16.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 178/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE, Euratom) 2018/994

tat-13 ta' Lulju 2018

li temenda l-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b'vot universali dirett, anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom tal-20 ta' Settembru 1976

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 223(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Parlament Ewropew,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxi f'konformità ma' proċedura leġislattiva speċjali,

Billi,

(1)

L-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b'vot universali dirett (2) (“l-Att Elettorali”), anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom (3), daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1978 u sussegwentement ġie emendat bid-Deċiżjoni 2002/772/KE, Euratom (4).

(2)

Għandhom isiru għadd ta' emendi lill-Att Elettorali.

(3)

Bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009, il-Kunsill għandu jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b'vot universali dirett f'konformità ma' proċedura leġislattiva speċjali.

(4)

It-trasparenza tal-proċess elettorali u l-aċċess għal informazzjoni affidabbli huma importanti għas-sensibilizzazzjoni politika Ewropea u biex tiġi żgurata parteċipazzjoni elettorali sostanzjali, u huwa xieraq li ċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu infurmati ferm qabel l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew dwar il-kandidati li joħorġu għal dawk l-elezzjonijiet u dwar l-affiljazzjoni tal-partiti politiċi nazzjonali ma' partit politiku Ewropew.

(5)

Sabiex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-votanti f'elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u biex jittieħed vantaġġ b'mod sħiħ tal-possibilitajiet offruti mill-iżviluppi teknoloġiċi, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu l-possibilitajiet ta', fost l-oħrajn, votazzjoni minn qabel, votazzjoni bil-posta, u votazzjoni elettronika u fuq l-Internet, waqt li jiżguraw b'mod partikolari l-affidabbiltà tar-riżultat, is-segretezza tal-vot u l-protezzjoni tad-data personali, f'konformità mad-dritt applikabbli tal-Unjoni.

(6)

Iċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom id-dritt li jipparteċipaw fil-ħajja demokratika tagħha, b'mod partikolari, billi jivvutaw jew joħorġu bħala kandidati f'elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew.

(7)

L-Istati Membri huma mħeġġa jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu lil dawk fost iċ-ċittadini tagħhom li huma residenti f'pajjiżi terzi biex jivvutaw f'elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew.

(8)

Jenħtieġ għalhekk li l-Att Elettorali jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Att Elettorali huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 1

1.   F'kull Stat Membru, il-membri tal-Parlament Ewropew għandhom ikunu eletti bħala rappreżentanti taċ-ċittadini tal-Unjoni abbażi ta' rappreżentanza proporzjonali, bl-użu tas-sistema ta' lista jew tal-vot wieħed trasferibbli.

2.   L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw votazzjoni bbażata fuq sistema ta' lista preferenzjali bi qbil mal-proċedura li huma jadottaw.

3.   L-elezzjonijiet għandhom ikunu b'vot universali dirett u għandhom ikunu ħielsa u sigrieti.”;

(2)

L-Artikolu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 3

1.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limitu minimu għall-allokazzjoni ta' siġġijiet. Fil-livell nazzjonali, dan il-limitu ma jistax jeċċedi 5 fil-mija tal-voti validi mitfugħa.

2.   L-Istati Membri fejn tintuża s-sistema tal-lista għandhom jistabbilixxu limitu minimu għall-allokazzjoni ta' siġġijiet għal kostitwenzi li fihom aktar min 35 siġġu. Dan il-limitu ma għandux ikun anqas minn 2 fil-mija, u ma għandux jeċċedi l-5 fil-mija, tal-voti validi mitfugħa fil-kostitwenza kkonċernata, inkluż Stat Membru b'kostitwenza waħda.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mal-obbligu stipulat fit-tieni paragrafu mhux aktar tard milli jkun f'waqtu għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew li jsegwu dawk li jseħħu l-ewwel wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2018/994 (*1).

(*1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2018/994 tat-13 ta' Lulju 2018 li temenda l-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b'vot universali dirett, anness mad-Deċiżjoni 76/787/KEFA, KEE, Euratom tal-20 ta' Settembru 1976 (ĠU L 178, 16.7.2018, p. 1).”;"

(3)

Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 3a

Fejn dispożizzjonijiet nazzjonali jistabbilixxu skadenza għas-sottomissjoni ta' kandidaturi għall-elezzjoni għall-Parlament Ewropew, dik l-iskadenza għandha tkun minn tal-anqas tliet ġimgħat qabel id-data stabbilita mill-Istat Membru rilevanti, skont l-Artikolu 10(1), biex isiru l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew.

Artikolu 3b

L-Istati Membri jistgħu jħallu li jintwera, fuq il-poloz tal-votazzjoni, l-isem jew il-logo tal-partit politiku Ewropew li għalih il-partit politiku nazzjonali jew il-kandidat individwali jkunu affiljati.”;

(4)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 4a

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu l-possibilitajiet ta' votazzjoni minn qabel, votazzjoni bil-posta, u votazzjoni elettronika u fuq l-Internet, f'elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Fejn jagħmlu dan, huma għandhom jadottaw miżuri suffiċjenti biex jiżguraw b'mod partikolari l-affidabbiltà tar-riżultat, is-segretezza tal-vot, u l-protezzjoni tad-data personali f'konformità mad-dritt applikabbli tal-Unjoni.”;

(5)

L-Artikolu 9 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 9

1.   Ħadd ma jista' jivvota aktar minn darba fi kwalunkwe elezzjoni ta' membri tal-Parlament Ewropew.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-votazzjoni doppja f'elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew tkun soġġetta għal pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi.”;

(6)

Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 9a

F'konformità mal-proċeduri elettorali nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu lil dawk fost iċ-ċittadini tagħhom li huma residenti f'pajjiżi terzi biex jivvutaw fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew.

Artikolu 9b

1.   Kull Stat Membru għandu jinnomina awtorità ta' kuntatt responsabbli għall-iskambju ta' data dwar votanti u kandidati mal-kontropartijiet tagħha fl-Istati Membri l-oħra.

2.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar id-dħul ta' votanti fir-reġistru elettorali u s-sottomissjoni ta' kandidaturi, l-awtorità msemmija fil-paragrafu 1 għandha, f'konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali, tibda tibgħat lil dawk il-kontropartijiet, mhux aktar tard minn sitt ġimgħat qabel l-ewwel jum tal-perijodu elettorali msemmi fl-Artikolu 10(1), id-data indikata fid-Direttiva tal-Kunsill 93/109/KE (*2) dwar ċittadini tal-Unjoni li, fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini, jkunu ddaħħlu fir-reġistru elettorali jew ikunu ħarġu bħala kandidati.

(*2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 93/109/KE tas-6 ta' Diċembru 1993 dwar arranġamenti dettaljati sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għal-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini tal-Unjoni li joqgħodu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini (ĠU L 329, 30.12.1993, p. 34)”."

Artikolu 2

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tkun soġġetta għall-approvazzjoni mill-Istati Membri skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill dwar it-tlestija tal-proċeduri meħtieġa għal dak il-għan.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum wara r-riċezzjoni tal-aħħar notifika msemmija fil-paragrafu 1. (5)

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Lulju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LÖGER


(1)  Approvazzjoni tal-4 ta' Lulju 2018 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 278, 8.10.1976, p. 5.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom tal-20 ta' Settembru 1976 (ĠU L 278, 8.10.1976, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom tal-25 ta' Ġunju u tat-23 ta' Settembru 2002 li temenda l-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rappreżentanti għall-Parlament Ewropew b'vot dirett universali, anness mad-Deċiżjoni 76/787/KEFA, KEE, Euratom (ĠU L 283, 21.10.2002, p. 1).

(5)  Id-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni ser tiġi pubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.