11.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 255/16


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1511

tad-9 ta' Ottubru 2018

li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/789 fir-rigward ta' miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tal-Xylella fastidiosa (Wells et al.)

(notifikata bid-dokument C(2018) 6452)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-pjanti jew prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b'mod partikolari r-raba' sentenza tal-Artikolu 16(3) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 9(8) tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/789 (2) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għaċ-ċaqliq ta' ċerti pjanti ospitanti li qatt ma tkabbru fiż-żoni demarkati, u aktar kundizzjonijiet speċifiċi għal ċerti pjanti ospitanti, inklużi l-pjanti għat-tħawwil tal-Polygala myrtifolia L.

(2)

L-esperjenza wriet li l-pjanti għat-tħawwil tal-Polygala myrtifolia L. urew li huma partikolarment suxxettibbli għall-Xylella fastidiosa (Wells et al.) (“l-organiżmu speċifikat”). Sabiex tiġi żgurata protezzjoni fitosanitarja akbar tat-territorju tal-Unjoni, huwa xieraq li jkun meħtieġ li l-ispezzjoni viżwali, it-teħid ta' kampjuni u l-ittestjar jitwettqu kemm jista' jkun qrib iż-żmien tal-ewwel ċaqliq tagħhom 'il barra mis-sit tal-produzzjoni tagħhom. Jenħtieġ li l-istess rekwiżit japplika għall-pjanti għat-tħawwil tal-Polygala myrtifolia L. introdotti fl-Unjoni u li jkunu joriġinaw f'pajjiż terz fejn l-organiżmu speċifikat ma jkunx preżenti.

(3)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/789 tiġi emendata skont dan.

(4)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/789 hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 9, il-paragrafu 8, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Madankollu, il-pjanti għat-tħawwil, għajr iż-żrieragħ, tal-Coffea, Lavandula dentata L., Nerium oleander L., Olea europaea L., Polygala myrtifolia L. u Prunus dulcis (Mill.) D.A. Webb, għandhom jiċċaqalqu fl-Unjoni biss jekk ikunu tkabbru f'sit li huwa soġġett għal spezzjoni uffiċjali annwali u għal teħid ta' kampjuni, billi jitqiesu l-linji gwida tekniċi għall-istħarriġ tal-Xylella fastidiosa provduti fis-sit web tal-Kummissjoni, kif ukoll għal ittestjar b'konformità mal-istandards internazzjonali għall-preżenza tal-organiżmu speċifikat, li jikkonferma l-assenza tal-organiżmu speċifikat, bl-użu ta' skema ta' teħid ta' kampjuni li tista' tidentifika b'affidabbiltà ta' 99 % il-livell ta' preżenza ta' pjanti infettati ta' 5 %. Barra minn hekk, u qabel l-ewwel ċaqliq tiegħu 'il barra mis-sit tal-produzzjoni, kull lott ta' pjanti għat-tħawwil tal-Polygala myrtifolia L. li jrid jiġi mċaqlaq fl-Unjoni għandu jkun soġġett għal spezzjoni viżwali uffiċjali u għal teħid ta' kampjuni, kemm jista' jkun qrib iż-żmien ta' dak iċ-ċaqliq, filwaqt li jitqiesu l-linji gwida tekniċi għall-istħarriġ tal-Xylella fastidiosa provduti fis-sit web tal-Kummissjoni, kif ukoll għal ittestjar b'konformità mal-istandards internazzjonali għall-preżenza tal-organiżmu speċifikat, li jikkonferma l-assenza tal-organiżmu speċifikat, bl-użu ta' skema ta' teħid ta' kampjuni li tista' tidentifika b'affidabbiltà ta' 99 %, livell ta' preżenza ta' pjanti infettati ta' 5 %. B'deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2), il-preżenza tal-organiżmu speċifikat għandha tiġi skrinjata permezz ta' test wieħed, u fil-każ ta' riżultati pożittivi, il-preżenza tiegħu għandha tiġi identifikata billi jitwettaq, b'konformità mal-istandards internazzjonali, mill-inqas test molekulari pożittiv wieħed. Dawk it-testijiet għandhom jiġu elenkati fil-bażi ta' data tal-Kummissjoni tat-testijiet għall-identifikazzjoni tal-organiżmu speċifikat u s-subspeċijiet tiegħu.”

(2)

Fl-Artikolu 16, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Il-pjanti għat-tħawwil, għajr iż-żrieragħ, tal-Coffea, Lavandula dentata L., Nerium oleander L., Olea europaea L., Polygala myrtifolia L., u Prunus dulcis (Mill.) D.A. Webb għandhom jiddaħħlu fl-Unjoni biss jekk ikunu tkabbru f'sit li huwa soġġett għal spezzjoni uffiċjali annwali, bit-teħid ta' kampjuni u l-ittestjar li jitwettqu fiż-żminijiet xierqa fuq dawk il-pjanti għall-preżenza tal-organiżmu speċifikat u b'konformità mal-istandards internazzjonali, li jikkonferma l-assenza tal-organiżmu speċifikat, bl-użu ta' skema ta' teħid ta' kampjuni li tista' tidentifika b'affidabbiltà ta' 99 %, il-livell ta' preżenza ta' pjanti infettati ta' 5 %,. Barra minn hekk, u qabel l-ewwel ċaqliq tiegħu 'il barra mis-sit tal-produzzjoni tiegħu, u kemm jista' jkun qrib iż-żmien ta' dak iċ-ċaqliq, kull lott ta' pjanti għat-tħawwil tal-Polygala myrtifolia L. għandu jkun soġġett għal spezzjoni viżwali uffiċjali u għal teħid ta' kampjuni, kif ukoll għal ittestjar b'konformità mal-istandards internazzjonali għall-preżenza tal-organiżmu speċifikat, li jikkonferma l-assenza tal-organiżmu speċifikat, bl-użu ta' skema ta' teħid ta' kampjuni li tista' tidentifika b'affidabbiltà ta' 99 %, livell ta' preżenza ta' pjanti infettati ta' 5 %.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Ottubru 2018.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/789 tat-18 ta' Mejju 2015 fir-rigward ta' miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tal-Xylella fastidiosa (Wells et al.) (ĠU L 125, 21.5.2015, p. 36).