30.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 110/127


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/661

tas-26 ta' April 2018

li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/750 dwar l-armonizzazzjoni tal-banda tal-frekwenzi 1 452-1 492 MHz għas-sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta' komunikazzjoni elettronika fl-Unjoni fir-rigward tal-estensjoni tagħha fil-baned tal-frekwenzi armonizzati 1 427-1 452 MHz u 1 492-1 517 MHz

(notifikata bid-dokument C(2018) 2286)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettri tar-Radju) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(3) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju (RSPP) li jistabbilixxi l-mira li jiġu identifikati tal-inqas 1 200 MHz ta' spettru li jkunu adattati għall-broadband mingħajr fili fl-Unjoni sal-2015, inkluż spettru li diġà qed jintuża, abbażi tal-inventarju tal-ispettru.

(2)

Fl-Opinjoni tiegħu dwar l-isfidi strateġiċi li qed tħabbat wiċċha magħhom l-Ewropa biex tindirizza d-domanda dejjem akbar tal-ispettru tar-radju għall-broadband bla fili (3), datata l-20 ta' Frar 2013, il-Grupp għall-Politika dwar l-Ispettru tar-Radju (RSPG) jirrakkomanda li ssir valutazzjoni tal-banda tal-frekwenzi 1 427-1 452 MHz għall-użu tal-broadband mingħajr fili wara l-2015 bħala estensjoni tal-banda 1 452-1 492 MHz. Barra minn hekk, fl-Opinjoni tiegħu, l-RSPG joħroġ fid-dieher l-isfidi fid-deżinjazzjoni potenzjali tal-baned tal-frekwenzi 1 427-1 452 MHz u 1 492-1 518 MHz għall-broadband bla fili, ikkawżati minn użu militari attwali u servizzi mingħajr fili terrestri fissi. L-RSPG jipproponi li ssir aktar konsiderazzjoni tal-banda tal-frekwenzi 1 492-1 518 MHz abbażi tal-eżitu tal-Konferenza Dinjija tar-Radjukomunikazzjoni fl-2015 (WRC-15).

(3)

Id-WRC-15 identifikat il-baned tal-frekwenzi 1 427-1 452 MHz u 1 492-1 518 MHz għat-Telekomunikazzjoni Mobbli Internazzjonali fid-dinja. Fir-Reġjun 1 tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni, li tinkludi l-Unjoni Ewropea, dawk il-baned tal-frekwenzi, jew porzjonijiet minnhom rispettivament, ġew allokati għas-servizzi mobbli għajr għas-servizz mobbli ajrunawtiku u għas-servizzi fissi, u għas-servizzi tal-operazzjoni spazjali mid-dinja sal-ispazju, fuq bażi koprimarja. Barra minn hekk, xi Stati Membri ddeżinjaw il-banda tal-frekwenzi 1 452-1 518 MHz biex tintuża għall-produzzjoni ta' programmi u għall-użu f'avvenimenti speċjali.

(4)

Fil-15 ta' Marzu 2017, b'konformità mal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju, il-Kummissjoni tat mandat lill-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjonijiet (is-CEPT) biex tiżviluppa kundizzjonijiet tekniċi armonizzati f'baned tal-frekwenzi addizzjonali fil-medda tal-frekwenzi 1,5 GHz, jiġifieri 1 427-1 452 MHz u 1 492-1 518 MHz, biex tippromwovi l-użu tagħhom għal servizzi tal-komunikazzjoni elettronika broadband mingħajr fili terrestri fl-Unjoni.

(5)

Fis-16 ta' Novembru 2017, b'reazzjoni għal dak il-mandat, is-CEPT ippubblikat ir-Rapport Nru 65 (4) tagħha li jipproponi kundizzjonijiet tekniċi armonizzati għal servizzi tal-komunikazzjoni elettronika broadband mingħajr fili għall-finijiet ta' downlink biss fil-baned tal-frekwenzi 1 427-1 452 MHz u 1 492-1 517 MHz, filwaqt li titqies id-deżinjazzjoni għall-Unjoni kollha tal-banda tal-frekwenzi 1 452-1 492 MHz skont kundizzjonijiet tekniċi armonizzati għal sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, skont id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/750 (5).

(6)

Id-deżinjazzjoni għall-Unjoni kollha tal-baned tal-frekwenzi 1 427-1 452 MHz u 1 492-1 517 MHz għal servizzi tal-komunikazzjoni elettronika broadband mingħajr fili għall-finijiet ta' downlink biss jenħtieġ tikkontribwixxi biex tinkiseb il-mira tal-ispettru tal-RSPP għall-broadband mingħajr fili billi żżid 50 MHz ta' spettru. L-użu ta' downlink biss hu importanti biex tiġi indirizzata l-asimetrija tat-traffiku tad-dejta billi ssaħħaħ il-kapaċità tad-downlink tas-sistemi broadband mingħajr fili, inkluż għall-forniment ta' servizzi tal-5G.

(7)

B'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport Nru 65 tas-CEPT, l-Istati Membri jenħtieġ ikollhom il-flessibbiltà nazzjonali li jużaw porzjonijiet tal-baned tal-frekwenzi ta' 1 427-1 452 MHz u 1 492-1 517 MHz biex jipprovdu għall-ftehimiet militari internazzjonali (6) jew biex jirreaġixxu – b'mod limitatat fil-ħin – għal ħtiġijiet nazzjonali speċifiċi għall-operazzjoni kontinwa tas-servizzi mingħajr fili terrestri fissi. F'dan ir-rigward, ir-Rapport jenfasizza li l-operazzjoni ta' kofrekwenzi tas-servizzi mobbli u fissi mhix fattibbli. Għaldaqstant, il-proċess tar-riassenjar ta' dawn il-baned fil-livell nazzjonali biex isiru disponibbli skont id-domanda nazzjonali għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika broadband mingħajr fili għall-finijiet ta' downlink biss hu proċess kumpless li jeħtieġ perjodu ta' żmien xieraq.

(8)

Meta jkunu qed jeżerċitaw il-flessibbiltà nazzjonali, l-Istati Membri jenħtieġ li jagħtu preferenza lid-disponibbiltà tal-ispettru kontigwu għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika broadband mingħajr fili għall-finijiet ta' downlink biss, inkluż il-banda tal-frekwenzi 1 452-1 492 MHz, ħalli jiffaċilitaw wisgħat tal-banda tal-kanali akbar għas-servizzi tal-5G, ekonomiji ta' skala għat-tagħmir, il-koeżistenza ma' servizzi fil-baned ta' biswit kif ukoll il-koordinazzjoni tal-frekwenzi.

(9)

Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jorganizzaw l-użu tal-ispettru għal skopijiet ta' ordni pubblika, sigurtà pubblika u difiża skont l-Artikolu 1(4) tad-Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju, l-Istati Membri jenħtieġ li jiddeżinjaw il-baned tal-frekwnezi 1 427-1 452 MHz u 1 492-1 517 MHz għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika broadband mingħajr fili għall-finijiet ta' downlink biss, sal-punt massimu possibbli.

(10)

Il-forniment tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika broadband mingħajr fili għall-finijiet ta' downlink biss fil-banda tal-frekwenzi 1 427-1 517 MHz jenħtieġ li ikun ibbażat fuq arranġament tal-kanali armonizzat u koerenti u kundizzjonijiet tekniċi minimi, jiġifieri, mill-inqas restrittivi, ħalli jitrawwem is-suq uniku, tittaffa l-interferenza dannuża u tkun żgurata l-koordinazzjoni tal-frekwenzi.

(11)

Mal-kundizzjonijiet u l-arranġamenti tekniċi mogħtija fir-Rapport Nru 65 tas-CEPT, hemm prevista wkoll il-koeżistenza bejn is-servizzi broadband mingħajr fili u s-servizzi fil-baned ta' biswit.

(12)

B'mod partikolari, il-kundizzjonijiet u l-arranġamenti tekniċi, bħal-limiti tal-potenza ta' emissjonijiet mhux mixtieqa, jiżguraw li l-użu tal-broadband mingħajr fili fil-banda tal-frekwenzi 1 427-1 517 MHz jipprovdi protezzjoni xierqa tar-radjuastronomija u s-servizzi passivi tal-esplorazzjoni tad-dinja bis-satellita fil-banda tal-frekwenzi 1 400-1 427 MHz, u tas-servizzi mobbli bis-satellita fil-banda tal-frekwenzi 1 518-1 559 MHz. Jaf ikun hemm bżonn jittieħdu miżuri oħrajn fil-livell nazzjonali biex isaħħu l-koeżistenza ma' servizzi fil-baned tal-frekwenzi 1 400-1 427 MHz u 1 518-1 559 MHz ta' biswit, bħalma pereżempju madwar l-ajruporti, il-portijiet marittimi u l-istazzjonijiet terrestri li jintużaw għar-riċeviment ta' sinjali tat-tfittxija u s-salvataġġ trażmessi bis-satellita. Minbarra dan, hemm bżonn titjieb il-prestazzjoni tar-riċevitur tal-istazzjonijiet terrestri mobbli, u dan b'konformità mal-għanijiet u r-rekwiżiti tad-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(13)

Meta wieħed iqis in-nuqqas ta' użu tal-porzjonijiet tal-banda tal-frekwenzi 1 452-1 492 MHz għas-sistemi tax-xandir terrestri, jenħtieġ li jitneħħew ir-restrizzjonijiet regolatorji eżistenti fejn tidħol il-koeżistenza ma' servizzi bħal dawn f'din il-banda ħalli jkunu jistgħu jiġu skjerati servizzi tal-komunikazzjoni elettronika broadband mingħajr fili għall-finijiet ta' downlink biss.

(14)

Jista' jkun hemm bżonn arranġamenti għall-koordinazzjoni transfruntiera tal-frekwenzi bejn l-amministrazzjonijiet ħalli tkun żgurata l-implimentazzjoni tal-parametri stabbiliti b'din id-Deċiżjoni bil-għan li jitjiebu s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika broadband mingħajr fili għall-finijiet ta' downlink biss fil-baned tal-frekwenzi 1 427-1 452 MHz u 1 492-1 517 MHz biex tkun evitata interferenza dannuża u titjieb l-effiċjenza fl-użu tal-ispettru. Jenħtieġ li l-arranġamenti għall-koordinazzjoni transfruntiera tal-frekwenzi b'rabta mas-servizzi tat-telemetrija ajrunawtika jiġu indirizzati bejn l-amministrazzjonijiet tas-CEPT ikkonċernati fuq bażi bilaterali jew multilaterali.

(15)

Jenħtieġ li l-Istati Membri japplikaw il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni bl-għan aħħari li jiżguraw l-użu tal-banda tal-frekwenzi 1 427-1 517 MHz kollha jew, meta ma jkunx hemm domanda nazzjonali, ta' porzjon tagħha, għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika broadband mingħajr fili għall-finijiet ta' downlink biss, ħalli dan kemm jista' jkun iservi ta' kontribut biex tintlaħaq il-mira tal-ispettru tal-RSPP.

(16)

L-Istati Membri jenħtieġ jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni u l-użu tal-banda biex jiffaċilitaw il-valutazzjoni tal-impatt tagħha fil-livell tal-Unjoni kif ukoll ir-reviżjoni f'waqtha tagħha, meta tkun meħtieġa. B'mod partikolari, il-ġustifikazzjoni għall-eżerċizzju tal-flessibbiltà nazzjonali dwar id-disponibbiltà tal-ispettru fil-baned tal-frekwenzi 1 427-1 452 MHz jew 1 492-1 517 MHz jenħtieġ tibqa' skrutinizzata fuq bażi biennali. Barra minn hekk, l-Istati Membri jenħtieġ jirrappurtaw fuq bażi biennali dwar il-miżuri nazzjonali li jsaħħu l-koeżistenza mar-radjuastronomija u mas-servizzi passivi tal-esplorazzjoni tad-dinja bis-satellita, fil-banda tal-frekwenzi 1 400-1 427 MHz, u tas-servizzi mobbli bis-satellita fil-banda tal-frekwenzi 1 518-1 559 MHz.

(17)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ispettru tar-Radju,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/750 hija emendata kif ġej:

(1)

it-titolu jinbidel b'dan li ġej: “Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/750 tat-8 ta' Mejju 2015 dwar l-armonizzazzjoni tal-banda tal-frekwenzi 1 427-1 517 MHz għas-sistemi terrestri li kapaċi jipprovdu servizzi tal-komunikazzjoni elettronika fl-Unjoni”;

(2)

l-Artikolu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 1

Din id-Deċiżjoni għandha l-għan li tarmonizza l-kundizzjonijiet għad-disponibbiltà u l-użu effiċjenti tal-banda tal-frekwenzi 1 427-1 517 MHz għas-sistemi terrestri li kapaċi jipprovdu servizzi tal-komunikazzjoni elettronika fl-Unjoni.”;

(3)

fl-Artikolu 2, il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

“2.   Sa mhux aktar tard mill-1 ta' Ottubru 2018, l-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw u jagħmlu disponibbli, fuq bażi mhux esklussiva, il-baned tal-frekwenzi 1 427-1 452 MHz u 1 492-1 517 MHz, jew porzjon tagħhom, għas-sistemi terrestri li kapaċi jipprovdu servizzi tal-komunikazzjoni elettronika broadband mingħajr fili, b'konformità mal-parametri stabbiliti fl-Anness.”;

(4)

fl-Artikolu 2, il-paragrafu 3 jinbidel b'dan li ġej:

“3.   Jekk dawn jiddeżinjaw u jagħmlu disponibbli biss porzjon tal-baned tal-frekwenzi 1 427-1 452 MHz jew 1 492-1 517 MHz skont il-paragrafu 2, l-Istati Membri:

(a)

għandhom jiżguraw li kull użu eżistenti jibqa' jsir sa fejn strettament meħtieġ, u bil-għan li progressivament dawn il-baned tal-frekwenzi jsiru disponibbli għas-sistemi terrestri li kapaċi jipprovdu servizzi tal-komunikazzjoni elettronika broadband mingħajr fili;

(b)

għandhom jiżguraw li primarjament dan il-porzjon tal-ispettru flimkien mal-banda tal-frekwenzi 1 452-1 492 MHz ikunu jikkostitwixxu banda tal-frekwenzi kontigwi;

(c)

jistgħu jippermettu, sal-1 ta' Jannar 2023, u aktar wara jekk ma tiġi identifikata l-ebda domanda nazzjonali għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika broadband mingħajr fili skont l-Artikoli 3 u 6 tad-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE, l-użu ta' parti minn dawn il-baned għall-operazzjoni kontinwa tas-servizzi mingħajr fili terrestri fissi eżistenti jew ta' użi oħra eżistenti, li ma jistgħux jaqsmu l-użu ta' dawn il-baned tal-frekwenzi ma' servizzi tal-komunikazzjoni elettronika broadband mingħajr fili.”;

(5)

fl-Artikolu 2, jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

“4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sistemi terrestri msemmija f'dan l-Artikolu jagħtu l-protezzjoni xierqa lis-sistemi fil-baned ta' biswit.”;

(6)

fl-Artikolu 2, jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

“5.   L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw l-arranġamenti għall-koordinazzjoni transfruntiera ħalli jkunu jistgħu jitħaddmu s-sistemi msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3, b'mod li jqisu l-proċeduri regolatorji eżistenti u d-drittijiet, u l-arranġamenti internazzjonali eżistenti.”

(7)

jiżdied dan l-Artikolu 2a li ġej:

“Artikolu 2a

L-Istati Membri għandhom jirrevedu l-applikazzjoni tal-Artikolu 2 fuq bażi biennali ħalli tkun żgurata disponibbiltà massima tal-banda tal-frekwenzi 1 427-1 517 MHz għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika broadband mingħajr fili.”;

(8)

l-Artikolu 4 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jissorveljaw l-użu tal-banda tal-frekwenzi 1 427-1 517 MHz, u għandhom jirrappurtaw is-sejbiet tagħhom lill-Kummissjoni meta jintalbu jew b'inizjattiva tagħhom stess ħalli tkun tista' ssir reviżjoni f'waqtha ta' din id-Deċiżjoni, meta jkun meħtieġ.”

(9)

jiżdied dan l-Artikolu 4a li ġej:

“Artikolu 4a

L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, inkluż il-firxa tad-disponibbiltà tal-baned tal-frekwenzi 1 427-1 452 MHz u 1 492-1 517 MHz, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Novembru 2018.”;

(10)

l-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/750 jinbidel bit-test fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' April 2018.

Għall-Kummissjoni

Mariya GABRIEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2012 li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju (ĠU L 81, 21.3.2012. p. 7).

(3)  Dokument RSPG 13-521 rev1.

(4)  Ir-Rapport Nru 65 tas-CEPT, approvat fis-17 ta' Novembru 2017, ikkoreġut fit-2 ta' Marzu 2018.

(5)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/750 tat-8 ta' Mejju 2015 dwar l-armonizzazzjoni tal-banda ta' frekwenzi 1 452-1 492 MHz għas-sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta' komunikazzjoni elettronika fl-Unjoni (ĠU L 119, 12.5.2015, p. 27).

(6)  Il-baned tal-frekwenzi 1 427-1 452 MHz u 1 492-1 518 MHz jintużaw għal sistemi militari terrestri u marittimi skont il-Ftehim Konġunt tan-NATO dwar l-użu tal-frekwenzi ċivili u militari (NJFA) tal-2014. Skont il-punt 14 tal-Ftehim “(…) Meta l-użu tal-baned tal-frekwenzi tar-radju jkun ġie armonizzat min-NATO min-nazzjonijiet membri tan-NATO għall-użu militari, dan ma jkunx jeskludi l-użu għall-applikazzjonijiet ċivili.”

(7)  Id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-armonizzazzoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta' tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62).


ANNESS

ANNESS

IL-PARAMETRI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 2(1) u2(2)

A.   IL-PARAMETRI ĠENERALI

1.

Il-mod tal-operazzjoni fi ħdan il-banda tal-frekwenzi 1 427-1 517 MHz għandu jkun limitat għal trażmissjoni mill-istazzjon bażi (downlink biss).

2.

Id-daqs tal-blokok fi ħdan il-banda tal-frekwenzi 1 427-1 517 MHz għandu jiġi assenjati f'multipli ta' 5 MHz. Il-limitu t'isfel tal-frekwenza ta' blokk allokata għandu jiġi allinjat ma' multipli ta' 5 MHz jew maqsum bi spazji ta' multipli ta' 5 MHz, mit-tarf t'isfel tal-banda ta' 1 427 MHz.

3.

It-trażmissjoni mill-istazzjon bażi għandha tikkonforma mal-kundizzjonijiet tekniċi (Block Edge Mask) stabbiliti f'dan l-Anness.

B.   IL-KUNDIZZJONIJIET TEKNIĊI GĦALL-ISTAZZJONIJIET BAŻI — BLOCK EDGE MASK

Dawn il-parametri tekniċi li ġejjin għall-istazzjonijiet bażi, imsejħin “block edge mask” (BEM), għandhom jintużaw biex tkun żgurata l-koeżistenza bejn in-netwerks biswit xulxin, meta ma jkunx hemm ftehimiet bilaterali jew multilaterali bejn l-operaturi ta' dawn in-netwerks biswit xulxin. Jistgħu jintużaw ukoll parametri tekniċi inqas stretti, jekk jiġu miftiehma bejn l-operaturi u l-amministrazzjonijiet ikkonċernati, diment li dawn il-parametri jkunu konformi mal-kundizzjonijiet tekniċi applikabbli għall-protezzjoni ta' servizzi jew applikazzjonijiet oħra, inkluż fil-baned ta' biswit jew soġġetti għal obbligi transfruntieri.

Il-BEM hi maskra tal-emissjoni li hi definita bħala funzjoni tal-frekwenza, fir-rigward tat-tarf ta' blokk ta' spettru li operatur ingħata d-drittijet tal-użu tiegħu. Din fiha limitu tal-potenza intern fil-blokk u limiti tal-potenza estern mill-blokk. Il-limitu tal-potenza intern fil-blokk jiġi applikat għal blokk li jkun il-proprjetà ta' operatur. Il-limiti tal-potenza esterni mill-blokk jiġu applikati għall-ispettru li jintuża għad-WBB ECS fi ħdan il-banda tal-frekwenzi 1 427-1 517 MHz li hi esterna minn blokk mogħti lil operatur. Dawn huma stabbiliti fit-Tabella 2. Il-limiti tal-potenza esterni mill-blokk jiġu applikati għall-ispettru 'l barra mill-porzjon tal-banda tal-frekwenzi 1 427-1 517 MHz, li jintuża għad-WBB ECS fil-livell nazzjonali.

Minbarra dan, il-koeżistenza tal-limiti tal-potenza huma definiti għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika broadband mingħajr fili (WBB ECS) fi ħdan il-banda tal-frekwenzi 1 427-1 517 MHz biex tkun żgurata l-kompatibbiltà bejn dawn is-servizzi u servizzi jew applikazzjonijiet oħra tar-radju, inkluż meta porzjon tal-baned 1 427-1 452 MHz u 1 492-1 517 MHz ma jkunx deżinjat għad-WBB ECS. Il-koeżistenza tal-limiti tal-potenza fejn jidħlu s-servizzi jew l-applikazzjonijiet fil-baned ta' biswit (jiġifieri 'l barra mill-ispettru li jintuża għad-WBB ECS) huma stabbiliti fit-Tabella 3, 4, u 5 u jipprovdu wkoll ċerta flessibbiltà nazzjonali fl-assenjar tal-ispettru għad-WBB ECS fi ħdan il-banda tal-frekwenzi 1 427-1 517 MHz skont din id-Deċiżjoni.

Fil-livell nazzjonali jistgħu jiġu applikati miżuri tekniċi jew proċedurali addizzjonali (1), jew it-tnejn li huma, biex tkun żgurata l-koeżistenza ma' servizzi u applikazzjonijiet fil-baned ta' biswit.

Ir-rekwiżiti fil-blokk

Limitu tal-potenza rradjata isotropikament ekwivalenti (EIRP) intern fil-blokk għall-istazzjonijiet bażi mhix obbligatorju għajr għall-blokk tal-frekwenzi 1 512-1 517 MHz, li għalih dan il-limitu ngħata fit-Tabella 1. Għall-blokki tal-frekwenzi għajr il-blokka tal-frekwenzi 1 512-1 517 MHz, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limitu tal-EIRP li ma jaqbiżx it-68 dBm/5MHz u li jista' jiżdied għal skjeramenti speċifiċi, pereżempju għall-użu aggregat tal-ispettru fi ħdan il-banda 1 427-1 512 MHz u l-ispettru f'baned tal-frekwenzi aktar baxxi.

Tabella 1

L-EIRP massima interna fil-blokk għal kull ċellola  (2) għall-operazzjonijiet tad-WBB ECS tal-istazzjonijiet bażi fil-banda 1 512 -1 517 MHz

Blokk tal-frekwenzi

L-EIRP massima interna fil-blokk

Il-wisa' tal-banda tal-kejl

1 512 -1 517 MHz

58 dBm

5 MHz

Nota ta' spjegazzjoni għat-Tabella 1

Dawn ir-rekwiżiti huma maħsuba biex jiżguraw il-kompatibbiltà bejn id-WBB ECS li joperaw fil-blokk tal-frekwenzi 1 512-1 517 MHz u s-servizzi mobbli bis-satellita li joperaw fil-banda tal-frekwenzi 1 518-1 525 MHz.

Ir-rekwiżiti esterni mill-blokk

Tabella 2

Il-limiti tal-EIRP esterni mill-blokk tal-istazzjon bażi tal-BEM għal kull antennaa fi ħdan il-banda tal-frekwenzi 1 427 -1 517 MHz

Il-medda tal-frekwenzi tal-emissjonijiet esterni mill-blokk

L-EIRP medja massima esterna mill-blokk

Il-wisa' tal-banda tal-kejl

– 10 sa – 5 MHz mit-tarf t'isfel tal-blokk

11 dBm

5 MHz

– 5 sa 0 MHz mit-tarf t'isfel tal-blokk

16,3 dBm

5 MHz

0 sa + 5 MHz mit-tarf ta' fuq tal-blokk

16,3 dBm

5 MHz

+ 5 sa + 10 MHz mit-tarf ta' fuq tal-blokk

11 dBm

5 MHz

Frekwenzi fi ħdan il-banda 1 427 -1 517 MHz li huma spazjati aktar minn 10 MHz mit-tarf t'isfel jew ta' fuq tal-blokk

9 dBm

5 MHz

Ir-rekwiżiti tal-koeżistenza għall-baned ta' biswit

Tabella 3

Il-limiti tal-potenza ta' emissjonijiet mhux mixtieqa tal-istazzjon bażi fil-banda tal-frekwenzi 1 400 -1 427 MHz għall-istazzjonijiet bażi li joperaw fil-banda tal-frekwenzi 1 427 -1 452 MHz

Il-medda tal-frekwenzi tal-emissjonijiet esterni mill-blokk

Il-livell tal-potenza massima ta' emissjonijiet mhux mixtieqa (3)

Il-wisa' tal-banda tal-kejl

1 400 -1 427 MHz

– 72 dBW

27 MHz

Nota ta' spjegazzjoni għat-Tabella 3

Dan ir-rekwiżit huwa maħsub biex jipproteġi s-servizzi ta' radjuastronomija u s-servizzi passivi tal-esplorazzjoni tad-dinja bis-satellita fil-banda tal-frekwenzi passiva 1 400-1 427 MHz minn WBB ECS li joperaw fil-banda tal-frekwenzi 1 427-1 452 MHz, anki meta porzjon biss minn din il-banda tal-frekwenzi jkun assenjat għad-WBB ECS. Jaf ikun hemm bżonn jittieħdu aktar miżuri nazzjonali biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-osservazzjonijiet tar-radjuastronomija fil-banda tal-frekwenzi passiva 1 400-1 427 MHz min-naħa tad-WBB ECS.

Tabella 4

Il-limiti tal-EIRP esterni mill-banda tal-istazzjon bażi għal kull ċellola  (4) fil-medda tal-frekwenzi 1 518 -1 559 MHz għall-istazzjonijiet bażi li joperaw fil-banda tal-frekwenzi 1 492 -1 517 MHz

Il-medda tal-frekwenzi tal-emissjonijiet esterni mill-banda

L-EIRP massima esterna mill-banda

Il-wisa' tal-banda tal-kejl

1 518 sa 1 520 MHz

– 0,8 dBm

1 MHz

1 520 sa 1 559 MHz

– 30 dBm

1 MHz

Nota ta' spjegazzjoni għat-Tabella 4

Dawn ir-rekwiżiti huma maħsuba biex jipprovdu protezzjoni xierqa tas-servizzi mobbli bis-satellita li joperaw fil-banda tal-frekwenzi 1 518-1 559 MHz, b'mod partikolari f'portijiet marittimi, ajruporti u fi stazzjonijiet terrestri għat-tfittxija u s-salvataġġ li hemm fis-servizzi mobbli bis-satellita, mid-WBB ECS li joperaw fil-banda tal-frekwenzi 1 492-1 517 MHz, anki meta porzjon biss minn din il-banda tal-frekwenzi jkun assenjat għad-WBB ECS. Jaf ikun hemm bżonn jittieħdu aktar miżuri nazzjonali biex tissaħħaħ il-protezzjoni tas-servizzi mobbli bis-satellita fil-banda tal-frekwenzi 1 518-1 559 MHz.

Tabella 5

Il-limiti tal-EIRP esterni mill-banda tal-istazzjon bażi għal kull ċellola inqas minn 1 452  MHz u aktar minn 1 492  MHz għall-istazzjonijiet bażi li joperaw fil-banda tal-frekwenzi 1 452 -1 492  MHz

Il-medda tal-frekwenzi tal-emissjonijiet esterni mill-banda

L-EIRP medja massima esterna mill-banda

Il-wisa' tal-banda tal-kejl

Inqas minn 1 449 MHz

– 20 dBm

1 MHz

1 449 -1 452 MHz

14 dBm

3 MHz

1 492 -1 495 MHz

14 dBm

3 MHz

Aktar minn 1 495 MHz

– 20 dBm

1 MHz

Nota ta' spjegazzjoni għat-Tabella 5

Dawn ir-rekwiżiti huma applikabbli meta d-WBB ECS ma jiġux użati fi frekwenzi aktar baxxi minn 1 452 MHz u/jew ogħla minn 1 492 MHz. Dawn ir-rekwiżiti huma maħsuba biex jiżguraw il-kompatibbiltà ma' WBB ECS fi ħdan il-banda tal-frekwenzi 1 452-1 492 MHz ma' konnessjonijiet fissi kkoordinati, servizzi mobbli u servizzi ajrunawtiċi tat-telemetrija limitati għal stazzjonijiet terrestri, skjerati f'baned tal-frekwenzi biswit li huma inqas minn 1 452 MHz jew iżjed minn 1 492 MHz.

Meta d-WBB ECS jiġu skjerati fi ħdan il-blokki immedjatament taħt 1 452 MHz, il-limiti indikati fit-Tabella 5 għall-frekwenzi inqas minn 1 452 MHz mhumiex applikabbli. Meta d-WBB ECS jiġu skjerati fi ħdan il-blokki immedjatament 'il fuq minn 1 492 MHz, il-limiti indikati fit-Tabella 5 għall-frekwenzi iżjed minn 1 492 MHz mhumiex applikabbli. Dan hu mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti esterni mill-banda stabbiliti fit-Tabelli 3 u 4 u għar-rekwiżiti esterni mill-blokk stabbiliti fit-Tabella 2.


(1)  Pereżempju, wieħed jew iżjed minn dawn li ġejjin: il-koordinazzjoni tal-ippjanar tal-frekwenzi, il-koordinazzjoni tas-siti, limiti tal-potenza interni fil-banda aktar stretti għall-istazzjonijiet bażi, limiti tal-potenza rradjata isotropikament ekwivalenti (EIRP) esterni mill-banda aktar stretti għall-istazzjonijiet bażi minn dawk stipulati fit-Tabella 5.

(2)  F'sit multisettorjali, il-valur għal kull ‘ċellola’ jikkorrispondi għall-valur għal wieħed mis-setturi.

(3)  Hawnhekk, il-livell tal-potenza ta' emissjonijiet mhux mixtieqa jrid jinftiehem bħala l-livell imkejjel fil-port tal-antenna.

(4)  F'sit multisettorjali, il-valur għal kull ‘ċellola’ jikkorrispondi għall-valur għal wieħed mis-setturi.