25.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 179/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ Mejju 2018

dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro

(2018/C 179/01)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 136, flimkien mal-Artikolu 121(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

L-espansjoni ekonomika fiż-żona tal-euro għadha għaddejja u saret dejjem iżjed estensiva fost il-pajjiżi. L-irkupru huwa dejjem aktar xprunat mid-domanda domestika, bil-konsum privat ikun il-mutur ewlieni biex jirpilja t-tkabbir u l-investiment. L-impjiegi komplew jiżdiedu tul l-2016 u l-ewwel nofs tal-2017. Ir-rata tal-qgħad rat tnaqqis sinifikanti, anke jekk għadu ogħla mill-2008. Madankollu, l-irkupru fiż-żona tal-euro huwa kkaratterizzat minn inflazzjoni sottostanti mrażżna u żidiet dgħajfa fil-pagi, surplus kbir fil-kont kurrenti u proporzjonijiet tal-investiment persistentement baxxi iżda li qed jitjiebu. B’mod partikolari, żidiet dgħajfa fil-pagi jidher li ġejjin minn staġnar li għad baqa’ fis-suq tax-xogħol f’xi ekonomiji, aspettattivi baxxi dwar l-inflazzjoni li jidħlu fin-negozjati tal-pagi u tkabbir baxx tal-produttività. L-introjtu reali tal-unitajiet domestiċi żdied, imma għadu inqas mil-livelli tal-2008 f’ħafna pajjiżi. Id-diverġenzi fost l-Istati Membri taż-żona tal-euro f’termini ta’ prodott domestiku gross (PDG) per capita u r-rati tal-qgħad għadhom hemm. Ir-rati tal-qgħad fit-tul u tal-qgħad fost iż-żgħażagħ għadhom għoljin, filwaqt li l-faqar, l-esklużjoni soċjali u inugwaljanza għadhom ta’ tħassib serju f’bosta Stati Membri.

(2)

Kumplessivament, skont il-qari tal-indikaturi ekonomiċi għaż-żona tal-euro, jidher li hemm argument favur aktar appoġġ għad-domanda, l-investiment u żidiet fil-pagi mingħajr ma dan iwassal għar-riskju li jiskattaw pressjonijiet inflazzjonarji, filwaqt li jitrawmu r-riekwilibriju intern u estern u l-konverġenza ekonomika u soċjali u jiżdied il-potenzjal ta’ tkabbir. Fl-istess ħin, kif iddikjarat fir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija adottat mill-Kummissjoni fit-22 ta’ Novembru 2017, sinjali ta’ żbilanċi emerġenti ġodda - fis-suq tad-djar f’xi Stati Membri, pereżempju - jeħtieġ li jiġu ssorveljati mill-qrib.

(3)

Fiż-żona tal-euro jippersistu żbilanċi sinifikanti. Filwaqt li sar ħafna progress fost il-pajjiżi debituri netti biex jiġu korretti l-iżbilanċi esterni tagħhom, għad hemm surpluses kbar fil-kont kurrenti f’xi pajjiżi kredituri, li jirrifletti defiċit kumplessiv fid-domanda aggregata. Dawn iġġeneraw surplus għaż-żona tal-euro ta’ 3,3 % tal-PDG fl-2016, li huwa pproġettat li jonqos għal 2,9 % tal-PDG fl-2019. Il-pożizzjonijiet ta’ investiment internazzjonali netti tal-iktar Stati Membri midjunin qegħdin jitjiebu b’pass kajman, u għad hemm bżonn ta’ sforzi sostnuti ta’ riekwilibriju. Il-pajjiżi li kellhom defiċits kbar fil-kont kurrenti għal żmien twil għad għandhom pożizzjonijiet ta’ investiment internazzjonali netti li ġeneralment ikunu abbinati ma’ stokks kbar ta’ dejn privat jew tal-amministrazzjoni pubblika u jikkostitwixxu vulnerabbiltà. Fl-istess ħin, jinħtieġu wkoll sforzi fil-pajjiżi b’surplus kbir fil-kont kurrenti biex jappoġġaw id-domanda domestika u tkabbir potenzjali u b’hekk ir-riekwilibriju taż-żona tal-euro.

(4)

Iż-żidiet fil-pagi u l-ħolqien tal-impjiegi jikkontribwixxu għall-irkupru ekonomiku fiż-żona tal-euro billi jappoġġaw id-domanda aggregata, inaqqsu l-inugwaljanzi u jgħinu biex jiġu żgurati standards tal-għajxien għoljin fiż-żona. Jenħtieġ li mekkaniżmi effiċjenti ta’ ffissar tal-pagi jiżguraw li l-pagi jkunu differenzjati skont il-pajjiż, kondizzjonijiet speċifiċi għas-settur u wara li jitqiesu l-bidliet fil-produttività. Dan li ġej ikun ta’ għajnuna biex ikun hemm aċċellerazzjoni tal-proċess ta’ riekwilibriju fiż-żona tal-euro : l-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali li jżidu l-produttività u jtejbu l-kwalità u l-kompożizzjoni tan-nefqa pubblika bil-ħsieb li jiġu appoġġati l-investimenti fil-pajjiżi kollha; jippromwovu ż-żidiet fil-pagi b’mod li jiġi rispettat ir-rwol tas-sħab soċjali; u dinamiċi tad-domanda aktar b’saħħithom fil-pajjiżi kredituri netti u l-implimentazzjoni ta’ miżuri li jkun fihom it-tkabbir f’kostijiet ta’ unità lavorattiva u li għandhom l-għan li jtejbu l-kompetittività tagħhom fil-pajjiżi debituri netti.

(5)

Konsistenza u bilanċ fit-taħlita tal-politika makroekonomika kumplessiva taż-żona tal-euro, inkluż politiki monetarji, fiskali u strutturali, huma kruċjali biex ikun żgurat tkabbir ekonomiku robust u sostenibbli. Fis-snin reċenti, il-politika monetarja rrikorriet għal għodod ġodda mhux konvenzjonali biex jintlaħaq l-objettiv ta’ terminu medju għall-inflazzjoni, u b’hekk jiġi appoġġat ukoll it-tkabbir u l-ħolqien tax-xogħol. Il-pożizzjoni dwar il-politika monetarja u l-iżviluppi ekonomiċi jirrikjedu ffukar fuq il-politiki fiskali u strutturali. Biex jiġi appoġġat il-potenzjal ta’ tkabbir tal-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro, jinħtieġu politiki fiskali xierqa u ffukar fuq ir-riformi strutturali.

(6)

Hija essenzjali koordinazzjoni b’saħħitha tal-politiki fiskali nazzjonali, ibbażata fuq regoli komuni, biex wieħed jasal għal pożizzjoni fiskali aggregata xierqa għaż-żona tal-euro u għall-funzjonament tajjeb tal-unjoni monetarja. Ir-regoli fiskali komuni huma mmirati lejn is-sostenibbiltà tad-dejn fil-livell nazzjonali, filwaqt li jiġi pprovdut spazju għal stabbilizzazzjoni makroekonomika. Il-pożizzjonijiet fiskali għall-Istati Membri u fil-livell aggregat għaż-żona tal-euro għalhekk għandhom jibbilanċjaw l-objettivi tal-iżgurar tas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi nazzjonali u l-istabbilizzazzjoni makroekonomika fit-terminu l-qasir fil-livell tal-pajjiżi u fil-livell taż-żona tal-euro. Fid-dawl tat-tkabbir ekonomiku estensiv attwali fiż-żona tal-euro, anke jekk b’elementi persistenti li jmorru lura għall-kriżi f’ċerti oqsma, pożizzjoni fiskali ġeneralment newtrali fil-livell aggregat għaż-żona tal-euro fl-2018 għadha tidher li hi xierqa. Jenħtieġ differenzjar xieraq tal-isforzi fiskali fost l-Istati Membri taż-żona tal-euro, b’kont meħud tal-ispazju fiskali u l-effetti konsegwenzjali fost il-pajjiżi. Fl-istess waqt, il-kondizzjonijiet ekonomiċi dejjem aħjar jirrikjedu li jinbnew mill-ġdid il-buffers fiskali filwaqt li jkompli jissaħħaħ il-potenzjal ta’ tkabbir tal-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro.

(7)

Titjib deċiżiv fil-kompożizzjoni u l-ġestjoni tal-baġits nazzjonali, kemm fuq in-naħa tad-dħul kif ukoll fuq in-naħa tan-nefqa, inkluż billi r-riżorsi jgħaddu lejn investiment tanġibbli u intanġibbli, iżid l-impatt ta’ tkabbir tal-baġits pubbliċi u jżid il-produttività fit-tul. Titjib fil-funzjonament tal-oqfsa fiskali nazzjonali u reviżjonijiet tal-infiq ġestiti tajjeb jappoġġaw il-kisba ta’ politiki fiskali kredibbli u li jiffavorixxu t-tkabbir.

(8)

Struttura tat-tassazzjoni mfassla sew hija essenzjali għall-promozzjoni tat-tkabbir u l-impjiegi, kif ukoll għall-kontribuzzjoni tat-tnaqqis tal-inugwaljanzi. Is-simplifikazzjoni u l-immodernizzar tas-sistemi fiskali u l-indirizzar tal-frodi, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxi huma essenzjali biex is-sistemi fiskali jkunu iktar effiċjenti u ġusti. Din tista’ tillibera r-riżorsi għall-investiment pubbliku u, fost l-oħrajn, l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa u tikkontribwixxi għall-appoġġ b’mod ġenerali tal-investiment, l-impjiegi ta’ kwalità u l-konverġenza ekonomika u soċjali. B’mod partikolari, il-miżuri kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa (ATP) huma essenzjali biex ikun żgurat id-dħul tal-gvern, ikunu impediti d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn il-kumpaniji, tkun ippreservata l-koeżjoni soċjali u jiġu miġġielda l-inugwaljanzi li qed jiżdiedu. Il-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) tkun tikkontribwixxi lejn il-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa, filwaqt li jtejjeb is-Suq Uniku għan-negozji.

(9)

Fatturi strutturali u istituzzjonali tas-swieq tax-xogħol u tal-prodotti u amministrazzjonijiet pubbliċi li jaħdmu sew huma determinanti importanti tar-reżiljenza ekonomika kif ukoll ta’ konverġenza ċiklika, reali u soċjali fost l-Istati Membri taż-żona tal-euro. Strutturi ekonomiċi reżiljenti jipprevjenu li l-iskossi jkollhom effetti sinifikanti u dejjiema fuq id-dħul u l-impjiegi fl-Istati Membri u fost iż-żona tal-euro. B’hekk, inaqqsu l-fluttwazzjonijiet ekonomiċi u jipprovdu ambjent favorevoli għal tkabbir sostenibbli u inklużiv. Koordinament aħjar tal-implimentazzjoni tar-riformi strutturali, b’mod partikolari dawk preskritti fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, jista’ joħloq effetti konsegwenzjali pożittivi fl-Istati Membri u jsaħħu l-effetti pożittivi tagħhom.

(10)

Swieq tax-xogħol li jiffunzjonaw sew u sistemi ta’ protezzjoni soċjali huma bażijiet tajba għal tkabbir ekonomiku inklussiv, għal inqas inugwaljanza u għar-reżiljenza tal-ekonomiji nazzjonali u ż-żona tal-euro bħala ħaġa waħda. Bil-għan li tinkiseb konverġenza minn isfel għal fuq f’dan ir-rigward, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li ġie pproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017 jistipula 20 prinċipju ewlieni, li jaqgħu fi tliet kapitoli estensivi: (i) opportunitajiet indaqs u aċċess għas-suq tax-xogħol; (ii) kondizzjonijiet ġusti tax-xogħol; u (iii) protezzjoni soċjali u inklużjoni.

(11)

Minkejja progress fir-rigward tar-riformi biex titjieb il-kapaċità ta’ aġġustament tas-swieq tax-xogħol, għad hemm differenzi sinifikanti madwar iż-żona tal-euro, li qed ikomplu jkunu ta’ sfida għall-funzjonament tagħha bla intoppi. Politiki tas-suq tax-xogħol imfassla sew li jkunu kompletament integrati b’sistemi ta’ protezzjoni soċjali jistgħu jkunu ta’ appoġġ għar-riintegrazzjoni u għat-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol, inaqqsu s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, jipprovdu stabbilizzazzjoni awtomatika effikaċi u jippromwovu opportunitajiet indaqs għal kulħadd u konverġenza ekonomika u soċjali. Arranġamenti għall-ħinijiet tax-xogħol imfassla tajjeb jistgħu jgħinu biex itaffu l-iskossi. Attivazzjoni effikaċi u f’waqtha għan-nies qiegħda li jistgħu jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol tista’ tinkiseb billi jingħata appoġġ individwalizzat għat-tiftix tal-impjiegi, it-taħriġ u r-rikwalifikazzjoni, filwaqt li dawk li ma jkunux jistgħu jieħdu sehem ikunu mħarsa. Il-forom ġodda ta’ impjiegi u ta’ tipi ta’ kuntratti ġodda li qed ifeġġu jġibu magħhom sfidi relatati mas-sigurtà tal-impjieg u l-protezzjoni soċjali. F’dan l-isfond, hemm bżonn li l-leġislazzjoni tal-protezzjoni tal-impjiegi tipprevedi kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u deċenti għall-ħaddiema kollha.

(12)

Sistemi ta’ protezzjoni soċjali effikaċi huma kruċjali għall-promozzjoni ta’ swieq tax-xogħol inklussivi u biex ikun żgurat appoġġ soċjali xieraq permezz ta’ aċċess għal servizzi ta’ kwalità. Riformi tal-pensjonijiet u politiki ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata huma fatturi ewlenin ukoll biex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol. Restrizzjonijiet mhux meħtieġa fuq il-mobbiltà tal-ħaddiema, tkunx ġeografika jew settorjali jew minn impjieg għall-ieħor, fis-sistemi ta’ impjiegi u ta’ protezzjoni soċjali jenħtieġ li jitneħħew.

(13)

Aċċess għal edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għolja huwa vitali biex ikunu żgurati opportunitajiet indaqs u jkunu indirizzati l-ispariġġi fil-ħiliet. Investimenti adegwati fil-kapital uman permezz ta’ sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ li jtejbu t-tagħlim tul il-ħajja u jiżguraw li l-livelli tal-ħiliet ikunu jaqblu mal-bżonnijiet preżenti u futuri tas-suq tax-xogħol għandhom rwol ewlieni fit-titjib tal-kapaċità ta’ aġġustament u l-konverġenza reali iktar fit-tul. L-investiment fil-ħiliet ukoll jista’ jagħti spinta lill-innovazzjoni u jżid il-produttività u l-kompetittività, minbarra li jiżgura l-inklużjoni soċjali u l-mobilità.

(14)

Ir-riformi tas-suq tal-prodotti li jżidu l-kompetizzjoni u r-riformi li jtejbu l-ambjent tan-negozju u l-kwalità tal-istituzzjonijiet (inkluż sistema ġudizzjarja effikaċi li tiffaċilita l-eżekuzzjonijiet tal-kuntratti) irawmu reżiljenza ekonomika fl-Istati Membri u ż-żona tal-euro bħala ħaġa waħda. Jidher ċar li integrazzjoni ulterjuri fis-Suq Uniku hija l-mutur ewlieni tat-tkabbir u l-konverġenza bejn l-Istati Membri. Is-Suq Uniku għad għandu potenzjal konsiderevoli mhux sfruttat u hemm bżonn ta’ progress sinifikanti biex jitlesta. L-implimentazzjoni f’waqtha tal-leġislazzjoni u l-infurzar aħjar tagħha huma wkoll essenzjali biex jinkisbu l-benefiċċji tas-Suq Uniku. Is-Suq Uniku għas-servizzi (inkluż dawk finanzjarji, diġitali, tal-enerġija u tat-trasport) huma l-isfida li fadal. Madankollu, jenħtieġ li ssir enfasi wkoll fuq is-swieq tal-oġġetti biex tiġi evitata s-segmentazzjoni potenzjali tas-suq. Jenħtieġ li s-Suq Uniku Diġitali jikkontribwixxi għat-tlestija tal-ambjent ġuridiku biex titħaffef id-diġitalizzazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi, billi dan huwa pass neċessarju għat-titjib tal-prestazzjoni tas-swieq tal-prodotti u l-kompetittività globali. Għalhekk, l-objettiv komuni tagħna jibqa’ t-tlestija tad-diversi strateġiji tas-Suq Uniku u l-implimentazzjoni tagħhom sal-2018.

(15)

Filwaqt li r-robustezza kumplessiva tas-settur bankarju taż-żona tal-euro żdiedet mill-kriżi ‘l hawn u s-self mill-banek reġa’ beda jiżdied, għad hemm vulnerabbiltajiet li jridu jiġu indirizzati. Il-banek qed jiffaċċaw profittabbiltà baxxa. Il-ħtieġa li jiġu adattati l-mudelli ta’ negozju tal-banek, l-ambjent b’rati tal-imgħax baxxi u ż-żieda fil-kompetizzjoni minn forom oħra ta’ finanzjament qed ikomplu jagħmlu pressjoni fuq il-profittabbiltà tal-banek. Għalhekk jeħtieġu sforzi ulterjuri biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tagħhom fit-tul. Il-proporzjonijiet tas-self improduttiv (NPL) stabbilizzaw fi kważi l-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro li huma l-aktar affettwati jew għandhom it-tendenza li jiċkienu, iżda l-progress għadu batut u mhux l-istess għall-banek kollha. Proporzjonijiet għoljin ta’ NPL ixekklu l-kapaċità tal-banek li jsellfu, it-trażmissjoni tal-politika monetarja u l-kapaċità ta’ aġġustament ekonomiku. Iwasslu wkoll għal vulnerabbiltà fis-sistema bankarja kollha kemm hi u jeħtieġ li jiġu indirizzati fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, kif stabbilit fil-Pjan ta’ Azzjoni biex jiġi indirizzat is-self improduttiv fl-Ewropa, stabbilit fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2017 (‘il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Lulju 2017’). Kif imħabbar fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ 11 ta’ Ottubru 2017 dwar l-Unjoni Bankarja, il-Kummissjoni attwalment qed taħdem biex tipprovdi pakkett komprensiv ta’ miżuri li jnaqqsu l-istokk attwali ta’ NPLs kif ukoll biex jitnaqqas ir-riskju ta’ akkumulazzjoni futura ta’ NPLs.

(16)

It-tisħiħ tal-arkitettura istituzzjonali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM), bħala prijorità, jeħtieġ it-tlestija tal-Unjoni Bankarja u iktar progress fuq l-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Saru avvanzi sinifikanti fir-rigward tal-istabbiliment tal-Unjoni Bankarja, iżda għadu mhux lest. F’konformità mal-Pjan Direzzjonali għat-tlestija tal-Unjoni Bankarja, kif stabbilit fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2016 (‘Pjan direzzjonalita’ Ġunju 2016’), ser tkompli l-ħidma biex titlesta l-Unjoni Bankarja fir-rigward tat-tnaqqis tar-riskji u l-kondiviżjoni tar-riskji, inkluż skema Ewropea ta’ assigurazzjoni tad-depożiti u biex il-garanzija ta’ kontinġenza komuni għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni ssir operattiva sa mhux aktar tard minn tmiem il-perijodu transizzjonali tal-Fond stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tlestija tal-Unjoni Bankarja għandha l-għan li tfassal pjan għal kif jista’ jintlaħaq qbil dwar it-tlestija tal-Unjoni Bankarja. Sforzi biex ir-riskju jonqos ulterjorment u titjieb il-ġestjoni tar-riskju fil-banek iridu jkomplu. F’dan il-kuntest, ħidma rapida lejn qbil dwar il-pakkett regolatorju propost mill-Kummissjoni f’Novembru 2016 hija kruċjali, kif inhuma avvanzi ulterjuri fit-tnaqqis tal-NPLs u ħidma lejn progress fil-kondiviżjoni tar-riskju skont il-Pjan Direzzjonali ta’ Ġunju 2016.

(17)

Il-white paper tal-Kummissjoni tal-1 ta’Marzu 2017 dwar il-futur tal-Ewropa ddeskriviet xenarji possibbli għall-futur tal-Unjoni. Il-Kummissjoni kkontribwiet ulterjorment b’sensiela ta’ dokumenti ta’ riflessjoni, inkluża waħda tal-31 ta’ Mejju 2017 dwar l-approfondiment tal-UEM, li benaw fuq ir-Rapport tal-Ħames Presidenti tat-22 ta’ Ġunju 2015 intitolat “Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa” u li ppropona viżjoni globali u sekwenza ta’ passi għat-tlestija tal-arkitettura tal-UEM. Il-Kummissjoni għamlet proposti addizzjonali fil-ħarifa tal-2017.

(18)

Il-Kumitat tal-Impjiegi u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali ġew ikkonsultati dwar l-aspetti relatati mal-impjiegi u l-aspetti soċjali ta’ din ir-Rakkomandazzjoni,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li, fil-perjodu 2019-2019, l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni fi ħdan il-Grupp tal-Euro, b’mod individwali u kollettiv, biex:

1.

Isegwu politiki li jappoġġaw tkabbir sostenibbli u inklussiv u li jtejbu r-reżiljenza, ir-riekwilibriju u l-konverġenza. Isir progress sinifikanti lejn it-tlestija tas-Suq Uniku, b’mod partikolari fis-servizzi, inkluż dawk finanzjarji, diġitali, tal-enerġija u tat-trasport, billi, fost l-oħrajn, jiġu implimentati riformi rilevanti fis-suq tal-prodotti fil-livell nazzjonali. Fid-dawl tal-kondizzjonijiet ċikliċi pożittivi, jenħtieġ li l-Istati Membri kollha jipprijoritizzaw riformi li jżidu l-produttività u l-potenzjal tat-tkabbir, itejbu l-ambjent istituzzjonali u l-ambjent tan-negozju, ineħħu l-ostakli għall-investimenti u jrawmu l-innovazzjoni, jappoġġaw il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità u jnaqqsu l-inugwaljanza. Jenħtieġ li l-Istati Membri b’defiċits fil-kontijiet kurrenti jew b’dejn estern kbir, barra minn hekk, jimmiraw iżjed lejn il-limitazzjoni tat-tkabbir f’kostijiet ta’ unità lavorattiva u jippruvaw itejbu l-kompetittività tagħhom. Stati Membri b’surplus kbir fil-kontijiet kurrenti tagħhom għandhom, barra minn hekk, joħolqu l-kondizzjonijiet biex jippromwovu ż-żidiet fil-pagi b’mod li jirrispetta r-rwol tas-sħab soċjali u jimplimentaw, bħala kwistjoni ta’ prijorità, miżuri li jrawmu l-investiment u jappoġġaw id-domanda domestika u l-potenzjal ta’ tkabbir, u b’hekk jiġi ffaċilitat ir-riekwilibriju.

2.

Tinkiseb pożizzjoni fiskali ġeneralment newtrali u ppjanata għaż-żona tal-euro, li tikkontribwixxi għal taħlita ta’ politika bbilanċjata. Jintlaħaq bilanċ xieraq bejn l-iżgurar tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, b’mod partikolari fejn il-proporzjonijiet tad-dejn huma għoljin, u l-appoġġ għall-ekonomija, b’rispett sħiħ lejn il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u b’kont meħud tal-ispazju fiskali u l-effetti konsegwenzjali fost l-Istat Membri. Jintużaw il-kondizzjonijiet ekonomiċi dejjem jitjiebu biex jinbnew mill-ġdid il-buffers fiskali, filwaqt li jkompli jissaħħaħ il-potenzjal ta’ tkabbir ekonomiku. Jiġi żgurat il-funzjonament effikaċi tal-oqfsa fiskali nazzjonali. Isegwu politiki li jappoġġaw l-investiment u jtejbu l-kwalità u l-kompożizzjoni tal-finanzi pubbliċi, inkluż billi jużaw reviżjonijiet tal-infiq u billi jadottaw strutturi fiskali ġusti u li jiffavorixxu t-tkabbir. JJieħdu u jimplimentaw miżuri biex inaqqsu il-predispożizzjoni favur id-dejn fit-tassazzjoni u jiġġieldu l-ippjanar aggressiv tat-taxxa biex jiżguraw kondizzjonijiet ekwi, jiżguraw li l-kontribwenti jiġu trattati b’mod ġust u jissalvagwardjaw il-finanzi pubbliċi u l-istabbiltà fiż-żona tal-euro. Dan jinkludi ħidma kontinwa fuq il-BKKTK.

3.

Jimplimentaw riformi li jippromwovu l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, opportunitajiet indaqs, aċċess għas-suq tax-xogħol u kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti, u li jappoġġaw il-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni. Jenħtieġ li r-riformi jimmiraw lejn: (i) kuntratti ta’ xogħol affidabbli li jipprovdu flessibbiltà u sigurtà għall-impjegati u min iħaddem, flimkien ma’ appoġġ adegwat matul tranżazzjonijiet, filwaqt li jevitaw is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol; (ii) sistemi ta’ taħriġ u ta’ edukazzjoni tul il-ħajja li huma effiċjenti, ta’ kwalità u inklużivi u li jkollhom l-għan li jlaqqgħu l-ħiliet mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol; (iii) politiki attivi tas-suq tax-xogħol effikaċi li jrawmu l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol; (iv) sistemi adegwati u sostenibbli tal-protezzjoni soċjali li jikkontribwixxu għall-inklużjoni soċjali u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja u li huma reattivi għal tipi ġodda ta’ impjieg u r-relazzjonijiet ta’ impjieg; (v) mobilità tal-forza tax-xogħol bla xkiel fost impjiegi, setturi u postijiet differenti; (vi) djalogu soċjali effikaċi u negozjar tal-pagi fil-livell xieraq skont l-ispeċifiċitajiet nazzjonali; (vii) spustar tat-taxxi lil hinn mix-xogħol, partikolarment għal nies bi dħul baxx jew li jkunu t-tieni sors ta’ dħul.

4.

B’konformità mal-Pjan Direzzjonali ta’ Ġunju 2016, ikomplu l-ħidma biex titlesta l-Unjoni Bankarja fir-rigward tat-tnaqqis tar-riskju u l-kondiviżjoni tar-riskju, inkluż skema Ewropea ta’ assigurazzjoni tad-depożiti u b’hekk il-garanzija ta’ kontinġenza komuni għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni tibda topera kif maqbul. Jissaħħaħ ulterjorment il-qafas regolatorju u superviżorju biex tiġi evitata l-akkumulazzjoni tar-riskji. Jieħdu miżuri biex jaċċelleraw b’mod tanġibbli t-tnaqqis fil-livelli ta’ NPLs fuq il-bażi tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Lulju 2017 u jippromwovu tnaqqis fl-ingranaġġ fl-Istati Membri bi stokks kbar ta’ dejn privat. Jiżviluppaw ulterjorment l-Unjoni tas-Swieq Kapitali biex jiġi appoġġat it-tkabbir fl-ekonomija reali filwaqt li tiġi salvagwardjata l-istabbiltà tas-suq finanzjarju.

5.

Jagħmlu progress rapidu fit-tlestija tal-UEM, b’kont meħud tal-inizjattivi tal-Kummissjoni mnedija fil-ħarifa 2017, b’rispett sħiħ għas-suq intern tal-Unjoni u b’mod miftuħ u trasparenti lejn l-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Mejju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

E ZAHARIEVA


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1).