10.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 320/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-13 ta' Lulju 2018

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 tal-Belġju u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 tal-Belġju

(2018/C 320/01)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fit-22 ta' Novembru 2017, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2018. Qies il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta' Novembru 2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta' Marzu 2018. Fit-22 ta' Novembru 2017, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih hija ma identifikatx lill-Belġju bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro, li ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta' Marzu 2018. Fl-14 ta' Mejju 2018, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro (3) (“Rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro”).

(2)

Bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro, u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, jenħtieġ li l-Belġju jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha tar-Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro, kif riflessa fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (3) hawn isfel.

(3)

Ir-rapport speċifiku għall-pajjiż tal-2018 għall-Belġju ġie ppubblikat fis-7 ta' Marzu 2018. Ir-rapport jivvaluta l-progress tal-Belġju biex jindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fil-11 ta' Lulju 2017 (4), is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fis-snin preċedenti u l-progress tal-Belġju lejn il-miri nazzjonali tiegħu tal-Ewropa 2020.

(4)

Fis-27 ta' April 2018, il-Belġju ppreżenta l-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 tiegħu u l-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 tiegħu. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.

(5)

Rakkomandazzjonijiet speċifiċi rilevanti għall-pajjiż ġew indirizzati fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (“Fondi SIE”) għall-perjodu 2014-2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru li jirrieżamina l-Ftehim ta' Sħubija u l-programmi rilevanti tiegħu u jipproponi emendi għalihom. Il-Kummissjoni pprovdiet iktar dettalji dwar kif tagħmel użu minn dik id-dispożizzjoni fil-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE ma' governanza ekonomika tajba.

(6)

Bħalissa l-Belġju jinsab fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u soġġett għar-regola tad-dejn. Fil-Programm ta' Stabbiltà tiegħu tal-2018, il-Gvern qed jippjana titjib gradwali fil-bilanċ nominali minn defiċit ta' 1,0 % tal-PDG fl-2017 għal surplus ta' 0,1 % tal-PDG fl-2021. L-objettiv baġitarju fit-terminu medju, li huwa pożizzjoni baġitarja bilanċjata f'termini strutturali, huwa ppjanat li jintlaħaq sal-2020. Madankollu, il-bilanċ strutturali rikalkulat (6) għadu jindika defiċit ta' 0,2 % fl-2020. Wara li tela' sa kważi 107 % tal-PDG fl-2014 u niżel għal madwar 103 % tal-PDG fl-2017, id-dejn pubbliku bħala proporzjon tal-PDG huwa mistenni li jonqos għal 94,6 % sal-2021, skont il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawk il-projezzjonijiet baġitarji huwa plawsibbli. Fl-istess ħin, il-miżuri meħtieġa biex isostnu l-miri ppjanati tad-defiċit mill-2019 'l hemm ma ġewx speċifikati u dan jikkontribwixxi għad-deterjorazzjoni proġettata tal-bilanċ strutturali fl-2019 jekk il-politika ma tinbidilx, skont it-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2018.

(7)

Fit-23 ta' Mejju 2018, il-Kummissjoni ħarġet rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE, billi l-Belġju ma għamilx biżżejjed progress biex jikkonforma mal-punt referenzjarju tat-tnaqqis tad-dejn fl-2017. Wara valutazzjoni tal-fatturi kollha rilevanti, billi bħalissa ma hemmx evidenza robusta għall-konklużjoni dwar l-eżistenza ta' devjazzjoni sinifikanti fil-Belġju fl-2017 u matul l-2016 u l-2017 flimkien, ir-rapport ma setax jikkonkludi bis-sħiħ jekk kienx hemm konformità jew le mal-kriterju tad-dejn kif definit fit-Trattat u fir-Regolament (KE) Nru 1467/97 (7). Il-Kummissjoni se terġa' tivvaluta l-konformità mal-punt referenzjarju tat-tnaqqis tad-dejn fuq il-bażi tad-data ex-post għall-2018 li għandha tiġi notifikata fir-rebbiegħa 2019.

(8)

Il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 jindika li l-impatt baġitarju tal-miżuri relatati mas-sigurtà fl-2017 huwa sinifikanti, u jipprovdi evidenza adegwata dwar l-ambitu u n-natura ta' dawn l-ispejjeż baġitarji addizzjonali. Skont il-Kummissjoni, in-nefqa eliġibbli addizzjonali fl-2017 tammonta għal 0,02 % tal-PDG minħabba miżuri relatati mas-sigurtà. Id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 5(1) u 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 ikopru din in-nefqa addizzjonali, billi l-gravità tat-theddida tat-terroriżmu hija avveniment eċċezzjonali, l-impatt tiegħu fuq il-finanzi pubbliċi tal-Belġju huwa sinifikanti u s-sostenibbiltà ma tkunx kompromessa billi tiġi permessa devjazzjoni temporanja mill-perkors ta' aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fit-terminu medju. Għalhekk, l-aġġustament meħtieġ lejn l-objettiv baġitarju fit-terminu medju għall-2017 tnaqqas biex jitqiesu dawn l-ispejjeż addizzjonali.

(9)

Fil-11 ta' Lulju 2017, il-Kummissjoni rrakkomandat li l-Belġju jiżgura li r-rata ta' tkabbir nominali ta' nefqa primarja netta tal-gvern (8) ma taqbiżx 1,6 % fl-2018, ekwivalenti għal aġġustament annwali strutturali ta' 0,6 % tal-PDG. Fl-istess ħin, ġie ddikjarat li l-valutazzjoni tal-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-2018 u l-valutazzjoni sussegwenti tal-eżiti tal-baġit tal-2018 se jkollhom iqisu l-għan li tintlaħaq pożizzjoni fiskali li tikkontribwixxi kemm biex jissaħħaħ l-irkupru li għaddej kif ukoll li jiżgura s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tal-Belġju. Wara l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tas-saħħa tal-irkupru fil-Belġju filwaqt li jingħataw il-konsiderazzjonijiet dovuti għall-isfidi tas-sostenibbiltà tiegħu, li twettqu fil-kuntest tal-opinjoni tagħha fuq l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju tal-2018, ma hemm bżonn jittieħdu l-ebda elementi addizzjonali f'dan ir-rigward. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2018 tal-Kummissjoni, hemm riskju ta' devjazzjoni sinifikanti mill-perkors tal-aġġustamenti rakkomandat lejn l-objettiv baġitarju fit-terminu medju fl-2018 u matul l-2017 u l-2018 flimkien.

(10)

Fl-2019, fid-dawl tal-fatt li d-dejn pubbliku bħala proporzjon tal-PDG tal-Belġju huwa 'l fuq minn 60 % tal-PDG u l-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni ta' 0,4 %, ir-rata ta' tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett jenħtieġ li ma taqbiżx il-1,8 %, f'konformità mal-aġġustament strutturali ta' 0,6 % tal-PDG li jirriżulta mill-matriċi ta' aġġustament miftiehma b'mod komuni tar-rekwiżiti skont il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Jekk ma jinbidlux il-politiki, hemm riskju ta' devjazzjoni sinifikanti minn dan ir-rekwiżit fl-2019 u matul l-2018 u l-2019 flimkien. Prima facie mhuwiex previst li l-Belġju se jikkonforma mar-regola tad-dejn fl-2018 u fl-2019. Kumplessivament, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li mill-2018 jenħtieġ li jittieħdu miżuri neċessarji biex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. L-użu ta' xi gwadann mhux previst biex jitnaqqas iktar il-proporzjon ta' dejn pubbliku ikun rispons prudenti.

(11)

Is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tibqa' sfida. Ir-riformi tal-pensjonijiet adottati fl-2015 kienu pass sinifikanti li jindirizza riskji marbuta mat-tixjiħ fit-tul, iżda r-Rapport dwar it-Tixjiħ 2018 jindika żieda ikbar milli mistennija qabel fin-nefqa fit-tul relatata mat-tixjiħ kemm għan-nefqa tal-pensjonijiet kif ukoll tal-kura fit-tul. L-infiq fuq il-pensjonijiet huwa pproġettat li jiżdied bi 2,9 punti perċentwali tal-PDG fl-2070, meta mqabbel maż-żieda ta' 1,3 punti perċentwali fl-2060 (u tnaqqis ta' 0,1 punt perċentwali tal-PDG bħala medja għall-Unjoni) fl-aġġornament preċedenti. F'dan ir-rigward, l-implimentazzjoni sħiħa tal-pjan direzzjonali ta' riforma tal-gvern tista' tikkontribwixxi lejn l-indirizzar ta' dawk ir-riskji. Barra minn hekk, in-nefqa fuq il-kura fit-tul hija proġettata li tiżdied, minn livell li huwa diġà 'l fuq mill-medja tal-Unjoni ta' 2,3 % tal-PDG għal 4,0 % tal-PDG sal-2070. It-tnaqqis tal-frammentazzjoni fix-xenarju organizzazzjonali tal-kura fit-tul, minħabba t-tqassim tal-kompetenzi fost livelli amministrattivi differenti, għandu l-potenzjal li jżid l-effiċjenza tan-nefqa f'dan il-qasam.

(12)

Huwa essenzjali li jkun hemm koordinazzjoni effettiva tal-baġit fi Stat Membru federali bħall-Belġju, fejn il-parti kbira tas-setgħat tan-nefqa ġiet ittrasferita lill-gvernijiet sottonazzjonali. Biex titjieb il-koordinazzjoni interna u biex jiġi traspost il-komponent fiskali tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (“il-Patt Fiskali”), il-Gvern federali u l-gvernijiet reġjonali u tal-komunitajiet laħqu ftehim ta' kooperazzjoni fl-2013, bil-għan li jiġu ddefiniti l-perkorsi fiskali multiannwali kumplessivi u individwali, li se jiġi mmonitorjat mill-Kunsill Għoli għall-Finanzi. Intlaħaq ftehim dwar miri fiskali individwali li għandhom jinkisbu sal-2020, li huwa pass pożittiv. Madankollu, għad m'hemmx ftehim formali dwar il-miri fiskali annwali fil-livelli kollha tal-gvern. Sar progress fir-rigward tal-istabbiliment ta' salvagwardji suffiċjenti fir-rigward tal-indipendenza tal-Kunsill Għoli tal-Finanzi.

(13)

Hemm lok li jingħata rwol akbar ta' trażżin ta' nfiq għall-konsolidament fiskali. In-nefqa pubblika totali bħala perċentwal tal-PDG hija 'l fuq mill-medja taż-Żona tal-Euro. Minkejja l-potenzjal tiegħu biex fuq perjodu ta' żmien twil jistimola t-tkabbir ekonomiku, l-investiment pubbliku huwa baxx meta mqabbel mal-istandards Ewropej, b'mod partikolari fir-rigward tan-nefqa pubblika totali. Mhux biss l-istokk tal-kapital pubbliku huwa baxx, il-kwalità tal-infrastruttura pubblika ttieklet ukoll. Analiżi tan-nefqa tista' tikkontribwixxi għal allokazzjoni aktar intelliġenti ta' nefqa u tappoġġa l-konsolidazzjoni favur it-tkabbir. Fil-livell reġjonali biss il-Flanders qed jippjana li jdaħħal approċċ ta' rieżami tal-infiq fil-proċess baġitarju tiegħu. B'żieda ma' dan, l-ebda livell ta' gvern fil-Belġju ma huwa marbut b'regoli ta' nfiq domestiċi, bl-eċċezzjoni ta' limitu massimu għall-infiq fuq il-kura tas-saħħa. Dan huwa f'kuntrast mal-adozzjoni dejjem tiżdied ta' tali regoli fl-Unjoni u tipprevjeni l-konsolidazzjoni fiskali bbażata fuq in-nefqa. Barra minn hekk, kontribuzzjonijiet għall-Iskema ta' Garanzija tad-Depożiti Belġjana ma jiġux investiti f'portafoll separat ta' assi b'riskju baxx.

(14)

Id-distribuzzjoni ta' dejn u assi madwar l-unitajiet domestiċi Belġjani tiżvela xi każijiet ta' vulnerabbiltà, minkejja l-pożizzjoni tal-ġid ġenerali favorevoli tagħhom. Perjodu mtawwal ta' żieda iktar mgħaġġla fil-prezzijiet tad-djar milli fuq l-introjtu disponibbli tal-unitajiet domestiċi akkumpanjat ma żidiet fil-livell ta' dejn tal-unitajiet domestiċi għamlu is-sitwazzjoni finanzjarja tal-familji aktar fraġli. Miżura makroprudenzjali, li tiffoka primarjament fuq ir-reżiljenza tas-settur bankarju, ġiet implimentata f'April 2018 biex tindirizza żieda fir-riskji sistemiċi relatati mas-settur immobiljari residenzjali. Fil-futur, il-qafas nazzjonali għat-teħid tad-deċiżjonijiet makroprudenzjali jista' jissaħħaħ biex iżid l-abbiltà tal-awtorità makroprudenzjali li tapplika strumenti makroprudenzjali f'waqthom. Bħalissa l-prezzijiet tad-djar jidhru kemxejn sopravalutati.

(15)

Kif indikat fir-Rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro, il-ġlieda kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa hija essenzjali biex timpedixxi d-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni bejn id-ditti, tipprovdi trattament ġust lill-kontribwenti u tissalvagwardja l-finanzi pubbliċi. L-effetti sekondarji ta' strateġiji ta' ppjanar tat-taxxa aggressivi tal-kontribwenti bejn l-Istati Membri jirrikjedu azzjoni koordinata ta' politiki nazzjonali biex jikkomplementaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Dak li qabel kienet is-sistema ta' Tnaqqis ta' Interess Nozzjonali li kienet ibbażata fuq l-istokk ta' ekwità ġiet sostitwita b'sistema inkrementali. Is-sistema l-ġdida, li tikkondividi linja bażi inkrimentali mal-Allokazzjoni għat-Tkabbir u l-Investiment proposta fil-bażi komuni tat-taxxa korporattiva, se tkun limitata għal żieda fil-kapital tal-ekwità kkalkulat fuq bażi ta' medja ta' ħames snin. Din il-bidla hija maħsuba biex tikkontribwixxi għan-newtralità tal-baġit ta' riforma tat-taxxa korporattiva filwaqt li tindirizza l-użu potenzjali tas-sistema fl-ippjanar aggressiv tat-taxxa kif ukoll ittaffi l-kwistjoni ta' preġudizzju tad-dejn/tal-ekwità. Filwaqt li n-nuqqas ta' xi regoli speċifiċi kontra l-abbuż kien ta' tħassib, issa qed titħejja riforma tal-qafas kontra l-abbuż. Dan huwa pass pożittiv. Dan se jkun immonitorjat mill-qrib biex jiġu żgurat li r-regoli l-ġodda jindirizzaw il-forom rilevanti kollha tal-abbuż. Abbażi ta' skambji reċenti, il-Kummissjoni se tkompli d-djalogu kostruttiv tagħha fil-ġlieda kontra l-istrateġiji ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa tal-kontribwenti.

(16)

It-tkabbir ekonomiku reċenti kien frott iż-żieda fl-impjieg. It-tkabbir fl-impjiegi kien qawwi fl-2017 u r-rata ta' qgħad issa tinsab qrib il-livell ta' qabel il-kriżi. Madankollu, rigward ir-rata ta' impjieg tal-popolazzjoni ta' bejn 20 u 64 sena (68,5 % fl-2017), il-Belġju mhuwiex fit-triq it-tajba sabiex jilħaq il-mira tiegħu tal-Ewropa 2020 ta' 73,2 %. Sar progress limitat dwar il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' gruppi żvantaġġati, minħabba li l-inattività u l-qgħad huma kkonċentrati l-aktar fost il-ħaddiema b'ħiliet baxxi, il-persuni bi sfond ta' migrazzjoni u ħaddiema ikbar fl-età, li jissuġġerixxi li kemm fatturi strutturali kif ukoll speċifiċi għall-grupp jostakolaw l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol. B'mod partikolari, il-persuni bi sfond ta' migrazzjoni, li huma proporzjon kbir tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol, qed ikomplu jiffaċċjaw żvantaġġi fis-suq tax-xogħol u b'hekk jirrappreżentaw potenzjal sinifikanti mhux sfruttat tal-potenzjal tas-suq tax-xogħol. Fl-2016, ir-rata ta' impjieg ta' dawk li twieldu barra mill-UE kienet ta' 49,1 %, li hija aktar minn 20 punt perċentwali anqas għan-nattivi (id-distakk kien ferm aktar evidenti għan-nisa). Miżuri ta' attivazzjoni jistgħu jgħinu lil nies minn ambjenti żvantaġġati, iżda hemm xi evidenza li dawk il-miżuri ta' attivazzjoni mhumiex effettivi b'mod ugwali għall-gruppi kollha tal-popolazzjoni. Filwaqt li ttieħdu xi miżuri sabiex jgħinu l-wasliet ġodda biex jintegraw u biex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni, għad hemm nuqqas ta' koordinazzjoni bejn is-setturi ta' politika u l-livelli politiċi biex tiġi indirizzata l-isfida ta' integrazzjoni ta' persuni bi sfond ta' migrazzjoni fis-suq tax-xogħol. Għadhom jippersistu disparitajiet reġjonali qawwija fil-prestazzjoni tas-suq tax-xogħol.

(17)

Minkejja l-isforzi biex jitnaqqas il-porzjon ta' taxxa fuq ix-xogħol, diżinċentivi għax-xogħol jibqgħu għolja għal ċerti gruppi, bħal pereżempju unitajiet domestiċi uniċi li jaqilgħu l-paga medja u t-tieni sors ta' dħul. Minkejja miżuri preċedenti, il-porzjon ta' taxxa għal unità domestika uniċi li jaqilgħu l-paga medja baqa' fost l-ogħla tal-Unjoni fl-2016. In-nassa tal-qgħad għall-ħaddiema b'paga baxxa (67 % tal-paga medja għal unità domestika unika) hija wkoll fost l-ogħla tal-Unjoni. Barra minn hekk, id-diżinċentivi fiskali għat-tieni sors ta' dħul — l-aktar nisa — jibqgħu.

(18)

Ir-rata ta' postijiet vakanti hija fost l-ogħla fl-Unjoni u tindika nuqqas ta' tlaqqigħ ta' ħiliet kbar relatati, fost fatturi oħra, mal-livell baxx ta' mobbiltà u, speċjalment fir-reġjuni bilingwi ta' Brussell, ħiliet lingwistiċi mhux adegwati. Il-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja hija baxxa. Aktar impenji minn individwi u impjegaturi lejn it-tagħlim tul il-ħajja kontinwu huwa importanti biex in-nies ikunu jistgħu jimmaniġġaw it-tranżizzjonijiet ta' impjieg.

(19)

Sar xi progress fir-rigward ta' opportunitajiet indaqs biex jipparteċipaw f'edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali ta' kwalità billi l-Komunitajiet Fjammingi u dawk li jitkellmu bil-Franċiż għadhom qed idaħħlu r-riformi fl-iskejjel. Madankollu, minkejja l-prestazzjoni medja tajba meta mqabbla mal-livell internazzjonali, għad fadal inugwaljanzi edukattivi għoljin għal żmien twil. L-eżiti edukattivi tal-studenti ta' 15-il sena turi varjazzjoni sinifikanti marbuta mal-isfond soċjoekonomiku u l-istatus ta' migrant. Id-differenzi fil-prestazzjoni bejn il-Komunitajiet Fjammingi u dawk li jitkellmu bil-Franċiż kif ukoll in-nuqqas ta' rappreżentanza ta' gruppi żvantaġġati fost l-ogħla kisbiet fix-xjenza, il-qari u l-matematika qegħdin iqajmu tħassib. Differenzi kbar fil-prestazzjoni bejn l-iskejjel jimxu id f'id ma' inugwaljanza f'opportunitajiet edukattivi. Is-sehem ta' gradwati fl-edukazzjoni terzjarja huwa għoli. Madankollu, huma osservati inugwaljanzi fl-aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità, nuqqasijiet fil-ħiliet u differenzi reġjonali. Il-proporzjon ta' gradwati fix-xjenza, it-teknoloġija u l-matematika huwa fost l-aktar baxxi fl-Unjoni u nuqqasijiet f'dawn l-oqsma jista' jsir ostaklu ewlieni għat-tkabbir u l-innovazzjoni. In-nuqqas ta' għalliema qegħdin iqajmu tħassib, iżda l-progress fir-riformi tat-taħriġ tal-għalliema miexi bil-mod. Hemm il-ħtieġa li l-iżvilupp professjonali kontinwu tal-għalliema jiġi adattat. Kemm tal-Komunitajiet Fjammingi kif ukoll dawk Franċiżi bdew riformi maġġuri tas-sistemi edukattivi tagħhom. L-implimentazzjoni ta' dawn ir-riformi hija ppjanata matul l-10 snin li ġejjin u lil hinn. Madankollu, fi tmiem l-2017, il-Flanders ħa d-deċiżjoni li jiġi pospost id-dħul fis-seħħ ta' miżuri ewlenin ta' dawn ir-riformi b'sena. L-impatt tar-riformi u l-miżuri se jiddependi ħafna fuq l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ effettivi tagħhom.

(20)

Saru biss riformi limitati biex jindirizzaw il-qafas regolatorju restrittiv fis-servizzi. Il-Flanders abolixxa l-Att ta' Stabbiliment għal numru magħżul ta' professjonijiet artiġjanali. Madankollu, ir-regolament jibqa' għoli f'uħud mis-servizzi professjonali. B'riżultat ta' dan, il-kompetizzjoni hija baxxa f'dawn is-setturi b'rati baxxi ta' dħul ta' kumpaniji ġodda deħlin fis-suq. Fis-settur tal-kostruzzjoni, l-iskemi ta' awtorizzazzjoni orizzontali għall-aċċess għas-suq tal-kostruzzjoni huma imposti u l-permessi tal-bini jibqgħu kumplessi minkejja miżuri adottati fis-snin reċenti. Ir-rati ta' attrizzjoni fis-settur tal-kostruzzjoni tal-Belġju huma sostanzjalment inqas mill-medja tal-Unjoni, li jista' jindika li s-settur isofri minn kompetizzjoni insuffiċjenti. Dan jaffettwa wkoll it-tlestija ta' proġetti importanti tal-infrastruttura. Hemm ukoll restrizzjonijiet importanti fil-qasam tat-trasport bil-ferrovija u s-servizzi tat-trasport bit-triq. It-tkabbir baxx fil-produttività tal-ekonomija Belġjana huwa fil-parti l-kbira xprunat minn tkabbir baxx fil-produttività fis-settur tas-servizzi. Restrizzjonijiet regolatorji wkoll għandhom effett konsegwenzjali negattiv fuq utenti ta' dawn is-servizzi, b'mod partikolari s-settur tal-manifattura. Riformi strutturali iktar approfonditi ta' setturi ta' servizzi ewlenin għandhom jgħinu biex itejbu t-tkabbir fil-produttività, li huwa essenzjali għal tkabbir futur kif ukoll għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi.

(21)

Sar ukoll progress limitat fit-titjib tal-funzjonament tas-settur tal-bejgħ bl-imnut. Minkejja r-riformi reċenti, ir-restrizzjonijiet regolatorji għadhom piż fuq ir-rendiment tas-settur u jiskoraġġixxu l-investiment. Il-prezzijiet għal ħafna kategoriji tal-prodotti jibqgħu ogħla milli huma fil-pajjiżi ġirien. Hemm bżonn ta' aktar sforz biex jagħmlu l-ambjent tan-negozju kompetittiv u favur l-investiment biex jippermetti lill-konsumaturi jibbenefikaw minn għażla akbar ta' prodotti u minn prezzijiet aktar baxxi. F'April 2018, il-Kummissjoni pproponiet l-aħjar prattiki biex jiggwidaw ir-riformi tal-Istati Membri fis-settur tal-bejgħ bl-imnut.

(22)

Il-prestazzjoni tal-intraprenditorija fil-Belġju għadha baxxa, minkejja xi riformi f'dawn l-aħħar snin u l-miżuri reċenti li l-impatt tagħhom għad irid jiġi vvalutat. Id-dinamiżmu kummerċjali huwa baxx, peress li r-rata tal-ħolqien tan-negozju għadha fost l-aktar baxxi fl-Ewropa, ħafna iktar baxxa mill-medja tal-Unjoni, akkumpanjata b'rata baxxa ta' qerda. Barra minn hekk, il-piż amministrattiv għall-kumpaniji jibqa' għoli, ikkaratterizzat minn proċeduri kumplessi u livell baxx ta' ċertezza regolatorja.

(23)

Il-Belġju għandu prestazzjonijiet medji fis-servizzi pubbliċi diġitali. Meta mqabbla mal-pożizzjoni ġenerali tajba fl-iżvilupp ta' ekonomija diġitali tiegħu, jinsab f'pożizzjoni medja fis-servizzi pubbliċi diġitali. L-istruttura federali tal-Belġju toħloq sfidi speċifiċi fl-istabbiliment koerenti u mifruxa mal-pajjiż kollu ta' servizzi ta' gvern elettroniku. Sistemi diversi li mhumiex sistemi neċessarjament interoperabbli joħolqu telf ikkaġunat mill-frizzjoni. Jibqa' tħassib serju dwar is-sistema ġudizzjarja b'mod partikolari fir-rigward ta' azzjonijiet li qed idumu, id-diġitalizzazzjoni, u l-affidabbiltà, il-komparabilità u l-uniformità tad-data tal-qorti. It-tnedija ta' inizjattivi biex jiddiġitalizzaw ċerti servizzi fil-qrati għall-qrati kollha bħall-e-box jew l-e-deposit qegħdin jaqgħu lura. Madankollu, sakemm din is-sistema ta' kodifika uniformi ma tiġix applikata fil-qrati kollha, id-data dwar l-effiċjenza tal-proċedimenti tal-qorti se tibqa' limitata fl-affidabbiltà u l-komparabbiltà.

(24)

Minkejja r-riformi reċenti, is-sistema fiskali Belġjana tibqa' kumplessa. Ir-riforma tat-taxxa korporattiva se tnaqqas tar-rati statutorji u tikkontribwixxi għas-simplifikazzjoni tas-sistema. Madankollu, ħafna eżenzjonijiet u inċentivi distortivi jibqgħu hemm, minħabba li hemm xejra dejjem tikber fl-ammont totali ta' eżenzjonijiet mit-taxxa. L-opportunità li t-taxxi jinbidlu għal bażijiet li aktar jiffavorixxu t-tkabbir tista' tintuża aktar. Dħul minn taxxi relatati mal-ambjent huma fost l-aktar baxxi fl-Unjoni. Hemm potenzjal konsiderevoli għal ċaqliq ġenwin għal taxxa “ambjentali” li jittratta fost oħrajn trattament favorevoli tal-karozzi tal-kumpaniji, li jikkontribwixxu għat-tniġġis tal-arja, il-konġestjoni u l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra.

(25)

Kien hemm progress limitat fl-indirizzar ta' konġestjoni tat-traffiku. Il-mobilità ssofri minn nuqqas ta' investiment pubbliku fl-infrastruttura, inċentivi fiskali distorsivi u nuqqas ta' kompetizzjoni fis-servizzi tat-trasport, li jikkawża konġestjoni kbira u jostakola t-tkabbir tal-produttività. Il-konġestjoni fit-toroq sejra għall-agħar sena wara sena, li jiskoraġġixxu l-investiment barrani u li joħloq spejjeż ekonomiċi, soċjali u ambjentali għolja. L-aktar sfidi urġenti huma li titlesta u tiġi aġġornata l-infrastruttura tat-trasport bil-ferrovija u bit-triq, speċjalment madwar u f'Antwerp u Brussell. Hemm ukoll restrizzjonijiet importanti fil-qasam tat-trasport bil-ferrovija u s-servizzi tat-trasport bit-triq. L-awtoritajiet jistgħu jħeġġu użu aktar effiċjenti tal-infrastruttura eżistenti u bidla modali minn użu ta' trasport individwali lejn alternattivi iktar kollettivi u b'emissjonijiet baxxi.

(26)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2018, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Belġju u ppubblikatha fir-rapport speċifiku għall-pajjiż tal-2018. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018, il-Programm ta' Riforma Nazzjonali tal-2018 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lil-Belġju fis-snin preċedenti. Il-Kummissjoni qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Belġju imma wkoll sa fejn jikkonformaw mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(27)

Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 u l-opinjoni tiegħu (9) hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt,

B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Belġju jieħu azzjoni fl-2018 u l-2019 biex:

1.

Jiżgura li r-rata ta' tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett ma jeċċedix il-1,8 % fl-2019, li jikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta' 0,6 % tal-PDG. Juża l-qligħ mhux mistenni biex iħaffef it-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn ġenerali tal-gvern. Jiżgura r-riformi tal-pensjoni previsti u jillimita ż-żieda proġettata fin-nefqa tal-kura għat-tul. Isegwi l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni tal-2013 biex jikkoordina l-politiki fiskali fil-livelli kollha tal-gvern. Itejjeb l-effiċjenza u l-kompożizzjoni tal-infiq pubbliku fil-livelli kollha tal-gvern biex jinħoloq spazju għall-investiment pubbliku, b'mod partikolari billi jwettaq analiżi tan-nefqa.

2.

Jelimina d-diżinċentivi għax-xogħol u jsaħħaħ l-effettività tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol, b'mod partikolari għal dawk b'ħiliet baxxi, il-persuni bi sfond ta' migrazzjoni u ħaddiema akbar fl-età. Ikompli r-riformi fl-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż billi jrawwem l-ekwità, u jżid is-sehem ta' gradwati fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika.

3.

Inaqqas l-piż regolatorju u amministrattiv biex jinċentiva l-imprenditorija u tiżdied il-kompetizzjoni fis-servizzi, b'mod partikolari il-bejgħ bl-imnut, il-kostruzzjoni u s-servizzi professjonali. Jiġu indirizzati l-isfidi tal-mobbiltà li dejjem jiżdiedu, b'mod partikolari permezz ta' investiment f'infrastruttura tat-trasport ġdida jew eżistenti u jissaħħu l-inċentivi għal trasport tal-użu kollettiv u b'emissjonijiet baxxi.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Lulju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LÖGER


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

(3)  ĠU C 179, 25.5 2018, p. 1.

(4)  ĠU C 261, 9.8.2017, p. 1.

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(6)  Il-bilanċ nett aġġustat ċiklikament ta' miżuri ta' darba u temporanji, ikkalkulat mill-ġdid mill-Kummissjoni b'metodoloġija miftiehma b'mod komuni.

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).

(8)  In-nefqa primarja netta tal-gvern hija magħmula min-nefqa totali tal-gvern mingħajr in-nefqa fuq l-imgħax, in-nefqa fuq programmi tal-Unjoni li huma korrisposti bis-sħiħ minn dħul tal-fondi tal-Unjoni u mill-bidliet mhux diskrezzjonali fuq in-nefqa tal-benefiċċji tal-qgħad. Il-formazzjoni ta' kapital gross fiss iffinanzjata nazzjonalment hija mifruxa fuq perjodu ta' erba' snin. Il-miżuri ta' dħul diskrezzjonali jew iż-żidiet tad-dħul b'mandat tal-liġi huma fatturati. Il-miżuri ta' darba fuq in-naħa kemm tad-dħul kif ukoll tal-nefqa huma esklużi.

(9)  Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.