5.10.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 251/25 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1485
tat-28 ta' Settembru 2018
li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-emendi għall-Annessi għall-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta' Oġġetti Perikolużi bit-Triq (ADR) u għar-Regolamenti annessi għall-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta' Oġġetti Perikolużi fuq Passaġġi tal-Ilma Interni (ADN)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Il-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta' Oġġetti Perikolużi bit-Triq (ADR) daħal fis-seħħ fid-29 ta' Jannar 1968. Il-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta' Oġġetti Perikolużi fuq Passaġġi tal-Ilma Interni (ADN) daħal fis-seħħ fid-29 ta' Frar 2008. |
(2) |
L-Unjoni mijiex Parti Kontraenti għall-ADR jew għall-ADN. L-Istati Membri kollha huma Partijiet Kontraenti għall-ADR, u 13-il Stat Membru huma Partijiet Kontraenti għall-ADN. |
(3) |
Skont l-Artikolu 14 tal-ADR, kwalunkwe Parti Kontraenti tista' tipproponi emenda waħda jew aktar għall-Annessi għall-ADR. Il-Grupp ta' Ħidma dwar it-Trasport ta' Oġġetti Perikolużi (WP.15) jista' jadotta abbozz ta' emendi għal dawk l-Annessi. Skont l-Artikolu 20 tal-ADN, il-Kumitat Amministrattiv tal-ADN jista' jadotta abbozz ta' emendi għar-Regolamenti annessi għall-ADN. Tali emendi proposti jridu jitqiesu aċċettati sakemm, fi żmien tliet xhur mid-data li fiha s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti jiċċirkolahom, mill-inqas terz tal-Partijiet Kontraenti, jew ħamsa minnhom jekk terz jaqbeż dik iċ-ċifra, ma jkunux taw notifika bil-miktub lis-Segretarju Ġenerali bl-oġġezzjoni tagħhom għall-emendi proposti. |
(4) |
L-emendi proposti adottati matul il-perjodu ta' sentejn tal-2016-2018 mill-WP.15 u mill-Kumitat Amministrattiv tal-ADN ġew iċċirkolati lill-Partijiet Kontraenti tal-ADR u tal-ADN fl-1 ta' Lulju 2018. |
(5) |
L-emendi proposti huma kapaċi li jinfluwenzaw b'mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Dik id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti għat-trasport ta' oġġetti perikolużi bit-triq, bil-ferrovija jew fuq passaġġi tal-ilma interni fl-Istati Membri jew bejniethom billi tirreferi għall-ADR, għar-Regolament dwar il-Ġarr Internazzjonali ta' Oġġetti Perikolużi bil-Ferrovija (RID) fl-Appendiċi C għall-Konvenzjoni dwar il-Ġarr Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) u għall-ADN. L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/68/KE jipprevedi li t-trasport ta' oġġetti perikolużi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi jrid jiġi awtorizzat kemm-il darba jkun konformi mar-rekwiżiti tal-ADR, l-RID jew l-ADN, ħlief jekk ikun indikat mod ieħor fl-Annessi għal dik id-Direttiva. Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/68/KE, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadatta l-Annessi għal dik id-Direttiva skont il-progress xjentifiku u tekniku, partikolarment sabiex jitqiesu l-emendi għall-ADR, l-RID u l-ADN. |
(6) |
L-emendi proposti li jikkonċernaw standards tekniċi jew preskrizzjonijiet tekniċi uniformi, bl-għan li jiżguraw it-trasport effiċjenti u sikur ta' oġġetti perikolużi filwaqt li jqisu l-progress xjentifiku u tekniku fis-settur u l-iżvilupp ta' sustanzi ġodda u oġġetti li jippreżentaw periklu matul it-trasport tagħhom. L-iżvilupp tat-trasport ta' oġġetti perikolużi bit-triq u fuq passaġġi tal-ilma interni, kemm fl-Unjoni kif ukoll bejn l-Unjoni u l-pajjiżi ġirien tagħha, huwa komponent ewlieni tal-politika komuni tat-trasport u jiżgura t-tħaddim tajjeb tal-oqsma industrijali kollha li jipproduċu jew li jużaw oġġetti kklassifikati bħala perikolużi skont l-ADR u l-ADN. |
(7) |
L-emendi proposti huma kollha ġġustifikati u ta' benefiċċju, u għalhekk għandhom jiġu appoġġjati mill-Unjoni. Il-pożizzjoni li trid tiġi adottata f'isem l-Unjoni fir-rigward tal-emendi proposti għall-Annessi għall-ADR u għar-Regolamenti annessi għall-ADN għalhekk jenħtieġ li jkunu bbażati fuq l-ehmża għal din id-Deċiżjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li trid tiġi adottata f'isem l-Unjoni fir-rigward tal-emendi proposti għall-Annessi tal-ADR u għar-Regolamenti annessi għall-ADN, għandha tkun ibbażata fuq l-ehmża għal din id-Deċiżjoni,.
Bidliet minuri għall-emendi proposti għall-Annessi tal-ADR u għar-Regolamenti annessi għall-ADN jistgħu jiġu miftiehma mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill, b'konformità mal-Artikolu 2.
Artikolu 2
Il-pożizzjoni li trid tiġi adottata f'isem l-Unjoni fir-rigward tal-emendi proposti għall-Annessi għall-ADR, kif stabbilit fl-Artikolu 1, għandha tiġi espressa minn dawk l-Istati Membri li huma Partijiet Kontraenti għall-ADR u l-ADN, li jaġixxu b'mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.
Il-pożizzjoni li trid tiġi adottata f'isem l-Unjoni fir-rigward tal-emendi proposti għar-Regolamenti anessi għall-ADN, kif stabbilit fl-Artikolu 1, għandha tiġi espressa minn dawk l-Istati Membri li huma Partijiet Kontraenti għall-ADN, li jaġixxu b'mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.
Artikolu 3
Referenza għall-emendi aċċettati għall-Annessi għall-ADR u għar-Regolamenti annessi għall-ADN, inkluż id-data/i tad-dħul fis-seħħ tagħhom, għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Settembru 2018.
Għall-Kunsill
Il-President
M. SCHRAMBÖCK
(1) Id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta' oġġetti perikolużi (ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13).
DOKUMENT MEHMUŻ
Proposta |
Id-Dokument ta' Referenza |
Notifika |
Il-kwistjoni |
Kummenti |
Pożizzjoni tal-UE |
1 |
ECE/TRANS/WP.15/240 |
C.N.304.2018.TREATIES-XI.B.14 |
Abbozz ta' emendi għall-Annessi A u B tal-ADR |
Kunsens tekniku fi ħdan il-Grupp ta' Ħidma dwar it-Trasport ta' Oġġetti Perikolużi — WP.15. |
Qbil mal-emendi. |
2 |
ECE/TRANS/WP.15/240/Add.1 |
C.N.304.2018.TREATIES-XI.B.14 |
Abbozz ta' emendi għall-Annessi A u B tal-ADR — Addendum (Maħruġ mill-ġdid fit-8 ta' Ġunju 2018) |
Kunsens tekniku fi ħdan il-Grupp ta' Ħidma dwar it-Trasport ta' Oġġetti Perikolużi — WP.15. |
Qbil mal-emendi. |
3 |
ECE/TRANS/WP.15/240/Corr.1 |
C.N.304.2018.TREATIES-XI.B.14 |
Abbozz ta' emendi għall-Annessi A u B tal-ADR — Rettifika (Maħruġ mill-ġdid fit-8 ta' Ġunju 2018) |
Kunsens tekniku fi ħdan il-Grupp ta' Ħidma dwar it-Trasport ta' Oġġetti Perikolużi — WP.15. |
Qbil mal-emendi. |
4 |
ECE/ADN/45 |
C.N.297.2018.TREATIES-XI.D.6 |
Abbozz ta' emendi għar-Regolamenti annessi mal-ADN |
Kunsens tekniku fil-Kumitat Amministrattiv tal-ADN. |
Qbil mal-emendi. |