26.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 161/37


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/909

tal-25 ta' Ġunju 2018

li tistabbilixxi sett komuni ta' regoli ta' governanza għall-proġetti PESCO

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 46(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2315 tal-11 ta' Diċembru 2017 li tistabbilixxi kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) u li tiddetermina l-lista ta' Stati Membri parteċipanti (1),

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-11 ta' Diċembru 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315.

(2)

L-Artikolu 4(2)(f) ta' dik id-Deċiżjoni jipprevedi li l-Kunsill jistabbilixxi sett komuni ta' regoli ta' governanza għall-proġetti, li l-Istati Membri parteċipanti li jkunu qed jieħdu sehem fi proġett individwali jistgħu jadattaw kif ikun meħtieġ għal dak il-proġett.

(3)

Kif speċifikat fil-premessa (5) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/340 (2), sabiex tiġi żgurata konsistenza l-implimentazzjoni tal-proġetti PESCO kollha ser tkun ibbażata fuq is-sett komuni ta' regoli ta' governanza għall-proġetti, inkluż, fost oħrajn, regoli dwar ir-rwol tal-osservaturi jekk ikun il-każ.

(4)

Skont il-paragrafu 12 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Marzu 2018 dwar pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tal-PESCO (3), is-sett komuni ta' regoli ta' governanza għall-proġetti jenħtieġ li jiġi adottat mill-Kunsill sa Ġunju 2018. Dan jenħtieġ li jipprovdi qafas li jiżgura implimentazzjoni koerenti u konsistenti tal-proġetti PESCO u jinkludi modalitajiet biex il-Kunsill jiġi infurmat regolarment dwar l-iżvilupp ta' proġetti individwali, f'konformità mal-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315, u biex jippermetti lill-Kunsill iwettaq is-sorveljanza neċessarja. F'dan ir-rigward, ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri parteċipanti, inkluż fost oħrajn, ir-rwol tal-Istati osservaturi jekk ikun il-każ, kif ukoll tas-segretarjat tal-PESCO li huwa pprovdut b'mod konġunt mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), inkluż l-Istat Maġġur tal-Unjoni Ewropea (EUMS), u l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA), jenħtieġ li jiġu speċifikati aktar. Jenħtieġ li dan il-qafas jipprovdi wkoll gwida ġenerali lill-parteċipanti fit-tfassil tal-arranġamenti adatti għall-ġestjoni ta' kull proġett, f'konformità mal-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315. F'dan il-kuntest, sa Ġunju 2018, il-Kunsill ser ukoll jerġa' lura għall-kwistjoni tal-funzjonijiet ta' koordinazzjoni tal-Istati Membri parteċipanti fl-ambitu tal-proġetti.

(5)

L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315 jipprevedi li s-SEAE, inkluż l-EUMS, u l-EDA għandhom jipprovdu konġuntament il-funzjonijiet neċessarji ta' segretarjat għall-PESCO, u jispeċifika aktar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet ta' dawn l-entitajiet fl-appoġġ tal-funzjonament tal-PESCO, inkluż tal-proġetti PESCO.

(6)

F'konformità mal-Artikolu 4(2)(g) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi, fi żmien debitu, il-kondizzjonijiet ġenerali li skonthom Stati terzi jistgħu eċċezzjonalment jiġu mistiedna jieħdu sehem fi proġetti individwali, f'konformità mal-Artikolu 9 b'mod partikolari l-Artikolu 9(1) tagħha u mal-paragrafu 13 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Marzu 2018.

(7)

Il-Kunsill għandu għalhekk jadotta Deċiżjoni li tistabbilixxi sett komuni ta' regoli ta' governanza għall-proġetti PESCO,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjoni

Għall-fini ta' din id-Deċiżjoni, “membri tal-proġett” għandha tfisser l-Istati Membri parteċipanti li qed jieħdu sehem f'proġett PESCO.

Artikolu 2

Informazzjoni u sorveljanza tal-Kunsill

1.   Sa Novembru ta' kull sena, il-Kunsill għandu jirrieżamina, u jaġġorna kif adatt, id-Deċiżjoni (PESK) 2018/340. Il-lista aġġornata tal-membri tal-proġett ta' kull proġett, li tikkonsisti minn dawk li ppreżentaw l-proposta għal proġett, kif ukoll dawk li ġew ammessi għall-proġett f'konformità mal-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315, għandha tiġi ppubblikata flimkien ma' tali Deċiżjoni tal-Kunsill aġġornata.

2.   Il-Kunsill għandu jiġi debitament infurmat mill-membri tal-proġett dwar l-iżvilupp tal-proġetti rispettivi ta' PESCO darba fis-sena. Għal dak l-għan, il-membri tal-proġett, permezz tal-koordinaturi tal-proġett, għandhom jirrapportaw lis-segretarjat tal-PESCO dwar il-progress miksub fil-proġetti PESCO rispettivi, bl-użu tal-mudell għad-deskrizzjoni ta' proġett PESCO imsemmi fil-paragrafu 11 tar-Rakomandazzjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Marzu 2018, permezz ta' spazju ta' ħidma elettroniku komuni. Dawn ir-rapporti għandhom jinkludu informazzjoni konsolidata dwar il-progress li jkun sar lejn l-implimentazzjoni tal-proġett, il-pjan direzzjonali, l-objettivi u l-passi ewlenin tiegħu, u l-kontribut tiegħu għat-twettiq tal-impenji aktar vinkolanti rilevanti. B'mod konsistenti mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (2013/488/UE (4), il-membri tal-proġett jistgħu jaqblu dwar il-klassifikazzjoni tal-partijiet rilevanti tal-informazzjoni li għandha tingħata.

Is-segretarjat tal-PESCO għandu joħroġ avviż dwar kuntratt, li jippermetti lill-koordinaturi tal-proġett sitt ġimgħat biex jirrappurtaw u għandhom jiġbru l-informazzjoni konsolidata tal-proġetti PESCO bil-ħsieb li jittrasmettuha lill-Kunsill. Fil-prinċipju, it-trasmissjoni lill-Kunsill għandha tippreċedi r-rapport annwali dwar il-PESCO ppreżentat mir-Rappreżentant Għoli b'kont meħud tal-paragrafi 14, 15 u 16 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Marzu 2018.

3.   Fuq talba mill-Kunsill, il-membri tal-proġett għandhom jipprovdu, permezz tal-koordinaturi tal-proġett, informazzjoni addizzjonali dwar proġetti speċifiċi, minbarra l-informazzjoni regolari msemmija fil-paragrafu 2.

4.   L-Istati Membri parteċipanti għandhom ukoll jipprovdu informazzjoni dwar il-kontribut individwali tagħhom għall-proġetti PESCO li jieħdu sehem fihom, permezz tal-Pjanijiet ta' Implimentazzjoni Nazzjonali tagħhom, li jridu jiġu aġġornati kull sena, kif xieraq, f'konformità mal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315.

5.   L-ispazju ta' ħidma elettroniku komuni għandu jintuża mill-koordinaturi tal-proġett biex jirrapportaw dwar progress rilevanti ieħor u bidliet li jikkonċernaw il-proġett inkluż id-dħul ta' membri ġodda tal-proġett u osservaturi u d-data tad-dħul tagħhom. L-ispazju ta' ħidma elettroniku komuni għandu jintuża b'tali mod li jiżgura trasparenza għall-Istati Membri kollha tal-informazzjoni pprovduta.

Artikolu 3

Segretarjat tal-PESCO

F'konformità mal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315, u sabiex iwettaq ir-responsabbiltajiet tiegħu, is-segretarjat tal-PESCO għandu:

(a)

jipprovdi punt uniku ta' kuntatt fil-qafas tal-Unjoni għall-kwistjonijiet kollha tal-PESCO;

(b)

jipprovdi punt uniku ta' kuntatt għaqll-Istati Membri parteċipanti wkoll bil-ħsieb li tinqasam l-informazzjoni rilevanti, permezz tal-użu ta' indirizz email funzjonali u spazju ta' ħidma elettroniku komuni. Is-segretarjat tal-PESCO għandu wkoll jiddistribwixxi d-dokumenti tiegħu permezz tal-ispazju ta' ħidma elettroniku komuni;

(c)

jipprovdi funzjonijiet ta' appoġġ u koordinament relatati mal-valutazzjoni tal-proposti għal proġetti PESCO, u jikkontribwixxi biex tiġi implimentata b'mod strutturat il-preżentazzjoni mill-Istati Membri parteċipanti tal-informazzjoni meħtieġa għall-valutazzjoni tal-proġetti kif ukoll għar-rappurtar lill-Kunsill;

(d)

jappoġġa lill-Istati Membri parteċipanti, fuq talba tagħhom, li jkun biħsiebhom jipproponu proġett meta huma jinfurmaw lill-Istati Membri parteċipanti l-oħra. F'konformità mal-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315, tali informazzjoni għandha tiġi ċċirkolata fi żmien debitu sabiex jinġabar appoġġ u biex l-Istati Membri parteċipanti interessati jingħataw l-opportunità jingħaqdu kollettivament mal-preżentazzjoni tal-proposta;

(e)

jappoġġa lill-membri tal-proġett meta jipprovdu aġġornamenti dwar il-proġetti rispettivi tagħhom fil-korpi preparatorji rilevanti tal-Kunsill u fil-qafas tal-EDA, kif adatt;

(f)

jibgħat talbiet li jaslu mill-membri tal-proġett lis-servizzi rilevanti fis-SEAE, inkluż l-EUMS, u lill-EDA, sabiex jappoġġaw il-proġetti rispettivi u l-implimentazzjoni tagħhom.

Artikolu 4

Membri tal-proġett

1.   F'konformità mal-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315, il-membri tal-proġett għandhom jaqblu bejniethom b'unanimitdwar l-arranġamenti u l-ambitu għall-kooperazzjoni tagħhom u għall-ġestjoni tal-proġett.

2.   Dawn l-arranġamenti jistgħu jinkludu l-kontributi neċessarji meħtieġa għal parteċipazzjoni fil-proġett u r-rekwiżiti tiegħu, il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet fi ħdan il-proġett, il-kondizzjonijiet biex wieħed joħroġ mill-proġett jew biex Stati Membri parteċipanti oħra jingħaqdu mal-proġett, u dispożizzjonijiet rigward l-istatus ta' osservatur. Dawn l-arranġamenti għandhom ikopru wkoll il-kwistjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7.

3.   F'konformità mal-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315, il-membri tal-proġett jistgħu jaqblu bejniethom b'unanimità li jdaħħlu lil Stati Membri parteċipanti oħra fil-proġett, fuq talba minn dawn tal-aħħar. Dawn għandhom jinfurmaw lill-Kunsill bid-dħul tal-membri l-ġodda.

4.   Il-membri tal-proġett jistgħu jaqblu bejniethom b'unanimità li ċerti deċiżjonijiet, bħal dawk relatati ma' kwistjonijiet amministrattivi, jittieħdu skont regoli differenti ta' votazzjoni.

5.   Il-membri tal-proġett għandhom jikkontribwixxu għall-proġett bir-riżorsi u l-għarfien espert tagħhom stess. Skont l-ambitu tal-proġett, kull membru tal-proġett għandu jiddetermina n-natura tal-kontribut, li jista' jinkludi riżorsi umani, riżorsi finanzjarji, għarfien espert, tagħmir jew kontributi in natura. Tali kontributi għandhom jappoġġaw il-ilħuq tal-objettiv tal-proġett u għandu jkollhom impatt fuq il-proġett.

6.   Il-membri tal-proġett għandhom jistinkaw biex ifasslu kull proġett b'tali mod li tiġi żgurata l-koerenza tal-prestazzjoni u tal-iskedi ta' żmien ma' proġetti PESCO oħra, u biex il-proġetti jkun koerenti ma' inizjattivi żviluppati f'oqfsa istituzzjonali rilevanti oħra, filwaqt li tiġi żgurata t-trasparenza u l-inklużività u tiġi evitata duplikazzjoni bla bżonn.

7.   F'konformità mal-impenji aktar vinkolanti li jkunu ħadu bħala Stati Membri parteċipanti, il-membri tal-proġett għandhom jimmiraw li jipprovdu forzi u kapaċitajiet li jistgħu jintużaw, b'mod partikolari li jkunu mgħammra sew, imħarrġa u interoperabbli, ikollhom l-istrutturi meħtieġa, fornimenti u partijiet ta' riżerva u li jistgħu jiġu skjerati biex jiġu eżegwiti u sostnuti l-operazzjonijiet.

8.   Kull membru ta' proġett għandu jaħtar punt nazzjonali ta' kuntatt għal kull proġett PESCO li jieħu sehem fih.

Artikolu 5

Koordinaturi ta' proġett

1.   Il-membri tal-proġett ta' kull proġett PESCO għandhom jidentifikaw u jaħtru bejniethom koordinatur wieħed tal-proġett jew aktar minn wieħed li għandhom iwettqu funzjonijiet ta' koordinazzjoni. Fil-prinċipju, l-inizjaturi ta' proġett jistgħu jeżerċitaw ir-rwol ta' koordinatur.

2.   B'mod partikolari, il-koordinaturi ta' proġett:

(a)

għandhom jaġġornaw tal-inqas darba fis-sena l-informazzjoni tal-proġett fi spazju ta' ħidma elettroniku komuni stabbilit mis-segretarjat tal-PESCO, abbażi tal-mudell għad-deskrizzjoni ta' proġett PESCO;

(b)

għandhom jiffaċilitaw il-kooperazzjoni fost il-membri tal-proġett, kif ukoll ma' koordinaturi ta' proġetti oħra fi proġetti PESCO rilevanti oħra, kif adatt, u jaġixxu bħala punt fokali għal mistoqsijiet relatati mal-proġett;

(c)

jistgħu jappoġġaw l-iżvilupp tal-arranġamenti li jirregolaw il-proġett imsemmija fl-Artikolu 4 kif ukoll id-dokumentazzjoni meħtieġa tal-proġett inkluż ir-rappurtar. Għal dak l-għan, il-koordinaturi tal-proġetti jistgħu jużaw l-għodod ta' appoġġ għall-ġestjoni ta' proġett offruti mill-Istati Membri parteċipanti fil-qafas tal-EDA;

(d)

għandhom jippromwovu, skont il-każ, li sforzi għall-kapaċitajiet żviluppati taħt il-proġett jimmiraw li jegħlbu n-nuqqasijiet ta' kapaċità identifikati fil-Pjan ta' Żvilupp tal-Kapaċitajiet u fir-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża, u jikkontribwixxu għat-twettiq tal-impenji aktar vinkolanti inkluż bil-ħsieb tal-missjonijiet l-aktar impenjattivi, u jikkontribwixxu għall-kisba tal-livell ta' ambizzjoni tal-Unjoni.

3.   Il-membri tal-proġett jistgħu jaqblu bejniethom dwar arranġamenti supplimentari dwar il-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet tal-koordinatur tal-proġett, filwaqt li jirriflettu l-ispeċifikazzjonijiet tal-proġett. B'mod partikolari, meta l-membri tal-proġett jaqblu li jassenjaw ir-rwol ta' koordinatur tal-proġett lil diversi membri, għandu jinżamm punt uniku ta' kuntatt mas-segretarjat tal-PESCO.

Artikolu 6

Osservaturi

1.   Il-membri tal-proġett jistgħu jaqblu bejniethom li jippermettu lil Stati Membri parteċipanti oħra jsiru osservaturi tal-proġett.

2.   L-Istati Membri parteċipanti jistgħu, fil-prinċipju, jsiru biss osservaturi soġġett għal kondizzjonijiet, inkluż rigward it-tul ta' żmien, li jiġi determinat mill-membri tal-proġett skont l-ispeċifiċità tal-proġett. Dawn il-kondizzjonijiet għandhom jingħataw mill-koordinaturi tal-proġett fuq talba.

3.   Il-membri tal-proġett jistgħu jaqblu bejniethom fuq arranġamenti speċifiċi dwar l-istatus ta' osservatur, filwaqt li jirriflettu l-pertikolaritajiet tal-proġett u l-istadji differenti tal-iżvilupp tiegħu.

4.   L-osservaturi ma għandu jkollhom l-ebda obbligu li jikkontribwixxu għal proġett bir-riżorsi u l-għarfien espert tagħhom stess. Huma jistgħu jaspiraw li jsiru membru tal-proġett fi stadju aktar tard mingħajr ma jittardjaw il-progress fl-implimentazzjoni tal-proġett.

Artikolu 7

Kwistjonijiet oħra koperti mill-arranġamenti tal-proġett

1.   L-arranġamenti li l-membri tal-proġett jistgħu jaqblu dwarhom bejniethom, fejn adatt bil-miktub, fi ħdan kull proġett PESCO, sabiex jiġi implimentat l-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315, jinkludu inter alia l-oqsma kollha li ġejjin jew ftit minnhom:

it-tħejjija, il-presidenza u l-koordinazzjoni tal-laqgħat tal-membri tal-proġett;

id-distribuzzjoni tar-rwoli u r-responsabbiltajiet fost il-membri tal-proġett;

stedina lill-Kummissjoni biex tiġi involuta, kif ikun adatt, fil-proċedimenti tal-proġett;

regoli dwar il-baġit u l-finanzi;

il-preżenza ta' osservaturi fil-proċedimenti tal-proġett;

ir-regoli li għandhom jiġu applikati fil-każ li membru tal-proġett jiddeċiedi li joħroġ mill-proġett, inkluż aspetti legali u finanzjarji, jew meta Stat Membru parteċipanti jfittex li jingħaqad mal-proġett;

l-identifikazzjoni ta' każijiet fejn l-appoġġ tas-SEAE, inkluż tal-EUMS, u tal-EDA, jista' jintalab mill-membri tal-proġett;

speċifikazzjonijiet, strateġija ta' akkwist, għażla ta' struttura ta' appoġġ għall-ġestjoni ta' proġett, u għażla ta' kumpanniji industrijali. F'dan ir-rigward, il-membri tal-proġett jistgħu jaqblu bejniethom li japplikaw l-għodod għall-ġestjoni ta' proġett li jintużaw mill-EDA, bħal arranġamenti relatati mal-proġett, il-miri komuni tal-persunal, ir-rekwiżiti komuni tal-persunal, jew argumenti għall-vijabbiltà.

2.   Il-membri tal-proġett jistgħu jaqblu bejniethom b'unanimità biex jieħdu deċiżjonijiet dwar il-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq f'konformità mal-Artikolu 4(4).

Artikolu 8

L-użu ta' forzi u kapaċitajiet żviluppati

Il-forzi u l-kapaċitajiet żviluppati fi ħdan proġett PESCO jistgħu jintużaw individwalment mill-membri tal-proġett jew kollettivament, kif adatt, fil-kuntest ta' attivitajiet imwettqa mill-Unjoni Ewropea kif ukoll min-NU, in-NATO jew oqfsa oħra.

Artikolu 9

Rieżami

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi riveduta sal-31 ta' Diċembru 2020.

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi adattata jekk ikun meħtieġ sabiex jitqiesu l-kondizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta' Stati terzi fi proġetti individwali, li jridu jiġu deċiżi mill-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 4(2)(g) u l-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-25 ta' Ġunju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  ĠU L 331, 14. 12. 2017, p. 57.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/340 tas-6 ta' Marzu 2018 li tistabbilixxi l-lista ta' proġetti li għandhom jiġu żviluppati taħt il-PESCO (ĠU L 65, 8.3.2018, p. 24).

(3)  ĠU C 88, 8. 3. 2018, p. 1.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).