10.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 320/12


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-13 ta' Lulju 2018

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 tar-Repubblika Ċeka u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-2018 tar-Repubblika Ċeka

(2018/C 320/03)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fit-22 ta' Novembru 2017, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2018. Ġie kkunsidrat b'mod xieraq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, proklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta' Novembru 2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta' Marzu 2018. Fit-22 ta' Novembru 2017, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih hija ma identifikatx lir-Repubblika Ċeka bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond.

(2)

Ir-rapport tal-pajjiż tal-2018 għar-Repubblika Ċeka ġie ppubblikat fis-7 ta' Marzu 2018. Dan ir-rapport jivvaluta l-progress tar-Repubblika Ċeka biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fil-11 ta' Lulju 2017 (3), is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fis-snin preċedenti u l-progress tar-Repubblika Ċeka lejn il-miri tal-Ewropa 2020 nazzjonali tagħha.

(3)

Fit-30 ta' April 2018, ir-Repubblika Ċeka ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 tagħha u l-Programm ta' Konverġenza tal-2018 tagħha. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.

(4)

Rakkomandazzjonijiet speċifiċi rilevanti għall-pajjiż ġew indirizzati fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (“Fondi SIE”) għall-perjodu 2014-2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru li jirrieżamina l-Ftehim ta' Sħubija u l-programmi rilevanti tiegħu u jipproponi emendi għalihom. Il-Kummissjoni pprovdiet iktar dettalji dwar kif tagħmel użu minn dik id-dispożizzjoni fil-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE ma' governanza ekonomika tajba.

(5)

Ir-Repubblika Ċeka bħalissa tinsab fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Fil-Programm ta' Konverġenza tagħha tal-2018, il-Gvern qed jippjana surplus baġitarju f'termini nominali matul l-2018-2021. L-objettiv baġitarju fit-terminu medju — defiċit strutturali ta' 1,0 % tal-PDG — se jibqa' jiġi ssodisfat b'marġni matul il-perjodu kollu tal-programm. Skont il-Programm ta' Konverġenza tal-2018, id-dejn pubbliku bħala proporzjon tal-PDG huwa mistenni jonqos gradwalment għal 29,9 % fl-2021. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawk il-projezzjonijiet baġitarji huwa plawsibbli. Riskji għall-kisbiet ta' objettivi baġitarji jidhru fil-parti l-kbira bilanċjati, b'żieda mistennija fl-investiment pubbliku u żieda ulterjuri fil-pagi pubbliċi. Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2018 tal-Kummissjoni, il-bilanċ strutturali huwa mbassar li se jonqos għal madwar 0,9 % tal-PDG fl-2018 u għal 0,2 % tal-PDG fl-2019 biex b'hekk jibqa' ogħla mill-objettiv baġitarju fit-terminu medju. Komplessivament, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li fl-2018 u fl-2019 ir-Repubblika Ċeka hija mistennija li tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

(6)

Ir-Repubblika Ċeka qed tkompli turi riskji ta' livell medju għas-sostenibbiltà fiskali fuq perjodu ta' żmien twil. Filwaqt li l-ispejjeż tat-tixjieħ joħolqu sfida għal kura tas-saħħa u kura fit-tul, bidliet fis-sistema tal-pensjonijiet jeħtieġu attenzjoni partikolari. Projezzjonijiet aġġornati tan-nefqa relatata mat-tixjieħ jindikaw żieda ogħla minn dik indikata fir-“Rapport dwar it-Tixjiħ” tal-2015. L-infiq fuq il-pensjonijiet huwa mistenni li jiżdied minn 8,2 % tal-PDG fl-2016 għal 10,9 % tal-PDG fl-2070. Din iż-żieda ogħla mistennija fin-nefqa tal-pensjoni tirrifletti fil-biċċa l-kbira l-limitu massimu tal-età statutorja tal-irtirar għal 65 sena. Fil-fatt, l-allinjament tal-istennija tal-ħajja mal-età statutorja tal-irtirar mhijiex awtomatika; minflok, il-limitu għandu jiġi rivedut kull ħames snin mill-Gvern, mill-2019 'il quddiem. Billi dan jitħalla għad-diskrezzjoni tal-Gvern, in-nefqa attwali tal-projezzjonijiet tal-pensjoni ma jikkunsidrawx dawn ir-reviżjonijiet tal-età tal-irtirar. Barra minn hekk, l-indiċjar tal-pensjoni issa huwa iktar ġeneruż, billi jqis 50 % tat-tkabbir reali tal-pagi minflok 33 % tat-tkabbir fil-pagi reali preċedenti. L-impatt ta' dawn il-bidliet fuq in-nefqa jammonta għal 2 punti perċentwali tal-PDG fl-2070. Bidliet oħra li qed jiġu diskussi bħalissa, bħal pereżempju ż-żieda tal-ammont bażiku tal-pensjoni u pensjonijiet ogħla għal pensjonanti li huma akbar fl-età, jaggravaw l-indikaturi tas-sostenibbiltà. Fir-rigward tan-nefqa pubblika għall-kura tas-saħħa, fit-terminu twil hija proġettata li tiżdied b'1,1 punti perċentwali tal-PDG, ogħla miż-żieda medja stmata ta' 0,9 punti perċentwali għall-Unjoni. F'dan il-kuntest, hemm sinjali ta' użu ineffiċjenti tar-riżorsi fil-kura ta' pazjenti ta' barra u rikoverati.

(7)

Il-liġi l-ġdida dwar ir-responsabilità fiskali li daħlet fis-seħħ mill-bidu tal-2017 saħħet b'mod sinifikanti l-qafas fiskali tar-Repubblika Ċeka u stabbilixxiet il-kunsill fiskali indipendenti. Abbozz ta' liġi dwar awditi indipendenti bħalissa tinsab fil-proċedura ta' konsultazzjoni ta' bejn is-servizzi u għandha l-għan li tindirizza t-traspożizzjoni li għad fadal tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE (5).

(8)

Il-Bank Nazzjonali Ċek jista' jistabilixxi limiti ta' rakkomandazzjoni makroprudenzjali għas-self ipotekarju, iżda s-setgħat ta' sanzjonar tiegħu huma limitati minħabba li ma għandux l-awtorità formali li jinfurzahom. Filwaqt li banek Ċeki jikkonformaw ma' ċerti limiti aggregati ta' livell, għadhom ma aderixxewx bis-sħiħ mal-linji gwida tal-2016 tal-Bank Nazzjonali Ċek. Limiti leġiżlattivi vinkolanti x'aktarx iżidu l-livell ta' konformità fost il-banek Ċeki, u jiżguraw stabbiltà finanzjarja u riskji ridotti għal min jissellef. Proposta leġiżlattiva, li temenda l-Att dwar il-Bank Nazzjonali Ċek, hija mistennija li tiġi diskussa fil-Parlament fl-2018.

(9)

Ir-Repubblika Ċeka għadha qed tħabbat wiċċha ma' sfidi fir-rigward tat-titjib fit-trasparenza u l-effiċjenza tal-akkwist pubbliku u biex tipprevjeni l-korruzzjoni. Filwaqt li ċerti passi ttieħdu biex jittejjeb il-qafas tal-akkwist pubbliku, il-livell ta' kompetizzjoni għadu kwistjoni ta' tħassib peress li kważi nofs l-offerti pubbliċi kollha jirriżultaw fi proċedura ta' offerta waħda. Fl-istess ħin, id-dħul fis-seħħ tal-użu obbligatorju ta' proċeduri elettroniċi għandu l-potenzjal li jżid it-trasparenza u l-effiċjenza. L-awtoritajiet Ċeki investew fil-pjattaforma ta' akkwist elettroniku li tappartjeni lill-istat l-“Għodda Elettronika Nazzjonali”, li għandha ssir dejjem iktar affidabbli u faċli għall-utent, minbarra l-pjattaformi privati li jservu s-suq Ċek. Xorta għad hemm ambitu wiesa' biex jitneħħew l-ostakli amministrattivi u jiġi sfruttat il-potenzjal tal-akkwist pubbliku aggregat u strateġiku biex jikseb valur aħjar għall-flus pubbliċi. Min-naħa l-oħra, kemm l-awtoritajiet ċentrali kif ukoll lokali bdew inizjattivi mmirati biex iħarrġu l-persunal involut fil-proċeduri tal-akkwist. Madankollu, l-istabbiliment ta' miżuri tal-akkwist konġunt u l-akkwist ta' għarfien espert speċjalizzat f'ċerti oqsma għadhom sfidi kbar. Barra minn hekk, il-korruzzjoni u t-tixħim huma ta' tħassib kontinwu għaċ-ċittadini u l-intrapriżi. Filwaqt li ġew adottati diversi riformi maġġuri tal-istrateġija kontra l-korruzzjoni, ċerti oqsma għadhom ma ġewx indirizzati.

(10)

Filwaqt li l-prestazzjoni tal-gvern elettroniku tibqa' iktar baxxa mill-medja fl-Unjoni, miżuri leġiżlattivi rilevanti ġew adottati biex jiżguraw iż-żieda tal-aċċessibbiltà u d-disponibbiltà ta' dawn is-servizzi. Ċerti inizjattivi fuq skala kbira huma mistennija jiġu introdotti fl-2018 iżda s-suċċess tagħhom jiddependi fuq l-abbiltà tal-awtoritajiet li jissensibilizzaw u l-forniment ta' soluzzjonijiet li jkunu faċli għall-utent.

(11)

Ċerti piżijiet amministrattivi u regolatorji qegħdin iżommu lura l-investiment. Dawn il-piżijiet jikkonċernaw fil-parti l-kbira permessi ta' kostruzzjoni u l-kumplessità tat-taxxa. Madankollu, huwa rikonoxxut li l-awtoritajiet adottaw emenda għall-Att dwar il-Kostruzzjoni li tissimplifika l-proċedura tal-għoti ta' permessi tal-bini billi tinkludi valutazzjoni tal-impatt ambjentali fid-deċiżjoni tat-tqassim f'żoni jew fil-permess konġunt tat-tqassim f'żoni u ta' bini. Madankollu, għadu mhux ċar jekk din tistax tissimplifika wkoll il-proċeduri għal proġetti infrastrutturali kbar, peress li diversi awtorizzazzjonijiet oħra ma ġewx inklużi f'din is-sistema ta' permessi konġunti. Emenda għal-liġi eżistenti li tirregola l-kostruzzjoni tal-infrastruttura tat-trasport qed tiġi diskussa fil-Parlament. Filwaqt li saru bidliet fis-sistema tat-taxxa mmirati biex itejbu l-ġbir tat-taxxa, ir-regolamenti tat-taxxa u r-rati resqu 'l quddiem fil-lista ta' preokkupazzjonijiet bħala oqsma problematiċi biex isir negozju. Il-Gvern il-ġdid indika bidliet possibbli sabiex tiżdied it-trasparenza u tiġi ssimplifikata s-sistema tat-taxxa, inkluż il-ħidma li għaddejja biex jimmodernizza l-leġiżlazzjoni tat-taxxa. L-ispejjeż ta' konformità żdiedu ftit u jibqgħu 'l fuq mill-medja tal-Unjoni. Għalkemm daħħal dħul addizzjonali mit-taxxa, “id-dikjarazzjoni tal-kontroll tat-taxxa fuq il-valur miżjud” żiedet il-ħin meħtieġ għall-konformità mar-rekwiżiti tat-taxxa. Minkejja t-tnaqqis sinifikanti f'sigħat biex jikkonformaw mal-Kodiċi tat-Taxxa meta mqabbla mal-passat, ir-Repubblika Ċeka għadha fuq in-naħa għolja tal-iskala. Barra minn hekk, rati tat-taxxa fuq il-valur miżjud imnaqqsa ġodda jistgħu jżidu mal-kumplessità tas-sistema tat-taxxa fuq il-valur miżjud, b'mod partikolari għall-impriżi żgħar u medji.

(12)

Filwaqt li l-ekonomija Ċeka qed tersaq lejn attivitajiet aktar iffokati fuq l-għarfien, bosta ostakli għadhom ifixklu l-iżvilupp ta' prestazzjoni tajba fis-sistema tar-riċerka u l-innovazzjoni. Iż-żieda ta' investiment fir-R&Ż tan-negozju hija xprunata primarjament minn investimenti barranin diretti. In-nefqa fuq ir-R&Ż minn ditti domestiċi naqset matul dawn l-aħħar sentejn. Minkejja investiment sostanzjali fir-R&Ż pubbliċi, ir-Repubblika Ċeka għandha prestazzjoni baxxa f'termini ta' kwalità tal-bażi xjentifika pubblika tagħha. Miżuri ta' politika ġew adottati biex jinbnew rabtiet bejn l-akkademja u n-negozji u tiżdied il-prestazzjoni tal-bażi pubblika tax-xjenza, iżda nkisbu riżultati limitati s'issa u r-riformi għad iridu jiġu implimentati bis-sħiħ. Barra minn hekk, il-governanza tas-sistema tar-riċerka u l-innovazzjoni għadha frammentata.

(13)

Edukazzjoni inklużiva u taħriġ ta' kwalità huma ta' importanza ewlenija fid-dawl tal-effetti lembut li qed jiżdiedu fis-suq tax-xogħol Ċek. Il-prestazzjoni tal-edukazzjoni qed tkompli tiġi affettwata ħafna mill-isfond soċjoekonomiku tal-istudenti. Miżuri ta' edukazzjoni inklużiva għad iridu jiġu implimentati bis-sħiħ, b'mod partikolari għat-tfal Rom. Nuqqasijiet ta' għalliema kkwalifikati, flimkien ma' projezzjonijiet demografiċi, jindikaw li tista' tkun aktar diffiċli li jiġu reklutati u jinżammu l-għalliema. Is-sistema tal-karrieri l-ġdida ppjanata għall-għalliema, li kellha torbot l-iżvilupp professjonali kontinwu, il-karriera u s-salarji, ma ġietx adottata mill-Parlament. Il-pagi tal-għalliema għadhom baxxi meta mqabbla ma' dawk ta' ħaddiema oħra b'edukazzjoni terzjarja, iżda żidiet fil-pagi huma previsti fis-snin li ġejjin. Għalhekk l-attrazzjoni tal-professjoni fit-tagħlim għaż-żgħażagħ b'talent għadha baxxa. Fl-aħħarnett, is-suċċess tar-riforma lejn edukazzjoni inklużiva (introdotta fl-2016 bl-appoġġ tal-Fond Soċjali Ewropew ) se tiddependi fuq id-disponibbiltà ta' finanzjament nazzjonali suffiċjenti u sostenibbli, aktar taħriġ għall-għalliema u l-assistenti għalliema u s-sensibilizzazzjoni tal-popolazzjoni ġenerali dwar il-benefiċċji tal-edukazzjoni inklużiva.

(14)

Ir-Repubblika Ċeka qed tesperjenza prestazzjoni qawwija fis-suq tax-xogħol. L-impjieg żdied b'mod kostanti matul dawn l-aħħar sitt snin u l-qgħad naqas b'mod konsiderevoli. Il-potenzjal tan-nisa, il-persuni b'ħiliet baxxi u l-persuni b'diżabbiltà jibqgħu madankollu mhuwiex użat biżżejjed. Fl-isfond tan-nuqqas ta' ħaddiema, jidher ċar li hemm lok biex tiżdied il-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol. Id-distakk bejn il-ġeneri fl-impjieg u l-pagi għadhom għoljin minkejja l-miżuri reċenti li għamlu l-liv tal-ġenituri iktar flessibbli u żiedu l-għadd ta' faċilitajiet ta' indukrar tat-tfal. Ir-rata tal-impjieg fost in-nisa għadha ħafna inqas dik tal-irġiel. Il-maternità għad għandha impatt kbir fuq il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, marbuta mad-disponibbiltà baxxa ta' indukrar tat-tfal affordabbli, intitolamenti tal-liv twil tal-ġenituri, użu baxx ta' arranġamenti flessibbli tax-xogħol u n-nuqqas ta' faċilitajiet ta' kura fit-tul. Fl-2016 kien hemm biss 4,7 % tat-tfal taħt it-tliet snin li kienu f'ċentri formali tal-indukrar tat-tfal. Għalkemm huma proporzjon żgħir tal-popolazzjoni, ir-rata tal-impjiegi b'livell baxx ta' ħiliet hi ferm anqas minn dik b'ħiliet medji u dawk tas-sengħa. Bl-istess mod, ir-rata tal-impjieg ta' persuni b'diżabbiltà hija iktar baxxa mill-medja tal-Unjoni, minkejja r-rata ta' qgħad l-iktar baxxa u n-nuqqasijiet fis-suq tax-xogħol. Dan jista' jħeġġeġ l-isfruttar tal-potenzjal mhux użat tal-persuni b'diżabbiltà. Minħabba kapaċità limitata, is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi bħalissa mhux qed jipprovdu appoġġ personalizzat, kontinwu suffiċjenti lil dawk li qed ifittxu l-impjieg. Aktar attività ta' lħiq u ta' attivazzjoni tal-kapaċitajiet tas-servizzi tal-impjieg pubbliku, flimkien ma' politiki effettivi tas-suq tax-xogħol u mmirati sew u servizzi individwalizzati, ikunu ta' għajnuna biex tiżdied il-parteċipazzjoni ta' dawn il-gruppi. Inizjattivi ta' titjib tal-kompetenzi (li jkopru wkoll ħiliet diġitali) jistgħu jtejjbu l-aċċess għas-suq tax-xogħol.

(15)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2018, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tar-Repubblika Ċeka u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2018. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta' Konverġenza tal-2018, il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lir-Repubblika Ċeka fi snin preċedenti. Il-Kummissjoni qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fir-Repubblika Ċeka iżda wkoll sa fejn jikkonformaw mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(16)

Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Konverġenza tal-2018 u huwa tal-opinjoni (6) li r-Repubblika Ċeka mistennija li tkun konformi mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li r-Repubblika Ċeka tieħu azzjoni fl-2018 u l-2019 biex:

1.

Ittejjeb is-sostenibbiltà fiskali fit-terminu twil, b'mod partikolari tas-sistema tal-pensjoni. Tindirizza d-dgħufijiet fil-prattiki tal-akkwist pubbliku, inkluż billi tippermetti aktar kompetizzjoni bbażata fuq il-kwalità u bl-implimentazzjoni ta' miżuri kontra l-korruzzjoni.

2.

Tnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-investiment, b'mod partikolari billi jitħaffu l-proċeduri tal-permessi kollha għall-ħidma infrastrutturali. Telimina l-effetti lembut li jxekklu r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, b'mod partikolari billi żżid il-kapaċità ta' innovazzjoni tad-ditti domestiċi. Issaħħaħ il-kapaċità tas-sistema tal-edukazzjoni biex tipproduċi edukazzjoni inklużiva ta' kwalità, inkluż billi tippromwovi l-professjoni tat-tagħlim. Trawwem l-impjieg tan-nisa, il-ħaddiema b'ħiliet baxxi u l-persuni b'diżabbiltà, inkluż billi titjieb l-effikaċja tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Lulju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LÖGER


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

(3)  ĠU C 261, 9.8.2017, p. 1.

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta' Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41).

(6)  Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.