3.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 31/104


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/170

tat-2 ta' Frar 2018

dwar l-ispeċifikazzjonijiet dettaljati uniformi għall-ġbir u għall-analiżi tad-dejta sabiex jiġi mmonitorjat u evalwat il-funzjonament tan-netwerk tal-EURES

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/589 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' April 2016 dwar netwerk Ewropew ta' servizzi tal-impjiegi (EURES), aċċess tal-ħaddiema għas-servizzi ta' mobilità u integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tax-xogħol u li jemenda Regolamenti (UE) Nru 492/2011 u (UE) Nru 1296/2013 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 32(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) 2016/589 jeżiġi li l-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ proċeduri sabiex tinġabar dejta dwar l-attivitajiet tal-EURES li twettqu fil-livell nazzjonali.

(2)

Sabiex jitkejlu l-prestazzjoni u l-attivitajiet tan-netwerk tal-EURES b'mod preċiż u konsistenti, huwa neċessarju li jiġi stabbilit qafas kunċettwali u proċedurali komuni, u li jiġu ddefiniti indikaturi u d-dejta minima li trid tinġabar.

(3)

Dak il-qafas kunċettwali u proċedurali se jgħin biex jiġi evalwat il-progress li sar fir-rigward tal-objettivi stabbiliti għan-netwerk tal-EURES skont ir-Regolament (UE) 2016/589.

(4)

Sabiex titkejjel il-prestazzjoni tan-netwerk tal-EURES b'mod komprensiv u biex jiġi evalwat bl-aħjar mod il-funzjonament tiegħu, il-qafas jenħtieġ li jinkludi żewġ dimensjonijiet addizzjonali minbarra t-tliet dimensjonijiet dwar is-servizzi ta' appoġġ lill-ħaddiema individwali u lill-impjegaturi msemmija fl-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) 2016/589, jiġifieri l-informazzjoni u l-gwida, il-prestazzjoni fil-qasam tal-impjiegi u s-sodisfazzjon tal-klijenti. Dawn iż-żewġ dimensjonijiet addizzjonali tal-attività tal-EURES huma l-għoti ta' appoġġ orizzontali, bħat-taħriġ, u l-attivitajiet ta' komunikazzjoni, kooperazzjoni u sensibilizzazzjoni, bħal avvenimenti ta' reklutaġġ u sforzi biex tiġi żgurata t-trasparenza tal-informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol. L-integrazzjoni ta' dawk iż-żewġ dimensjonijiet addizzjonali fis-Sistema ta' Kejl tal-Prestazzjoni tal-EURES, tippermetti li jiġu indirizzati diversi rekwiżiti ta' informazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/589 u tagħmel is-Sistema ta' Kejl tal-Prestazzjoni tal-EURES kompatibbli ma' mekkaniżmi tar-rappurtar oħra speċifikati fl-istess Regolament. Għalhekk, filwaqt li timmassimizza l-benefiċċji potenzjali għan-netwerk tal-EURES, tista' tgħin biex jitnaqqas il-piż tar-rappurtar tal-Istati Membri.

(5)

Sabiex jiġu ffaċilitati l-ġbir u l-analiżi tad-dejta u biex jiġi evitat xogħol doppju, il-qafas jenħtieġ li jibni fuq prattika eżistenti fl-Istati Membri, b'mod partikolari l-prattika fi ħdan is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi.

(6)

Il-qafas irid ikun flessibbli biżżejjed biex jippermetti l-użu ta' sorsi ta' dejta jew metodi ta' ġbir alternattivi f'każijiet fejn ir-riżultati immedjati ta' attivitajiet speċifiċi, bħar-riżultati fil-qasam tar-reklutaġġ u tal-kollokament, jistgħu jkunu diffiċli li jitkejlu b'mod dirett.

(7)

Is-sinerġiji potenzjali kollha mal-arranġamenti u mal-proċeduri għall-ippjanar, għall-monitoraġġ u għall-evalwazzjoni annwali tal-attivitajiet tan-netwerk tal-EURES skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2016/589, jenħtieġ li jiġu sfruttati, b'mod partikolari biex l-analiżi tal-kejl tal-prestazzjoni tkun tista' titqies għall-programmi ta' ħidma nazzjonali sussegwenti.

(8)

Il-qafas jenħtieġ li jippermetti l-ġestjoni effettiva tal-attivitajiet tal-EURES fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni u li jgħin biex jiġi vvalutat meta jkunu meħtieġa bidliet strateġiċi jew operattivi. Jenħtieġ li jappoġġa l-iżvilupp ta' kultura ta' kejl tal-prestazzjoni fi ħdan in-netwerk tal-EURES li jkollha bħala komponenti ewlenin l-orjentazzjoni lejn ir-riżultati, il-kosteffiċjenza u l-akkontabilità tan-nefqa.

(9)

Il-qafas jenħtieġ li jservi bħala strument biex tinġabar dejta kwantitattiva u kwalitattiva komparabbli biex jitkejlu l-attivitajiet tal-EURES koperti, iżda kull analiżi u interpretazzjoni jridu jsiru bir-reqqa filwaqt li jitqiesu l-fatturi kuntestwali fil-livell nazzjonali bħalma huma s-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol, l-istrutturi organizzattivi u l-approċċ ġenerali għall-mobbiltà. Għal din ir-raġuni, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu responsabbli għall-analiżi fil-livell nazzjonali tagħhom.

(10)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-EURES,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett, kamp ta' applikazzjoni u definizzjonijiet

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet dettaljati uniformi għall-ġbir u għall-analiżi tad-dejta sabiex jiġi mmonitorjat u evalwat il-funzjonament tan-netwerk tal-EURES – is-Sistema ta' Kejl tal-Prestazzjoni tal-EURES – billi jiġu ddefiniti d-dimensjonijiet tal-prestazzjoni li jridu jitkejlu, l-indikaturi tal-prestazzjoni, is-sorsi possibbli tad-dejta u l-proċessi għall-ġbir u għall-analiżi tad-dejta.

2.   Is-Sistema ta' Kejl tal-Prestazzjoni tal-EURES għandha fost l-oħrajn tintuża għal dan li ġej:

(a)

il-ġbir, il-kondiviżjoni u l-analiżi konġunta tal-informazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2016/589,

(b)

ir-riflessjoni dwar l-allokazzjoni tar-riżorsi u l-prijoritajiet għall-ipprogrammar tal-attivitajiet tal-EURES kif imsemmi fl-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2016/589,

(c)

ir-riflessjoni dwar il-mudelli ta' negozju u l-organizzazzjoni tan-netwerk tal-EURES u dwar kontributi essenzjali oħra għar-rapporti dwar l-attività lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u għar-rapport ta' evalwazzjoni ex post kif imsemmi fl-Artikoli 33 u 35 tar-Regolament (UE) 2016/589 rispettivament;

3.   Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“dimensjonijiet ta' prestazzjoni” tfisser l-oqsma li ġejjin ta' attivitajiet tal-EURES li jridu jitkejlu permezz tal-indikaturi:

(1)

informazzjoni u gwida,

(2)

prestazzjoni tal-impjiegi,

(3)

sodisfazzjon tal-klijenti,

(4)

komunikazzjoni, kooperazzjoni u sensibilizzazzjoni, u

(5)

appoġġ orizzontali;

(b)

“indikaturi ta' prestazzjoni” tfisser l-indikaturi li ġejjin li huma relatati direttament mal-attività u mal-kooperazzjoni tal-EURES fi ħdan in-netwerk:

(1)

“indikaturi ewlenin” li huma relatati mal-attivitajiet tal-EURES li saru fl-Istati Membri individwali fir-rigward ta' servizzi ta' appoġġ lill-ħaddiema u lill-impjegaturi skont l-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) 2016/589,

(2)

“indikaturi tan-netwerk”, li huma relatati mat-tħaddim ġenerali tan-netwerk tal-EURES, inkluż id-dejta meħtieġa skont dispożizzjonijiet oħra fir-Regolament (UE) 2016/589 u dik miġbura mill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni;

(c)

“indikaturi kuntestwali” tfisser indikaturi li huma relatati mas-suq tax-xogħol, mal-politiki tal-impjieg u mal-istrutturi organizzattivi tal-EURES u li jistgħu jinkisbu minn sorsi oħra għajr dawk soġġetti għall-kontroll tal-EURES;

(d)

“kuntatt” tfisser kwalunkwe interazzjoni unika li sseħħ bejn il-persunal tal-membri u tas-sħab tal-EURES, u klijent (ħaddiem jew impjegatur) b'dimensjoni ta' mobbiltà tal-ħaddiema intra-UE;

(e)

“avveniment” tfisser kull okkażjoni ppjanata u organizzata minn Membru jew Sieħeb tal-EURES, jew bil-parteċipazzjoni tiegħu, biex tingħata informazzjoni dwar il-mobbiltà tal-ħaddiema intra-UE jew biex jiġu ffaċilitati r-reklutaġġ u l-kollokament bħal fieri tax-xogħol, konferenzi u sessjonijiet ta' informazzjoni;

(f)

“kollokament f'impjieg” hija r-riżultat tal-proċess biex jimtela post tax-xogħol battal, kif definit fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) 2016/589, inklużi opportunitajiet ta' apprendistati u traineeships;

(g)

“applikazzjoni għax-xogħol” tfisser dokument jew sett ta' dokumenti li applikant jittrasferixxi lil impjegatur jew lil servizz tal-impjiegi bħala parti minn proċess biex impjegatur jiġi informat dwar id-disponibbiltà u x-xewqa tal-applikant li jiġi impjegat f'post tax-xogħol jew f'pożizzjoni partikolari.

Artikolu 2

Prinċipji ġenerali

1.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi mekkaniżmu biex tinġabar id-dejta speċifikata f'din id-Deċiżjoni mill-Membri u mis-Sħab tal-EURES nazzjonali rispettivi u minn kull sors ieħor li jista' jipprovdi d-dejta meħtieġa.

2.   Id-dejta li tkun inġabret u ġiet ivverifikata għandha tiġi trażmessa lill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni bl-użu ta' mudell komuni u skont il-proċessi stabbiliti fl-Artikolu 7.

3.   L-Istati Membri għandhom, fejn xieraq, jiżguraw li f'każ li d-dejta ma tkunx disponibbli faċilment, jintużaw u jiġu deskritti kif xieraq, sorsi ta' dejta alternattivi.

4.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom kollha biex jikkooperaw ma' xulxin u mal-Kummissjoni biex jiżguraw l-ogħla kwalità possibbli tal-input tad-dejta u, b'mod partikolari, meta jkunu qed jippreżentaw u janalizzaw id-dejta, jindikaw kwalunkwe għadd doppju identifikat.

5.   Il-ġbir tad-dejta taħt is-Sistema ta' Kejl tal-Prestazzjoni tal-EURES għandu jiġi segwit minn analiżi tad-dejta annwali tar-riżultati fil-livell nazzjonali, b'rabta mill-qrib maċ-ċiklu tal-ipprogrammar annwali tal-attivitajiet tal-EURES fil-livell nazzjonali, kif previst fl-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2016/589. Is-Sistema ta' Kejl tal-Prestazzjoni tal-EURES għandha tintuża biex jiġu identifikati r-riżultati tal-attivitajiet ipprogrammati u mwettqa fis-sena kalendarja preċedenti, li għandhom jiġu analizzati u użati biex jiġu żviluppati programmi nazzjonali ta' ħidma ġodda għas-sena kalendarja li jmiss.

6.   L-analiżi tad-dejta msemmija fil-paragrafu 5 għandha tappoġġa l-preżentazzjoni tad-dejta miġbura billi jiġu deskritti l-kundizzjonijiet li skonthom inkisbu r-riżultati, kull limitazzjoni eżistenti fil-metodoloġija tal-ġbir tad-dejta u kull limitazzjoni fil-kapaċità tad-dejta biex jitkejlu l-attivitajiet li seħħew effettivament. Kull Stat Membru għandu jkun responsabbli għall-analiżi tad-dejta tiegħu stess u jiżgura li d-dejta tinftiehem u hija ppreżentata fil-kuntest domestiku xieraq.

7.   L-analiżi tad-dejta msemmija fil-paragrafu 5 għandha tikkontribwixxi għal fehim aħjar tad-dejta u tar-riżultati miksuba fil-kuntest domestiku speċifiku. Barra minn hekk, l-analiżi tad-dejta għandha tikkontribwixxi biex jiġu identifikati l-punti qawwija u d-dgħufijiet maż-żmien marbuta mal-attività tal-EURES fl-Istat Membru kkonċernat u b'hekk tappoġġa l-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u, fejn xieraq, it-teħid ta' deċiżjonijiet dwar bidliet strateġiċi u operazzjonali fil-livell nazzjonali.

8.   Il-Kummissjoni għandha tappoġġa l-proċess ta' analiżi tal-Istati Membri individwali billi tikkompila d-dejta nazzjonali, tipprovdi t-totali aggregati tal-UE, tikkondividi d-dejta fi ħdan in-netwerk tal-EURES, ixxerred id-dejta skont l-Artikolu 8 u billi tiġbed l-attenzjoni għas-sinerġiji u għall-kwistjonijiet komuni.

Artikolu 3

Rwoli u responsabbiltajiet tal-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni

L-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni għandhom, fl-Istat Membru rispettiv tagħhom, ikunu responsabbli għal dan li ġej:

(a)

il-ġbir ta' dejta mill-Membri u mis-Sħab tal-EURES u, fejn xieraq, minn sorsi oħra;

(b)

l-iżgurar li d-dejta li tasal mingħand il-Membri u s-Sħab tal-EURES tkun konsistenti u tissodisfa l-istandards ta' kwalità miftiehma bejn l-Uffiċċju Nazzjonali ta' Koordinazzjoni u l-Membri u s-Sħab tal-EURES ikkonċernati;

(c)

it-trażmissjoni tad-dejta hekk miġbura u vverifikata lill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni, skont l-Artikolu 7, bl-użu tal-indikaturi msemmija fl-Artikolu 9;

(d)

it-twettiq tal-analiżi tal-indikaturi fil-livell nazzjonali;

(e)

it-teħid ta' kull azzjoni meħtieġa u xierqa bbażata fuq l-eżitu ta' din l-analiżi.

Artikolu 4

Rwoli u responsabbiltajiet tal-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni

1.   L-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu jkun responsabbli li jappoġġa l-ġbir u l-analiżi tal-indikaturi tad-dejta, b'mod partikolari billi:

(a)

joħloq u jżomm taqsima ddedikata fl-Extranet tal-portal EURES biex iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni:

(i)

il-verżjoni elettronika tal-lista ta' indikaturi u s-sorsi ta' dejta possibbli msemmija fl-Artikolu 9;

(ii)

il-mudell għat-trażmissjoni tad-dejta msemmija fl-Artikolu 2(2) u kull informazzjoni relatata dwar kif irid jimtela u jiġi ppreżentat;

(iii)

l-għodda, id-dokumentazzjoni u l-linji gwida meħtieġa għall-iskambju u għall-analiżi tad-dejta;

(b)

jappoġġa l-konsistenza bejn l-applikazzjoni mill-Istati Membri tal-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament (UE) 2016/589;

(c)

jiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prassi;

(d)

jidentifika s-sinerġiji u l-oqsma ta' azzjoni komuni;

(e)

jikkompila d-dejta nazzjonali sabiex jipprovdi dejta aggregata tal-UE;

(f)

jipprovdi indikaturi fil-livell Ewropew u informazzjoni dwar il-flussi u x-xejriet marbuta mal-mobbiltà tal-ħaddiema skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2016/589.

2.   L-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu jikkondividi r-riżultati tas-Sistema ta' Kejl tal-Prestazzjoni tal-EURES fi ħdan in-netwerk tal-EURES u jxerridhom b'konformità mal-Artikolu 8.

Artikolu 5

Rwoli u responsabbiltajiet tal-Membri u tas-Sħab tal-EURES

Il-Membri u s-Sħab tal-EURES għandhom jikkontribwixxu għas-Sistema ta' Kejl tal-Prestazzjoni tal-EURES billi jipprovdu dejta vverifikata dwar l-attivitajiet tagħhom fi ħdan id-dimensjonijiet tal-prestazzjoni rilevanti u bl-indikaturi u bil-perjodiċità mitluba mill-Uffiċċju Nazzjonali ta' Koordinazzjoni responsabbli.

Artikolu 6

Rwoli u responsabbiltajiet tal-Grupp ta' Koordinazzjoni

1.   Il-Grupp ta' Koordinazzjoni għandu jimmonitorja mill-qrib l-applikazzjoni tal-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2016/589 u jservi ta' forum għall-iskambju ta' fehmiet u tal-aħjar prassi bil-ħsieb li jtejjeb il-funzjonament tas-Sistema ta' Kejl tal-Prestazzjoni tal-EURES.

2.   Il-Grupp ta' Koordinazzjoni għandu jirrieżamina, darba fis-sena, l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Dak ir-rieżami se jikkostitwixxi l-kontribut tal-Grupp ta' Koordinazzjoni għar-rapporti dwar l-attività u l-evalwazzjoni ex post mill-Kummissjoni b'konformità mal-Artikoli 33 u 35 tar-Regolament (UE) 2016/589.

3.   Kwalunkwe modifika tal-listi, tal-għodod tal-mudelli, tad-dokumentazzjoni u tal-linji gwida msemmija fl-Artikolu 4(1)(a) għandha tiġi miftiehma mal-Grupp ta' Koordinazzjoni qabel ma tkun tista' tiġi applikata.

4.   Il-Grupp ta' Koordinazzjoni għandu jiddeċiedi dwar approċċ għat-tixrid tar-riżultati tas-Sistema ta' Kejl tal-Prestazzjoni tal-EURES.

Artikolu 7

Proċessi

1.   Jekk ma jkunx iddikjarat mod ieħor fil-lista ta' indikaturi, imsemmija fl-Artikolu 9, l-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni għandhom jittrażmettu, darbtejn fis-sena, id-dejta li tkun inġabret bi qbil ma' din id-Deċiżjoni lill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni. Id-dejta għandha tiġi trażmessa f'Awwissu għall-perjodu minn Jannar sa Ġunju u fi Frar għall-perjodu minn Lulju sa Diċembru tas-sena kalendarja preċedenti.

2.   L-analiżi tad-dejta għandha titwettaq kull sena matul l-ewwel tliet xhur tas-sena wara s-sena li għaliha tkun inġabret id-dejta. Is-sejbiet tal-analiżi għandhom jiġu ppreżentati b'rabta mar-rappurtar dwar l-implimentazzjoni tal-attivitajiet stabbiliti fil-programm ta' ħidma nazzjonali, kif imsemmi fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1256 (2).

Artikolu 8

Kondiviżjoni u tixrid tal-informazzjoni

1.   Id-dejta li tinġabar u l-analiżi tagħha għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni u tal-Membri u tas-Sħab tal-EURES fit-taqsima maħsuba apposta fuq l-Extranet tal-Portal tal-EURES.

2.   L-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu juża d-dejta xierqa minn Sistema ta' Kejl tal-Prestazzjoni tal-EURES bħala l-kontribut mill-EURES għar-rapporti tal-Kummissjoni dwar il-funzjonament tas-suq uniku.

3.   Kwalunkwe tixrid ulterjuri għandu jiġi rregolat mill-approċċ ta' tixrid miftiehem mill-Grupp ta' Koordinazzjoni.

Artikolu 9

Lista tal-indikaturi

L-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni għandhom jiġbru, janalizzaw u jittrażmettu d-dejta lill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni skont il-lista ta' indikaturi u s-sorsi ta' dejta possibbli riprodotti fl-Anness.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-obbligu li tiġi pprovduta dejta skont din id-Deċiżjoni għandu japplika mis-sena ta' referenza 2018.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Frar 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 107, 22.4.2016, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1256 tal-11 ta' Lulju 2017 dwar il-mudelli u l-proċeduri għall-iskambju ta' informazzjoni dwar il-programmi ta' ħidma nazzjonali tan-netwerk EURES fil-livell tal-Unjoni (ĠU L 179, 12.7.2017, p. 24).


ANNESS

LISTA TA' INDIKATURI LI JRIDU JINTUŻAW BIEX TIĠI PPROVDUTA D-DEJTA LIS-SISTEMA TA' KEJL TAL-PRESTAZZJONI TAL-EURES

Il-verżjoni elettronika ta' din il-lista u kwalunkwe verżjoni li tiġi modifikata wara, se jkunu disponibbli għall-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni fuq l-Extranet tal-portal tal-EURES.

I.   Indikaturi ewlenin

1.   Applikazzjonijiet għal xogħol ittrattati u pproċessati

Kejl: L-għadd ta' applikazzjonijiet għax-xogħol minn ħaddiema kemm fil-pajjiż kif ukoll minn pajjiżi oħra, li jistgħu jinqasmu skont is-sess.

Dan l-indikatur ikejjel l-għadd ta' applikazzjonijiet għax-xogħol ittrattati u pproċessati mill-persunal tal-Membri u tas-Sħab tal-EURES bl-għan li jappoġġa t-tlaqqigħ u l-kollokament ta' ħaddiem individwali fl-UE.

Sorsi possibbli tad-dejta: Il-Membri u s-Sħab tal-EURES, l-istħarriġ, dejta amministrattiva oħra dwar l-operazzjonijiet; dejta statistika jew amministrattiva oħra.

Dimensjoni tal-prestazzjoni: Prestazzjoni tal-impjiegi.

Perjodu tal-ġbir tad-dejta: Darbtejn fis-sena.

2.   Postijiet tax-xogħol battala ttrattati u pproċessati

Kejl: L-għadd ta' postijiet tax-xogħol battala minn impjegaturi kemm fil-pajjiż kif ukoll minn pajjiżi oħra.

Dan l-indikatur ikejjel l-għadd ta' postijiet tax-xogħol battala ttrattati u pproċessati mill-persunal tal-Membri u tas-Sħab tal-EURES bl-għan li jappoġġa l-proċess ta' tlaqqigħ u kollokament għal impjegatur individwali fl-UE.

Sorsi possibbli tad-dejta: Il-Membri u s-Sħab tal-EURES, l-istħarriġ, dejta amministrattiva oħra dwar l-operazzjonijiet; dejta statistika jew amministrattiva oħra.

Dimensjoni tal-prestazzjoni: Prestazzjoni tal-impjiegi.

Perjodu tal-ġbir tad-dejta: Darbtejn fis-sena.

3.   Kollokamenti tax-xogħol li saru b'riżultat tal-attività ta' reklutaġġ u ta' kollokament

Kejl: L-għadd ta' dawk li jsibu impjieg, ħerġin u deħlin, li jistgħu jiġu mqassmin skont is-sess.

Dan l-indikatur ikejjel ir-riżultati li jinkisbu permezz tal-attivitajiet ta' reklutaġġ u ta' kollokament imwettqa min-netwerk tal-EURES fuq il-bażi tal-għadd ta' kollokamenti f'impjieg li saru b'riżultat tas-servizzi ta' appoġġ ipprovduti mill-persunal tal-Membri u tas-Sħab tal-EURES.

Dan l-indikatur irid jiġi analizzat b'rabta mill-qrib mal-indikaturi ewlenin tal-output 1 u 2 relatati mal-għadd ta' postijiet tax-xogħol battala u ta' applikazzjonijiet għax-xogħol, ittrattati u pproċessati rispettivament.

Sabiex tiġi evitata l-possibbiltà ta' għadd doppju f'kontribuzzjonijiet differenti, l-għadd ta' kollokamenti li saru permezz ta' proġetti mmirati ta' reklutaġġ transnazzjonali jenħtieġ li jiġi pprovdut separatament.

Sorsi possibbli tad-dejta: Il-Membri u s-Sħab tal-EURES, l-istħarriġ, dejta amministrattiva oħra dwar l-operazzjonijiet; dejta statistika jew amministrattiva oħra.

Dimensjoni tal-prestazzjoni: Prestazzjoni tal-impjiegi.

Perjodu tal-ġbir tad-dejta: Darbtejn fis-sena.

4.   Informazzjoni u gwida li tingħata lill-ħaddiema u lill-impjegaturi

Kejl:

(a)

Għadd ta' kuntatti individwali mal-ħaddiema;

(b)

Għadd ta' kuntatti individwali mal-impjegaturi.

Dawn l-indikaturi jkejlu l-volum u n-natura tal-interazzjoni mal-klijenti u għalhekk l-intensità tar-relazzjoni bejn il-persunal tal-Membri u tas-Sħab tal-EURES u l-ħaddiema u l-impjegaturi rispettivament.

Għall-ħaddiema u għall-impjegaturi, l-għadd ta' kuntatti individwali jenħtieġ li jinqasam skont l-oriġini u skont is-suġġett diskuss: “informazzjoni ġenerali dwar l-EURES”, “ir-reklutaġġ/il-kollokament”, “il-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol/is-sigurtà soċjali/l-edukazzjoni u t-taħriġ” jew “l-attivitajiet transkonfinali”.

Sorsi possibbli tad-dejta: Il-Membri u s-Sħab tal-EURES, l-istħarriġ, dejta amministrattiva oħra dwar l-operazzjonijiet; dejta statistika jew amministrattiva oħra.

Dimensjoni tal-prestazzjoni: Informazzjoni u gwida.

Perjodu tal-ġbir tad-dejta: Darbtejn fis-sena.

5.   Sodisfazzjon tal-klijenti fir-rigward tas-servizzi ta' appoġġ

Kejl: Dan l-indikatur ikejjel ir-rati ta' sodisfazzjon tal-klijenti f'dak li għandu x'jaqsam mas-servizzi ta' informazzjoni u ta' gwida, ta' reklutaġġ u ta' tfittix ta' xogħol offruti lill-ħaddiema u lill-impjegaturi mill-persunal tal-Membri u tas-Sħab tal-EURES.

Sorsi possibbli tad-dejta: Il-Membri u s-Sħab tal-EURES, dejta amministrattiva oħra dwar l-operazzjonijiet, stħarriġ mill-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni jew mill-Membri u mis-Sħab tal-EURES.

Dimensjoni tal-prestazzjoni: Sodisfazzjon tal-klijenti.

Perjodu tal-ġbir tad-dejta: Kull sena.

II.   Indikaturi tan-netwerk

1.   Attivitajiet ta' taħriġ li jassistu lill-persunal li jopera fl-organizzazzjonijiet li jieħdu sehem fin-netwerk tal-EURES

Kejl:

(a)

L-għadd ta' persuni li jitħarrġu minn qabel dwar l-EURES fil-livell nazzjonali;

(b)

L-għadd ta' persuni li jitħarrġu minn qabel dwar l-EURES fil-livell Ewropew.

Dawn l-indikaturi jkejlu t-tagħlim fin-netwerk kollu tal-EURES u l-impenn biex tiġi żgurata l-kwalità meħtieġa tal-persunal. It-taħriġ minn qabel jikkonċerna l-attivitajiet kollha biex il-persunal tal-Membri u tas-Sħab tal-EURES jitħejja biex joffri s-servizzi ta' appoġġ tal-EURES (skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) 2016/589) filwaqt li t-taħriġ fil-livell Ewropew jikkonċerna s-sessjonijiet ta' taħriġ u l-avvenimenti tal-EURES ikkoordinati mill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni (skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2016/589).

Sorsi possibbli tad-dejta: Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni għal taħriġ minn qabel, l-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għal taħriġ fil-livell Ewropew.

Dimensjoni tal-prestazzjoni: Appoġġ orizzontali.

Perjodu tal-ġbir tad-dejta: Darbtejn fis-sena.

2.   Sodisfazzjon tal-klijenti bl-assistenza online offruta lill-utenti tal-Portal tal-EURES

Kejl: Dan l-indikatur ikejjel is-sodisfazzjon tal-klijenti fir-rigward ta' talbiet ipproċessati permezz tal-assistenza relatata mal-funzjonament tekniku tal-Portal tal-EURES u mal-fehim ġenerali tan-netwerk tal-EURES u tal-Portal tal-EURES. L-utenti fuq il-Portal tal-EURES jinkludu ħaddiema, impjegaturi, l-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni, il-Membri u s-Sħab tal-EURES.

Sors ewlieni indikattiv tad-dejta: Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni.

Dimensjoni tal-prestazzjoni: Appoġġ orizzontali/Sodisfazzjon tal-klijenti.

Perjodu tal-ġbir tad-dejta: Kull sena.

3.   Prestazzjoni tal-midja soċjali

Kejl: L-għadd ta' posts, l-għadd ta' fans/ta' dawk li jsegwu, l-influwenza/l-impressjonijiet, u l-parteċipazzjoni għal kull mezz tal-midja soċjali.

Dawn l-indikaturi jkejlu l-preżenza fil-midja soċjali tan-netwerk tal-EURES u l-prestazzjoni tad-diversi mezzi tal-midja soċjali.

Sorsi possibbli tad-dejta: Il-Membri u s-Sħab tal-EURES, l-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni.

Dimensjoni tal-prestazzjoni: Komunikazzjoni, kooperazzjoni u sensibilizzazzjoni.

Perjodu tal-ġbir tad-dejta: Darbtejn fis-sena.

4.   Il-postijiet tax-xogħol battala, li huma disponibbli għall-pubbliku u li ttellgħu fuq il-portal tal-EURES mill-Membri u mis-Sħab tal-EURES

Kejl:

(a)

L-għadd totali ta' postijiet tax-xogħol battala li hemm fil-Membri u fis-Sħab tal-EURES;

(b)

L-għadd totali ta' postijiet tax-xogħol battala li tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mill-Membri u mis-Sħab tal-EURES;

(c)

L-għadd ta' postijiet tax-xogħol battala li tqiegħdu għad-dispożizzjoni permezz tal-mezz ikkoordinat uniku fuq il-Portal tal-EURES.

Dawn l-indikaturi jkejlu l-għadd ta' postijiet tax-xogħol battala li tqiegħdu għad-dispożizzjoni mill-Membri tal-EURES u, fejn rilevanti, mis-Sħab tal-EURES, fuq il-Portal tal-EURES b'paragun mal-għadd ta' postijiet tax-xogħol battala li tqiegħdu għad-dispożizzjoni u mal-għadd ta' postijiet tax-xogħol battala li hemm f'dawk l-organizzazzjonijiet. Fil-prinċipju, il-postijiet tax-xogħol battala kollha disponibbli għall-pubbliku jenħtieġ li jkunu disponibbli. Madankollu, xi esklużjonijiet huma possibbli skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2016/589.

Sorsi possibbli tad-dejta: Il-Membri u s-Sħab tal-EURES, l-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni, dejta statistika jew amministrattiva oħra.

Dimensjoni tal-prestazzjoni: Komunikazzjoni, kooperazzjoni u sensibilizzazzjoni/Prestazzjoni fil-qasam tal-impjiegi.

Perjodu tal-ġbir tad-dejta: Kull sena.

5.   Is-sehem mis-suq tal-Membri tal-EURES u, fejn rilevanti, tas-Sħab tal-EURES fis-suq tal-postijiet tax-xogħol battala fil-livell nazzjonali

Kejl:

(a)

L-għadd ta' postijiet tax-xogħol battala li tqiegħdu għad-dispożizzjoni permezz tal-mezz ikkoordinat uniku fuq il-Portal tal-EURES;

(b)

L-għadd totali ta' postijiet tax-xogħol battala fil-livell tal-Istati Membri.

Dawn l-indikaturi jqabblu l-għadd ta' postijiet tax-xogħol battala disponibbli fuq il-Portal tal-EURES mal-għadd totali ta' postijiet tax-xogħol battala disponibbli fil-pajjiż. Jagħti indikazzjoni dwar il-parti koperta mill-EURES fis-suq tax-xogħol kollu kemm hu u sa liema punt l-EURES jipprovdi trasparenza dwar is-suq tax-xogħol.

L-indikaturi jindirizzaw id-dispożizzjoni tal-Artikolu 9(2)(c) tar-Regolament (UE) 2016/589.

Sorsi possibbli tad-dejta: Il-Membri u s-Sħab tal-EURES, l-Eurostat, l-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni, dejta statistika jew amministrattiva oħra

Dimensjoni tal-prestazzjoni: Komunikazzjoni, kooperazzjoni u sensibilizzazzjoni/Prestazzjoni fil-qasam tal-impjiegi.

Perjodu tal-ġbir tad-dejta: Kull sena.

6.   Avvenimenti li attendew għalihom u individwi li ġew ikkuntattjati fl-avvenimenti

Kejl: Dawn l-indikaturi jipprovdu informazzjoni dwar l-għadd ta' avvenimenti ta' reklutaġġ jew ta' informazzjoni li għalihom attendew il-Membri u s-Sħab tal-EURES, kif ukoll dwar l-għadd ta' individwi li ġew ikkuntattjati fl-okkażjoni ta' dawk l-avvenimenti.

Sorsi possibbli tad-dejta: Il-Membri u s-Sħab tal-EURES, dejta amministrattiva oħra dwar l-operazzjonijiet.

Dimensjoni tal-prestazzjoni: Komunikazzjoni, kooperazzjoni u sensibilizzazzjoni.

Perjodu tal-ġbir tad-dejta: Darbtejn fis-sena.

7.   Grad ta' interazzjoni ma' pajjiżi oħra fin-netwerk kollu kemm hu

Kejl:

(a)

L-għadd ta' pajjiżi li magħhom ikkooperaw il-Membri u s-Sħab tal-EURES għal attivitajiet ta' reklutaġġ tal-EURES;

(b)

L-għadd ta' proġetti ta' kooperazzjoni li twettqu fil-qasam tar-reklutaġġ.

Dawn l-indikaturi jkejlu l-grad ta' interazzjoni tan-netwerk fi ħdan il-EURES billi jiġbru informazzjoni dwar l-inċidenza ta' kooperazzjoni transnazzjonali bejn il-Membri u s-Sħab tal-EURES (l-għadd ta' proġetti ta' reklutaġġ ma' organizzazzjonijiet f'pajjiżi oħra).

Sorsi possibbli tad-dejta: Il-Membri u s-Sħab tal-EURES, iċ-ċiklu tal-Ipprogrammar, is-Sħubiji Transkonfinali u l-benefiċjarji tal-proġetti tal-Iskemi ta' Mobbiltà Mmirati.

Dimensjoni tal-prestazzjoni: Komunikazzjoni, kooperazzjoni u sensibilizzazzjoni.

Perjodu tal-ġbir tad-dejta: Darbtejn fis-sena.

8.   Viżitaturi uniċi fil-Portal tal-EURES

Kejl: Dan l-indikatur ikejjel l-għadd ta' viżitaturi uniċi fil-Portal tal-EURES u jagħti indikazzjoni dwar l-adegwatezza tal-għodod ta' servizzi online disponibbli fil-Portal tal-EURES.

Sors ewlieni indikattiv tad-dejta: Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni.

Dimensjoni tal-prestazzjoni: Komunikazzjoni, kooperazzjoni u sensibilizzazzjoni.

Perjodu tal-ġbir tad-dejta: Darbtejn fis-sena.

9.   Profili ta' persuni li qed ifittxu xogħol irreġistrati fuq il-Portal tal-EURES

Kejl:

(a)

L-għadd ta' profili ta' persuni li qed ifittxu xogħol irreġistrati permezz tal-funzjoni ta' self-service fil-Portal tal-EURES;

(b)

L-għadd ta' profili ta' persuni li qed ifittxu xogħol ittrasferiti permezz tal-mezz ikkoordinat uniku fil-Portal tal-EURES.

Dawn l-indikaturi jkejlu l-għadd ta' ħaddiema li jew għażlu attivament li joħolqu profil għalihom fuq il-Portal tal-EURES u jużaw direttament il-funzjoni ta' self-service tal-portal jew taw il-kunsens tagħhom biex id-dejta tal-profil tagħhom tkun disponibbli fuq il-portali nazzjonali jew sistemi oħra tal-IT skont l-Artikolu 17(1) u (3) tar-Regolament (UE) 2016/589. L-għadd ta' profili attivi miksuba b'dan il-mod jagħti indikazzjoni dwar l-adegwatezza tal-Portal tal-EURES bħala għodda ta' tlaqqigħ/kollokament u d-domanda minn ħaddiema individwali għal servizzi ta' appoġġ tal-EURES.

Sors ewlieni indikattiv tad-dejta: Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni.

Dimensjoni tal-prestazzjoni: Komunikazzjoni, kooperazzjoni u sensibilizzazzjoni.

Perjodu tal-ġbir tad-dejta: Darbtejn fis-sena.

10.   Impjegaturi rreġistrati fuq il-Portal tal-EURES

Kejl: Dan l-indikatur ikejjel l-għadd ta' impjegaturi li jużaw il-funzjoni ta' self-service fil-Portal tal-EURES. Dan jipprovdi indikazzjoni tad-domanda għall-ħaddiema li tista' potenzjalment tiġi indirizzata permezz tal-mobbiltà tal-ħaddiema intra-UE u s-sodisfazzjon tal-klijenti bil-funzjonalitajiet u bl-informazzjoni li jinsabu fil-Portal tal-EURES.

Sors ewlieni indikattiv tad-dejta: Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni.

Dimensjoni tal-prestazzjoni: Komunikazzjoni, kooperazzjoni u sensibilizzazzjoni.

Perjodu tal-ġbir tad-dejta: Darbtejn fis-sena.

11.   Is-sodisfazzjon tal-klijenti bil-funzjonalitajiet u bl-informazzjoni li jinsabu fil-Portal tal-EURES

Kejl: Dan l-indikatur ikejjel is-sodifazzjon tal-klijenti bil-ħaddiema u bl-impjegaturi f'mumenti differenti waqt l-użu tal-Portal tal-EURES.

Sors ewlieni indikattiv tad-dejta: Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni.

Dimensjoni tal-prestazzjoni: Komunikazzjoni, kooperazzjoni u sensibilizzazzjoni/Sodisfazzjoni tal-klijenti.

Perjodu tal-ġbir tad-dejta: Kull sena.