17.2.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 45/40 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/234
tal-14 ta' Frar 2018
rigward it-tisħiħ tan-natura Ewropea u t-tmexxija effiċjenti tal-elezzjonijiet 2019 lill-Parlament Ewropew
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 10(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddikjara li fil-livell tal-Unjoni, iċ-ċittadini huma rrappreżentati direttament fil-Parlament Ewropew. |
(2) |
L-Artikolu 10(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddikjara li kull ċittadin għandu jkollu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni u li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b'mod kemm jista' jkun miftuħ u qrib iċ-ċittadini. |
(3) |
L-Artikolu 17(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Kunsill Ewropew irid iqis l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew meta jipproponi kandidat għal President tal-Kummissjoni Ewropea. |
(4) |
Sabiex tkompli tissaħħaħ in-natura Ewropea u t-tmexxija effiċjenti tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, jeħtieġ li jiġu aġġornati u kkomplimentati xi elementi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/142/UE (1) fi żmien tajjeb qabel l-elezzjonijiet tal-2019. |
(5) |
Huwa essenzjali li tkun rinforzata l-leġittimità demokratika tal-UE u li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja politika fuq livell Ewropew. Iċ-ċittadini jkunu aktar lesti jivvotaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew jekk dawn ikunu aktar konxji dwar l-impatt tal-politiki tal-UE fuq il-ħajja ta' kuljum tagħhom, u jekk ikollhom fiduċja li jistgħu jgħidu tagħhom dwar l-aktar għażliet importanti, bħalma huma l-għażla tal-mexxejja tal-istituzzjonijiet tal-UE u l-istabbiliment ta' prijoritajiet għall-ġejjieni tal-Unjoni. |
(6) |
Il-bżonn li jissaħħu l-akkontabilità pubblika u t-trasparenza għandu implikazzjonijiet ukoll għall-Kummissjoni. Il-Kummissjoni rrevediet il-Kodiċi ta' Kondotta għall-Membri tal-Kummissjoni (2). Il-Kodiċi l-ġdid jippermetti lill-Membri tal-Kummissjoni joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew mingħajr ma jkollhom għalfejn jieħdu l-liv. Ir-regoli rilevanti tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea ġew riveduti biex jirriflettu din il-bidla (3). |
(7) |
Il-politiki deċiżi fil-livell Ewropew għandhom konsegwenzi diretti fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini u jinħassu fil-livell lokali. Iċ-ċittadini għandhom bżonn ikunu jafu x'hemm involut fil-livell Ewropew biex jagħmlu l-għażla tagħhom fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. L-involviment maċ-ċittadini dwar kwistjonijiet Ewropej jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni demokratika taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-UE. Minn Jannar 2015, il-Kummissjoni attwali organizzat 478 Djalogu maċ-Ċittadini fl-Istati Membri kollha, anki f'kooperazzjoni ma' sħab istituzzjonali bħall-Parlament Ewropew, il-Parlamenti nazzjonali, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Bejn Frar 2018 u d-9 ta' Mejju 2019, il-Kummissjoni se torganizza jew tgħin biex torganizza 500 Djalogu addizzjonali f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, kif ukoll mal-Parlament Ewropew u istituzzjonijiet Ewropej oħra. |
(8) |
Bosta Stati Membri esprimew ir-rieda tagħhom li jinteraġġixxu f'diskussjonijiet pubbliċi wiesa' dwar il-futur tal-Ewropa, u dawn id-djalogi nazzjonali diġà qed isiru f'għadd ta' Stati Membri. Permezz tal-interazzjoni maċ-ċittadini madwar l-Ewropa u tal-organizzazzjoni ta' avvenimenti ta' sensibilizzazzjoni, organizzati skont l-istrutturi politiċi u l-prattiki rispettivi tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jgħinu biex titqajjem kuxjenza fost iċ-ċittadini dwar l-importanza tal-vot tagħhom biex jiġi ddeterminat liema viżjoni hija l-aħjar biex tavvanza l-proġett Ewropew. Jenħtieġ li attivitajiet bħal dawn isiru matul il-perjodu bejn il-laqgħa tal-Mexxejja tat-23 ta' Frar 2018 u s-Summit f'Sibiu fid-9 ta' Mejju 2019, ftit qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, fejn il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern huma mistennija jaslu għal konklużjonijiet dwar il-passi li jmiss għall-Unjoni. |
(9) |
Il-partiti politiċi Ewropej għandhom rwol ewlieni fit-tiswir ta' sensibilizzazzjoni politika Ewropea, fl-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni tal-votanti u fl-espressjoni tar-rieda taċ-ċittadini tal-Unjoni. Dan ir-rwol jista' jissaħħaħ jekk, matul ix-xhur li ġejjin, il-partiti politiċi Ewropej jikkomunikaw mal-partiti nazzjonali affiljati magħhom u mas-soċjetà ċivili u jqajmu kuxjenza dwar l-għażliet dwar il-ġejjieni tal-Ewropa u l-interessi taċ-ċittadini li qed jirrappreżentaw. |
(10) |
Is-sistema ta' kandidati prinċipali għal President tal-Kummissjoni — “Spitzenkandidaten” — ġiet implimentata għall-ewwel darba fl-elezzjonijiet tal-2014 tal-Parlament Ewropew. |
(11) |
Dan il-proċess għen biex isaħħaħ l-effiċjenza tal-Unjoni u l-leġittimità demokratika tagħha, li hija bbażata fuq iż-żewġ pilastri tar-rappreżentazzjoni diretta taċ-ċittadini fil-Parlament Ewropew u r-rappreżentazzjoni indiretta tagħhom mill-gvernijiet tal-Istati Membri fil-Kunsill Ewropew u fil-Kunsill. Huwa kkontribwixxa wkoll biex isaħħaħ l-akkontabilità tal-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 17(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Jenħtieġ li dan jitkompla u jittejjeb fid-dawl tal-elezzjonijiet tal-2019 tal-Parlament Ewropew. |
(12) |
Il-partiti politiċi Ewropej u nazzjonali għandhom iħabbru ferm qabel il-bidu tal-kampanja elettorali, idealment sa tmiem l-2018, il-kandidat li se jkunu qed jappoġġaw għall-funzjoni ta' President tal-Kummissjoni u idealment sa tmiem l-2019, il-programm ta' dan il-kandidat. Dan se jagħmel aktar trasparenti r-rabta bejn il-vot individwali ta' ċittadin tal-Unjoni għal partit politiku partikolari fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-kandidat għal President tal-Kummissjoni appoġġat minn dak il-partit u l-viżjoni tiegħu għall-ġejjieni tal-Ewropa. |
(13) |
Billi jagħżlu l-kandidati prinċipali tagħhom b'mod miftuħ, inklużiv u trasparenti, pereżempju permezz ta' elezzjonijiet “primarji”, il-partiti politiċi Ewropej u l-partiti membri nazzjonali tagħhom ikomplu jsaħħu dan il-proċess. Dan jgħin ukoll biex iqajjem aktar attenzjoni, kif ukoll biex jiġu mobilizzati l-votanti. |
(14) |
L-Artikolu 10(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 12(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jassenja rwol ċentrali lill-partiti politiċi Ewropej. L-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej huma rregolati fuq livell Ewropew. Għal raġunijiet ta' trasparenza, skrutinju u akkontabilità demokratika tal-partiti politiċi Ewropej, il-Kummissjoni pproponiet li tibdel ir-regoli rilevanti qabel l-elezzjonijiet tal-2019 tal-Parlament Ewropew (4). B'mod partikolari, jenħtieġ li l-aċċess għal finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea jkun bil-kundizzjoni li l-programm u l-logo tal-partit politiku Ewropew ikkonċernat jiġu ppubblikati mill-partiti affiljati. Jenħtieġ li ċ-ċittadini jingħataw informazzjoni ċara u rilevanti minn qabel, sabiex jifhmu l-impatt tal-voti tagħhom fil-livell tal-partit Ewropew. Attivitajiet tal-partiti, bħal kungressi, u l-kampanji elettorali tal-partiti nazzjonali huma mezzi addizzjonali xierqa u effiċjenti biex din l-affiljazzjoni ssir magħrufa u tingħata viżibilità ċara. |
(15) |
Li l-kampanji għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew jinbdew ferm iktar kmieni milli fil-passat u li l-affiljazzjonijiet Ewropej li jipparteċipaw fil-partiti nazzjonali isiru magħrufa qabel il-kampanja, għandhom jikkontribwixxu sabiex tiżdied id-dimensjoni Ewropea ta' dawn l-elezzjonijiet. |
(16) |
Filwaqt li jiġu kkunsidrati l-ispeċifiċitajiet tal-pajsaġġi politiċi tal-partiti nazzjonali tal-Istati Membri, il-partiti politiċi Ewropej huma mħeġġa jgħarrfu minn qabel il-bidu tal-kampanja, u preferibbilment meta jħabbru l-kandidati tagħhom għal President tal-Kummissjoni, liema grupp politiku fil-Parlament Ewropew għandhom il-ħsieb li jingħaqdu miegħu jew joħolqu fil-leġiżlatura li jmiss. Dan ikompli jżid it-trasparenza tar-rabta bejn il-partiti nazzjonali, il-partiti politiċi Ewropej u l-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew. |
(17) |
Billi jħeġġu u jiffaċilitaw l-għoti tal-informazzjoni lill-elettorat dwar l-affiljazzjoni tal-partiti nazzjonali mal-partiti politiċi Ewropej matul il-kampanji elettorali għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, u meta jkun possibbli, anki dwar il-poloz tal-votazzjoni użati f'dawk l-elezzjonijiet, l-Istati Membri se jżidu l-viżibilità tal-partiti politiċi Ewropej u pjattaformi li jipproponu matul il-proċess elettorali Ewropew kollu.. |
(18) |
L-Artikolu 22(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li ċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom id-dritt tal-vot u li joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-Istat Membru fejn għażlu li joqogħdu, bid-Direttiva tal-Kunsill 93/109/KE (5) li tistabbilixxi arranġamenti dettaljati sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini tal-Unjoni li joqogħdu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini. |
(19) |
Sabiex tiġi appoġġata l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u d-dimensjoni Ewropea tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, huwa inkoraġġit li jitrawmu l-identifikazzjoni u t-tixrid tal-aħjar prattiki tal-Istati Membri u l-miżuri tal-Istati Membri implimentati mill-Istati Membri fit-tħejjija u l-amministrazzjoni ta' dawn l-elezzjonijiet, inkluż fir-rigward tad-dritt tal-vot ta' ċittadini Ewropej li jgħixu fi Stat Membru ieħor, kif ukoll il-promozzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet elettorali ta' gruppi sottorappreżentanti, inklużi persuni b'diżabbiltà. |
(20) |
Fid-dawl tar-riskji għall-proċess elettorali minn attakki ċibernetiċi u diżinformazzjoni li dehru f'elezzjonijiet u kampanji riċenti, jenħtieġ li tiġi mħeġġa l-kondiviżjoni tal-esperjenza fost l-Istati Membri dwar kwistjonijiet relatati. |
(21) |
L-Istati Membri, kif ukoll il-partiti politiċi Ewropej u nazzjonali, għandhom responsabbiltà partikolari li jsaħħu t-tmexxija demokratika u effiċjenti tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. |
ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:
L-interazzjoni maċ-ċittadini Ewropej f'dibattiti dwar kwistjonijiet Ewropej qabel l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew
1. |
Mil-laqgħa tal-Mexxejja tat-23 ta' Frar 2018, u meta wieħed iqis l-istrutturi u l-prattiki politiċi nazzjonali rispettivi, l-Istati Membri għandhom jorganizzaw avvenimenti ta' sensibilizzazzjoni biex jinteraġixxu maċ-ċittadini f'dibattiti pubbliċi li jikkonċernaw il-kwistjonijiet tal-Unjoni Ewropea u l-futur tal-Ewropa. Dawn l-avvenimenti ta' sensibilizzazzjoni għandhom ikomplu sal-laqgħa tal-Mexxejja f'Sibiu tad-9 ta' Mejju 2019, ftit qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Fl-istess perjodu, jenħtieġ li l-partiti politiċi Ewropej u l-partiti nazzjonali jgħinu biex iqajmu kuxjenza fost iċ-ċittadini dwar il-kwistjonijiet involuti fil-livell tal-Unjoni u dwar kif bi ħsiebhom jindirizzawhom matul il-leġiżlatura li jmiss. |
Appoġġ għal kandidat għal President tal-Kummissjoni Ewropea
2. |
Kmieni biżżejjed qabel l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, u idealment sa tmiem l-2018, kull partit politiku għandu jgħarraf liema kandidat jappoġġa għall-kariga ta' President tal-Kummissjoni Ewropea. Idealment sa tmiem l-2019, jenħtieġ li huma jgħarrfu wkoll il-programm politiku tal-kandidat innifsu. Il-partiti politiċi Ewropej u l-partiti membri nazzjonali tagħhom huma mħeġġa jagħżlu l-kandidati prinċipali tagħhom b'mod miftuħ, inklużiv u trasparenti. Il-partiti politiċi nazzjonali għandhom jiżguraw li l-informazzjoni politika tagħhom, inklużi x-xandiriet politiċi tagħhom, fid-dawl tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew jintużaw ukoll biex jinfurmaw liċ-ċittadini dwar il-kandidat li jkunu qed jappoġġaw għall-funzjoni ta' President tal-Kummissjoni Ewropea u dwar il-programm tal-kandidat tagħhom. |
Informazzjoni lill-votanti dwar l-affiljazzjoni bejn il-partiti nazzjonali u l-partiti politiċi Ewropej
3. |
Filwaqt li jikkunsidraw l-ispeċifiċitajiet tal-pajsaġġi politiċi tal-partiti nazzjonali tal-Istati Membri, il-partiti politiċi nazzjonali li jieħdu sehem fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għandhom jgħarrfu pubblikament qabel l-elezzjonijiet u qabel il-bidu tal-kampanja elettorali, jekk u ma' liema partit politiku Ewropew huma affiljati u liema kandidat prinċipali jappoġġaw. Safejn ikun possibbli, il-partiti politiċi nazzjonali għandhom juru din l-informazzjoni, inkluż, fejn xieraq, il-logo tal-partit politiku Ewropew fil-materjali, komunikazzjonijiet u xandiriet politiċi kollha tal-kampanja elettorali b'mod prominenti. Il-partiti politiċi Ewropej huma mħeġġa jgħarrfu minn qabel il-bidu tal-kampanja, u preferibbilment meta jħabbru l-kandidati tagħhom għal President tal-Kummissjoni, liema grupp politiku fil-Parlament Ewropew għandhom il-ħsieb li jingħaqdu miegħu jew joħolqu fil-leġiżlatura li jmiss. |
L-inkoraġġiment u l-faċilitazzjoni tal-informazzjoni lill-votanti dwar l-affiljazzjoni bejn il-partiti nazzjonali u l-partiti politiċi Ewropej
4. |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jħeġġu u jiffaċilitaw l-għoti ta' informazzjoni lill-elettorat dwar l-affiljazzjoni bejn il-partiti nazzjonali u l-partiti politiċi Ewropej, kif ukoll il-kandidati prinċipali tagħhom qabel u waqt l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, fost l-oħrajn billi jippermettu u jinkoraġġixxu l-indikazzjoni ta' tali affiljazzjoni fil-materjal tal-kampanja, fuq is-siti web u l-partiti membri reġjonali, u, fejn ikun possibbli, fuq il-poloz tal-vot użati f'dawk l-elezzjonijiet. |
Tmexxija effiċjenti
5. |
Sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini Ewropej residenti fi Stat Membru ieħor jistgħu jużaw id-dritt ta' votazzjoni tagħhom f'dak l-Istat Membru, biex jippromwovu l-eżerċizzju tad-drittjiet elettorali tal-gruppi sottorappreżentati, inluż persuni b'diżabbiltà, u b'mod ġenerali biex jaġġoġġaw imġiba demokratika u għadd kbir ta' votanti li joħorġu jivvotaw, l-awtoritajiet kompetenti huma mħeġġa jiltaqgħu fr-rebbiegħa tal-2018, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, biex jiskambjaw l-aħjar prattiki u miżuri prattiċi. L-awtoritajiet responsabbli kompetenti huma mħeġġa wkoll jidentifikaw, fuq il-bażi tal-esperjenzi tal-Istati Membri, l-aħjar prattiki fl-identifikazzjoni, il-mitigazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji għall-proċess elettorali minn attakki ċibernetiċi u diżinformazzjoni. |
Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri u lill-partiti politiċi Ewropej u nazzjonali.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Frar 2018.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/142/UE tat-12 ta' Marzu 2013 dwar it-tisħiħ tal-kondotta demokratika u effiċjenti tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew (ĠU L 79, 21.3.2013, p. 29).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta' Jannar 2018 dwar Kodiċi ta' Kondotta għall-Membri tal-Kummissjoni Ewropea (C(2018) 700 final).
(3) Id-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Frar 2018 dwar ir-reviżjoni tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea (2017/2233(ACI))
(4) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej — COM(2017) 481 tat-13 ta' Settembru 2017.
(5) Id-Direttiva tal-Kunsill 93/109/KE tas-6 ta' Diċembru 1993 tistabbilixxi arranġamenti dettaljati sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini tal-Unjoni li joqogħdu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini (ĠU L 329, 30.12.1993, p. 34).