6.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 90/36


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/539

tal-20 ta' Marzu 2018

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka dwar miżuri prudenzjali fir-rigward tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114, flimkien mal-Artikolu 218(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1792 (2), il-Ftehim Bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka dwar miżuri prudenzjali fir-rigward tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni (“il-Ftehim”), ġie ffirmat fit-22 ta' Settembru 2017, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data iktar tard.

(2)

Il-konklużjoni tal-Ftehim ser iwassal għal ċertezza regolatorja mtejba fl-applikazzjoni ta' oqfsa regolatorji ta' assigurazzjoni u riassigurazzjoni għal assiguraturi u riassiguraturi li joperaw fl-Unjoni u fl-Istati Uniti tal-Amerka kif ukoll protezzjoni mtejba għal detenturi ta' poloz u konsumaturi oħrajn permezz ta' kooperazzjoni bejn is-superviżuri dwar l-iskambju ta' informazzjoni.

(3)

Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim Bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka dwar miżuri prudenzjali fir-rigward tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni, huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni (3).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu, f'iem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 8 tal-Ftehim. (4)

Artikolu 3

Il-Kummissjoni għandha tirrappreżenta lill-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt previst fl-Artikolu 7 tal-Ftehim, wara li tkun semgħet il-fehmiet tal-grupp ta' ħidma tal-Kunsill dwar is-servizzi finanzjarji, u għandha tgħarraf lil dak il-grupp ta' ħidma, kull meta jkun xieraq u mill-anqas kull sena, bil-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-Ftehim.

Artikolu 4

Kwalunkwe pożizzjoni li tiġi espressa f'isem l-Unjoni għandha tkun adottata f'konformità mat-Trattati u b'hekk mill-Kunsill kif previst fl-Artikolu 16(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew l-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Marzu 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

E. ZAHARIEVA


(1)  Kunsens tal-1 ta' Marzu 2018 (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1792 tad-29 ta' Mejju 2017 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka dwar miżuri prudenzjali fir-rigward tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni (ĠU L 258, 6.10.2017, p. 1).

(3)  Il-Ftehim ġie ppubblikat fil-ĠU L 258, 6.10.2017, p. 4, flimkien mad-deċiżjoni dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja.

(4)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.