14.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 205/48


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1136

tal-10 ta' Awwissu 2018

dwar miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju u għall-bijosigurtà rinforzata u s-sistemi tad-detezzjoni bikrija fir-rigward tar-riskji maħluqa minn għasafar selvaġġi għat-trażmissjoni ta' viruses tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja għall-pollam

(notifikata bid-dokument C(2018) 5243)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE tal-20 ta' Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll tal-influwenza tat-tjur u li tħassar id-Direttiva 92/40/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3 u l-Artikolu 63(3) tagħha,

Billi:

(1)

L-influwenza avjarja hija marda virali infettiva fl-għasafar, inkluż il-pollam. L-infezzjonijiet bil-viruses tal-influwenza avjarja fil-pollam domestiku jikkawżaw żewġ forom ewlenin ta' din il-marda li ssir distinzjoni bejniethom skont il-virulenza tal-virus. Il-forma b'patoġeniċità baxxa ġeneralment tikkawża biss sintomi ħfief, filwaqt li l-forma b'patoġeniċità għolja twassal għal rati ferm għoljin ta' mortalità fil-parti l-kbira tal-ispeċijiet tal-pollam. Dik il-marda jista' jkollha impatt sever fuq is-saħħa tal-għasafar domestiċi u selvaġġi u fuq il-profittabbiltà tal-pollam.

(2)

Id-Direttiva 2005/94/KE tistabbilixxi l-miżuri minimi ta' kontroll li għandhom jiġu applikati f'każ ta' tifqigħa ta' dik il-marda fil-pollam jew f'għasafar fil-kaptività oħrajn u tipprevedi wkoll ċerti miżuri preventivi marbuta mas-sorveljanza u mad-detezzjoni bikrija tal-influwenza avjarja.

(3)

Għasafar selvaġġi, b'mod partikolari għasafar tal-ilma migratorji, huma magħrufa bħala l-ospitant naturali ta' viruses tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità baxxa li jġorru matul il-movimenti migratorji staġjonali tagħhom, ġeneralment mingħajr ma juru sinjali ta' dik il-marda. Madankollu, mill-2005, il-viruses tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja (HPAI) tas-sottotip H5 urew li jistgħu jinfettaw għasafar migratorji li wara setgħu jifirxu dawn il-viruses fuq distanzi twal bejn il-kontinenti.

(4)

Il-preżenza ta' viruses tal-influwenza avjarja u b'mod partikolari l-viruses HPAI fl-għasafar selvaġġi jirrappreżentaw theddida kontinwa għall-introduzzjoni diretta u indiretta ta' dawn il-viruses f'azjendi agrikoli fejn jinżammu l-pollam jew għasafar oħra fil-kaptività, b'mod partikolari matul iċ-ċaqliq staġjonali tal-għasafar migratorji, bir-riskju ta' tifrix sussegwenti tal-virus minn azjenda agrikola infettata għal azjendi agrikoli oħrajn li għandhom il-probabbiltà li jikkawżaw telf ekonomiku sinifikanti.

(5)

Fl-14 ta' Settembru 2017, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adottat opinjoni xjentifika komprensiva dwar l-influwenza avjarja (2), fejn ikkonfermat li l-implimentazzjoni stretta ta' miżuri tal-bijosigurtà taqdi rwol ewlieni fil-prevenzjoni kontra t-tifrix tal-viruses HPAI mill-għasafar selvaġġi għall-pollam u għasafar oħrajn fil-kaptività (l-opinjoni EFSA tal-2017).

(6)

L-opinjoni EFSA tal-2017 telenka l-iktar miżuri tal-bijosigurtà rilevanti li għandhom jiġu applikati kontinwament f'sistemi tat-trobbija tal-pollam differenti inkluż azjendi agrikoli żgħar. Tiddikjara wkoll li ċerti prinċipji ġenerali tal-bijosigurtà japplikaw universalment għall-azjendi agrikoli tal-pollam, filwaqt li jridu jiġu kkunsidrati karatteristiċi uniċi għal kull azjenda agrikola għal protezzjoni ottimizzata bbażata fuq pariri esperti.

(7)

L-opinjoni EFSA tal-2017 ivvalutat u identifikat ir-riskji għall-introduzzjoni tal-virus HPAI fl-azjendi agrikoli tal-pollam, bħaż-żamma flimkien tal-papri u l-wiżż domestiċi ma' speċijiet tal-pollam oħrajn, u r-riskji marbuta ma' ċerti attivitajiet, bħar-rilaxx tal-pollam sabiex isir tgħammir mill-ġdid tal-proviżjonijiet tal-għasafar tal-kaċċa, u pproponiet miżuri biex timmitiga dawn ir-riskji.

(8)

L-opinjoni EFSA tal-2017 ikkonkludiet li s-sorveljanza passiva tal-għasafar selvaġġi hija l-iktar mezz effettiv għad-detezzjoni bikrija tal-preżenza tal-viruses HPAI fl-għasafar selvaġġi, fejn l-infezzjonijiet tal-virus HPAI huma assoċjati mal-mortalità u rrakkomandat it-teħid ta' kampjuni u l-ittestjar fil-laboratorju tal-ispeċijiet tal-għasafar selvaġġi fil-mira. Sussegwentement, l-EFSA ppubblikat lista ta' speċijiet ta' għasafar selvaġġi fil-mira fir-rapport xjentifiku tagħha dwar l-influwenza avjarja li ġie approvat fit-18 ta' Diċembru 2017 (3).

(9)

F'rapport xjentifiku dwar l-influwenza avjarja approvat fit-22 ta' Marzu 2018 (4), l-EFSA ddikjarat li ma kien hemm l-ebda każ rapportat ta' infezzjoni tal-bniedem dovuta għal A(H5N8) jew il-viruses ġodda emerġenti A(H5N5) u A(H5N6) li jirrappreżentaw arranġament mill-ġdid tal-grupp ta' viruses 2.3.4.4 ta' A(H5) ma' viruses Ewropej lokali donaturi tal-ġene N5 jew N6. Il-viruses A(H5N8), A(H5N5) u A(H5N6) huma kkunsidrati bħala predominatament adattati għall-ispeċijiet avjarji.

(10)

L-opinjoni EFSA tal-2017 ikkonkludiet ukoll li f'ċerti sitwazzjonijiet epidemjoloġiċi, jista' jkun xieraq li l-Istati Membri jintensifikaw temporanjament ċerti miżuri preventivi madwar il-post fejn kien konfermat il-virus HPAI f'għasfur selvaġġ jew fil-feċi tiegħu, b'mod partikolari sabiex jivvalutaw, jekk kienx hemm okkorrenza ta' trażmissjoni lejn l-azjendi agrikoli tal-pollam u jekk il-miżuri tal-bijosigurtà hux qed jiġu applikati b'mod effettiv bħala prevenzjoni kontra l-introduzzjoni tal-virus.

(11)

Sabiex jiġu mmirati l-popolazzjonijiet tal-għasafar li huma l-aktar fir-riskju ta' infezzjoni tal-influwenza avjarja u sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-miżuri stabbiliti f'din id-Deċiżjoni, jenħtieġ li għalhekk ċerti miżuri preventivi jkunu mmirati lejn azjendi agrikoli li fihom jinżamm il-pollam.

(12)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/263 (5) ipprevediet miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju u tal-bijosigurtà rinforzata sabiex tnaqqas ir-riskju tat-trażmissjoni tal-viruses HPAI mill-għasafar selvaġġi għall-pollam billi ssir prevenzjoni kontra l-kuntatti diretti u indiretti bejn dawn il-popolazzjonijiet, u rrikjediet lill-Istati Membri jidentifikaw iż-żoni tat-territorju tagħhom li jinsabu f'riskju partikolari għall-introduzzjoni tal-viruses HPAI f'azjendi agrikoli fejn jinżamm il-pollam jew għasafar fil-kaptività oħrajn (“żoni ta' riskju għoli”), filwaqt li jikkunsidraw, fost affarijiet oħrajn, is-sitwazzjoni epidemjoloġika u fatturi speċifiċi tar-riskju. Dik id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni kienet tapplika sat-30 ta' Ġunju 2018.

(13)

Il-miżuri stabbiliti fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/263 jenħtieġ li għalhekk jiġu riveduti b'konsiderazzjoni tas-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali fil-pollam, għasafar fil-kaptività oħrajn u fl-għasafar selvaġġi fl-Unjoni u f'pajjiżi terzi relevanti għar-riskju, l-opinjoni EFSA tal-2017 u rapporti xjentifiċi sussegwenti dwar l-influwenza avjarja u l-esperjenza miksuba mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-miżuri stabbiliti f'dik id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni.

(14)

Għaldaqstant, b'konsiderazzjoni tat-theddida kontinwa tat-trażmissjoni tal-virus HPAI minn għasafar selvaġġi infettati, u r-riskju tat-tifqigħat f'azjendi agrikoli fejn il-pollam jew għasafar fil-kaptività oħrajn jinżammu, jenħtieġ li għalhekk jiġu stabbiliti miżuri aġġornati, li jikkunsidraw ir-riżultati tar-reviżjoni tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/263, f'din id-Deċiżjoni.

(15)

L-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tal-miżuri stabbiliti fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/263 turi li ċerti derogi mill-miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju u tal-bijosigurtà rinforzata huma neċessarji sabiex l-Istati Membri individwali jkunu jistgħu jadattaw dawk il-miżuri għas-sitwazzjoni epidemjoloġika li qed tinbidel.

(16)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju, ċerti miżuri ta' bijosigurtà rinforzata u sistemi ta' detezzjoni bikrija fir-rigward tar-riskji maħluqa minn għasafar selvaġġi għall-introduzzjoni ta' viruses tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja (HPAI) fl-azjendi agrikoli, kif ukoll miżuri ta' sensibilizzazzjoni fost is-sidien u oħrajn involuti fis-settur tal-pollam dwar riskji bħal dawn u dwar il-ħtieġa ta' implimentazzjoni jew rinforz tal-miżuri tal-bijosigurtà fl-azjendi agrikoli tagħhom.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-fini ta' din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw id-definizzjonijiet preżentati fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2005/94/KE.

Artikolu 3

Identifikazzjoni taż-żoni ta' riskju għoli għall-introduzzjoni u t-tifrix tal-viruses HPAI

1.   L-Istati Membri għandhom jidentifikaw iż-żoni tat-territorju tagħhom li jinsabu f'riskju partikolari għall-introduzzjoni tal-viruses HPAI fl-azjendi agrikoli (“żoni ta' riskju għoli”), billi jikkunsidraw:

(a)

il-fatturi ta' riskju għall-introduzzjoni ta' viruses HPAI fl-azjendi agrikoli, b'mod partikolari fir-rigward ta':

(i)

il-lokazzjoni ġeografika tagħhom f'żoni fl-Istati Membri li minnhom jivvjaġġaw l-għasafar migratorji jew fejn dawn l-għasafar jistrieħu matul iċ-ċaqliq migratorju tagħhom wara li jkunu daħlu fl-Unjoni b'mod partikolari permezz tar-rotot migratorji tal-Grigal u tal-Lvant;

(ii)

kemm jinsabu viċin taż-żoni tal-ilma, tal-vaski, tal-bwar, tal-għadajjar, tax-xmajjar jew tal-baħar fejn l-għasafar migratorji, b'mod partikolari dawk tal-gruppi Anseriformes u Charadriiformes, jistgħu jinġabru u jkollhom il-postijiet tagħhom ta' waqfien;

(iii)

il-lokazzjoni ġeografika tagħhom f'żoni b'densità għolja ta' għasafar migratorji, partikolarment għasafar tal-ilma;

(iv)

il-pollam li jinżamm f'azjendi agrikoli fil-beraħ, fejn il-kuntatt bejn l-għasafar selvaġġi u l-pollam ma jkunx jista' jiġi evitat jew kontrollat b'mod suffiċjenti;

(v)

detezzjonijiet attwali jew fil-passat tal-viruses HPAI fil-pollam, għasafar fil-kaptività oħrajn u għasafar selvaġġi.

(b)

il-fatturi ta' riskju għat-tifrix tal-viruses HPAI fl-azjendi agrikoli u bejniethom, b'mod partikolari, fejn:

(i)

il-lokazzjoni ġeografika tal-azjenda agrikola hija żona b'densità għolja ta' azjendi agrikoli, b'mod partikolari dawk li jżommu l-papri u l-wiżż u kwalunkwe pollam ieħor b'aċċess għall-beraħ;

(ii)

l-intensità tal-movimenti ta' vetturi li jittrasportaw il-pollam u ta' persuni fl-azjendi agrikoli u minnhom, u fejn il-kuntatti diretti jew indiretti oħrajn bejn l-azjendi agrikoli huma għoljin;

(c)

il-valutazzjonijiet tar-riskju u l-pariri xjentifiċi b'rabta mar-relevanza tat-tifrix tal-viruses HPAI minn għasafar selvaġġi jitwettqu mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) u minn korpi nazzjonali u internazzjonali tal-valutazzjoni tar-riskju;

(d)

ir-riżultati tal-programmi ta' sorveljanza mwettqa skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/94/KE.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet ikkonċernati attivi fis-settur tal-pollam, inkluż azjendi agrikoli żgħar huma informati dwar l-iktar mezzi xierqa dwar id-delineazzjoni taż-żoni ta' riskju għoli identifikati b'konformità mal-paragrafu 1.

3.   L-Istati Membri għandhom iżommu l-estent tad-delineazzjoni taż-żoni ta' riskju għoli taħt reviżjoni kostanti.

Artikolu 4

Miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju u ta' bijosigurtà rinforzata

1.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu monitoraġġ kontinwu tas-sitwazzjoni epidemjoloġika speċifika fit-territorju tagħhom, billi jikkunsidraw ukoll it-theddid li jirriżulta mid-detezzjoni ta' HPAI fil-pollam, għasafar fil-kaptività oħrajn u għasafar selvaġġi fi Stati Membri oħrajn u pajjiżi terzi fil-qrib, kif ukoll il-valutazzjonijiet tar-riskju msemmija fl-Artikolu 3(1)(c).

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa u prattikabbli fiż-żoni ta' riskju għoli sabiex inaqqsu r-riskju tat-trażmissjoni tal-viruses HPAI mill-għasafar selvaġġi għall-pollam.

3.   Il-miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju u tal-bijosigurtà rinforzata għandhom ikunu mmirati lejn il-prevenzjoni tal-għasafar selvaġġi, u b'mod partikolari għasafar tal-ilma migratorji, milli jiġu f'kuntatt dirett jew indirett mal-pollam u b'mod partikolari mal-papri u mal-wiżż.

4.   Skont il-valutazzjoni tas-sitwazzjoni epidemjoloġika msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-attivitajiet li ġejjin f'żoni ta' riskju għoli:

(a)

iż-żamma flimkien ta' papri u wiżż ma' speċijiet oħrajn tal-pollam, sakemm

(i)

ir-riskju ta' introduzzjoni tal-virus ikun meqjus insinifikanti minħabba l-karatteristiċi tal-azjenda agrikola u l-miżuri għall-mitigazzjoni fis-seħħ li huma kkunsidrati suffiċjenti mill-awtorità kompetenti; jew

(ii)

l-ispeċijiet tal-pollam minbarra l-papri u l-wiżż jkunu jintużaw bħala sentinell b'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-awtorità kompetenti.

(b)

iż-żamma tal-pollam fil-beraħ, sakemm:

(i)

il-pollam ikun protett kontra kuntatt mal-għasafar selvaġġi bi xbieki, soqfa, tessuti orizzontali jew mezzi xierqa oħra biex jevitaw il-kuntatt; jew

(ii)

il-pollam jingħata l-għalf u l-ilma ġewwa jew f'post kenni li jiskoraġġixxi b'mod suffiċjenti l-aċċess għall-għasafar selvaġġi u b'hekk jiġi evitat il-kuntatt tal-għasafar selvaġġi mal-ikel u l-ilma intenzjonat għall-pollam;

(c)

l-użu ta' ġibjuni tal-ilma fil-beraħ għall-pollam; sakemm dan ma jkunx meħtieġ għal raġunijiet ta' benesseri tal-annimali għal ċertu pollam u jkunu protetti biżżejjed mill-għasafar selvaġġi;

(d)

l-għoti tal-ilma lill-pollam mill-ilma tal-wiċċ tal-ġibjuni li jkollhom aċċess għalih l-għasafar selvaġġi; sakemm l-ilma ma jgħaddix minn trattament li jiżgura d-diżattivazzjoni tal-viruses tal-influwenza avjarja;

(e)

il-ġbir flimkien tal-pollam u għasafar oħrajn fil-kaptività fis-swieq, wirjiet, esebizzjonijiet u avvenimenti kulturali; sakemm avvenimenti bħal dawn ikunu organizzati u ġestiti b'tali mod li r-riskju tat-tifrix tal-virus minn għasafar possibbilment infettati lil għasafar oħrajn jitnaqqas għall-minimu;

(f)

l-użu tal-għasafar tat-taħrik tal-gruppi Anseriformes u Charadriiformes; sakemm ma jkunux qed jintużaw fil-qafas ta' programm ta' sorveljanza għall-influwenza avjarja mwettaq b'konformità mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/94/KE, il-proġetti tar-riċerka, l-istudji ornitoloġiċi jew kwalunkwe attività oħra permessa mill-awtorità kompetenti;

(g)

ir-rilaxx tal-pollam għal tgħammir mill-ġdid tal-proviżjonijiet tal-għasafar tal-kaċċa; sakemm ma jkunx hemm awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti bil-kundizzjoni li:

(i)

dawn l-attivitajiet jiġu separati minn azjendi agrikoli oħrajn; u

(ii)

il-pollam għal tgħammir mill-ġdid tal-proviżjonijiet ikun sarlu test viroloġiku b'konformità mal-punt 4(a) tal-Kapitolu IV tal-manwal dijanjostiku għall-influwenza avjarja stabbilit fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/437/KE (6) b'riżultati negattivi għall-influwenza avjarja fuq kampjuni li ttieħdu minn kull unità ta' produzzjoni fi żmien 48 siegħa qabel ir-rilaxx tagħhom.

5.   L-Istati Membri jistgħu, abbażi tar-reviżjoni regolari tal-miżuri b'konformità mal-Artikolu 5, jestendu jew jillimitaw il-kamp ta' applikazzjoni u l-perjodu ta' applikazzjoni tal-miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju u tal-bijosigurtà rinforzata msemmija fil-paragrafu 4.

6.   L-Istati Membri għandhom jinkoraġixxu lis-settur tal-pollam jappoġġa l-attivitajiet ta' taħriġ dwar il-miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju u tal-bijosigurtà rinforzata għas-sidien tal-pollam, biex jiżviluppaw pjanijiet tal-bijosigurtà speċifiċi skont l-azjenda agrikola u biex jagħmlu monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-miżuri tal-bijosigurtà.

Artikolu 5

Żamma u reviżjoni tal-miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju u tal-bijosigurtà rinforzata applikati f'żoni ta' riskju għoli

1.   L-Istati Membri għandhom iżommu l-miżuri applikati skont l-Artikolu 4(4) fiż-żoni ta' riskju għoli għall-perjodu ta' żmien li matulu jippersisti fit-territorju tagħhom riskju għoli ħafna tal-introduzzjoni u t-tifrix tal-virus HPAI.

2.   L-Istati Membri għandhom jirrevedu regolarment il-miżuri li ħadu skont l-Artikolu 4(4) sabiex jaġġustawhom u jadattawhom għas-sitwazzjoni epidemjoloġika prevalenti, b'mod partikolari fir-rigward tar-riskji kkawżati mill-għasafar selvaġġi.

3.   L-Istati Membri għandhom jibbażaw ir-reviżjoni msemmija fil-paragrafu 2 dwar il-valutazzjoni tal-fatturi li ġejjin:

(a)

l-iżvilupp tas-sitwazzjoni tal-marda fl-għasafar selvaġġi, il-kurva epidemjoloġika, jiġifieri, l-għadd ta' infezzjonijiet ġodda għal kull unità ta' żmien, l-immappjar tas-sejbiet pożittivi u negattivi u d-dinamiċi tal-infezzjoni;

(b)

il-preżenza tal-ispeċijiet tal-għasafar selvaġġi migratorji u sedentarji, b'mod partikolari dawk identifikati bħala speċijiet fil-mira għas-sorveljanza tal-influwenza avjarja;

(c)

l-okkorrenza tat-tifqigħat tal-HPAI fil-pollam u għasafar fil-kaptività oħrajn, b'mod partikolari b'konsegwenza tal-introduzzjoni primarja tal-virus mill-għasafar selvaġġi;

(d)

id-detezzjoni tal-HPAI fil-pollam, għasafar fil-kaptività oħrajn u għasafar selvaġġi matul is-sorveljanza li tkun għaddejja;

(e)

is-sottotip jew is-sottotipi tal-virus HPAI, l-evoluzzjoni tal-virus u r-rilevanza potenzjali għas-saħħa tal-bniedem;

(f)

is-sitwazzjoni epidemjoloġika għall-HPAI fl-għasafar selvaġġi, il-pollam u għasafar fil-kaptività oħrajn fit-territorju ta' Stati Membri u pajjiżi terzi fil-qrib u valutazzjoni tar-riskju mwettqa minn EFSA, il-korpi nazzjonali u internazzjoni tal-valutazzjoni tar-riskju;

(g)

il-livell ta' implimentazzjoni u l-effiċjenza tal-miżuri stabbiliti f'din id-Deċiżjoni.

Artikolu 6

Sensibilizzazzjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ il-miżuri meħtieġa ta' sensibilizzazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati attivi fis-settur tal-pollam inkluż azjendi agrikoli żgħar tar-riskji għall-introduzzjoni tal-virus HPAI fl-azjendi agrikoli u biex jipprovdulhom l-iktar informazzjoni adattata dwar il-miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju u tal-bijosigurtà rinforzata kif previst fl-Artikolu 4, b'mod partikolari l-miżuri li jridu jiġu rinforzati fiż-żoni ta' riskju għoli, permezz tal-aktar mezzi xierqa biex informazzjoni bħal din tinġieb għall-attenzjoni tagħhom.

L-Istati Membri għandhom joħolqu sensibilizzazzjoni wkoll tal-gruppi involuti fl-attivitajiet tal-ħajja selvaġġa inkluż l-ornitoloġisti, dawk li josservaw l-għasafar u l-kaċċaturi.

Artikolu 7

Sistemi ta' detezzjoni bikrija f'qatgħat tal-pollam

1.   L-Istati Membri għandhom jintroduċu jew jirrinforzaw is-sistemi ta' detezzjoni bikrija mmirati lejn ir-rapportar rapidu mis-sidien lill-awtorità kompetenti ta' kwalunkwe sinjal tal-preżenza tal-virus HPAI fil-qatgħat tal-pollam miżmuma f'azjendi agrikoli li jkunu jinsabu f'żoni ta' riskju għoli.

2.   Is-sistemi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom mill-inqas jikkunsidraw parametri rilevanti li jindikaw il-preżenza probabbli tal-marda, tnaqqis sinifikanti fil-konsum tal-għalf u tal-ilma u fil-produzzjoni tal-bajd, ir-rata ta' mortalità osservata u kwalunkwe sinjal kliniku jew leżjoni post-mortem li jissuġġerixxu l-preżenza tal-virus HPAI filwaqt li jikkunsidraw varjazzjoni ta' dawn il-parametri fi speċijiet tal-pollam u tipi ta' produzzjoni differenti.

Artikolu 8

Sorveljanza akbar tal-għasafar selvaġġi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sorveljanza miżjuda għall-popolazzjonijiet tal-għasafar selvaġġi u iktar monitoraġġ għal għasafar mejta jew morda jitwettaq b'konformità mal-linji gwida dwar l-implimentazzjoni tal-programmi ta' sorveljanza għall-influwenza avjarja fl-għasafar selvaġġi stipulati fl-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/367/UE (7) adottata b'konformità mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2005/94/KE.

2.   L-Istati Membri jistgħu jimmiraw it-teħid ta' kampjuni u l-ittestjar fil-laboratorju ta' għasafar selvaġġi fuq speċijiet u f'żoni ġeografiċi li preċedentament ma kinux ġew affettwati mill-virus HPAI.

Artikolu 9

Miżuri temporanji addizzjonali fil-każ ta' konferma ta' każijiet ta' HPAI fl-għasafar selvaġġi

1.   Fejn tiġi kkonfermata l-preżenza tal-virus HPAI fil-kampjuni meħuda minn għasfur jew għasafar selvaġġ(i) jew mill-feċi tagħhom u fejn jiġi identifikat riskju ikbar għall-introduzzjoni tal-virus f'azjendi agrikoli jew riskju possibbli għas-saħħa pubblika, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri temporanji addizzjonali fil-viċinat ta' dik is-sejba, li għandhom jinkludu:

(a)

l-implimentazzjoni tal-miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju u tal-bijosigurtà rinforzata b'konformità mal-Artikolu 4;

(b)

sorveljanza miżjuda tal-għasafar selvaġġi b'konformità mal-Artikolu 8;

(c)

jekk ikun hemm bżonn, investigazzjonijiet epidemjoloġiċi u żjarat fl-azjendi agrikoli kif xieraq, teħid ta' kampjuni u ttestjar għal HPAI;

(d)

l-introduzzjoni u r-rinforz ta' sistemi ta' detezzjoni bikrija b'konformità mal-Artikolu 7.

2.   L-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-applikazzjoni ta' wħud mill-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, jekk ir-riskju tal-introduzzjoni tal-virus HPAI jiġi kkunsidrat negliġibbli għal ċerti partijiet tat-territorju tagħhom jew ċerti tipi ta' impriżi agrikoli, mill-awtorità kompetenti.

Artikolu 10

Obbligi ta' konformità u informazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu arranġamenti għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni mis-sidien u mis-settur tal-pollam tal-miżuri stabbiliti f'din id-Deċiżjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn fil-qafas tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf dwar il-miżuri li jieħdu biex jikkonformaw ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 11

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Awwissu 2018.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16.

(2)  EFSA Journal 2017;15(10):4991.

(3)  EFSA Journal 2017;15(12):5141.

(4)  EFSA Journal 2018;16(3):5240.

(5)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/263 tal-14 ta' Frar 2017 dwar miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju u miżuri għal bijosigurtà rinforzata u s-sistemi tad-detezzjoni bikrija f'dak li għandu x'jaqsam mar-riskji maħluqa minn għasafar selvaġġi għat-trażmissjoni ta' virusijiet tal-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja għall-pollam (ĠU L 39, 16.2.2017, p. 6).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/437/KE tal-4 ta' Awwissu 2006 li tapprova Manwal Dijanjostiku għall-influwenza tat-tjur kif previst fid-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE (ĠU L 237, 31.8.2006, p. 1).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/367/UE tal-25 ta' Ġunju 2010 dwar l-implimentazzjoni mill-Istati Membri ta' programmi ta' sorveljanza għall-influwenza tat-tjur fit-tjur domestiku u t-tjur selvaġġ (ĠU L 166, 1.7.2010, p. 22).