6.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 32/50


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/176

tad-29 ta' Jannar 2018

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda fl-Anness XIII (Trasport) għall-Ftehim ŻEE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta' Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2) (“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1994.

(2)

Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista' jiddeċiedi li jemenda, inter alia, l-Anness XIII (Trasport) għall-Ftehim ŻEE.

(3)

Id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) għandha tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE.

(4)

Jenħtieġ għalhekk li l-Anness XIII (Trasport) għall-Ftehim ŻEE jiġi emendat skont dan.

(5)

Jenħtieġ għalhekk li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta fl-Anness XIII (Trasport) għall-Ftehim ŻEE, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Jannar 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

R. PORODZANOV


(1)  ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.

(2)  ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

(3)  Id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi (ĠU L 307, 28.10.2014, p. 1).


ABBOZZ

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru …/2018

ta' …

li temenda l-Anness XIII (Trasport) għall-Ftehim ŻEE

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b'mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

Id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi (1) se tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE.

Jenħtieġ għalhekk li l-Anness XIII għall-Ftehim ŻEE jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-punt li ġej jiddaħħal wara l-punt 5 (Imħassar) tal-Anness XIII għall-Ftehim ŻEE:

“5a.

32014 L 0094: Id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi (ĠU L 307, 28.10.2014, p. 1).

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għandhom jinqraw bl-adattamenti li ġejjin:

(a)

Fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-kelma “fit-TFUE” fl-Artikolu 3(5) għandha taqra “fil-Ftehim ŻEE”.

(b)

L-Artikolu 6 ma għandux japplika għall-Iżlanda.

(c)

Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal-Liechtenstein.”.

Artikolu 2

It-test tad-Direttiva 2014/94/UE bil-lingwa Iżlandiża u b'dik Norveġiża, li se jiġi ppubblikat fis-Suppliment taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandu jkun awtentiku.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi […], dment li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE (*1).

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE u fis-Suppliment taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Is-Segretarji tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE


(1)  ĠU L 307, 28.10.2014, p. 1.

(*1)  [Ma hemm indikat l-ebda rekwiżit kostituzzjonali.] [Hemm indikati rekwiżiti kostituzzjonali.]