5.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 224/10


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1216

tal-4 ta' Settembru 2018

li tikkonċerna ċerti miżuri protettivi interim marbuta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Bulgarija

(notifikata bid-dokument C(2018) 5885)

(It-test bil-Bulgaru biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(3) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta' ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) tagħha,

Billi:

(1)

Id-deni Afrikan tal-ħnieżer huwa marda virali infettiva li taffettwa l-popolazzjonijiet tal-ħnieżer domestiċi u selvaġġi u jista' jkollha impatt serju fuq il-profittabilità tan-negozji tat-trobbija tal-ħnieżer li jisfratta l-kummerċ fl-Unjoni u l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi.

(2)

F'każ ta' tifqigħa tad-deni Afrikan tal-ħnieżer, hemm ir-riskju li l-aġent tal-marda jista' jinxtered ma' rziezet oħra tal-ħnieżer u mal-ħnieżer selvaġġi. B'hekk, jista' jinxtered minn Stat Membru għall-ieħor u għal pajjiżi terzi permezz tal-kummerċ tal-ħnieżer ħajjin jew tal-prodotti magħmula minnhom.

(3)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE (3) tistabbilixxi l-miżuri minimi li jridu jiġu applikati fl-Unjoni għall-kontroll tad-deni Afrikan tal-qżieqeż. L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/60/KE jipprevedi t-twaqqif ta' żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza fil-każ ta' tifqigħat ta' dik il-marda, fejn iridu japplikaw il-miżuri stipulati fl-Artikoli 10 u 11 ta' dik id-Direttiva.

(4)

Ir-Bulgarija infurmat lill-Kummissjoni bis-sitwazzjoni preżenti fit-territorju tagħha fir-rigward tad-deni Afrikan tal-ħnieżer u, b'konformità mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/60/KE, stabbiliet żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza fejn japplikaw il-miżuri msemmija fl-Artikoli 10 u 11 ta' dik id-Direttiva.

(5)

Sabiex jiġi evitat kull xkiel bla bżonn għall-kummerċ fl-Unjoni u biex jiġu evitati ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ minn pajjiżi terzi, hemm bżonn li jiġu deskritti fil-livell tal-Unjoni ż-żoni stabbiliti bħala żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza għad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Bulgarija, b'kollaborazzjoni ma' dak l-Istat Membru.

(6)

Għaldaqstant, sakemm issir il-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, iż-żoni identifikati bħala żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza fil-Bulgarija jenħtieġ li jiġu stipulati fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni u li jiġi stabbilit it-tul ta' żmien ta' dik ir-regjonalizzazzjoni.

(7)

Din id-Deċiżjoni trid tiġi rieżaminata fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Bulgarija għandha tiżgura li ż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza stabbiliti b'konformità mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/60/KE jinkludu mill-inqas iż-żoni elenkati bħala ż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-30 ta' Ottubru 2018.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Settembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

(2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE tas-27 ta' Ġunju 2002 li tistabbilixxi miżuri għall-kontroll tad-deni Afrikan tal-qżieqeż u temenda id-Direttiva 92/119/KEE għar-rigward tal-marda Teschen u d-deni Afrikan tal-qżieqeż (ĠU L 192, 20.7.2002, p. 27).


ANNESS

Il-Bulgarija

Żoni kif imsemmija fl-Artikolu 1

Żona ta' protezzjoni

Il-villaġġi li ġejjin tar-reġjun ta' Varna:

 

Tutrakantsi

 

Bozveliysko

 

Provadiya

 

Dobrina

 

Manastir

 

Zhitnitsa

 

Barzitsa

 

Tsarevtsi

 

Nova Shipka

 

Velichkovo

 

Tsonevo

 

Sava

 

Dalgopol

 

Chayka

 

Royak

 

Blaskovo

 

Kiten

 

Hrabrovo

 

Ovcharga

 

Krivnya

Żona ta' sorveljanza

Il-bqija tar-reġjun ta' Varna