9.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 4/20


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/17

tal-5 ta' Jannar 2018

li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/156/UE li tistabbilixxi programm speċifiku ta' kontroll u spezzjoni għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, u tal-pixxispad fil-Mediterran u għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tas-sardin u l-inċova fil-Baħar Adrijatiku tat-Tramuntana

(notifikata bid-dokument C(2017) 8687)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/156/UE (2) tistabbilixxi programm speċifiku ta' kontroll u spezzjoni għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, u tal-pixxispad fil-Mediterran u għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tas-sardin u l-inċova fil-Baħar Adrijatiku tat-Tramuntana.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2016/1627 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-applikazzjoni mill-Unjoni ta' pjan pluriennali għall-irkupru tat-tonn (Thunnus thynnus) irrakkomandat mill-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (International Commission for the Conservation of Atlantic tunas, ICCAT).

(3)

Fl-40 Laqgħa Annwali tagħha fl-2016, il-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (General Fisheries Commission for the Mediterranean, GFCM) adottat miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni fis-sottożoni ġeografiċi 17 u 18 taż-Żona tal-Ftehim tal-GFCM. Għalhekk huwa xieraq li jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni tal-programm speċifiku ta' kontroll u spezzjoni biex tiġi żgurata l-konformità ma' dawn il-miżuri fin-Nofsinhar tal-Baħar Adrijatiku.

(4)

Fl-istess laqgħa fl-2016, il-GFCM approvat ir-Rakkomandazzjoni tal-GFCM 40/2016/4 (4) dwar pjan ta' ġestjoni pluriennali għas-sajd li jisfrutta l-merluzz u l-gamblu abjad fil-Kanal ta' Sqallija (is-sottożoni ġeografiċi 12 sa 16). Għalhekk jenħtieġ li l-programm speċifiku ta' kontroll u spezzjoni jiġi emendat sabiex il-kamp ta' applikazzjoni tiegħu jkun ikopri dak is-sajd u dawk is-sottożoni ġeografiċi.

(5)

Fl-20 Laqgħa Speċjali f'Novembru 2016, l-ICCAT adottat ir-Rakkomandazzjoni [16-05] (5), li tistabbilixxi Pjan Pluriennali għall-Irkupru tal-pixxispad tal-Mediterran u li jistipula dispożizzjonijiet speċifiċi li japplikaw għall-alonga tal-Mediterran. Għalhekk huwa xieraq li jiġi emendat il-programm speċifiku ta' kontroll u spezzjoni biex iqis l-obbligi internazzjonali ġodda li jirriżultaw minn dik ir-Rakkomandazzjoni.

(6)

Bil-ħsieb li jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri, jenħtieġ li d-dati għat-trażmissjoni ta' ċerta informazzjoni lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd jiġu armonizzati għas-sajd kollu kopert mill-programm speċifiku ta' kontroll u spezzjoni.

(7)

Jenħtieġ li dan il-programm speċifiku ta' kontroll u spezzjoni ma jkollux validità limitata u jenħtieġ li jiġi rieżaminat b'mod regolari, kif meħtieġ, biex iqis kull obbligu internazzjonali ġdid li jorbot lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha, kif ukoll kull dispożizzjoni rilevanti oħra stabbilita fil-qafas tal-Politika Komuni tas-Sajd.

(8)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/156/UE

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/156/UE hija emendata kif ġej:

1.

It-titolu jinbidel b'dan li ġej:

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/156/UE tad-19 ta' Marzu 2014 li tistabbilixxi programm speċifiku ta' kontroll u spezzjoni għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, u għal ċertu sajd demersali u pelaġiku fil-Baħar Mediterran.”;

2.

L-Artikolu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 1

Is-suġġett u definizzjonijiet

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi programm speċifiku ta' kontroll u spezzjoni li japplika għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet ta':

(a)

it-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran;

(b)

il-pixxispad fil-Mediterran;

(c)

l-alonga fil-Mediterran;

(d)

is-sardin u l-inċova fil-Baħar Adrijatiku tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar; u

(e)

il-merluzz u l-gamblu abjad fil-Kanal ta' Sqallija.

2.   Minn hawn 'il quddiem, il-Lvant tal-Atlantiku, il-Mediterran u l-Baħar Adrijatiku tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar jissejħu “iż-żoni kkonċernati”.

3.   Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“l-Adrijatiku tat-Tramuntana” u “l-Adrijatiku tan-Nofsinhar” ifissru s-sottożoni ġeografiċi (GSAs) 17 u 18 kif definiti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

(b)

“il-Kanal ta' Sqallija” tfisser l-GSAs 12, 13, 14, 15 u 16 kif definiti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1343/2011;

(c)

“Il-Mediterran” tfisser is-sottożoni 37.1, 37.2 u 37.3 tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO).

(d)

“Il-Lvant tal-Atlantiku” tfisser is-sottożoni VII, VIII, IX, u X tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) kif definiti fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 218/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2) u t-Taqsima 34.1.2 tal-FAO.

(*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM (Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran) u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar miżuri ta' ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran. (ĠU L 347, 30.12.2011, p. 44)."

(*2)  Ir-Regolament (KE) Nru 218/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar il-preżentazzjoni ta' statistiċi ta' qbid nominali mill-Istati Membri li jistadu fil-grigal tal-Atlantiku (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 70)”;"

3.

fl-Artikolu 2, jitħassar il-paragrafu 2;

4.

fl-Artikolu 5, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   F'każ fejn bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta' Stat Membru li mhux Stat Membru kkonċernat, jew bastiment tas-sajd ta' pajjiż terz, jopera fiż-żona/żoni msemmija fl-Artikolu 1, għandu jingħata livell ta' riskju b'konformità mal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. Fin-nuqqas ta' informazzjoni u sakemm l-awtoritajiet tal-bandiera tiegħu ma jagħtux, fil-qafas tal-Artikolu 9, ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju tagħhom li tkun saret b'konformità mal-Artikolu 4(2) u mal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu li jwassal għal livell tar-riskju differenti, għandu jitqies bħala bastiment tas-sajd b'livell tar-riskju ‘għoli ħafna’.”;

5.

L-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tiġi trażmessa b'mezzi elettroniċi lill-Kummissjoni u lill-EFCA fil-15 ta' Settembru u għandha tiġi aġġornata fil-31 ta' Jannar tas-sena ta' wara.”;

(b)

il-paragrafu 4 jitħassar;

6.

L-Annessi I u II jinbidlu bit-test fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Jannar 2018.

Għall-Kummissjoni

Karmenu VELLA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/156/UE tad-19 ta' Marzu 2014 li tistabbilixxi programm speċifiku ta' kontroll u spezzjoni għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, u tal-pixxispad fil-Mediterran u għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tas-sardin u l-inċova fil-Baħar Adrijatiku tat-Tramuntana (ĠU L 85, 21.3.2014, p. 15).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/1627 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar pjan pluriennali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009 (ĠU L 252, 16.9.2016, p. 1).

(4)  Recommendation GFCM/40/2016/4 establishing a multiannual management plan for the fisheries exploiting European hake and deep-water rose shrimp in the Strait of Sicily (GSA 12 to 16)

(5)  Recommendation [16-05] by ICCAT replacing the Recommendation [13-04] and establishing a multi-annual recovery plan for Mediterranean swordfish


ANNESS

ANNESS I

IL-PROĊEDURI GĦALL-VALUTAZZJONI TAR-RISKJU

Kull bastiment tas-sajd, grupp ta' bastimenti tas-sajd, kategorija tal-irkaptu tas-sajd, operatur, u/jew attività relatata mas-sajd, għall-istokkijiet u fiż-żona/żoni msemmija fl-Artikolu 1, għandhom ikunu suġġetti għall-kontroll u għall-ispezzjonijiet skont il-livell ta' prijorità attribwit. Il-livell ta' prijorità għandu jingħata skont ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju mwettqa minn kull Stat Membru kkonċernat, jew minn kwalunkwe Stat Membru ieħor għall-finijiet biss tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3), skont din il-proċedura:

Deskrizzjoni tar-riskju

[skont ir-riskju/is-sajd/iż-żona u d-dejta disponibbli]

Indikatur

[skont ir-riskju/is-sajd/iż-żona u d-dejta disponibbli]

Fażi fil-katina tas-sajd/tal-kummerċjalizzazzjoni (Meta u fejn jidher ir-riskju)

Punti li għandhom jitqiesu [skont ir-riskju/is-sajd/iż-żona u d-dejta disponibbli]

Okkorrenza fis-sajd (*1)

Konsegwenza/i potenzjali (*1)

Livell tar-riskju (*1)

[Nota: ir-riskji identifikati mill-Istati Membri għandhom ikunu konformi mal-objettivi definiti fl-Artikolu 3]

 

 

Livelli ta' qabdiet/ħatt l-art distribwiti skont il-bastimenti tas-sajd, l-istokkijiet, u l-irkapti,

Id-disponibbiltà tal-kwota għall-bastimenti tas-sajd, imqassmin skont il-bastimenti tas-sajd, l-istokkijiet u l-irkapti,

L-użu ta' kaxex standardizzati,

Il-livell u l-varjazzjoni fil-prezz tas-suq għall-prodotti tas-sajd li nħattu l-art (l-ewwel bejgħ),

L-għadd ta' spezzjonijiet li saru qabel u l-għadd ta' okkorrenzi ta' ksur li nstab għall-bastiment tas-sajd u/jew għall-operatur l-ieħor ikkonċernat,

L-obbligu ta' ħatt l-art mill-1 ta' Jannar 2015 skont ir-Regolament (UE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1380/2013 tal-11 ta' Diċembru 2013,

Il-kuntest, u/jew il-periklu potenzjali, ta' frodi b'rabta mal-port/mal-lok/maż-żona u mal-mestier, inklużi l-bastimenti tal-isport u rikreazzjonali

Sajd jew attivitajiet tas-sajd waqt l-għeluq spazjotemporali,

Kull informazzjoni jew sejba importanti rilevanti oħra.

Frekwenti/

Medja/

Rari jkun hemm każijiet/jew

Mhux sinifikanti

Serji/

Sinifikanti/

Aċċettabbli/jew Marġinali

baxx ħafna/baxx/medju/għoli/jew għoli ħafna

ANNESS II

PUNTI TA' RIFERIMENT FIL-MIRA

1.   Il-livell ta' spezzjonijiet fuq il-baħar (inkluża s-sorveljanza mill-ajru, fejn applikabbli)

Fuq bażi annwali, il-punti ta' riferiment fil-mira u l-objettivi li ġejjin għandhom jintlaħqu għall-ispezzjonijiet fil-baħar tal-bastimenti tas-sajd li jisfruttaw l-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1:

Punti ta' riferiment kull sena (*2)

Sajd

Il-livell tar-riskju stmat għall-bastimenti tas-sajd skont l-Artikolu 5(2)

għoli

għoli ħafna

Sajd Nru 1 għat-tonn

Spezzjoni fuq il-baħar ta' mill-inqas 2,5 % tal-vjaġġi tas-sajd minn bastimenti tas-sajd b'livell ta' riskju “għoli ħafna” li għandhom fil-mira l-istokk ikkonċernat

Spezzjoni fuq il-baħar ta' mill-inqas 5 % tal-vjaġġi tas-sajd minn bastimenti tas-sajd b'livell ta' riskju “għoli ħafna” li għandhom fil-mira l-istokk ikkonċernat

Sajd Nru 2 għall-pixxispad

Spezzjoni fuq il-baħar ta' mill-inqas 2,5 % tal-vjaġġi tas-sajd minn bastimenti tas-sajd b'livell ta' riskju “għoli ħafna” li għandhom fil-mira l-istokk ikkonċernat

Spezzjoni fuq il-baħar ta' mill-inqas 5 % tal-vjaġġi tas-sajd minn bastimenti tas-sajd b'livell ta' riskju “għoli ħafna” li għandhom fil-mira l-istokk ikkonċernat

 

Kwalunkwe livell tar-riskju

Sajd Nru 4 għas-sardin u l-inċova

Spezzjonijiet fuq il-baħar ta' mill-inqas 20 % tal-bastimenti tas-sajd li għandhom fil-mira l-istokkijiet ikkonċernati fl-istaġun tas-sajd rispettiv.

Sajd Nru 5 għall-merluzz u l-gamblu abjad

Spezzjonijiet fuq il-baħar ta' mill-inqas 30 % tal-bastimenti tas-sajd li għandhom fil-mira l-istokkijiet ikkonċernati fl-istaġun tas-sajd rispettiv.

Objettivi

Sajd

Kwalunkwe livell tar-riskju

Sajd Nru 1 għat-tonn

Mingħajr preġudizzju għall-punti ta' riferiment li ġew stabbiliti hawn fuq fir-rigward tal-operazzjonijiet tat-trasferiment, l-objettiv għandu jkun li jsir massimu ta' spezzjonijiet.

Sajd Nru 3 għall-alonga

Fl-ispezzjonijiet fuq il-baħar għandha tingħata prijorità lill-konformità mal-miżuri tekniċi u l-perjodi ta' għeluq

Sajd Nru 1 għat-tonn

Sajd Nru 2 għall-pixxispad

Sajd Nru 5 għall-merluzz u l-gamblu abjad

Mingħajr preġudizzju għall-punti ta' riferiment li ġew stabbiliti hawn fuq fir-rigward tal-ispezzjonijiet fuq il-baħar, għandha tingħata prijorità lill-konformità mal-miżuri tekniċi u mal-perjodi ta' għeluq spazjali.

2.   Il-livell ta' spezzjonijiet fuq l-art (inklużi l-kontrolli u l-ispezzjonijiet dokumentati fil-portijiet jew fil-punt tal-ewwel bejgħ)

Fuq bażi annwali, il-punti ta' riferimenti fil-mira u l-objettivi li ġejjin għandhom jintlaħqu għall-ispezzjonijiet fuq l-art (inklużi l-kontrolli u l-ispezzjonijiet ibbażati fuq dokumenti fil-portijiet jew mal-ewwel bejgħ) tal-bastimenti tas-sajd u operaturi oħrajn li jisfruttaw l-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1:

Punti ta' riferiment kull sena (*3)

Sajd

Livell ta' riskju għal bastimenti tas-sajd u/jew għal operaturi oħra (l-ewwel xerrej)

għoli

għoli ħafna

Sajd Nru 1 għat-tonn

Spezzjoni fil-port ta' mill-inqas 10 % tal-kwantitajiet totali li jinħattu l-art minn bastimenti tas-sajd b'livell ta' riskju “għoli”

Spezzjoni fil-port ta' mill-inqas 15 % tal-kwantitajiet totali li jinħattu l-art minn bastimenti tas-sajd b'livell ta' riskju “għoli ħafna”

Sajd Nru 2 għall-pixxispad

Spezzjoni fil-port ta' mill-inqas 10 % tal-kwantitajiet totali li jinħattu l-art minn bastimenti tas-sajd b'livell ta' riskju “għoli”

Spezzjoni fil-port ta' mill-inqas 15 % tal-kwantitajiet totali li jinħattu l-art minn bastimenti tas-sajd b'livell ta' riskju “għoli ħafna”

Sajd Nru 4 għas-sardin u l-inċova

Spezzjoni fil-port ta' mill-inqas 10 % tal-kwantitajiet totali li jinħattu l-art minn bastimenti tas-sajd b'livell ta' riskju “għoli”

Spezzjoni fil-port ta' mill-inqas 15 % tal-kwantitajiet totali li jinħattu l-art minn bastimenti tas-sajd b'livell ta' riskju “għoli ħafna”

 

Kwalunkwe livell tar-riskju

Sajd Nru 5 għall-merluzz u l-gamblu abjad

Spezzjoni fil-port ta' mill-inqas 20 % tal-kwantitajiet totali li jinħattu l-art minn bastimenti tas-sajd li għandhom fil-mira l-istokkijiet ikkonċernati

Objettivi

Sajd

Kwalunkwe livell tar-riskju

Sajd Nru 3 għall-alonga

Fl-ispezzjonijiet fuq l-art għandha tingħata prijorità lill-konformità mal-miżuri tekniċi u mal-perjodi ta' għeluq

Sajd Nru 1 għat-tonn

Sajd Nru 2 għall-pixxispad

Sajd Nru 4 għas-sardin u l-inċova

Mingħajr preġudizzju għall-punt ta' riferiment li ġie stabbilit hawn fuq, għandha tingħata prijorità lill-konformità mal-miżuri tekniċi u l-perjodi ta' għeluq

L-ispezzjonijiet li jsiru wara l-ħatt l-art jew wara t-trażbord għandhom jintużaw, b'mod partikolari, bħala mekkaniżmu ta' kontroverifika biex tiġi vverifikata l-affidabbiltà tal-informazzjoni rreġistrata u rrappurtata għall-qabdiet u għall-ħatt l-art.

3.   Il-livell ta' spezzjonijiet tan-nases u tal-installazzjonijiet tal-farms

Fuq bażi annwali, il-punti ta' riferiment fil-mira li ġejjin għandhom jintlaħqu għall-ispezzjonijiet tan-nases u tal-installazzjonijiet tal-farms relatati mat-tonn fiż-żoni imsemmija fl-Artikolu 1.

Punti ta' riferiment kull sena (*4)

Il-livell tar-riskju stmat għal nases u/jew għal operaturi oħra (l-operatur tal-farm jew l-ewwel xerrej)

Kwalunkwe livell tar-riskju

Sajd Nru 1 għat-tonn

Spezzjoni ta' 100 % tal-operazzjonijiet tat-tqegħid fil-gaġeġ u tat-trasferiment fin-nases u fl-installazzjonijiet tal-farms, inkluż ir-rilaxx tal-ħut.


(*1)  

Nota: Għandhom jiġu vvalutati mill-Istati Membri. Skont l-esperjenza tal-passat u permezz tal-informazzjoni kollha disponibbli, il-valutazzjoni tar-riskju għandha tqis kemm hu probabbli li jkun hemm nuqqas ta' konformità u x'inhi l-konsegwenza potenzjali kieku dan kellu jiġri.

(*2)  espress f'% ta' vjaġġi tas-sajd fiż-żona li jagħmlu bastimenti tas-sajd li għandhom riskju għoli/għoli ħafna fis-sena

(*3)  espressi f'% tal-kwantitajiet li jinħattu l-art minn bastimenti tas-sajd b'riskju għoli/għoli ħafna, abbażi ta' kull sena

(*4)  espress f'% tal-kwantitajiet involuti f'operazzjonijiet ta' tqegħid fil-gaġeġ minn nases u installazzjonijiet tal-farms b'riskju għoli/għoli ħafna fis-sena