12.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 7/37


DEĊIŻJONI (UE) 2018/51 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta' Ottubru 2017

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibbiltà biex tipprovdi l-finanzjament għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (1), u b'mod partikolari l-punt 12 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Istrument ta' Flessibbiltà huwa maħsub biex jippermetti l-finanzjament ta' nefqa identifikata b'mod ċar li ma setgħetx tiġi ffinanzjata fil-limiti disponibbli għal intestatura waħda jew aktar.

(2)

Il-limitu massimu fuq l-ammont annwali disponibbli għall-Istrument ta' Flessibbiltà huwa EUR 600 000 000 (prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (2).

(3)

Sabiex jiġu indirizzati l-isfidi kurrenti tal-migrazzjoni, l-influssi tar-refuġjati u t-theddid għas-sigurtà, huwa meħtieġ li jiġu mmobilizzati ammonti addizzjonali importanti għall-finanzjament ta' miżuri xierqa bħala kwistjoni ta' urġenza.

(4)

Wara li ġew eżaminati l-possibilitajiet kollha għar-riallokazzjoni tal-approprjazzjonijiet taħt il-limitu massimu tan-nefqa għall-intestatura 4 (Ewropa Globali), huwa meħtieġ li jiġi mmobilizzat l-Istrument ta' Flessibbiltà biex jissupplimenta l-finanzjament disponibbli fil-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017, lil hinn mil-limiti massimi tal-Intestatura 4 b'EUR 275 000 000 biex jiġi pprovdut il-finanzjament għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD). Dan l-ammont jinkludi l-ammonti li skadew fis-snin preċedenti tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea u tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u li saru disponibbli għall-Istrument ta' Flessibbiltà f'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013.

(5)

Abbażi tal-profil tal-pagamenti mistenni, l-approprjazzjonijiet ta' pagament li jikkorrispondu ml-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibbiltà jenħtieġ li jkunu għall-2017 biss,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017, l-Istrument ta' Flessibbiltà għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi l-ammont ta' EUR 275 000 000 f'approprjazzjonijiet ta' impenn fl-Intestatura 4 (Ewropa Globali).

L-ammont imsemmi fl-ewwel paragrafu għandu jiġi użat biex jipprovdi l-finanzjament tal-Fond ta' Garanzija tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli.

2.   Abbażi tal-profil tal-pagamenti mistenni, l-approprjazzjonijiet ta' pagament li jikkorrispondu mal-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibbiltà ser ikunu EUR 275 000 000 għall-2017. L-ammont ser jiġi awtorizzat f'konformità mal-proċedura baġitarja.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta' Ottubru 2017.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

M. MAASIKAS


(1)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).