28.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 346/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2446

tad-19 ta' Diċembru 2017

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1368 li jistabbilixxi lista ta' parametri referenzjarji ta' importanza kritika użati fis-swieq finanzjarji skont ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 20(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-parametri referenzjarji għandhom rwol importanti fid-determinazzjoni tal-prezz ta' bosta strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew tal-kejl tal-prestazzjoni ta' bosta fondi ta' investiment. Il-kontribuzzjoni għall-parametri referenzjarji u l-amministrazzjoni tagħhom f'ħafna każijiet huma vulnerabbli għall-manipulazzjoni u l-persuni involuti ta' spiss iħabbtu wiċċhom ma' kunflitti ta' interess.

(2)

Sabiex jissodisfaw ir-rwol ekonomiku tagħhom, huwa meħtieġ li l-parametri referenzjarji jkunu rappreżentattivi tar-realtà ekonomika jew tas-suq sottostanti li jirriflettu. Jekk parametru referenzjarju ma jibqax rappreżentattiv tas-suq sottostanti, bħar-rati interbankarji offruti, hemm riskju ta' effetti negattivi fuq, fost l-oħrajn, l-integrità tas-swieq, il-finanzjament tal-unitajiet domestiċi (self u ipoteki) u n-negozji fl-Unjoni.

(3)

Ir-riskji għall-utenti, għas-swieq u għall-ekonomija tal-Unjoni ġeneralment jiżdiedu meta l-valur totali tal-istrumenti finanzjarji, tal-kuntratti finanzjarji u tal-fondi ta' investiment li jirreferenzjaw parametru referenzjarju speċifiku jkun għoli. Ir-Regolament (UE) 2016/1011 għalhekk jistabbilixxi kategoriji differenti ta' parametri referenzjarji u jipprevedi rekwiżiti addizzjonali li jiżguraw l-integrità u r-robustezza ta' ċerti parametri referenzjarji meqjusa bħala kritiċi, inkluż is-setgħa tal-awtoritajiet kompetenti li jinfurzaw, taħt ċerti kundizzjonijiet, kontribuzzjonijiet lil parametru referenzjarju ta' importanza kritika jew l-amministrazzjoni tiegħu.

(4)

L-obbligi u s-setgħat addizzjonali tal-awtoritajiet kompetenti tal-amministraturi tal-parametri referenzjarji ta' importanza kritika jeħtieġu proċess formali għad-determinazzjoni tal-parametri referenzjarji ta' importanza kritika. F'konformità mal-Artikolu 20(1)(a) tar-Regolament (UE) 2016/1011, parametru referenzjarju jitqies li huwa parametru referenzjarju ta' importanza kritika meta jintuża direttament jew indirettament f'taħlita ta' parametri referenzjarji bħala referenza għal strumenti finanzjarji jew kuntratti finanzjarji jew għall-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment, b'valur totali ta' mill-inqas EUR 500 biljun, fuq il-bażi tal-firxa kollha tal-maturitajiet jew tat-termini tal-parametru referenzjarju, meta applikabbli.

(5)

Il-London Interbank Offered Rate (“Libor”) tkejjel ir-rati interbankarji offruti mhux garantiti f'ħames muniti, inkluż l-Ewro, b'seba' maturitajiet li jvarjaw minn lejl sa 12-il xahar. Hija waħda mill-parametri referenzjarji tal-imgħax l-iktar importanti madwar id-dinja. Tintuża bħala r-rata varjabbli għal bosta kuntratti finanzjarji, minn swaps tar-rati tal-imgħax għal self għall-istudenti, ipoteki u strumenti ta' finanzjament korporattiv.

(6)

Il-Financial Conduct Authority (l-Awtorità ta' Kondotta Finanzjarja, iktar 'il quddiem l-“FCA”), identifikat madwar USD 156,8 triljun f'derivattivi barra l-Borża li għamlu referenza għal LIBOR f'Ottubru 2016.

(7)

Barra minn hekk, l-FCA tindika li hemm referenza sinifikanti għal LIBOR f'derivattivi nnegozjati fil-borża, fi swieq tad-dejn tal-bonds u tal-kumpaniji u li dawn l-iskoperturi huma rilevanti fir-rigward tar-riskju sistemiku u l-ekonomija reali.

(8)

Jenħtieġ għalhekk li l-lista ta' parametri referenzjarji ta' importanza kritika stabbilità bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1368 (2) tiġi emendata billi tiddaħħal LIBOR.

(9)

Fid-dawl tal-importanza tal-LIBOR għas-suq interbankarju u l-għadd kbir ta' strumenti finanzjarji fl-Unjoni li jirreferenzjawha, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b'mod urġenti.

(10)

F'konformità mal-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) 2016/1011, l-applikabbiltà ta' dan ir-Regolament hija dipendenti fuq l-amministratur li jipprovdi parametru referenzjarju ta' importanza li tinsab fl-Unjoni.

(11)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1368 jiġi sostitwit bit-test fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Diċembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1368 tal-11 ta' Awwissu 2016 li jistabbilixxi lista ta' parametri referenzjarji ta' importanza kritika użati fis-swieq finanzjarji skont ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 217, 12.8.2016, p. 1).


ANNESS

Lista ta' parametri referenzjarji ta' importanza kritika skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) 2016/1011

Nru.

Parametru referenzjarju

Amministratur

Post

1

Euro Interbank Offered Rate (EURIBOR®)

European Money Markets Institute (EMMI)

Brussell, il-Belġju

2

Euro OverNight Index Average (EONIA®)

European Money Markets Institute (EMMI)

Brussell, il-Belġju

3

London Interbank Offered Rate (LIBOR)

ICE Benchmark Administration (IBA)

Londra, ir-Renju Unit