18.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 123/115


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/743

tas-16 ta' Mejju 2018

dwar proġett pilota għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' kooperazzjoni amministrattiva deskritti fir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE (“ir-Regolament tal-IMI”) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Is-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (“IMI”) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 hija applikazzjoni tas-software aċċessibbli permezz tal-Internet, żviluppata mill-Kummissjoni f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, sabiex tgħin lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni prattika tar-rekwiżiti relatati mal-iskambju ta' informazzjoni stabbiliti fl-atti tal-Unjoni billi tipprovdi mekkaniżmu ċentrali ta' komunikazzjoni biex jiffaċilita l-iskambju transkonfinali ta' informazzjoni u assistenza reċiproka.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxi regoli relatati mal-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali, kif ukoll regoli relatati mal-moviment liberu tad-dejta personali. Jistabbilixxi proċeduri għall-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet superviżorji, u bejn l-awtoritajiet superviżorji u l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta (minn hawn 'il quddiem il-“Bord”), u fejn rilevanti, mal-Kummissjoni. L-IMI tista' tkun għodda effettiva fl-implimentazzjoni ta' dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni amministrattiva stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679. Għalhekk huwa meħtieġ li jitwettaq proġett pilota kif imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012.

(3)

F'dawk il-każijiet fejn l-Istati Membri jkunu ddeżinjaw, f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679, awtorità superviżorja biex tiffunzjona bħala punt ta' kuntatt uniku, tali punt ta' kuntatt għandu wkoll jitqies bħala awtorità kompetenti għall-iskopijiet ta' dan il-proġett pilota.

(4)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/679, li jiddeskrivu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji, il-Kummissjoni u l-Bord, jenħtieġ li l-IMI tipprevedi l-ħżin tad-dejta kollha rilevanti għall-iskambji ta' informazzjoni. Jenħtieġ li l-IMI tippermetti lill-awtoritajiet superviżorji biex jerġgħu jużaw din id-dejta għal kwalunkwe pproċessar sussegwenti fi skambji ta' informazzjoni skont l-Artikoli 56, 60 u 66 tar-Regolament (UE) 2016/679.

(5)

Jenħtieġ li l-IMI tipprevedi l-funzjonalità li tippermetti lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta biex jikkondividi d-dokumenti u l-informazzjoni skont il-punti (d) sa (k), (m) u (x) tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 li tkun meħtieġa biex jiġi żgurat proċessar koerenti u f'waqtu ta' każijiet.

(6)

F'konformità mal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012, il-Kummissjoni jenħtieġ li tippreżenta evalwazzjoni tal-eżitu tal-proġett pilota lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Huwa xieraq li tkun prevista data ta' skadenza għall-preżentazzjoni ta' din l-evalwazzjoni.

(7)

Ir-Regolament (UE) 2016/679 japplika mill-25 ta' Mejju 2018. Għalhekk jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika mill-istess data.

(8)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-proġett pilota

L-Artikoli 56, 60 u 66 u l-punti (d) sa (k), (m) u (x) tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 għandhom jiġu soġġetti għal proġett pilota biex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni amministrattiva stipulati f'dawk l-Artikoli permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (“IMI”).

Artikolu 2

Awtoritajiet kompetenti

Għall-finijiet tal-proġett pilota, l-awtoritajiet superviżorji msemmija fl-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2016/679 u l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta msemmi fl-Artikolu 68 tar-Regolament (UE) 2016/679 (“il-Bord”) għandhom jiġu kkunsidrati bħala awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 3

Kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet superviżorji

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 56 tar-Regolament (UE) 2016/679, l-IMI għandha, b'mod partikolari, tipprovdi l-funzjonalità teknika bażika li ġejja:

(a)

it-tnedija ta' konsultazzjoni biex tiġi ddeterminata l-awtorità superviżorja ewlenija u kwalunkwe awtoritajiet superviżorji kkonċernati oħra għal tip ta' pproċessar transkonfinali partikolari;

(b)

komunikazzjoni dwar l-intenzjoni tal-partiċipazzjoni f'konsultazzjoni taħt il-punt (a);

(c)

il-komunikazzjoni dwar l-intenzjoni li każ jinstema' lokalment;

(d)

il-komunikazzjoni dwar l-intenzjoni li awtorità ewlenija tittratta każ partikolari inkella le.

2.   Għall-finijiet tal-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) 2016/679, l-IMI għandha tipprevedi, b'mod partikolari, il-funzjonalità teknika bażika li ġejja:

(a)

il-komunikazzjoni u bidu ta' konsultazzjoni dwar abbozz ta' deċiżjoni;

(b)

il-komunikazzjoni u bidu ta' konsultazzjoni dwar abbozz ta' deċiżjoni rivedut;

(c)

il-komunikazzjoni ta' intenzjoni li sseħħ parteċipazzjoni fil-konsultazzjoni skont il-punti (a) u (b), inkluża l-komunikazzjoni tal-oġġezzjonijiet rilevanti u motivati;

(d)

il-komunikazzjoni ta' deċiżjoni adottata.

3.   Għall-finijiet tal-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) 2016/679, l-IMI għandha tipprevedi, b'mod partikolari, il-funzjonalità teknika bażika li ġejja:

(a)

it-talbiet għall-assistenza reċiproka minn awtorità superviżorja oħra fil-forma ta' informazzjoni u/jew miżuri superviżorji;

(b)

ir-reazzjoni għal talbiet għall-assistenza reċiproka inklużi aċċettazzjonijiet u f'każijiet eċċezzjonali rifjuti ta' konformità mat-talba;

(c)

il-komunikazzjoni dwar il-progress u r-riżultat ta' miżuri meħuda sabiex tiġi pprovduta reazzjoni għat-talba;

(d)

il-komunikazzjoni dwar kwalunkwe kunsiderazzjonijiet ta' kostijiet.

4.   Għall-finijiet tal-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) 2016/679, l-IMI għandha tipprevedi, b'mod partikolari, il-funzjonalità teknika bażika li ġejja:

(a)

l-istedin għall-parteċipazzjoni f'operazzjonijiet konġunti, inklużi investigazzjonijiet konġunti u miżuri ta' infurzar konġunti.

(b)

il-komunikazzjoni ta' talbiet għall-parteċipazzjoni jew għan-nuqqas ta' parteċipazzjoni f'operazzjoni konġunta

(c)

il-komunikazzjoni tal-ftehim li sseħħ operazzjoni konġunta.

Artikolu 4

Kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet superviżorji, il-Bord u l-Kummissjoni

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2016/679, l-IMI għandha tipprevedi, b'mod partikolari, il-funzjonalità teknika bażika li ġejja:

(a)

it-tressiq ta' talba għal opinjoni tal-Bord dwar dan li ġej:

(i)

l-abbozz ta' deċiżjoni tal-awtorità superviżorja kompetenti dwar kwalunkwe waħda mill-miżuri elenkati fl-Artikolu 64(1);

(ii)

kwistjonijiet ta' applikazzjoni ġenerali;

(iii)

kwistjonijiet li jkollhom effetti f'aktar minn Stat Membru wieħed;

(b)

il-komunikazzjoni ta' abbozz ta' opinjoni tal-Bord;

(c)

il-komunikazzjoni dwar it-talba u b'mod partikolari l-abbozz ta' opinjoni tal-Bord;

(d)

il-komunikazzjoni ta' opinjoni finali maħruġa mill-Bord;

(e)

il-komunikazzjoni tal-intenzjoni li tiġi segwita jew le l-opinjoni tal-Bord u fejn rilevanti li jiġi emendat l-abbozz ta' deċiżjoni u li jiġi kkomunikat l-abbozz ta' deċiżjoni emendat.

2.   Għall-finijiet tal-Artikolu 65 tar-Regolament (UE) 2016/679, l-IMI għandha tipprevedi, b'mod partikolari, il-funzjonalità teknika bażika li ġejja:

(a)

it-tressiq ta' talba għal deċiżjoni vinkolanti tal-Bord fejn:

(i)

awtorità superviżorja kkonċernata tkun qajmet oġġezzjoni rilevanti u motivata għal abbozz ta' deċiżjoni tal-awtorità ewlenija u l-awtorità ewlenija tkun ċaħdet tali oġġezzjoni rilevanti u motivata bħala mhux rilevanti jew mhux motivata skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament (UE) 2016/679;

(ii)

ikun hemm fehmiet konfliġġenti dwar liema mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati tkun kompetenti għall-istabbiliment ewlieni;

(iii)

awtorità superviżorja kompetenti ma titlobx l-opinjoni tal-Bord fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 64(1) tar-Regolament (UE) 2016/679;

(iv)

awtorità superviżorja kompetenti ma ssegwix opinjoni tal-Bord maħruġa skont l-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2016/679;

(b)

il-komunikazzjoni tal-abbozz ta' deċiżjoni vinkolanti tal-Bord;

(c)

il-komunikazzjoni dwar it-talba u b'mod partikolari l-opinjoni vinkolanti tal-Bord;

(d)

il-komunikazzjoni tad-deċiżjoni vinkolanti adottata mill-Bord;

(e)

jiġi kkomunikat li lawtorità superviżorja tkun innotifikat rispettivament lill-kontrollur jew il-proċessur u lis-suġġett tad-dejta dwar id-deċiżjoni finali u d-data tan-notifika.

3.   Għall-finijiet tal-Artikolu 66 tar-Regolament (UE) 2016/679, l-IMI għandha, b'mod partikolari, tipprovdi l-funzjonalità teknika bażika li ġejja:

(a)

il-komunikazzjoni ta' miżuri provviżorji u r-raġunijiet għall-adozzjoni tagħhom;

(b)

il-preżentazzjoni ta' talba għal opinjoni urġenti jew deċiżjoni urġenti tal-Bord;

(c)

il-komunikazzjoni tal-abbozz ta' deċiżjoni vinkolanti tal-Bord;

(d)

il-komunikazzjoni dwar it-talba u b'mod partikolari l-abbozz ta' opinjoni jew l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Bord;

(e)

il-komunikazzjoni tal-opinjoni finali jew tad-deċiżjoni finali tal-Bord;

(f)

il-komunikazzjoni tal-intenzjoni li tiġi segwita jew le l-opinjoni tal-Bord u fejn rilevanti li jiġi emendat l-abbozz ta' deċiżjoni;

(g)

il-komunikazzjoni li awtorità superviżorja tkun innotifikat lill-partijiet ikkonċernati dwar id-deċiżjoni.

Artikolu 5

Il-ħżin u l-użu mill-ġdid tad-dejta għall-ipproċessar sussegwenti

L-IMI għandha tipprevedi l-ħżin ta' dejta pproċessata matul l-iskambji ta' informazzjoni skont l-Artikoli 56 u 60 sa 66 tar-Regolament (UE) 2016/679. Fejn din id-dejta tkun meħtieġa għal operazzjonijiet ta' pproċessar sussegwenti skont dawk l-Artikoli, l-IMI għandha tippermetti l-użu mill-ġdid tad-dejta maħżuna.

Artikolu 6

L-iżgurar tal-applikazzjoni konsistenti tar-Regolament (UE) 2016/679

L-IMI għandha tipprevedi l-funzjonalità li tippermetti lill-Bord biex jikkondividi d-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fil-punti (d) sa (k), (m) u (x) tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament (UE) 2016/679.

Artikolu 7

Evalwazzjoni

Evalwazzjoni tal-eżitu tal-proġett pilota msemmi fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012 għandha tiġi ppreżentata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-31 ta' Diċembru 2021.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-25 ta' Mejju 2018.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Mejju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 316, 14.11.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' tali dejta, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).