14.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 205/23


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1134

tal-5 ta' Lulju 2018

dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għal kuntratti mogħtija għal ċerti attivitajiet relatati mal-provvista bl-imnut tal-elettriku u l-gass naturali fir-Repubblika Ċeka

(notifikata bid-dokument C(2018) 4194)

(It-test biċ-Ċek biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 35(3) tagħha,

Wara li kkunsidrat it-talba sottomessa mir-Repubblika Ċeka,

Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv dwar l-Akkwist Pubbliku,

Billi:

1.   FATTI

IT-TALBA

(1)

Fit-2 ta' Novembru 2016, ir-Repubblika Ċeka (minn hawn 'il quddiem “l-Applikant”) issottomettiet lill-Kummissjoni talba skont l-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2014/25/UE (minn hawn 'il quddiem “it-Talba”).

(2)

It-Talba tikkonċerna l-attivitajiet li ġejjin kif deskritti:

(a)

fil-provvista bl-imnut tal-eletttriku għal klijenti kbar b'“kejl kontinwu awtomatizzat” A jew “kejl kontinwu manwali” B li jirċievu offerti individwalizzati mingħand il-fornituri (minn hawn 'il quddiem “il-provvista bl-imnut ta' elettriku lil klijenti kbar”);

(b)

fil-provvista bl-imnut tal-elettriku lil klijenti kummerċjali żgħar u domestiċi b'“kejl mhux kontinwu” C li jirċievu offerti standardizzati mingħand fornituri (minn issa 'l quddiem “il-provvista bl-imnut ta' elettriku lil klijenti żgħar”);

(c)

fil-provvista bl-imnut tal-gass naturali lil klijenti kbar (i) b'kejl kontinwu awtomatizzat b'qari remot (A) jew kull xahar (B) li għandhom konsum annwali ta' tal-anqas 4,2 GWh, jew (ii) b'kejl mingħajr intervalli b'qari kull xahar li għandhom konsum annwali ta' bejn 0,63 u 4,2 GWh u li ġeneralment jirċievu offerti individwalizzati mingħand il-fornituri (minn hawn 'il quddiem “il-provvista bl-imnut ta' gass naturali lil klijenti kbar”);

(d)

fil-provvista bl-imnut ta' gass naturali lil klijenti kummerċjali u domestiċi żgħar b'kejl mingħajr intervalli bl-eċċezzjoni ta' qari kull xahar li għandhom konsum annwali ta' anqas minn 0,63 GWh u ġeneralment jirċievu offerti standardizzati mingħand il-fornituri (minn hawn 'il quddiem “il-provvista bl-imnut ta' gass naturali lil klijenti żgħar”).

(3)

It-Talba ġiet akkumpanjata minn ittra tal-Awtorità Nazzjonali tal-Kompetizzjoni (“NCA”) tar-Repubblika Ċeka tat-30 ta' Settembru 2016 u ittra supplimentari mingħand l-Awtorità tal-14 ta' Ġunju 2017 (minn hawn 'il quddiem l-“Opinjoni tal-NCA”).

(4)

Fl-ittra tat-30 ta' Settembru 2016, li l-NCA ħarġet b'rispons għat-talba tal-Ministeru Ċek tal-Industrija u l-Kummerċ għal opinjoni li tikkonċerna l-applikazzjoni għall-eżenzjoni tal-bejgħ fil-livell tal-klijent tal-elettriku u l-gass fir-Repubblika Ċeka mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2014/25/UE, l-NCA innutat li “ma kellhiex biżżejjed żmien biex twettaq stħarriġ dwar is-settur f'dawk l-oqsma, li kien jippermettilha timmappja s-sitwazzzjoni dwar dawk is-swieq sabiex twieġeb għat-” talba tal-Ministeru. Eventwalment, l-NCA esprimiet il-fehma li ġejja f'dik l-ittra: “jista jitqies li eżenzjoni fis-swieq għall-provvisti tal-gass u l-elettriku għal klijenti aħħarija fir-Repubblika Ċeka skont l-Artikolu 34 ma għandux ikollha effett negattiv fuq il-kompetizzjoni ekonomika f'dawk is-swieq. Din il-konklużjoni mill-Uffiċċju (2) hija bbażata fuq id-dokumentazzjoni fornuta mill-Ministeru tal-Industrija u l-Kummerċ. F'dan ir-rigward, l-Uffiċċju jżomm id-dritt li jevalwa mill-ġdid l-opinjoni tiegħu f'każ li jseħħu bidliet strutturali jew fundamentali oħra fis-swieq inkwistjoni, jew jekk xi data li tifforma l-bażi tal-informazzjoni pprovduta lill-Uffiċċju tiġi kkoreġuta.”

(5)

L-ittra supplimentari tal-NCA tal-14 ta' Ġunju 2017 kienet ibbażata fuq “sottomissjonijiet oħra tar-Repubblika Ċeka […] u d-data pprovduta minn operatur tas-suq indipendenti (OTE) u kif ukoll minn xi impriżi li joperaw fis-swieq rilevanti inklużi l-grupp ČEZ (ČEZ) u Pražská plynárenská”. L-ittra supplimentari rreferiet b'mod partikolari għal numru ta' tħassib li qajmet il-Kummissjoni fir-rigward tas-suq għall-bejgħ bl-imnut tal-elettriku lil klijenti żgħar, bħall-konċentrazzjoni għolja tas-suq, rati ta' qlib baxxi u l-integrazzjoni vertikali tal-grupp ČEZ. L-ittra supplimentari kkonkludiet li xejn ma jimpedixxi lis-swieq kollha soġġetti għat-Talba milli jkunu eżentati mill-applikazzjoni tad-Direttiva.

(6)

It-Talba kienet akkumpanjata wkoll minn rapport ta' konsulent (3) (minn hawn 'il quddiem “ir-Rapport tas-CRA”).

(7)

Il-Kummissjoni ssottomettiet lill-Applikant talbiet għal informazzjoni addizzjonali fil-31 ta' Jannar 2017, fl-24 ta' Marzu 2017, fis-27 ta' Marzu 2017, fil-21 ta' April 2017, fl-1 ta' Ġunju 2017, fit-28 ta' Ġunju 2017 u fil-21 ta' Diċembru 2017 li għalihom l-Applikant wieġeb fis-16 ta' Frar 2017, fit-28 ta' Marzu 2017, fil-31 ta' Marzu 2017, fit-3 ta' Mejju 2017, fl-10 ta' Mejju 2017, fid-9 ta' Ġunju 2017, fl-1 ta' Awwissu 2017 u fit-12 ta' April 2018. Barra minn hekk, fuq talba tal-Applikant, il-Kummissjoni ltaqgħet mar-rappreżentanti tal-Applikant fil-31 ta' Jannar 2017, fit-28 ta' Frar 2017, fid-29 ta' Marzu 2017, fit-30 ta' Mejju 2017 u fid-9 ta' Ġunju 2017. L-Applikant ipprovda wkoll informazzjoni supplimentari fis-27 ta' Jannar 2017.

2.   QAFAS ĠURIDIKU

(8)

Id-Direttiva 2014/25/UE tapplika għall-għoti ta' kuntratti għat-twettiq ta' attivitajiet relatati mal-provvista bl-imnut tal-elettriku u l-gass, sakemm din l-attività ma tkunx eżentata skont l-Artikolu 34 ta' dik id-Direttiva.

(9)

Skont id-Direttiva 2014/25/UE, kuntratti intiżi biex jippermettu l-prestazzjoni ta' waħda mill-attivitajiet li għalihom tapplika d-Direttiva mhumiex soġġetti għad-Direttiva jekk, fl-Istat Membru fejn titwettaq l-attività, din hija esposta direttament għall-kompetizzjoni fi swieq li għalihom l-aċċess mhuwiex ristrett. L-esponiment dirett għall-kompetizzjoni huwa vvalutat abbażi tal-kriterji oġġettivi, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi tas-settur ikkonċernat.

3.   VALUTAZZJONI

3.1.   AĊĊESS MHUX RISTRETT GĦAS-SUQ

(10)

L-aċċess għal suq jitqies mhux ristrett jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun implimenta u applika l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni li tiftaħ settur partikolari jew parti minnu. Dik il-leġiżlazzjoni hija elenkata fl-Anness III tad-Direttiva 2014/25/UE. Fir-rigward tas-settur tal-elettriku, din tikkonsisti mid-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Fir-rigward tas-settur tal-gass naturali, din tikkonsisti mid-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(11)

Ir-Repubblika Ċeka ttrasponiet id-Direttivi 2009/72/KE u 2009/73/KE fil-liġi nazzjonali tagħha permezz tal-Att Nru 458/2000 Coll dwar il-kundizzjonijiet tan-negozju u l-amministrazzjoni tal-istat fis-swieq tal-enerġija (minn hawn 'il quddiem “l-Att dwar l-Enerġija”) (6).

(12)

Fis-7 ta' Diċembru 2017, il-Kummissjoni indirizzat ittra ta' intimazzjoni (“LFN”) lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin tar-Repubblika Ċeka (Ref proċedura ta' ksur Nru 2017/2152) rigward it-traspożizzjoni skorretta tad-Direttivi 2009/72/KE u 2009/73/KE fl-ordni legali Ċeka. Minħabba li l-preżunzjoni ta' aċċess mhux ristrett għas-suq previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 34(3) tad-Direttiva 2014/25/UE ma għandhiex tapplika għal kwistjonijiet soġġetti għall-proċedura ta' ksur, fil-21 ta' Diċembru 2017, il-Kummissjoni talbet b'e-mail lill-Applikant biex jipprovdi l-osservazzjonijiet tiegħu dwar din il-kwistjoni u jispjega jekk l-aċċess għas-suq hux ristrett de facto u de jure, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(3) tad-Direttiva 2014/25/UE.

(13)

Fit-tweġiba tiegħu tat-12 ta' April 2018, l-Applikant spjega li l-aċċess għas-suq mhux ristrett de facto u l-argumenti ewlenin kienu: l-ispiża baxxa tad-dħul, l-ineżistenza ta' ostakli oħra għad-dħul, in-numru kbir ta' liċenzji mogħtija għan-negozjar tal-elettriku u l-gass (7) u n-numru kbir ta' bejjiegħa bl-imnut li bħalissa huma attivi fis-swieq għall-provvista bl-imnut tal-elettriku u l-bejgħ bl-imnut tal-gass (8). Barra minn hekk, l-Applikant spjega li l-mod li bih id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kkonċernati mil-LFN kienu riflessi fil-liġi nazzjonali ma rriżultawx f'restrizzjoni de jure għall-aċċess għas-swieq tal-bejgħ bl-imnut tal-elettriku u l-gass. L-Applikant sostna wkoll f'dan il-kuntest li l-kwistjonijiet speċifiċi, imqajma fil-proċedura ta' ksur, jew ma kinux jikkonċernaw l-aċċess għas-suq jew kienu potenzjalment relatati miegħu biss.

(14)

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-aċċess għas-suq hux liberu de facto il-Kummissjoni taqbel mal-argumenti miġjuba mill-Applikant u b'mod partikolari mal-eżistenza ta' għadd kbir ta' bejjiegħa bl-imnut fil-livell nazzjonali fis-swieq tal-provvista bl-imnut tal-elettriku u s-suq għall-provvista bl-imnut tal-gass, li tindika li l-aċċess għas-suq, huwa de facto, mhux ristrett.

(15)

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-aċċess għas-suq huwiex ristrett de jure, il-Kummissjoni ħadet nota fid-dettall tal-ispjegazzjonijiet tal-Applikant fir-rigward tal-mod li bih it-tħassib imqajjem mil-LFN ġie indirizzat fil-liġi nazzjonali. Il-Kummissjoni analizzat dawk l-ispjegazzjonijiet fid-dawl tar-rekwiżiti tad-Direttiva 2014/25/UE, jiġifieri, sabiex tivvaluta jekk id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali u t-tħassib relatat magħhom u mqajjem fil-proċedura ta' ksur jistax jirriżulta f'restrizzjoni de jure tal-aċċess għas-suq, fis-sens tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE. Wara li analizzat l-argumenti tal-Applikant, il-Kummissjoni taqbel mal-argument li jtaħħat l-ispjegazzjonijiet kollha tal-Applikant li l-kwistjonijiet speċifiċi mqajma fil-proċedura ta' ksur ma jikkonċernawx direttament l-aċċess għas-suq. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis l-argument tal-Applikant li huwa xieraq li titqies is-sistema legali Ċeka kollha kemm hi, b'mod partikolari fir-rigward tal-obbligu li jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi nazzjonali b'mod li huwa konformi mar-rekwiżiti tal-liġi tal-UE. Għalhekk, filwaqt li t-tħassib identifikat fil-proċedura ta' ksur għadu hemm, u mingħajr ħsara għal dik il-proċedura ta' ksur, għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni u l-proċedura skont id-Direttiva 2014/25/UE, il-Kummissjoni tqis li l-aċċess għas-suq mhux ristrett de jure fit-territorju tar-Repubblika Ċeka.

(16)

Abbażi tal-konklużjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjoni ta' aċċess mhux ristrett għas-suq, imsemmija fl-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/25/UE, hija ssodisfata fil-każ preżenti.

3.2.   ESPONIMENT DIRETT GĦALL-KOMPETIZZJONI

(17)

Jenħtieġ li l-esponiment dirett għall-kompetizzjoni jiġi evalwat abbażi ta' diversi indikaturi, li l-ebda wieħed minnhom mhu deċiżiv per se. Fir-rigward tas-swieq ikkonċernati minn din id-Deċiżjoni, is-sehem tas-suq tal-atturi ewlenin f'suq partikolari jikkostitwixxi kriterju wieħed li jenħtieġ li jitqies. Fid-dawl tal-karatteristiċi tas-swieq ikkonċernati, jenħtieġ li jitqiesu wkoll kriterji ulterjuri.

(18)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni u oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni. Il-kriterji u l-metodoloġija użati għall-valutazzjoni tal-esponiment dirett għall-kompetizzjoni skont l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE, b'mod partikolari, mhumiex neċessarjament identiċi għal dawk użati biex titwettaq valutazzjoni skont l-Artikolu 101 jew 102 tat-TFUE jew tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (9). Dan il-punt intlaqa' mill-Qorti Ġenerali f'sentenza riċenti (10).

(19)

Jenħtieġ li wieħed iżomm f'moħħu li l-għan ta' din id-Deċiżjoni huwa li tistabbilixxi jekk l-attivitajiet ikkonċernati mit-Talba humiex esposti għal livell ta' kompetizzjoni, fi swieq li għalihom l-aċċess mhux ristrett fis-sens tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE, li jiżgura li, anke fl-assenza tad-dixxiplina li ġabu magħhom ir-regoli tal-akkwist dettaljati stipulati fid-Direttiva 2014/25/UE, l-akkwist għat-twettiq tal-attivitajiet ikkonċernati se jitwettaq b'mod trasparenti u mhux diskriminatorju abbażi tal-kriterji li jippermettu lix-xerrejja jidentifikaw is-soluzzjoni li b'mod ġenerali tkun l-aktar waħda ekonomikament vantaġġjuża.

(20)

F'dan il-kuntest, huwa importanti li wieħed issemmi li, fis-swieq ikkonċernati, mhux l-atturi kollha tas-suq huma soġġetti għar-regoli tal-akkwist pubbliku. Għalhekk, il-kumpaniji li mhumiex soġġetti għal dawk ir-regoli, meta jaġixxu f'dawk is-swieq, normalment ikollhom il-possibbiltà li jeżerċitaw pressjoni kompetittiva fuq l-atturi tas-suq li jkunu soġġetti għar-regoli tal-akkwist pubbliku (11).

IS-SWIEQ TAL-PRODOTTI RILEVANTI

Il-provvista bl-imnut tal-elettriku

(21)

Minħabba li fil-passat (12), il-Kummissjoni sabet li l-provvista bl-imnut tal-elettriku tinkorpora l-bejgħ globali tal-elettriku lil klijenti aħħarija, jiġifieri l-klijenti kummerċjali u industrijali żgħar u domestiċi minn naħa (jiġifieri klijenti li mhumiex soġġetti għall-qari kontinwu u konnessi ma' grilja ta' voltaġġ baxx (13)) u l-klijenti kummerċjali u industrijali kbar min-naħa l-oħra (jiġifieri klijenti li “jinqraw kull nofs siegħa” u li normalment ikunu konnessi ma' griliji ta' voltaġġ għoli u medju (14)).

(22)

Fil-prattika deċiżjonali tagħha, l-NCA Ċeka (15) qieset ukoll segmentazzjoni tas-suq tal-bejgħ bl-imnut skont il-kategoriji differenti ta' klijenti aħħarija, iżda eventwalment ħalliet id-definizzjoni miftuħa.

(23)

L-Applikant jiddistingwi bejn tliet kategoriji ta' klijenti.

(a)

Klijenti kummerċjali kbar, identifikati minn (i) klijenti ta' “qari kontinu awtomatizzat” - essenzjalment klijenti li huma konnessi ma' grilja ta' voltaġġ għoli jew baxx; u (ii) klijenti b' “qari kontinwu manwali” – essenzjalment klijenti konnessi mal-grilja ta' voltaġġ baxx (16). Klijenti kbar normalment jirċievu offerti individwalizzati mingħand fornituri jew jixtru l-elettriku direttament fi swieq tal-materja prima. Fl-2015, huma rrappreżentaw madwar […] (17) tal-konsum totali tal-elettriku, jiġifieri fil-volum, […] TWh minn […] TWh (18).

(b)

Klijenti kummerċjali żgħar u unitajiet domestiċi, identifikati minn “qari mhux kontinwu”. Dawn il-klijenti jirċievu offerti standardizzati mingħand il-fornituri u ilhom liberi li jagħżlu l-fornitur tal-elettriku tagħhom mill-2006. Fl-2015, din il-kategorija kienet tirrappreżenta madwar […] tal-konsum totali tal-elettriku, jiġifieri f'volum, […] TWh minn […] TWh (18).

(c)

Klijenti oħra. Din it-tielet kategorija tikkonsisti minn klijenti kummerċjali kbar bħal operaturi ta' żoni ta' distribuzzjoni lokali (“LDZs”) (19) li fl-istess ħin huma produtturi u bejjiegħa bl-imnut tal-elettriku u parks industrijali konnessi mal-LDZs. Dawn il-klijenti kbar jistgħu jixtru l-elettriku mingħand fornituri oħra minflok mingħand l-operaturi tal-LDZs, għalhekk jaqgħu taħt il-kategorija ta' klijenti kbar kif definit hawn fuq. Fl-2015, din it-tielet kategorija kienet responsabbli għal madwar […] % tal-konsum totali tal-elettriku, jiġifieri, fil-volum, […] TWh out of […] TWh.

(24)

Fid-dawl tal-fatturi elenkati fil-premessi 21 sa 23, għall-finijiet tal-valutazzjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 34 tad-Direttiv 2014/25/UE humiex issodisfati, u mingħajr ħsara għall-applikazzjoni ta' liġi oħra tal-Unjoni, is-swieq tal-prodotti rilevanti għal din id-Deċiżjoni, fir-rigward tal-provvista bl-imnut tal-elettriku fir-Repubblika Ċeka, huma dawn li ġejjin: (a) il-provvista bl-imnut tal-elettriku lil klijenti kbar (klijenti kummerċjali u industrijali kbar ta' kejl kontinwu inklużi dawk fit-tielet kategorija msemmija fil-premessa 23(c)) u (b) il-provvista bl-imnut tal-elettriku lil klijenti żgħar (unitajiet domestiċi u klijenti kummerċjali żgħar ta' kejl mhux kontinwu).

Il-provvista bl-imnut ta' gass naturali

(25)

Fir-rigward tal-provvista bl-imnut tal-gass il-Kummissjoni tiddistingwi bejn il-provvista ta' gass naturali lil klijenti żgħar u l-provvista ta' gass naturali lil klijenti kbar, li issa huma subdiviżi fi klijenti industrijali kbar u stazzjonijiet tal-enerġija (20).

(26)

Fid-Deċiżjoni M.4238 E.ON/PP (21) tagħha rigward is-suq Ċek tal-bejgħ bl-imnut tal-gass, il-Kummissjoni ħalliet id-definizzjoni miftuħa, minħabba li t-tranżazzjoni kkonċernata ma wasslitx għal tħassib dwar il-kompetizzjoni taħt xi definizzjoni alternattiva.

(27)

Fil-prattika deċiżjonali tagħha (22), l-NCA Ċeka qieset ukoll segmentazzjoni tas-suq tal-bejgħ bl-imnut tal-gass skont il-kategoriji differenti ta' klijenti aħħarija, iżda eventwalment ħalliet id-definizzjoni miftuħa.

(28)

L-Applikant jagħmel distinzjoni wkoll bejn klijenti tal-provvista tal-gass kbar u żgħar. Klijenti tal-provvista tal-gass kbar (23) huma klijenti kummerċjali (i) b'kejl kontinwu awtomatizzat b'qari (A) remot jew (B) ta' kull xahar li għandhom konsum annwali ta' tal-anqas 4,2 GWh, jew (ii) b'kejl mingħajr intervall b'qari ta' kull xahar li għandhom konsum annwali ta' bejn 0,63 u 4,2 GWh. Huma normalment jirċievu offerti individwalizzati mingħand il-fornituri. Klijenti żgħar huma klijenti domestiċi u kummerċjali b'kejl mingħajr intervall b'qari li ma jsirx kull xahar u li għandhom konsum annwali ta' anqas minn 0,63 GWh. Huma ġeneralment jirċievu offerti standardizzati. Kull kategorija hija responsabbli għal madwar nofs il-konsum totali tal-gass.

(29)

Fid-dawl tal-fatturi elenkati fil-premessi 25 sa 28, għall-finijiet tal-valutazzjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 34 tad-Direttiv 2014/25/UE humiex issodisfati, u mingħajr ħsara għall-applikazzjoni ta' liġi oħra tal-Unjoni, is-swieq tal-prodotti rilevanti huma dawn li ġejjin: (a) il-provvista bl-imnut ta' gass naturali lil klijenti kbar; (b) il-provvista bl-imnut ta' gass naturali lil klijenti żgħar.

IS-SWIEQ ĠEOGRAFIĊI RILEVANTI

Il-provvista bl-imnut tal-elettriku

(30)

Il-Kummissjoni kienet sabet (24) li l-provvista bl-imnut tal-elettriku lil klijenti kbar kienet nazzjonali fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha, filwaqt li swieq reġjonali aktar dojoq, jistgħu jitqiesu għall-provvista bl-imnut tal-elettriku lil klijenti żgħar. Fid-Deċiżjoni M. 4238 E.ON/PP (25) tagħha dwar is-suq tal-bejgħ bl-imnut Ċek, l-investigazzjoni tas-suq ikkonfermat li s-suq kien tal-anqas nazzjonali fil-każ tas-suq tal-bejgħ bl-imnut tal-elettriku. Madanakollu, il-kamp ta' applikazzjoni preċiż tas-suq ġeografiku tħalla miftuħ. L-NCA Ċeka sabet li l-provvista bl-imnut tal-elettriku lil klijenti żgħar hija nazzjonali fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha (26).

(31)

Skont l-Applikant, bħalissa hemm 65 fornitur attiv b'aktar minn 100 punt ta' twassil li jistgħu jfornu lil klijenti kummerċjali kbar u żgħar u unitajitet domestiċi fuq bażi nazzjonali. Dan jiġbed l-attenzjoni lejn kamp ta' applikazzjoni nazzjonali tas-swieq tal-provvista bl-imnut.

(32)

Fir-Repubblika Ċeka hemm tliet żoni ta' distribuzzjoni, skont is-sjieda tal-kumpaniji ta' distribuzzjoni (27). Minħabba l-ishma għoljin tas-suq tat-tliet distributuri reġjonali fiż-żoni ta' distribuzzjoni rispettivi tagħhom, ir-Repubblika Ċeka hija kkaratterizzata minn element reġjonali b'saħħtu. Il-grupp ČEZ, permezz tas-sussidjarju tiegħu ČEZ Distribuce, huwa l-akbar distributur b'ħamsa mit-tmien netwerks ta' distribuzzjoni tal-enerġija responsabbli għal madwar […] tal-elettriku kollu kkunsmat fir-Repubblika Ċeka; b'kuntrast ma' dan, […] tal-konsum tal-elettriku jirriżulta miż-żona ta' distribuzzjoni ta' E.ON u […] biss jirriżulta miż-żona ta' distribuzzjoni ta' PRE filwaqt li l-bqija jirriżulta mil-LDZ lokali (28). B'kollox, madwar […] % tal-punti ta' twassil kollha jinsabu fiż-żona ta' ČEZ Distribuce. Mhux kollha jiġu servuti minn ČEZ Prodej (il-fergħa tal-provvista bl-imnut tal-grupp ČEZ); madanakollu ČEZ Prodej jforni lill-parti l-kbira ([…] %) tal-klijenti kummerċjali żgħar u l-unitajiet domestiċi fiż-żona ta' distribuzzjoni tiegħu (29).

(33)

Fil-livell nazzjonali ČEZ Prodej iservi […] miljun punt ta' twassil ta' unitajiet domestiċi, li jikkorrispondi għal madwar […] % f'sehem mis-suq f'termini ta' punti ta' twassil.

(34)

Element ieħor li jiġbed l-attenzjoni lejn kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni mhux omoġenji fit-tliet żoni ta' distribuzzjoni huwa l-fatt li PRE jimponi madwar […] % aktar għall-komponent tal-enerġija tat-tariffa standard fiż-żona tiegħu stess. L-Applikant jiġġustifika din id-differenza fil-prezz bil-preżenza tas-sussidjarju ta' spiża baxxa ta' PRE (Yello Energy) bara miż-żona tiegħu iżda jsostni li ČEZ Prodej u E.ON jimponu prezzijiet identiċi għall-komponent tal-enerġija tat-tariffa fit-tliet ż-żoni (30).

(35)

Għall-finijiet tal-valutazzjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE humiex issodisfati u mingħajr ħsara għall-applikazzjoni ta' liġi tal-Unjoni oħra; u abbażi tal-fatt li hemm numru kbir ta' bejjiegħa bl-imnut li joperaw fil-livell nazzjonali, il-kamp ta' applikazzjoni ġeografiku tal-provvista bl-imnut tal-elettriku lill-klijenti aħħarija fir-Repubblika Ċeka jista' jitqies nazzjonali kemm għal klijenti kbar kif ukoll għal dawk żgħar. Madanakollu, dan ma jeskludix li elementi reġjonali b'saħħithom jistgħu jkunu preżenti wkoll.

Il-provvista bl-imnut tal-gass naturali

(36)

Il-Kummissjoni qabel kienet iddefiniet lil swieq għall-provvista bl-imnut tal-gass, inklużi dawk għal klijenti żgħar, bħala nazzjonali fil-kamp ta' applikazzjoni tagħhom (31).

(37)

Fid-Deċiżjoni M.4238 E.ON/PP (32) tagħha dwar is-suq tal-bejgħ bl-imnut Ċek, il-Kummissjoni ħalliet id-definizzjoni miftuħa, minħabba li t-tranżazzjoni kkonċernata ma wasslitx għal tħassib dwar il-kompetizzjoni taħt xi definizzjoni alternattiva.

(38)

Minn perspettiva ġeografika, l-NCA Ċeka, fil-prattika preċedenti tagħha (33), qieset is-suq tal-prodott rilevanti fis-settur tal-provvista bl-imnut tal-gass bħala nazzjonali fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu.

(39)

Skont l-aktar informazzjoni riċenti, bħalissa hemm numru kbir ta' fornituri attivi (34) fis-suq tal-bejgħ bl-imnut tal-gass Ċek. Skont l-Applikant dawn il-fornituri jistgħu jfornu lil klijenti żgħar u kbar fuq bażi nazzjonali.

(40)

Fir-rigward tal-elettriku, id-distribuzzjoni tal-gass fir-Repubblika Ċeka hija maqsuma fi tliet żoni ta' distribuzzjoni, skont is-sjieda tal-kumpaniji ta' distribuzzjoni (35). Fir-rigward tal-provvista bl-imnut tal-gass lill-unitajiet domestiċi, il-Kummissjoni tinnota mudell simili għal dak tal-elettriku fir-rigward tal-ishma tas-suq tad-distributuri tal-gass eżistenti skont iż-żona ta' distribuzzjoni. Fl-2015, dawn l-ishma tas-suq kienu madwar […] % għal RWE, […] % għal PP u […] % għal E.ON (36). Madanakollu, l-ishma tas-suq ta' dawn il-kumpaniji huma aktar dilwiti fil-livell nazzjonali fir-rigward tal-provvista tal-gass lil klijenti kbar (37).

(41)

Il-komponent tal-enerġija tal-prezz tal-gass mhuwiex irregolat u jiġi stabbilit mill-kumpaniji ta' distribuzzjoni lokali fit-tliet żoni ta' distribuzzjoni. L-analiżi tal-Applikant turi li l-ipprezzar tal-komponent tal-enerġija tal-prezz totali tal-gass, kemm ta' PP kif ukoll dak ta' RWE, huwa l-istess fit-tliet żoni ta' distribuzzjoni, filwaqt li E.ON għandu prezzijiet identiċi f'żoni ta' PP u RWE, u kemxejn aktar baxxi (anqas minn […] %) fiż-żona tiegħu stess (38). Fid-dawl ta' dan, l-Applikant isostni li s-suq għall-bejgħ bl-imnut tal-gass huwa nazzjonali fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu.

(42)

Għall-finijiet tal-valutazzjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE humiex issodisfati u mingħajr ħsara għall-applikazzjoni ta' liġi tal-Unjoni oħra; u abbażi tal-fatt li hemm numru kbir ta' bejjiegħa bl-imnut joperaw fil-livell nazzjonali, is-suq ġeografiku għall-provvista bl-imnut tal-gass naturali lill-klijenti aħħarija fir-Repubblika Ċeka jista' jitqies nazzjonali kemm għall-klijenti kbar kif ukoll għal dawk żgħar. Madanakollu, dan ma jeskludix li, bħal fil-każ tal-provvista tal-elettriku, jistgħu jkunu preżenti wkoll elementi reġjonali b'saħħithom.

Analiżi tas-suq

(43)

Il-Kummissjoni adottat deċiżjonijiet oħra (39) rigward l-applikabbiltà tal-eżenzjonijiet mir-regoli tal-akkwist għall-provvista bl-imnut tal-elettriku u l-gass. F'dawk id-Deċiżjonijiet, il-Kummissjoni bbażat il-valutazzjoni tagħha fuq il-kriterji li ġejjin b'mod partikolari: in-numru ta' parteċipanti fis-suq b'mod ġenerali, is-sehem mis-suq ikkombinat tal-akbar atturi, ir-rata ta' qlib tal-klijenti aħħarija, il-likwidità tas-swieq tal-bejgħ bl-ingrossa u r-regolazzjoni tal-prezz.

Il-provvista bl-imnut tal-elettriku

(44)

Qabelxejn, jenħtieġ li jissemma li, sabiex fornitur ikun attur kredibbli fuq terminu twil, u li jeżerċita pressjoni kompetittiva fil-livell tal-klijent fir-Repubblika Ċeka, huwa neċessarju li wieħed ikollu aċċess għal sorsi tal-elettriku kompetittivi, jew permezz tal-kapaċità ta' ġenerazzjoni tiegħu jew permezz tal-aċċess għal swieq tal-bejgħ bl-ingrossa likwidi għall-prodotti bl-ingrossa fir-Repubblika Ċeka jew barra mill-pajjiż permezz ta' importazzjonijiet. Minflok, il-bejjiegħa bl-imnut huma dipendenti fuq il-kompetituri integrati b'mod vertikali tagħhom għax-xiri tal-elettriku tagħhom, li jfisser li huma taħt it-theddida permanenti ta' kompressjoni tal-marġni, li mbagħad tillimita b'mod sinifikanti l-pressjoni kompetittiva li jistgħu jagħmlu fuq fornituri integrati b'mod vertikali bħal ČEZ.

(45)

Meta wieħed jivvaluta jekk il-provvista bl-imnut tal-elettriku hix direttament esposta għall-kompetizzjoni, huwa għalhekk neċessarju wkoll li jqis il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq upstream għall-ġenerazzjoni u l-provvista bl-ingrossa tal-elettriku u l-pożizzjoni tal-operaturi fih (40).

In-numru ta' atturi fis-suq, l-ishma mis-suq tal-akbar atturi

(46)

F'Ġunju 2017, 65 fornitur attiv kienu qed ifornu aktar minn 100 punt ta' twassil fit-tliet żoni ta' distribuzzjoni tal-grupp ČEZ, E.ON u PRE. ČEZ Prodej huwa l-akbar fornitur għal klijenti kemm kbar kif ukoll żgħar, segwit minn E.ON u PRE. Kompetituri oħra għandhom ishma tas-suq ferm iżgħar għall-provvista lil klijenti aħħarija.

(47)

F'deċiżjonijiet preċedenti (41), il-Kummissjoni qieset li, fir-rigward tas-suq tal-provvista bl-imnut tal-elettriku, is-sehem mis-suq ikkombinat tal-akbar tliet impriżi huwa wieħed mill-indikaturi rilevanti għall-valutazzjoni tal-konċentrazzjoni tas-suq u għall-valutazzjoni tas-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni ġenerali. Minħabba li mhux l-atturi kollha tas-suq huma soġġetti għal regoli tal-akkwist pubbliku, l-analiżi tiffoka l-aktar fuq il-pożizzjoni fis-suq u r-restrizzjonijiet kompetittivi fuq l-atturi tas-suq individwali soġġetti għar-regoli tal-akkwist pubbliku, jiġifieri essenzjalment, ČEZ Prodej u PP. Madanakollu, meta rilevanti li wieħed jifhem il-kuntest tas-suq li fih qed joperaw ČEZ Prodej u PP, jiġu inklużi fl-analiżi operaturi oħra tas-suq (ara wkoll il-premessa 20). Miżuri ta' konċentrazzjoni oħra jistgħu wkoll jitqiesu rilevanti.

Il-provvista bl-imnut tal-elettriku lil klijenti kbar

(48)

ČEZ Prodej iforni […] tal-klijenti kbar, jiġifieri, madwar […] TWh minn […] TWh, f'volum (42). L-ishma tas-suq tiegħu għal klijenti kbar kienu pjuttost stabbli matul il-perjodu ta' bejn l-2012 u l-2015 b'[…] % (43), madanakollu waqgħu għal […] % fl-2016 (44). Il-Kummissjoni tinnota li dan it-tnaqqis seħħ matul l-istess sena li fiha l-grupp ČEZ esperjenza diversi nuqqasijiet f'numru ta' reatturi nukleari tiegħu li affettwaw madwar […] tal-kapaċità nukleari tiegħu, li jikkonferma li l-aċċess għal sorsi tal-elettriku kompetittivi huwa fattur ewlieni għall-kompetizzjoni fis-swieq tal-bejgħ bl-imnut. Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li s-sehem tas-suq ta' […] % ta' ČEZ Prodej ikun akbar f'reġjun wieħed jew aktar jekk dan jiġi kkalkulat abbażi ta' suq reġjonali, minflok suq ġeografiku, nazzjonali għal klijenti kbar. Madanakollu, iċ-ċifri tas-sehem mis-suq lokali għall-klijenti kbar konnessi mas-suq ta' ČEZ Prodej ma ġewx ipprovduti, għalkemm dawn ġew mitluba.

(49)

Matul il-perjodu ta' bejn l-2014 u l-2016, l-ishma tas-suq għal klijenti kbar kienu pjuttost stabbli anke fil-każ ta' E.ON b'madwar […] % u fil-każ ta' PRE b'madwar […] %.

(50)

Fil-livell nazzjonali, is-sehem mis-suq ikkombinat tat-tliet atturi tas-suq ewlenin (ČEZ Prodej, E.ON u PRE) għal klijenti kbar huwa ta' madwar 60 % (45) (l-HHI (46) ikkalkulat għal dan is-suq huwa 1 847 (47)). Fir-rigward tal-fornituri l-oħra għal klijenti kbar, Bohemia Energy, CENTROPOL, RWE, Veolia Komodity, Lumius, EP Energy Trading, Slovenské elektrárne u Amper Market huma kollha taħt […] %.

Il-provvista bl-imnut tal-elettriku lil klijenti żgħar

(51)

Fil-livell nazzjonali, ČEZ Prodej iforni […] % tal-klijenti żgħar (48) f'termini ta' twassil ta' volum; madanakollu, fiż-żona ta' distribuzzjoni tal-grupp ČEZ ġew ikkunsmati volumi akbar, jiġifieri, […] TWh minn […] TWh ġew ikkunsmati minn klijenti żgħar (49). L-ishma mis-suq ta' ČEZ Prodej għal tali klijenti kienu pjuttost stabbli matul il-perjodu ta' bejn l-2012 u l-2015 b'[…] % (50). Madanakollu, il-Kummissjoni tinnota li, skont l-opinjoni tal-NCA, l-ishma mis-suq ta' ČEZ Prodej naqsu matul l-aħħar 6 snin (51).

(52)

Fil-livell lokali, l-ishma mis-suq ta' dawk eżistenti għall-klijenti kbar huma għolja: fl-2014/2015, ČEZ Prodej u E.ON kellhom sehem mis-suq ta' […] % fiż-żoni ta' distribuzzjoni rispettivi tagħhom, filwaqt li PRE kellu sehem mis-suq ta' […] % fiż-żona ta' Praga. Il-preżenza tat-tliet fornituri ewlenin fiż-żoni rispettivi tagħhom kienet insinifikanti ([…] %) (52). Dan jikkonferma l-preżenza ta' elementi reġjonali b'saħħithom.

(53)

Matul il-perjodu ta' bejn l-2014 u l-2016, l-ishma mis-suq għall-klijenti żgħar kienu pjuttost stabbli anke fil-każ ta' E.ON b'madwar […] % u fil-każ ta' PRE b'madwar […] %. Fil-livell nazzjonali, is-sehem mis-suq ikkombinat tat-tliet atturi tas-suq ewlenin (ČEZ Prodej, E.ON u PRE) għall-klijenti żgħar kien ta' madwar 74 % (53) (l-HHI ikkalkulat għal dan is-suq huwa 2 664) (54). L-eqreb kompetitur għal dik il-kategorija ta' klijenti żgħar huwa Bohemia Energy b'[…] %.

Rati ta' qlib għal klijenti aħħarija

(54)

In-numru ta' klijenti li jaqilbu wkoll jitqies bħala indikatur rilevanti ta' kompetizzjoni effettiva. Żewġ tipi ta' qlib tal-klijenti jistgħu jiġu definiti bħala: qlib estern, li jirreferi għall-qlib tal-fornitur, u qlib intern, li huwa definit bħala l-qlib tat-tariffa jew tal-kuntratt mal-fornitur estern. F'deċiżjoni preċedenti (55), il-Kummissjoni analizzat l-aktar il-qlib estern.

Il-provvista bl-imnut tal-elettriku lil klijenti kbar

(55)

L-Applikant isostni li r-rati ta' qlib esterni huma relattivament għolja fost il-klijenti kbar. Madanakollu, ir-rata ta' qlib estern fost il-klijenti kbar naqset minn madwar 30 % fl-2010 għal 16 % fl-2015; ir-rata ta' qlib estern medja matul dawk is-sitt snin kienet ta' 22 % (56). B'paragun ma' dan, bħala medja, ir-rati ta' qlib estern huma ogħla fir-Repubblika Ċeka milli fil-Ġermanja (madwar 11 %) (57) u aktar baxxi milli fl-Italja (madwar 32 %) (58). Skont l-Applikant, ma jiġu mġarrba l-ebda spejjeż għall-qlib tal-fornitur tal-elettriku; il-klijenti direttament konnessi man-netwerk ta' voltaġġ għoli jorganizzaw il-provvista tal-elettriku tagħhom permezz ta' offerti jew jistgħu jixtru l-elettriku direttament mis-swieq tal-kambju, li jaf jispjega t-tendenza tagħhom li jaqilbu minn fornitur għal ieħor aktar spiss minn klijenti żgħar (ara l-premessi 56 sa 59) (59).

Il-provvista bl-imnut tal-elettriku lil klijenti żgħar

(56)

L-Applikant isostni li r-rati ta' qlib li mhumiex għoljin għal klijenti żgħar, minħabba l-allegati livelli ta' sodisfazzjon għoljin tal-klijenti u/jew minħabba negozjar mill-ġdid ta' kuntratti mal-istess fornitur. Ir-rata ta' qlib estern għall-klijenti żgħar kienet ta' madwar 4,6 % fl-2015 (jiġifieri l-istess bħal fl-2010); ir-rata medja ta' qlib estern matul dawn is-sitt snin kienet ta' 5 % (60). Skont l-Applikant, il-qlib estern tal-fornitur tal-elettriku huwa pjuttost faċli anke għal klijenti żgħar. Skont stħarriġ tal-klijenti mwettaq mill-Applikant, klijenti żgħar fit-tliet żoni ta' distribuzzjoni jaqilbu minn fornitur għal ieħor “minħabba żidiet fil-prezzijiet ta' bejn 5 u 10 %” (61).

(57)

L-Opinjoni tal-NCA indikat li skont l-istħarriġ tal-klijent ordnat minn ČEZ Prodej, il-klijenti huma sensittivi ħafna għall-prezzijiet u lesti jaqilbu (62). Barra minn hekk, l-Opinjoni tal-NCA indikat li l-“fornituri bdew jagħmlu offerti ta' żamma pro-kompetittivi lill-klijenti tagħhom bi skonijiet sinifikanti” u konsegwentement, abbażi tad-data interna ta' ČEZ Prodej, “parti sostanzjali mill-klijenti ta' ČEZ Prodej li kienu jaqilbu ma' fornitur ieħor għażlu li jaqilbu għal prezz aktar vantaġġjuż ta' ČEZ Prodej” (63). Barra minn hekk, l-Opinjoni tal-NCA ikkonkludiet li bil-kombinazzjoni tar-rata' ta' qlib estern mar-rata ta' qlib intern ta' ČEZ Prodej, il-livell ikkombinat ta' rati ta' qbil għall-unitajiet domestiċi kien ta' […] %.

(58)

Madanakollu, il-Kummissjoni tinnota li, skont l-aktar informazzjoni pubblika riċenti (64), ir-rati ta' qlib intern għall-unitajiet domestiċi jidhru li huma pjuttost baxxi fir-Repubblika Ċeka. B'mod partikolari, il-medja ta' tliet snin ta' rati ta' qlib intern tal-elettriku għall-klijenti tal-unitajiet domestiċi tammonta għal 2 % biss, filwaqt li l-medja ta' ħames snin tal-qlib estern tal-elettriku għall-klijenti tal-unitajiet domestiċi hija ta' 6 % (65).

(59)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li r-Regolatur Nazzjonali Ċek (ERO), fir-rigward tas-suq tal-bejgħ bl-imnut għall-elettriku, jindika ċerti kundizzjonijiet kuntrattwali mhux ċari f'kuntratti għal terminu fiss b'estensjoni awtomatika, li jistgħu jagħmluha aktar diffiċli għall-klijenti biex jidentifikaw id-dati meta u l-kundizzjonijiet li bihom jistgħu jiġu tterminati l-kuntratti (66). L-istess punt rigward il-kuntratti għal terminu fiss u l-estensjoni awtomatika ġie mtenni fl-aktar Rapport Nazzjonali riċenti disponibbli tal-ERO tal-2016 (67).

Aċċess għall-elettriku bl-ingrossa

(60)

Il-likwidità tas-suq tal-bejgħ bl-ingrossa hija indikatur rilevanti għall-kompetizzjoni, minħabba li volumi suffiċjenti kemm fuq in-naħa tal-provvista kif ukoll fuq dik tad-domanda għall-prodotti bl-ingrossa rilevanti (eż. karga bażi, karga massima, blokok ta' sigħat għal perjodi ta' żmien differenti) tipprovdi opportunitajiet ta' xiri u ħeġġjar lill-fornituri li ma jiddisponux mill-ġenerazzjoni tagħhom, u tippermettilhom jidħlu fis-swieq tal-bejgħ bl-imnut u jikkompetu ma' fornituri integrati b'mod vertikali bil-kapaċità ta' ġenerazzjoni tagħhom.

Il-grupp ČEZ jibqa' bil-bosta l-akbar ġeneratur tal-elettriku

(61)

Fil-livell tal-ġenerazzjoni, il-grupp ČEZ ipproduċa […] % tal-elettriku ġġenerat fir-Repubblika Ċeka fl-2016 (68). It-tieni l-akbar ġeneratur (Elektrárna Počerady a.s.) kellu sehem mis-suq ta' […] % u dawn it-tliet l-akbar ġeneraturi (Sokolovská Uhelná a.s., Elektrárna Dětmarovice a.s. u Severní Energetická a.s (69).) kienu kollha anqas minn […] % kull wieħed (70). Is-sitt produtturi li ġejjin kienu taħt it-3 % u l-kategorija li jifdal (li tirrappreżenta 17 % tal-elettriku ġġenerat) kienet tikkonsisti minn għadd ta' impjanti tal-enerġija solari/eoliċi u impriżi agrikoli żgħar. E.ON, PRE u bejjiegħa bl-imnut oħra (eż. Bohemia Energy, CENTROPOL) ma jiġġenerawx l-assi tagħhom fir-Repubblika Ċeka.

(62)

Għalhekk, il-grupp ČEZ jibqa' l-akbar ġeneratur tal-elettriku fir-Repubblika Ċeka. Is-sehem mis-suq tiegħu fil-livell tal-ġenerazzjoni jirrifletti l-aċċess privileġġjat tiegħu għall-aktar sorsi ta' ġenerazzjoni rħas fir-Repubblika Ċeka (nukleari, linjite, faħam).

(63)

Fir-rigward tal-ġenerazzjoni tal-enerġija, jenħtieġ li jiġi nnutat li fl-2016/2017, il-grupp ČEZ esperjenza diversi nuqqasijiet f'numru ta' reatturi nukleari tiegħu […].

(64)

Skont il-pjan Ċek tal-strateġija tal-enerġija fuq terminu twil tar-Repubblika Ċeka (71), jenħtieġ li sal-2050, il-ġenerazzjoni nukleari tkun responsabbli għal nofs il-konsum totali tal-elettriku tal-pajjiż (b'aktar minn madwar terz ta' dak li hu preżenti bħalissa). L-awtoritajiet Ċeki jippjanaw li jeliminaw gradwalment erba' unitajiet f'Dukovany mill-2035 'il quddiem u fl-istess ħin jippjanaw li jibnu reatturi ġodda fiż-żewġ siti nukleari eżistenti (Dukovany u Temelin) b'opzjoni jew biex l-Istat jikseb id-diviżjoni nukleari tal-grupp ČEZ, jew biex il-grupp ČEZ jiffinanzja l-impjanti l-ġodda. F'dan ix-xenarju, bl-istartjar mill-ġdid tar-reatturi tiegħu u biż-żieda prevista tal-ġenerazzjoni tal-enerġija għas-sena ta' wara (72), is-sehem tal-grupp ČEZ mis-suq tal-ġenerazzjoni aktarx jiżdied għal-livelli preċedenti.

Użu tas-suq tal-bejgħ bl-ingrossa

(65)

Fil-livell tal-bejgħ bl-ingrossa, l-elettriku jinbiegħ internament f'impriżi integrati verikalment li jwettqu kemm l-attività tal-ġenerazzjoni kif ukoll dik tal-provvista bl-imnut (bħall-entitajiet tal-grupp ČEZ) jew inkella jiġi nnegozjat permezz ta' diversi kanali: skont kuntratti purament bilaterali (over-the-counter jew “OTC”) jew kuntratti b'senserija; fis-swieq tal-futuri organizzati minn Power Exchange Central Europe, a.s. (“PXE”) jew iċ-Czech Moravian Commodity Exchange Kladno (“CMCEK”) (73); u fis-swieq spot organizzati mill-operatur tas-suq tal-elettriku u tal-gass Ċek, il-kumpanija OTE a.s. In-negozjanti tal-elettriku jistgħu jużaw kwalunkwe kombinazzjoni ta' kuntratti bilaterali u prodotti tal-iskambju tal-enerġija, inklużi pjattaformi ta' OTE u muniti barranin (74), għax-xiri u l-bejgħ (75).

(66)

Il-prezzijiet bl-ingrossa fl-iskambju ta' PXE b'mod tradizzjonali jsegwu l-prezzijiet tal-iskambju tal-EEX. F'dan ir-rigward, l-Applikant isostni li ČEZ Prodej (76) ma għandu l-ebda vantaġġ kompetittiv meta mqabbel ma' bejjiegħa bl-imnut oħra fis-suq li jiksbu l-elettriku tagħhom fl-iskambju ta' PXE, minħabba […] (77). Madanakollu, jenħtieġ li jiġi nnutat li dan il-livell ta' prezz huwa bbażat fuq ftehim purament kuntrattwali bejn żewġ kumpaniji li jappartjenu għall-istess grupp, u għalhekk jista' jiġi mibdul fi kwalunkwe ħin u ma għandu l-ebda impatt fuq il-profitt totali tal-grupp ČEZ.

(67)

Il-volumi nnegozjati fis-swieq tal-bejgħ bl-ingrossa (spot u forward, tas-senserija u tal-kambji) fir-Repubblika Ċeka fl-2016 ([…] TWh) kienu ta' madwar […] l-ammont tal-konsum tal-elettriku annwali (78). Il-volumi OTC innegozjati fuq pjattaformi ta' sensara bħal Trayport, b'mod partikolari, kienu jammontaw għal […] TWh (minn volum totali nnegozjat ta' […] TWh) fl-2016, u żdiedu bi ftit mill-2008 ([…] TWh) (79). B'paragun ma' dan, id-daqs tas-suq tal-bejgħ bl-ingrossa Ġermaniż kien għaxar darbiet akbar mill-volumi totali tal-irtirar tal-elettriku (80). Fir-Repubblika Ċeka, ġew irreġistrati volumi baxxi ta' negozjar tal-futuri (81) fl-akbar suq spot tal-kambju tal-enerġija (PXE (82)), filwaqt li f'ċentri tan-negozjar domestiċi bħas-CMCEK ġew innegozjati volumi żgħar ħafna (2 sa 3 TWh) (83). Il-volumi nnegozjati fis-swieq ta' negozju ta' jum bil-quddiem u ta' negozju fl-istess jum (OTE-Spot), li huma meħtieġa wkoll għall-bejjiegħa bl-imnut biex ikunu jistgħu jiddependu fuq is-swieq bl-ingrossa, żdiedu mill-2008, iżda l-volumi involuti baqgħu żgħar (84). Fl-aħħar nett, in-nuqqas ta' data dwar bejgħ bilaterali (OTC) dirett ma jippermettix lill-Kummissjoni tivvaluta jekk humiex biżżejjed għal min jidħol ġdid fis-suq (85).

Opportunitajiet ta' importazzjoni

(68)

Fir-rigward tal-importazzjonijiet, l-Applikant sostna li hemm “biżżejjed kapaċità tal-interkonnettur fil-fruntiera bejn ir-Repubblika Ċeka u l-Ġermanja” (86). Madanakollu, it-TSO Ċek irrapporta (87) diversi sitwazzjonijiet kritiċi fis-sistema ta' trażmissjoni Ċeka minħabba flussi ta' tranżitu mhux ippjanati (jew “loop flows”) li jammontaw għal diversi GW. B'mod partikolari, skont it-TSO Ċek, il-loop flows huma problema ewlenija fl-istabbiltà tal-grilja (88) u fattur ta' limitazzjoni għan-negozju kummerċjali fil-fruntieri Ċeki, b'mod partikolari fil-fruntiera ta' bejn ir-Repubblika Ċeka u l-Ġermanja. Iċ-ċifri sottomessi mill-Applikant (89) juru li l-kapaċita ta' importazzjoni kummerċjalment disponibbli fil-fruntiera mal-Ġermanja naqset b'mod sostanzjali fil-perjodu ta' bejn l-2014 u l-2016 (90).

(69)

Barra minn hekk, il-kamp ta' applikazzjoni għall-importazzjonijiet minn pajjiżi ġirien jista' jitnaqqas minħabba l-prezzijiet bl-ingrossa tradizzjonalment baxxi fir-Repubblika Ċeka. Din kienet is-sitwazzjoni matul il-perjodu ta' bejn l-2012 u l-2016 meta l-prezz medju ta' jum bil-quddiem fil-fruntieri tar-Repubblika Ċeka kien negattiv, jiġifieri EUR -3,9/MWh mal-Polonja; EUR -0,4/MWh mal-Awstrija; EUR -0,6/Mwh mal-Islovakkja, u mal-Ġermanja biss kien kemxejn pożittiv (EUR 0,4/MWh) (91).

(70)

Minkejja dan t'hawn fuq, l-Applikant sostna li fl-2016, madwar 8,6 TWh tal-kapaċità ta' importazzjoni kienet allokata lill-parteċipanti fis-suq, filwaqt li 7,9 TWh, li jirrappreżentaw “madwar 13 % tal-konsum totali tal-elettriku”, ġew impurtati bħala rispons għall-qtugħ f'daqqa tal-impjanti tal-enerġija nukleari tal-grupp ČEZ (92). Din iċ-ċirkostanza eċċezzjonali tista' tispjega l-volumi ta' kapaċità importati u allokati lill-parteċipanti fis-suq fl-2016. Fil-fatt, il-grupp ČEZ ikkalkula li, fl-assenza ta' dawk in-nuqqasijiet, kien jipproduċi […] TWh addizzjonali ta' elettriku. Madanakollu, is-sitwazzjoni qed tirkupra u uħud mir-reatturi reġgħu startjaw filwaqt li oħrajn huwa ppjanat li se jerġgħu jistartjaw dalwaqt. B'riżultat ta' dan, wieħed jista' jistenna li l-importazzjonijiet gradwalment jonqsu fil-futur hekk kif iż-żieda tal-ġenerazzjoni nukleari bi spiża marġinali baxxa tbaxxi l-prezzijiet tal-elettriku fir-Repubblika Ċeka.

Kompetizzjoni fil-prezz u regolazzjoni tal-prezz

(71)

Il-prezz tal-provvista tal-elettriku lill-klijenti aħħarija għandu żewġ komponenti ewlenin (93): l-ewwel wieħed, li jammonta għal 45 % tal-prezz finali totali, jinkludi spejjeż fissi għad-distribuzzjoni tal-elettriku, servizzi awżiljarji, imposti tas-sistema, eċċ.; it-tieni wieħed, li jammonta għal 37 % tal-prezz finali totali, huwa l-komponent tal-elettriku, li jinkludi l-marġni tal-provvista tal-bejgħ bl-imnut (94). Dan it-tieni komponent mhuwiex regolat (95).

(72)

Fir-rigward tal-prezzijiet tal-elettriku lill-klijenti aħħarija, għal klijenti kemm kbar kif ukoll żgħar, il-livell tal-prezz inkluż it-taxxi huwa aktar baxx mill-medja tal-UE-28, u aktar baxx ukoll mill-medja tal-UE-28 jekk jiġu esklużi t-taxxi (96). L-Applikant josserva li dawn il-prezzijiet kienu konsistentement aktar baxxi mill-prezzijiet korrispondenti fil-Ġermanja matul il-perjodu ta' bejn l-2007 u l-2015.

(73)

Fir-rigward ta' klijenti industrijali kbar (97), b'mod partikolari, l-Applikant osserva li l-komponent tal-enerġija Ċek naqas b'aktar minn 40 % bejn it-tieni nofs tal-2012 u t-tieni nofs tal-2015, meta kien 24 % aktar baxx (bejn EUR 0,0300 u 0,0400 għal kull kWh) mill-komponent tal-enerġija Ġermaniż (bejn EUR 0,0400 u 0,0500 għal kull kWh). Fir-rigward tal-unitajiet domestiċi (98), l-Applikant josserva li, wara t-tieni nofs tal-2009, il-komponent tal-enerġija Ċek kien qed jonqos b'mod konsistenti u fit-tieni nofs tal-2015 dan kien kważi EUR 0,0400 għal kull kWh, li jfisser li kien 49 % aktar baxx mill-komponent tal-enerġija Ġermaniż (bejn EUR 0,0700 u 0,0800 għal kull kWh) (99).

(74)

Minn dawn iċ-ċifri bbażati fuq id-data tal-Eurostat, l-Applikant jikkonkludi li “il-livell ta' kompetizzjoni fis-suq Ċek huwa akbar minn dak fis-suq Ġermaniż li huwa espost direttament għall-kompetizzjoni skont id-Deċiżjoni riċenti tal-Kummissjoni dwar l-Eżenzjoni tal-Bejgħ bl-Imnut Ġermaniż.” (100) Madanakollu, mhuwiex ikkorroborat mill-evidenza, b'mod partikolari fir-rigward tal-paragun tal-prezzijiet bejn is-suq Ċek u dak Ġermaniż. It-teorija ekonomika tissuġġerixxi li, taħt ċerti kundizzjonijiet (eż. il-livelli ta' spejjeż marġinali u l-elastiċità tad-domanda), swieq ikkonċentrati ħafna jista' jkollhom prezzijiet akbar baxxi minn swieq anqas ikkonċentrati (101). Aktar importanti, il-paragun tal-prezzijiet kien jiddependi fuq l-għażla tal-unità. Fil-fatt, il-prezzijiet Ġermaniżi kienu ogħla minn dawk Ċeki f'termini assoluti fl-aħħar snin iżda kienu aktar baxxi f'termini tal-Istandard tal-Kapaċità tal-Akkwist (PPS); f'dak ir-rigward il-prezzijiet Ċeki kienu ogħla fl-2015 (102).

(75)

Barra minn hekk, b'mod partikolari, fir-rigward tal-prezzijiet tal-unitajiet domestiċi, u abbażi tal-informazzjoni riċevuta mingħand ir-regolaturi nazzjonali, l-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) osservat, li “jista' jkun hemm irregolaritajiet fid-data għall-prezzijiet tal-elettriku tal-unitajiet domestiċi. Għalhekk jenħtieġ li dawn ir-riżultati jiġu interpretati b'attenzjoni.” (103).

IL-PROVVISTA BL-IMNUT TAL-GASS NATURALI

In-numru ta' atturi fis-suq, l-ishma mis-suq tal-akbar atturi

(76)

L-aktar ċifri riċenti mill-ERO jindikaw li fl-2016, 98 negozjant attiv li jfornu l-gass lill-klijenti operaw fir-Repubblika Ċeka (104). L-ispiża totali (105) tad-dħul fis-suq għall-provvista bl-imnut tal-gass hija baxxa, u ma tidhirx li tikkostitwixxi ostaklu għad-dħul.

(77)

F'deċiżjonijiet preċedenti (106), il-Kummissjoni qieset li, fir-rigward tas-suq tal-provvista bl-imnut tal-gass, is-sehem mis-suq ikkombinat tal-akbar tliet impriżi huwa wieħed mill-indikaturi rilevanti għall-valutazzjoni tal-konċentrazzjoni tas-suq u għall-valutazzjoni tas-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni ġenerali. Minħabba li mhux l-atturi kollha tas-suq huma soġġetti għal regoli tal-akkwist pubbliku, l-analiżi tiffoka l-aktar fuq il-pożizzjoni fis-suq u r-restrizzjonijiet kompetittivi fuq l-atturi tas-suq individwali soġġetti għar-regoli tal-akkwist pubbliku, jiġifieri essenzjalment, ČEZ Prodej u PP. Madanakollu, meta rilevanti li wieħed jifhem il-kuntest tas-suq li fih qed joperaw ČEZ Prodej u PP, jiġu inklużi fl-analiżi operaturi oħra tas-suq (ara wkoll il-premessa 20). Miżuri ta' konċentrazzjoni oħra jistgħu wkoll jitqiesu rilevanti.

(78)

Skont l-aktar ċifri riċenti (107), l-akbar fornituri tal-gass f'termini ta' kwantità fornuta lill-klijenti huma RWE (issa Innogy Energie, s.r.o.) b'aktar minn […] % ta-sehem mis-suq, segwit minn PP u minn E.ON b'[…] % tas-sehem mis-suq. Anke ČEZ Prodej huwa attiv f'dan is-suq b'sehem mis-suq ta' […] % (108).

Il-provvista bl-imnut ta' gass naturali lil klijenti kbar

(79)

Skont iċ-ċifri tal-2016 fornuti mill-Applikant, RWE huwa l-akbar fornitur għal klijenti kbar b'sehem mis-suq ta' […] %, segwit minn ČEZ Prodej b'sehem mis-suq ta' […] % u E.ON b'sehem mis-suq ta' […] %. Il-Kummissjoni tinnota li PP u ČEZ Prodej biss jitqiesu entitajiet kontraenti fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/25/UE, u għalhekk huma soġġetti għar-regoli tal-akkwist.

(80)

Is-sehem mis-suq ikkombinat tal-akbar tliet bejjiegħa bl-imnut għal klijenti kbar fis-suq tal-gass Ċek huwa ta' 51 %. L-HHI ikkalkulat għal dan is-suq huwa 1 341 (109).

Provvista bl-imnut ta' gass lil klijenti żgħar

(81)

Skont iċ-ċifri tal-2016 fornuti mill-Applikant, l-akbar tliet fornituri għal klijenti żgħar huma RWE, b'sehem mis-suq ta' […] %, segwit minn PP b'sehem mis-suq ta' […] %, u E.ON b'sehem mis-suq ta' […] % (110). Barra minn hekk, ČEZ Prodej (ir-raba' l-akbar fornitur) huwa attiv f'dan is-suq b'sehem mis-suq ta' […] %. Il-Kummissjoni tinnota li PP u ČEZ Prodej biss jitqiesu entitajiet kontraenti fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/25/UE, u għalhekk huma soġġetti għar-regoli tal-akkwist.

(82)

Is-sehem mis-suq ikkombinat tal-akbar tliet bejjiegħa bl-imnut għall-klijenti żgħar fis-suq tal-gass Ċek huwa ta' 69 % (111). L-HHI ikkalkulat għal dan is-suq huwa 2 024 (112).

Rati ta' qlib tal-klijenti finali

Il-provvista bl-imnut ta' gass naturali lil klijenti kbar

(83)

Ir-rapport nazzjoni ta' ERO għall-2016 fih informazzjoni fir-rigward tad-data tal-qlib tal-fornitur b'mod separat għal erba' kategoriji ta' klijenti (113): “domanda għolja”, “domanda ta' daqs medju”, “domanda baxxa” u “unitajiet domestiċi”.

(84)

L-ewwel żewġ kategoriji (“domanda għolja” u “domanda ta' daqs medju”) jistgħu jiġu assenjati b'mod wiesa' lill-kategorija ta' “klijenti kbar” kif definit għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni. Fl-2016, il-qlib tal-klijent għal klijenti b'domanda għolja kien ta' 38 % u għal domanda ta' daqs medju kien ta' 29 %. Il-livelli ta' qlib għal dawk iż-żewġ kategoriji kienu wkoll għolja matul l-aħħar ħames snin.

Il-provvista bl-imnut ta' gass naturali lil klijenti żgħar

(85)

L-aħħar żewġ kategoriji (“domanda baxxa” u “unitajiet domestiċi”) jistgħu jiġu assenjati b'mod wiesa' lill-kategorija ta' “klijenti kummerċjali u unitajiet domestiċi żgħar” kif definiti għall-fini ta' din id-Deċiżjoni.

(86)

Fl-2016, il-qlib tal-klijenti għal “domanda baxxa” kien ta' 14 %, filwaqt li għall-“unitajiet domestiċi” kien ta' 6,6 %. Il-livelli ta' qlib għal klijenti ta' “domanda baxxa” kienu 'l fuq minn 10 % matul il-perjodu ta' bejn l-2011 u l-2016. Il-livelli ta' qlib għall-“unitajiet domestiċi” ilhom jitbaxxew mill-2011 (qisu meta r-rata ta' qlib kienet 13 % (114)), madanakollu fl-2016 ir-rata ta' qlib żdiedet.

Aċċess għall-gass bl-ingrossa  (115)

(87)

L-entitajiet li jinnegozjaw fis-suq tal-gass bl-ingrossa jistgħu jixtru l-gass skont kuntratti fuq terminu twil, fi swieq tal-materja prima, jew mingħand negozjanti oħra. Kuntratti fuq terminu twil ma' produtturi tal-gass Russi u Norveġiżi probabbilment xorta għad għandhom l-aktar influwenza sinifikanti fuq il-formazzjoni tal-prezzijiet bl-ingrossa. Dħul f'kuntratt fuq terminu twil normalment isir għal termini twal ħafna sa massimu ta' 30 sena. Aktar kmieni, f'dawn il-kuntratti saru ċerti bidliet fil-formuli tal-prezz tal-gass, iżda l-kuntratti fuq terminu twil infushom ma ġewx abbandunati (116). Skont iċ-ċifri tal-Eurostat, b'kollox 36 entità importaw il-gass fir-Repubblika Ċeka fl-2016 (117).

(88)

Skont l-ERO, id-detentur tal-liċenzja esklużiva għall-attivitajiet tal-operatur tas-suq fir-Repubblika Ċeka, OTE, a.s., ilu jorganizza suq tal-gass spot mill-2010. Emenda għar-Regoli tas-Suq tal-Gass abboliet is-suq tal-gass għal negozju ta' jum bil-quddiem organizzat mill-operatur tas-suq. Min-naħa l-oħra, ġiet stabbilita pjattaforma għas-suq tal-gass għal negozju fl-istess jum. Skont ERO, dan is-suq żamm l-attrazzjoni għolja tiegħu għall-parteċipanti fis-suq tal-gass fl-2016 (118).

(89)

L-akbar sehem tas-suq tal-bejgħ bl-imnut iseħħ barra mill-pjattaformi tal-kambju u fil-forma ta' negozjar bilaterali over-the-counter (“OTC”). In-negozjar OTC joffri l-vantaġġ li jista' jitwettaq b'mod flessibbli, jiġifieri b'mod partikolari mingħajr ma jkollu bżonn jirrikorri għal sett limitat ta' kuntratti. Rwol sinifikanti tan-negozjar OTC huwa tad-ditta tas-senserija permezz tal-pjattaformi tas-sensara. In-negozjar OTC ra żidiet sostanzjali mill-2012. Fl-2016, it-tranżazzjonijiet ta' negozjar tal-gass naturali mogħtija b'senserija fuq pjattaformi tas-sensara mir-Repubblika Ċeka bħala qasam ta' provvista kienu jammontaw għal 88 TWh (93 TWh inklużi l-volumi nnegozjati fil-pjattaformi tal-kambju). Il-volum ta' kuntratti tal-futuri kiber minn 0,7 Twh fl-2014 għal 3 Twh fl-2015.

(90)

Fl-2016, il-konsum annwali tal-gass fir-Repubblika Ċeka kien jammonta għal 88 TWh. Il-konsum kiber bi 8,5 % meta mqabbel mal-2015. Il-proporzjon tal-volum ta' negozjar bl-ingrossa mal-konsum huwa > 1 (119).

(91)

Fid-dawl tal-fatturi eżaminati fil-premessi (87)-(90), f'dan il-każ, il-Kummissjoni tqis li l-likwidità tas-suq tal-bejgħ bl-ingrossa Ċek hija biżżejjed biex tippermetti lill-bejjiegħa bl-imnut ikollhom aċċess taħt kundizzjonijiet kompetittivi għall-gass bl-ingrossa jew permezz ta' swieq tal-bejgħ bl-ingrossa jew permezz ta' importazzjonijiet. Il-likwidità tas-suq tal-bejgħ bl-ingrossa Ċek ma timpedixxix il-provvista bl-imnut tal-gass milli tkun soġġetta għal esponiment dirett għall-kompetizzjoni.

Kompetizzjoni fil-prezz u regolazzjoni tal-prezz

(92)

Il-prezz tal-provvista tal-gass lill-klijenti aħħarija, mingħajr taxxi, għandu żewġ komponenti ewlenin (120): L-ewwel wieħed, li jammonta għal 22 % tal-prezz, fih partijiet regolati (trażmissjoni, distribuzzjoni, eċċ). It-tieni wieħed, li jammonta għal 78 % tal-prezz, jirrappreżenta l-prezz tal-prodott bażiku nnifsu, li jinkludi l-marġni tal-provvista tal-bejgħ bl-imnut. It-tieni komponent mhuwiex regolat (121).

Il-provvista bl-imnut ta' gass naturali lil klijenti kbar

(93)

Għal klijenti kbar, il-livell tal-prezz inkluż it-taxxi huwa aktar baxx mill-medja tal-UE-28, u aktar baxx ukoll mill-medja tal-UE-28 jekk jiġu esklużi t-taxxi (122).

Il-provvista bl-imnut ta' gass naturali lil klijenti żgħar

(94)

Għal klijenti żgħar, il-livell tal-prezz inklużi t-taxxi huwa aktar baxx mill-medja tal-UE-28, u aktar baxx ukoll mill-medja tal-UE-28 jekk jiġu esklużi t-taxxi (122).

4.   KONKLUŻJONIJIET

4.1.   ELETTRIKU

(95)

Il-kompetizzjoni fis-swieq tal-elettriku tal-bejgħ bl-imnut Ċeki hija strutturalment limitata mill-fatt li l-bejjiegħa bl-imnut (minbarra ČEZ Prodej) ma għandhomx kapaċità ta' ġenerazzjoni proprja suffiċjenti u lanqas ma għandhom aċċess għal swieq tal-bejgħ bl-ingrossa likwidi b'mod sinifikanti fir-Repubblika Ċeka jew barra mill-pajjiż permezz ta' importazzjonijiet. Bħala riżultat, dawn il-bejjiegħa bl-imnut mhumiex f'pożizzjoni li jikkompetu fuq l-istess livell ta' ČEZ Prodej, li huwa integrat b'mod vertikali mal-akbar kumpanija ta' distribuzzjoni lokali u l-akbar ġeneratur tal-elettriku.

IL-PROVVISTA BL-IMNUT TAL-ELETTRIKU LIL KLIJENTI KBAR

(96)

L-ishma mis-suq ikkombinati tal-akbar tliet kumpaniji tal-provvista bl-imnut lil klijenti kbar hija pjuttost għolja (60 %) bl-akbar attur tas-suq (ČEZ Prodej) ikollu sehem mis-suq ta' […] %. It-tieni u t-tielet l-akbar atturi tas-suq, jiġifieri E.ON u PRE, li għandhom ishma mis-suq ta' […] % u […] %, rispettivament, mhumiex soġġetti għar-regoli tal-akkwist tal-Unjoni. Minkejja l-ishma mis-suq mhux eliġibbli tagħhom, huma jistgħu jeżerċitaw biss pressjoni kompetittiva limitata fuq ČEZ Prodej. L-aċċess għall-elettriku bl-ingrossa mhuwiex biżżejjed: Il-grupp ČEZ huwa bil-bosta l-akbar ġeneratur tal-elettriku fir-Repubblika Ċeka u l-kapaċitajiet tal-interkonnessjoni tal-elettriku huma limitati u għalhekk il-likwidità tas-suq tal-elettriku tal-bejgħ bl-ingrossa hija dipendenti fuq l-imġiba tal-grupp ČEZ. Din is-sitwazzjoni tillimita l-possibbiltà tagħhom li jakkwistaw l-elettriku kemm b'karga bażi kif ukoll il-prodotti l-oħra meħtieġa skont il-kundizzjonijiet kompetittivi, li u mbagħad strutturalment tillimita l-kapaċità tagħhom li jikkompetu ma' ČEZ Prodej. Għall-istess raġunijiet, kompetituri iżgħar għandhom kapaċità limitata biex jikkompetu mal-akbar tliet fornituri.

(97)

Il-pożizzjoni fis-suq ta' ČEZ Prodej, E.ON u PRE tissaħħaħ bil-karatteristiċi ta' elementi reġjonali b'saħħithom ta' dan is-suq u l-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni mhux omoġenji fit-tliet żoni ta' distribuzzjoni jagħmluha diffiċli għall-kompetituri biex jisfidaw il-pożizzjonijiet fis-suq ta' dawk l-operaturi fiż-żoni ta' distribuzzjoni rispettivi tagħhom. Fl-aħħar nett, il-livell ta' qlib tal-klijenti, għalkemm ogħla milli għal klijenti żgħar, naqas f'dawn l-aħħar snin.

(98)

Fid-dawl tal-fatturi eżaminati hawn fuq il-kundizzjoni tal-esponiment dirett tal-kompetizzjoni stabbilita fl-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/25/UE jenħtieġ li titqies bħala li ma ġietx imħarsa fir-rigward tal-provvista bl-imnut tal-elettriku lil klijenti kbar fit-territorju tar-Repubblika Ċeka.

IL-PROVVISTA BL-IMNUT TAL-ELETTRIKU LIL KLIJENTI ŻGĦAR

(99)

Is-sehem mis-suq ikkombinat tal-akbar tliet kumpaniji tal-provvista bl-imnut lil klijenti żgħar huwa għoli (74 %), bl-akbar attur tas-suq (ČEZ Prodej) ikollu sehem mis-suq ta' […] %. It-tieni u t-tielet l-akbar atturi tas-suq, jiġifieri E.ON u PRE, li huma t-tieni u t-tielet l-akbar atturi tas-suq b'ishma mis-suq ta' […] % and […] % (123), rispettivament, mhumiex soġġetti għar-regoli tal-akkwist tal-Unjoni. Minkejja l-ishma mis-suq mhux eliġibbli tagħhom, huma jistgħu jeżerċitaw biss pressjoni kompetittiva limitata fuq ČEZ Prodej. L-aċċess għall-elettriku bl-ingrossa mhuwiex biżżejjed: Il-grupp ČEZ huwa bil-bosta l-akbar ġeneratur tal-elettriku fir-Repubblika Ċeka u l-kapaċitajiet tal-interkonnessjoni tal-elettriku huma limitati u għalhekk il-likwidità tas-suq tal-elettriku tal-bejgħ bl-ingrossa hija dipendenti fuq l-imġiba tal-grupp ČEZ. Din is-sitwazzjoni tillimita l-possibbiltà tagħhom li jakkwistaw l-elettriku kemm b'karga bażi kif ukoll il-prodotti l-oħra meħtieġa skont il-kundizzjonijiet kompetittivi, li u mbagħad strutturalment tillimita l-kapaċità tagħhom biex jikkompetu ma' ČEZ Prodej. Għall-istess raġunijiet, kompetituri iżgħar għandhom kapaċità limitata biex jikkompetu mal-akbar tliet fornituri.

(100)

Il-pożizzjoni fis-suq ta' ČEZ Prodej, E.ON u PRE tissaħħaħ bil-karatteristiċi reġjonali b'saħħithom ta' dan is-suq u l-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni mhux omoġenji fit-tliet żoni ta' distribuzzjoni, li jagħmluha diffiċli għall-kompetituri biex jisfidaw il-pożizzjoni fis-suq ta' dawk l-operaturi fiż-żona ta' distribuzzjoni rispettiva tagħhom. Fl-aħħar nett, il-livell ta' qlib tal-klijenti huwa pjuttost baxx u, għa-raġunijiet innutati hawn fuq, il-prezzijiet baxxi tal-bejgħ bl-imnut mhumiex indikatur tal-esponiment dirett għall-kompetizzjoni.

(101)

Fid-dawl tal-fatturi eżaminati hawn fuq, il-kundizzjoni tal-esponiment dirett għall-kompetizzjoni stabbilita fl-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/25/UE jenħtieġ li titqies bħala li ma ġietx imħarsa fir-rigward tal-provvista bl-imnut tal-elettriku għal klijenti żgħar fit-territorju tar-Repubblika Ċeka.

4.2.   GASS

IL-PROVVISTA BL-IMNUT TA' GASS NATURALI LIL KLIJENTI KBAR

(102)

Fir-rigward tal-provvista bl-imnut ta' gass lil klijenti kbar fir-Repubblika Ċeka, is-sitwazzjoni tista' tiġi mqassra kif ġej: hemm numru kbir ta' fornituri attivi fil-livell nazzjonali; l-ishma mis-suq ikkombinati tal-akbar tliet kumpaniji tal-provvista bl-imnut mhix għolja ħafna (51 %); l-ewwel u t-tielet atturi tas-suq mhumiex soġġetti għar-regoli tal-akkwist tal-Unjoni; il-livell ta' qlib jidher sodisfaċenti, ma hemm l-ebda kontroll tal-prezz tal-utent aħħari u l-likwidità fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa ma tidhirx li tikkostitwixxi ostaklu għal li l-provvista bl-imnut tal-gass tkun soġġetta għal esponiment dirett għall-kompetizzjoni.

(103)

Fid-dawl tal-fatturi eżaminati hawn fuq, il-kundizzjoni tal-esponiment dirett għall-kompetizzjoni stabbilita fl-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/25/UE jenħtieġ li titqies bħala li ma ġietx imħarsa fir-rigward tal-provvista bl-imnut tal-gass għal klijenti kbar fit-territorju tar-Repubblika Ċeka.

IL-PROVVISTA BL-IMNUT TA' GASS NATURALI GĦAL KLIJENTI ŻGĦAR

(104)

Fir-rigward tal-provvista bl-imnut tal-gass għal klijenti żgħar fir-Repubblika Ċeka, is-sitwazzjoni tista' tinġabar fil-qosor kif ġej: hemm numru kbir ta' fornituri attivi fil-livell nazzjonali; l-ishma mis-suq ikkombinati tal-akbar tliet kumpaniji tal-provvista bl-imnut huma pjuttost għolja (69 %), madanakollu l-ewwel u t-tielet atturi tas-suq mhumiex soġġetti għar-regoli tal-akkwist; il-livell ta' qlib jidher sodisfaċenti; ma jidher li hemm l-ebda kontroll tal-prezzijiet tal-utent aħħari, u l-likwidità fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa ma tidhirx li tikkostitwixxi ostaklu biex il-provvista bl-imnut tal-gass tkun soġġetta għal esponiment dirett għall-kompetizzjoni.

(105)

Fid-dawl tal-fatturi eżaminati hawn fuq, il-kundizzjoni tal-esponiment dirett għall-kompetizzjoni stabbilita fl-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/25/UE jenħtieġ li titqies bħala li ma ġietx imħarsa fir-rigward tal-provvista bl-imnut tal-gass għal klijenti żgħar fit-territorju tar-Repubblika Ċeka.

4.3.   KONKLUŻJONI

(106)

Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq is-sitwazzjoni legali u fattwali min-Novembru 2016 sa April 2018 kif jidher mill-informazzjoni sottomessa mill-Applikant, u r-Rapporti Nazzjonali ta' ERO. Jekk il-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE ma jibqgħu jiġux mħarsa, jaf tiġi riveduta, wara bidliet sinifikanti fis-sitwazzjoni legali u fattwali.

(107)

Minħabba li s-servizzi relatati mal-provvista bl-imnut tal-elettriku (124) jenħtieġ li jkomplu jkunu soġġetti għad-Direttiva 2014/25/UE, huwa mfakkar li l-kuntratti ta' akkwist pubbliku li jkopru diversi attivitajiet jenħtieġ li jiġu trattati f'konformità mal-Artikolu 6 ta' dik id-Direttiva. Dan ifisser li, meta entità kontraenti tkun involuta f'akkwist “imħallat”, jiġifieri akkwist użat biex jingħata appoġġ lill-prestazzjoni kemm tal-attivitajiet eżentati mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/25/UE kif ukoll tal-attivitajiet li mhumiex eżentati, iridu jitqiesu l-attivitajiet li għalihom huwa intenzjonat prinċipalment il-kuntratt. F'każ ta' tali akkwist imħallat, fejn l-għan huwa prinċipalment l-appoġġ tal-attivitajiet li mhumiex eżentati, għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/25/UE. Meta jkun oġġettivament impossibbli li wieħed jiddetermina għal-liema attività huwa prinċipament intiż il-kuntratt, il-kuntratt għandu jingħata f'konformità mar-regoli stipulati fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2014/25/UE.

(108)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv dwar l-Akkwist Pubbliku,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2014/25/UE ma għandhiex tapplika għal kuntratti mogħtija minn entitajiet kontraenti u intiżi biex jippermettu t-twettiq tal-attivitajiet li ġejjin fit-territorju tar-Repubblika Ċeka:

(a)

il-provvista bl-imnut tal-gass naturali lil klijenti kbar;

(b)

il-provvista bl-imnut tal-gass naturali lil klijenti żgħar.

Artikolu 2

Id-Direttiva 2014/25/UE għandha tkompli tapplika għall-kuntratti mogħtija minn entitajiet kontraenti u intiżi biex jippermettu t-twettiq tal-attivitajiet li ġejjin barra mit-territorju tar-Repubblika Ċeka:

(a)

il-provvista bl-imnut tal-elettriku lil klijenti kbar;

(b)

il-provvista bl-imnut tal-elettriku lil klijenti żgħar.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ċeka.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Lulju 2018.

Għall-Kummissjoni

Elżbieta BIEŃKOWSKA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243.

(2)  It-terminu “Uffiċċju” hawnhekk ifisser l-NCA.

(3)  Rapport minn Charles River and Associates tad-9 ta' Ottubru 2016 imsejjaħ “An Economic Assessment of the Extent of Competition on the Czech Markets for Retail supply of Electricity and Gas”.

(4)  Id-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55).

(5)  Id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 94).

(6)  Disponibbli fuq https://www.zakonyprolidi.cz/cs/2000-458 u http://aplikace.mvcr.cz/sbirka-zakonu/SearchResult.aspx?q=458/2000&typeLaw=zakon&what=Cislo_zakona_smlouvy

(7)  388 liċenzja mogħtija għan-negozjar tal-elettriku u 229 liċenzja għan-negozjar tal-gass, (ara t-tweġiba tal-Applikant tat-12 ta' April 2018 għat-Talba għall-informazzjoni tal-Kummissjoni RFI tal-21 ta' Diċembru 2017, p. 1).

(8)  71 fornitur attiv fil-provvista bl-imnut tal-elettriku u 68 fornitur attiv fil-provvista bl-imnut tal-gass (ara t-tweġiba tal-Applikant tat-12 ta' April 2018 għall-RFI tal-Kummissjoni tal-21 ta' Diċembru 2017, p. 1).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).

(10)  Is-Sentenza tas-27 ta' April 2016, Österreichische Post AG v. il-Kummissjoni, T-463/14, EU:T:2016:243, il-paragrafu 28.

(11)  Skont l-Applikant, fis-swieq soġġetti għal din it-Talba, ČEZ Prodej u Pražská plynárenská (“PP”) biss huma entitajiet kontraenti fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/25/UE u, għalhekk, soġġetti għar-regoli tal-akkwist pubbliku.

(12)  Il-Każ COMP M.3440 — EDP/ENI/GDP, il-premessa 56.

(13)  Ara l-Każ COMP/M.6225 Molaris/Commerz Real/RWE/Amprion, tat-23 ta' Awwissu 2011; COMP/M.5467 RWE/Essent, tat-23 ta' Ġunju 2009.

(14)  Ara l-Każijiet COMP/M.5512 Electrabel/E.ON, tas-16 ta' Ottubru 2009; COMP/M.5496 Vattenfall/Nuon Energy, tat-22 ta' Ġunju 2009.

(15)  Id-Deċiżjoni tal-NCA Ċek Nru ÚOHS-S0830/2015/KS-45620/2015/840/JMě tal-21 ta' Diċembru 2015, l-entità BOHEMIA ENERGY s.r.o./Europe Easy Energy a.s.; Id-Deċiżjoni tal-NCA Ċek Nru. ÚOHS-S0438/2016/KS-28103/2016/840/LBř tas-7 ta' Lulju 2016 fl-entità BOHEMIA ENERGY s. r. o./RIGHT POWER, a. s..

(16)  Ara r-Rapport tas-CRA, paġna 17, l-aħħar paragrafu.

(17)  […] informazzjoni kunfidenzjali

(18)  Ara r-Rapport tas-CRA, paġna 18, it-Tabella 3.

(19)  L-Applikant spjega li l-LDZs bdew bħala sit tal-produzzjoni ta' klijent industrijali kbir speċifiku li matul iż-żmien bidel is-sit tal-produzzjoni f'park industrijali li jinkludi l-faċilitajiet tal-produzzjoni tiegħu stess kif ukoll faċilitajiet tal-produzzjoni ta' klijenti industrijali kbar oħra li huma ospitati mill-klijent industrijali bis-sit tal-produzzjoni storiku.

(20)  M. 4180 Gaz de France/Suez, recital 63; M.3868 — DONG/Elsam/Energi E2, il-premessa 193 et seq.; M. 3440 — EDP/ENI/GDP il-premessa 215 et seq; M.5740 — Gazprom/A2 A/JOF, il-premessa 17 u seq.

(21)  M.4238 E ON/PP, il-premessa 16.

(22)  Id-Deċiżjoni tal-NCA Ċek Nru. ÚOHS-S0830/2015/KS-45620/2015/840/JMě tal-21 ta' Diċembru 2015, l-entità BOHEMIA ENERGY s.r.o./Europe Easy Energy a.s.; Id-Deċiżjoni tal-NCA Ċek Nru. ÚOHS-S0438/2016/KS-28103/2016/840/LBř tas-7 ta' Lulju 2016 fl-entità BOHEMIA ENERGY s. r. o./RIGHT POWER, a. s..

(23)  Dan is-suq ma jinkludix il-provvista lil impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-gass, li normalment jixtru l-gass direttament minn swieq spot tal-kambju tal-enerġija u li l-gass jiġi kkunsenjat lilhom permezz tax-xiri ta' kapaċità tal-pipeline tal-gass.

(24)  M. 5496 — Vattenfall/Nuon Energy, il-premessa 15 u seq., M. 7778 — Vattenfall/Engie/GASAG, il-premessa 37.

(25)  M.4238 E ON/PP, il-premessi 19 u 20.

(26)  Id-Deċiżjoni ta' Fużjoni UOHS-S492/2011/KS tal-NCA Ċeka.

(27)  Il-grupp ČEZ, il-grupp tal-elettriku Ċek preċedenti li għadu eżistenti u bħalissa huwa proprjetà tal-istat, huwa s-sid ta' ħamsa mit-tmien netwerks ta' distribuzzjoni tal-elettriku, żewġ netwerks ta' distribuzzjoni huma proprjetà ta' E.ON, filwaqt li l-kumpanija tad-distribuzzjoni tal-elettriku fiż-żona kapitali hija proprjetà ta' Prazska energetica a.s. (“PRE”) - kumpanija li hija proprjetà ta' EnBW u l-Belt ta' Praga u kkontrollata minn EnBW. Ara r-Rapport tas-CRA, il-paragrafu 2, p. 1.

(28)  Ara r-Rapport tas-CRA, it-Tabella 1, p. 6.

(29)  Ara r-Rapport tas-CRA, it-Tabella 8, p. 23.

(30)  Ara r-Rapport tas-CRA, it-Tabella 9, p. 23-24.

(31)  M/3696 – E.ON/MOL (2005) il-premessi 138 u 140.

(32)  M.4238 E.ON/PP, il-premessa 16.

(33)  Il-Każ S830/2015/KS l-entità Bohemia Energy s.r.o./Europe Easy Energy a.s; S713/2016/KS l-entità Bohemia Energy s.r.o/X Energie s.r.o.

(34)  Ir-Rapport Nazzjonali tal-ERO għall-2016, jindika li fl-2016, 98 kummerċjant attiv kienu qed ifornu l-gass lil klijenti fir-Repubblika Ċeka. (https://www.eru.cz/documents/10540/488714/NR_ERU_2016/3e05aa8c-0a79-4c3c-9389-6d0c3c313e1e).

(35)  Ara r-Rapport tas-CRA, il-paragrafu 2, p. 1.

(36)  Ara r-Rapport tas-CRA, paġna 31, it-Tabella 17.

(37)  Dan ifisser, […] % għal RWE u […] % kemm għal PP kif ukoll għal E.ON (ara r-Rapport tas-CRA, il-paġna 22, it-Tabella 7). Madanakollu, skont data aktar riċenti, fl-2016, RWE kellha […] %; PP […] % u E.ON […] % tas-suq għal klijenti kbar (ara t-tweġiba tal-Applikant tat-12 ta' April 2018 għall-RFI tal-Kummissjoni tal-21 ta' Diċembru 2017, p. 16).

(38)  Ara r-Rapport tas-CRA, it-Tabella 18, p. 33.

(39)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/141/KE tas-26 ta' Frar 2007 li tistabbilixxi li l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/17/KE li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali japplika għall-provvista tal-elettriku u l-gass fl-Ingilterra, fl-Iskozja u f'Wales (ĠU L 62, 1.3.2007, p. 23) u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1674 tal-15 ta' Settembru 2016 li teżenta l-provvista bl-imnut ta' elettriku u gass fil-Ġermanja mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 253, 17.9.2016, p. 6).

(40)  Is-suq upstream li jikkonċerna l-bejgħ bl-imnut tal-elettriku ma ġiex investigat f'Deċiżjonijiet preċedenti skont l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE, minħabba li s-sitwazzjoni kompetittiva f'dawn is-swieq upstream ma qajmitx tħassib fil-livell downstream.

(41)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1674, il-premessa 37 u d-deċiżjonijiet ċitati.

(42)  Ara r-Rapport tas-CRA, it-Tabella 3, p. 18 u t-Tabella 6, p. 21.

(43)  Ara t-Talba, p. 32. it-Tabella 3.

(44)  Għal klijenti industrijali kbar, jekk l-operaturi tal-LDZ jiġu inklużi, is-sehem mis-suq ta' ČEZ Prodej jiżdied minn […] % għal […] % (ara t-tweġiba tal-1 ta' Awwissu 2017 għall-RFI tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ġunju 2017, it-Tabella 2, p. 8).

(45)  B'paragun ma' dan, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1674 sabet li l-ishma mis-suq ikkombinati tal-erba' bejjiegħa bl-imnut tal-elettriku fil-Ġermanja kien ta' 33 % fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/403/UE tal-14 ta' Lulju 2010 li teżenta l-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fil-Makro Żona Tramuntana fl-Italja u l-bejgħ bl-imnut tal-elettriku lil klijenti finali mqabbdin mal-grid ta' vultaġġ medju, għoli u għoli ħafna fl-Italja, mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (ĠU L 186, 20.7.2010, p. 44) rigward l-Italja, l-ishma mis-suq ikkombinati tal-akbar tliet bejjiegħa bl-imnut tal-elettriku instab li kien ta' 43,89 %. Fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/422/KE tad-19 ta' Ġunju 2006 li tistabbilixxi li l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta' l-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali japplika għall-produzzjoni u l-bejgħ ta' l-elettriku fil-Finlandja, ħlief għall-Gżejjer Ðland (ĠU L 168, 21.6.2006, p. 33), rigward il-Finlandja, dan is-sehem mis-suq kien bejn 35 u 40 %.

(46)  HHI - l-indiċi Herfindahl-Hirschmann.

(47)  Ara t-Talba, paġna 7.

(48)  Għall-klijenti żgħar, ara t-Tabella 10 tat-tweġiba tal-Applikant tal-10 ta' Mejju 2017 lill-RFI tal-Kummissjoni tal-21 ta' April 2017.

(49)  Ara r-Rapport tas-CRA, it-Tabella 3, p. 18 flimkien mat-Tabella 8, p. 23.

(50)  Ara t-Talba, it-Tabella 3, p. 32.

(51)  Ara l-Opinjoni tal-NCA, p. 2.

(52)  Ara r-Rapport tas-CRA, it-Tabella 8, p. 23.

(53)  B'paragun ma' dan, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1674 sabet li l-ishma mis-suq ikkombinati tal-akbar erba' bejjiegħa bl-imnut tal-elettriku fil-Ġermanja kien ta' 36 %. Fid-Deċiżjoni 2006/422/KE rigward il-Finlandja, dan is-sehem tas-suq kien bejn 35 % u 40 %.

(54)  Ara l-preżentazzjoni tas-CRA għad-DĠ COMP tad-9 ta' Ġunju 2017.

(55)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1674.

(56)  Ara t-Talba, it-Tabella 12, p. 58. Il-perċentwali huma kkalkulati f'termini ta' punti ta' twassil.

(57)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1674, il-Premessa 39.

(58)  Id-Deċiżjoni 2010/403/UE, il-premessa 18.

(59)  Ara r-Rapport tas-CRA, p. 43.

(60)  Ara t-Talba, it-Tabella 13, p. 59. Il-perċentwali huma kkalkulati f'termini ta' punti ta' twassil.

(61)  Ara r-Rapport tas-CRA, p. 49.

(62)  Ara l-Opinjoni tal-NCA, p. 2, l-aħħar paragrafu.

(63)  Ara l-Opinjoni tal-NCA tal-14 ta' Ġunju 2017, p. 3, il-paragrafi 3 u 4.

(64)  Ir-Rapport Annwali ta' ACER/CEER dwar ir-Riżultati tal-Monitoraġġ tas-Swieq Interni tal-Elettriku u l-Gass fl-2015 ta' Novembru 2016, paġna 66. https://www.acer.europa.eu/Official_documents/Acts_of_the_Agency/Publication/ACER_Market_Monitoring_Report_2015.pdf

(65)  Il-medja ta' ħames snin ta' qlib estern fir-Repubblika Ċeka hija aktar baxxa milli fil-Ġermanja, fl-Iżvezja, fil-Finlandja, u fil-Gran Brittanja.

(66)  Ir-Rapport Nazzjonali tal-ERO tal-2015, p. 21. (https://www.eru.cz/documents/10540/488714/NR_ERU_2015.pdf/e6ca9e45-17c6-4f48-9561-8f0ef0d6af29), ir-Rapport Nazzjonali tal-ERO tal-2016, p. 25.

(67)  Ir-Rapport Nazzjonali tal-ERO tal-2016, p. 25.

(68)  B'mod aktar preċiż, kważi […] TWh minn ġenerazzjoni elettrika grossa ta' madwar […] TWh (Ara t-tweġiba tal-Applikant tal-10 ta' Mejju 2017 għall-RFI tal-Kummissjoni tal-21 ta' April 2017, paġna 1, it-Tabella 1). L-ERO jirrapporta li fl-2016, il-ġenerazzjoni elettrika grossa kienet tammonta għal 83,3 TWh.

(69)  Minkejja dan kien mistenni li, wara l-aħbar tal-bejgħ tal-impjant tal-faħam Pocerady tal-grupp ČEZ (1 000 MW) lil Czech Coal, is-sehem mis-suq ta' Severní Energetická (sussidjarju ta' Czech Coal) se jikber bi ftit.

(70)  Ara t-tweġiba tal-Applikant tal-1 ta' Awwissu 2017 għall-RFI tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ġunju 2017.

(71)  Ara Platts Power in Europe, Ħarġa 753, it-3 ta' Lulju 2017, p. 15.

(72)  F'Marzu 2017, il-grupp ČEZ ippreveda żieda fil-ġenerazzjoni tal-enerġija tiegħu fl-2018 għal 66 Twh minn 59 Twh fl-2015 – ara Platts Power in Europe, ħarġa 722 (it-28 ta' Marzu 2016), paġna 15.

(73)  Dan is-suq tal-materja prima jiffoka aktar fuq il-kummerċ domestiku milli dak internazzjonali.

(74)  Fil-biċċa l-kbira, l-Iskambju tal-Enerġija Ewropea f'Leipzig (EEX).

(75)  Ir-Rapport Nazzjonali ta' ERO tal-2015, p. 17, 18.

(76)  L-NCA, fl-Opinjoni tagħha, tressaq l-istess argument.

(77)  Ara t-tweġiba tal-Applikant tat-28 ta' Marzu 2017 għall-RFI tal-Kummissjoni tal-24 ta' Marzu 2017.

(78)  Iċ-ċifri rrapportati mill-Applikant abbażi taċ-ċifri mill-OTE.

(79)  L-evoluzzjoni ta' volumi b'senserija fi Trayport – OTC matul is-snin preċedenti kienet din li ġejja: […] TWh fl-2008; […] TWh fl-2009; […] TWh fl-2010; […] TWh fl-2011; […] TWh fl-2012; […] TWh fl-2013; […] TWh fl-2014 u […] TWh fl-2015. Ara t-tweġiba tal-Applikant tal-10 ta' Mejju 2017 għall-RFI tal-Kummissjoni tat-3 ta' Mejju 2017.

(80)  Ara d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1674.

(81)  […] TWh fl-2016 meta mqabbel ma' […] TWh fl-2008 – ara t-tweġiba tal-Applikant tal-10 ta' Mejju 2017 għall-RFI tal-Kummissjoni tat-3 ta' Mejju 2017, it-Tabella 5, p. 4.

(82)  Fil-PXE, jiġu nnegozjati prodotti finanzjarji biss jiġifieri mingħajr l-opzjoni ta' provvista fiżika.

(83)  Madwar 2,6 TWh skont ir-rapport Annwali tal-2015 ta' Kladno (disponibbli biċ-Ċek fuq: https://www.cmkbk.cz/zpravy/vz2015/#6/z, p. 6).

(84)  Madwar […] TWh. Ara t-Tabella 5, paġna 4 tat-tweġiba tal-Applikant tal-10 ta' Mejju 2017 għall-RFI tal-Kummissjoni tal-21 ta' April 2017.

(85)  L-Applikant ma ssottomettiex il-volumi tal-elettriku fornuti skont ftehimiet ta' kooperazzjoni jew bejgħ bilaterali dirett (mingħajr sensar) bir-raġunament li dawn ma jafux bihom. Il-kalkoli ta' hawn fuq ma kinux jinkludu data mill-pjattaformi OTC.

(86)  Ara paġna 10 (it-tweġiba għal Mistoqsija 9) tat-tweġiba tal-Applikant tas-16 ta' Frar 2017 għall-RFI tal-Kummissjoni tal-31 ta' Jannar 2017.

(87)  Ara diversi rapporti u studji ppubblikati mit-TSO Ċek Ceps, a.s. (www.ceps.cz) dwar loop-flows fir-reġjun.

(88)  Ara wkoll ir-Rapport Annwali tal-ERO tal-2016.

(89)  Ara t-tweġiba tal-Applikant tal-1 ta' Awwissu 2017 u l-Annessi tagħha, għall-RFI tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ġunju 2017.

(90)  Il-kapaċità kummerċjali fil-fruntiera ta' bejn ir-Repubblika Ċeka u l-Ġermanja (fid-direzzjoni mill-Ġermanja għar-Repubblika Ċeka), disponibbli fis-suq ta' jum bil-quddiem waqgħet minn […] MWh fl-2014 għal […] MWh fl-2016 (ċifri proċessati abbażi tal-Anness 8 tat-tweġiba tal-Applikant tal-1 ta' Awwissu 2017 għall-RFI tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ġunju 2017).

(91)  Ara r-rapport ta' ACER dwar is-swieq tal-Elettriku u l-gass għall-2016 (http://www.acer.europa.eu/Official_documents/Acts_of_the_Agency/Publication/ACER%20Market%20Monitoring%20Report%202016%20-%20ELECTRICITY.pdf).

(92)  Ara p. 10 (tweġiba għall-Mistoqsija 9) tat-tweġiba tal-Applikant tas-16 ta' Frar 2017 għall-RFI tal-Kummissjoni tal-31 ta' Jannar 2017.

(93)  It-taxxi jammontaw għal 18 % tal-prezz.

(94)  Ara r-Rapport Nazzjonali ta' ERO għall-2016, il-Grafika 8, p. 20.

(95)  L-unika eċċezzjoni għal din ir-regola hija l-prezz tal-elettriku fornut mill-fornitur tal-aħħar istanza, li huwa marġinali fir-Repubblika Ċeka.

(96)  Ara http://ec.europa.eu/eurostat/web/energy/data/database

(97)  Għall-iskop ta' dan il-kalkolu tal-prezz, l-Applikant jiddefinixxi lil klijenti industrijali kbar bħala klijenti b'konsum ta' bejn 2 000 u 20 000 MWh.

(98)  Għall-iskop ta' dan il-kalkolu tal-prezz, l-Applikant jiddefinixxi lill-klijenti tal-unitajiet domestiċi bħala klijenti b'konsum ta' bejn 2 500 u 5 000 kWh.

(99)  Ara r-Rapport tas-CRA, p. 41 u p. 42.

(100)  It-Taqsima 5.2 tat-Talba, p. 37, l-aħħar paragrafu.

(101)  Pereżempju, f'suq ologopolistiku bil-kompetizzjoni ta' Cournot jista' jintwera li l-Indiċi aggregat ta' Lerner tas-saħħa tas-suq (il-perċentwal tal-prezz mhux iddedikat għall-kopertura tal-ispejjeż marġinali, magħruf ukoll bħala valwazzjoni pożittiva) huwa relatat b'mod invers mal-elastiċità tad-domanda u relatat b'mod dirett mal-indiċi HHI tal-konċentrazzjoni (ara pereżempju l-Kapitolu 4 f'Vives, 1999, “Oligopoly Pricing: Old Ideas and New Tools”, l-Istamperija MIT). Dan ifisser li, jekk ma jinbidel xejn, is-swieq b'konċentrazzjoni ogħla (elastiċità ogħla) juru valwazzjonijiet pożittivi ogħla (aktar baxxi). Dan jimplika wkoll li suq ikkonċentrat ħafna A jista' juri prezzijiet aktar baxxi (u minkejja dan valwazzjoni pożittiva ogħla) minn suq anqas ikkonċentrat B jekk, pereżempju, l-ispejjeż marġinali f'A jkunu żgħar biżżejjed meta mqabbla ma' B. L-istess riżultat japplika għal kombinazzjonijiet alternattivi oħra ta' spejjeż marġinali relattivi u elastiċitajiet tad-domanda bejn A u B, inklużi kombinazzjonijiet li jixbhu karatteristiċi reali tas-suq Ċek u dak Ġermaniż. Għalhekk, dawn il-kontroeżempji jissuġġerixxu li minn sempliċi paragun ta' prezzijiet osservati, u mingħajr ma jitqiesu fatturi oħra, jista' ma jkunx possibbli li wieħed jinferixxi b'mod mhux ambigwu li suq wieħed huwa aktar kompetittiv minn ieħor.

(102)  Kalkolu tal-Kummissjoni bbażat fuq id-data tal-Eurostat. (Ref. Tabelli: nrg_pc_204 u nrg_pc_205).

(103)  Ara r-rapport tal-Monitoraġġ tas-Suq tal-ACER għall-2015– Is-swieq tal-bejgħ bl-imnut tal-elettriku u tal-gass – p. 44, nota f'qiegħ il-paġna 107. https://www.acer.europa.eu/Official_documents/Acts_of_the_Agency/Publication/ACER%20Market%20Monitoring%20Report%202015%20-%20ELECTRICITY%20AND%20GAS%20RETAIL%20MARKETS.pdf

(104)  Ara r-Rapport Nazzjonali ta' ERO għall-2016, p. 42.

(105)  L-ispejjeż totali huma komposti mill-ispiża assoċjata mal-ispiża tal-liċenzjar u operazzjonali (spejjeż ta' kummerċjalizzazzjoni, tas-servizz tal-klijenti, eċċ).

(106)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1674, il-premessa 37 u d-deċiżjonijiet ċitati.

(107)  Ara r-Rapport Nazzjonali ta' ERO għall-2016, p. 43.

(108)  L-ishma mis-suq f'din il-premessa jirreferu għall-provvista globali bl-imnut ta' gass (lil klijenti kbar u lil klijenti żgħar).

(109)  Ikkalkulat abbażi tat-Tabella 1, paġna 16 tat-tweġiba tal-Applikant tat-12 ta' April 2018 għall-RFI tal-Kummissjoni tal-21 ta' Diċembru 2017.

(110)  Ara t-Talba, p. 70.

(111)  Ara t-Talba, p. 68.

(112)  Ikkalkulat abbażi tat-Tabella 2, paġna 16 tat-tweġiba tal-Applikant tat-12 ta' April 2018 għall-RFI tal-Kummissjoni tal-21 ta' Diċembru 2017.

(113)  Ara r-Rapport Nazzjonali ta' ERO għall-2016, it-Tabella 9, p. 43.

(114)  Ara t-Talba, p. 73.

(115)  Barra mill-ingrossa u l-importazzjonijiet, fl-2017, ir-Repubblika Ċeka pproduċiet 1 TWh ta' gass.

(116)  Ara r-Rapport Nazzjonali ta' ERO għall-2016, p. 39.

(117)  Ara http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/File:Number_of_entities_bringing_natural_gas_into_the_country-T1.png

(118)  Ara r-Rapport Nazzjonali ta' ERO għall-2016, p. 39.

(119)  88 TWh tal-gass ikkunsmat fl-2016 minn 93 TWh tal-volum tal-gass innegozjat fil-livell tal-bejgħ bl-ingrossa.

(120)  Ara r-Rapport Nazzjonali ta' ERO għall-2016, p. 32.

(121)  L-unika eċċezzjoni għal din ir-regola huwa l-prezz tal-gass fornut mill-fornitur tal-aħħar istanza, li skont it-Talba (paragrafu 3, p. 76) s'issa għadu ma ntużax fir-Repubblika Ċeka.

(122)  Ibbażat fuq http://appsso.eurostat.ec.europa.eu/nui/submitViewTableAction.do

(123)  Għal klijenti żgħar, ara t-Tabella 10 tat-tweġiba tal-Applikant tal-10 ta' Mejju 2017 għall-RFI tal-Kummissjoni tal-21 ta' April 2017.

(124)  Il-provvista bl-imnut tal-elettriku lil klijenti kbar u lil klijenti żgħar.