23.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 214/3


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1195

tas-16 ta' Lulju 2018

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, ta' Protokoll għall-Ftehim dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali ta' passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (Ftehim Interbus) fir-rigward tat-trasport internazzjonali regolari u regolari speċjali ta' passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 91 flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/917/KE (1), il-Ftehim dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali ta' passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (Ftehim Interbus) (2) ġie konkluż, f'isem l-Unjoni, fit-3 ta' Ottubru 2002 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2003 (3).

(2)

Fil-5 ta' Diċembru 2014, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati għal Protokoll għall-Ftehim Interbus (il-“Protokoll”) mar-Repubblika tal-Albanija, mal-Bożnija-Ħerzegovina, mal-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, mar-Repubblika tal-Moldova, mal-Montenegro, mar-Repubblika tat-Turkija u mal-Ukrajna.

(3)

In-negozjati ġew konklużi b'suċċess matul il-laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim Interbus li saret fl-10 ta' Novembru 2017.

(4)

Il-Protokoll għandu jiffaċilita l-provvista ta' servizzi regolari jew ta' servizzi regolari speċjali bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim Interbus u b'hekk mistenni jagħti lok għal titjib fil-kollegamenti tat-trasport ta' passiġġieri bejniethom.

(5)

Fir-rigward tar-regoli ġenerali, b'mod partikolari l-operat tal-Kumitat Konġunt, u sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tiegħu, l-abbozz tal-Protokoll fil-biċċa l-kbira tiegħu jirrifletti r-regoli stabbiliti fil-Ftehim Interbus.

(6)

Sabiex il-benefiċċji tiegħu ma jiddewmux wisq u b'mod simili għal kif jistipula l-Ftehim Interbus, il-Protokoll jipprevedi d-dħul fis-seħħ tiegħu stess, għall-Partijiet Kontraenti li jkunu approvawh jew irratifikawh, meta erba' Partijiet Kontraenti, inkluża l-Unjoni, ikunu approvawh jew irratifikawh.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Protokoll jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni, suġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Protokoll għall-Ftehim dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali ta' passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (Ftehim Interbus) fir-rigward tat-trasport internazzjonali regolari u regolari speċjali ta' passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni, suġġett għall-konklużjoni tiegħu (4).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Protokoll f'isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Lulju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BOGNER-STRAUSS


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/917/KE tat-3 ta' Ottubru 2002 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Interbus dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali tal-passiġġieri bil-coach u bix-xarabank (ĠU L 321, 26.11.2002, p. 11).

(2)  ĠU L 321, 26.11.2002, p. 13.

(3)  ĠU L 321, 26.11.2002, p. 44.

(4)  It-test tal-Protokoll se jiġi ppubblikat flimkien mad-Deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.