6.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 3/5


DEĊIŻJONI (UE) 2018/8 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-12 ta' Diċembru 2017

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibbiltà għall-finanzjament ta' miżuri baġitarji immedjati biex jiġu indirizzati it-theddidiet kontinwi tal-migrazzjoni, tad-dħul tar-rifuġjati u tas-sigurtà

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (1), u b'mod partikolari l-punt 12 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Istrument ta' Flessibbiltà huwa maħsub biex jippermetti l-finanzjament ta' nefqa identifikata b'mod ċar li ma setgħetx tiġi ffinanzjata fil-limiti disponibbli ta' intestatura jew intestaturi oħra.

(2)

Il-limitu massimu fuq l-ammont annwali disponibbli għall-Istrument ta' Flessibilità huwa ta' EUR 600 000 000 (prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (2).

(3)

Sabiex jiġu indirizzati l-isfidi kontinwi tal-migrazzjoni, id-dħul ta' refuġjati u theddid għas-sigurtà, huwa meħtieġ li jiġu mmobilizzati ammonti addizzjonali sinifikanti għall-finanzjament ta' tali miżuri bħala kwistjoni ta' urġenza.

(4)

Wara li eżaminaw il-possibilitajiet kollha għar-riallokazzjoni tal-approprjazzjonijiet taħt il-limitu massimu tan-nefqa għall-Intestatura 3 (Sigurtà u ċittadinanza), huwa meħtieġ li jiġi mmobilizzat l-Istrument ta' Flessibilità biex jissupplimenta l-finanzjament disponibbli fil-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2018, lil hinn mil-limiti massimi tal-Intestatura 3 bi EUR 837 241 199 biex jiġu ffinanzjati miżuri fil-qasam tal-migrazzjoni, tar-rifuġjati u tas-sigurtà. Dan l-ammont jinkludi l-ammonti li skadew fis-snin preċedenti tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea u l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u li saru disponibbli għall-Istrument ta' Flessibbiltà f'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013.

(5)

Abbażi tal-profil tal-pagament mistenni, l-approprjazzjonijiet ta' pagament li jikkorrispondu għall-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibilità jenħtieġ li jiġu mqassma matul diversi snin ta' finanzjament.

(6)

Sabiex ikun permess l-użu malajr tal-fondi, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika mill-bidu tas-sena finanzjarja 2018.

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2018, l-Istrument ta' Flessibilità għandu jintuża biex jipprovdi s-somma ta' EUR 837 241 199 f'approprjazzjonijiet ta' impenn fl-Intestatura 3 (Sigurtà u Ċittadinanza).

L-ammont imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jintuża biex jiffinanzja miżuri biex jiġu indirizzati l-isfidi kontinwi tal-migrazzjoni, id-dħul ta' refuġjati u t-theddid għas-sigurtà.

2.   Abbażi tal-profil tal-pagament mistenni, l-istima tat-tqassim tal-approprjazzjonijiet ta' pagament li jikkorrispondu għall-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibbiltà għandha tkun kif ġej:

(a)

EUR 464 039 631 fl-2018;

(b)

EUR 212 683 883 fl-2019;

(c)

EUR 126 354 910 fl-2020;

(d)

EUR 34 162 775 fl-2021.

L-ammonti speċifiċi ta' approprjazzjonijiet ta' impenn għal kull sena finanzjarja għandhom jiġu awtorizzati f'konformità mal-proċedura baġitarja annwali.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2018.

Magħmula fi Brussel, it-12 ta' Diċembru 2017.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

K. SIMSON


(1)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).