejjeb il-kapaċità tat-tfassil u tal-implimentazzjoni tal-politiki pubbliċi. F'konsultazzjoni mas-sħab soċjali, tintroduċi oqfsa armonizzati tal-iffissar tal-pagi fl-amministrazzjoni pubblika u fis-servizzi pubbliċi.

4.

Ittejjeb il-governanza korporattiva fl-intrapriżi tal-istat, tintensifika l-bejgħ tal-intrapriżi tal-istat u tal-assi mhux produttivi. Tnaqqas b'mod sinifikanti l-piż fuq in-negozji li joriġina minn imposti parafiskali, kif ukoll minn rekwiżiti amministrattivi u leġiżlattivi kkumplikati. Ittejjeb il-kompetizzjoni fis-servizzi tan-negozju u fil-professjonijiet regolati. Tnaqqas it-tul tal-proċedimenti tal-qorti u ttejjeb il-komunikazzjoni elettronika fil-qrati.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Lulju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LÖGER


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

(3)  ĠU C 261, 9.8.2017, p. 41.

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(5)  Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.