16.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 74/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/404

tat-13 ta' Marzu 2018

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar regoli supplementari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu 2014 sa 2020

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 77(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) jipprevedi li l-pajjiżi assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen jipparteċipaw fl-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża u li għandhom jiġu konklużi arranġamenti dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tagħhom u r-regoli supplimentari meħtieġa għal tali parteċipazzjoni, inkluż dispożizzjonijiet li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u s-setgħat ta' awditu tal-Qorti tal-Awdituri.

(2)

Fl-14 ta' Lulju 2014, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mar-Renju tan-Norveġja, ir-Repubblika tal-Iżlanda, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipalità tal-Liechtenstein għal Ftehim dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-Fond għas-Sigurtà Interna – il-Fruntieri u l-Viża għall-perjodu 2014 sa 2020. In-negozjati mal-Konfederazzjoni Żvizzera ġew konklużi b'suċċess bl-inizjalar tal-Ftehim fil-21 ta' April 2017.

(3)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Minħabba li din id-Deċiżjoni tibni fuq l-acquis ta' Schengen, id-Danimarka għandha, f'konformità mal-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur minn meta l-Kunsill ikun iddeċieda dwar din id-Deċiżjoni, jekk hijiex se timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha.

(4)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom ir-Renju Unit ma jiħux sehem, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (2); għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(5)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom l-Irlanda ma tiħux sehem, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (3); Għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(6)

Il-Ftehim jenħtieġ li jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar 'il quddiem,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar f'isem l-Unjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar regoli supplementari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu 2014 sa 2020 (4) huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Marzu 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

V. GORANOV


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 143).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(4)  It-test tal-Ftehim ser jiġi ppubblikat flimkien mad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.