11.1.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 9/196


DEĊIŻJONI (UE) 2019/48 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-30 ta' Novembru 2018

dwar il-ħlas tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali li mhumiex fiż-żona tal-euro u li tirrevoka d-Deċiżjoni BĊE/2013/31 (BĊE/2018/32)

IL-KUNSILL ĠENERALI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 47 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 47 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn 'il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”) jistipula illi l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri b'deroga (minn hawn 'il quddiem “BĊNi li mhumiex fiż-żona tal-euro”) m'għandhomx għalfejn iħallsu l-kapital sottoskritt tagħhom sakemm il-Kunsill Ġenerali tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), li jaġixxi b'maġġoranza li tirrappreżenta mill-inqas żewġ terzi mill-kapital sottoskritt tal-BĊE u mill-inqas nofs l-azzjonisti, jiddeċiedi li perċentwal minimu għandu jitħallas bħala kontribut għall-ispejjeż operattivi tal-BĊE.

(2)

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni BĊE/2013/31 (1) jipprovdi li kull BĊN li mhuwiex fiż-żona tal-euro għandu jħallas 3,75 % tas-sehem tiegħu fil-kapital sottoskritt tal-BĊE b'effett mill-1 ta' Jannar 2014.

(3)

Id-Deċiżjoni (UE) 2019/43 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2018/27) (2) tipprovdi għall-aġġustament tal-iskema għas-sottoskrizzjoni għall-kapital tal-BĊE (iktar 'il quddiem l-“iskema tal-kapital”) skont l-Artikolu 29.3 tal-Istatut tas-SEBĊ u tistabbilixxi b'effett mill-1 ta' Jannar 2019 il-ponderazzjonijiet il-ġodda allokati lil kull BĊN fl-iskema tal-kapital aġġustata (iktar 'il quddiem il-“ponderazzjonijiet tal-iskema tal-kapital”).

(4)

L-aġġustament ta' kull ħames snin tal-iskema tal-kapital tal-BĊE jirrikjedi l-adozzjoni ta' deċiżjoni ġdida tal-BĊE li tirrevoka d-Deċiżjoni BĊE/2013/31 b'effett mill-1 ta' Jannar 2019 u d-determinazzjoni tal-perċentwal tal-kapital sottoskritt tal-BĊE li l-BĊNi li mhumiex fiż-żona tal-euro huma obbligati jħallsu b'effett mill-1 ta' Jannar 2019,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ammont u forma ta' kapital sottoskritt u mħallas

Kull BĊN li mhuwiex fiż-żona tal-euro għandu jħallas 3,75 % ta' sehmu fil-kapital sottoskritt tal-BĊE b'effett mill-1 ta' Jannar 2019. Meta jitqiesu l-ponderazzjonijiet il-ġodda fl-iskema tal-kapital stipulati fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni (UE) 2019/43 (BĊE/2018/27), kull BĊN li mhux fiż-żona tal-euro għandu jkollu kapital totali sottoskritt u mħallas tal-ammonti murija ħdejn ismu fit-tabella li ġejja:

BĊN li mhuwiex fiż-żona tal-euro

Kapital sottoskritt fl-1 ta' Jannar 2019

(f'EUR)

Kapital imħallas fl-1 ta' Jannar 2019

(f'EUR)

Българска народна банка

(Bank Nazzjonali Bulgaru)

92 131 635,17

3 454 936,32

Česká národní banka

175 062 014,33

6 564 825,54

Danmarks Nationalbank

162 223 555,95

6 083 383,35

Hrvatska narodna banka

61 410 265,11

2 302 884,94

Magyar Nemzeti Bank

144 492 194,37

5 418 457,29

Narodowy Bank Polski

563 636 468,10

21 136 367,55

Banca Naţională a României

264 887 922,99

9 933 297,11

Sveriges Riksbank

273 028 328,31

10 238 562,31

Bank of England

1 552 024 563,60

58 200 921,14

Artikolu 2

Aġġustament tal-kapital imħallas

1.   Billi kull BĊN li mhuwiex fiż-żona tal-euro diġà ħallas 3,75 % ta' sehmu fil-kapital sottoskritt tal-BĊE kif applikabbli fil-31 ta' Diċembru 2018 skont id-Deċiżjoni BĊE/2013/31, kull wieħed minnhom għandu jew jittrasferixxi ammont addizzjonali lill-BĊE, jew jirċievi ammont lura mingħand il-BĊE, skont il-każ, sabiex jasal għall-ammonti murija fit-tielet kolonna tat-tabella fl-Artikolu 1.

2.   It-trasferimenti kollha li jsiru bis-saħħa ta' dan l-Artikolu għandhom isiru skont id-Deċiżjoni (UE) 2019/45 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2018/29) (3).

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u revoka

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2019.

2.   Id-Deċiżjoni BĊE/2013/31 hija rrevokata b'effett mill-1 ta' Jannar 2019.

3.   Ir-referenzi għad-Deċiżjoni BĊE/2013/31 għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-30 ta' Novembru 2018.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Id-Deċiżjoni BĊE/2013/31 tat-30 ta' Awwissu 2013 dwar il-ħlas tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali li mhumiex fiż-żona tal-euro (ĠU L 16, 21.1.2014, p. 63).

(2)  Deċiżjoni (UE) 2019/43 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-29 ta' Novembru 2018 dwar l-ishma perċentwali tal-banek ċentrali nazzjonali fl-iskema għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew u li tirrevoka d-Deċiżjoni BĊE/2013/28 (BĊE/2018/27) (ara paġna 178 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Deċiżjoni (UE) 2019/45 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-29 ta' Novembru 2018 li tistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għat-trasferimenti tal-ishma tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew bejn il-banek ċentrali nazzjonali u għall-aġġustament tal-kapital imħallas u li tirrevoka d-Deċiżjoni BĊE/2013/29 (BĊE/2018/29) (ara paġna 183 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).