5.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 62/10


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/319

tas-27 ta' Frar 2018

dwar il-pożizzjoni li trid tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fis-26 sessjoni tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal- Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija rigward ċerti emendi fil-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija u fl-Appendiċijiet tagħha

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Unjoni aderiet mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad-9 ta' Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta' Vilnius tat-3 ta' Ġunju 1999 (“il- Konvenzjoni COTIF”), f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE (1).

(2)

L-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni ta' Ċipru u Malta, japplikaw il-Konvenzjoni COTIF.

(3)

Il-Kumitat tar-Reviżjoni tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (“il-Kumitat tar-Reviżjoni”) ġie stabbilit skont il-punt (c) tal-Artikolu 13(1) tal-Konvenzjoni COTIF. Fis-26 sessjoni tiegħu, li għandha ssir mis-27 ta' Frar sal-1 ta' Marzu 2018, il-Kumitat tar-Reviżjoni mistenni jiddeċiedi dwar ċerti emendi fil-Konvenzjoni COTIF kif ukoll fl-Appendiċijiet tagħha, jiġifieri fl-Appendiċi E (Regoli Uniformi dwar il-Kuntratt tal-Użu tal-Infrastruttura fit-Traffiku Ferrovjarju Internazzjonali — CUI), fl-Appendiċi F (Regoli Uniformi li jirrigwardaw il-Validazzjoni ta' Standards Tekniċi u l-Adozzjoni ta' Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi Applikati għall-Materjal tal-Ferroviji bl-intenzjoni li jintużaw mit-Traffiku Internazzjonali — APTU) u fl-Appendiċi G (Regoli Uniformi li jirrigwardaw l-Ammissjoni Teknika ta' Materjal tal-Ferroviji użat fit-Traffiku Internazzjonali — ATMF).

(4)

Matul is-26 sessjoni tiegħu, il-Kumitat tar-Reviżjoni ser jiddeċiedi wkoll dwar l-adozzjoni ta' Appendiċi H ġdid dwar l-operat sikur tal-ferroviji fit-traffiku internazzjonali.

(5)

L-emendi tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat tar-Reviżjoni għandhom l-għan li jaġġornaw ċerti dispożizzjonijiet b'riżultat tal-adeżjoni tal-Unjoni għall-Konvenzjoni COTIF fl-2011, b'mod partikolari fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-dritt tal-vot ta' organizzazzjoni reġjonali u l-istabbiliment ta' kworum.

(6)

L-emendi tal-Konvenzjoni COTIF għandhom l-għan li jtejbu u jiffaċilitaw il-proċedura għar-reviżjoni tal-Konvenzjoni COTIF bil-ħsieb ta' implimentazzjoni rapida u konsistenti tal-emendi tal-Konvenzjoni COTIF u tal-Appendiċijiet tagħha, u sabiex jiġu evitati effetti negattivi tal-proċedura ta' reviżjoni attwali li tieħu fit-tul, inkluż ir-riskju ta' allinjament ħażin intern bejn l-emendi adottati mill-Kumitat tar-Reviżjoni u dawk adottati mill-Assemblea Ġenerali tal-OTIF, kif ukoll allinjament ħażin estern, b'mod partikolari mal-liġi tal-Unjoni.

(7)

L-emendi fl-Appendiċi E (CUI) għandhom l-għan li jiċċaraw il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regoli Uniformi tal-CUI biex jiġi żgurat li dawk ir-regoli jiġu applikati b'mod aktar sistematiku għall-għan maħsub tagħhom, jiġifieri għat-traffiku internazzjonali bil-ferrovija bħal fil-kurituri tal-merkanzija jew fil-ferroviji internazzjonali tal-passiġġieri.

(8)

L-emendi fl-Appendiċijiet F (APTU) u G (ATMF) għandhom l-għan li jiksbu armonizzazzjoni bejn ir-regoli tal-OTIF u r-regoli tal-Unjoni, b'mod partikolari wara li l-Unjoni adottat ir-raba' pakkett ferrovjarju fl-2016.

(9)

L-Appendiċi H il-ġdid huwa maħsub biex itejjeb l-interoperabbiltà lil hinn mill-Unjoni, abbażi tal-kunċett ta' kriterji armonizzati għall-ħruġ mill-awtoritajiet Statli ta' Ċertifikati tas-Sikurezza lill-impriżi ferrovjarji bħala prova li l-impriżi ferrovjarji kapaċi joperaw il-ferroviji b'mod sikur fl-Istat ikkonċernat.

(10)

Il-maġġoranza tal-emendi proposti jaqblu mal-liġi u mal-għanijet strateġiċi tal-Unjoni, u għaldaqstant jenħtieġ li jiġu appoġġati mill-Unjoni. Ċerti emendi jenħtieġ li jkun hemm aktar diskussjoni dwarhom fl-Unjoni u għandhom jitwarrbu fis-26 sessjoni tal-Kumitat tar-Reviżjoni.

(11)

Għalhekk, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fis-26 sessjoni tal-Kumitat tar-Reviżjoni tkun ibbażata fuq l-allegat għal din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-pożizzjoni li trid tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fis-26 sessjoni tal-Kumitat tar-Reviżjoni stabbilit bil-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad-9 ta' Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta' Vilnius tat-3 ta' Ġunju 1999, għandha tkun ibbażata fuq l-allegat għal din id-Deċiżjoni.

2.   Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat tar-Reviżjoni jistgħu jaqblu ma' tibdiliet żgħar fid-dokumenti msemmija fl-allegat għal din id-deċiżjoni mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Wara l-adozzjoni tagħha, id-Deċiżjoni tal-Kumitat tar-Reviżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Frar 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

E. ZAHARIEVA


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE tas-16 ta' Ġunju 2011 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta' Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta' Vilnius tat-3 ta' Ġunju 1999 (ĠU L 51, 23.2.2013, p. 1).


DOKUMENT MEHMUŻ

1.   INTRODUZZJONI

Is-Segretarjat Ġenerali (SĠ) tal-OTIF sejjaħ is-26 sessjoni tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-COTIF99 f'Bern, l-Iżvizzera, mis-27 ta' Frar sal-1 ta' Marzu 2018. Id-dokumenti dwar il-punti tal-aġenda huma disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-OTIF f'dan il-link: http://otif.org/en/?page_id=126

2.   KUMMENTI DWAR IL-PUNTI TAL-AĠENDA

Il-Punt 1 tal-Aġenda - Il-ftuħ tal-laqgħa u l-istabbiliment tal-kworum

Dokument(i): ebda dokument

Kompetenza: L-Unjoni (kondiviża)

Eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot: mhux disponibbli

Pożizzjoni: ebda pożizzjoni

Il-Punt 2 tal-Aġenda – L-elezzjoni tal-president u tal-viċi president

Dokument(i): ebda dokument

Kompetenza: L-Unjoni (kondiviża)

Eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot: L-Istati Membri

Pożizzjoni: ebda pożizzjoni

Il-Punt 3 tal-Aġenda – L-adozzjoni tal-aġenda

Dokument(i): LAW-17125-CR 26/3.1

Kompetenza: L-Unjoni (kondiviża u esklużiva)

Eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot: L-Unjoni

Pożizzjoni: Favur l-adozzjoni tal-abbozz tal-aġenda

Il-Punt 4 tal-Aġenda – Il-modifika tar-Regoli ta' Proċedura

Dokument(i): LAW-17125-CR 26/4

Kompetenza: L-Unjoni (kondiviża u esklużiva)

Eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot: L-Unjoni

Pożizzjoni: Appoġġ għall-abbozz ta' emendi proposti għar-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF, bl-eċċezzjoni tal-punti li ġejjin:

a.

l-Artikolu 9(2) tar-Regoli ta' Proċedura għandhom jipprevedu li “Il-perijodu għandu jkun 12-il ġimgħa jekk id-dokument jiġi ppreżentat bit-tliet lingwi ta' ħidma kollha.”; u

b.

il-bidla fl-Artikolu 9(4) tar-Regoli ta' Proċedura dwar il-vot fin-nuqqas ta' verżjonijiet lingwistiċi hija rrifjutata.

Il-verżjoni attwali tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat ta' Reviżjoni hija anterjuri għall-adeżjoni tal-Unjoni għall-Konvenzjoni COTIF; għalhekk, ċerti dispożizzjonijiet huma skaduti u jenħtieġ li jiġu aġġornati. B'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-drittijiet għall-vot tal-Unjoni u li jistabbilixxu l-kworum (l-Artikoli 4, 20 u 21) iridu jiġu modifikati sabiex jikkonformaw mal-Artikolu 38 tal-COTIF u mal-Ftehim UE-OTIF.

Il-Punt 5 fuq l-Aġenda – Ir-reviżjoni parzjali tal-Konvenzjoni bażi: emenda tal-proċedura għar-reviżjoni tal-COTIF

Dokument(i): LAW-17126-CR 26/5

Kompetenza: L-Unjoni (kondiviża)

Eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot: L-Istati Membri

Pożizzjoni: Appoġġ għall-adozzjoni tar-reviżjoni proposta tal-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni biex jiġi stipulat perjodu ta' żmien fiss (36 xahar) għad-dħul fis-seħħ tal-emendi tal-Appendiċijiet adottati mill-Assemblea Ġenerali, fosthom il-klawżola ta' flessibbiltà biex l-iskadenza tiġi estiża skont il-każ, fejn jiġi deċiż hekk mill-Assemblea Ġenerali bil-maġġoranza stipulata fl-Artikolu 14 § 6 tal-COTIF.

Il-proposti għandhom l-għan li jtejbu u jiffaċilitaw il-proċedura għar-reviżjoni tal-Konvenzjoni COTIF bil-ħsieb ta' implimentazzjoni rapida u konsistenti tal-emendi tal-Konvenzjoni u tal-Appendiċijiet tagħha, u sabiex jiġu evitati effetti negattivi tal-proċedura ta' reviżjoni attwali li tieħu fit-tul, inkluż ir-riskju ta' allinjament ħażin intern bejn l-emendi adottati mill-Kumitat tar-Reviżjoni u dawk adottati mill-Assemblea Ġenerali, kif ukoll allinjament ħażin estern, b'mod partikolari mad-dritt tal-Unjoni. Ir-rakkomandazzjoni tas-Segretarjat tal-OTIF irriflettiet il-fehma dominanti fi ħdan grupp ta' ħidma rilevanti li ttratta din il-materja; ġie stabbilit li l-Membri tal-OTIF għandhom ikunu kapaċi jittrasponu l-emendi adottati, fosthom permezz ta' proċeduri parlamentari, fi żmien tliet snin. Il-proposta tidher meħtieġa biex tappoġġa l-funzjonament u l-iżvilupp effiċjenti tal-OTIF.

Il-Punt 6 tal-Aġenda - Ir-reviżjoni parzjali tas-CIM UR - Ir-rapport tas-Segretarju Ġenerali

Dokument(i): LAW-17126-CR 26/6

Kompetenza: L-Unjoni (kondiviża u esklużiva)

Eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot: L-Unjoni (jekk jittieħed vot)

Pożizzjoni: Jitqies ir-rapport tas-Segretarju Ġenerali, tingħata xi informazzjoni dwar attivitajiet u żviluppi rilevanti li għaddejjin bħalissa, tittrawwem aktar ħidma dwar il-valutazzjoni tal-interfaċċi bejn ir-regolamenti tad-dwana u tat-trasport bil-ferrovija, u jingħata appoġġ biex jiġi stabbilit grupp ta' ħidma ta' esperti legali, jew arranġamenti alternattivi tal-koordinazzjoni fil-korpi eżistenti tal-OTIF, fir-rigward ta' kwistjonijiet tad-dwana u d-diġitalizzazzjoni tad-dokumenti tat-trasport tal-merkanzija.

Il-Punt 7 tal-Aġenda - Ir-reviżjoni parzjali tas-CUI UR

Dokument(i): LAW-17128-CR 26/7.1; LAW-17129-CR 26/7.2

Kompetenza: L-Unjoni (kondiviża)

Eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot: L-Istati Membri

Pożizzjoni: Appoġġ għall-proposti għall-emendi għall-Artikoli 1 § 1 u 2, 3 (l-ittra l-ġdida aa) u għall-emendi għall-ittri b), c) u g)), 5 § 1, 5bis § 1 u 2, 7 § 2, 8 § 1 u 2, 9 § 1, u 10 § 3 tas-CUI, u s-Segretarjat Ġenerali tal-OTIF jintalab jissottometti l-modifiki kollha għas-CUI UR lill-Assemblea Ġenerali għal deċiżjoni.

Il-modifika sostanzjali ewlenija għandha l-għan li tiċċara l-kamp ta' applikazzjoni tas-CUI UR bl-introduzzjoni fl-Artikolu 3 tad-definizzjoni ta' “traffiku internazzjonali bil-ferrovija” biex tfisser “traffiku li jeħtieġ l-użu ta' mogħdija ferrovjarja internazzjonali jew diversi mogħdijiet nazzjonali suċċessivi li jinsabu f'tal-anqas żewġ Stati u kkoordinat mill-maniġers tal-infrastruttura kkonċernata”, u bl-emenda tal-Artikolu 1 (Kamp ta' Applikazzjoni) kif meħtieġ, filwaqt li tinżamm ir-rabta mas-CIV u s-CIM UR.

L-objettiv huwa li jiġi żgurat li s-CUI UR jiġu applikati b'mod aktar sistematiku għall-għan maħsub tagħhom, jiġifieri għat-traffiku internazzjonali bil-ferrovija. L-abbozz tal-emenda kif propost lill-Kumitat tar-Reviżjoni jikkorrispondi għat-test ta' kompromess li jirriżulta mill-ħidma tal-grupp ta' ħidma ad hoc fi ħdan l-OTIF, li ltaqa' fl-10 ta' Diċembru 2014, fit-8 ta' Lulju 2015, fl-24 ta' Novembru 2015 u fil-31 ta' Mejju 2016. Il-Kummissjoni kkontribwiet fir-riżultat miksub li, skont il-kamp ta' applikazzjoni u l-objettiv tal-Konvenzjoni COTIF, jiġifieri t-trasport internazzjonali, jikkonferma l-applikazzjoni tas-CUI UR fit-traffiku internazzjonali bil-ferrovija, kif stabbilit fid-definizzjoni l-ġdida.

Il-Kummissjoni vvalutat li l-abbozzi ta' emendi għall-Artikolu 1 u 3, kif proposti mis-Segretarjat tal-OTIF, huwa konsistenti mad-definizzjonijiet u mad-dispożizzjonijiet tal-acquis tal-Unjoni fir-rigward tal-ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja u l-koordinazzjoni bejn il-maniġers tal-infrastruttura (eż. l-Artikoli 40, 43 u 46 tad-Direttiva 2012/34/UE (riformulazzjoni)).

Fir-rigward tal-abbozz ta' emenda propost mis-Segretarjat tal-OTIF għall-Artikolu 8 (Responsabbiltà tal-maniġer), din hija essenzjalment editorjali u ma taffettwax il-kamp ta' applikazzjoni jew is-sustanza tad-dispożizzjoni. L-abbozzi ta' emendi proposti għall-Artikolu 9 kif ukoll għall-Artikoli 3, 5, 5bis, 7 u 10 huma strettament editorjali.

Il-Punt 8 tal-Aġenda - Appendiċi H Ġdid rigward l-operat sikur tal-ferroviji fit-traffiku internazzjonali

Dokument(i): LAW-17130-CR26/8/9/10; LAW-17131-CR26/8.1; LAW-17132-CR 26/8.2

Kompetenza: L-Unjoni (esklużiva)

Eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot: L-Unjoni

Pożizzjoni:

Appoġġ (LAW-17131-CR26/8.1) għall-inklużjoni ta' Appendiċi H ġdid fil-COTIF rigward l-operat sikur tal-ferroviji fit-traffiku internazzjonali għad-deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali, soġġett għal dan li ġej (tħassir – ingassat; żieda – sottolineat, fejn xieraq):

Fl-Artikolu (2)(b): “Awtorità taċ-Ċertifikazzjoni” tinbidel b'“Awtorità taċ-Ċertifikazzjoni tas-Sikurezza”. Jenħtieġ li din is-sostituzzjoni tiġi implimentata konsegwentement fit-test kollu. Bil-Ġermaniż: “Sicherheitsbescheinigungsbehörde” minflok “Zertifizierungsbehörde”. Bil-Franċiż: “autorité de certification de sécurité” minflok “autorité de certification”.

Artikolu 4(1): Tiżdied is-sentenza “L-Awtorità taċ-Ċertifikazzjoni tas-Sikurezza u l-Awtorità tas-Superviżjoni msemmija fl-Artikolu 6(1) jistgħu jkunu żewġ entitajiet separati jew jistgħu jiġu inkorporati fl-istess organizzazzjoni.”

Artikolu 6(1): Tiżdied is-sentenza “L-Awtorità tas-Superviżjoni u l-Awtorità taċ-Ċertifikazzjoni tas-Sikurezza msemmija fl-Artikolu 4(1) jistgħu jkunu żewġ entitajiet separati jew jistgħu jiġu inkorporati fl-istess organizzazzjoni.”

Fl-Artikolu 8(3): Modifika fit-test biex jaqra kif ġej: “Sabiex jiġu implimentati r-rekwiżiti ta' dawn ir-Regoli Uniformi b'mod armonizzat, l-Annessi għal dawn ir-Regoli Uniformi għandhom jinkludu:

(…)

[…]a)

Metodu Komuni tas-Sikurezza għall-ħtiġijiet tas-sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza li għandu jiġi applikat mill-Awtoritajiet taċ-Ċertifikazzjoni tas-Sikurezza meta jinħarġu Ċertifikati tas-Sikurezza u minn impriżi ferrovjarji u maniġers tal-infrastruttura meta jiżviluppaw, jimplimentaw, iżommu u jtejbu s-sistemi ta' ġestjoni tas-sikurezza tagħhom;

[…]b)

Metodu Komuni tas-Sikurezza għall-monitoraġġ li għandu jiġi applikat mill-impriżi ferrovjarji […], il-maniġers tal-infrastruttura u l-entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni;

(c)

Ir-rabtiet neċessarji mal-Metodu Komuni tas-Sikurezza rigward l-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskju li għandhom jiġu applikati mill-impriżi ferrovjarji, il-maniġers tal-infrastruttura u l-entitajiet inkarigati mill-manutenzjoni meta ssir kwalunkwe bidla teknika, operazzjonali jew organizzattiva għas-sistema ferrovjarja;

(d)

Metodu Komuni tas-Sikurezza dwar is-superviżjoni għandu jiġi applikat mill-Awtoritajiet tas-Superviżjoni.

Fl-Artikolu 2(f), titjib editorjali, allinjament mat-terminoloġija tal-Unjoni (verżjoni bil-Ġermaniż): ““Eisenbahnsystem” das Schienennetz in jedem Vertragsstaat, bestehend aus […]Strecken , Bahnhöfen, Drehscheiben und Terminals”.

Fl-Artikolu 7(4), titjib editorjali (verżjoni bil-Ġermaniż): “Die am Betrieb von Zügen im internationalen Verkehr beteiligten Infrastrukturbetreiber und Eisenbahnunternehmen haben […]ein Sicherheitsmanagementsystem einzurichten und dessen korrekte Anwendung in Übereinstimmung mit diesen Einheitlichen Rechtsvorschriften zu kontrollieren.”

Qbil li s-Segretarju Ġenerali jintalab jemenda r-Rapport ta' Spjegazzjoni b'appoġġ għall-Appendiċi H il-ġdid u jissottomettih lill-Assemblea Ġenerali għall-approvazzjoni.

Appoġġ (LAW-17131-CR26/8.2), bl-għan li l-Appendiċi H il-ġdid jiġi inkluż fil-COTIF, għall-modifiki fl-Artikoli 2, 6, 20, 33 u 35 tal-COTIF, u qbil li s-Segretarju Ġenerali jintalab jissottomettihom lill-Assemblea Ġenerali għal deċiżjoni.

L-abbozz tal-Appendiċi H il-ġdid jistabbilixxi dispożizzjonijiet li jirregolaw l-operat sikur tal-ferroviji fit-traffiku internazzjonali bl-objettiv li l-COTIF tiġi armonizzata mal-acquis tal-Unjoni u biex jingħata appoġġ lill-interoperabbiltà lil hinn mill-Unjoni Ewropea. It-test propost huwa konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2016/798 il-ġdida dwar is-sikurezza u l-leġislazzjoni sekondarja relatata, għajr għal kwistjonijiet minuri li għandhom jiġu indirizzati skont il-proposti msemmija hawn fuq. Kif indikat, jenħtieġ ukoll li ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni COTIF jiġu modifikati bl-għan tal-inklużjoni ta' dan l-Appendiċi H il-ġdid.

Il-Punt 9 tal-Aġenda - Ir-Reviżjoni parzjali tal-ATMF UR

Dokument(i): LAW-17130-CR26/8/9/10; LAW-17133-CR26/9; LAW-17134-CR26/09-10

Kompetenza: L-Unjoni (esklużiva)

Eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot: L-Unjoni

Pożizzjoni: Appoġġ lir-reviżjoni parzjali tal-ATMF UR kif proposta mis-Segretarjat tal-OTIF, soġġett għal dan li ġej (tħassir – ingassat; żieda – sottolineat, fejn xieraq):

Fl-Artikolu 7(1a) modifika fit-test biex jaqra kif ġej: “Il-vetturi għandhom jikkonformaw mal-UTPs applikabbli fiż-żmien tat-talba għall-ammissjoni, għall-aġġornament jew għat-tiġdid, f'konformità ma' dawn ir-Regoli Uniformi u filwaqt li titqies l-istrateġija tal-migrazzjoni għall-applikazzjoni tal-UTPs kif stabbiliti fl-Artikoli 8(2a) u 8(4)(f) tal-APTU, u l-possibbiltajiet għal derogi stabbiliti fl-Artikolu 7a tal-ATMF ; din il-konformità għandha tinżamm b'mod permanenti sakemm kull vettura tkun qed tintuża.

Is-CTE għandu jqis il-ħtieġa li jiġi żviluppat Anness ta' dawn ir-Regoli Uniformi inklużi d-dispożizzjonijiet li jippermettu li l-applikanti jkollhom aktar ċertezza tad-dritt dwar il-preskrizzjonijiet li għandhom jiġu applikati, qabel ma jissottomettu t-talba tagħhom għall-ammissjoni, għall-aġġornament jew għat-tiġdid tal-vetturi.

Fl-Artikolu 2(w), modifika fid-definizzjoni u użu tat-terminu “vetturi” b'mod konsistenti fit-test kollu (il-lingwi kollha). Id-definizzjoni jenħtieġ li tinqara: “vetturi” tfisser vettura ferrovjarja adatta biex tiġri fuq ir-roti tagħha fuq linji ferrovjarji, b'ġibda jew mingħajr. It-terminu “vettura/i” għandu jintuża fit-test kollu, u mhux it-terminu “vettura/i ferrovjarja/i”, li jidher f'xi postijiet.

Fl-Artikolu 5, titjib editorjali (verżjoni bil-Ġermaniż): “Notifikation” tiġi sostitwita bi “Notifizierung” fi “Jeder Vertragsstaat hat durch […] Notifizierung […] .” u fi “Die […] Notifizierungen können durch regionale Organisationen, die dem COTIF beigetreten sind, im Namen von Vertragsstaaten, die Mitglied der betreffenden Organisation sind, vorgenommen werden.”

Fl-Artikolu 10, titjib editorjali (verżjoni bil-Ġermaniż): “Verzeichnis” minflok “Dossier” fi “Wenn eine neue Betriebszulassung erforderlich ist, hat der Antragsteller dem betreffenden Vertragsstaat ein das Vorhaben beschreibendes […] Dossier zu übersenden.” kif ukoll fi “Der Vertragsstaat hat seine Entscheidung spätestens vier Monate nach der Vorlage des voll-ständigen […] Dossiers durch den Antragsteller zu treffen”.

Fl-Artikolu 13(1)(a), titjib editorjali (verżjonijiet bl-Ingliż u bil-Ġermaniż): CTE tiġi sostitwita bl-isem sħiħ tal-Kumitat fi “jikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet adottati mill-[…]Kumitat ta' Esperti Tekniċi ;” u “mit den vom […]Fachausschuss für technische Fragen angenommenen Spezifikationen übereinstimmen;”.

Żieda tal-Artikolu 14 li ġej: “Artikolu 14 - Annessi u rakkomandazzjonijiet

§ 1

Il-Kumitat tal-Esperti Tekniċi għandu jiddeċiedi jekk jadottax Anness jew dispożizzjoni li temendah f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikoli 16, 20 u 33 § 6 tal-Konvenzjoni. Id-deċiżjonijiet għandhom jidħlu fis-seħħ skont l-Artikolu 35 § § 3 u 4 tal-Konvenzjoni.

§ 2

Applikazzjoni għall-adozzjoni ta' Anness jew ta' dispożizzjoni li temenda tista' ssir minn: a) kwalunkwe Stat Kontraenti; b) kwalunkwe organizzazzjoni reġjonali kif definit fl-Artikolu 2 x) tal-ATMF; c) kwalunkwe assoċjazzjoni internazzjonali rappreżentanti li għall-membri tagħha l-eżistenza ta' Anness hija indispensabbli għal raġunijiet ta' sikurezza u ta' ekonomija fl-eżerċizzju tal-attività tagħhom.

§ 3

It-tħejjija tal-Annessi għandha tkun ir-responsabbiltà tal-Kumitat tal-Esperti Tekniċi bl-assistenza ta' gruppi ta' ħidma xierqa u tas-Segretarju Ġenerali abbażi tal-applikazzjonijiet li jkunu saru skont il-paragrafu 2.

§ 4

Il-Kumitat tal-Esperti Tekniċi jista' jirrakkomanda metodi u prattiki dwar l-ammissjoni teknika tal-materjal ferrovjarju użat fit-traffiku internazzjonali.”

Id-dispożizzjonijiet tal-ATMF UR huma kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/57/KE dwar l-Interoperabilità tal-Unjoni Ewropea u ma' parti mid-Direttiva 2009/49/KE dwar is-Sikurezza. Mal-adozzjoni tar-raba' pakkett ferrovjarju, l-Unjoni bidlet diversi dispożizzjonijiet ta' dan l-acquis. Abbażi ta' analiżi tal-Kummissjoni, is-Segretarjat tal-OTIF u l-grupp ta' ħidma rilevanti ħejjew il-modifiki li jikkonċernaw l-Artikoli 2, 3a, 5, 6, 7, 10, 10b, 11 u 13 fl-ATMF UR. Dawn il-modifiki huma meħtieġa sabiex ċerta terminoloġija tiġi armonizzata ma' xi dispożizzjonijiet ġodda tal-UE u biex jitqiesu xi bidliet proċedurali fl-UE, b'mod partikolari l-fatt li Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji ser tkun kompetenti biex toħroġ l-awtorizzazzjonijiet tal-vetturi. Il-kunċett bażiku tal-ATMF mhuwiex affettwat bit-tibdil propost.

Il-Punt 10 tal-Aġenda - Ir-Reviżjoni parzjali tal-APTU UR

Dokument(i): LAW-17130-CR26/8/9/10; LAW-17135-CR26/10; LAW-17134-CR26/09-10

Kompetenza: L-Unjoni (esklużiva)

Eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot: L-Unjoni

Pożizzjoni: Appoġġ għall-adozzjoni tal-modifiki fl-Artikolu 8 tal-Appendiċi F tal-Konvenzjoni COTIF u approvazzjoni tal-modifiki rilevanti tar-Rapport ta' Spjegazzjoni.

Id-dispożizzjonijiet tal-ATMF UR huma kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/57/KE dwar l-Interoperabilità, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw il-kontenut tal-Preskrizzjonijiet tekniċi Uniformi (UTPs) u l-ekwivalenza tagħhom mal-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi għall-Interoperabbiltà (TSIs) tal-Unjoni Ewropea. Mal-adozzjoni tar-raba' pakkett ferrovjarju u b'mod partikolari tar-riformulazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/797 dwar l-Interoperabbiltà, l-Unjoni bidlet diversi dispożizzjonijiet ta' dan l-acquis. Abbażi tal-analiżi mill-Kummissjoni, is-Segretarjat tal-OTIF u l-grupp ta' ħidma ħejjew modifiki fl-APTU UR biex tkun żgurata armonizzazzjoni kontinwa mad-dritt tal-Unjoni. Il-modifiki jikkonċernaw l-Artikolu 8 tal-APTU UR u jikkonsistu fiż-żieda ta' żewġ taqsimiet fil-kontenut tal-UTPs ekwivalenti għat-TSIs tal-UE. Dawn il-bidliet huma meħtieġa biex ikun żgurat li l-kontenut tat-TSIs futuri tal-Unjoni Ewropea u l-UTPs tal-COTIF jibqa' ekwivalenti. Il-kunċett bażiku tal-APTU mhuwiex affettwat bit-tibdil propost.

Il-Punt 11 tal-Aġenda - Diskussjoni ġenerali dwar il-ħtieġa li jiġu armonizzati l-kundizzjonijiet tal-aċċess

Dokument(i): LAW-17130-CR26/11

Kompetenza: L-Unjoni (kondiviża)

Eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot: mhux applikabbli

Pożizzjoni: ebda pożizzjoni

Il-Punt 12 tal-Aġenda - Ħwejjeġ oħra

Dokument(i): LAW-17130-CR26/12

Kompetenza: L-Unjoni (kondiviża)

Eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot: L-Istati Membri

Pożizzjoni: Ma topponix l-istabbiliment ta' grupp ta' ħidma ta' esperti legali biex jiffaċilita l-funzjonament tal-korpi eżistenti tal-OTIF fil-qasam legali u biex jiżgura l-ġestjoni effettiva tal-Konvenzjoni.

Il-Punt 13 tal-Aġenda - Ir-reviżjoni parzjali tas-CUV UR

Dokument(i): LAW-17144-CR 26/13 (Proposta sottomessa mill-Iżvizzera)

Kompetenza: L-Unjoni (kondiviża)

Eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot: L-Istati Membri

Pożizzjoni: Oppożizzjoni għall-proposta għall-kunsiderazzjoni tal-emenda tal-Artikolu 7 tas-CUV UR sottomessa mill-Iżvizzera.

Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 7 tas-CUV UR jindirizza r-responsabbiltà tas-sidien tal-vetturi u tal-utent tal-vettura (impriżi ferrovjarji) f'każ ta' ħsara kkawżata mill-vettura u li toriġina minn difett tal-vettura. Dan l-abbozz ta' emenda jżid kriterju ġdid li jipprovdi prova tar-responsabbiltà tas-sidien għal danni kkawżati minn difett fil-vettura. Skont l-Artikolu 7 attwali tas-CUV UR, jekk jiġi applikat mill-partijiet kontraenti, id-detentur tal-vettura huwa responsabbli biss jekk jiġi ppruvat li d-danni kkawżati mill-vettura ġejja minn ħsara li huwa responsabbli għaliha. Jidher li l-emenda proposta żżid it-tieni kriterju li jista' jkun li d-detentur ikollu jipprova li mhuwiex responsabbli għad-difett li huwa fl-oriġini tad-dannu.

Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 7 attwali tas-CUV jispeċifika li “l-partijiet għall-kuntratt jistgħu jaqblu dwar dispożizzjonijiet li jidderogaw mill-paragrafu 1”. Fuq dik il-bażi, in-negozjati bejn il-kumpaniji li saru bejn l-2013 u l-2016 wasslu għal ftehim approvat minn 600 kumpanija ferrovjarja u ppermettew li jiġu ċċarati aħjar ir-responsabbiltajiet tas-sidien tal-vaguni bl-emendi meħtieġa għall-Kuntratt ġenerali uniku tal-Użu tal-vaguni (GCU). Il-ftehim iffirmat introduċa Artikolu (27) ġdid fil-GCU li jikkonċerna l-prinċipju tar-responsabbiltà fil-każ ta' danni kkawżati minn vagun, sabiex jintlaħaq bilanċ aħjar u tingħata aktar ċarezza għas-settur kollu f'każ ta' danni kkawżati minn vagun. Jintroduċi l-kunċett ta' “preżunzjoni ta' ħtija” li jippermetti li s-sid jinżamm responsabbli għall-ħsara fil-vettura kkawżata minn ksur tal-obbligu tal-manutenzjoni tagħha. Din l-emenda ilha tapplika mill-1 ta' Jannar 2017. Illum, il-biċċa l-kbira tas-sidien u tal-impriżi ferrovjarji li joperaw fl-Unjoni japplikaw il-GCU. Għalhekk il-proposta Żvizzera mhix meħtieġa għax il-qbil milħuq bejn il-kumpaniji fis-settur huwa suffiċjenti biex jiddefinixxi b'mod ċar ir-responsabbiltajiet tas-sid u tal-impriżi ferrovjarji f'każ ta' danni kkawżati minn vettura taħt kuntratt ta' bejgħ. Ma hemm l-ebda indikazzjoni li dan il-ftehim ma jirrispettax bilanċ xieraq bejn l-interessi tal-partijiet rispettivi. Barra minn hekk, il-proposta Żvizzera ma tipprovdix raġuni soda u ġustifikazzjoni biżżejjed għall-emendi proposti.