16.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 11/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/61

tal-21 ta' Marzu 2017

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja ta' emenda għall-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Komunità Ewropea dwar kooperazzjoni fir-regolazzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fil-25 ta' Settembru 2014, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-Istati Uniti tal-Amerika biex jiġi emendat il-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Komunità Ewropea dwar kooperazzjoni fir-regolazzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili (1) (“il-Ftehim”), li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2011. In-negozjati ġew konklużi b'suċċess permezz ta' skambju ta' e-mails bejn in-negozjaturi ewlenin, li fihom ġie ddikkjarat il-qbil rispettiv tagħhom dwar it-test innegozjat.

(2)

L-emenda nnegozjata għall-Ftehim (“l-Emenda Nru 1”) testendi l-oqsma ta' kooperazzjoni taħt il-Ftehim fejn tkun tista' tiġi applikata l-aċċettazzjoni reċiproka tal-eżiti b'rabta mal-konformità u ta' approvazzjonijiet, biex b'hekk ikun jista' jsir l-aħjar użu tar-riżorsi u jiġu ffrankati xi spejjeż minn tali użu, filwaqt li jinżamm livell għoli ta' sigurtà fit-trasport bl-ajru.

(3)

Jenħtieġ li l-Emenda Nru 1 tiġi ffirmata.

(4)

Bil-għan li jkun possibbli li jiġi adottat anness ta' liċenzjar tal-bdoti ġdid fil-kamp ta' applikazzjoni estiż tal-Ftehim, li l-importanza tiegħu għandha tiġi kkunsidrata fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet rilevanti dwar il-konverżjoni ta' liċenzji tal-bdoti ta' pajjiżi terzi tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 (2), jenħtieġ li l-Emenda Nru 1 tiġi applikata fuq bażi provviżorja, sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tagħha.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Emenda Nru 1 għall-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Komunità Ewropea dwar kooperazzjoni fir-regolazzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Emenda.

It-test tal-Emenda Nru 1 jinsab mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw l-Emenda Nru 1 f'isem l-Unjoni.

Artikolu 3

L-Emenda Nru 1 għandha tiġi applikata fuq bażi provviżorja, f'konformità mal-Artikolu 2 tagħha, mid-data tal-iffirmar tagħha, sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tagħha.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Marzu 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

E. SCICLUNA


(1)  ĠU L 291, 9.11.2011, p. 3

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 tat-3 ta' Novembru 2011 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġi tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 311, 25.11.2011, p. 1).