29.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 164/49


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/927

tas-27 ta' Ġunju 2018

li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/789 fir-rigward ta' miżuri li jimpedixxu l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tal-Xylella fastidiosa (Wells et al.)

(notifikata bid-dokument C(2018) 3972)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat it-Trattat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b'mod partikolari r-raba' sentenza tal-Artikolu 16(3) tiegħu,

Billi:

(1)

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/789 (2) ma għadux jgħodd għaliex iż-żoni kollha tat-trażżin tal-mard fit-tifsira tal-Artikolu 7(1) huma issa elenkati fl-Anness II ta' dik id-Deċiżjoni.

(2)

Fit-12 ta' Marzu 2018 l-awtoritajiet Taljani nnotifikaw tifqigħat tal-Xylella fastidiosa (Wells et al.) (minn hawn 'il quddiem “l-organiżmu speċifikat”) misjuba f'partijiet differenti taż-żona ta' lqugħ u b'mod partikolari għadd kbir ta' tifqigħat fl-aħħar strixxa b'tul ta' 20 km taż-żona infettata, ħdejn iż-żona ta' lqugħ, fin-Nofsinhar ta' Pulja (l-Italja). L-għadd ta' dawn it-tifqigħat wassal għall-konklużjoni li l-eradikazzjoni tal-organiżmu speċifikat ma għadhiex possibbli fiż-żona ta' lqugħ attwali. Barra minn hekk, minħabba d-dewmien sinifikanti fit-tneħħija tal-pjanti infettati mill-organiżmu speċifikat, u r-riskju ta' aktar tixrid lejn it-Tramuntana tar-reġjun tal-Pulja huwa għoli peress li ż-żoni ta' lqugħ ta' trażżin attwali ma għadhomx jissodisfaw il-funzjonijiet tagħhom

(3)

Fid-dawl ta' dawn l-iżviluppi, huwa xieraq li tiġi estiża ż-żona demarkata soġġetta għat-trażżin minflok ma ssir eradikazzjoni f'ċerti partijiet tat-territorju kkonċernat. Dan it-tkabbir għandu jsir mingħajr dewmien, meta wieħed iqis ir-riskju li jinxtered iżjed l-organiżmu speċifikat fil-kumplament tat-territorju tal-Unjoni li żdied mal-bidu tal-istaġun meta jibdew itiru l-insetti li jġorruh. Għalhekk, iż-żona meqjusa bħala infettata jenħtieġ li tiġi estiża biex tkopri lil dawk il-muniċipalitajiet tal-provinċji ta' Brindisi u Taranto fejn instabu t-tifqigħat tal-organiżmu speċifikat. Din tenħtieġ li tkopri wkoll parti mill-provinċja ta' Bari fejn x'aktarx li l-organiżmu diġà nfirex u hu stabbilit.

(4)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/789 hija emendata kif ġej:

(1)

It-tielet paragrafu tal-Artikolu 4(2) jitħassar.

(2)

Il-Parti A tal-Anness II tiġi emendata kif jidher fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Ġunju 2018.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/789 tat-18 ta' Mejju 2015 fir-rigward ta' miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tal-Xylella fastidiosa (Wells et al.) (ĠU L 125, 21.5.2015, p. 36).


ANNESS

Il-Parti A tal-Anness II tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/789 jinbidel b'dan li ġej:

“PARTI A

Iż-żona infettata fl-Italja

Iż-żona infettata tal-Italja tinkludi ż-żoni li ġejjin:

1.

Il-provinċja ta' Lecce

2.

Il-provinċja ta' Brindisi

3.

Il-muniċipalitajiet li jinsabu fil-provinċja ta' Taranto:

 

Avetrana

 

Carosino

 

Crispiano

 

Faggiano

 

Fragagnano

 

Grottaglie

 

Leporano

 

Lizzano

 

Manduria

 

Martina Franca

 

Maruggio

 

Monteiasi

 

Montemesola

 

Monteparano

 

Pulsano

 

Roccaforzata

 

San Giorgio Ionico

 

San Marzano di San Giuseppe

 

Sava

 

Statte

 

Taranto

 

Torricella

4.

Il-muniċipalitajiet li jinsabu fil-provinċja ta' Bari:

Locorotondo”.