5.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 62/18


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/320

tat-28 ta' Frar 2018

dwar ċerti miżuri għall-protezzjoni tas-saħħa fil-kummerċ intra-Unjoni tas-salamandri u l-introduzzjoni ta' dawn l-annimali fl-Unjoni rigward il-fungus Batrachochytrium salamandrivorans

(notifikata bid-dokument C(2018) 1208)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar, veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta' ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta' kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 18(1) tagħha,

Billi:

(1)

Mill-2013, il-Batrachochytrium salamandrivorans (Bsal), li hu fungus patoġenu ġdid tas-salamandri, beda jokkorri fil-Belġju, fil-Ġermanja, fin-Netherlands u fir-Renju Unit. Dan jaffettwa l-popolazzjonijiet tas-salamandri miżmumin u selvaġġi, u jista' jikkawża morbidità u mortalità sinifikanti f'dawk il-popolazzjonijiet. Il-Bsal huwa letali għal ċerti speċijiet ta' salamandri, filwaqt li speċijiet oħrajn huma kompletament jew parzjalment reżistenti għalih, iżda jistgħu jġorruh fuq il-ġilda, u għaldaqstant ikunu fond u sors ta' infezzjoni jew kontaminazzjoni għal speċijiet oħrajn ta' salamandri.

(2)

Skont l-għarfien xjentifiku attwali dwar il-Bsal, miġbur f'opinjoni xjentifika (3) tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) dwar il-Bsal fil-Valutazzjoni tal-elenkar u l-kategorizzazzjoni tal-mard tal-annimali fil-qafas tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), jidher li, għallinqas fil-Ġappun, fit-Tajlandja u fil-Vjetnam, il-Bsal huwa endemiku, b'rata ta' prevalenza ta' madwar 3 % fil-popolazzjonijiet selvaġġi tas-salamandri. Huwa maħsub li l-Bsal oriġina mill-Asja tal-Lvant, fejn huwa endemiku u mifrux ħafna. Fl-istess ħin, hemm nuqqas ta' informazzjoni dwar kemm hu mifrux f'partijiet oħra tad-dinja. Huwa maħsub b'mod ġenerali wkoll li l-kummerċ tas-salamandri infettati jew portaturi jikkontribwixxi għat-tixrid tal-Bsal.

(3)

Skont id-dejta disponibbli, jeżisti l-kummerċ ta' speċijiet ta' salamandri reżistenti, iżda wkoll ta' salamandri suxxettibbli. Id-Direttiva 92/65/KEE (5) tistabbilixxi r-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ u l-importazzjoni fl-Unjoni ta' annimali, semen, ova u embrijuni li mhumiex soġġetti għar-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali stabbiliti fl-atti speċifiċi tal-Unjoni msemmija fl-Anness F tagħha. Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-annimali, u d-Direttiva 92/65/KEE fost dawn, fil-preżent ma tistabbilixxix rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali speċifiċi għall-kummerċ tas-salamandri jew għall-importazzjoni ta'dawn fl-Unjoni, li jkunu effettivi biex jipproteġu s-saħħa tal-annimali kontra t-tifrix tal-Bsal fl-Unjoni.

(4)

Fl-assistenza xjentifika u teknika tagħha dwar is-sopravvivenza, l-istabbiliment u t-tifrix tal-Batrachochytrium salamandrivorans (il-Bsal) fl-UE (6) (l-Assistenza EFSA), l-EFSA vvalutat il-potenzjal tal-Bsal li jaffettwa s-saħħa ta' salamandri selvaġġi u miżmumin fl-Unjoni, l-effikaċja u l-fattibbiltà ta' projbizzjoni fuq il-moviment ta' salamandri kkummerċjalizzati, il-validità, l-affidabbiltà u r-robustezza tal-metodi dijanjostiċi disponibbli għad-detezzjoni tal-Bsal, u metodi possibbli alternattivi u miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju fattibbli biex ikun żgurat il-kummerċ sikur internazzjonali u intra-Unjoni tas-salamandri.

(5)

Skont l-Assistenza EFSA, il-kwarantina tas-salamandri, l-ittestjar tas-salamandri biex jintwera li jkunu ħielsa mill-infezzjoni bil-Bsal, ir-restrizzjoni tal-moviment tas-salamandri, proċeduri iġjeniċi u miżuri ta' bijosigurtà jew it-trattament tas-salamandri kontra l-Bsal huma miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju importanti li jipprevjenu t-tixrid ta' dik il-marda.

(6)

L-Assistenza EFSA enfasizzat ukoll ħafna lakuni u inċertezzi fl-għarfien attwali dwar il-Bsal. B'mod partikolari, hi kkonkludiet li minħabba l-kumplessità tat-tassonomija, u minħabba n-nuqqas ta' evidenza attwali dwar liema speċijiet huma suxxettibbli għall-Bsal, ir-regoli fil-livell tal-ordni tassonomika x'aktarx li jkunu aktar effikaċi u aktar fattibbli minn regoli speċifiċi għal kull speċi.

(7)

Għalhekk jixraq li jiġu stabbiliti miżuri għall-protezzjoni tas-saħħa fuq il-kummerċ intra-Unjoni ta' konsenji ta' salamandri u fuq l-introduzzjoni ta' dawn il-konsenji fl-Unjoni għall-ordni tassonomika Caudata, biex ikun żgurat li l-Bsal ma jinxteridx mill-kummerċ intra-Unjoni ta' dawn l-annimali u mill-introduzzjoni ta' dawn l-annimali fl-Unjoni. Dawn il-miżuri jenħtieġ li jqisu l-miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju msemmijin fl-Assistenza EFSA, u b'mod partikolari jipprevedu l-kwarantina xierqa, l-ittestjar dijanjostiku u t-trattament tas-salamandri, u ċ-ċertifikazzjoni tal-istatus ta' saħħa tagħhom biex jiġu kkummerċjati fl-Unjoni u biex jiddaħħlu fl-Unjoni. Dawn il-miżuri huma ta' emerġenza, u mhumiex meqjusa bħala miżuri speċifiċi fit-tifsira tal-Artikolu 18(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE.

(8)

Ir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa li japplikaw għall-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi elenkati fl-Anness I tiegħu, u l-amfibji qegħdin imniżżlin fost l-annimali elenkati f'dak l-Anness. Jenħtieġ li l-miżuri għall-protezzjoni tas-saħħa tal-annimali stipulati f'din id-Deċiżjoni ma japplikawx għall-movimenti mhux kummerċjali ta' salamandri domestiċi li jidħlu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 576/2013, minħabba l-ispeċifiċitajiet ta' dawk il-movimenti u minħabba n-nuqqas ta' informazzjoni dwar dawk il-movimenti.

(9)

Jenħtieġ li dawn il-miżuri japplikaw minkejja regoli oħrajn tal-Unjoni li huma potenzjalment rilevanti għall-kummerċ u għall-introduzzjoni tas-salamandri, b'mod partikolari r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 (8).

(10)

L-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) daħħlet l-infezzjoni bil-Bsal fil-Kodiċi tagħha dwar is-Saħħa tal-Annimali Akkwatiċi waqt il-85 Laqgħa Ġenerali tagħha bejn il-21 u s-26 ta' Mejju 2017. Iżda għad ma hemmx standards internazzjonali dettaljati, u hemm nuqqas ta' informazzjoni dwar il-kapaċitajiet tekniċi tas-servizzi veterinarji u tal-laboratorji madwar id-dinja biex jittestjaw għall-Bsal, filwaqt li partijiet ikkonċernati fl-Unjoni Ewropea qegħdin fuq quddiem fil-progress tad-dijanjożi u tat-trattament tal-Bsal u fil-manuvrar sikur ta' salamandri kkummerċjati. Għalhekk jixraq li l-parti l-kbira tal-miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju, b'mod partikolari l-kwarantina fi stabbiliment xieraq, l-ittestjar u t-trattament ta' salamandri negozjati u mdaħħlin fl-UE jenħtieġ li jsiru minn awtoritajiet veterinarji kompetenti, minn operaturi u minn laboratorji fl-Unjoni.

(11)

Skont l-Assistenza EFSA, jista' jkun li l-Bsal jiġi trażmess minn speċi ta' salamandri għal oħra li jkunu nattivi ta' żoni differenti, u jista' jkun hemm kontaminazzjoni inkroċjata f'diversi stabbilimenti li jrabbu, li jiġbru jew li jiddistribwixxu s-salamandri. Minħabba f'hekk, jeżisti r-riskju li s-salamandri kkummerċjati jaqbadhom il-Bsal, jiġu minn fejn jiġu, u tkun xi tkun il-qagħda tal-ispeċi fin-natura. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-konsenji kollha ta' salamandri maħsubin għall-kummerċ intra-Unjoni, jew maħsubin biex jiddaħħlu fl-Unjoni jiġu suġġetti għall-miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju.

(12)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet minimi għall-istabbilimenti xierqa biex jintużaw għall-kwarantina tas-salamandri biex tkun żgurata l-bijosigurtà tagħhom, u l-immaniġġar tas-salamandri li jmutu f'dawk l-istabbilimenti jenħtieġ li jsir skont ir-regoli speċifiċi eżistenti stabbiliti fir-Regolament dwar il-prodotti sekondarji tal-Annimali (9).

(13)

Rigward id-daqs tal-unitajiet epidemjoloġiċi fil-kwarantina, għandu jiġi speċifikat daqs minimu li jkun eliġibbli għaċ-ċertifikazzjoni ta' riżultati negattivi tal-ittestjar dijanjostiku minħabba s-sensittività limitata tal-aħjar assaġġ ta' traskriptażi inversa u reazzjoni katina bil-polimerażi f'ħin reali disponibbli, li jkun affidabbli biżżejjed biex jintuża biss jekk l-unitajiet epidemjoloġiċi jkun fihom għallinqas 62 salamandra.

(14)

Is-salamandri li jkunu għaddew mill-kwarantina u l-ittestjar b'riżultati negattivi, jew bi trattament sodisfaċenti fl-Unjoni jenħtieġ li ma jerġgħux jiġu soġġetti għall-kwarantina jew għall-ittestjar għal darba oħra, dejjem jekk ikunu nżammu iżolati minn salamandri bi status ta' saħħa differenti minn tagħhom fi stabbiliment xieraq.

(15)

Rigward it-trattamenti, dawn jenħtieġ li jiġu speċifikati u jkunu jaqblu mal-protokolli li diġà huma deskritti fil-litteratura evalwata bejn il-pari enfasizzata mill-Assistenza EFSA jew ma' oħrajn komparabbli.

(16)

Jenħtieġ li tiġi stabbilita lista ta' pajjiżi terzi approvati biex joħorġu ċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta' konsenji ta' salamandri, u din trid tkun limitata għal dawk il-pajjiżi li diġà taw biżżejjed garanziji li ma jippermettux ċertifikazzjoni qarrieqa u frodulenti fil-ħruġ taċ-ċertifikati, li għallinqas ikunu ekwivalenti għad-Direttiva tal-Kunsill 96/93/KE (10). Għalhekk jixraq li nirreferu għal-listi li diġà jeżistu fil-kuntest tal-introduzzjoni fl-Unjoni ta' prodotti oħra. Dawn il-pajjiżi terzi qegħdin elenkati fl-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/211/KE (11), fil-Parti 2 tal-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE (12), fl-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 798/2008 (13), fil-Parti 1 tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 119/2009 (14), fil-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 (15), jew fl-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 605/2010 (16), rispettivament.

(17)

Jenħtieġ li l-konsenji tas-salamandri jiddaħħlu fl-Unjoni biss jekk jikkonformaw mar-rekwiżiti kollha u jekk l-awtorità veterinarja kompetenti tal-post ta' spezzjoni fil-fruntiera tad-dħul tista' taċċerta li l-konsenji se jiġu aċċettati minn operatur li jkun responsabbli minn stabbiliment xieraq tad-destinazzjoni li se jdaħħalhom fil-kwarantina kif jenħtieġ.

(18)

Il-wasla reali fil-post ta' kwarantina tal-konsenji ta' salamandri ġejjin minn pajjiżi terzi li jiddaħlu fl-Unjoni jenħtieġ li tiġi rreġistrata fil-verżjoni elettronika tad-dokument veterinarju komuni għad-dħul stabbilit fl-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 282/2004 (17) u ġestit mis-sistema tal-Kontroll tal-Kummerċ u tal-Esperti veterinarji magħrufa bħala TRACES, biex l-awtorità kompetenti veterinarja tal-post ta' spezzjoni fil-punt tad-dħul tkun infurmata bil-wasla tagħhom b'mod affidabbli.

(19)

Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tipprevedi perjodu ta' tranżizzjoni biex l-Istati Membri, l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi ekonomiċi jkollhom iż-żmien li jistabbilixxu l-proċeduri meħtieġa biex ikunu f'pożizzjoni li jikkonformaw mar-regoli stabbiliti f'din id-Deċiżjoni. Dan il-perjodu jrid jiġi limitat għal ftit xhur. Sadattant jenħtieġ li jkunu qed japplikaw diġà l-miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju bbażati fuq il-livell ta' protezzjoni meħtieġ mill-Istati Membri ta' destinazzjoni.

(20)

Huwa mistenni li fis-snin li ġejjin ikun hemm aktar informazzjoni disponibbli dwar il-Bsal minn sorsi xjentifiċi u mir-riżultati tal-kontrolli uffiċjali li jitwettqu mill-Istati Membri, li tissupplimenta l-għarfien attwali dwar dik il-marda. Għalhekk jenħtieġ li l-miżuri ta' protezzjoni tas-saħħa tal-annimali stabbiliti f'din id-Deċiżjoni jkunu temporanji. Madankollu jenħtieġ li dawn japplikaw għallinqas sal-31 ta' Diċembru 2019 biex ikun hemm biżżejjed żmien li l-Istati Membri jimplimentawhom u sussegwentement jirrappurtaw dwarhom u jiġu kkunsidrati, filwaqt li jistgħu jiġu stabbiliti regoli permanenti tal-UE dwar is-saħħa tal-annimali skont ir-Regolament (UE) 2016/429 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali, li japplikaw mid-data tal-applikazzjoni ta' dak ir-Regolament.

(21)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni jikkonformaw mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-miżuri ta' protezzjoni tas-saħħa tal-annimali għall-kummerċ intra-Unjoni ta' konsenji ta' salamandri u għall-introduzzjoni ta' dawn il-konsenji fl-Unjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“salamandri” huma l-amfibji kollha tal-ordni Caudata;

(b)

“Bsal” huwa l-fungus Batrachochytrium salamandrivorans (kingdom fungi, Phylum Chytridiomycota, ordni Rhizophydiales);

(c)

“unità epidemjoloġika” hija grupp ta' salamandri li għandhom l-istess possibbiltà li jkunu esposti għall-Bsal;

(d)

“kwarantina” hija ż-żamma tas-salamandri fl-iżolament mingħajr kuntatt dirett jew indirett ma' salamandri minn barra l-unità epidemjoloġika, bil-għan li jkun żgurat li ma jkunx hemm tixrid tal-Bsal waqt li l-annimali fl-iżolament ikunu qed jiġu osservati għal tul ta' żmien speċifikat u, jekk hemm bżonn, jiġu ttestjati u ttrattati;

(e)

“operatur” huwa kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun responsabbli mis-salamandri, anki jekk għal żmien limitat, iżda li ma tinkludix nies li jżommu s-salamandri bħala annimali ta' kumpanija;

(f)

“stabbiliment xieraq” huwa bini:

(i)

fejn is-salamandri jinżammu fil-kwarantina qabel ma jintbagħtu lejn Stat Membru ieħor jew wara li jiddaħħlu fl-Unjoni; u

(ii)

irreġistrat mill-awtorità kompetenti qabel id-data tal-bidu ta' kwalunkwe kwarantina;

(g)

“test dijanjostiku xieraq” huwa assaġġ ta' traskriptażi inversa u reazzjoni katina bil-polimerażi f'ħin reali li fih primers STerF u STerR speċifiċi skont l-ispeċi biex jamplifikaw framment ta' DNA tal-Bsal ta' 119-il nukleotida;

(h)

“dokument veterinarju komuni għad-dħul” jew “CVED” huwa d-dokument li jinnotifika l-wasla tal-annimali fl-Unjoni kif previst fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 282/2004 u li hu mfassal skont il-mudell stabbilit fl-Anness I tiegħu, u ġestit mis-sistema tal-Kontroll tal-Kummerċ u tal-Esperti veterinarji magħrufa bħala TRACES.

(i)

“każ ikkonfermat ta' Bsal” ifisser il-konferma tal-preżenza tal-Bsal jew tal-materjal ġenetiku tiegħu fuq it-tessut jew fit-tessut tas-salamandri mit-test dijanjostiku rilevanti;

Artikolu 3

Kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-kummerċ intra-Unjoni tas-salamandri

1.   L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu li jintbagħtu konsenji ta' salamandri lil Stat Membru ieħor ħlief meta dawn il-konsenji jikkonformaw mal-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali li ġejjin:

(a)

ikollhom magħhom ċertifikat tas-saħħa tal-annimali li jikkonforma mal-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali stabbilit fil-Parti A tal-Anness I;

(b)

jeħtieġ li s-salamandri ma jurux sinjali kliniċi ta' Bsal, b'mod partikolari ma għandux ikollhom selħiet jew ulċeri jidhru fuq il-ġilda meta jiġu eżaminati mill-veterinarju uffiċjali; dik l-eżaminazzjoni trid issir waqt l-aħħar 24 siegħa qabel il-ħin li tintbagħat il-konsenja lejn l-Istat Membru tad-destinazzjoni;

(c)

is-salamandri jridu jkunu ġejjin minn popolazzjoni li fiha ma kienx hemm mortalitajiet ikkawżati mill-Bsal, u li ma fihiex sinjali tal-Bsal, b'mod partikolari huwa importanti li l-operatur ma jkunx osserva selħiet u ulċeri fuq il-ġilda tal-annimali f'din il-popolazzjoni;

(d)

il-konsenja jenħtieġ li tkun tikkonsisti minn:

(i)

mill-inqas 62 salamandri li jkunu għaddew mill-kwarantina bħala unità epidemjoloġika waħda fi stabbiliment xieraq li jikkonforma mal-kundizzjonijiet minimi stabbiliti fl-Anness II għal perjodu ta' mill-inqas sitt ġimgħat eżatt qabel id-data tal-ħruġ taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali stabbilit fil-Parti A tal-Anness I, u l-kampjuni fuq tampuni, mill-ġilda tas-salamandri fil-konsenja jeħtieġ li jkunu ġew ittestjati bit-test dijanjostiku rilevanti u taw riżultati negattivi waqt il-ħames ġimgħa tal-perjodu tal-kwarantina, bi qbil mad-daqsijiet tal-kampjuni stabbiliti fil-punt 1(a) tal-Anness III; jew

(ii)

is-salamandri li jkunu ngħataw trattament kontra l-Bsal li jissodisfa lill-awtorità kompetenti bi qbil mal-punt 1(b) tal-Anness III.

2.   Meta l-konsenji tas-salamandri jkunu ddaħħlu fl-Unjoni minn pajjiż terz u jkunu diġà għaddew mill-kwarantina fi stabbiliment xieraq tad-destinazzjoni, bi qbil mal-Artikolu 6, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw li jintbagħtu fi Stat Membru ieħor biss meta dawn il-konsenji jikkonformaw mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali stabbiliti fil-paragrafu 1(a), (b) u (c);

(b)

is-salamandri jkunu nżammu fil-kwarantina fl-istabbiliment xieraq li jikkonforma mal-kundizzjonijiet minimi stabbiliti fl-Anness II, bejn tmiem il-perjodu tal-kwarantina wara li jkunu ddaħħlu fl-Unjoni u l-ħruġ taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali stabbilit fil-Parti A tal-Anness I.

Artikolu 4

Il-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-introduzzjoni ta' konsenji ta' salamandri fl-Unjoni

L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu li jiddaħħlu konsenji ta' salamandri fl-Unjoni minn pajjiż terz ħlief meta dawn il-konsenji jikkonformaw mal-kundizzjonijiet li li ġejjin:

(a)

ikunu ġejjin minn pajjiżi terzi elenkati f'wieħed minn dawn li ġejjin:

(i)

l-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE,

(ii)

il-Parti 2 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE,

(iii)

l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 798/2008,

(iv)

il-Parti 1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 119/2009,

(v)

il-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010,

jew

(vi)

l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 605/2010.

(b)

ikollhom magħhom ċertifikat tas-saħħa tal-annimali li jikkonforma mal-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali stabbilit fil-Parti B tal-Anness I;

(c)

jenħtieġ li s-salamandri ma jurux sinjali kliniċi ta' Bsal, b'mod partikolari ma għandux ikollhom selħiet jew ulċeri jidhru fuq il-ġilda meta jiġu eżaminati mill-veterinarju uffiċjali; u dik l-eżaminazzjoni trid tkun saret waqt l-aħħar 24 siegħa qabel il-ħin li tintbagħat il-konsenja lejn l-Unjoni;

(d)

qabel ma jinħareġ iċ-ċertifikat tas-saħħa msemmi fil-punt (b), l-unità epidemjoloġika tas-salamandri fil-konsenja jeħtieġ li tkun ġiet iżolata minn salamandri oħrajn mhux aktar tard mill-ħin tal-eżaminazzjoni biex jinħareġ iċ-ċertifikat, u minn dak iż-żmien ma jridux ikunu ġew f'kuntatt ma' salamandri oħrajn.

Artikolu 5

Attestazzjoni dwar l-istabbiliment xieraq tad-destinazzjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-postijiet ta' spezzjoni fil-fruntiera ma jaċċettawx li jiddaħħlu fl-Unjoni konsenji ta' salamandri mingħajr ma tingħata attestazzjoni bil-miktub mill-importaturi jew mill-aġenti tagħhom, miktuba b'lingwa uffiċjali tal-Istat Membru tal-post ta' spezzjoni fil-fruntiera tad-dħul fl-Unjoni, li tkun iffirmata mill-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli mill-istabbiliment xieraq tad-destinazzjoni, li tiddikjara:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-istabbiliment xieraq tad-destinazzjoni;

(b)

li l-istabbiliment xieraq tad-destinazzjoni jikkonforma mal-kundizzjonijiet minimi stabbiliti fl-Anness II;

(c)

li l-konsenja tas-salamandri tkun aċċettata għall-kwarantina.

Artikolu 6

Ir-regoli tal-kwarantina għall-konsenji ta' salamandri li jiddaħħlu fl-Unjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

1.

Il-veterinarju uffiċjali jew approvat responsabbli mill-istabbiliment xieraq tad-destinazzjoni jirreġistra l-wasla tal-konsenja ta' salamandri li ddaħħlu fl-Unjoni minn pajjiż terz fil-Kaxxa 45 tal-Parti 3 fil-verżjoni elettronika tad-dokument veterinarju komuni għad-dħul.

2.

Il-veterinarju uffiċjali jew approvat jiżgura li l-operatur iżomm il-konsenja ta' salamandri fil-kwarantina fl-istabbiliment xieraq tad-destinazzjoni bħala unità epidemjoloġika waħda.

3.

Il-veterinarju uffiċjali jew approvat jispezzjona l-kundizzjonijiet tal-kwarantina għal kull konsenja ta' salamandri, u jeżamina r-rekords tal-mortalità u jagħmel spezzjoni klinika tas-salamandri fl-istabbiliment xieraq tad-destinazzjoni, u joqgħod attent b'mod partikolari għal selħiet jew ulċeri fuq il-ġilda.

4.

Meta konsenja fiha 62 salamandra jew aktar, il-veterinarju uffiċjali jew approvat iwettaq il-proċeduri tal-eżaminazzjoni, tal-kampjunar, tal-ittestjar u tat-trattament tal-Bsal bi qbil mal-proċeduri msemmijin fil-punti 1 u 2 tal-Anness III, wara l-wasla tal-konsenja ta' salamandri fl-istabbiliment xieraq tad-destinazzjoni.

5.

Meta l-konsenja jkun fiha inqas minn 62 salamandri, il-veterinarju uffiċjali jew approvat jiżgura li l-konsenja tiġi ttrattata kontra l-Bsal skont il-punt 3 tal-Anness III, b'mod li jissodisfa l-awtorità kompetenti.

6.

Il-veterinarju uffiċjali jew approvat jirrilaxxa l-konsenja ta' salamandri mill-istabbiliment xieraq tad-destinazzjoni permezz ta' awtorizzazzjoni bil-miktub:

(a)

fil-każ tal-ittestjar kif imsemmi fil-punt 1(a) tal-Anness III, dejjem jekk ikunu għaddew mill-inqas sitt ġimgħat mid-data tal-bidu tal-perjodu ta' kwarantina u mhux qabel ma jaslu r-riżultati negattivi tat-testijiet, skont liema jiġi l-aħħar, jew

(b)

fil-każ tat-trattament kif imsemmi fil-punt 1(b) tal-Anness III, wara li t-trattament ikun tlesta b'mod sodisfaċenti.

Artikolu 7

Il-miżuri li jridu jittieħdu jekk ikun hemm każ ikkonfermat tal-Bsal fi stabbiliment xieraq tad-destinazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jekk waqt il-kwarantina jiġi kkonfermat li jkun hemm mill-inqas salamandra waħda minn unità epidemjoloġika li tkun infettata bil-Bsal, jittieħdu l-miżuri li ġejjin mill-istabbiliment xieraq tad-destinazzjoni:

(a)

is-salamandri kollha fl-istess unità epidemjoloġika:

(i)

jew jingħataw trattament kontra l-Bsal li jissodisfa lill-awtorità kompetenti bi qbil mal-punt 3 tal-Anness III; inkella

(ii)

jinqatlu u jiġu skartati bħala prodotti sekondarji tal-annimali bi qbil mal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009.

(b)

wara li jitlestew il-miżuri msemmijin fil-punt (a), il-post fl-istabbiliment xieraq tad-destinazzjoni fejn tkun inżammet l-unità epidemjoloġika jitnaddaf u jiġi ddiżinfettat b'mod li jissodisfa lill-awtorità kompetenti.

2.   L-awtorità kompetenti tista' teħtieġ l-ittestjar tas-salamandri ttrattati biex tiġi vverifikata l-effikaċja tat-trattament imsemmi fil-punt 1(a)(i) u tista' teħtieġ trattamenti ripetuti, skont il-bżonn, biex tipprevjenti t-tifrix tal-Bsal.

Artikolu 8

Spejjeż

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispejjeż kollha tal-kwarantina, tal-ittestjar, u fejn hemm bżonn, tal-miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju u tat-trattamenti jitħallsu mill-operatur jew mill-importatur.

Artikolu 9

Ir-rekwiżiti tar-rappurtar annwali

Mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju ta' kull sena, mill-2019 'il quddiem, dawk l-Istati Membri li kellhom konsenji ta' salamandri fis-sena preċedenti, għandhom jippreżentaw l-informazzjoni għas-sena preċedenti lill-Kummissjoni u jiddistingwu bejn l-informazzjoni marbuta mal-kummerċ intra-Unjoni u l-introduzzjoni ta' konsenji ta' salamandri fl-Unjoni:

(a)

l-għadd ta' unitajiet epidemjoloġiċi li kien fihom mill-inqas każ wieħed ta' Bsal ikkonfermat;

(b)

l-għadd ta' unitajiet epidemjoloġiċi ttrattati mingħajr ma kien fihom każ ikkonfermat;

(c)

kull informazzjoni oħra li jqisu li tkun rilevanti dwar l-ittestjar, it-trattament jew l-immaniġġjar tal-konsenji u dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 10

Miżuri tranżizzjonali

1.   Għal perjodu tranżizzjonali sas-6 ta' Settembru 2018, l-Istati Membri tad-destinazzjoni jistgħu jaċċettaw fit-territorju tagħhom konsenji ta' salamandri minn Stati Membri oħra li ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-Annimali stabbiliti fl-Artikolu 3, f'kundizzjonijiet xierqa tal-mitigazzjoni tar-riskju li jiġu ddeterminati mill-awtorità kompetenti wara konsultazzjoni mal-operaturi, u jekk ikun hemm bżonn, mal-Istat Membru tal-oriġini.

2.   Għal perjodu tranżizzjonali sas-6 ta' Settembru 2018, daħħal id-data ta' 6 xhur wara l-pubblikazzjoni], l-Istati Membri tad-destinazzjoni jistgħu jaċċettaw fit-territorju tagħhom konsenji ta' salamandri li jiddaħħlu fl-Unjoni minn pajjiż terz li ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali stabbiliti fl-Artikolu 4, dejjem jekk jiġu ttrattati bi qbil mal-Artikoli 5 sa 7.

Artikolu 11

Applikabbiltà

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta' Diċembru 2019.

Artikolu 12

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Frar 2018.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

(2)  ĠU L 268, 24.9.1991, p. 56.

(3)  EFSA Journal (2017); 15(11):5071

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Il-liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1).

(5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta' Lulju 1992 li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta', u l-importazzjoni fil-Komunità ta' annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta' saħħa tal-annimali meħtieġa f'regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(I) tad-Direttiva 90/425/KEE (ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54).

(6)  EFSA Journal 2017;15(2):4739.

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 (ĠU L 178, 28.6.2013, p. 1).

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta' Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta' speċi ta' fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom (ĠU L 61, 3.3.1997, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1).

(10)  Id-Direttiva tal-Kunsill 96/93/KE tas-17 ta' Diċembru 1996 dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-annimali u tal-prodotti tal-annimali, (ĠU L 13, tas-16.1.1997, p. 28).

(11)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/211/KE tas-6 ta' Jannar 2004 li tistabbilixxi l-lista ta' pajjiżi terzi u ta' partijiet mit-territorju tagħhom li minnhom l-Istati Membri jawtorizzaw l-importazzjoni ta' equidae ħajjin u ta' semen, ova u embrijuni tal-ispeċi ekwina, u li temenda d-Deċiżjonijiet Nru 93/195/KEE u 94/63/KE (ĠU L 73, 11.3.2004, p. 1).

(12)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE tad-29 ta' Novembru 2007 li tistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika kif ukoll il-mudelli taċ-ċertifikati għall-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti tal-laħam u tal-istonku, il-bżieżaq tal-awrina u l-imsaren ittrattati għall-konsum mill-bniedem minn pajjiżi terzi u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2005/432/KE (ĠU L 312, 30.11.2007, p. 49).

(13)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 798/2008 tat-8 ta' Awwissu 2008 li jistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi, territorji, żoni jew kumpartimenti li minnhom jistgħu jiġu impurtati u jsir tranżitu ta' tjur u prodotti tat-tjur fil-Komunità u r-rekwiżiti ta' ċertifikazzjoni veterinarja (ĠU L 226, 23.8.2008, p. 1).

(14)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 119/2009 tad-9 ta' Frar 2009 li jistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi jew ta' partijiet minnhom, għall-importazzjoni fil-Komunità, jew għat-tranżitu minnha, ta' laħam ta' leporidae selvaġġi, ta' ċerti mammali tal-art selvaġġi u ta' fniek imrobbija fl-irziezet u r-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni veterinarja (ĠU L 39, 10.2.2009, p. 12).

(15)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 tat-12 ta' Marzu 2010 li jistabbilixxi listi ta' pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom awtorizzati għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta' annimali partikulari u laħam frisk u r-rekwiżiti relatati maċ-ċertifikazzjoni veterinarja (ĠU L 73, 20.3.2010, p. 1).

(16)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 605/2010 tat-2 ta' Lulju 2010 li jistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika kif ukoll iċ-ċertifikazzjoni veterinarja għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta' ħalib mhux ipproċessat, prodotti tal-ħalib, kolostru u prodotti li fihom il-kolostru maħsuba għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 175, 10.7.2010, p. 1).

(17)  Ir-Regolament (KE) Nru 282/2004 tal-Kummissjoni tat-18 ta' Frar 2004 li jintroduċi dokument għad-dikjarazzjoni, u kontroll veterinarju, fuq annimali minn pajjiżi terzi li deħlin fil-Komunità (ĠU L 49, 19.2.2004, p. 11);


ANNESS I

PARTI A

ĊERTIFIKAT TAS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI

għall-kummerċ intra-Unjoni tas-salamandri

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

PARTI B

ĊERTIFIKAT TAS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI

għall-introduzzjoni ta' konsenji ta' salamandri fl-Unjoni Ewropea

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS II

KUNDIZZJONIJIET MINIMI GĦALL-ISTABBILIMENTI XIERQA TAD-DESTINAZZJONI

(1)

L-istabbiliment xieraq tad-destinazzjoni:

(a)

għandu sistema li tiżgura s-sorveljanza adegwata tas-salamandri;

(b)

huwa taħt il-kontroll ta' veterinarju uffiċjali jew approvat;

(c)

tnaddaf u ġie ddiżinfettat skont l-istruzzjonijiet tal-awtorità kompetenti.

(2)

L-operatur tal-istabbiliment xieraq jiżgura li:

(a)

isir tindif u diżinfezzjoni tal-akkwarji, taċ-ċestuni jew ta' oġġetti oħra li jistgħu jferrxu l-fungus li ntużaw għat-trasportazzjoni tas-salamandri, jekk dawn l-oġġetti ma jinqerdux, b'mod li jipprevjeni t-tifrix tal-Bsal.

(b)

il-materjal ta' skart u l-ilma skartat jinġabar b'mod regolari, jinħażen, imbagħad jiġi ttrattat b'mod li jipprevjeni t-tifrix tal-Bsal;

(c)

il-karkassi ta' salamandri fil-kwarantina jiġu eżaminati f'laboratorju li jkun indikat mill-awtorità kompetenti;

(d)

it-testijiet u t-trattamenti tas-salamandri meħtieġa jsiru b'konsultazzjoni mal-veterinarju uffiċjali jew approvat jew taħt il-kontroll tiegħu.

(3)

L-operatur tal-istabbiliment xieraq tad-destinazzjoni jinforma lill-veterinarju uffiċjali jew approvat dwar il-mard u l-imwiet tas-salamandri waqt il-kwarantina.

(4)

L-operatur tal-istabbiliment xieraq tad-destinazzjoni jżomm rekord:

(a)

tad-data, tal-għadd u tal-ispeċijiet tas-salamandri li jidħlu u joħorġu f'kull konsenja;

(b)

tal-kopji taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali u tad-dokumenti veterinarji komuni għad-dħul li jakkumpanjaw il-konsenja ta' salamandri;

(c)

tal-każijiet ta' mard u tal-għadd ta' mwiet kuljum;

(d)

id-dati u r-riżultati tal-ittestjar;

(e)

tat-tipi ta' trattament u d-dati tagħhom, u tal-għadd ta' annimali li sar fuqhom.


ANNESS III

IL-PROĊEDURI TAL-EŻAMINAZZJONI, TAL-KAMPJUNAR, TAL-ITTESTJAR U TAT-TRATTAMENT GĦALL-BSAL

(1)

Waqt il-kwarantina s-salamandri jiġu soġġetti għall-proċeduri li ġejjin:

(a)

Jekk id-daqs tal-unità epidemjoloġika huwa ta' 62 jew iżjed, il-kampjuni meħudin b'tampun minn fuq il-ġilda tas-salamandri fil-kwarantina jridu jiġu eżaminati bit-test dijanjostiku rilevanti taħt il-kontroll tal-veterinarju uffiċjali jew approvat waqt il-ħames ġimgħa ta' wara d-dħul tagħhom fl-istabbiliment xieraq, skont id-daqsijiet tal-kampjuni stipulati fit-tabella ta' referenza, dejjem jekk l-operatur ma jagħżilx li jsegwi t-trattament skont il-punt (b).

Tabella ta' Referenza (1):

Id-daqs tal-unità epidemjoloġika

62

186

200

250

300

350

400

450

Id-daqs tal-kampjun

62

96

98

102

106

108

110

111

(b)

Jekk l-operatur jagħżel wieħed mit-trattamenti elenkati fil-punt (3) jew f'kull każ meta d-daqs tal-unità epidemjoloġika tkun inqas minn 62, jenħtieġ li s-salamandri kollha fil-konsenja jiġu ttrattati kontra l-Bsal mill-operatur taħt il-kontroll tal-veterinarju uffiċjali jew approvat, b'mod li jissodisfa lill-awtorità kompetenti.

(c)

Fil-każijiet imsemmijin fil-punt (b) il-veterinarju uffiċjali jew approvat jista' jitlob l-ittestjar rappreżentattiv tal-unità epidemjoloġika bit-test dijanjostiku rilevanti qabel ma jsir it-trattament, biex jissorvelja għall-preżenza tal-Bsal, jew, wara t-trattament, biex jivverifika li m'hemmx Bsal.

(d)

Il-kampjuni meħudin b'tampun minn fuq il-ġilda tas-salamandri l-mejtin kollha jew dawk kollha li huma morda klinikament, b'mod partikolari dawk li għandhom selħiet fuq il-ġilda, jenħtieġ li jiġu eżaminati taħt il-kontroll tal-veterinarju uffiċjali jew approvat, bit-test dijanjostiku rilevanti fil-ħin li jidhru s-selħiet fil-ġilda jew xi sinjali kliniċi oħra, jew fil-ħin li jmutu s-salamandri, liema minn dawn jiġri l-ewwel.

(e)

Is-salamandri kollha li jmutu fl-istabbiliment xieraq iridu jiġu soġġetti għal eżaminazzjoni post-mortem taħt il-kontroll tal-veterinarju uffiċjali jew approvat, b'mod partikolari għall-ittestjar għas-sinjali tal-Bsal, jew biex sa fejn hu possibbli, il-Bsal jiġi kkonfermat bħala l-kawża tal-mewt jew jiġi eskluż.

(2)

L-ittestjar kollu tal-kampjuni u l-eżaminazzjoni post-mortem li jsiru waqt il-kwarantina jridu jsiru fil-laboratorji indikati mill-veterinarju uffiċjali jew approvat.

(3)

It-trattamenti li ġejjin huma meqjusa li huma sodisfaċenti:

(a)

is-salamandri jinżammu f'temperatura ta' mill-inqas 25 °C għal mill-inqas 12-il jum;

(b)

is-salamandri jinżammu f'temperatura ta' mill-inqas 20 °C għal mill-inqas 10 ijiem flimkien ma' trattament f'banjijiet ta' sommersjoni fil-polimajżin E (2 000 IU/ml) darbtejn kuljum għal 10 minuti u wara jiġu sprejjati bil-vorikonażol (12,5 μg/ml);

(c)

kwalunkwe trattament ieħor li jkun irrappurtat f'artiklu evalwat bejn il-pari u ppubblikat f'ġurnal xjentifiku li jagħti riżultati kumparabbli ta' eliminazzjoni tal-Bsal.


(1)  B'assunzjoni ta' prevalenza tal-Bsal ta' 3 % fl-unità epidemjoloġika, u bi żgurar ta'rata ta' affidabbiltà ta' 95 % u s-sensittività tat-test dijanjostiku rilevanti kkalkolata li hi 80 %.