19.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 99/14


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/593

tas-16 ta' April 2018

li tawtorizza lir-Repubblika Taljana tintroduċi miżura speċjali ta' deroga mill-Artikoli 218 u 232 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz ta' ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-27 ta' Settembru 2017, l-Italja talbet awtorizzazzjoni għal miżura speċjali ta' deroga mill-Artikoli 218 u 232 tad-Direttiva 2006/112/KE u biex tintroduċi l-fatturazzjoni elettronika obbligatorja għall-persuni taxxabbli kollha stabbiliti fit-territorju tal-Italja, ħlief għal persuni taxxabbli li jibbenefikaw mill-eżenzjoni għal impriżi żgħar kif imsemmi fl-Artikolu 282 ta' dik id-Direttiva u biex il-fatturi jgħaddu mis-“Sistema di Interscambio” (“l-SdI”) ġestita mill-Aġenzija Taljana tad-Dħul.

(2)

B'konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni informat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba li saret mill-Italja permezz tal-ittri ddatati t-3 ta' Novembru 2017 u s-6 ta' Novembru 2017. Permezz ta' ittra ddatata s-7 ta' Novembru 2017, il-Kummissjoni għarrfet lill-Italja li hija kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

(3)

L-Italja tgħid li l-użu ta' fatturazzjoni elettronika obbligtorja li abbażi tagħha l-fatturi huma ppreżentati permezz tal-SdI jippermetti lill-awtorità tat-taxxa fl-Italja biex takkwista f'ħin reali l-informazzjoni li tinsab fil-fatturi maħruġa u rċevuti min-negozjanti. B'hekk l-awtoritajiet tat-taxxa jistgħu jwettqu kontrolli f'waqthom u awtomatiċi tal-konsistenza bejn l-ammonti tal-VAT iddikjarati u dawk imħallsa.

(4)

L-Italja tqis li l-introduzzjoni ta' obbligu ġeneralizzat ta' fatturazzjoni elettronika tgħin fil-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni, tagħti spinta lid-diġitalizzazzjoni u tissimplifika l-ġbir tat-taxxa.

(5)

L-Italja tgħid li diġà twittiet it-triq għall-introduzzjoni tal-fatturazzjoni elettronika obbligatorja abbażi tal-użu fakultattiv tas-sistema SdI eżistenti, u dan jiżgura tranżizzjoni bla xkiel lejn il-fatturazzjoni elettronika u fl-istess waqt jillimita l-impatt tal-miżura speċjali fuq il-persuni taxxabbli.

(6)

Minħabba l-ambitu wiesa' u n-natura ġdida tal-miżura speċjali, huwa importanti li jiġi evalwat l-impatt tal-miżura speċjali fuq il-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT u fuq il-persuni taxxabbli. Għalhekk, fejn l-Italja tqis li l-estensjoni tal-miżura speċjali hija meħtieġa, jenħtieġ li hija tippreżenta lill-Kummissjoni, flimkien mat-talba għal estensjoni, rapport li jinkludi l-valutazzjoni tal-miżura speċjali fejn għandha x'taqsam l-effettività tagħha fil-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT u fis-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxa.

(7)

Jenħtieġ li din il-miżura speċjali ma taffettwax id-dritt tal-konsumatur li jirċievi fatturi fuq karta f'każ ta' tranżazzjonijiet intra-Komunitarji.

(8)

Jenħtieġ li l-miżura speċjali mitluba tkun limitata fiż-żmien sabiex ikun jista' jiġi vvalutat jekk il-miżura speċjali hijiex adatta u effettiva fid-dawl tal-objettivi tagħha.

(9)

Għaldaqstant, il-miżura speċjali hija proporzjonata għall-objettivi li jridu jintlaħqu billi hija limitata fiż-żmien u ristretta fl-applikazzjoni billi ma tapplikax għal persuni taxxabbli li jibbenefikaw mill-eżenzjoni għall-impriżi żgħar imsemmija fl-Artikolu 282 tad-Direttiva 2006/112/KE. Barra minn hekk, il-miżura speċjali ma tagħtix lok għal riskju li l-frodi titmexxa lejn setturi oħra jew lejn Stati Membri oħra.

(10)

Il-miżura speċjali mhux se jkollha effett negattiv fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa miġbura fl-istadju tal-konsum finali u mhux se jkollha effett negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jinġabru mill-VAT,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Permezz ta' deroga mill-Artikolu 218 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Italja hija awtorizzata biss li taċċetta fatturi f'forma ta' dokumenti jew messaġġi f'format elettroniku jekk dawn jinħarġu minn persuni taxxabbli stabbiliti fit-territorju Taljan, ħlief dawk il-persuni taxxabbli li jibbenefikaw mill-eżenzjoni għal impriżi żgħar imsemmija fl-Artikolu 282 tad-Direttiva 2006/112/KE.

Artikolu 2

Permezz ta' deroga mill-Artikolu 232 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Italja hija awtorizzata tistipula li l-użu ta' fatturi elettroniċi maħruġa minn persuni taxxabbli stabbiliti fit-territorju Taljan ma għandux ikun soġġett għall-aċċettazzjoni mir-riċevitur, ħlief fejn dawk il-fatturi jinħarġu minn persuni taxxabbli li jibbenefikaw mill-eżenzjonijiet għal impriżi żgħar imsemmija fl-Artikolu 282 tad-Direttiva 2006/112/KE.

Artikolu 3

L-Italja għandha tinnotifika lill-Kummissjoni bil-miżuri nazzjonali li jimplimentaw id-derogi msemmija fl-Artikoli 1 u 2.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Lulju 2018 sal-31 ta' Diċembru 2021.

F'każ li l-Italja tqis li tkun meħtieġa l-estensjoni tad-derogi msemmija fl-Artikoli 1 u 2, l-Italja għandha tippreżenta talba għal estensjoni lill-Kummissjoni, flimkien ma' rapport li jivvaluta kemm il-miżuri nazzjonali msemmija fl-Artikolu 3 kienu effettivi fil-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT u fis-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxa. Dak ir-rapport għandu jevalwa wkoll l-impatt ta' dawk il-miżuri fuq persuni taxxabbli u, b'mod partikolari, jekk dawk il-miżuri jżidux il-piżijiet amministrattivi u l-ispejjeż tagħhom.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-16 ta' April 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

R. PORODZANOV


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.