5.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 251/25


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1485

tat-28 ta' Settembru 2018

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-emendi għall-Annessi għall-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta' Oġġetti Perikolużi bit-Triq (ADR) u għar-Regolamenti annessi għall-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta' Oġġetti Perikolużi fuq Passaġġi tal-Ilma Interni (ADN)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta' Oġġetti Perikolużi bit-Triq (ADR) daħal fis-seħħ fid-29 ta' Jannar 1968. Il-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta' Oġġetti Perikolużi fuq Passaġġi tal-Ilma Interni (ADN) daħal fis-seħħ fid-29 ta' Frar 2008.

(2)

L-Unjoni mijiex Parti Kontraenti għall-ADR jew għall-ADN. L-Istati Membri kollha huma Partijiet Kontraenti għall-ADR, u 13-il Stat Membru huma Partijiet Kontraenti għall-ADN.

(3)

Skont l-Artikolu 14 tal-ADR, kwalunkwe Parti Kontraenti tista' tipproponi emenda waħda jew aktar għall-Annessi għall-ADR. Il-Grupp ta' Ħidma dwar it-Trasport ta' Oġġetti Perikolużi (WP.15) jista' jadotta abbozz ta' emendi għal dawk l-Annessi. Skont l-Artikolu 20 tal-ADN, il-Kumitat Amministrattiv tal-ADN jista' jadotta abbozz ta' emendi għar-Regolamenti annessi għall-ADN. Tali emendi proposti jridu jitqiesu aċċettati sakemm, fi żmien tliet xhur mid-data li fiha s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti jiċċirkolahom, mill-inqas terz tal-Partijiet Kontraenti, jew ħamsa minnhom jekk terz jaqbeż dik iċ-ċifra, ma jkunux taw notifika bil-miktub lis-Segretarju Ġenerali bl-oġġezzjoni tagħhom għall-emendi proposti.

(4)

L-emendi proposti adottati matul il-perjodu ta' sentejn tal-2016-2018 mill-WP.15 u mill-Kumitat Amministrattiv tal-ADN ġew iċċirkolati lill-Partijiet Kontraenti tal-ADR u tal-ADN fl-1 ta' Lulju 2018.

(5)

L-emendi proposti huma kapaċi li jinfluwenzaw b'mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Dik id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti għat-trasport ta' oġġetti perikolużi bit-triq, bil-ferrovija jew fuq passaġġi tal-ilma interni fl-Istati Membri jew bejniethom billi tirreferi għall-ADR, għar-Regolament dwar il-Ġarr Internazzjonali ta' Oġġetti Perikolużi bil-Ferrovija (RID) fl-Appendiċi C għall-Konvenzjoni dwar il-Ġarr Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) u għall-ADN. L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/68/KE jipprevedi li t-trasport ta' oġġetti perikolużi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi jrid jiġi awtorizzat kemm-il darba jkun konformi mar-rekwiżiti tal-ADR, l-RID jew l-ADN, ħlief jekk ikun indikat mod ieħor fl-Annessi għal dik id-Direttiva. Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/68/KE, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadatta l-Annessi għal dik id-Direttiva skont il-progress xjentifiku u tekniku, partikolarment sabiex jitqiesu l-emendi għall-ADR, l-RID u l-ADN.

(6)

L-emendi proposti li jikkonċernaw standards tekniċi jew preskrizzjonijiet tekniċi uniformi, bl-għan li jiżguraw it-trasport effiċjenti u sikur ta' oġġetti perikolużi filwaqt li jqisu l-progress xjentifiku u tekniku fis-settur u l-iżvilupp ta' sustanzi ġodda u oġġetti li jippreżentaw periklu matul it-trasport tagħhom. L-iżvilupp tat-trasport ta' oġġetti perikolużi bit-triq u fuq passaġġi tal-ilma interni, kemm fl-Unjoni kif ukoll bejn l-Unjoni u l-pajjiżi ġirien tagħha, huwa komponent ewlieni tal-politika komuni tat-trasport u jiżgura t-tħaddim tajjeb tal-oqsma industrijali kollha li jipproduċu jew li jużaw oġġetti kklassifikati bħala perikolużi skont l-ADR u l-ADN.

(7)

L-emendi proposti huma kollha ġġustifikati u ta' benefiċċju, u għalhekk għandhom jiġu appoġġjati mill-Unjoni. Il-pożizzjoni li trid tiġi adottata f'isem l-Unjoni fir-rigward tal-emendi proposti għall-Annessi għall-ADR u għar-Regolamenti annessi għall-ADN għalhekk jenħtieġ li jkunu bbażati fuq l-ehmża għal din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li trid tiġi adottata f'isem l-Unjoni fir-rigward tal-emendi proposti għall-Annessi tal-ADR u għar-Regolamenti annessi għall-ADN, għandha tkun ibbażata fuq l-ehmża għal din id-Deċiżjoni,.

Bidliet minuri għall-emendi proposti għall-Annessi tal-ADR u għar-Regolamenti annessi għall-ADN jistgħu jiġu miftiehma mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill, b'konformità mal-Artikolu 2.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni li trid tiġi adottata f'isem l-Unjoni fir-rigward tal-emendi proposti għall-Annessi għall-ADR, kif stabbilit fl-Artikolu 1, għandha tiġi espressa minn dawk l-Istati Membri li huma Partijiet Kontraenti għall-ADR u l-ADN, li jaġixxu b'mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

Il-pożizzjoni li trid tiġi adottata f'isem l-Unjoni fir-rigward tal-emendi proposti għar-Regolamenti anessi għall-ADN, kif stabbilit fl-Artikolu 1, għandha tiġi espressa minn dawk l-Istati Membri li huma Partijiet Kontraenti għall-ADN, li jaġixxu b'mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

Artikolu 3

Referenza għall-emendi aċċettati għall-Annessi għall-ADR u għar-Regolamenti annessi għall-ADN, inkluż id-data/i tad-dħul fis-seħħ tagħhom, għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Settembru 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

M. SCHRAMBÖCK


(1)  Id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta' oġġetti perikolużi (ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13).


DOKUMENT MEHMUŻ

Proposta

Id-Dokument ta' Referenza

Notifika

Il-kwistjoni

Kummenti

Pożizzjoni tal-UE

1

ECE/TRANS/WP.15/240

C.N.304.2018.TREATIES-XI.B.14

Abbozz ta' emendi għall-Annessi A u B tal-ADR

Kunsens tekniku fi ħdan il-Grupp ta' Ħidma dwar it-Trasport ta' Oġġetti Perikolużi — WP.15.

Qbil mal-emendi.

2

ECE/TRANS/WP.15/240/Add.1

C.N.304.2018.TREATIES-XI.B.14

Abbozz ta' emendi għall-Annessi A u B tal-ADR — Addendum (Maħruġ mill-ġdid fit-8 ta' Ġunju 2018)

Kunsens tekniku fi ħdan il-Grupp ta' Ħidma dwar it-Trasport ta' Oġġetti Perikolużi — WP.15.

Qbil mal-emendi.

3

ECE/TRANS/WP.15/240/Corr.1

C.N.304.2018.TREATIES-XI.B.14

Abbozz ta' emendi għall-Annessi A u B tal-ADR — Rettifika (Maħruġ mill-ġdid fit-8 ta' Ġunju 2018)

Kunsens tekniku fi ħdan il-Grupp ta' Ħidma dwar it-Trasport ta' Oġġetti Perikolużi — WP.15.

Qbil mal-emendi.

4

ECE/ADN/45

C.N.297.2018.TREATIES-XI.D.6

Abbozz ta' emendi għar-Regolamenti annessi mal-ADN

Kunsens tekniku fil-Kumitat Amministrattiv tal-ADN.

Qbil mal-emendi.