26.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 161/27


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/907

tal-25 ta' Ġunju 2018

li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 33 u l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-13 ta' Novembru 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2071 (1) li taħtar lis-Sur Toivo KLAAR bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia. Il-mandat tar-RSUE jiskadi fit-30 ta' Ġunju 2018.

(2)

Jenħtieġ li l-mandat tar-RSUE jiġi estiż għal perijodu ulterjuri ta' 20 xahar.

(3)

Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat tiegħu fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJON:

Artikolu 1

Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

Il-mandat tas-Sur Toivo KLAAR bħala r-RSUE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia huwa estiż sad-29 ta' Frar 2020. Il-Kunsill jista' jiddeċiedi li l-mandat tar-RSUE jiġi terminat aktar kmieni, abbażi ta' valutazzjoni mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) u proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ).

Artikolu 2

Objettivi tal-politika

Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi ta' politika tal-Unjoni għall-Kawkasu tan-Nofsinhar, inklużi l-objettivi stabbiliti fil-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew li saret fi Brussell fl-1 ta' Settembru 2008 u fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Settembru 2008, kif ukoll dawk tas-27 ta' Frar 2012. Dawk l-objettivi jinkludu:

(a)

f'konformità mal-mekkaniżmi eżistenti, inklużi l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u l-Grupp ta' Minsk tagħha, il-prevenzjoni ta' konflitti fir-reġjun, il-kontribut għal soluzzjoni paċifika tal-konflitti fir-reġjun, inklużi l-kriżi fil-Georgia u l-konflitt f'Nagorno-Karabakh, permezz tal-promozzjoni tar-ritorn tar-refuġjati u tal-persuni spostati f'pajjiżhom u permezz ta' mezzi oħra adatti, u l-appoġġ għall-implimentazzjoni ta' tali soluzzjoni f'konformità mal-prinċipji tad-dritt internazzjonali;

(b)

l-involviment kostruttiv mal-atturi ewlenin interessati fir-rigward tar-reġjun;

(c)

l-inkoraġġiment u l-appoġġ ulterjuri għall-kooperazzjoni bejn l-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Georgia, u, kif adatt, il-pajjiżi ġirien tagħhom;

(d)

it-tisħiħ tal-effettività u l-viżibbiltà tal-Unjoni fir-reġjun.

Artikolu 3

Mandat

Sabiex jinkisbu l-objettivi ta' politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

(a)

jiżviluppa kuntatti mal-gvernijiet, il-parlamenti, atturi politiċi ewlenin oħra, il-ġudikatura u s-soċjetà ċivili fir-reġjun;

(b)

jinkoraġġixxi lill-pajjiżi fir-reġjun biex jikkooperaw dwar temi reġjonali ta' interess komuni, bħal theddid komuni għas-sigurtà, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, it-traffikar illeċitu u l-kriminalità organizzata;

(c)

jikkontribwixxi għas-soluzzjoni paċifika tal-konflitti f'konformità mal-prinċipji tad-dritt internazzjonali u jiffaċilita l-implimentazzjoni ta' tali soluzzjoni f'koordinazzjoni mill-qrib man-Nazzjonijiet Uniti, l-OSKE u l-Grupp ta' Minsk tagħha;

(d)

fir-rigward tal-kriżi fil-Georgia:

(i)

jgħin fit-tħejjija tad-diskussjonijiet internazzjonali li jsiru taħt il-punt 6 tal-pjan ta' soluzzjoni tat-12 ta' Awwissu 2008, id-Diskussjoni Internazzjonali ta' Ġinevra, u l-miżuri tiegħu ta' implimentazzjoni tat-8 ta' Settembru 2008, inkluż dwar arranġamenti għas-sigurtà u l-istabbiltà fir-reġjun, il-kwistjoni tar-refuġjati u ta' persuni spostati f'pajjiżhom, abbażi tal-prinċipji rikonoxxuti fil-livell internazzjonali, u kwalunkwe suġġett ieħor, bi qbil komuni bejn il-partijiet,

(ii)

jgħin biex tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-Unjoni u jirrappreżentaha, fil-livell tar-RSUE, fid-diskussjonijiet imsemmija fil-punt (i), u

(iii)

jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-pjan ta' soluzzjoni tat-12 ta' Awwissu 2008 u tal-miżuri tiegħu ta' implimentazzjoni tat-8 ta' Settembru 2008;

(e)

jiffaċilita l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' bini ta' fiduċja f'koordinazzjoni mal-kompetenza esperta tal-Istati Membri fejn disponibbli u adatt;

(f)

jassisti fit-tħejjija, kif adatt, tal-kontributi tal-Unjoni għall-implimentazzjoni ta' soluzzjoni possibbli tal-konflitt;

(g)

jintensifika d-djalogu tal-Unjoni mal-atturi ewlenin ikkonċernati fir-rigward tar-reġjun;

(h)

jassisti lill-Unjoni fl-iżvilupp ulterjuri ta' politika komprensiva lejn il-Kawkasu tan-Nofsinhar;

(i)

fil-qafas tal-attivitajiet stabbiliti f'dan l-Artikolu, jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-Linji Gwida tal-Unjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari fir-rigward tat-tfal u n-nisa f'żoni milquta minn konflitti, b'mod partikolari permezz tal-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-iżviluppi f'dan ir-rigward.

Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-mandat

1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat, taħt l-awtorità tar-RGħ.

2.   Il-KPS għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt primarju ta' kuntatt tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi lir-RSUE gwida strateġika u direzzjoni politika fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.

3.   Ir-RSUE għandu jaħdem f'koordinazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u d-dipartimenti rilevanti tiegħu.

Artikolu 5

Finanzjament

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE għall-perijodu mill-1 ta' Lulju 2018 sad-29 ta' Frar 2020 għandu jkun ta' EUR 4 340 000.

2.   In-nefqa għandha tiġi ġestita f'konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   Il-ġestjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli quddiem il-Kummissjoni għal kull nefqa.

Artikolu 6

Formazzjoni u kompożizzjoni tat-tim

1.   Fil-limiti tal-mandat tar-RSUE u l-mezzi finanzjarji korrispondenti li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-kostituzzjoni ta' tim. It-tim għandu jinkludi l-kompetenza esperta rigward kwistjonijiet speċifiċi ta' politika kif jirrikjedi l-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tat-tim.

2.   L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu l-issekondar ta' persunal mar-RSUE. Is-salarju ta' tali persunal issekondat għandu jkun kopert mill-Istat Membru, mill-istituzzjoni kkonċernata tal-Unjoni jew mis-SEAE, rispettivament. L-esperti ssekondati mill-Istati Membri mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mas-SEAE jistgħu wkoll jiġu assenjati biex jaħdmu mar-RSUE. Il-persunal internazzjonali b'kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru.

3.   Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa' taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru li jissekonda, tal-istituzzjoni tal-Unjoni li jissekonda, jew tas-SEAE u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.

4.   Il-persunal tar-RSUE għandu jitqiegħed fl-istess post li fih jinsabu d-dipartimenti rilevanti tas-SEAE jew id-delegazzjonijiet tal-Unjoni sabiex jiġu żgurati l-koerenza u l-konsistenza tal-attivitajiet rispettivi tagħhom.

Artikolu 7

Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u tal-persunal tar-RSUE

Il-privileġġi, l-immunitajiet u l-garanziji l-oħra meħtieġa għat-twettiq u l-funzjonament regolari tal-missjoni tar-RSUE u tal-membri tal-persunal tar-RSUE għandhom jiġu miftehmin mal-pajjiżi ospitanti, kif adatt. L-Istati Membri u s-SEAE għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan il-għan.

Artikolu 8

Sigurtà ta' informazzjoni klassifikata tal-UE

Ir-RSUE u l-membri tat-tim tar-RSUE għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards minimi ta' sigurtà stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (2).

Artikolu 9

Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku

1.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li r-RSUE jingħata aċċess għal kull informazzjoni rilevanti.

2.   Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni u/jew l-Istati Membri, kif adatt, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.

Artikolu 10

Sigurtà

F'konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta' persunal stazzjonat barra l-Unjoni f'kapaċità operattiva taħt it-Titlu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, skont il-mandat tar-RSUE u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fiż-żona ta' responsabbiltà, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tar-RSUE, b'mod partikolari billi:

(a)

jistabbilixxi pjan ta' sigurtà speċifiku għall-missjoni bbażat fuq gwida mis-SEAE, li jinkludi miżuri ta' sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni, li jirregola l-ġestjoni tal-moviment sigur tal-persunal lejn iż-żona ta' responsabbiltà u ġewwa fiha, kif ukoll il-ġestjoni ta' inċidenti ta' sigurtà u li jipprevedu pjan ta' kontinġenza u ta' evakwazzjoni;

(b)

jiżgura li l-persunal kollu stazzjonat barra l-Unjoni jkun kopert b'assigurazzjoni ta' riskju għoli, kif meħtieġ mill-kondizzjonijiet fiż-żona ta' responsabbiltà;

(c)

jiżgura li l-membri kollha tat-tim tar-RSUE li jiġu stazzjonati barra l-Unjoni, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu rċevew it-taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jaslu, jew kif jaslu, fiż-żona ta' responsabbiltà, abbażi tal-livelli tar-riskju assenjati lil dik iż-żona mis-SEAE;

(d)

jiżgura li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet miftehmin kollha li jkunu saru wara valutazzjonijiet regolari ta' sigurtà u jipprovdi lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta' sigurtà fil-qafas tar-rapport ta' progress u tar-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-mandat.

Artikolu 11

Rappurtar

Ir-RSUE għandu regolarment jipprovdi lir-RGħ u lill-KPS rapporti bil-miktub u bil-fomm. Ir-RSUE għandu jippreżenta wkoll rapport skont il-ħtieġa lill-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill. Ir-rapporti regolari għandhom jiġu ċċirkolati permezz tan-netwerk COREU. Ir-RSUE jista' jipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin. F'konformità mal-Artikolu 36 tat-Trattat, ir-RSUE jista' jkun involut fl-għoti ta' informazzjoni lill-Parlament Ewropew.

Artikolu 12

Koordinazzjoni

1.   Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-unità, il-konsistenza u l-effettività tal-azzjoni tal-Unjoni u għandu jgħin biex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni u l-azzjonijiet kollha tal-Istati Membri jkunu impenjati b'mod konsistenti, sabiex jinkisbu l-objettivi ta' politika tal-Unjoni. Għandhom jintalbu kuntatti mal-Istati Membri fejn xieraq. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma' dawk tal-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jipprovdi aġġornamenti regolari lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni.

2.   Fuq il-post għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni u mal-Kapijiet ta' Missjoni tal-Istati Membri. Dawn għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jassistu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE, f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni għall-Georgia, għandu jipprovdi gwida politika lokali lill-Kap tal-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea fil-Georgia (EUMM Georgia). Ir-RSUE u l-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-EUMM Georgia għandhom jikkonsultaw ma' xulxin skont in-neċessità. Ir-RSUE għandu wkoll iżomm kollegament ma' atturi internazzjonali u reġjonali oħrajn fuq il-post.

Artikolu 13

Assistenza rigward pretensjonijiet

Ir-RSUE u l-persunal tar-RSUE għandhom jassistu fil-provvediment ta' elementi b'rispons għal kwalunkwe pretensjoni u obbligu li jirriżultaw mill-mandati tar-Rappreżentanti Speċjali għall-Unjoni Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia preċedenti, u għandhom jipprovdu assistenza amministrattiva u aċċess għall-fajls rilevanti għal tali finijiet.

Artikolu 14

Reviżjoni

L-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma' kontributi oħra mill-Unjoni għar-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni rapport dwar il-progress sal-31 ta' Ottubru 2018 u rapport komprensiv dwar l-implementazzjoni tal-mandat sat-30 ta' Novembru 2019.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-25 ta' Ġunju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2071 tat-13 ta' Novembru 2017 li taħtar lir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia (ĠU L 295, 14.11.2017, p. 55).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli ta' sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).