5.3.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 62/34 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/321
tat-2 ta' Marzu 2018
li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/224 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u operazzjonali li jippermettu lis-servizz kummerċjali offrut mis-sistema stabbilita skont il-programm Galileo jissodisfa l-funzjoni prevista fl-Artikolu 2(4)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-implimentazzjoni u l-esplojtazzjoni tas-sistemi Ewropej tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 876/2002 u r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3)(d) tiegħu,
Billi:
(1) |
L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u operazzjonali stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/224 (2) jipprevedu li l-ispeċifikazzjonijiet ġenerali tas-servizz “preċiżjoni għolja SK” ipprovdut mis-servizz kummerċjali jinkludu żball ta' pożizzjonament ta' inqas minn deċimetru u li l-aċċess għal dan is-servizz “preċiżjoni għolja SK”, ikkontrollat minn fornitur ta' servizzi wieħed jew aktar, isir bi ħlas skont il-politika tal-ipprezzar fis-seħħ. |
(2) |
Madankollu jidher li aċċess bi ħlas għas-servizz ta' preċiżjoni għolja tas-servizz kummerċjali huwa ta' natura li jostakola l-iżvilupp tal-applikazzjonijiet li jużaw dan is-servizz u li jfixkel, b'mod partikolari fi ħdan l-Unjoni, it-tkabbir promettenti tal-attivitajiet ekonomiċi bbażati fuq it-teknoloġija tar-radjunavigazzjoni bis-satellita. Jista' jkun ukoll ta' ostakolu għall-introduzzjoni tas-sistema stabbilita skont il-programm Galileo fis-swieq dinjija, meta jitqies li s-sistemi kompetituri jipproponu li joffru s-servizzi ta' preċiżjoni għolja bla ħlas. |
(3) |
Barra minn hekk, l-intrapriżi tas-setturi li qegħdin jiżviluppaw, li probabbilment huma dawk li se jużaw l-aktar is-servizz kummerċjali ta' preċiżjoni għolja, bħalma huma dawk attivi fil-qasam tal-vetturi awtonomi, tar-robotika jew tad-drones, ma għandhomx bżonn preċiżjoni ta' pożizzjonament daqshekk għolja bħal dik prevista inizjalment għas-servizz kummerċjali. Għal dawn l-intrapriżi hija biżżejjed preċiżjoni ta' inqas minn żewġ deċimetri, u huwa aktar interessanti għalihom li minflok jitnaqqas il-ħin meħtieġ biex tinkiseb din il-preċiżjoni. Għaldaqstant, teżisti korrelazzjoni pożittiva bejn il-preċiżjoni tal-pożizzjonament u l-ħin meħtieġ biex tinkiseb din il-preċiżjoni. Għalhekk it-tnaqqis tal-preċiżjoni minima minn deċimetru wieħed għal żewġ deċimetri, se jiġi akkumpanjat minn tnaqqis tal-ħin meħtieġ biex tinkiseb il-preċiżjoni, varjabbli skont it-teknoloġija użata u l-ambjent u l-lokalizzazzjoni tal-utent. |
(4) |
Barra minn hekk, l-utenti li għandhom bżonn servizz li jkollu żball ta' pożizzjonament inqas minn dak li jista' joffri s-servizz “preċiżjoni għolja SK”, dejjem jistgħu jiksbuh mingħand intrapriżi li, diġà jipproponu servizzi kummerċjali li għandhom preċiżjoni bħal din b'mod lokalizzat. |
(5) |
Jeħtieġ li jiġi speċifikat ukoll li l-għotja tas-servizz ta' preċiżjoni tas-servizz kummerċjali bla ħlas ma tippreġudikax il-fatt li servizzi oħrajn ipprovduti mis-sistema stabbilita skont il-programm Galileo jkunu bi ħlas. |
(6) |
Għalhekk, huwa xieraq li jiġi previst b'mod korrelattiv, minn naħa, li l-aċċess għas-servizz “preċiżjoni għolja SK” ipprovdut mis-servizz kummerċjali jkun bla ħlas u, min-naħa l-oħra, li l-ispeċifikazzjonijiet ġenerali ta' dan is-servizz “preċiżjoni għolja SK” jinkludu żball ta' pożizzjonament ta' inqas minn żewġ deċimetri. |
(7) |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-użu tas-servizz “preċiżjoni għolja SK”, huwa importanti li jsiru xi emendi żgħar fl-isem taż-żewġ fażijiet previsti sabiex jirriflettu aħjar ir-realtà. |
(8) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/224 tiġi emendata skont dan. |
(9) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-kumitat stabbilit skont l-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/224 huwa emendat kif ġej:
1) |
Fir-ringiela bit-titlu “L-ispeċifikazzjonijiet ġenerali” u fil-kolonna bit-titlu “Preċiżjoni għolja SK”, it-test huwa sostitwit bit-test li ġej: “Il-forniment ta' dejta ta' preċiżjoni għolja sabiex jinkiseb żball tal-pożizzjonament ta' inqas minn żewġ deċimetri f'kundizzjonijiet normali ta' użu”; |
2) |
Fir-ringiela bit-titlu “L-aċċess għas-servizz” u fil-kolonna bit-titlu “Preċiżjoni għolja SK”, it-test huwa sostitwit bit-test li ġej: “- Aċċess bla ħlas”; |
3) |
Fir-ringiela bit-titlu “It-tnedija tas-servizz” u fil-kolonna bit-titlu “Preċiżjoni għolja SK”, il-kliem “Il-fażi tal-operazzjoni kummerċjali inizjali bejn l-2018 u l-2020 – Il-fażi tal-operazzjoni kummerċjali sħiħa mill-2020” huma sostiwiti bil-kliem “Il-fażi tal-forniment tas-sinjali inizjali bejn l-2018 u l-2020 - Il-fażi tal-prestazzjoni sħiħa tas-servizzi mill-2020”. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Marzu 2018.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 1.
(2) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/224 tat-8 ta' Frar 2017 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u operazzjonali li jippermettu lis-servizz kummerċjali offrut mis-sistema stabbilita skont il-programm Galileo jissodisfa l-funzjoni prevista fl-Artikolu 2(4)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 34, 9.2.2017, p. 36).