28.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 347/35


REGOLAMENT (UE) 2017/2402 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Diċembru 2017

li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

It-titolizzazzjoni tinvolvi tranżazzjonijiet li jippermettu lil mutwant jew kreditur – normalment istituzzjoni ta’ kreditu jew korporazzjoni – jirrifinanzja sett ta’ self, skoperturi jew riċevibbli, bħal self residenzjali, self jew kirjiet għal karozzi, self lill-konsumatur, karti ta’ kreditu jew riċevibbli tan-negozju, billi jibdilhom f’titoli negozjabbli. Il-mutwant jaggrega u jerġa’ jippakkja portafoll tas-self tiegħu, u jorganizzahom f’kategoriji ta’ riskju differenti għal investituri differenti, biex b’hekk jagħti aċċess lill-investituri għal investimenti f’self u skoperturi oħrajn li normalment ma jkollhomx aċċess dirett għalihom. Ir-redditi għall-investituri huma ġġenerati mill-flussi tal-flus tas-self sottostanti.

(2)

Fil-komunikazzjoni tagħha tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li terġa’ tagħti l-ħajja lis-swieq ta’ titolizzazzjoni ta’ kwalità għolja, bla ma jiġu ripetuti l-iżbalji li saru qabel il-kriżi finanzjarja tal-2008. L-iżvilupp ta’ suq tat-titolizzazzjonijiet sempliċi, trasparenti u standardizzati jikkostitwixxi pedament tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU) u jikkontribwixxi għall-objettiv prijoritarju tal-Kummissjoni li ssostni l-ħolqien tax-xogħol u ritorn għal tkabbir sostenibbli.

(3)

L-Unjoni biħsiebha ssaħħaħ il-qafas leġislattiv implimentat wara l-kriżi finanzjarja li jindirizza r-riskji inerenti f’titolizzazzjoni ferm kumplessa, opaka u riskjuża. Huwa essenzjali li jiġi żgurat li r-regoli jiġu adottati sabiex wieħed jiddifferenzja aħjar prodotti sempliċi, trasparenti u standardizzati minn strumenti kumplessi, opaki u riskjużi u li jiġi applikat qafas prudenzjali iktar sensittiv għar-riskji.

(4)

It-titolizzazzjoni hija element importanti ta’ swieq finanzjarji li jaħdmu kif suppost. Titolizzazzjoni strutturata tajjeb hija mezz importanti kif jiġu diversifikati s-sorsi ta’ finanzjament u kif ir-riskju jiġi allokat b’mod aktar mifrux fi ħdan is-sistema finanzjarja tal-Unjoni. Tippermetti distribuzzjoni usa’ tar-riskju tas-settur finanzjarju u tista’ tgħin sabiex tiffranka mill-karti bilanċjali tal-oriġinaturi biex ikunu jistgħu jsellfu iktar lill-ekonomija. B’mod ġenerali, tista’ ttejjeb l-effiċjenzi fis-sistema finanzjarja u tipprovdi opportunitajiet ikbar ta’ investiment. It-titolizzazzjoni tista’ toħloq pont bejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-swieq tal-kapital b’benefiċċju indirett għan-negozji u ċ-ċittadini (permezz ta’, pereżempju, self u finanzjament tan-negozji, u krediti għall-proprjetà immobbli u karti ta’ kreditu li jiswew inqas flus). Madankollu, dan ir-Regolament jagħraf ir-riskji ta’ aktar interkonnettività u ta’ ingranaġġ eċċessiv li t-titolizzazzjoni toħloq u jtejjeb is-superviżjoni mikroprudenzjali mill-awtoritajiet kompetenti tal-parteċipazzjoni ta’ istituzzjoni finanzjarja fis-suq tat-titolizzazzjoni, kif ukoll is-sorveljanza makroprudenzjali ta’ dak is-suq permezz tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS), stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u mill-awtoritajiet nazzjonali nominati għal strumenti makroprudenzjali.

(5)

L-istabbiliment ta’ qafas prudenzjali iktar sensittiv għar-riskji għat-titolizzazzjonijiet sempliċi, trasparenti u standardizzati (“STS”) jenħtieġ li l-Unjoni tiddefinixxi biċ-ċar x’inhi titolizzazzjoni STS, peress li nkella t-trattament regolatorju iktar sensittiv għar-riskji għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-kumpanniji tal-assigurazzjoni jkunu disponibbli għal tipi differenti ta’ titolizzazzjonijiet fi Stati Membri differenti. Dan iwassal għal kondizzjonijiet mhux ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u għal arbitraġġ regolatorju, filwaqt li huwa importanti li jiġi żgurat li l-Unjoni tiffunzjona bħala suq wieħed għat-titolizzazzjonijiet STS u li tiffaċilita t-tranżazzjonijiet transkonfinali.

(6)

B’konformità mad-definizzjonijiet eżistenti fil-leġislazzjoni settorjali tal-Unjoni, huwa iktar xieraq li jiġu pprovduti definizzjonijiet tal-kunċetti ewlenin kollha tat-titolizzazzjoni. B’mod partikolari, definizzjoni ċara u li tkopri kollox tat-titolizzazzjoni hija meħtieġa sabiex tiġi koperta kwalunkwe tranżazzjoni jew skema li biha r-riskju ta’ kreditu assoċjat ma’ skopertura jew pula ta’ skoperturi jiġi segmentat. Skopertura li toħloq obbligu ta’ pagament dirett għal tranżazzjoni jew skema użata għall-finanzjament jew l-operazzjoni tal-assi fiżiċi ma għandhiex titqies bħala skopertura għal titolizzazzjoni, anki jekk it-tranżazzjoni jew l-iskema jkollha obbligazzjonijiet ta’ pagamenti ta’ senjorità differenti.

(7)

Jenħtieġ li sponsor ikun jista’ jiddelega kompiti lil ġestur, iżda jenħtieġ li jibqa’ responsabbli għall-ġestjoni tar-riskju. B’mod partikolari sponsor ma għandux jittrasferixxi r-rekwiżit tar-retenzjoni tar-riskju lill-ġestur tiegħu. Jenħtieġ li l-ġestur ikun maniġer tal-assi regolat bħal maniġer ta’ impriża ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS), maniġer ta’ fondi ta’ investiment alternattivi (AIFM) jew entità - msemmija fid-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) (entità MiFID).

(8)

Dan ir-Regolament jintroduċi projbizzjoni fuq ir-rititolizzazzjoni, soġġett għal derogi għal ċerti każijiet ta’ rititolizzazzjonijiet li jintużaw għal skopijiet leġittimi u għal kjarifiki dwar jekk programmi ta’ ħruġ ta’ karta kummerċjali garantita b’assi (ABCP) jitqisux li huma rititolizzazzjonijiet. Ir-rititolizzazzjonijiet jistgħu jfixklu l-livell ta’ trasparenza li dan ir-Regolament jipprova jistabbilixxi. Madankollu, ir-rititolizzazzjonijiet jistgħu, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, ikunu utli biex jiġu ppreservati l-interessi tal-investituri. Għalhekk, jenħtieġ li r-rititolizzazzjonijiet ikunu permessi biss f’każijiet speċifiċi kif stabbilit minn dan ir-Regolament. Barra minn hekk, huwa importanti għall-finanzjament tal-ekonomija reali li programmi ABCP appoġġati b’mod sħiħ li ma jintroduċux segmentazzjoni mill-ġdid fuq tranżazzjonijiet iffinanzjati mill-programm jibqgħu barra mill-ambitu ta’ din il-projbizzjoni fuq ir-rititolizzazzjoni.

(9)

L-investimenti fit-titolizzazzjonijiet jew l-esponimenti għalihom mhux talli jesponu lill-investitur għar-riskji ta’ kreditu tas-self sottostanti jew l-esponimenti, iżda l-proċess ta’ strutturar tat-titolizzazzjonijiet jista’ jwassal ukoll għal riskji oħrajn bħar-riskju tal-aġenzija, riskju mudell, riskju legali u operazzjonali, riskju tal-kontroparti, riskju tal-ġestjoni (servicing), riskju tal-likwidità u riskju tal-konċentrazzjoni. Għalhekk, huwa essenzjali li l-investituri istituzzjonali jkunu soġġetti għar-rekwiżiti proporzjonati dwar id-diliġenza dovuta sabiex jiżguraw li jivvalutaw kif xieraq ir-riskji li jirriżultaw mit-tipi kollha ta’ titolizzazzjonijiet, għall-benefiċċju tal-investituri finali. B’hekk, id-diliġenza dovuta tista’ ssaħħaħ anki l-fiduċja fis-suq u bejn l-oriġinaturi, l-isponsors u l-investituri individwali. Jeħtieġ li l-investituri jeżerċitaw ukoll diliġenza dovuta xierqa fir-rigward tat-titolizzazzjonijiet STS. Jistgħu jinfurmaw ruħhom bl-informazzjoni divulgata mill-partijiet għat-titolizzazzjoni, b’mod partikolari n-notifika STS u l-informazzjoni relatata ddivulgata f’dan il-kuntest, li jenħtieġ li tipprovdi lill-investituri bl-informazzjoni rilevanti kollha dwar kif jiġu ssodisfati l-kriterji STS. L-investituri istituzzjonali jenħtieġ li jkunu jistgħu jpoġġu fiduċja xierqa fin-notifika STS u fl-informazzjoni divulgata mill-oriġinatur, l-isponsor u l-entità bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni (SSPE) dwar jekk titolizzazzjoni tissodisfax ir-rekwiżiti STS. Madankollu, ma għandhomx joqogħdu biss u mekkanikament fuq din in-notifika u tali informazzjoni.

(10)

Huwa essenzjali li jkunu allinjati l-interessi tal-oriġinaturi, l-isponsors, il-mutwanti oriġinali li huma involuti f’titolizzazzjoni u l-investituri. Biex jikseb dan, l-oriġinatur, l-isponsor jew il-mutwant oriġinali jenħtieġ li jżomm interess sinifikanti fl-iskoperturi sottostanti tat-titolizzazzjoni. Għalhekk huwa importanti li l-oriġinatur, l-isponsor jew il-mutwant oriġinali jżomm skopertura ekonomika netta materjali għar-riskji sottostanti inkwistjoni. B’mod iktar ġenerali, it-tranżazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni ma għandhomx ikunu strutturati b’tali mod li jevitaw l-applikazzjoni tar-rekwiżit ta’ retenzjoni. Dak ir-rekwiżit jenħtieġ li jkun applikabbli fis-sitwazzjonijiet kollha fejn tkun applikabbli s-sustanza ekonomika ta’ titolizzazzjoni, ikunu xi jkunu l-istrutturi legali jew l-istrumenti użati. Ma hemmx bżonn ta’ applikazzjonijiet multipli tar-rekwiżit ta’ retenzjoni. Għal kwalunkwe titolizzazzjoni jkun biżżejjed li l-oriġinatur, l-isponsor jew il-mutwant oriġinali jkun soġġett għar-rekwiżit. B’mod simili, meta t-tranżazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni jkun fihom pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjonijiet oħrajn bħala skoperturi sottostanti, ir-rekwiżit ta’ retenzjoni għandu jiġi applikat biss għat-titolizzazzjoni li hija soġġetta għall-investiment. Jenħtieġ li n-notifika STS tindika lill-investituri li l-oriġinatur, l-isponsor jew il-mutwant oriġinali jkun qiegħed iżomm skopertura ekonomika netta materjali għar-riskji sottostanti. Jenħtieġ li jsiru ċerti eċċezzjonijiet għal każijiet li fihom l-iskoperturi titolizzati jkunu ggarantiti b’mod sħiħ, inkondizzjonalment u b’mod irrevokabbli b’mod partikolari mill-awtoritajiet pubbliċi. Fejn jingħata appoġġ mir-riżorsi pubbliċi fil-forma ta’ titoli jew b’mezzi oħrajn, dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

(11)

Jenħtieġ li oriġinaturi jew sponsors ma jieħdux vantaġġ mill-fatt li huma jista’ jkollhom aktar informazzjoni mill-investituri u l-investituri potenzjali dwar l-assi trasferiti lill-SSPE, u jenħtieġ li ma jittrasferixxu lill-SSPE, mingħajr ma jkunu jafu l-investituri jew l-investituri potenzjali, assi li l-profil tar-riskju tal-kreditu tagħhom huwa ogħla minn dak ta’ assi komparabbli miżmuma fil-karta bilanċjali tal-oriġinaturi. Kwalunkwe ksur ta’ dak l-obbligu jenħtieġ li jkun soġġett għal sanzjonijiet li għandhom jiġu imposti mill-awtoritajiet kompetenti, iżda biss meta dan il-ksur ikun intenzjonat. Negliġenza weħidha ma għandhiex tkun soġġetta għal sanzjonijiet f’dak ir-rigward. Madankollu, jenħtieġ li dak l-obbligu ma jippreġudika bl-ebda mod id-dritt tal-oriġinaturi jew l-isponsors li jagħżlu assi li għandhom jiġu ttrasferiti lill-SSPE li ex-ante jkollhom profil tar-riskju tal-kreditu ogħla mill-medja meta mqabbel mal-medja tal-profil tar-riskju tal-kreditu ta’ assi komparabbli li jibqgħu fuq il-karta bilanċjali tal-oriġinatur, sakemm il-profil tar-riskju tal-kreditu ogħla tal-assi trasferiti lill-SSPE jkun ikkomunikat b’mod ċar lill-investituri jew lill-investituri potenzjali. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jissorveljaw il-konformità ma’ dan l-obbligu billi jqabblu l-assi sottostanti ta’ titolizzazzjoni u assi komparabbli miżmuma fil-karta bilanċjali tal-oriġinatur.

Il-paragun tal-prestazzjoni jenħtieġ li jsir bejn assi li huma mistennija li ex ante jkollhom prestazzjoni simili, pereżempju bejn ipoteki residenzjali improduttivi trasferiti lill-SSPE u ipoteki residenzjali improduttivi miżmuma fuq il-karta bilanċjali tal-oriġinatur.

M’hemm l-ebda preżunzjoni li l-assi sottostanti għal titolizzazzjoni jenħtieġ li jkollhom prestazzjoni simili għall-medja tal-assi miżmuma fuq il-karta bilanċjali tal-oriġinatur.

(12)

Il-ħila tal-investituri u l-investituri potenzjali li jeżerċitaw id-diliġenza dovuta u, b’hekk, jagħmlu valutazzjoni informata tal-affidabbiltà kreditizja ta’ strument ta’ titolizzazzjoni partikolari tiddependi mill-aċċess tagħhom għal informazzjoni fuq dawk l-istrumenti. Fuq il-bażi tal-acquis eżistenti, huwa importanti li tinħoloq sistema komprensiva li biha l-investituri u l-investituri potenzjali jkollhom aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha tul il-ħajja kollha tat-tranżazzjonijiet, li jitnaqqsu l-kompiti ta’ rapportar tal-oriġinaturi, l-isponsors u l-SSPEs u li jiġi ffaċilitat aċċess kontinwu, faċli u liberu għal informazzjoni affidabbli dwar it-titolizzazzjonijiet. Sabiex tissaħħaħ it-trasparenza tas-suq, jenħtieġ li jiġi stabbilit qafas għal repożitorji tat-titolizzazzjonijiet biex jinġabru rapporti rilevanti, primarjament fuq skoperturi sottostanti f’titolizzazzjonijiet. Dawn ir-repożitorji tat-titolizzazzjoni jenħtieġ li jkunu awtorizzati u sorveljati mill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (“ESMA”), stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Meta tispeċifika d-dettalji ta’ dan ir-rappurtar, l-ESMA jenħtieġ li tiżgura li l-informazzjoni li għandha tiġi rrapportata lil dawn ir-repożitorji tkun tirrifletti kemm jista’ jkun il-mudelli eżistenti għad-divulgazzjoni ta’ din l-informazzjoni.

(13)

L-iskop ewlieni tal-obbligu ġenerali għall-oriġinatur, l-isponsor u l-SSPE li jagħmel l-informazzjoni dwar titolizzazzjonijiet disponibbli permezz tar-repożitorju tat-titolizzazzjoni hu li jipprovdi lill-investituri b’sors ta’ data uniku u sorveljat li huwa neċessarju biex iwettqu d-diliġenza dovuta tagħhom. Titolizzazzjonijiet privati huma spiss imfasslin apposta. Dawn huma importanti għax jippermettu lill-partijiet li jidħlu fi tranżazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni mingħajr ma jiżvelaw lis-suq u lill-kompetituri informazzjoni kummerċjali sensittiva dwar it-tranżazzjoni (eż. l-iżvelar li ċerta kumpannija teħtieġ finanzjament biex tespandi l-produzzjoni jew li ditta tal-investiment dieħla f’suq ġdid, bħala parti mill-istrateġija tagħha) u/jew marbuta mal-assi sottostanti (eż. dwar it-tip ta’ kummerċ riċevibbli tan-negozju ġġenerat minn ditta industrijali). F’dawk il-każijiet, l-investituri huma f’kuntatt dirett mal-oriġinatur u/jew l-isponsor u jirċievu l-informazzjoni neċessarja sabiex iwettqu d-diliġenza dovuta tagħhom direttament mingħandhom. Għalhekk, hu adatt li jiġu eżentati titolizzazzjonijiet privati mir-rekwiżit li jinnotifikaw l-informazzjoni dwar it-tranżazzjoni lil repożitorju tat-titolizzazzjoni.

(14)

Oriġinaturi, sponsors u mutwanti oriġinali jenħtieġ li japplikaw l-istess kriterji sodi u definiti tajjeb għall-għoti tal-kreditu li huma japplikaw għal skoperturi mhux titolizzati. Madankollu, sakemm riċevibbli tan-negozju ma jkunux oriġinati f’forma ta’ self, il-kriterji għall-għoti tal-kreditu ma għandhomx għalfejn jiġu ssodisfati fir-rigward ta’ riċevibbli tan-negozju.

(15)

Ġeneralment, strumenti ta’ titolizzazzjoni mhumiex adatti għall-klijenti fil-livell tal-konsumatur fis-sens tad-Direttiva 2014/65/UE.

(16)

L-oriġinaturi, l-isponsors u l-SSPEs jenħtieġ li jqiegħdu disponibbli fir-rapport għall-investituri d-data materjalment rilevanti kollha dwar il-kwalità kreditizja u l-prestazzjoni tal-iskoperturi sottostanti, inkluża data li tippermetti lill-investituri jidentifikaw biċ-ċar id-delinkwenza u l-inadempjenza tad-debituri sottostanti, ir-ristrutturar tad-dejn, il-maħfra tad-dejn, it-trażżin, ir-riakkwisti, il-pawżi tal-pagamenti, it-telf, iċ-charge offs, l-irkupru u rimedji oħrajn tal-prestazzjoni tal-assi fl-aggregazzjoni ta’ skoperturi sottostanti. Ir-rapport għall-investituri jenħtieġ li jinkludi f’każ ta’ titolizzazzjoni li mhijiex tranżazzjoni ABCP id-data dwar il-flussi tal-flus iġġenerati mill-iskoperturi sottostanti u mill-obbligazzjonijiet tat-titolizzazzjoni, inkluża divulgazzjoni separata tal-introjtu u l-iżborż tal-pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni, jiġifieri l-kapital skedat, l-imgħax skedat, il-kapital bi ħlas antiċipat, imgħax u tariffi skaduti u imposti, u data marbuta mal-iskattar ta’ kwalunkwe avveniment li jimplika bidliet fil-prijorità tal-pagamenti jew sostituzzjoni ta’ kwalunkwe kontroparti kif ukoll id-data dwar l-ammont u l-forma ta’ tisħiħ tal-kreditu disponibbli għal kull segment. Għalkemm it-titolizzazzjonijiet li huma sempliċi, trasparenti u standardizzati fil-passat kellhom prestazzjoni tajba, is-sodisfazzjon ta’ kwalunkwe rekwiżit STS ma jfissirx li l-pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni hija ħielsa minn riskji, u lanqas jindika xejn dwar il-kwalità kreditizja sottostanti għat-titolizzazzjoni. Minflok, għandu jitqies li jindika li investitur prudenti u diliġenti ser ikun jista’ janalizza r-riskji involuti fit-titolizzazzjoni.

Sabiex jitqiesu l-karatteristiċi strutturali differenti ta’ titolizzazzjonijiet fit-tul u titolizzazzjonijiet għal żmien qasir (jiġifieri l-programmi ABCP u t-tranżazzjonijiet ABCP), jenħtieġ li jkun hemm żewġ tipi ta’ rekwiżiti STS: waħda għal titolizzazzjonijiet fit-tul u waħda għal titolizzazzjonijiet għal żmien qasir li jikkorrispondu għal dawk iż-żewġ segmenti tas-suq li jiffunzjonaw b’mod differenti. Il-programmi ABCP jiddependu fuq għadd ta’ tranżazzjonijiet ABCP li jikkonsistu fi skoperturi għal terminu qasir li jeħtieġ li jiġu sostitwiti ladarba jimmaturaw. Fi tranżazzjoni ABCP, it-titolizzazzjoni tista’ tinkiseb, fost l-oħrajn, permezz ta’ ftehim dwar skont varjabbli tal-prezz tax-xiri fuq l-aggregazzjoni ta’ skoperturi sottostanti, jew il-ħruġ ta’ noti senior u junior minn SSPE fi struttura ta’ kofinanzjament fejn in-noti senior imbagħad jiġu trasferiti lejn l-entitajiet xerrejja ta’ programm ABCP wieħed jew aktar. Madankollu, tranżazzjonijiet ABCP li jikkwalifikaw bħala STS ma għandhomx jinkludu rititolizzazzjonijiet. Barra minn hekk, il-kriterji STS jenħtieġ li jirriflettu r-rwol speċifiku tal-isponsor fil-forniment ta’ appoġġ ta’ likwidità għall-programm ABCP, b’mod partikolari għal programmi ABCP li jkunu appoġġati b’mod sħiħ.

(17)

Kemm fil-livell internazzjonali kif ukoll fil-livell tal-Unjoni, diġà saret ħidma sostanzjali biex tiġi identifikata t-titolizzazzjoni STS. Fir-Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 (7) u (UE) 2015/61 (8) diġà ġew stabbiliti kriterji għal titolizzazzjoni STS għal skopijiet speċifiċi li lilhom jingħata trattament prudenzjali iktar sensittiv għar-riskji.

(18)

Jenħtieġ li l-SSPEs jiġu stabbiliti biss f’pajjiżi terzi li mhumiex elenkati bħala ġurisdizzjonijiet nonkooperattivi u b’riskju għoli mit-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF). Jekk sa ma jkun sar rieżami ta’ dan ir-Regolament tkun ġiet adottata lista speċifika tal-Unjoni ta’ ġurisdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi li jirrifjutaw li josservaw standards ta’ governanza tajba tat-taxxa, dik il-lista tal-Unjoni jenħtieġ li tiġi kkunsidrata u tista’ ssir il-lista ta’ referenza għal pajjiżi terzi fejn l-SSPEs ma jkollhomx il-permess li jkunu stabbiliti.

(19)

Huwa essenzjali li tiġi stabbilita definizzjoni ġenerali u applikabbli b’mod transettorjali tat-titolizzazzjoni STS abbażi tal-kriterji eżistenti, kif ukoll fuq il-kriterji adottati mill-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet dwar it-Titolizzazzjonijiet (IOSCO) fit-23 ta’ Lulju 2015 għall-identifikazzjoni ta’ titolizzazzjonijiet sempliċi, trasparenti u paragunabbli fil-qafas tas-suffiċjenza kapitali għat-titolizzazzjonijiet, u b’mod partikolari abbażi tal-opinjoni dwar qafas Ewropew dwar il-kwalifikazzjoni tat-titolizzazzjoni ppubblikata fis-7 ta’ Lulju 2015 mill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) (EBA), stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(20)

L-implimentazzjoni tal-kriterji STS fl-Unjoni kollha ma għandhiex twassal għal approċċi diverġenti. Approċċi diverġenti joħolqu ostakli potenzjali għall-investituri transfruntiera billi jġiegħluhom isiru jafu fid-dettalji l-oqfsa tal-Istati Membri, u b’hekk ixekklu l-fiduċja tal-investituri fil-kriterji STS. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-EBA tiżviluppa linji gwida biex tiżgura fehim komuni u konsistenti tar-rekwiżiti STS madwar l-Unjoni, sabiex jiġu indirizzati l-problemi potenzjali fl-interpretazzjoni. Tali sors uniku ta’ interpretazzjoni jiffaċilita l-adozzjoni tal-kriterji STS mill-oriġinaturi, l-isponsors u l-investituri. Jenħtieġ li l-ESMA ukoll ikollha rwol attiv fl-indirizzar ta’ kwistjonijiet potenzjali fl-interpretazzjoni.

(21)

Sabiex ma jkunx hemm approċċi diverġenti fl-implimentazzjoni tal-kriterji STS, jenħtieġ li t-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, fil-qafas tal-Kumitat Konġunt tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, jikkoordinaw il-ħidma tagħhom u dik tal-awtoritajiet kompetenti biex jiżguraw konsistenza transettorjali u jivvalutaw kwistjonijiet prattiċi li jistgħu jinqalgħu fir-rigward tat-titolizzazzjonijiet STS. B’dan il-mod, il-fehmiet tal-parteċipanti fis-suq jenħtieġ li jintalbu wkoll u jridu jitqiesu kemm jista’ jkun. L-eżitu ta’ dawk it-taħditiet jenħtieġ li jiġi ppubblikat fuq is-siti web tal-ASE sabiex jgħin lill-oriġinaturi, l-isponsors, l-SSPEs u l-investituri fil-valutazzjoni tat-titolizzazzjonijiet STS qabel ma joħorġu jew jinvestu fit-tali pożizzjonijiet. Mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni bħal dan ikun ta’ importanza partikolari fil-perijodu li jwassal għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(22)

Dan ir-Regolament jippermetti li titolizzazzjonijiet ta’ “bejgħ veru” biss ikunu deżinjati bħala STS. F’titolizzazzjoni ta’ bejgħ veru, is-sjieda tal-iskoperturi sottostanti tiġi ttrasferita jew assenjata b’mod effettiv lil entità emittenti li hija SSPE. It-trasferiment jew l-assenjament tal-iskoperturi sottostanti lill-SSPE ma għandux ikun soġġett għal dispożizzjonijiet ta’ rkupru fil-każ ta’ insolvenza tal-bejjiegħ, mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali dwar l-insolvenza li skonthom il-bejgħ ta’ skoperturi sottostanti konklużi f’ċertu perijodu qabel id-dikjarazzjoni tal-insolvenza tal-bejjiegħ tista’, taħt kondizzjonijiet stretti, tiġi invalidata.

(23)

Opinjoni legali mogħtija minn konsulent legali kkwalifikat tista’ tikkonferma l-bejgħ veru jew l-assenjament jew it-trasferiment bl-istess effett legali tal-iskoperturi sottostanti u l-eżegwibbiltà ta’ dak il-bejgħ veru, l-assenjament jew it-trasferiment bl-istess effett legali skont il-liġi applikabbli.

(24)

F’titolizzazzjonijiet li mhumiex ta’ “bejgħ veru”, l-iskoperturi sottostanti ma jiġux ittrasferiti lil entità emittenti li hija SSPE, iżda r-riskju ta’ kreditu marbut mal-iskoperturi sottostanti jiġi ttrasferit permezz ta’ garanzija jew kuntratt tad-derivattivi jew titoli. Dan jintroduċi riskju ta’ kreditu tal-kontroparti addizzjonali u l-kumplessità potenzjali marbuta b’mod partikolari mal-kontenut tal-kuntratt tad-derivattivi. Għal dawn ir-raġunijiet, il-kriterji STS ma għandhomx jippermettu titolizzazzjoni sintetika.

Il-progress li sar mill-EBA fir-rapport tagħha ta’ Diċembru 2015, fejn identifikat il-possibilità ta’ sett ta’ kriterji STS għat-titolizzazzjoni sintetika u ddefinixxiet “titolizzazzjoni sintetika tal-karta bilanċjali” u “titolizzazzjoni sintetika ta’ arbitraġġ”, jenħtieġ li jiġi rikonoxxut. Ladarba l-EBA tkun iddeterminat b’mod ċar sett ta’ kriterji STS applikabbli speċifikament għat-titolizzazzjonijiet sintetiċi tal-karta bilanċjali, u bil-ħsieb li tippromwovi l-finanzjament lejn l-ekonomija reali u b’mod partikolari tal-SMEs li jibbenefikaw l-aktar minn titolizzazzjonijiet bħal dawn, il-Kummissjoni jenħtieġ li tabbozza rapport u, jekk ikun xieraq, tadotta proposta leġislattiva sabiex testendi l-qafas STS għal tali titolizzazzjonijiet. Madankollu ebda estensjoni ta’ dan it-tip ma għandha tkun proposta mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ titolizzazzjonijiet sintetiċi ta’ arbitraġġ.

(25)

L-iskoperturi sottostanti trasferiti mill-bejjiegħ lill-SSPE jenħtieġ li jissodisfaw kriterji ta’ eliġibbiltà predeterminati u ddefiniti b’mod ċar li ma jippermettux immaniġġar tal-portafoll attiv ta’ dawk l-iskoperturi fuq bażi diskrezzjonali. Fil-prinċipju, is-sostituzzjoni tal-iskoperturi li jiksru r-rappreżentazzjonijiet u t-titoli m’għandhiex titqies bħala immaniġġar tal-portafoll attiv.

(26)

Espożizzjonijiet sottostanti ma għandhomx jinkludu skoperturi f’inadempjenza jew skoperturi għal debituri jew garanti li, sa fejn jaf l-oriġinatur jew il-mutwanti oriġinali, jinsabu f’sitwazzjonijiet speċifikati ta’ diffikultajiet marbuta ma’ kreditu (pereżempju, debituri li ġew iddikjarati falluti).

L-istandard tal-“aħjar għarfien” jenħtieġ li jitqies bħala sodisfatt fuq il-bażi ta’ tagħrif miksub minn debituri dwar l-oriġinazzjoni tal-iskoperturi, l-informazzjoni miksuba mingħand l-oriġinatur matul il-ġestjoni tal-iskoperturi, jew matul il-proċedura ta’ ġestjoni tar-riskju tiegħu jew l-informazzjoni innotifikata lill-oriġinatur minn parti terza.

Jenħtieġ li japplika approċċ prudenti għal skoperturi li kienu improduttivi u sussegwentement ġew ristrutturati. Madankollu, l-inklużjoni ta’ dawn tal-aħħar fl-aggregazzjoni ta’ skoperturi sottostanti ma għandhiex tiġi eskluża fejn tali skoperturi ma jkunux ippreżentaw arretrati ġodda mid-data tar-ristrutturar li kellu jseħħ għall-anqas sena qabel id-data tat-trasferiment jew l-assenjazzjoni tal-iskoperturi sottostanti lill-SSPE. F’każijiet bħal dawn l-iżvelar adegwat jenħtieġ li jiżgura trasparenza sħiħa.

(27)

Sabiex jiġi żgurat li l-investituri jwettqu d-diliġenza dovuta robusta u biex jiffaċilitaw il-valutazzjoni tar-riskji sottostanti, huwa importanti li t-tranżazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni jkunu sostnuti minn aggregazzjonijiet ta’ skoperturi li jkunu omoġeni fit-tip ta’ assi, bħal aggregazzjonijiet ta’ self residenzjali, jew aggregazzjonijiet ta’ self korporattiv, self għal proprjetà kummerċjali, kirjiet u faċilitajiet ta’ kreditu lil impriżi tal-istess kategorija, jew aggregazzjonijiet ta’ self għal karozzi u kirjiet, jew aggregazzjonijiet ta’ faċilitajiet ta’ kreditu lil individwi għal skopijiet ta’ konsum personali, tal-familja jew tal-unità domestika. L-iskoperturi sottostanti ma għandhomx jinkludu titoli trasferibbli, kif definit fil-punt (44) fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE. Sabiex jittieħed kont ta’ dawk l-Istati Membri fejn hija prattika komuni għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jużaw bonds minflok ftehimiet ta’ self biex jipprovdu l-kreditu lill-impriżi mhux finanzjarji, jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu inklużi tali bonds, dment li ma jkunux elenkati f’ċentru tan-negozjar.

(28)

Huwa essenzjali li tiġi evitata r-rikorrenza ta’ mudelli “oriġina biex tiddistribwixxi”. F’dawk is-sitwazzjonijiet, il-mutwanti jagħtu krediti billi japplikaw politiki ta’ sottoskrizzjoni batuti u dgħajfin peress li jkunu jafu minn qabel li r-riskji relatati eventwalment jinbiegħu lil partijiet terzi. B’hekk, l-iskoperturi li jridu jiġu titolizzati għandhom ikunu oriġinati matul il-perkors normali tan-negozju tal-oriġinatur jew tal-mutwant oriġinali skont standards dwar is-sottoskrizzjoni li ma għandhomx ikunu inqas strinġenti minn dawk li l-oriġinatur jew il-mutwant oriġinali japplika fil-mument tal-oriġinazzjoni għal skoperturi simili li mhumiex titolizzati. Il-bidliet materjali fl-istandards ta’ sottoskrizzjoni għandhom jiġu divulgati b’mod sħiħ lill-investituri potenzjali jew, fil-każ ta’ programmi ABCP appoġġati b’mod sħiħ, lill-isponsor u partijiet oħra esposti direttament għat-tranżazzjoni ABCP. L-oriġinatur jew il-mutwant oriġinali għandu jkollu biżżejjed esperjenza fl-oriġinazzjoni ta’ skoperturi ta’ xorta simili għal dawk li ġew titolizzati. Fil-każ ta’ titolizzazzjonijiet li fihom l-iskoperturi sottostanti jkunu self residenzjali, l-aggregazzjoni ta’ self ma għandu jinkludi l-ebda self li kien kummerċjalizzat u sottoskritt bil-patt li l-applikant għas-self jew, meta applikabbli, l-intermedjarji, kienu ġew mgħarrfin li l-informazzjoni pprovduta jaf ma tkunx verifikata mill-mutwant. Il-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja tal-mutwatarju għandha tissodisfa wkoll, meta applikabbli, ir-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttivi 2008/48/KE (10) jew 2014/17/UE (11) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jew ir-rekwiżiti ekwivalenti f’pajjiżi terzi.

(29)

Id-dipendenza qawwija tar-ripagament ta’ pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjoni fuq il-bejgħ ta’ assi li jassiguraw l-assi sottostanti toħloq vulnerabbiltajiet kif jidher mill-prestazzjoni fqira ta’ partijiet tas-suq tat-titoli abbażi ta’ ipoteka kummerċjali (CMBS) matul il-kriżi finanzjarja. Għalhekk, CMBS ma għandhomx jitqiesu li huma titolizzazzjonijiet STS.

(30)

Meta tkun disponibbli data dwar l-impatt ambjentali ta’ assi sottostanti għal titolizzazzjonijiet, l-oriġinatur u l-isponsor ta’ tali titolizzazzjonijiet jenħtieġ li jippubblikawhom.

Għalhekk, l-oriġinatur, l-isponsor u l-SSPE ta’ titolizzazzjoni STS fejn l-iskoperturi sottostanti huma self residenzjali jew self għal jew kirjiet ta’ karozzi jenħtieġ li jippubblikaw l-informazzjoni disponibbli relatata mal-prestazzjoni ambjentali tal-assi ffinanzjati permezz ta’ tali self residenzjali jew self għal jew kirjiet ta’ karozzi.

(31)

Meta l-oriġinaturi, l-isponsors u l-SSPEs ikunu jixtiequ li t-titolizzazzjonijiet tagħhom jużaw id-deżinjazzjoni ta’ STS, l-investituri, l-awtoritajiet kompetenti u l-ESMA jenħtieġ li jkunu notifikati li t-titolizzazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti STS. In-notifika jenħtieġ li tinkludi spjegazzjoni dwar kif kull wieħed mill-kriterji tal-STS ikun ġiet osservat. Imbagħad, l-ESMA jenħtieġ tippubblika dan fuq lista ta’ titolizzazzjonijiet STS notifikati li tkun disponibbli fuq is-sit web tagħha għal skopijiet ta’ informazzjoni. L-inklużjoni ta’ ħruġ ta’ titolizzazzjoni fil-lista tal-ESMA ta’ titolizzazzjonijiet STS notifikati ma timplikax li l-ESMA jew awtoritajiet kompetenti oħrajn iċċertifikaw li t-titolizzazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti STS. Il-konformità mar-rekwiżiti STS tibqa’ responsabbiltà tal-oriġinaturi, l-isponsors u l-SSPEs waħedhom. Dan jiżgura li l-oriġinaturi, l-isponsors u l-SSPEs jieħdu responsabbiltà għad-dikjarazzjoni tagħhom li t-titolizzazzjoni hija STS u li hemm trasparenza fis-suq.

(32)

Fejn titolizzazzjoni ma tibqax tissodisfa r-rekwiżiti STS, l-oriġinatur u l-isponsor jenħtieġ li jinnotifikaw minnufih lill-ESMA u lill-awtorità kompetenti rilevanti. Barra minn hekk, meta awtorità kompetenti tkun imponiet sanzjonijiet amministrattivi fir-rigward ta’ titolizzazzjoni nnotifikata bħala STS, dik l-awtorità kompetenti jenħtieġ li tinnotifika minnufih lill-ESMA għall-inklużjoni tagħhom fuq il-lista ta’ notifiki STS li tippermetti li l-investituri jkunu infurmati dwar dawn is-sanzjonijiet u dwar l-affidabbiltà tan-notifiki STS. Għaldaqstant huwa fl-interess tal-oriġinaturi u tal-isponsors li jagħmlu notifiki maħsuba sew sabiex jiġu evitati konsegwenzi reputazzjonali.

(33)

L-investituri jenħtieġ li jwettqu d-diliġenza dovuta tagħhom fuq l-investimenti b’mod proporzjonali għar-riskji involuti iżda jenħtieġ li jkunu jistgħu joqogħdu fuq in-notifiki STS u fuq l-informazzjoni dwar il-konformità STS żvelata mill-oriġinatur, l-isponsor u l-SSPE dwar jekk it-titolizzazzjoni tissodisfax r-rekwiżiti STS. Madankollu ma għandhomx joqogħdu biss u mekkanikament fuq tali notifiki u informazzjoni.

(34)

L-involviment ta’ partijiet terzi fl-għajnuna sabiex tiġi verifikata l-konformità ta’ titolizzazzjoni mar-rekwiżiti STS jista’ jkun siewi għall-investituri, l-oriġinaturi, l-isponsors u l-SSPEs u jista’ jikkontribwixxi biex tiżdied il-fiduċja fis-suq għat-titolizzazzjonijiet STS. L-oriġinaturi, l-isponsors u l-SSPEs jistgħu jużaw ukoll is-servizzi ta’ parti terza awtorizzata f’konformità ma’ dan ir-Regolament biex jivvalutaw jekk it-titolizzazzjoni tagħhom tikkonformax mal-kriterji STS. Dawk il-partijiet terzi jenħtieġ li jkunu soġġetti għal awtorizzazzjoni minn awtoritajiet kompetenti. In-notifika lill-ESMA u l-pubblikazzjoni sussegwenti fuq is-sit web tal-ESMA jenħtieġ li jsemmu jekk il-konformità STS kinitx awtorizzata minn parti terza. Madankollu, huwa essenzjali li l-investituri jagħmlu l-valutazzjoni tagħhom stess, jieħdu responsabbiltà għad-deċiżjonijiet ta’ investiment tagħhom u ma joqogħdux mekkanikament fuq it-tali partijiet terzi. L-involviment ta’ parti terza bl-ebda mod ma għandu jneħħi r-responsabbiltà legali aħħarija minn fuq l-oriġinaturi, l-isponsors u l-investituri istituzzjonali li jinnotifikaw u jittrattaw tranżazzjoni ta’ titolizzazzjoni bħala STS.

(35)

L-Istati Membri jenħtieġ li jaħtru awtoritajiet kompetenti u jagħtuhom is-setgħat ta’ superviżjoni, investigazzjoni u sanzjonar meħtieġa. Fil-prinċipju, is-sanzjonijiet amministrattivi jenħtieġ li jiġi ppubblikati. Peress li l-investituri, l-oriġinaturi, l-isponsors, il-mutwanti oriġinali u l-SSPEs jistgħu jkunu stabbiliti fi Stati Membri differenti u sorveljati minn awtoritajiet kompetenti settorjali differenti, il-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet kompetenti rilevanti, inkluż il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fir-rigward tal-kompiti speċifiċi konferiti lilu bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (12), u mal-ASE, għandha tiġi żgurata bl-iskambju reċiproku ta’ informazzjoni u assistenza f’attivitajiet superviżorji. L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li japplikaw sanzjonijiet biss fil-każ ta’ ksur imwettaq intenzjonalment jew bi traskuraġni. L-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ rimedju ma għandhiex tiddependi minn evidenza ta’ intenzjoni jew negliġenza. Fid-determinazzjoni tat-tip u l-livell xieraq ta’ sanzjoni jew ta’ miżura ta’ rimedju, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni s-saħħa finanzjarja tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jqisu, b’mod partikolari, il-fatturat totali tal-persuna ġuridika responsabbli jew id-dħul annwali u l-assi netti tal-persuna fiżika responsabbli.

(36)

L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jikkoordinaw mill-qrib is-superviżjoni tagħhom u jiżguraw deċiżjonijiet konsistenti, speċjalment f’każ ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament. Meta dan il-ksur jikkonċerna notifika mhux korretta jew qarrieqa, l-awtorità kompetenti li tidentifika dak il-ksur jenħtieġ li anke tinforma lill-ASE u lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-Istati Membri kkonċernati. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti, l-ESMA, u, fejn xieraq, il-Kumitat Konġunt tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, jenħtieġ li jeżerċitaw is-setgħat vinkolanti ta’ medjazzjoni tagħhom.

(37)

Ir-rekwiżiti għall-użu tad-deżinjazzjoni “titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata” huma ġodda u ser jiġu speċifikati iktar permezz ta’ linji gwida tal-EBA u prassi superviżorja matul iż-żmien. Sabiex jiġi evitat li l-parteċipanti tas-suq jiġu diskoraġġuti milli jużaw din id-deżinjazzjoni l-ġdida, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkunu jistgħu jagħtu lill-oriġinatur, l-isponsor u l-SSPE perijodu ta’ grazzja ta’ tlett xhur biex jirrettifikaw kwalunkwe użu żbaljat tad-deżinjazzjoni li jkunu użaw in bona fede. Jenħtieġ li tkun preżunta bona fede fejn l-oriġinatur, l-isponsor u l-SSPE ma setgħux ikunu jafu li titolizzazzjoni ma kinitx tissodisfa l-kriterji STS kollha biex tkun deżinjata bħala STS. Matul dak il-perijodu ta’ grazzja, it-titolizzazzjoni inkwistjoni jenħtieġ li tkompli titqies konformi mal-STS u ma għandhiex titħassar minn fuq il-lista stabbilita mill-ESMA f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

(38)

Dan ir-Regolament jippromwovi l-armonizzazzjoni ta’ għadd ta’ elementi ewlenin fis-suq tat-titolizzazzjoni mingħajr preġudizzju għal iktar armonizzazzjoni kumplimentari mmexxija mis-suq tal-proċessi u l-prattiki fis-swieq tat-titolizzazzjoni. Għal dik ir-raġuni, huwa essenzjali li l-parteċipanti fis-suq u l-assoċjazzjonijiet professjonali tagħhom ikomplu jistandardizzaw il-prattiki tas-suq, u b’mod partikulari l-istandardizzazzjoni tad-dokumentazzjoni tat-titolizzazzjonijiet. Il-Kummissjoni jenħtieġ li timmonitorja bir-reqqa u tirrapporta fuq l-isforzi ta’ standardizzazzjoni li jagħmlu l-parteċipanti fis-suq.

(39)

Id-Direttivi 2009/65/KE (13), 2009/138/KE (14) u 2011/61/UE (15) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 (16) u (UE) Nru 648/2012 (17) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill huma emendati kif xieraq sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tal-qafas legali tal-Unjoni ma’ dan ir-Regolament dwar id-dispożizzjonijiet relatati mat-titolizzazzjoni li l-objettiv ewlieni tiegħu huwa l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, b’mod partikulari billi tiżgura kondizzjonijiet ekwi fis-suq intern għall-investituri istituzzjonali kollha.

(40)

Fir-rigward tal-emendi għar-Regolament (UE) Nru 648/2012, il-kuntratti tad-derivattivi barra l-Borża (“OTC”) li jkunu daħlu fihom SSPEs ma għandhomx ikunu soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar dment li jiġu ssodisfati ċerti kondizzjonijiet. Dan minħabba li kontropartijiet għall-kuntratti tad-derivattivi OTC li jkunu daħlu fihom SSPEs huma kredituri garantiti skont l-arranġamenti ta’ titolizzazzjoni u normalment tkun prevista protezzjoni xierqa kontra r-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti. Fir-rigward ta’ derivattivi kklerjati mhux ċentralment, il-livelli ta’ kollateral meħtieġa jenħtieġ li jqisu wkoll l-istruttura speċifika tal-arranġamenti ta’ titolizzazzjoni u l-protezzjonijiet diġà previsti fihom.

(41)

Hemm livell ta’ sostitwibbiltà bejn il-bonds koperti u t-titolizzazzjonijiet. Għalhekk, sabiex tiġi evitata l-possibbiltà ta’ distorsjoni jew arbitraġġ bejn l-użu tat-titolizzazzjonijiet u l-bonds koperti minħabba t-trattament differenti ta’ kuntratti ta’ derivattivi OTC li jidħlu fihom entitajiet ta’ bonds koperti jew SSPEs, ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 jenħtieġ li jiġi emendat sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fit-trattament bejn derivattivi assoċjati ma’ bonds koperti u derivattivi assoċjati ma’ titolizzazzjonijiet, fir-rigward tal-obbligu tal-ikklerjar u tar-rekwiżiti tal-marġni dwar derivattivi OTC mhux ikklerjati ċentralment.

(42)

Sabiex jiġu armonizzati t-tariffi għas-superviżjoni li għandhom jiġu mposti mill-ESMA jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea biex tispeċifika aktar it-tip ta’ tariffi, il-materji li għalihom it-tariffi jkunu dovuti, l-ammont tat-tariffi u l-metodu ta’ ħlas tagħhom. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (18). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(43)

Sabiex jiġi speċifikat ir-rekwiżit ta’ retenzjoni tar-riskju, kif ukoll sabiex jiġu ċċarati ulterjorment il-kriterji ta’ omoġenità u l-iskoperturi li għandhom jitqiesu omoġeni skont ir-rekwiżiti dwar is-sempliċità, filwaqt li jiġi żgurat li t-titolizzazzjoni tas-self tal-SME ma tiġix affettwata b’mod negattiv, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta standards tekniċi regolatorji żviluppati mill-EBA dwar l-modalitajiet biex ir-riskju jiġi ritenut, il-kejl tal-livell ta’ retenzjoni, ċerti projbizzjonijiet rigward ir-riskju ritenut, ir-retenzjoni fuq bażi konsolidata u l-eżenzjoni ta’ ċerti tranżazzjonijiet, u l-ispeċifikazzjoni tal-kriterji ta’ omoġenità u liema skoperturi sottostanti jitqiesu omoġeni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta dawk l-istandards tekniċi regolatorji permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-TFUE u f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010. L-EBA jenħtieġ li tikkonsulta mill-qrib maż-żewġ Awtoritajiet Superviżorji Ewropej l-oħra.

(44)

Sabiex tiffaċilita l-aċċess kontinwu, faċli u ħieles tal-investituri għal informazzjoni affidabbli dwar it-titolizzazzjonijiet, kif ukoll biex tispeċifika t-termini tal-kooperazzjoni u l-obbligu tal-iskambju ta’ informazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta standards tekniċi regolatorji żviluppati mill-ESMA dwar: isl-informazzjoni paragunabbli dwar l-iskoperturi sottostanti u r-rapporti regolari tal-investituri; il-lista ta’ għanijiet leġittimi li taħthom huma permessi r-rititolizzazzjonijiet; il-proċeduri li jippermettu lir-repożitorji tat-titolizzazzjoni jivverifikaw il-kompletezza u l-konsistenza tad-dettalji rrapportati, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u l-applikazzjoni ssimplifikata għal estensjoni ta’ reġistrazzjoni; id-dettalji tat-titolizzazzjoni li għandhom jiġu pprovduti għal raġunijiet ta’ trasparenza, l-istandards operazzjonali meħtieġa għall-ġbir, l-aggregazzjoni u t-tqabbil ta’ data tul ir-repożitorji ta’ titolizzazzjoni, l-informazzjoni li għaliha għandhom aċċess l-entitajiet maħtura u t-termni u l-kondizzjonijiet għal aċċess dirett; l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fil-każ ta’ notifika STS; l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-awtoritajiet kompetenti fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ verifikatur ta’ parti terza; u l-informazzjoni li għandha tiġi skambjata u l-kontenut u l-ambitu tal-obbligi tan-notifika. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta dawk l-istandards tekniċi regolatorji permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 290 tat- TFUE u f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. L-ESMA jenħtieġ li tikkonsulta mill-qrib maż-żewġ ASE l-oħra.

(45)

Sabiex tiffaċilita l-proċess għall-investituri, l-oriġinaturi, l-isponsors, u l-SSPEs, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa ukoll biex tadotta standards tekniċi ta’ implimentazzjoni żviluppati mill-ESMA, fir-rigward ta’: il-mudelli li għandhom jintużaw meta l-informazzjoni ssir disponibbli għad-detenturi ta’ pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni; il-format tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u tal-applikazzjoni għal estensjoni tar-reġistrazzjoni ta’ repożitorji ta’ titolizzazzjoni; mudell għall-għoti ta’ informazzjoni; il-mudelli li għandhom jintużaw biex tingħata informazzjoni lir-repożitorju tat-titolizzazzjoni, b’kont meħud tas-soluzzjonijiet żviluppati mill-kolletturi tad-data dwar it-titolizzazzjoni eżistenti; u l-mudell għan-notifiki STS li ser jipprovdu lill-investituri u lill-awtoritajiet kompetenti biżżejjed informazzjoni għall-valutazzjoni tagħhom tal-konformità mar-rekwiżiti STS. Il-Kummissjoni għandha tadotta dawk l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 TFUE u f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. L-ESMA jenħtieġ li tikkonsulta mill-qrib maż-żewġ Awtoritajiet Superviżorji Ewropej l-oħra.

(46)

Billi l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, prinċipalment l-istabbiliment ta’ qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u l-ħolqien ta’ qafas speċifiku għal titolizzazzjoni STS, ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri minħabba li s-swieq tat-titolizzazzjonijiet joperaw globalment u minħabba li jenħtieġ li jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fis-suq intern għall-investituri istituzzjonali u għall-entitajiet kollha involuti fit-titolizzazzjoni iżda, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(47)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika għal titolizzazzjonijiet li jinħarġu fl-1 ta’ Jannar 2019 jew wara.

(48)

Għall-pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjoni pendenti mill-1 ta’ Jannar 2019, l-oriġinaturi, l-isponsors u l-SSPEs jenħtieġ li jkunu jistgħu jużaw id-deżinjazzjoni ‘STS’ dment li t-titolizzazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti STS, għal ċerti rekwiżiti fil-mument tan-notifika u għal rekwiżiti oħrajn fil-ħin tal-oriġinazzjoni. Għaldaqstant, l-oriġinaturi, l-isponsors u l-SSPEs jenħtieġ li jkunu kapaċi jippreżentaw notifika STS lill-ESMA skont dan ir-Regolament. Kwalunkwe modifika sussegwenti għat-titolizzazzjoni jenħtieġ li tiġi aċċettata dment li t-titolizzazzjoni tkompli tissodisfa r-rekwiżiti STS kollha applikabbli.

(49)

Ir-rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta li jkunu applikati f’konformità mal-liġi eżistenti tal-Unjoni qabel id-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jibqgħu japplikaw għal titolizzazzjonijiet maħruġin fl-1 ta’ Jannar 2011 jew wara, u għal titolizzazzjonijiet maħruġin qabel l-1 ta’ Jannar 2011 fejn wara l-31 ta’ Diċembru 2014 ikunu ġew sostitwiti jew żdiedu skoperturi sottostanti ġodda. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 625/2014 (19) li jispeċifikaw ir-rekwiżiti ta’ retenzjoni tar-riskju għal istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) jenħtieġ li jibqgħu applikabbli sa meta japplikaw l-istandards tekniċi regolatorji dwar ir-retenzjoni tar-riskju skont dan ir-Regolament. Għal raġunijiet ta’ ċertezza tad-dritt, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jew id-ditti tal-investiment, l-impriżi tal-assigurazzjoni, l-impriżi tar-riassigurazzjoni u l-maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattiv jenħtieġ li, għal pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjoni pendenti mid-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, ikomplu jkunu soġġetti għall-Artikolu 405 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u għall-Kapitoli I, II u III u għall-Artikolu 22 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 625/2014, għall-Artikoli 254 u 255 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/35 u għall-Artikolu 51 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2013 (21) rispettivament.

Sabiex jiżgura li l-oriġinaturi, l-isponsors u l-SSPEs jikkonformaw mal-obbligi ta’ trasparenza tagħhom, sakemm jidħlu fis-seħħ l-istandards tekniċi regolatorji li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament, l-informazzjoni msemmija fl-Annessi I sa VIII għar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/3 (22) jenħtieġ li ssir disponibbli għall-pubbliku,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni. Huwa jiddefinixxi t-titolizzazzjoni u jistabbilixxi r-rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta, retenzjoni tar-riskju u trasparenza għall-partijiet involuti fit-titolizzazzjonijiet, kriterji għall-għoti ta’ kreditu, rekwiżiti għall-bejgħ ta’ titolizzazzjonijiet lil klijenti mhux professjonali, projbizzjoni tar-rititolizzazzjoni, rekwiżiti għal SSPEs kif ukoll kondizzjonijiet u proċeduri għal repożitorji tat-titolizzazzjoni. Dan joħloq ukoll qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata (‘STS’).

2.   Dan ir-Regolament japplika għal investituri istituzzjonali u għal oriġinaturi, sponsors, mutwanti oriġinali u entitajiet bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“titolizzazzjoni” tfisser tranżazzjoni jew skema, li biha riskju ta’ kreditu assoċjat mal-iskopertura jew aggregazzjoni ta’ skoperturi tkun segmentata, u jkollha karatteristiċi kollha li ġejjin:

(a)

il-pagamenti fit-tranżazzjoni jew l-iskema jkunu dipendenti fuq il-prestazzjoni tal-iskopertura jew tal-aggregazzjoni ta’ skoperturi;

(b)

is-subordinazzjoni tas-segmenti tiddetermina d-distribuzzjoni tat-telf matul il-ħajja kurrenti tat-tranżazzjoni jew skema;

(c)

it-tranżazzjoni jew l-iskema ma toħloqx skoperturi li għandhom il-karatteristiċi kollha elenkati fl-Artikolu 147(8) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(2)

“entità bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni” jew “SSPE” tfisser korporazzjoni, fiduċjarja jew entità oħra, għajr oriġinatur jew sponsor, stabbilita għall-fini ta’ twettiq ta’ titolizzazzjoni waħda jew iktar, li l-attivitajiet tagħha huma limitati għal dawk xierqa sabiex jintlaħaq dak l-objettiv, bi struttura li hija maħsuba sabiex tiżola l-obbligazzjonijiet tal-SSPE minn dawk tal-oriġinatur;

(3)

“oriġinatur” tfisser entità li:

(a)

hi stess jew permezz ta’ entitajiet relatati, b’mod dirett jew indirett, kienet involuta fil-ftehim oriġinali li ħoloq l-obbligazzjonijiet jew l-obbligazzjonijiet potenzjali tad-debitur jew id-debitur potenzjali li wasslu għat-titolizzazzjoni tal-iskoperturi; jew

(b)

tixtri l-iskoperturi ta’ parti terza għan-nom tagħha stess u mbagħad tittitolizzahom;

(4)

“rititolizzazzjoni” tfisser titolizzazzjoni li biha tal-inqas waħda mill-iskoperturi sottostanti tkun pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni;

(5)

“sponsor” tfisser istituzzjoni ta’ kreditu, sew jekk lokalizzata fl-Unjoni u sew jekk le, kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jew ditta tal-investiment kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE għajr oriġinatur, li:

(a)

tistabbilixxi u tamministra programm ta’ karti kummerċjali garantiti b’assi jew titolizzazzjoni oħra li tixtri skoperturi mingħand entitajiet terzi, jew

(b)

tistabbilixxi programm ta’ karti kummerċjali garantiti b’assi jew titolizzazzjoni oħra li tixtri skoperturi mingħand entitajiet terzi u tiddelega l-immaniġġar ta’ kuljum ta’ portafoll attiv involut f’dik it-titolizzazzjoni lil entità awtorizzata biex twettaq tali attività f’konformità mad-Direttiva 2009/65/KE, id-Direttiva 2011/61/UE jew id-Direttiva 2014/65/UE;

(6)

“segment” tfisser segment, stabbilit b’kuntratt, tar-riskju ta’ kreditu assoċjat ma’ skopertura jew aggregazzjoni ta’ skoperturi, fejn pożizzjoni fis-segment tinvolvi riskju ta’ telf ta’ kreditu ikbar jew inqas minn pożizzjoni tal-istess ammont f’segment ieħor, bla ma titqies il-protezzjoni tal-kreditu pprovduta minn partijiet terzi direttament lid-detenturi tal-pożizzjonijiet fis-segment jew f’segmenti oħrajn;

(7)

“programm ta’ karti kummerċjali garantiti b’assi” jew “programm ABCP” (asset-backed commercial paper) tfisser programm ta’ titolizzazzjonijiet, li t-titoli maħruġa minnu fil-biċċa l-kbira jieħdu l-forma ta’ karti kummerċjali garantita b’assi b’maturità oriġinali ta’ sena jew inqas;

(8)

“tranżazzjoni ta’ karti kummerċjali garantiti b’assi” jew “tranżazzjoni ABCP” tfisser titolizzazzjoni fi ħdan programm ABCP;

(9)

“titolizzazzjoni tradizzjonali” tfisser titolizzazzjoni li tinvolvi t-trasferiment tal-interess ekonomiku fl-iskoperturi li qed jiġu titolizzati permezz tat-trasferiment tas-sjieda ta’ dawk l-iskoperturi mill-oriġinatur lil SSPE jew permezz ta’ sottoparteċipazzjoni minn SSPE, fejn it-titoli maħruġa ma jirrappreżentawx obbligi ta’ ħlas tal-oriġinatur;

(10)

“titolizzazzjoni sintetika” tfisser titolizzazzjoni li biha t-trasferiment tar-riskju jinkiseb bl-użu ta’ derivattivi tal-kreditu jew garanziji, u l-iskoperturi li jiġu titolizzati jibqgħu skoperturi tal-oriġinatur;

(11)

“investitur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika detentriċi ta’ pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni;

(12)

“investitur istituzzjonali” tfisser investitur li huwa wieħed mis-segwenti:

(a)

impriża tal-assigurazzjoni kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE;

(b)

impriża tar-riassigurazzjoni kif definit fil-punt (4) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE;

(c)

istituzzjoni għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23) skont l-Artikolu 2 tagħha, sakemm Stat Membru ma jkunx għażel li ma japplikax dik id-Direttiva sħiħa jew partijiet minnha għal dik l-istituzzjoni skont l-Artikolu 5 ta’ dik id-Direttiva; jew maniġer tal-investiment jew entità awtorizzata maħtura minn istituzzjoni għall-provvediment ta’ rtirar okkupazzjonali, skont l-Artikolu 32 tad-Direttiva (UE) 2016/2341;

(d)

maniġer ta’ fond ta’ investiment alternattiv (AIFM) kif definit fil-punt (b) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE li jimmaniġġa u/jew iqiegħed fis-swieq fondi ta’ investiment alternattiv fl-Unjoni;

(e)

impriża għall-investiment kollettiv f’kumpannija ta’ mmaniġġar ta’ titoli trasferibbli (UCITS) kif definit fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2009/65/KE;

(f)

UCITS immaniġġjata internament, li hija kumpannija tal-investiment awtorizzata f’konformità mad-Direttiva 2009/65/KE u li ma għażlitx kumpannija ta’ mmaniġġar awtorizzata skont dik id-Direttiva għall-immaniġġar tagħha;

(g)

istituzzjoni ta’ kreditu kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għall-finijiet ta’ dak ir-Regolament jew għad-ditti tal-investiment kif definit fil-punt (2) tal-Artikolu 4(1) ta’ dak ir-Regolament;

(13)

“ġestur” tfisser entità li timmaniġġa aggregazzjoni ta’ riċevibbli mixtrija jew l-iskoperturi għall-kreditu sottostanti ta’ kuljum;

(14)

“faċilità ta’ likwidità” tfisser il-pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni li tirriżulta minn ftehim kuntrattwali sabiex jiġi pprovdut finanzjament li jiżgura l-prontezza tal-flussi tal-flus lill-investituri;

(15)

“skopertura ċirkolanti” tfisser skopertura fejn il-bilanċi pendenti tal-‘mutwatarji’ jitħallew ivarjaw skont id-deċiżjonijiet tagħhom ta’ teħid ta’ self u ripagament, sa limitu miftiehem;

(16)

“titolizzazzjoni ċirkolanti” tfisser titolizzazzjoni fejn l-istruttura nnifisha tat-titolizzazzjoni tkun ċirkolanti billi l-iskoperturi jiżdiedu jew jitneħħew mill-aggregazzjoni ta’ skoperturi irrispettivament milli jekk l-iskoperturi humiex ċirkolanti jew le;

(17)

“klawżola ta’ ammortizzament antiċipat” tfisser klawżola ta’ kuntratt f’titolizzazzjoni ta’ skoperturi ċirkolanti jew titolizzazzjoni ċirkolanti li teħtieġ, meta jseħħu avvenimenti definiti, li l-pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjoni tal-investituri jinfdew qabel il-maturità stipulata oriġinarjament ta’ dawk il-pożizzjonijiet;

(18)

“segment tal-ewwel telf” tfisser is-segment l-aktar subordinat f’titolizzazzjoni li jkun l-ewwel segment li jġorr it-telf imġarrab fuq l-iskoperturi titolizzati u li b’hekk jipprovdi protezzjoni għat-tieni telf u, fejn rilevanti, segmenti kklassifikati ogħla.

(19)

“pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni” tfisser skopertura għal titolizzazzjoni;

(20)

“mutwant oriġinali” tfisser entità li kkonkludiet hi stess jew permezz ta’ entitajiet relatati, b’mod dirett jew indirett, il-ftehim oriġinali li ħoloq l-obbligazzjonijiet jew l-obbligazzjonijiet potenzjali tad-debitur jew id-debitur potenzjali li wasslu għat-titolizzazzjoni tal-iskoperturi;

(21)

“programm ABCP appoġġat b’mod sħiħ” tfisser programm ABCP li huwa appoġġat direttament u bis-sħiħ mill-isponsor tiegħu billi dan jipprovdi lill-SSPE(s) faċilità waħda jew aktar ta’ likwidità li tal-inqas tkopri dawn li ġejjin kollha:

(a)

ir-riskji kollha tal-likwidità u ta’ kreditu tal-programm ABCP;

(b)

kwalunkwe riskju ta’ dilwizzjoni materjali tal-iskoperturi li qed jiġu titolizzati;

(c)

kwalunkwe spejjeż oħra fil-livell ta’ tranżazzjoni ABCP u fil-livell ta’ programm ABCP jekk neċessarji sabiex ikun garantit lill-investitur il-ħlas sħiħ ta’ kwalunkwe ammont skont l-ABCP.

(22)

“tranżazzjoni ABCP appoġġata b’mod sħiħ” tfisser tranżazzjoni ABCP appoġġata b’faċilità ta’ likwidità, fil-livell tat-tranżazzjoni jew fil-livell tal-programm ABCP, li tkopri tal-inqas dawn kollha li ġejjin:

(a)

ir-riskji kollha tal-likwidità u ta’ kreditu tat-tranżazzjoni ABCP;

(b)

kwalunkwe riskju ta’ dilwizzjoni materjali tal-iskoperturi li jkunu qed jiġu titolizzati fit-tranżazzjoni ABCP;

(c)

kwalunkwe spejjeż oħra fil-livell ta’ tranżazzjoni ABCP u spejjeż fil-livell tal-programm ABCP jekk neċessarji sabiex ikun garantit lill-investitur il-ħlas sħiħ ta’ kwalunkwe ammont skont l-ABCP.

(23)

“repożitorju tat-titolizzazzjoni” tfisser persuna ġuridika li ċentralment tiġbor u żżomm ir-rekords tat-titolizzazzjonijiet.

Għall-fini tal-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament, ir-referenzi fl-Artikoli 61, 64, 65, 66, 73, 78, 79 u 80 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għal “repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet” għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal “repożitorju tat-titolizzazzjoni”.

Artikolu 3

Bejgħ ta’ titolizzazzjonijiet lil klijenti mhux professjonali

1.   Il-bejjiegħ ta’ pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni ma għandux ibiegħ tali pożizzjoni lil klijent mhux professjonali, kif definit fil-punt 11 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE, sakemm ma jiġux issodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-bejjiegħ tal-pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni jkun wettaq test tal-adegwatezza f’konformità mal-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(b)

il-bejjiegħ tal-pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni huwa sodisfatt, fuq il-bażi tat-test imsemmi fil-punt (a), li l-pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni hija adegwata għal dak il-klijent mhux professjonali;

(c)

il-bejjiegħ tal-pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni jikkomunika immedjatament f’rapport lill-klijent mhux professjonali r-riżultat tat-test tal-adegwatezza.

2.   Meta l-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 ikunu ssodisfati u l-portafoll tal-istrumenti finanzjarji ta’ dak il-klijent mhux professjonali ma jaqbiżx EUR 500 000, il-bejjiegħ għandu jiżgura, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-klijent mhux professjonali skont il-paragrafu 3, li l-klijent mhux professjonali ma jinvestix ammont aggregat li jaqbeż l-10 % tal-portafoll tal-istrumenti finanzjarji ta’ dak il-klijent f’pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjoni, u li l-ammont minimu inizjali investit f’pożizzjoni waħda jew aktar ta’ titolizzazzjoni huwa ta’ EUR 10 000.

3.   Il-klijent mhux professjonali għandu jipprovdi lill-bejjiegħ b’informazzjoni eżatta dwar il-portafoll tal-istrumenti finanzjarji tal-klijent mhux professjonali, li tinkludi kwalunkwe investimenti f’pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjoni.

4.   Għall-finijiet tal-paragrafi 2 u 3, il-portafoll tal-istrumenti finanzjarji tal-klijent mhux professjonali għandu jinkludi depożiti ta’ flus kontanti u strumenti finanzjarji, iżda għandu jeskludi kwalunkwe strument finanzjarju li ngħata bħala kollateral.

Artikolu 4

Rekwiżiti għall-SSPEs

L-SSPEs ma għandhomx ikunu stabbiliti f’pajjiż terz li għalih tapplika waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

il-pajjiż terz huwa elenkat bħala ġurisdizzjoni nonkooperattiva u b’riskju għoli mill-FATF;

(b)

il-pajjiż terz ma jkunx iffirma ftehim ma’ Stat Membru biex jiżgura li dak il-pajjiż terz jikkonforma kompletament mal-istandards stipulati fl-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni tat-Taxxa tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) dwar id-Dħul u l-Kapital jew mill-Ftehim Mudell tal-OECD dwar l-Iskambju tal-Informazzjoni dwar Materji ta’ Taxxa, u jiżgura li jkun hemm skambju effettiv ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ taxxa, inkluż kwalunkwe ftehim multilaterali dwar it-taxxa.

KAPITOLU 2

DISPOŻIZZJONIJIET APPLIKABBLI GĦAT-TITOLIZZAZZJONIJIET KOLLHA

Artikolu 5

Rekwiżiti dwar id-diliġenza dovuta għall-investituri istituzzjonali

1.   Qabel ma jkollu pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni, investitur istituzzjonali, għajr l-oriġinatur, l-isponsor jew il-mutwant oriġinali, għandu jivverifika li:

(a)

meta l-oriġinatur jew il-mutwant oriġinali stabbilit fl-Unjoni ma jkunx istituzzjoni ta’ kreditu jew ditta tal-investiment kif definit fil-punti (1) u (2) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-oriġinatur jew il-mutwant oriġinali jagħti l-krediti kollha tiegħu li jwasslu għall-iskoperturi sottostanti fuq il-bażi ta’ kriterji solidi u definiti sew u proċessi stabbiliti b’mod ċar għall-approvazzjoni, l-emenda, it-tiġdid u l-finanzjament ta’ dawk il-krediti u għandu sistemi effettivi fis-seħħ biex japplika dawk il-kriterji u l-proċessi f’konformità mal-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-Regolament;

(b)

meta l-oriġinatur jew il-mutwant oriġinali jkun stabbilit f’pajjiż terz, l-oriġinatur jew il-mutwant oriġinali jagħti l-krediti kollha li jwasslu għall-iskoperturi sottostanti abbażi ta’ kriterji solidi u definiti sew u proċessi stabbiliti b’mod ċar għall-approvazzjoni, l-emendar, it-tiġdid u l-finanzjament ta’ dawk il-krediti u għandu sistemi effettivi fis-seħħ biex japplika dawk il-kriterji u l-proċessi biex jiżgura li l-għoti ta’ kreditu huwa bbażat fuq valutazzjoni bir-reqqa tal-affidabbiltà kreditizja tad-debitur;

(c)

jekk ikun stabbilit fl-Unjoni, l-oriġinatur, l-isponsor jew il-mutwant oriġinali jżomm fuq bażi kontinwa interess materjali ekonomiku nett f’konformità mal-Artikolu 6 u r-retenzjoni tar-riskju tiġi żvelata lill-investitur istituzzjonali f’konformità mal-Artikolu 7;

(d)

jekk ikun stabbilit f’pajjiż terz, l-oriġinatur, l-isponsor jew il-mutwant oriġinali jżomm fuq bażi kontinwa interess materjali ekonomiku nett li, fi kwalunkwe każ, ma għandux ikun inqas minn 5 %, iddeterminat f’konformità mal-Artikolu 6, u jiżvela r-retenzjoni tar-riskju lill-investituri istituzzjonali;

(e)

l-oriġinatur, l-isponsor jew l-SSPE, fejn xieraq, għamel disponibbli l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 7 f’konformità mal-frekwenza u l-modalitajiet previsti f’dak l-Artikolu;

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet ABCP appoġġati b’mod sħiħ, ir-rekwiżit speċifikat fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għandu japplika għall-isponsor. F’każijiet bħal dawn, l-isponsor għandu jivverifika li l-oriġinatur jew il-mutwant oriġinali li ma jkunx istituzzjoni ta’ kreditu jew ditta tal-investiment jagħti l-krediti kollha li jwasslu għall-ħolqien tal-iskoperturi sottostanti abbażi ta’ kriterji solidi u definiti sew u proċessi stabbiliti b’mod ċar għall-approvazzjoni, l-emendar, it-tiġdid u l-finanzjament ta’ dawk il-krediti u jkollu sistemi effettivi fis-seħħ biex japplikaw dawk il-kriterji u l-proċessi skont l-Artikolu 9(1).

3.   Qabel ma jkollu pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni, investitur istituzzjonali, għajr l-oriġinatur, l-isponsor jew il-mutwant oriġinali, għandu jwettaq stima tad-diliġenza dovuta li tippermettilu li jivvaluta r-riskji involuti. Din l-istima għandha tinkludi, minn tal-anqas, dawn kollha li ġejjin:

(a)

il-karatteristiċi tar-riskju tal-pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni individwali u tal-iskoperturi sottostanti;

(b)

il-karatteristiċi strutturali kollha tat-titolizzazzjoni li jistgħu jħallu impatt materjali fuq il-prestazzjoni tal-pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni, inkluż il-prijoritajiet kuntrattwali tal-pagament u l-prijorità tal-ixkattaturi marbutin mal-pagament, it-titjibiet tal-kreditu, it-titjibiet tal-likwidità, l-ixkattaturi tal-valur tas-suq, u d-definizzjonijiet speċifiċi għat-tranżazzjoni tal-inadempjenza;

(c)

fir-rigward ta’ titolizzazzjoni notifikata bħala STS f’konformità mal-Artikolu 27, il-konformità ta’ dik it-titolizzazzjoni mar-rekwiżiti previsti fl-Artikoli 19 sa 22 jew fl-Artikoli 23 sa 26, u l-Artikolu 27. L-investituri istituzzjonali jistgħu jafdaw sa ċertu punt fuq in-notifika STS skont l-Artikolu 27(1) u l-informazzjoni żvelata mill-oriġinatur, l-isponsor u l-SSPE dwar il-konformità mar-rekwiżiti STS, mingħajr ma jafdaw unikament jew mekkanikament dik in-notifika jew l-informazzjoni.

Minkejja l-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu, fil-każ ta’ programm ABCP appoġġat b’mod sħiħ, l-investituri istituzzjonali fil-karta kummerċjali maħruġa minn dak il-programm ABCP għandhom jikkunsidraw il-karatteristiċi tal-programm ABCP u l-appoġġ sħiħ tal-likwidità.

4.   Investitur istituzzjonali, għajr l-oriġinatur, l-isponsor jew il-mutwant oriġinali, li jkollu pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni, għandu tal-inqas:

(a)

jistabbilixxi proċeduri bil-miktub xierqa li huma proporzjonati għall-profil tar-riskju tal-pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni u, fejn rilevanti, għall-portafoll tan-negozjar u mhux tan-negozjar tal-investituri istituzzjonali, sabiex isir monitoraġġ, fuq bażi kontinwa, tal-konformità mal-paragrafi 1 u 3 u l-prestazzjoni tal-pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni u tal-iskoperturi sottostanti.

Fejn rilevanti fir-rigward tat-titolizzazzjoni u l-iskoperturi sottostanti, dawk il-proċeduri bil-miktub għandhom jinkludu monitoraġġ tat-tip ta’ skopertura, il-perċentwal ta’ self skaduti b’iktar minn 30, 60 u 90 jum, ir-rati ta’ inadempjenza, ir-rati ta’ prepagament, is-self fi preklużjoni, ir-rati ta’ rkupru, ir-riakkwisti, il-modifiki tas-self, il-pawżi mill-pagamenti, it-tip ta’ kollateral u l-okkupanza, u d-distribuzzjoni tal-frekwenza tal-punteġġi tal-kreditu jew miżuri oħrajn tal-affidabbiltà kreditizja bejn skoperturi sottostanti, l-industrija u d-diversifikazzjoni ġeografika, id-distribuzzjoni tal-frekwenza tal-proporzjonijiet bejn is-self u l-valur b’firxiet li jiffaċilitaw analiżi adegwata tas-sensittività. Meta l-iskoperturi sottostanti huma stess ikunu pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjoni, kif permess skont l-Artikolu 8, l-investituri istituzzjonali għandhom jissorveljaw ukoll l-iskoperturi sottostanti għal dawk il-pożizzjonijiet;

(b)

f’każ ta’ titolizzazzjoni għajr programm ABCP appoġġat b’mod sħiħ, jagħmel b’mod regolari testijiet tal-istress fuq il-flussi tal-flus u l-valuri tal-kollateral li jappoġġaw l-iskoperturi sottostanti, jew, fin-nuqqas ta’ data suffiċjenti dwar il-flussi tal-flus u l-valuri tal-kollateral, testijiet tal-istress fuq suppożizzjonijiet ta’ telf, b’kunsiderazzjoni għall-għamla, l-iskala u l-kumplessità tar-riskju tal-pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni;

(c)

fil-każ ta’ programm ABCP appoġġat b’mod sħiħ, iwettaq b’mod regolari testijiet tal-istress fuq is-solvenza u l-likwidità tal-isponsor;

(d)

jiżgura rapportar intern lill-korp maniġerjali tiegħu sabiex il-korp maniġerjali jkun jaf bir-riskji materjali li jirriżultaw mill-pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni u sabiex dawk ir-riskji jiġu mmaniġġati b’mod adegwat;

(e)

ikun kapaċi juri lill-awtoritajiet kompetenti tiegħu, fuq talba, li għandu fehim komprensiv u profond tal-pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni u l-iskoperturi sottostanti tagħha u li implimenta politiki u proċeduri miktubin għall-immaniġġar tar-riskju tal-pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni u għaż-żamma ta’ reġistri għall-verifiki u d-diliġenza dovuta f’konformità mal-paragrafi 1 u 2 u ta’ kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti; u

(f)

fil-każ ta’ skoperturi għal programm ABCP appoġġat b’mod sħiħ, ikun kapaċi juri lill-awtoritajiet kompetenti tiegħu, fuq talba, li għandu fehim komprensiv u dettaljat tal-kwalità kreditizja tal-isponsor u tat-termini tal-faċilità ta’ likwidità pprovduta.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 sa 4 ta’ dan l-Artikolu, fejn investitur istituzzjonali jkun ta lil investitur istituzzjonali ieħor l-awtorità li jieħu deċiżjonijiet ta’ ġestjoni ta’ investiment li jistgħu jesponuh għal titolizzazzjoni, l-investitur istituzzjonali jista’ jagħti struzzjonijiet lil dik il-parti li qed tiġġestixxi biex twettaq l-obbligi tagħha taħt dan l-Artikolu fir-rigward ta’ kwalunkwe skopertura għal titolizzazzjoni li tirriżulta minn dawk id-deċiżjonijiet. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn investitur istituzzjonali jkun ingħata struzzjoni skont dan il-paragrafu biex iwettaq l-obbligi ta’ investitur istituzzjonali ieħor u jonqos milli jagħmel dan, kwalunkwe sanzjoni skont l-Artikoli 32 u 33 tista’ tiġi imposta fuq il-parti li qed tiġġestixxi u mhux fuq l-investitur istituzzjonali li huwa espost għal titolizzazzjoni.

Artikolu 6

Żamma tar-riskju

1.   L-oriġinatur, l-isponsor jew il-mutwant oriġinali ta’ titolizzazzjoni għandu jżomm fuq bażi kontinwa interess materjali ekonomiku nett fit-titolizzazzjoni ta’ mhux inqas minn 5 %. Dak l-imgħax għandu jitkejjel fl-oriġinazzjoni u għandu jkun iddeterminat mill-valur nozzjonali għal elementi li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ. Meta l-oriġinatur, l-isponsor jew il-mutwant oriġinali ma jkunux qablu bejniethom dwar min ser iżomm l-interess materjali ekonomiku nett, l-oriġinatur għandu jżomm l-interess materjali ekonomiku nett. Ma għandu jkun hemm l-ebda applikazzjoni multipla tar-rekwiżiti ta’ retenzjoni għal xi titolizzazzjoni partikolari. L-interess materjali ekonomiku nett ma għandux jinqasam bejn tipi differenti ta’ min iżomm l-interess u ma għandux ikun soġġett għal ebda mitigazzjoni tar-riskju ta’ kreditu jew iħħeġġjar.

Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, entità ma titqiesx li hija oriġinatur meta l-entità tkun ġiet stabbilita jew topera bl-uniku skop li tittitolizza skoperturi.

2.   L-oriġinaturi ma għandhomx jagħżlu l-assi li ser jiġu ttrasferiti lill-SSPE bil-għan li jagħmlu telf fuq l-assi ttrasferiti lill-SSPE, imkejla matul il-ħajja tat-tranżazzjoni, jew fuq massimu ta’ 4 snin fejn il-ħajja tat-tranżazzjoni hija itwal minn erba’ snin, ogħla mit-telf matul l-istess perijodu fuq assi komparabbli miżmuma fuq il-karta bilanċjali tal-oriġinatur. Fejn l-awtorità kompetenti ssib evidenza li tindika ksur ta’ dik il-projbizzjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinvestigaw il-prestazzjoni tal-assi ttrasferiti lill-SSPE u assi komparabbli miżmuma fuq il-karta bilanċjali tal-oriġinatur. Jekk il-prestazzjoni tal-assi ttrasferiti tkun ferm aktar baxxa minn dik tal-assi komparabbli miżmuma fuq il-karta bilanċjali tal-oriġinatur bħala konsegwenza tal-intenzjoni tal-oriġinatur, l-awtorità kompetenti għandha timponi sanzjoni skont l-Artikoli 32 u 33.

3.   Huma biss dawn li ġejjin li għandhom jikkwalifikaw bħala retenzjoni tal-interess materjali ekonomiku nett ta’ mhux inqas minn 5 % skont it-tifsira tal-paragrafu 1:

(a)

ir-retenzjoni ta’ mhux inqas minn 5 % tal-valur nominali ta’ kull wieħed mis-segmenti mibjugħin jew trasferiti lill-investituri;

(b)

fil-każ ta’ titolizzazzjonijiet ċirkolanti jew titolizzazzjonijiet ta’ skoperturi ċirkolanti, ir-retenzjoni tal-interess tal-oriġinatur ta’ mhux inqas minn 5 % tal-valur nominali ta’ kull waħda mill-iskoperturi titolizzati;

(c)

ir-retenzjoni ta’ skoperturi magħżula b’mod aleatorju, ekwivalenti għal mhux inqas minn 5 % tal-valur nominali tal-iskoperturi titolizzati, fejn tali skoperturi mhux titolizzati normalment kienu jkunu titolizzati fit-titolizzazzjoni, bil-kondizzjoni li n-numru ta’ skoperturi potenzjalment titolizzati ma jkunx inqas minn 100 fil-bidu;

(d)

ir-retenzjoni tas-segment tal-ewwel tat-telf u, meta t-tali retenzjoni ma tkunx tammonta għal 5 % tal-valur nominali tal-iskoperturi titolizzati, jekk hemm bżonn, segmenti oħrajn bl-istess profil ta’ riskju jew wieħed iktar sever minn dawk ittrasferiti jew mibjugħin lil investituri u li ma jimmaturawx qabel dawk ittrasferiti jew mibjugħin lil investituri, sabiex ir-retenzjoni totali ma tkunx inqas minn 5 % tal-valur nominali tal-iskoperturi titolizzati; jew

(e)

ir-retenzjoni ta’ skopertura tal-ewwel telf ta’ mhux inqas minn 5 % ta’ kull skopertura titolizzata fit-titolizzazzjoni.

4.   Meta kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta stabbilita fl-Unjoni skont it-tifsira tad-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24), istituzzjoni prinċipali jew kumpannija azzjonarja finanzjarja stabbilita fl-Unjoni, jew waħda mis-sussidjarji tagħha skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, bħala oriġinatur jew sponsor, tittitolizza skoperturi minn istituzzjoni ta’ kreditu, kumpannija tal-investiment jew istituzzjoni finanzjarja waħda jew iktar li jkunu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ superviżjoni fuq bażi konsolidata, ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jkunu ssodisfati fuq il-bażi tas-sitwazzjoni konsolidata tal-istituzzjoni prinċipali, tal-kumpannija azzjonarja finanzjarja, jew tal-kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta stabbilita fl-Unjoni.

L-ewwel subparagrafu japplika biss meta l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, id-ditti tal-investiment jew l-istituzzjonijiet finanzjarji li ħolqu l-iskoperturi titolizzati jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 79 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25) u jfornu l-informazzjoni meħtieġa biex jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament, fil-ħin, lill-oriġinatur jew lill-isponsor u lill-istituzzjoni ta’ kreditu prinċipali tal-Unjoni, lill-kumpannija azzjonarja finanzjarja jew lill-kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta stabbilita fl-Unjoni.

5.   Il-paragrafu 1 ma japplikax meta l-iskoperturi titolizzati jkunu skoperturi fuq garanzija jew skoperturi garantiti bis-sħiħ, inkondizzjonalment u b’mod irrevokabbli minn:

(a)

gvernijiet ċentrali jew banek ċentrali;

(b)

gvernijiet reġjonali, awtoritajiet lokali u entitajiet tas-settur pubbliku skont it-tifsira tal-punt (8) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Istati Membri;

(c)

istituzzjonijiet li għalihom jiġi assenjat piż tar-riskju ta’ 50 % jew inqas skont il-Parti Tlieta, Titolu II, Kapitolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(d)

banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali fit-tifsira tal-punt (3) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26); jew

(e)

il-banek multilaterali tal-iżvilupp elenkati fl-Artikolu 117 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

6.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal tranżazzjonijiet ibbażati fuq indiċi ċar, trasparenti u aċċessibbli, fejn l-entitajiet referenzjarji sottostanti jkunu identiċi għal dawk li jifformaw indiċi ta’ entitajiet li jkun ikkummerċjalizzat ħafna, jew ikunu titoli kummerċjabbli oħra għajr pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjoni.

7.   L-EBA, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ESMA u l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) li ġie stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27), għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika f’dettall ikbar ir-rekwiżit ta’ retenzjoni tar-riskju, b’mod partikolari fir-rigward ta’:

(a)

il-modalitajiet għar-retenzjoni tar-riskju skont il-paragrafu 3, inkluż l-issodisfar permezz ta’ forma sintetika jew kontinġenti ta’ retenzjoni;

(b)

il-kejl tal-livell ta’ retenzjoni msemmi fil-paragrafu 1;

(c)

il-projbizzjoni ta’ ħħeġġjar jew bejgħ tal-imgħax ritenut;

(d)

il-kundizzjonijiet għar-retenzjoni fuq bażi konsolidata skont il-paragrafu 4;

(e)

il-kondizzjonijiet għall-eżenzjoni ta’ tranżazzjonijiet ibbażati fuq indiċi ċar, trasparenti u aċċessibbli msemmi fil-paragrafu 6;

L-EBA għandha tissottometti dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Lulju 2018.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament bl-adozzjoni tal-istandards tekniċi regolatorji msemmija f’dan il-paragrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

Artikolu 7

Rekwiżiti ta’ trasparenza għall-oriġinaturi, għall-isponsors u għall-SSPEs

1.   L-oriġinatur, l-isponsor u l-SSPE ta’ titolizzazzjoni għandu, f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, jagħmlu disponibbli tal-inqas l-informazzjoni li ġejja għad-detenturi ta’ pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni, għall-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 29 u, fuq talba, għal investituri potenzjali:

(a)

informazzjoni dwar l-iskoperturi sottostanti fuq bażi trimestrali jew, fil-każ ta’ ABCP, informazzjoni dwar ir-riċevibbli sottostanti jew il-pretensjonijiet ta’ kreditu fuq bażi ta’ kull xahar;

(b)

kull dokumentazzjoni sottostanti li hija essenzjali għall-fehim tat-tranżazzjoni, inklużi iżda mhux limitati għal, fejn applikabbli, id-dokumenti li ġejjin:

(i)

id-dokument tal-offerta finali jew il-prospett flimkien mad-dokumenti tat-tranżazzjoni ta’ għeluq, esklużi opinjonijiet ġuridiċi;

(ii)

għal titolizzazzjoni tradizzjonali, il-ftehim ta’ bejgħ ta’ assi, l-assenjament, in-novazzjoni jew il-ftehim ta’ trasferiment u kwalunkwe dikjarazzjoni ta’ fiduċja;

(iii)

il-ftehimiet tad-derivattivi u tal-garanzija, kif ukoll kwalunkwe dokument rilevanti dwar l-arranġamenti ta’ kollateralizzazzjoni li fihom l-iskoperturi titolizzati jibqgħu skoperturi tal-oriġinatur;

(iv)

il-ftehimiet ta’ ġestjoni (servicing), ġestjoni ta’ riserva, amministrazzjoni u mmaniġġar tal-flus;

(v)

l-att fiduċjarju, l-att ta’ sikurezza, il-ftehim tal-aġenzija, il-ftehim tal-kont tal-bank, il-kuntratt ta’ investiment garantit, it-termini inkorporati jew il-qafas fiduċjarju prinċipali jew il-ftehim ta’ definizzjonijiet prinċipali jew dokumentazzjoni legali bħal din b’valur legali ekwivalenti;

(vi)

kwalunkwe ftehim rilevanti bejn il-kredituri, dokumenti dwar id-derivattivi, ftehimiet ta’ self subordinat, ftehimiet ta’ self għall-bidu ta’ negozju u ftehimiet ta’ faċilità ta’ likwidità;

Dik id-dokumentazzjoni sottostantigħandha tinkludi deskrizzjoni dettaljata tal-prijorità tal-pagamenti tat-titolizzazzjoni;

(c)

meta ma jkunx tfassal prospett skont id-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (28), sommarju tat-tranżazzjonijiet jew ħarsa ġenerali lejn il-karatteristiċi ewlenin tat-titolizzazzjoni, inklużi, fejn applikabbli:

(i)

dettalji dwar l-istruttura tal-ftehim, inklużi d-dijagrammi tal-istruttura li fihom ħarsa ġenerali lejn it-tranżazzjoni, il-flussi tal-flus u l-istruttura tas-sjieda;

(ii)

dettalji dwar il-karatteristiċi tal-iskopertura, il-flussi tal-flus, il-kaskata ta’ telf, it-titjib tal-kreditu u l-karatteristiċi tal-appoġġ ta’ likwidità;

(iii)

dettalji dwar id-drittijiet tal-vot tad-detenturi ta’ pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni u r-relazzjoni tagħhom ma’ kredituri titolizzati oħrajn;

(iv)

lista tal-ixkattaturi u l-avvenimenti kollha msemmijin fid-dokumenti pprovduti skont il-punt (b) li jista’ jkollhom impatt materjali fuq il-prestazzjoni tal-pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni;

(d)

fil-każ ta’ titolizzazzjonijiet STS, in-notifika STS imsemmija fl-Artikolu 27;

(e)

rapporti trimestrali għall-investituri jew, fil-każ ta’ ABCP, rapporti ta’ kull xahar għall-investituri, li jkun fihom dawn li ġejjin:

(i)

id-data materjalment rilevanti kollha dwar il-kwalità kreditizja u l-prestazzjoni tal-iskoperturi sottostanti;

(ii)

informazzjoni dwar avvenimenti li jiskattaw bidliet fil-prijorità ta’ pagamenti jew is-sostituzzjoni ta’ xi kontroparti, u, fil-każ ta’ titolizzazzjoni li mhix tranżazzjoni ABCP, data fuq il-flussi tal-flus iġġenerati mill-iskoperturi sottostanti u mill-obbligazzjonijiet tat-titolizzazzjoni;

(iii)

informazzjoni dwar ir-riskju miżmum, inkluż informazzjoni dwar liema mill-modalitajiet previsti fl-Artikolu 6(3) ġiet applikata, f’konformità mal-Artikolu 6.

(f)

kwalunkwe informazzjoni privileġġjata b’rabta mat-titolizzazzjoni li l-oriġinatur, l-isponsor jew l-SSPE hu obbligat jagħmel pubblika skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (29) dwar abbuż minn informazzjoni privileġġjata u manipulazzjoni tas-suq;

(g)

meta ma jkunx japplika l-punt (f), kwalunkwe avveniment sinifikanti bħal:

(i)

ksur materjali tal-obbligi previst fid-dokumenti magħmula disponibbli skont il-punt (b), inklużi kwalunkwe rimedju, rinunzja jew kunsens li jiġu pprovduti wara b’rabta mat-tali ksur;

(ii)

bidla fil-karatteristiċi strutturali li tista’ tħalli impatt materjali fuq il-prestazzjoni tat-titolizzazzjoni;

(iii)

bidla fil-karatteristiċi tar-riskju tat-titolizzazzjoni jew tal-iskoperturi sottostanti li jista’ jkollha impatt materjali fuq il-prestazzjoni tat-titolizzazzjoni;

(iv)

fil-każ ta’ titolizzazzjonijiet STS, meta t-titolizzazzjoni ma tibqax tissodisfa r-rekwiżiti STS jew meta l-awtoritajiet kompetenti jkunu ħadu azzjonijiet ta’ rimedju jew amministrattivi;

(v)

kwalunkwe emenda materjali għad-dokumenti ta’ tranżazzjoni.

L-informazzjoni deskritta fil-punti (b), (c) u (d) tal-ewwel subparagrafu għandha tkun disponibbli qabel l-ipprezzar.

L-informazzjoni deskritta fil-punti (a) u (e) tal-ewwel subparagrafu għandha tkun disponibbli simultanjament kull trimestru mhux iktar tard minn xahar wara d-data li fiha jrid jitħallas l-imgħax jew, fil-każ ta’ tranżazzjonijiet ABCP, mhux iktar tard minn xahar wara tmiem il-perijodu kopert mir-rapport.

Fil-każ ta’ ABCP, l-informazzjoni deskritta fil-punti (a), (c)(ii) u (e)(i) tal-ewwel subparagrafu għandha tkun disponibbli f’forma aggregata għal detenturi ta’ pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni u, fuq talba, għal investituri potenzjali. Id-data f’livell ta’ self għandha tkun disponibbli għall-isponsor u, fuq talba, għall-awtoritajiet kompetenti.

Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 596/2014, l-informazzjoni deskritta fil-punti (f) u (g) tal-ewwel subparagrafu għandha tkun disponibbli mingħajr dewmien.

Meta jikkonforma ma’ dan il-paragrafu, l-oriġinatur, l-isponsor u l-SSPE ta’ titolizzazzjoni għandhom jikkonformaw mal-liġi nazzjonali u tal-Unjoni li tirregola l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni u l-ipproċessar tad-data personali sabiex jiġi evitat ksur potenzjali ta’ tali liġi kif ukoll kwalunkwe obbligu ta’ kunfidenzjalità rigward informazzjoni dwar klijenti, mutwanti oriġinali jew debituri, sakemm tali informazzjoni kunfidenzjali ma tkunx anonimizzata jew aggregata.

B’mod partikolari, fir-rigward tal-informazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu l-oriġinatur, l-isponsor u l-SSPE jistgħu jipprovdu sinteżi tad-dokumentazzjoni kkonċernata.

L-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 29 għandhom ikunu jistgħu jitolbu l-forniment lilhom ta’ tali informazzjoni kunfidenzjali sabiex ikunu jistgħu jaqdu dmirijiethom skont dan ir-Regolament.

2.   L-oriġinatur, l-isponsor u l-SSPE ta’ titolizzazzjoni għandhom jaħtru bejniethom entità waħda li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ informazzjoni skont il-punti (a), (b), (d), (e), (f) u (g) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1.

L-entità maħtura skont l-ewwel subparagrafu għandha tagħmel l-informazzjoni għal tranżazzjoni ta’ titolizzazzjoni disponibbli permezz ta’ repożitorju tat-titolizzazzjoni.

L-obbligi msemmija fit-tieni u r-raba’ subparagrafi ma japplikawx għal titolizzazzjonijiet fejn ma jeħtieġ li jitfassal l-ebda prospett f’konformità mad-Direttiva 2003/71/KE.

Meta ma jkun irreġistrat l-ebda repożitorju tat-titolizzazzjoni skont l-Artikolu 10, l-entità maħtura biex tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tagħmel l-informazzjoni disponibbli permezz ta’ sit web:

(a)

jinkludi sistema ta’ kontroll tal-kwalità tad-data li taħdem kif suppost;

(b)

huwa soġġett għal standards ta’ governanza xierqa u għaż-żamma u l-operat ta’ struttura organizzattiva xierqa li tiżgura l-kontinwità u l-funzjonament kif suppost tas-sit web;

(c)

huwa soġġett għal sistemi, kontrolli u proċeduri xierqa li jidentifikaw is-sorsi rilevanti kollha ta’ riskju operazzjonali;

(d)

jinkludi sistemi li jiżguraw il-protezzjoni u l-integrità tal-informazzjoni riċevuta u r-reġistrazzjoni minnufih tal-informazzjoni; u

(e)

jagħmilha possibbli li jinżamm reġistru tal-informazzjoni għal tal-inqas ħames snin wara d-data ta’ maturità tat-titolizzazzjoni.

L-entità responsabbli għar-rapportar tal-informazzjoni, u r-repożitorju tat-titolizzazzjoni fejn tkun disponibbli l-informazzjoni għandha tkun indikata fid-dokumentazzjoni rigward it-titolizzazzjoni.

3.   L-ESMA, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-EBA u l-EIOPA, għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-informazzjoni li l-oriġinatur, l-isponsor u l-SSPE għandhom jipprovdu sabiex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont il-punti (a) u (e) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 b’kont meħud tal-utilità tal-informazzjoni għad-detentur tal-pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni, jekk il-pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni hix għal żmien qasir u, fil-każ ta’ tranżazzjoni ABCP, jekk hix appoġġata b’mod sħiħ minn sponsor;

L-ESMA għandha tissottometti dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Jannar 2019.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament bl-adozzjoni tal-istandards tekniċi regolatorji msemmija f’dan il-paragrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

4.   Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi ta’ applikazzjoni għall-informazzjoni li għandha tiġi speċifikata skont il-paragrafu 3, l-ESMA, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-EBA u l-EIOPA, għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw il-format tagħhom permezz ta’ mudelli standardizzati.

L-ESMA għandha tissottometti dak l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Jannar 2019.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija f’dan il-paragrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 8

Projbizzjoni tar-rititolizzazzjoni

1.   L-iskoperturi sottostanti użati f’titolizzazzjoni ma għandhomx jinkludu pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjoni.

B’deroga, l-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għal:

(a)

kwalunkwe titolizzazzjoni li t-titoli tagħha jkunu nħarġu qabel l-1 ta’ Jannar 2019; u

(b)

kwalunkwe titolizzazzjoni, li ser tintuża għal skopijiet leġittimi kif stipulat fil-paragrafu 3, li t-titoli tagħha inħarġu fi jew wara l-1 ta’ Jannar 2019.

2.   Awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 29(2), (3) jew (4), kif applikabbli, tista’ tagħti permess lil entità taħt is-superviżjoni tagħha biex tinkludi pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjoni bħall-iskoperturi sottostanti f’titolizzazzjoni fejn dik l-awtorità kompetenti tqis li l-użu ta’ rititolizzazzjoni bħala li jkun għal finijiet leġittimi kif stabbilit fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

Fejn tali entità taħt superviżjoni tkun istituzzjoni ta’ kreditu jew ditta tal-investiment kif definit fil-punti (1) u (2) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-awtorità kompetenti msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandha tikkonsulta mal-awtorità ta’ riżoluzzjoni u kwalunkwe awtorità oħra rilevanti għal dik l-entità qabel ma tagħti l-permess għall-inklużjoni ta’ pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjoni bħala skoperturi sottostanti f’titolizzazzjoni. Tali konsultazzjoni ma għandhiex iddum aktar minn 60 jum mid-data li fiha l-awtorità kompetenti tinnotifika lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni, u kwalunkwe awtorità oħra rilevanti għal dik l-entità, dwar il-ħtieġa għal konsultazzjoni.

Fejn il-konsultazzjoni tirriżulta f’deċiżjoni li jingħata permess għall-użu ta’ pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjoni bħala skoperturi sottostanti f’titolizzazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-ESMA b’dan.

3.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, dawn li ġejjin għandhom jitqiesu li huma għanijiet leġittimi:

(a)

il-faċilitazzjoni tal-istralċ ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, ditta tal-investiment jew istituzzjoni finanzjarja,

(b)

li tiżgura l-vijabbiltà bħala negozju avvjat ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, ta’ ditta tal-investiment jew ta’ istituzzjoni finanzjarja sabiex jiġi evitat l-istralċ tagħha; jew

(c)

fejn l-iskoperturi sottostanti jkunu improduttivi, il-preservazzjoni tal-interessi tal-investituri.

4.   Programm ABCP appoġġat b’mod sħiħ ma għandux jitqies bħala rititolizzazzjoni għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, bil-kondizzjoni li l-ebda tranżazzjoni ABCP fi ħdan dak il-programm ma tkun rititolizzazzjoni u li t-titjib tal-kreditu ma jistabbilixxix it-tieni saff ta’ segmentar fil-livell tal-programm.

5.   Sabiex jiġu riflessi l-iżviluppi fis-suq ta’ rititolizzazzjonijiet oħra meħuda għal skopijiet leġittimi, u filwaqt li jitqiesu l-għanijiet ġenerali ta’ stabbiltà finanzjarja u l-preservazzjoni tal-aħjar interessi tal-investituri, l-ESMA, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-EBA, tista’ tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji biex tissupplimenta l-lista ta’ finijiet leġittimi stabbiliti fil-paragrafu 3.

L-ESMA għandha tippreżenta kwalunkwe tali abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija f’dan il-paragrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 9

Kriterji għall-għoti ta’ kreditu

1.   Għall-iskoperturi li ser jiġu titolizzati, l-oriġinaturi, l-isponsors u l-mutwanti oriġinali għandhom japplikaw l-istess kriterji sodi u definiti tajjeb għall-għoti tal-kreditu li huma japplikaw għal skoperturi mhux titolizzati. Għal dak il-għan, l-istess proċessi stabbiliti b’mod ċar għall-approvazzjoni u, fejn rilevanti, l-emendar, it-tiġdid u r-rifinanzjament ta’ krediti għandhom jiġu applikati. L-oriġinaturi, l-isponsors u l-mutwanti oriġinali għandu jkollhom sistemi effettivi stabbiliti biex japplikaw dawk il-kriterji u l-proċessi sabiex jiżguraw li l-għoti ta’ kreditu jkun imsejjes fuq valutazzjoni bir-reqqa tal-affidabbiltà kreditizja tal-obbligant filwaqt li jitqiesu kif xieraq il-fatturi rilevanti għall-verifika tal-prospett li l-obbligant jissodisfa l-obbligazzjonijiet tiegħu skont il-ftehim ta’ kreditu.

2.   Fejn l-iskoperturi sottostanti ta’ titolizzazzjonijiet jkunu self residenzjali magħmula wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2014/17/UE, l-aggregazzjoni ta’ dak is-self ma għandu jinkludi l-ebda self li jitqiegħed fis-suq u li ġie sottoskritt fuq il-bażi li l-applikant għas-self jew, fejn applikabbli, l-intermedjarji, kienu ġew infurmati li l-informazzjoni pprovduta mill-applikant għas-self jaf ma tkunx ġiet verifikata mill-mutwant.

3.   Meta oriġinatur jixtri l-iskoperturi ta’ parti terza għan-nom tiegħu stess u mbagħad jittitolizzahom, dak l-oriġinatur għandu jivverifika li l-entità li, direttament jew indirettament, kienet involuta fil-ftehim oriġinali li ħoloq l-obbligazzjonijiet jew l-obbligazzjonijiet potenzjali li ser jiġu titolizzati tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1.

4.   Il-paragrafu 3 ma japplikax jekk;

(a)

il-ftehim oriġinali, li ħoloq l-obbligu jew l-obbligi potenzjali tad-debitur jew tad-debitur potenzjali, sar qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2014/17/UE; u

(b)

l-oriġinatur li jixtri l-iskoperturi ta’ parti terza għan-nom tiegħu stess u mbagħad jittitolizzahom jissodisfa l-obbligi li l-istituzzjonijiet tal-oriġinatur kienu obbligati li jissodisfaw taħt l-Artikolu 21(2) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 625/2014 qabel l-1 ta’ Jannar 2019.

KAPITOLU 3

KONDIZZJONIJIET U PROĊEDURI GĦAR-REĠISTRAZZJONI TA’ REPOŻITORJU TAT-TITOLIZZAZZJONI

Artikolu 10

Reġistrazzjoni ta’ repożitorju tat-titolizzazzjoni

1.   Repożitorju tat-titolizzazzjoni għandu jirreġistra mal-ESMA għall-finijiet tal-Artikolu 5 skont il-kondizzjonijiet u l-proċedura stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Sabiex ikun eliġibbli biex jiġi rreġistrat skont dan l-Artikolu, repożitorju tat-titolizzazzjoni għandu jkun persuna ġuridika stabbilita fl-Unjoni, japplika proċeduri biex jivverifika l-kompletezza u l-konsistenza tal-informazzjoni magħmula disponibbli lilu skont l-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-Regolament, u għandu jissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-Artikoli 78, 79 u 80(1) sa (3), (5) u (6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, ir-referenzi għall-Artikoli 78 u 80 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u għall-Artikolu 9 tiegħu għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għall-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament.

3.   Ir-reġistrazzjoni ta’ repożitorju tat-titolizzazzjoni għandha tkun effettiva għat-territorju kollu tal-Unjoni.

4.   Repożitorju tat-titolizzazzjoni rreġistrat għandu jikkonforma f’kull waqt mal-kondizzjonijiet għar-reġistrazzjoni. Repożitorju tat-titolizzazzjoni għandu, mingħajr dewmien żejjed, jinnotifika lill-ESMA bi kwalunkwe bidliet materjali fir-rigward tal-kondizzjonijiet għar-reġistrazzjoni.

5.   Repożitorju tat-titolizzazzjoni għandu jippreżenta lill-ESMA waħda milli ġejjin:

(a)

applikazzjoni għar-reġistrazzjoni;

(b)

applikazzjoni għal estensjoni ta’ reġistrazzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament fil-każ ta’ repożitorju tat-tranżazzjonijiet diġà reġistrat skont il-Kapitolu 1 tat-Titolu VI tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jew skont il-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (30).

6.   L-ESMA għandha tivvaluta jekk l-applikazzjoni tkunx kompluta fi żmien 20 jum tax-xogħol mill-wasla tal-applikazzjoni.

Meta l-applikazzjoni ma tkunx kompluta, l-ESMA għandha tistabbilixxi limitu taż-żmien sa meta r-repożitorju tat-titolizzazzjoni għandu jipprovdi informazzjoni addizzjonali.

Wara li tkun evalwat applikazzjoni bħala kompluta, l-ESMA għandha tinnotifika b’dan lir-repożitorju tat-titolizzazzjoni.

7.   Sabiex tkun żgurata applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji ta’ dawn kollha li ġejjin:

(a)

il-proċeduri msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu li għandhom jiġu applikati mir-repożitorji ta’ titolizzazzjoni sabiex jivverifikaw il-kompletezza u l-konsistenza tal-informazzjoni magħmula disponibbli lilhom skont l-Artikolu 7(1);

(b)

l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 5;

(c)

applikazzjoni simplifikata għal estensjoni tar-reġistrazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 5.

L-ESMA għandha tissottometti dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Jannar 2019.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament bl-adozzjoni tal-istandards tekniċi regolatorji msemmija f’dan il-paragrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

8.   Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi tal-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw il-format tat-tnejn li ġejjin:

(a)

l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 5;

(b)

applikazzjoni simplifikata għal estensjoni tar-reġistrazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 5.

Fir-rigward tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-ESMA għandha tiżviluppa format simplifikat biex tevita proċeduri doppji.

L-ESMA għandha tissottometti dak l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Jannar 2019.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija f’dan il-paragrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 11

Notifika lill-awtoritajiet kompetenti u konsultazzjoni magħhom qabel ir-reġistrazzjoni jew l-estensjoni tar-reġistrazzjoni

1.   Meta repożitorju tat-titolizzazzjoni japplika għal reġistrazzjoni jew għal estensjoni tar-reġistrazzjoni tiegħu bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet u huwa entità awtorizzata jew irreġistrata minn awtorità kompetenti fl-Istat Membru fejn hija tkun stabbilita, l-ESMA għandha, mingħajr dewmien żejjed, tinnotifika lill-awtorità kompetenti u tikkonsultaha qabel ir-reġistrazzjoni jew l-estensjoni tar-reġistrazzjoni tar-repożitorju tat-titolizzazzjoni.

2.   L-ESMA u l-awtorità kompetenti rilevanti għandhom jiskambjaw l-informazzjoni kollha li hija meħtieġa għar-reġistrazzjoni, jew għall-estensjoni tar-reġistrazzjoni, tar-repożitorju tat-titolizzazzjoni kif ukoll għas-superviżjoni tal-konformità tal-entità mal-kondizzjonijiet tar-reġistrazzjoni tagħha jew l-awtorizzazzjoni fl-Istat Membru fejn hija stabbilita.

Artikolu 12

Eżami tal-applikazzjoni

1.   L-ESMA għandha, fi żmien 40 jum ta’ xogħol min-notifika msemmija fl-Artikolu 10(6) teżamina l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, jew l-estensjoni għar-reġistrazzjoni, abbażi tal-konformità tar-repożitorju tat-titolizzazzjoni ma’ dan il-Kapitolu u għandha tadotta deċiżjoni motivata b’mod sħiħ li taċċetta jew tirrifjuta r-reġistrazzjoni jew l-estensjoni tar-reġistrazzjoni.

2.   Deċiżjoni maħruġa mill-ESMA skont il-paragrafu 1 għandha tidħol fis-seħħ fil-ħames jum tax-xogħol wara dak tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 13

Notifika tad-deċiżjonijiet tal-ESMA relatati mar-reġistrazzjoni jew l-estensjoni tar-reġistrazzjoni

1.   Meta l-ESMA tadotta deċiżjoni kif imsemmi fl-Artikolu 12 jew tirtira r-reġistrazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 15(1), hija għandha tinnotifika r-repożitorju tat-titolizzazzjoni fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol bi spjegazzjoni motivata b’mod sħiħ tad-deċiżjoni tagħha.

L-ESMA għandha, mingħajr dewmien żejjed, tinnotifika lill-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 11(1) bid-deċiżjoni tagħha.

2.   L-ESMA għandha tikkomunika, mingħajr dewmien żejjed, kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed skont il-paragrafu 1 lill-Kummissjoni.

3.   L-ESMA għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha lista tar-repożitorji tat-titolizzazzjoni rreġistrati skont dan ir-Regolament. Dik il-lista għandha tiġi aġġornata fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol mill-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont il-paragrafu 1.

Artikolu 14

Setgħat tal-ESMA

1.   Is-setgħat mogħtija lill-ESMA f’konformità mal-Artikoli 61 sa 68, 73 u 74 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, flimkien mal-Annessi I u II għalih, għandhom jiġu eżerċitati wkoll fir-rigward ta’ dan ir-Regolament. Referenzi għall-Artikolu 81(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 fl-Anness I għal dak ir-Regolament għandhom jitqiesu bħala referenzi għall-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-Regolament.

2.   Is-setgħat mogħtija lill-ESMA jew lil xi uffiċjal jew persuna oħra awtorizzata mill-ESMA skont l-Artikoli 61 sa 63 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 ma għandhomx jintużaw biex jesiġu d-divulgazzjoni ta’ informazzjoni jew dokumenti li huma soġġetti għall-privileġġ legali.

Artikolu 15

Irtirar tar-reġistrazzjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 73 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-ESMA għandha tirtira r-reġistrazzjoni ta’ repożitorju tat-titolizzazzjoni fejn ir-repożitorju tat-titolizzazzjoni:

(a)

ikun b’mod espliċitu rrinunzja r-reġistrazzjoni jew ma jkun ipprovda l-ebda servizz tal-kreditu għas-sitt xhur ta’ qabel;

(b)

ikun kiseb ir-reġistrazzjoni billi għamel dikjarazzjonijiet foloz jew b’mezzi irregolari oħra; jew

(c)

ma jkunx għadu jissodisfa l-kondizzjonijiet li kien ġie rreġistrat taħthom.

2.   L-ESMA għandha, mingħajr dewmien żejjed, tinnotifika lill-awtorità kompetenti rilevanti msemmija fl-Artikolu 11(1) bid-deċiżjoni li tirtira r-reġistrazzjoni ta’ repożitorju tat-titolizzazzjoni.

3.   L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru li fih repożitorju tat-titolizzazzjoni jwettaq is-servizzi u l-attivitajiet tiegħu u li tqis li waħda mill-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 tkun ġiet issodisfata, tista’ titlob lill-ESMA biex teżamina jekk il-kondizzjonijiet għall-irtirar tar-reġistrazzjoni tar-repożitorju tat-titolizzazzjoni kkonċernat humiex issodisfati. Meta l-ESMA tiddeċiedi li ma tirtirax ir-reġistrazzjoni tar-repożitorju tat-titolizzazzjoni kkonċernat, hija għandha tipprovdi raġunijiet dettaljati għad-deċiżjoni tagħha.

4.   L-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għandha tkun l-awtorità nnominata skont l-Artikolu 29 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 16

Tariffi għas-superviżjoni

1.   L-ESMA għandha timponi tariffi għar-repożitorji tat-titolizzazzjoni f’konformità ma’ dan ir-Regolament u f’konformità mal-atti delegati adottati skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

Dawk it-tariffi għandhom ikunu proporzjonati għall-fatturat tar-repożitorju tat-titolizzazzjoni kkonċernat u għandhom ikopru għal kollox l-infiq tal-ESMA meħtieġ għar-reġistrazzjoni u s-superviżjoni tar-repożitorji tat-titolizzazzjoni kif ukoll ir-rimborż ta’ kwalunkwe spiża li jistgħu jġarrbu l-awtoritajiet kompetenti bħala riżultat ta’ kwalunkwe delega ta’ kompiti skont l-Artikolu 14(1) ta’ dan ir-Regolament. Sakemm l-Artikolu 14(1) ta’ dan ir-Regolament isemmi l-Artikolu 74 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, ir-referenzi għall-Artikolu 72(3) ta’ dak ir-Regolament għandhom jitqiesu bħala referenzi għall-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

Meta repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikun diġà ġie rreġistrat skont il-Kapitolu 1 tat-Titolu VI tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jew taħt il-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2015/2365, it-tariffi msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jiġu aġġustati biss biex jirriflettu l-infiq u l-ispejjeż addizzjonali meħtieġa relatati mar-reġistrazzjoni u s-superviżjoni tar-repożitorji tat-titolizzazzjoni skont dan ir-Regolament.

2.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 47 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tispeċifika aktar it-tip ta’ tariffi, il-materji li għalihom it-tariffi jkunu dovuti, l-ammont tat-tariffi u l-metodu ta’ ħlas tagħhom.

Artikolu 17

Disponibbiltà tad-data miżmuma f’repożitorju tat-titolizzazzjoni

1.   Mingħajr preġudizzju tal-Artikolu 7(2), repożitorju tat-titolizzazzjoni għandu jiġbor u jżomm id-dettalji tat-titolizzazzjoni. Huwa għandu jipprovdi aċċess dirett u immedjat u mingħajr ħlas lill-entitajiet kollha li ġejjin biex ikunu jistgħu jwettqu r-responsabbiltajiet, il-mandati u l-obbligi rispettivi tagħhom:

(a)

l-ESMA;

(b)

l-EBA;

(c)

l-EIOPA;

(d)

il-BERS;

(e)

il-membri rilevanti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ), inkluż il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fit-twettiq tal-kompiti tiegħu fi ħdan mekkaniżmu superviżorju uniku skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013;

(f)

l-awtoritajiet rilevanti li r-responsabbiltajiet u l-mandati superviżorji rispettivi tagħhom ikopru t-tranżazzjonijiet, is-swieq, il-parteċipanti u l-assi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

(g)

l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni maħtura skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (31);

(h)

il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (32);

(i)

l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 29;

(j)

investituri u investituri potenzjali.

2.   L-ESMA għandha, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-EBA u mal-EIOPA u filwaqt li tqis il-bżonnijiet tal-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1, tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw:

(a)

id-dettalji tat-titolizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 li l-oriġinatur, l-isponsor jew l-SSPE għandhom jipprovdu sabiex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 7(1);

(b)

l-istandards operazzjonali meħtieġa biex ikunu jistgħu jsiru fil-waqt dovut u b’mod strutturat u komprensiv:

(i)

ġbir ta’ data mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet; u

(ii)

aggregazzjoni u tqabbil ta’ data bejn repożitorju tat-titolizzazzjoni u ieħor;

(c)

id-dettalji tal-informazzjoni li jkollhom aċċess għaliha l-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1, b’kont meħud tal-mandat tagħhom u l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom;

(d)

it-termini u l-kondizzjonijiet li bihom l-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jkollhom aċċess dirett u immedjat għad-data miżmuma f’repożitorji tat-titolizzazzjonijiet.

L-ESMA għandha tissottometti dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Jannar 2019.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament bl-adozzjoni tal-istandards tekniċi regolatorji msemmija f’dan il-paragrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

3.   Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi ta’ applikazzjoni għall-paragrafu 2, l-ESMA, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-EBA u l-EIOPA, għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw il-mudelli standardizzati li permezz tagħhom l-oriġinatur, il-isponsor jew l-SSPE għandhom jipprovdu l-informazzjoni għar-repożitorju tat-titolizzazzjoni, b’kont meħud ta’ soluzzjonijiet żviluppati minn kolletturi tad-data eżistenti.

L-ESMA għandha tissottometti dak l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Jannar 2019.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija f’dan il-paragrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

KAPITOLU 4

TITOLIZZAZZJONI SEMPLIĊI, TRASPARENTI U STANDARDIZZATA

Artikolu 18

Użu tad-deżinjazzjoni “titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata”

L-oriġinaturi, l-isponsors u l-SSPEs jistgħu jużaw id-deżinjazzjoni “STS” jew “sempliċi, trasparenti u standardizzati”, jew deżinjazzjoni li tirreferi direttament jew indirettament għal dawk it-termini għat-titolizzazzjoni tagħhom, fil-każ biss li:

(a)

it-titolizzazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti kollha tat-Taqsima 1 jew it-Taqsima 2 ta’ dan il-Kapitolu, u l-ESMA ġiet innotifikata skont l-Artikolu 27(1); u

(b)

it-titolizzazzjoni tkun inkluża fil-lista msemmija fl-Artikolu 27(5).

L-oriġinatur, l-isponsor u l-SSPE involuti f’titolizzazzjoni kkunsidrata bħala STS għandhom ikunu stabbiliti fl-Unjoni.

TAQSIMA 1

Rekwiżiti għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata li ma tkunx ABCP

Artikolu 19

Titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata

1.   It-titolizzazzjonijiet, ħlief il-programmi ABCP u t-tranżazzjonijiet ABCP, li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 20, 21 u 22 għandhom jitqiesu STS.

2.   Sat-18 ta’ Ottubru 2018, l-EBA, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ESMA u mal-EIOPA, għandha tadotta, skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, linji gwida u rakkomandazzjonijiet dwar interpretazzjoni u applikazzjoni armonizzata tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 20, 21 u 22.

Artikolu 20

Rekwiżiti relatati mas-sempliċità

1.   It-titolu għall-iskoperturi sottostanti għandu jiġi akkwistat mill-SSPE permezz ta’ bejgħ veru jew assenjament jew trasferiment bl-istess effett legali b’mod li jkun infurzabbli kontra l-bejjiegħ jew kwalunkwe parti terza oħra. It-trasferiment tat-titolu għall-SSPE ma għandux ikun soġġett għal dispożizzjonijiet severi ta’ rkupru fil-każ ta’ insolvenza tal-bejjiegħ.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, dawn li ġejjin għandhom jikkostitwixxu dispożizzjonijiet ta’ rkupru severi:

(a)

dispożizzjonijiet li jippermettu lill-likwidatur tal-bejjiegħ li jinvalida l-bejgħ tal-iskoperturi sottostanti fuq il-bażi biss li dan ġie konkluż f’ċertu perijodu qabel id-dikjarazzjoni ta’ insolvenza tal-bejjiegħ;

(b)

dispożizzjonijiet fejn l-SSPE jista’ jipprevjeni l-invalidazzjoni msemmija fil-punt (a) fil-każ biss li jkun jista’ jiġi ppruvat li ma kienx jaf bl-insolvenza tal-bejjiegħ fil-mument tal-bejgħ.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, dispożizzjonijiet ta’ rkupru fil-liġijiet nazzjonali dwar l-insolvenza li jippermettu lil likwidatur jew qorti tinvalida l-bejgħ ta’ skoperturi sottostanti f’każ ta’ trasferimenti frawdolenti, ħsara żleali lill-kredituri jew ta’ trasferimenti maħsuba biex jiġu ffavoriti b’mod mhux xieraq kredituri partikolari fuq oħrajn, ma għandhomx jikkostitwixxu dispożizzjonijiet ta’rkupru severi.

4.   Jekk il-bejjiegħ mhuwiex il-mutwant oriġinali, il-bejgħ veru jew l-assenjament jew it-trasferiment bl-istess effett legali tal-iskoperturi sottostanti lil dak il-bejjiegħ, kemm jekk dak il-bejgħ veru jew l-assenjament jew it-trasferiment bl-istess effett legali jkun dirett jew permezz ta’ pass intermedjarju wieħed jew aktar, għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 3.

5.   Meta t-trasferiment tal-iskoperturi sottostanti jitwettaq permezz ta’ assenjament u jiġi pperfezzjonat fi stadju iktar tard mill-għeluq tat-tranżazzjoni, l-ixkattaturi li jeffettwaw tali perfezzjoni għandhom tal-anqas jinkludu l-avvenimenti li ġejjin:

(a)

deterjorament sever fis-sitwazzjoni tal-kwalità kreditizja tal-bejjiegħ;

(b)

insolvenza tal-bejjiegħ; u

(c)

ksur mhux rimedjat ta’ obbligi kuntrattwali mill-bejjiegħ, inkluża l-inadempjenza tal-bejjiegħ.

6.   Il-bejjiegħ għandu jipprovdi rappreżentazzjonijiet u garanziji li, sa fejn jaf hu, l-iskoperturi sottostanti inklużi fit-titolizzazzjoni mhumiex gravati jew inkella f’kundizzjoni li jista’ jiġi previst li taffettwa b’mod ħażin l-eżegwibbiltà tal-bejgħ veru jew l-assenjament jew it-trasferiment bl-istess effett legali.

7.   L-iskoperturi sottostanti trasferiti jew assenjati mill-bejjiegħ lill-SSPE għandhom jissodisfaw kriterji ta’ eliġibbiltà predeterminati, ċari u dokumentati li ma jippermettux immaniġġar tal-portafoll attiv ta’ dawk l-iskoperturi fuq bażi diskrezzjonali. Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, is-sostituzzjoni tal-iskoperturi li jiksru r-rappreżentazzjonijiet u l-garanziji ma għandhiex titqies bħala immaniġġar tal-portafoll attiv. L-iskoperturi trasferiti lill-SSPE wara l-għeluq tat-tranżazzjoni għandhom jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà applikati għall-iskoperturi sottostanti inizjali.

8.   It-titolizzazzjoni għandha tkun appoġġjata minn aggregazzjoni ta’ skoperturi sottostanti li huma omoġenji f’termini tat-tip ta’ assi, b’kont meħud tal-karatteristiċi speċifiċi relatati mal-flussi ta’ flus tat-tip ta’ assi inkluż il-karatteristiċi kuntrattwali, tar-riskju ta’ kreditu u ta’ prepagament. Aggregazzjoni ta’ skoperturi sottostanti għandha tikkonsisti biss minn tip wieħed ta’ assi. L-iskoperturi sottostanti għandu jkun fihom obbligi li jkunu kuntrattwalment vinkolanti u eżegwibbli, b’rikors sħiħ għad-debituri u, fejn japplika, il-garanti.

L-iskoperturi sottostanti għandu jkollhom flussi ta’ pagament perjodiċi definiti, li l-pagamenti tagħhom jistgħu jvarjaw fl-ammonti, relatati mal-kiri, il-kapital jew il-pagamenti tal-imgħax, jew ma’ kwalunkwe dritt ieħor li jirċievu introjtu mill-assi li jappoġġaw dawn il-pagamenti. L-iskoperturi sottostanti jistgħu jiġġeneraw ukoll rikavati mill-bejgħ ta’ kwalunkwe assi finanzjati jew mikrija.

L-iskoperturi sottostanti ma għandhomx jinkludu titoli trasferibbli, kif iddefinit fil-punt (44) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE ħlief bonds maħruġa minn impriżi, li ma jkunux elenkati f’ċentru tan-negozjar.

9.   L-iskoperturi sottostanti ma għandhom jinkludu ebda pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni.

10.   L-iskoperturi sottostanti għandhom joriġinaw fil-perkors normali tan-negozju tal-oriġinatur jew tal-mutwant oriġinali skont standards ta’ sottoskrizzjoni li mhumiex inqas stretti minn dawk li l-oriġinatur jew il-mutwant oriġinali jkun applika fil-mument tal-oriġinazzjoni għal skoperturi simili li mhumiex titolizzati. L-istandards ta’ sottoskrizzjoni li huma oriġinati konformement magħhom l-iskoperturi sottostanti u kwalunkwe bidla materjali minn standards ta’ sottoskrizzjoni preċedenti għandhom jiġu divulgati b’mod sħiħ mingħajr dewmien bla bżonn lill-investituri potenzjali.

Fil-każ ta’ titolizzazzjonijiet li fihom l-iskoperturi sottostanti jkunu self residenzjali, l-aggregazzjoni ta’ self ma jinkludix ebda self li tqiegħed fis-suq u li ġie sottoskritt fuq il-bażi li l-applikant għas-self jew, fejn applikabbli, l-intermedjarji kienu jafu li l-informazzjoni pprovduta jaf ma tkunx ġiet verifikata mill-mutwant.

Il-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja tal-mutwatarju għandha tissodisfa r-rekwiżiti mogħtija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/48/KE jew fil-paragrafi 1 sa 4, il-punt (a) tal-paragrafu 5, u l-paragrafu 6 tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/17/UE jew, fejn applikabbli, rekwiżiti ekwivalenti f’pajjiżi terzi.

L-oriġinatur jew il-mutwant oriġinali għandu jkollu għarfien espert fl-oriġinazzjoni ta’ skoperturi ta’ xorta simili għal dawk titolizzati.

11.   L-iskoperturi sottostanti għandhom jiġu ttrasferiti lill-SSPE wara l-għażla mingħajr dewmien bla bżonn u ma għandhomx jinkludu, fil-mument tal-għażla, skoperturi f’inadempjenza skont it-tifsira tal-Artikolu 178(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jew skoperturi għal debitur jew garanti bi kreditu indebolit li, sa fejn jaf l-oriġinatur jew il-mutwant oriġinali:

(a)

ikun ġie ddikjarat insolventi jew kellu qorti li tat lill-kredituri tiegħu dritt finali mhux appellabbli ta’ infurzar jew danni materjali bħala riżultat ta’ pagament maqbuż fi żmien tliet snin qabel id-data ta’ oriġinazzjoni jew ikun għadda minn proċess ta’ ristrutturar tad-dejn fir-rigward tal-iskoperturi improduttivi tiegħu fi żmien tliet snin qabel id-data ta’ trasferiment jew assenjazzjoni tal-iskoperturi sottostanti lill-SSPE, ħlief jekk:

(i)

skopertura sottostanti ristrutturata ma tkunx ippreżentat arretrati ġodda mid-data tar-ristrutturar li kellu jseħħ għall-anqas sena qabel id-data tat-trasferiment jew l-assenjazzjoni tal-iskoperturi sottostanti lill-SSPE; u

(ii)

l-informazzjoni pprovduta mill-oriġinatur, l-isponsor u l-SSPE skont il-punti (a) u (e)(i) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tistabbilixxi b’mod espliċitu l-proporzjon tal-iskoperturi sottostanti ristrutturati, il-ħin u d-dettalji tar-ristrutturar kif ukoll il-prestazzjoni tagħhom mid-data tar-ristrutturar;

(b)

kien, fil-mument tal-oriġinazzjoni, fejn applikabbli, fuq reġistru ta’ kreditu pubbliku ta’ persuni bi storja kreditizja negattiva jew, fejn ma jkunx hemm tali reġistru ta’ kreditu pubbliku, reġistru ta’ kreditu ieħor li jkun disponibbli għall-oriġinatur jew il-mutwant oriġinali; jew

(c)

għandu klassifikazzjoni tal-kreditu jew evalwazzjoni tal-kreditu li tindika li r-riskju li ma jsirux il-pagamenti kuntrattwalment maqbulin huwa ferm ogħla minn dak ta’ skoperturi komparabbli miżmuma mill-oriġinatur li mhumiex titolizzati.

12.   Id-debituri għandhom, fil-mument tat-trasferiment tal-iskoperturi, ikunu għamlu tal-inqas pagament wieħed, ħlief fil-każ ta’ titolizzazzjonijiet rotanti garantiti bi skoperturi pagabbli f’pagament wieħed jew li jkollhom maturità ta’ inqas minn sena, inkluż mingħajr pagamenti fix-xahar ta’ limitazzjoni fuq krediti rotanti.

13.   Ir-ripagament mid-detenturi tal-pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjoni ma għandux ikun ġie strutturat biex jiddependi b’mod prevalenti mill-bejgħ ta’ assi li jkopru l-iskoperturi sottostanti. Dan ma għandux iwaqqaf lil tali assi milli sussegwentement jiġu riportati jew rifinanzjati.

Ir-ripagament mid-detenturi tal-pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjoni li l-iskoperturi sottostanti tagħhom huma koperti minn assi li l-valur tagħhom huwa garantit jew immitigat bis-sħiħ minn obbligu ta’ riakkwist mill-bejjiegħ tal-assi li jkopri l-iskoperturi sottostanti jew minn parti terza oħra ma għandux jitqies li jiddependi mill-bejgħ ta’ assi li jkopru dawk l-iskoperturi sottostanti.

14.   L-EBA, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ESMA u l-EIOPA, għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika aktar liema skoperturi sottostanti msemmija fil-paragrafu 8 jitqiesu bħala omoġenji.

L-EBA għandha tissottometti dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Lulju 2018.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament bl-adozzjoni tal-istandards tekniċi regolatorji msemmija f’dan il-paragrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

Artikoli 21

Rekwiżiti relatati mat-titolizzazzjoni

1.   L-oriġinatur, l-isponsor jew il-mutwant oriġinali għandu jissodisfa r-rekwiżit tar-retenzjoni tar-riskju skont l-Artikolu 6.

2.   Ir-riskji taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax u tal-kambju li jirriżultaw mit-titolizzazzjoni għandhom jiġu mitigati kif xieraq u kwalunkwe miżura meħuda f’dan ir-rigward għandha tiġi ddivulgata. Ħlief għall-iskop tal-iħeġġjar tar-riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax jew fir-rata tal-kambju, l-SSPE ma għandhiex tidħol f’kuntratti tad-derivattivi u għandha tiżgura li l-aggregazzjoni tal-iskoperturi sottostanti ma tinkludix derivattivi. Dawk id-derivattivi għandhom jiġu sottoskritti u dokumentati skont l-istandards komuni fil-finanzi internazzjonali.

3.   Kwalunkwe pagament tal-imgħax imsemmi fil-kuntest tal-assi u l-obbligi tat-titolizzazzjoni għandu jkun ibbażat fuq rati tal-imgħax ġeneralment użati fis-suq, jew rati settorjali ġeneralment użati li jirriflettu l-kost tal-fondi, u ma għandux jirreferi għal formuli jew derivattivi kumplessi.

4.   Fejn ikun inħareġ avviż ta’ eżekuzzjoni jew aċċellerazzjoni:

(a)

l-ebda ammont ta’ flus kontanti ma għandu jinqabad fl-SSPE lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jiġi żgurat il-funzjonament operattiv tal-SSPE jew ir-ripagament ordnat lil investituri f’konformità mat-termini kuntrattwali tat-titolizzazzjoni, sakemm ċirkostanzi eċċezzjonali ma jesiġux li jiġi maqbud ammont sabiex jintuża, fl-aħjar interessi tal-investituri, għal spejjeż sabiex jiġi evitat id-deterjorament fil-kwalità kreditizja tal-iskoperturi sottostanti;

(b)

ir-rikavati prinċipali mill-iskoperturi sottostanti għandhom jgħaddu lill-investituri permezz ta’ ammortizzament sekwenzjali tal-pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjoni, skont is-superjorità tal-pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni;

(c)

ir-ripagament tal-pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjoni ma għandux jiġi invertit fir-rigward tas-superjorità tagħhom; u

(d)

ma għandu jkun hemm ebda dispożizzjoni li tesiġi likwidazzjoni awtomatika tal-iskoperturi sottostanti bil-valur tas-suq.

5.   Tranżazzjonijiet li jinkludu prijorità mhux sekwenzjali ta’ pagamenti għandhom jinkludu xkattaturi relatati mal-prestazzjoni tal-iskoperturi sottostanti li jirriżultaw f’li tiġi invertita l-prijorità ta’ pagamenti għall-pagamenti sekwenzjali fl-ordni tas-superjorità. Tali xkattaturi relatati mal-prestazzjoni għandhom jinkludu tal-inqas id-deterjorament fil-kwalità kreditizja tal-iskoperturi sottostanti taħt limitu minimu predefinit.

6.   Id-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni għandha tinkludi dispożizzjonijiet xierqa ta’ ammortizzament antiċipat jew xkattaturi għat-terminazzjoni tal-perijodu rotanti meta t-titolizzazzjoni tkun titolizzazzjoni rotanti, inkluż tal-inqas dawn li ġejjin:

(a)

deterjorament fil-kwalità kreditizja tal-iskoperturi sottostanti għal jew f’livell inqas mil-limitu predefinit;

(b)

l-okkorrenza ta’ avveniment relatat ma’ insolvenza fir-rigward tal-oriġinatur jew tal-ġestur;

(c)

il-valur tal-iskoperturi sottostanti miżmumin mill-SSPE jaqa’ taħt limitu predefinit (avveniment ta’ ammortizzament antiċipat); u

(d)

nuqqas milli jiġu ġġenerati biżżejjed skoperturi sottostanti ġodda li jissodisfaw il-kwalità kreditizja predefinita (xkattatur għat-tmiem tal-perijodu rotanti).

7.   Id-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni għandha tispeċifika b’mod ċar:

(a)

l-obbligi kuntrattwali, id-dmirijiet u ir-responsabbiltajiet tal-ġestur u l-fiduċjarju, jekk ikun hemm, u fornituri oħrajn ta’ servizzi anċillari;

(b)

il-proċessi u r-responsabbiltajiet meħtieġa biex ikun żgurat li inadempjenza jew insolvenza tal-ġestur ma tirriżultax fit-tmiem tal-ġestjoni, bħal dispożizzjoni kuntrattwali li tippermetti s-sostituzzjoni tal-ġestur f’każijiet bħal dawn; u

(c)

dispożizzjonijiet li jiżguraw is-sostituzzjoni ta’ kontropartijiet derivattivi, ta’ fornituri tal-likwidità u tal-bank tal-kont f’każ tal-inadempjenza jew insolvenza tagħhom, u avvenimenti oħrajn speċifikati, meta jkun applikabbli.

8.   Il-ġestur għandu jkollu għarfien espert fil-ġestjoni ta’ skoperturi ta’ natura simili għal dawk titolizzati u għandu jkollu politiki, proċeduri u kontrolli tal-immaniġġar tar-riskju ddokumentati sew u adegwati relatati mal-ġestjoni tal-iskoperturi.

9.   Id-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni għandha tistabbilixxi f’termini ċari u konsistenti definizzjonijiet, rimedji u azzjonijiet marbutin mad-delinkwenza u l-inadempjenza tad-debituri, ir-ristrutturar tad-dejn, il-maħfra tad-dejn, it-tolleranza, il-pawżi mill-pagamenti, it-telf, iċ-charge offs, l-irkupri u rimedji oħrajn tal-prestazzjoni tal-assi. Id-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni għandha tispeċifika b’mod ċar il-prijoritajiet tal-pagament, l-avvenimenti li bihom jixkattaw bidliet f’tali prijoritajiet ta’ pagament kif ukoll l-obbligu li jiġu rrappurtati tali avvenimenti. Kwalunkwe bidla fil-prijoritajiet li materjalment ser taffettwa b’mod negattiv ir-ripagament tal-pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni għandha tiġi rrapportata lill-investituri mingħajr dewmien żejjed.

10.   Id-dokumentazzjoni tat-titolizzazzjoni għandha tinkludi dispożizzjonijiet ċari li jiffaċilitaw ir-riżoluzzjoni f’waqtha tal-kunflitti bejn klassijiet differenti ta’ investituri, id-drittijiet tal-vot għandhom ikunu definiti biċ-ċar u jiġu allokati lid-detenturi tal-bonds u r-responsabbiltajiet tal-fiduċjarju u entitajiet oħrajn bi dmirijiet fiduċjarji lejn l-investituri għandhom jiġu identifikati b’mod ċar.

Artikolu 22

Rekwiżiti relatati mat-trasparenza

1.   L-oriġinatur u l-isponsor għandhom jagħmlu disponibbli data dwar prestazzjoni statika u dinamika fil-passat fir-rigward ta’ inadempjenzi u telf, bħad-data dwar id-delinkwenza u l-inadempjenza, għal skoperturi sostanzjalment simili għal dawk li qed jiġu titolizzati, u s-sorsi ta’ dik id-data u l-bażi għad-dikjarazzjoni ta’ similarità, lil investituri potenzjali qabel l-ipprezzar. Dik id-data għandha tkopri perijodu ta’ mill-anqas ħames snin.

2.   Kampjun tal-iskoperturi sottostanti għandu jkun soġġett għal verifika esterna qabel il-ħruġ tat-titoli li jirriżultaw mit-titolizzazzjonijiet minn parti xierqa u indipendenti, inkluż verifika li d-data ddivulgata fir-rigward tal-iskoperturi sottostanti hija preċiża.

3.   L-oriġinatur jew l-isponsor għandhom, qabel l-ipprezzar tat-titolizzazzjoni, jagħmlu disponibbli għal investituri potenzjali mudell tal-fluss tal-flus tal-obbligi li jirrappreżenta b’mod preċiż ir-relazzjoni kuntrattwali bejn l-iskoperturi sottostanti u l-pagamenti fi flussi bejn l-oriġinatur, l-isponsor, l-investituri, partijiet terzi oħra u l-SSPE u għandhom, wara l-ipprezzar, jipprovdu t-tali mudell għad-disponibbiltà tal-investituri fuq bażi kontinwa u lil investituri potenzjali fuq talba.

4.   Fil-każ ta’ titolizzazzjoni fejn l-iskoperturi sottostanti huma self residenzjali jew self jew kirjiet għal karozzi, l-oriġinatur u l-isponsor għandhom jippubblikaw l-informazzjoni disponibbli relatata mal-prestazzjoni ambjentali tal-assi ffinanzjati b’tali self residenzjali jew self jew kirjiet għal karozzi, bħala parti mill-informazzjoni ddivulgata skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1).

5.   L-oriġinatur u l-isponsor għandhom ikunu responsabbli għall-konformità mal-Artikolu 7. L-informazzjoni meħtieġa skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1) għandha tkun disponibbli għal investituri potenzjali qabel l-ipprezzar fuq talba tagħhom. L-informazzjoni meħtieġa skont il-punti (b) sa (d) tal- ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1) għandha tkun disponibbli qabel l-ipprezzar mill-inqas f’forma abbozzata jew inizjali. Id-dokumentazzjoni finali għandha tkun disponibbli għall-investituri mhux iktar tard minn 15-il jum wara l-għeluq tat-tranżazzjoni.

TAQSIMA 2

Rekwiżiti għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata

Artikolu 23

Titolizzazzjoni ABCP sempliċi, trasparenti u standardizzata

1.   Tranżazzjoni ABCP għandha titqies bħala STS jekk tkun konformi mar-rekwiżiti tal-livell ta’ tranżazzjoni previsti fl-Artikolu 24.

2.   Programm ABCP għandu jitqies bħala STS jekk ikun konformi mar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 26 u l-isponsor tal-programm ABCP jikkonforma mar-rekwiżiti previsti fl-Artiklu 25.

Għall-fini ta’ din it-Taqsima, “bejjiegħ” ifisser “oriġinatur” jew “mutwant oriġinali”.

3.   Sat-18 ta’ Ottubru 2018, l-EBA, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ESMA u mal-EIOPA, għandha tadotta skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 linji gwida u rakkomandazzjonijiet dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni armonizzati tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 24 u 26 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 24

Rekwiżiti fil-livell tat-tranżazzjoni

1.   It-titolu tal-iskoperturi sottostanti għandu jiġi akkwistat mill-SSPE permezz ta’ bejgħ veru jew assenjament jew trasferiment bl-istess effett legali b’mod li jkun eżegwibbli kontra l-bejjiegħ jew kwalunkwe parti terza oħra. It-trasferiment tat-titolu lill-SSPE ma għandux ikun soġġett għal dispożizzjonijiet ta’ rkupru severi fil-każ ta’ insolvenza tal-bejjiegħ.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, dawn li ġejjin għandhom jikkostitwixxu dispożizzjonijiet ta’ rkupru severi:

(a)

dispożizzjonijiet li jippermettu lil-likwidatur tal-bejjiegħ li jinvalida l-bejgħ tal-iskoperturi sottostanti fuq il-bażi biss li dan ġie konkluż fi żmien ċertu perijodu qabel id-dikjarazzjoni tal-insolvenza tal-bejjiegħ;

(b)

dispożizzjonijiet fejn l-SSPE jista’ jipprevjeni l-invalidazzjoni msemmija fil-punt (a) fil-każ biss li jkun jista’ jiġi ppruvat li ma kienx jaf bl-insolvenza tal-bejjiegħ fil-mument tal-bejgħ.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, dispożizzjonijiet ta’ rkupru fil-liġijiet nazzjonali dwar l-insolvenza li jippermettu lil likwidatur jew qorti tinvalida l-bejgħ ta’ skoperturi sottostanti f’każ ta’ trasferimenti frawdolenti, ħsara żleali lill-kredituri jew ta’ trasferimenti maħsuba biex jiġu ffavoriti b’mod mhux xieraq kredituri partikolari fuq oħrajn, ma għandhomx jikkostitwixxu dispożizzjonijiet ta’rkupru severi.

4.   Jekk il-bejjiegħ mhuwiex il-mutwant oriġinali, il-bejgħ veru jew l-assenjament jew it-trasferiment bl-istess effett legali tal-iskoperturi sottostanti lill-bejjiegħ, kemm jekk dak il-bejgħ veru jew l-assenjament jew it-trasferiment bl-istess effett legali jkun dirett jew permezz ta’ pass intermedjarju wieħed jew aktar, għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 3.

5.   Meta t-trasferiment tal-iskoperturi sottostanti jitwettaq permezz ta’ assenjament u jiġi pperfezzjonat fi stadju iktar tard mill-għeluq tat-tranżazzjoni, l-ixkattaturi li jeffettwaw tali perfezzjoni għandhom mill-anqas jinkludu l-avvenimenti li ġejjin:

(a)

deterjorament sever fis-sitwazzjoni tal-kwalità kreditizja tal-bejjiegħ;

(b)

insolvenza tal-bejjiegħ; u

(c)

ksur mhux rimedjat ta’ obbligi kuntrattwali mill-bejjiegħ, inkluż l-inadempjenza tal-bejjiegħ.

6.   Il-bejjiegħ għandu jipprovdi rappreżentazzjonijiet u garanziji li, sa fejn jaf hu, l-iskoperturi sottostanti inklużi fit-titolizzazzjoni mhumiex gravati jew inkella f’kundizzjoni li jista’ jiġi previst li tkun affettwata b’mod negattiv l-eżegwibilità tal-bejgħ veru jew l-assenjament jew it-trasferiment bl-istess effett legali.

7.   L-iskoperturi sottostanti trasferiti jew assenjati mill-bejjiegħ lill-SSPE għandhom jissodisfaw kriterji ta’ eliġibbiltà predeterminati, ċari u dokumentati li ma jippermettux immaniġġar tal-portafoll attiv ta’ dawk l-iskoperturi fuq bażi diskrezzjonali. Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, is-sostituzzjoni tal-iskoperturi li jiksru r-rappreżentazzjonijiet u l-garanziji ma għandhiex titqies bħala immaniġġar tal-portafoll attiv. L-iskoperturi trasferiti lill-SSPE wara l-għeluq tat-tranżazzjoni għandhom jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà applikati għall-iskoperturi sottostanti inizjali.

8.   L-iskoperturi sottostanti ma jinkludu ebda pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni.

9.   L-iskoperturi sottostanti li għandhom jiġu ttrasferiti lill-SSPE wara l-għażla mingħajr dewmien bla bżonn u ma għandhomx jinkludu, fil-mument tal-għażla, skoperturi f’inadempjenza skont it-tifsira tal-Artikolu 178(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jew skoperturi għal debitur jew garanti bi kreditu indebolit li, sa fejn jaf l-oriġinatur jew il-mutwant oriġinali:

(a)

ikun ġie iddikjarat insolventi jew kellu qorti li tat lill-kredituri tiegħu dritt finali mhux appellabbli ta’ infurzar jew danni materjali bħala riżultat ta’ pagament maqbuż fi żmien tliet snin qabel id-data ta’ oriġinazzjoni jew ikun għadda minn proċess ta’ ristrutturar tad-dejn fir-rigward tal-iskoperturi improduttivi tiegħu fi żmien tliet snin qabel id-data tat-trasferiment jew l-assenjazzjoni tal-iskoperturi sottostanti lill-SSPE, ħlief jekk:

(i)

skopertura sottostanti ristrutturata ma tkunx ippreżentat arretrati ġodda mid-data tar-ristrutturar li kellu jseħħ għall-anqas sena qabel id-data tat-trasferiment jew l-assenjazzjoni tal-iskoperturi sottostanti lill-SSPE; u

(ii)

l-informazzjoni pprovduta mill-oriġinatur, l-isponsor u l-SSPE skont il-punti (a) u (e)(i) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1), b’mod espliċitu tistabbilixxi il-proporzjon tal-iskoperturi sottostanti ristrutturati, il-ħin u d-dettalji tar-ristrutturar kif ukoll il-prestazzjoni tagħhom mid-data tar-ristrutturar;

(b)

kien, fiż-żmien tal-oriġinazzjoni, fejn applikabbli, fuq reġistru ta’ kreditu pubbliku ta’ persuni bi storja kreditizja negattiva jew, fejn ma jkunx hemm tali reġistru ta’ kreditu pubbliku, reġistru ta’ kreditu ieħor li jkun disponibbli għall-oriġinatur jew il-mutwant oriġinali; jew

(c)

għandu klassifikazzjoni tal-kreditu jew evalwazzjoni tal-kreditu li tindika li r-riskju li ma jsirux il-pagamenti kuntrattwalment maqbulin huwa ferm ogħla minn dak ta’ skoperturi komparabbli miżmuma mill-oriġinatur li mhumiex titolizzati.

10.   Id-debituri għandhom, fil-mument tat-trasferiment tal-iskoperturi, ikunu għamlu tal-inqas pagament wieħed, ħlief fil-każ ta’ titolizzazzjonijiet rotanti garantiti bi skoperturi pagabbli f’pagament wieħed jew li għandhom maturità ta’ inqas minn sena, inkluż, mingħajr limitazzjoni, pagamenti fix-xahar fuq krediti rotanti.

11.   Ir-ripagament mid-detenturi tal-pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjoni ma għandux ikun ġie strutturat biex jiddependi, b’mod prevalenti, fuq il-bejgħ ta’ assi li jkopru l-iskoperturi sottostanti. Dan ma għandux iwaqqaf lil tali assi milli sussegwentement jiġu riportati jew rifinanzjati.

Ir-ripagament mid-detenturi tal-pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjoni li l-iskoperturi sottostanti tagħhom huma koperti minn assi li l-valur tagħhom huwa garantit jew immitigat bis-sħiħ minn obbligu ta’ riakkwist mill-bejjiegħ tal-assi li jkopri l-iskoperturi sottostanti jew minn parti terza oħra ma għandux jitqies li jiddependi mill-bejgħ ta’ assi li jkopru dawk l-iskoperturi sottostanti.

12.   Ir-riskji taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax u tal-kambju li jirriżultaw mit-titolizzazzjoni għandhom jiġu mitigati kif xieraq u kwalunkwe miżura meħuda f’dan ir-rigward għandha tiġi ddivulgata. Ħlief għall-iskop tal-iħeġġjar tar-riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħaxx jew tal-kambju, l-SSPE ma għandhiex tidħol f’kuntratti tad-derivattivi u għandha tiżgura li l-aggregazzjoni tal-iskoperturi sottostanti ma tinkludix derivattivi. Dawk id-derivattivi għandhom jiġu sottoskritti u dokumentati skont l-istandards komuni fil-finanzi internazzjonali.

13.   Id-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni għandha tistabbilixxi f’termini ċari u konsistenti definizzjonijiet, rimedji u azzjonijiet marbutin mad-delinkwenza u l-inadempjenza tad-debituri, ir-ristrutturar tad-dejn, il-maħfra tad-dejn, it-tolleranza, il-pawżi mill-pagamenti, it-telf, iċ-charge offs, l-irkupri u rimedji oħrajn tal-prestazzjoni tal-assi. Id-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni għandha tispeċifika b’mod ċar il-prijoritajiet tal-pagament, l-avvenimenti li bihom jixkattaw bidliet f’tali prijoritajiet ta’ pagament kif ukoll l-obbligi li jiġu rrappurtati tali avvenimenti. Kwalunkwe bidla fil-prijoritajiet tal-pagamenti li materjalment ser taffettwa b’mod negattiv ir-ripagament tal-pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni għandha tiġi rrapportata lill-investituri mingħajr dewmien żejjed.

14.   L-oriġinatur u l-isponsor għandhom jagħmlu disponibbli data dwar prestazzjoni statika u dinamika fil-passat fir-rigward ta’ inadempjenzi u telf, bħad-data dwar id-delinkwenza u l-inadempjenza, għal skoperturi sostanzjalment simili għal dawk li qed jiġu titolizzati, u s-sorsi ta’ dik id-data u l-bażi għad-dikjarazzjoni ta’ similarità, lil investituri potenzjali qabel l-ipprezzar. Fejn l-isponsor ma jkollux aċċess għal tali data, huwa għandu jikseb mingħand il-bejjiegħ l-aċċess għad-data, fuq bażi statika jew dinamika, dwar il-prestazzjoni storika, bħad-data dwar id-delinkwenza jew l-inadempjenza, għal skoperturi sostanzjalment simili għal dawk li jkunu qed jiġu titolizzati. Tali data għandha tkopri perijodu ta’ mhux anqas minn ħames snin, ħlief għal data rigward riċevibbli tan-negozju u riċevibbli oħrajn fuq żmien qasir li għalihom il-perijodu storiku ma għandux ikun iqsar minn tliet snin.

15.   Tranżazzjonijiet ABCP għandhom ikunu appoġġjati minn aggregazzjoni ta’ skoperturi sottostanti li huma omoġenji f’termini tat-tip ta’ assi, b’kont meħud tal-karatteristiċi relatati mal-flussi ta’ flus tat-tipi ta’ assi differenti inkluż il-karatteristiċi kuntrattwali, tar-riskju ta’ kreditu u ta’ prepagament tagħhom. Aggregazzjoni ta’ skoperturi sottostanti għandha tikkonsisti biss minn tip wieħed ta’ assi.

L-aggregazzjoni ta’ skoperturi sottostanti għandu jkollha ħajja medja peżata li jifdal ta’ mhux aktar minn sena waħda u l-ebda waħda mill-iskoperturi sottostanti ma għandu jkollha maturità residwa ta’ aktar minn tliet snin.

B’deroga mit-tieni subparagrafu, aggregazzjonijiet ta’ self għal karozzi, kiri ta’ karozzi u tranżazzjonijiet ta’ kiri ta’ tagħmir għandu jkollhom ħajja medja ppeżata li jifdal ta’ mhux aktar minn tliet snin u nofs u l-ebda waħda mil-iskoperturi sottostanti ma għandu jkollha maturità residwa ta’ aktar minn sitt snin.

L-iskoperturi sottostanti ma għandhomx jinkludu self garantit minn ipoteki residenzjali jew kummerċjali jew self residenzjali garantit bis-sħiħ, kif imsemmi fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 129(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. L-iskoperturi sottostanti għandhom jinkludu obbligi li huma kuntrattwalment vinkolanti u eżegwibbli, b’rikors sħiħ għad-debituri bi flussi ta’ pagamenti definiti marbutin mal-kiri, mal-kapital, mal-imgħax, jew relatati ma’ kwalunkwe dritt ieħor li jirċievu introjtu minn li jiggarantixxu dawn il-pagamenti. L-iskoperturi sottostanti jistgħu jiġġeneraw ukoll rikavati mill-bejgħ ta’ kwalunkwe assi finanzjati jew mikrija. L-iskoperturi sottostanti ma għandhomx jinkludu titoli trasferibbli kif definiti fil-punt (44) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE ħlief bonds maħruġa minn impriżi, li ma jkunux elenkati f’ċentru tan-negozjar.

16.   Kwalunkwe pagament tal-imgħax imsemmi fil-kuntest tal-assi u l-obbligi tat-tranżazzjoni ABCP għandu jkun ibbażat fuq rati tal-imgħax ġeneralment użati fis-suq, jew rati settorjali ġeneralment użati li jirriflettu l-kost tal-fondi, iżda ma għandux jirreferi għal formuli jew derivattivi kumplessi. Il-pagamenti tal-imgħax imsemmija fil-kuntest tal-obbligi tat-tranżazzjoni ABCP jistgħu jkunu bbażati fuq rati tal-imgħax li jirriflettu l-kost tal-fondi ta’ programm ABCP.

17.   Wara l-inadempjenza tal-bejjiegħ jew avveniment ta’ aċċellerazzjoni:

(a)

ebda ammont ta’ flus kontanti ma għandu jinqabad fl-SSPE lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jiġi żgurat il-funzjonament operattiv tal-SSPE jew ir-ripagament ordnat ta’ investituri f’konformità mat-termini kuntrattwali tat-titolizzazzjoni sakemm ċirkostanzi eċċezzjonali ma jesiġux li jinqabad ammont sabiex jintuża, fl-aħjar interessi tal-investituri, għal spejjeż sabiex jiġi evitat id-deterjorament fil-kwalità kreditizja tal-iskoperturi sottostanti;

(b)

rikavati prinċipali mill-iskoperturi sottostanti għandhom jgħaddu lill-investituri li jżommu pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni permezz ta’ pagament sekwenzjali tal-pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjoni, kif determinat mis-superjorità tal-pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni; u

(c)

ma għandu jkun hemm ebda dispożizzjoni li tesiġi likwidazzjoni awtomatika tal-iskoperturi sottostanti bil-valur tas-suq.

18.   L-iskoperturi sottostanti għandhom joriġinaw fil-perkors ordinarju tan-negozju tal-bejjiegħ skont l-istandards tas-sottoskrizzjoni li mhumiex inqas stretti minn dawk li japplika l-bejjiegħ japplika fil-mument tal-oriġinazzjoni ta’ skoperturi simili li mhumiex titolizzati. L-istandards ta’ sottoskrizzjoni li huma oriġinati konformement magħhom l-iskoperturi sottostanti u kwalunkwe bidla materjali minn standards ta’ sottoskrizzjoni preċedenti għandhom jiġu divulgati b’mod sħiħ mingħajr dewmien bla bżonn lill-isponsor u l-partijiet l-oħra esposti direttament għat-tranżazzjoni ABCP. Il-bejjiegħ għandu jkollu għarfien espert fl-oriġinazzjoni ta’ skoperturi ta’ għamla simili għal dawk titolizzati.

19.   Fejn tranżazzjoni ABCP tkun titolizzazzjoni rotanti, id-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni għandha tinkludi xkattaturi għat-terminazzjoni tal-perijodu rotanti, li tal-inqas jinkludu:

(a)

deterjorament fil-kwalità kreditizja tal-iskoperturi sottostanti għal jew f’livell inqas mil-limitu predefinit; u

(b)

l-okkorrenza ta’ avveniment relatat ma’ insolvenza fir-rigward tal-bejjiegħ jew tal-ġestur.

20.   Id-dokumentazzjoni tat-tranżazzjoni għandha tispeċifika b’mod ċar:

(a)

l-obbligi kuntrattwali, id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tal-isponsor, il-ġestur u l-fiduċjarju, jekk ikun hemm, u fornituri oħrajn ta’ servizzi anċillari;

(b)

il-proċessi u r-responsabbiltajiet meħtieġa biex ikun żgurat li inadempjenza jew insolvenza tal-ġestur ma tirriżultax fit-tmiem tal-ġestjoni;

(c)

dispożizzjonijiet li jiżguraw is-sostituzzjoni ta’ kontropartijiet derivattivi u tal-bank tal-kont f’każ ta’ inadempjenza, insolvenza u avvenimenti oħrajn speċifikati, meta jkun applikabbli; u

(d)

kif l-isponsor jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 25(3).

21.   L-EBA, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ESMA u l-EIOPA, għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika aktar liema skoperturi sottostanti msemmija fil-paragrafu 15 jitqiesu bħala omoġeni.

L-EBA għandha tissottometti dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Lulju 2018.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament bl-adozzjoni tal-istandards tekniċi regolatorji msemmija f’dan il-paragrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

Artikolu 25

Sponsor ta’ programm ABCP

1.   L-isponsor tal-programm ABCP ikun istituzzjoni ta’ kreditu taħt is-superviżjoni tad-Direttiva 2013/36/UE.

2.   L-isponsor ta’ programm ABCP għandu jkun fornitur tal-faċilità ta’ likwidità u jappoġġa l-pożizzjonijiet kollha ta’ titolizzazzjoni fuq livell ta’ programm ABCP billi jkopri r-riskji kollha tal-likwidità u ta’ kreditu u kwalunkwe riskji ta’ dilwizzjoni materjali tal-iskoperturi titolizzati kif ukoll kwalunkwe spiża oħra tat-tranżazzjoni u spejjeż imġarrba mill-programm kollu kemm hu jekk neċessarji sabiex ikun garantit lill-investitur il-ħlas sħiħ ta’ kwalunkwe ammont skont l-ABCP b’tali appoġġ. L-isponsor għandu jiddivulga deskrizzjoni tal-appoġġ ipprovdut fil-livell tat-tranżazzjoni lill-investituri inkluża deskrizzjoni tal-faċilitajiet ta’ likwidità pprovduti.

3.   Qabel ma tkun tista’ tisponsorja programm ABCP STS, l-istituzzjoni ta’ kreditu għandha turi lill-awtorità kompetenti tagħha li r-rwol tagħha skont il-paragrafu 2 ma jipperikolax is-solvenza jew il-likwidità tagħha, anki f’sitwazzjoni ta’ stress estrem fis-suq.

Ir-rekwiżit imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu jitqies li jkun sodisfatt meta l-awtorità kompetenti tkun iddeterminat abbażi tar-rieżami u l-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 97(3) tad-Direttiva (UE) 2013/36/UE li l-arranġamenti, l-istrateġiji, il-proċessi u l-mekkaniżmi implimentati minn dik l-istituzzjoni ta’ kreditu u l-fondi proprji u l-likwidità miżmuma minnha jiżguraw l-immaniġġar tajjeb u l-kopertura tar-riskji tagħha.

4.   L-isponsor għandu jwettaq id-diliġenza dovuta tiegħu u għandu jivverifika l-konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1) u (3) ta’ dan ir-Regolament, skont kif ikun applikabbli. Huwa għandu jivverifika wkoll li l-bejjiegħ għandu stabbiliti kapaċitajiet ta’ ġestjoni u proċessi ta’ ġbir li jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifikati fil-punti (h) sa (p) tal-Artikolu 265(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jew rekwiżiti ekwivalenti f’pajjiżi terzi.

5.   Il-bejjiegħ, fil-livell ta’ tranżazzjoni, jew l-isponsor, fil-livell tal-programm ABCP, għandhom jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ retenzjoni tar-riskju msemmija fl-Artikolu 6.

6.   L-isponsor għandu jkun responsabbli għall-konformità mal-Artikolu 7 fil-livell tal-programm ABCP u biex jagħmel disponibbli għall-investituri potenzjali qabel l-ipprezzar fuq talba tagħhom:

(a)

l-informazzjoni aggregata meħtieġa mill-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1); u

(b)

l-informazzjoni meħtieġa mill-punti (b) sa (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1), tal-inqas f’forma inizjali jew ta’ abbozz.

7.   F’każ li l-isponsor ma jġeddidx l-impenn ta’ finanzjament tal-faċilità ta’ likwidità qabel l-iskadenza tiegħu, il-faċilità ta’ likwidità għandha tiġi prelevata u t-titoli li jimmaturaw għandhom jitħallsu lura.

Artikolu 26

Rekwiżiti fil-livell tal-programm

1.   It-tranżazzjonijiet ABCP kollha fi programm ABCP għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 24 (1) sa (8) u (12) sa (20).

Massimu ta’ 5 % tal-ammont aggregat tal-iskoperturi sottostanti għat-tranżazzjonijiet ABCP u li huma ffinanzjati mill-programm ABCP jista’ jkun temporanjament mhux konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 24(9), (10) u (11) mingħajr ma jaffettwa l-istatus STS tal-programm ABCP.

Għall-finijiet tat-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu kampjun tal-iskoperturi sottostanti għandu b’mod regolari jkun soġġett għal verifika esterna tal-konformità minn parti xierqa u indipendenti.

2.   Il-ħajja medja peżata li jifdal tal-iskoperturi sottostanti ta’ programm ABCP ma għandhiex tkun aktar minn sentejn.

3.   Il-programm ABCP għandu jkun appoġġat bis-sħiħ minn sponsor f’konformità mal-Artikolu 25(2).

4.   Il-programm ABCP ma għandu jinkludi l-ebda rititolizzazzjoni u t-titjib tal-kreditu ma għandux jistabbilixxi it-tieni saff ta’ segmentar fil-livell tal-programm.

5.   It-titoli maħruġin minn programm ABCP ma għandhomx jinkludu għażla eżerċitabbli, klawżoli ta’ estensjoni jew klawżoli oħrajn li jkollhom effett fuq il-maturità finali tagħhom, fejn tali għażliet jew klawżoli jistgħu jiġu eżerċitati fid-diskrezzjoni tal-bejjiegħ, l-isponsor jew l-SSPE.

6.   Ir-riskji taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax u tal-munita li jirriżultaw fil-livell tal-programm ABCP għandhom jiġu mitigati b’mod xieraq u kwalunkwe miżura li tittieħed f’dan ir-rigward għandha tiġi ddivulgata. Ħlief għall-iskop tal-iħeġġjar tar-riskju tal-imgħax jew tar-riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-munita, l-SSPE ma għandhiex tidħol f’kuntratti tad-derivattivi u għandha tiżgura li l-aggregazzjoni tal-iskoperturi sottostanti ma tinkludix derivattivi. Dawk id-derivattivi għandhom jiġu sottoskritti u dokumentati skont l-istandards komuni fil-finanzi internazzjonali.

7.   Id-dokumentazzjoni relatata mal-programm ABCP għandha tispeċifika b’mod ċar:

(a)

ir-responsabbiltajiet tal-fiduċjarju u entitajiet oħrajn bi dmirijiet ta’ fiduċjarju, jekk ikollhom, għall-investituri;

(b)

l-obbligi kuntrattwali, dmirijiet u responsabbiltajiet tal-isponsor li għandu jkollu għarfien espert fis-sottoskrizzjoni ta’ krediti, il-fiduċjarju, jekk ikun hemm, u fornituri oħrajn ta’ servizzi anċillari;

(c)

il-proċessi u r-responsabbiltajiet meħtieġa biex ikun żgurat li inadempjenza jew insolvenza tal-ġestur ma tirriżultax fit-tmiem tal-ġestjoni;

(d)

id-dispożizzjonijiet għas-sostituzzjoni ta’ kontropartijiet derivattivi u tal-bank tal-kont fil-livell tal-programm ABCP f’każ tal-inadempjenza jew insolvenza tagħhom, u avvenimenti oħrajn speċifikati, fejn il-faċilità ta’ likwidità ma tkoprix tali avvenimenti;

(e)

li, malli jseħħu avvenimenti speċifikati, inadempjenza jew insolvenza tal-isponsor, għandhom jiġu previsti passi ta’ rimedju sabiex tinkiseb kif xieraq kollateralizzazzjoni tal-impenn ta’ finanzjament jew is-sostituzzjoni tal-fornitur ta’ faċilità ta’ likwidità; u

(f)

li l-faċilità ta’ likwidità għandha tiġi prelevata u t-titoli li jimmaturaw għandhom jitħallsu lura f’każ li l-isponsor ma jġeddidx l-impenn ta’ finanzjament tal-faċilità ta’ likwidità qabel l-iskadenza tiegħu.

8.   Il-ġestur għandu jkollu għarfien espert fil-ġestjoni ta’ skoperturi ta’ natura simili għal dawk titolizzati u għandu jkollu politiki, proċeduri u kontrolli tal-immaniġġar tar-riskju ddokumentati sew relatati mal-ġestjoni tal-iskoperturi.

TAQSIMA 3

Notifika STS

Artikolu 27

Rekwiżiti ta’ notifika STS

1.   L-oriġinaturi u l-isponsors, għandhom jinnotifikaw b’mod konġunt lill-ESMA permezz tal-mudell imsemmi fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu fejn titolizzazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikoli 19 sa 22 jew l-Artikoli 23 sa 26 (‘notifika STS’). Fil-każ ta’ programm ABCP, l-isponsor biss għandu jkun responsabbli għan-notifika ta’ dak il-programm u, fi ħdan dak il-programm, tat-tranżazzjonijiet tal-ABCP li jikkonformaw mal-Artikolu 24.

In-notifika STS għandha tinkludi spjegazzjoni mill-oriġinatur u l-isponsor ta’ kif kull wieħed mill-kriterji STS stabbiliti fl-Artikoli 20 sa 22 jew l-Artikoli 24 sa 26 ġew rispettati.

L-ESMA għandha tippubblika n-notifika STS fuq is-sit web uffiċjali tagħha skont il-paragrafu 5. L-oriġinaturi u l-isponsors ta’ titolizzazzjoni għandhom jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom dwar in-notifika STS u jaħtru bejniethom entità waħda li tkun l-ewwel punt ta’ kuntatt għall-investituri u l-awtoritajiet kompetenti.

2.   L-oriġinatur, l-isponsor jew l-SSPE jistgħu jużaw is-servizz ta’ parti terza awtorizzata skont l-Artikolu 28 biex jikkontrollaw jekk titolizzazzjoni tikkonformax mal-Artikoli 19 sa 22 jew l-Artikoli 23 sa 26. Madankollu, l-użu ta’ servizz bħal dan ma għandu, taħt ebda ċirkostanza, jolqot ir-responsabbiltà tal-oriġinatur, l-isponsor jew l-SSPE fir-rigward tal-obbligi legali tagħhom skont dan ir-Regolament. L-użu ta’ tali servizz ma għandux jaffettwa l-obbligi imposti fuq investituri istituzzjonali kif stabbilit fl-Artikolu 5.

Meta l-oriġinatur, l-isponsor jew l-SSPE jużaw is-servizz ta’ parti terza awtorizzata skont l-Artikolu 28 biex jivverifikaw jekk titolizzazzjoni tikkonformax mal-Artikoli 19 sa 22 jew l-Artikoli 23 sa 26, in-notifika STS għandha tinkludi dikjarazzjoni li l-konformità mal-kriterji STS kienet ikkonfermata minn dik il-parti terza awtorizzata. In-notifika għandha tinkludi l-isem tal-parti terza awtorizzata, il-post ta’ stabbiliment tagħha u l-isem tal-awtorità kompetenti li awtorizzatha.

3.   Meta l-oriġinatur jew il-mutwant oriġinali ma jkunx istituzzjoni ta’ kreditu jew ditta tal-investiment, kif definiti fil-punti (1) u (2) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, stabbilita fl-Unjoni, in-notifika skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tkun akkumpanjata minn dan li ġej:

(a)

konferma mill-oriġinatur jew il-mutwant oriġinali li l-għoti tal-kreditu tagħha jsir fuq il-bażi ta’ kriterji sodi u definiti kif suppost u proċessi stabbiliti ċari għall-approvazzjoni, l-emendar, it-tiġdid u l-finanzjament ta’ krediti u li l-oriġinatur jew il-mutwant oriġinali għandu sistemi effettivi fis-seħħ biex japplika dawn il-proċessi f’konformità mal-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament; u

(b)

dikjarazzjoni mill-oriġinatur jew il-mutwant oriġinali dwar jekk l-għoti ta’ kreditu msemmi fil-punt (a) huwiex soġġett għal superviżjoni.

4.   L-oriġinatur u l-isponsor għandhom jinnotifikaw lill-ESMA u jinformaw lill-awtorità kompetenti tagħhom minnufih meta titolizzazzjoni ma tibqax tissodisfa r-rekwiżiti la tal-Artikoli 19 sa 22 u lanqas tal-Artikoli 23 sa 26.

5.   L-ESMA għandha żżomm fuq is-sit web uffiċjali tagħha lista tat-titolizzazzjonijiet kollha li fir-rigward tagħhom l-oriġinaturi u l-isponsors ikunu nnotifikawha li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikoli 19 sa 22 jew l-Artikoli 23 sa 26. L-ESMA għandha żżid kull titolizzazzjoni notifikata b’dan il-mod ma’ dik il-lista immedjatament u għandha taġġorna l-lista meta t-titolizzazzjonijiet ma jibqgħux jitqiesu li jkunu STS wara deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti jew notifika mill-oriġinatur jew sponsor. Meta l-awtorità kompetenti tkun imponiet sanzjonijiet amministrattivi skont l-Artikolu 32, hija għandha tinnotifika lill-ESMA dwarhom immedjatament. L-ESMA għandha immedjatament tindika fuq il-lista li awtorità kompetenti tkun imponiet sanzjonijiet amministrattivi fir-rigward tat-titolizzazzjoni kkonċernata.

6.   L-ESMA, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-EBA u l-EIOPA, għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-informazzjoni li l-oriġinatur, l-isponsor u l-SSPE huma meħtieġa jipprovdu sabiex jikkonformaw mal-obbligi msemmija fil-paragrafu 1.

L-ESMA għandha tissottometti dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Lulju 2018.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament bl-adozzjoni tal-istandards tekniċi regolatorji msemmija f’dan il-paragrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

7.   Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-ESMA, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-EBA u l-EIOPA, għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-mudelli li għandhom jintużaw biex tingħata l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 6.

L-ESMA għandha tissottometti dak l-abbozz ta’ standards regolatorji ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Lulju 2018.

Is-setgħa hija delegata lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija f’dan il-paragrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 28

Parti terza li tivverifika l-konformità STS

1.   Parti terza msemmija fl-Artikolu 27(2) għandha tkun awtorizzata mill-awtorità kompetenti biex tivvaluta l-konformità tat-titolizzazzjonjiet mal-kriterji STS previsti fl-Artikoli 19 sa 22 jew l-Artikoli 23 sa 26. L-awtorità kompetenti għandha tagħti l-awtorizzazzjoni jekk jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-parti terza timponi biss imposti mhux diskriminatorji u bbażati fuq l-ispejjeż fuq l-oriġinaturi, l-isponsors jew SSPEs involuti fit-titolizzazzjonijiet li l-parti terza tivvaluta mingħajr differenzi bejn tariffi skont, jew marbuta ma’, ir-riżultati tal-valutazzjoni tagħha;

(b)

il-parti terza la hija entità regolata kif definita fil-punt (4) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/87/KE u lanqas ma hija aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu kif definita fil-punt (b) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, u t-twettiq tal-attivitajiet l-oħra tal-parti terza ma jikkompromettux l-indipendenza jew l-integrità tal-valutazzjoni tagħha;

(c)

il-parti terza ma għandha tipprovdi ebda forma ta’ servizz ta’ konsulenza, awditu jew servizz ekwivalenti lill-oriġinatur, l-isponsor jew l-SSPE involuti fit-titolizzazzjonijiet li l-parti terza tivvaluta;

(d)

il-membri tal-korp maniġerjali ta’ parti terza jkollhom il-kwalifiki, l-għarfien u l-esperjenza professjonali li jkunu xierqa għall-kompitu tal-parti terza u jkunu ta’ reputazzjoni tajba u ta’ integrità;

(e)

il-korp maniġerjali tal-parti terza jinkludi mill-inqas terz, iżda mhux inqas minn żewġ diretturi indipendenti;

(f)

il-parti terza tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tiżgura li l-verifika ta’ konformità STS ma tkunx affettwata minn xi kunflitt ta’ interess eżistenti jew potenzjali jew relazzjoni ta’ negozju li tinvolvi l-parti terza, l-azzjonisti jew membri tagħha, il-maniġers, l-impjegati jew kwalunkwe persuna fiżika oħra li s-servizzi tagħha jitqiegħdu għad-dispożizzjoni jew taħt il-kontroll tal-parti terza. Għal dak l-għan, il-parti terza għandha tistabbilixxi, iżżomm, tinforza, u tiddokumenta sistema effettiva ta’ kontroll intern li tirregola l-implimentazzjoni ta’ politiki u proċeduri għall-identifikazzjoni u l-prevenzjoni ta’ kunflitti ta’ interess potenzjali. Kunflitti ta’ interess potenzjali jew eżistenti li jkunu ġew identifikati għandhom jiġu eliminati jew mitigati u żvelati mingħajr dewmien. Il-parti terza għandha tistabbilixxi, iżżomm, tinforza u tiddokumenta proċeduri u proċessi adegwati biex tiġi żgurata l-indipendenza tal-valutazzjoni tal-konformità STS. Il-parti terza għandha timmonitorja perjodikament u teżamina dawk il-politiki u proċeduri sabiex tiġi vvalutata l-effettività tagħhom u sabiex jiġi vvalutat jekk dawn għandhomx jiġu aġġornati; u

(g)

il-parti terza tista’ turi li għandha salvagwardji operazzjonali u proċessi interni xierqa li jippermettulha tevalwa l-konformità STS.

L-awtorità kompetenti għandha tirtira l-awtorizzazzjoni meta tqis li l-parti terza ma tkunx materjalment konformi mal-ewwel subparagrafu.

2.   Parti terza awtorizzata skont il-paragrafu 1 għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti tagħha mingħajr dewmien bi kwalunkwe bidla materjali fl-informazzjoni prevista f’dak il-paragrafu, jew kwalunkwe bidla oħra li tista’ raġonevolment titqies li taffettwa l-valutazzjoni tal-awtorità kompetenti tagħha.

3.   L-awtorità kompetenti tista’ timponi miżati bbażati fuq l-ispejjeż lill-parti terza msemmija fil-paragrafu 1, sabiex tkopri l-infiq meħtieġ relatat mal-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni u l-monitoraġġ sussegwenti tal-konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1.

4.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-awtoritajiet kompetenti fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ parti terza f’konformità mal-paragrafu 1.

L-ESMA għandha tissottometti dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Lulju 2018.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija f’dan il-paragrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

KAPITOLU 5

SUPERVIŻJONI

Artikolu 29

Ħatra tal-awtoritajiet kompetenti

1.   Il-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament għandha tiġi ssorveljata mill-awtoritajiet kompetenti li ġejjin f’konformità mas-setgħat mogħtijin mill-atti legali rilevanti:

(a)

għal impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, l-awtorità kompetenti maħtura f’konformità mal-punt (10) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE;

(b)

għal maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattiv, l-awtorità kompetenti responsabbli maħtura f’konformità mal-Artikolu 44 tad-Direttiva 2011/61/UE;

(c)

għall-UCITS u kumpanniji maniġerjali tal-UCITS, l-awtorità kompetenti maħtura f’konformità mal-Artikolu 97 tad-Direttiva 2009/65/KE;

(d)

għal istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali, l-awtorità kompetenti maħtura skont l-punt (g) tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (33);

(e)

għal istituzzjonijiet ta’ kreditu jew ditti tal-investiment, l-awtorità kompetenti maħtura f’konformità mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2013/36/UE, inkluż il-BĊE fir-rigward ta’ kompiti speċifiċi mwettqa fuqu mir-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

2.   L-awtoritajiet kompetenti responsabbli għas-superviżjoni tal-isponsors skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2013/36/UE, inkluż il-BĊE fir-rigward ta’ kompiti speċifiċi konferiti lilu mir-Regolament (UE) Nru 1024/2013, għandhom jissorveljaw il-konformità tal-isponsors mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 6, 7, 8 u 9 ta’ dan ir-Regolament.

3.   Meta l-oriġinaturi, il-mutwanti oriġinali u l-SSPEs ikunu entitajiet taħt superviżjoni skont id-Direttivi 2003/41/KE, 2009/138/KE, 2009/65/KE, 2011/61/UE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1024/2013, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti maħtura skont dawk l-atti, inkluż il-BĊE fir-rigward ta’ kompiti speċifiċi konferiti lilu mir-Regolament (UE) Nru 1024/2013, għandhom jissorveljaw il-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 6, 7, 8 u 9 ta’ dan ir-Regolament.

4.   Għall-oriġinaturi, il-mutwanti oriġinali u l-SSPEs stabbiliti fl-Unjoni u mhux koperti mill-atti leġislattivi tal-Unjoni msemmijin fil-paragrafu 3, l-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità kompetenti waħda jew iktar biex jissorveljaw il-konformità mal-obbligi stipulati fl-Artikoli 6, 7, 8 u 9. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-ESMA bil-ħatra tal-awtoritajiet kompetenti skont dan il-paragrafu sal-1 ta’ Jannar 2019. Dak l-obbligu ma għandux japplika fir-rigward ta’ dawk l-entitajiet li sempliċiment ibigħu skoperturi taħt programm ABCP jew tranżazzjoni jew skema oħra ta’ titolizzazzjoni u mhumiex attivament fl-oriġinazzjoni ta’ skoperturi għall-iskop primarju tat-titolizzazzjoni tagħhom fuq bażi regolari.

5.   L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità kompetenti waħda jew aktar biex jissorveljaw il-konformità tal-oriġinaturi, l-isponsors u l-SSPEs mal-Artikoli 18 sa 27, u l-konformità ta’ partijiet terzi mal-Artikolu 28. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-ESMA bil-ħatra tal-awtoritajiet kompetenti skont dan il-paragrafu sat-18 ta’ Jannar 2019.

6.   Il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu ma għandux japplika fir-rigward ta’ dawk l-entitajiet li sempliċiment ibigħu skoperturi taħt programm ABCP jew tranżazzjoni jew skema oħra ta’ titolizzazzjoni u mhumiex attivament fl-oriġini tal-iskoperturi għall-iskop primarju tat-titolizzazzjoni tagħhom fuq bażi regolari. F’każ bħal dan l-oriġinatur jew l-isponsor għandu jivverifika li dawk l-entitajiet jissodisfaw l-obbligi rilevanti stabbiliti fl-Artikoli 18 sa 27.

7.   L-ESMA għandha tiżgura l-applikazzjoni u l-infurzar konsistenti mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 18 sa 27 ta’ dan ir-Regolament f’konformità mal-kompiti u s-setgħat stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1095/2010. L-ESMA għandha timmonitorja s-suq tat-titolizzazzjoni tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (34) u, fejn xieraq, tapplika s-setgħat ta’ intervent temporanju tagħha skont l-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014.

8.   L-ESMA għandha tippubblika u żżomm aġġornata fuq is-sit web tagħha lista tal-awtoritajiet kompetenti msemmija f’dan l-Artikolu.

Artikolu 30

Setgħat tal-awtoritajiet kompetenti

1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-awtorità kompetenti, maħtura skont l-Artikolu 29(1) sa (5) għandha s-setgħat superviżorji, investigatorji u ta’ sanzjonar meħtieġa biex taqdi dmirijietha skont dan ir-Regolament.

2.   L-awtorità kompetenti għandha teżamina b’mod regolari l-arranġamenti, il-proċess u l-mekkaniżmi li l-oriġinaturi, -isponsors, l-SSPEs u l-mutwanti oriġinali implimentaw sabiex tikkonforma ma’ dan ir-Regolament.

L-eżami msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jinkludi:

(a)

l-proċessi u l-mekkaniżmi biex l-interess materjali ekonomiku nett jitkejjel b’mod korrett u jinżamm fuq bażi kontinwa, il-ġbir u l-iżvelar f’waqtu tal-informazzjoni kollha li għandha tkun disponibbli f’konformità mal-Artikolu 7 u l-kriterji għall-għoti ta’ kreditu f’konformità mal-Artikolu 9;

(b)

għat-titolizzazzjonijiet STS li mhumiex titolizzazzjonijiet fi programm ABCP, il-proċessi u l-mekkaniżmi biex tiġi żgurata konformità mal-Artikolu 20(7) sa (12), l-Artikolu 21(7) u l-Artikolu 22; u

(c)

għat-titolizzazzjonijiet STS li huma titolizzazzjonijiet fi programm ABCP, il-proċessi u l-mekkaniżmi biex jiġi żgurat, fir-rigward tat-tranżazzjonijiet ABCP, konformità mal-Artikolu 24 u, fir-rigward tal-programmi ABCP, konformità mal-Artikolu 26(7) u (8).

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jesiġu li r-riskji li jirriżultaw mit-tranżazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni, inklużi r-riskji għar-reputazzjoni, jiġu evalwati u indirizzati permezz ta’ politiki u proċeduri xierqa tal-oriġinaturi, l-isponsors, l-SSPEs u l-mutwanti oriġinali.

4.   L-awtorità kompetenti għandha timmonitorja, kif applikabbli, l-effetti speċifiċi li l-parteċipazzjoni fis-suq tat-titolizzazzjoni għandha fuq l-istabbiltà tal-istituzzjoni finanzjarja li topera bħala mutwant oriġinali, oriġinatur, sponsor jew investitur bħala parti mis-superviżjoni prudenzjali tagħha fil-qasam tat-titolizzazzjoni, waqt li tqis, mingħajr preġudizzju għal regolamentazzjoni settorjali aktar stretta:

(a)

id-daqs tal-bafers kapitali;

(b)

id-daqs tal-bafers ta’ likwidità; u

(c)

ir-riskju tal-likwidità għall-investituri minħabba diskrepanza fil-maturità bejn il-finanzjament tagħhom u l-investimenti.

F’każijiet fejn l-awtorità kompetenti tidentifika riskju materjali għall-istabbiltà finanzjarja ta’ istituzzjoni finanzjarja jew tas-sistema finanzjarja kollha kemm hi, irrispettivament mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 36, hija għandha tieħu azzjoni biex ittaffi dawk ir-riskji, tirrapporta s-sejbiet tagħha lill-awtorità kompetenti maħtura għall-istrumenti makroprudenzjali skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u l-BERS.

5.   L-awtorità kompetenti għandha timmonitorja kwalunkwe evażjoni possibbli tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 6(2) u tiżgura li jiġu applikati sanzjonijiet skont l-Artikoli 32 u 33.

Artikolu 31

Sorveljanza makroprudenzjali tas-suq tat-titolizzazzjoni

1.   Fil-limiti tal-mandat tiegħu, il-BERS għandu jkun responsabbli għas-sorveljanza makroprudenzjali tas-suq tat-titolizzazzjoni tal-Unjoni.

2.   Sabiex jikkontribwixxi għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni tar-riskji sistemiċi għall-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni li jirriżultaw minn żviluppi fis-sistema finanzjarja u b’kont meħud tal-iżviluppi makroekonomiċi, bl-għan li jiġu evitati perijodi ta’ diffikultà finanzjarja mifruxa, il-BERS għandu kontinwament jissorvelja l-iżviluppi fis-swieq tat-titolizzazzjoni. Meta l-BERS iqis li huwa meħtieġ, jew mill-inqas kull 3 snin, sabiex jiġu enfasizzati r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja, il-BERS għandu, f’kollaborazzjoni mal-EBA, jippubblika rapport dwar l-implikazzjonijiet tas-suq tat-titolizzazzjoni għall-istabbiltà finanzjarja. Jekk jiġu osservati riskji materjali, il-BERS għandu jipprovdi twissijiet u, fejn ikun xieraq, joħroġ rakkomandazzjonijiet għal azzjoni ta’ rimedju b’reazzjoni għal dawk ir-riskji skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010, inkluż dwar jekk ikunux opportuni modifika tal-livelli ta’ retenzjoni tar-riskju, jew it-teħid ta’ miżuri makroprudenzjali oħra, lill-Kummissjoni, lill-ASE u lill-Istati Membri. Il-Kummissjoni, l-ASE u l-Istati Membri għandhom, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010, jikkomunikaw lill-BERS, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill l-azzjonijiet li ttieħdu b’rispons għar-rakkomandazzjoni u għandhom jipprovdu ġustifikazzjoni adegwata għal kwalunkwe nuqqas ta’ azzjoni fi żmien tliet xhur mid-data ta’ trasmissjoni tar-rakkomandazzjoni lid-destinatarji.

Artikolu 32

Sanzjonijiet amministrattivi u miżuri ta’ rimedju

1.   Mingħajr preġudizzju għad-dritt li l-Istati Membri jipprevedu għal u jimponu sanzjonijiet kriminali skont l-Artikolu 34, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli li jfasslu sanzjonijiet amministrattivi xierqa f’każ ta’ negliġenza jew ksur intenzjonali, u miżuri ta’ rimedju xierqa li tal-inqas ikunu applikabbli għal sitwazzjonijiet fejn:

(a)

oriġinatur, sponsor jew mutwant oriġinali jkun naqas milli jissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 6;

(b)

oriġinatur, sponsor jew SSPE jkun naqas milli jissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 7;

(c)

oriġinatur, sponsor jew mutwant oriġinali jkun naqas milli jissodisfa l-kriterji previsti fl-Artikolu 9;

(d)

oriġinatur, sponsor jew SSPE jkun naqas milli jissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 18;

(e)

titolizzazzjoni tiġi deżinjata bħala STS u oriġinatur, sponsor, jew SSPE ta’ dik it-titolizzazzjoni jkun naqas milli jissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-Artikoli 19 sa 22 jew l-Artikoli 23 sa 26;

(f)

oriġinatur jew sponsor jagħmel notifika qarrieqa skont l-Artikolu 27(1);

(g)

oriġinatur jew sponsor ikun naqas milli jissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 27(4); jew

(h)

parti terza awtorizzata skont l-Artikolu 28 naqset milli tinnotifika l-bidliet materjali tal-informazzjoni previsti skont l-Artikolu 28(1), jew kwalunkwe bidla oħra li tista’ raġonevolment titqies li taffettwa l-valutazzjoni mill-awtorità kompetenti tagħha.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sanzjonijiet amministrattivi u/jew il-miżuri ta’ rimedju huma implimentati b’mod effettiv.

Dawk is-sanzjonijiet u l-miżuri għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   L-Istati Membri għandhom jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti biex japplikaw tal-inqas is-sanzjonijiet u l-miżuri li ġejjin f’każ tal-ksur imsemmi fil-paragrafu 1:

(a)

dikjarazzjoni pubblika, li tindika l-identità tal-persuna fiżika jew ġuridika u n-natura tal-ksur skont l-Artikolu 37;

(b)

ordni li titlob lill-persuna fiżika jew ġuridika biex tieqaf minn din l-imġiba u ma tirrepetihiex;

(c)

projbizzjoni temporanja li tipprevjeni kwalunkwe membru tal-korp maniġerjali tal-oriġinatur, l-isponsor jew l-SSPE jew kwalunkwe persuna fiżika oħra, li nżammet responsabbli għall-ksur, milli teżerċita funzjonijiet maniġerjali fit-tali impriżi;

(d)

fil-każ ta’ ksur kif imsemmi fil-punt (e) jew (f) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, projbizzjoni temporanja li tipprevjeni lill-oriġinatur u lill-isponsor milli jinnotifikaw skont l-Artikolu 27(1) li titolizzazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 19 sa 22 jew l-Artikoli 23 sa 26;

(e)

fil-każ ta’ persuna fiżika, sanzjonijiet pekunjarji amministrattivi massimi għall-inqas ta’ EUR 5 000 000 jew, fl-Istati Membri fejn il-munita mhijiex l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fis-17 ta’ Jannar 2018;

(f)

fil-każ ta’ persuna ġuridika, sanzjonijiet pekunjarji amministrattivi massimi tal-anqas ta’ EUR 5 000 000 jew, fl-Istati Membri li l-munita tagħhom ma tkunx l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fis-17 ta’ Jannar 2018 jew sa mhux aktar minn 10 % tal-fatturat annwali totali nett tal-persuna ġuridika skont l-aħħar kontijiet disponibbli approvati mill-korp maniġerjali; meta l-persuna ġuridika tkun impriża prinċipali jew sussidjarja tal-impriża prinċipali li trid tħejji kontijiet finanzjarji konsolidati skont id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (35), il-fatturat annwali totali nett rilevanti għandu jkun il-fatturat annwali totali nett jew it-tip korrispondenti ta’ dħul b’konformità mal-atti leġiżlattivi kontabilistiċi rilevanti skont l-aħħar kontijiet konsolidati disponibbli approvati mill-korp maniġerjali tal-impriża prinċipali finali;

(g)

sanzjonijiet pekunjarji amministrattivi massimi li tal-inqas jilħqu d-doppju tal-ammont tal-benefiċċju miksub mill-ksur meta dak il-benefiċċju jkun jista’ jiġi stabbilit, anki jekk dan jaqbeż l-ammonti massimi fil-punti (e) u (f);

(h)

f’każ ta’ ksur kif imsemmi fil-punt (h) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, irtirar temporanju tal-awtorizzazzjoni msemmi fl-Artikolu 28 għall-parti terza awtorizzata biex tivverifika l-konformità ta’ titolizzazzjoni mal-Artikoli 19 sa 22 jew l-Artikoli 23 sa 26.

3.   Meta d-dispożizzjonijiet imsemmijin fl-ewwel paragrafu japplikaw għal persuni ġuridiċi, l-Istati Membri għandhom jikkonferixxu fuq l-awtoritajiet kompetenti s-setgħa li japplikaw is-sanzjonijiet amministrattivi u l-miżuri ta’ rimedju stabbiliti fil-paragrafu 2, soġġett għall-kondizzjonijiet previsti fil-liġi nazzjonali, fuq membri tal-korp maniġerjali, u fuq individwi oħrajn li huma responsabbli għall-ksur skont il-liġi nazzjonali.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe deċiżjoni li timponi sanzjonijiet amministrattivi jew miżuri ta’ rimedju stabbiliti fil-paragrafu 2 tkun motivata kif xieraq u tkun soġġetta għal dritt ta’ appell.

Artikolu 33

Eżerċitar tas-setgħa biex timponi sanzjonijiet amministrattivi u miżuri ta’ rimedju

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżerċitaw is-setgħat li jimponu s-sanzjonijiet amministrattivi u l-miżuri ta’ rimedju msemmijin fl-Artikolu 32 skont l-oqfsa legali nazzjonali tagħhom, kif xieraq:

(a)

direttament;

(b)

f’kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet oħrajn;

(c)

taħt ir-responsabbiltà tagħhom b’delega lil awtoritajiet oħra;

(d)

b’applikazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.

2.   Meta jistabbilixxu t-tip u l-livell ta’ sanzjoni amministrattiva jew miżura ta’ rimedju imposta skont l-Artikolu 32, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu sa fejn il-ksur huwiex intenzjonat jew jirriżultax minn negliġenza u ċ-ċirkustanzi rilevanti l-oħra kollha, inkluż, u fejn xieraq:

(a)

il-materjalità, il-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur;

(b)

il-grad ta’ responsabbiltà tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli mill-ksur;

(c)

is-saħħa finanzjarja tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli;

(d)

l-importanza tal-profitti miksuba jew tat-telf li jkun ġie evitat mill-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli, sa fejn dawn ikunu jistgħu jiġu determinati;

(e)

it-telf għal partijiet terzi kkaġunati mill-ksur, meta jkun jista’ jiġi stabbilit;

(f)

il-livell ta’ kooperazzjoni tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli mal-awtorità kompetenti, mingħajr preġudizzju għall-bżonn li jiġi żgurat li jiġu ċeduti l-profitti miksubin jew it-telf evitat minn dik il-persuna;

(g)

il-ksur preċedenti mill-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli.

Artikolu 34

Sanzjonijiet kriminali

1.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jistabbilixxux regoli għas-sanzjonijiet amministrattivi jew għall-miżuri ta’ rimedju għal ksur li jkun soġġett għal sanzjonijiet kriminali skont il-liġi nazzjonali tagħhom.

2.   Meta l-Istati Membri jkunu għażlu, f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, li jistabbilixxu sanzjonijiet kriminali għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 32(1), għandhom jiżguraw li jkun hemm miżuri xierqa fis-seħħ sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħat meħtieġa kollha biex ikollhom kuntatt mal-awtoritajiet ġudizzjarji, tal-prosekuzzjoni jew tal-ġustizzja kriminali fi ħdan il-ġurisdizzjoni tagħhom biex jirċievu informazzjoni speċifika marbuta ma’ investigazzjonijiet jew proċedimenti kriminali mibdijin għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 32(1), u biex jipprovdu l-istess informazzjoni lil awtoritajiet kompetenti oħrajn kif ukoll lill-ESMA, l-EBA u l-EIOPA biex jissodisfaw l-obbligu tagħhom ta’ kooperazzjoni għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 35

Obbligi ta’ notifika

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jimplimentaw dan il-Kapitolu, inkluża kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti tal-liġi kriminali, lill-Kummissjoni, l-ESMA, l-EBA u l-EIOPA sat-18 ta’ Jannar 2019. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, l-ESMA, l-EBA u l-EIOPA mingħajr dewmien żejjed bi kwalunkwe emenda sussegwenti għalihom.

Artikolu 36

Kooperazzjoni bejn awtoritajiet kompetenti u l-ASE

1.   L-awtoritajiet kompetenti msemmijin fl-Artikolu 29 u l-ESMA, l-EBA u l-EIOPA għandhom jikkooperaw mill-qrib ma’ xulxin u jiskambjaw informazzjoni biex iwettqu d-dmirijiet tagħhom skont l-Artikoli 30 sa 34.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkoordinaw mill-qrib is-superviżjoni tagħhom sabiex jidentifikaw u jirrimedjaw il-ksur ta’ dan ir-Regolament, jiżviluppaw u jippromwovu l-aħjar prassi, jiffaċilitaw il-kollaborazzjoni, irawmu l-konsistenza fl-interpretazzjoni u jipprovdu valutazzjonijiet transġurisdizzjonali f’każ ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ qbil.

3.   Għandu jkun stabbilit kumitat ta’ titolizzazzjoni speċifiku fi ħdan il-qafas tal-kumitat konġunt tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, fejn l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw mill-qrib, sabiex iwettqu d-dmirijiet tagħhom skont l-Artikoli 30 sa 34.

4.   Meta awtorità kompetenti ssib li rekwiżit wieħed jew aktar taħt l-Artikoli 6 sa 27 ikun inkiser jew ikollha raġun biex temmen hekk, hija għandha tgħarraf lill-awtorità kompetenti tal-entità jew entitajiet issuspettati bit-tali ksur bis-sejbiet tagħha b’mod dettaljat biżżejjed. L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati għandhom jikkoordinaw is-superviżjoni tagħhom mill-qrib sabiex jiżguraw deċiżjonijiet konsistenti.

5.   Meta l-ksur imsemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu jikkonċerna, b’mod partikolari, notifika żbaljata jew qarrieqa skont l-Artikolu 27(1), l-awtorità kompetenti li ssib dak il-ksur għandha tinnotifika mingħajr dewmien, lill-awtorità kompetenti tal-entità maħtura bħala l-ewwel punt ta’ kuntatt taħt l-Artikolu 27(1) bis-sejbiet tagħha. L-awtorità kompetenti tal-entità maħtura bħala l-ewwel punt ta’ kuntatt taħt l-Artikolu 27(1) għandha, min-naħa tagħha tinforma lill-ESMA, l-EBA u l-EIOPA u għandha ssegwi l-proċedura prevista fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu.

6.   Meta tirċievi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, l-awtorità kompetenti tal-entità ssuspettata mill-ksur għandha tieħu kwalunkwe azzjoni meħtieġa fi żmien 15-il jum ta’ xogħol biex tindirizza l-ksur identifikat u tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra involuti, b’mod partikolari dawk tal-oriġinatur, l-isponsor u, l-SSPE u l-awtoritajiet kompetenti tad-detentur b’pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni, meta tkun magħrufa. Meta awtorità kompetenti ma taqbilx ma’ awtorità kompetenti oħra dwar il-proċedura jew il-kontenut tal-azzjoni jew in-nuqqas ta’ azzjoni tagħha, hija għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra kollha involuti dwar in-nuqqas ta’ qbil tagħha mingħajr dewmien żejjed. Jekk dak in-nuqqas ta’ qbil ma jkunx riżolt fi żmien tliet xhur mid-data li fiha l-awtoritajiet kompetenti kollha involuti jkunu notifikati, il-kwistjoni għandha tiġi riferuta lill-ESMA skont l-Artikolu 19 u, fejn applikabbli, l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. Il-perijodu ta’ konċiljazzjoni msemmi fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 għandu jkun ta’ xahar wieħed.

Fejn l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jonqsu milli jilħqu ftehim fi żmien il-fażi ta’ konċiljazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-ESMA għandha tieħu d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 fi żmien xahar wieħed. Matul il-proċedura msemmija f’dan l-Artikolu titolizzazzjoni li tidher fil-lista miżmuma mill-ESMA skont l-Artikolu 27 ta’ dan ir-Regolament għandha tkompli titqies bħala STS skont il-Kapitolu 4 ta’ dan ir-Regolament u għandha tinżamm fuq tali lista.

Fejn l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jaqblu li l-ksur huwa relatat man-nuqqas ta’ konformità mal-Artikolu 18 in bona fede, huma jistgħu jiddeċiedu li jagħtu lill-oriġinatur, l-isponsor u l-SSPE perijodu massimu ta’ tliet xhur biex jirrimedja l-ksur identifikat, li jibda mill-ġurnata li fiha l-oriġinatur, l-isponsor u l-SSPE ġew infurmati bil-ksur mill-awtorità kompetenti. Matul dan il-perijodu, titolizzazzjoni li tidher fil-lista miżmuma mill-ESMA skont l-Artikolu 27 għandha tkompli titqies bħala STS skont il-Kapitolu 4 u għandha tinżamm fuq tali lista.

Fejn awtorità kompetenti involuta waħda jew aktar tkun tal-opinjoni li l-ksur ma jkunx ġie rimedjat adegwatament fi żmien il-perijodu stabbilit fit-tielet -subparagrafu, għandu japplika l-ewwel subparagrafu.

7.   Tliet snin wara d-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-ESMA għandha twettaq evalwazzjoni bejn il-pari skont l-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 dwar l-implimentazzjoni tal-kriterji previsti fl-Artikoli 19 sa 26 ta’ dan ir-Regolament.

8.   L-ESMA, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-EBA u l-EIOPA, għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika l-obbligu ta’ kooperazzjoni ġenerali u l-informazzjoni li għandha tiġi skambjata skont il-paragrafu 1 u l-obbligi ta’ notifika skont il-paragrafi 4 u 5.

L-ESMA, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-EBA u l-EIOPA, għandha tissottometti dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Jannar 2019.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija f’dan il-paragrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 37

Pubblikazzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mingħajr dewmien żejjed l-awtoritajiet kompetenti jippubblikaw fuq is-siti web uffiċjali tagħhom u bħala minimu, kwalunkwe deċiżjoni li timponi sanzjoni amministrattiva li għaliha ma hemmx appell u li tiġi imposta għal ksur tal-Artikoli 6, 7, 9 jew 27(1) wara li d-destinatarju tas-sanzjoni jkun ġie nnotifikat b’dik id-deċiżjoni.

2.   Il-pubblikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi informazzjoni fuq it-tip u l-għamla tal-ksur u l-identità tal-persuni responsabbli u s-sanzjonijiet imposti.

3.   Meta l-pubblikazzjoni tal-identità, fil-każ ta’ persuni ġuridiċi, jew tal-identità u ta’ data personali, fil-każ ta’ persuni fiżiċi, titqies mill-awtorità kompetenti li mhijiex proporzjonata wara valutazzjoni ta’ każ b’każ, jew meta l-awtorità kompetenti tqis li l-pubblikazzjoni tipperikola l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji jew investigazzjoni kriminali li tkun għaddejja, jew meta l-pubblikazzjoni, sa fejn jista’ jkun stabbilit, tikkawża ħsara sproporzjonata lill-persuna involuta, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti:

(a)

jiddiferixxu l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li timponi s-sanzjoni amministrattiva sakemm ma jibqgħux jeżistu r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ pubblikazzjoni;

(b)

jippubblikaw id-deċiżjoni li timponi s-sanzjoni amministrattiva fuq bażi anonima, skont il-liġi nazzjonali; jew

(c)

ma jippubblikawx id-deċiżjoni li timponi s-sanzjoni amministrattiva f’każ li l-opzjonijiet stipulati fil-punti (a) u (b) jitqiesu li mhumiex biżżejjed biex jiżguraw:

(i)

li l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji ma tkunx imxekkla; jew

(ii)

il-proporzjonalità tal-pubblikazzjoni tat-tali deċiżjonijiet fir-rigward tal-miżuri li jitqiesu li huma ta’ xorta minuri.

4.   Fil-każ ta’ deċiżjoni biex tiġi ppubblikata sanzjoni fuq bażi anonima, il-pubblikazzjoni tad-data rilevanti tista’ tiġi posposta. Meta awtorità kompetenti tippubblika deċiżjoni li timponi sanzjoni amministrattiva li għaliha jkun hemm appell quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji rilevanti, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ukoll iżidu immedjatament fuq is-sit web uffiċjali tagħhom dik l-informazzjoni u kwalunkwe informazzjoni sussegwenti dwar l-eżitu ta’ dak l-appell. Kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja li tħassar deċiżjoni li timponi sanzjoni amministrattiva għandha tiġi ppubblikata wkoll.

5.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li kwalunkwe pubblikazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 sa 4 għandha tibqa’ fuq is-sit web uffiċjali tagħhom għal tal-anqas ħames snin wara li tiġi ppubblikata. Data personali li tkun tinsab fil-pubblikazzjoni għandha tinżamm biss fuq is-sit web uffiċjali tal-awtorità kompetenti għall-perijodu li hu meħtieġ f’konformità mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

6.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jgħarrfu lill-ESMA dwar is-sanzjonijiet amministrattivi kollha imposti, inkluż, fejn xieraq, kwalunkwe appell b’rabta magħhom u l-eżitu ta’ dan.

7.   L-ESMA għandha żżomm bażi ċentrali ta’ data ta’ sanzjonijiet amministrattivi kkomunikati lilha. Dik il-bażi ta’ data għandha tkun aċċessibbli biss għall-ESMA, l-EBA, l-EIOPA u l-awtoritajiet kompetenti u għandha tiġi aġġornata fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet kompetenti f’konformità mal-paragrafu 6.

KAPITOLU 6

EMENDI

Artikolu 38

Emenda għad-Direttiva 2009/65/KE

L-Artikolu 50a tad-Direttiva 2009/65/KE huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 50a

Meta kumpanniji maniġerjali UCITS jew UCITS immaniġġata internament jiġu esposti għal titolizzazzjoni li m’għadhiex tissodisfa r-rekwiżiti previsti fir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), għandhom, fl-aħjar interess tal-investituri fil-UCITS rilevanti, jaġixxu u jieħdu azzjoni korrettiva, jekk ikun xieraq.

Artikolu 39

Emenda għad-Direttiva 2009/138/KE

Id-Direttiva 2009/138/KE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 135, il-paragrafi 2 u 3 huma mibdula b’dan li ġej:

“2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 301a ta’ din id-Direttiva li jissupplimentaw din id-Direttiva billi jistabbilixxu l-ispeċifikazzjonijiet għaċ-ċirkustanzi li fihom tista’ tiġi ordnata imposta kapitali addizzjonali proporzjonata meta jinkisru r-rekwiżiti previsti fl-Artikoli 5 jew 6 tar-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2), mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 101(3) ta’ din id-Direttiva.

3.   Sabiex tiġi żgurata armonizzazzjoni konsistenti b’rabta mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-EIOPA, soġġetta għall-Artikolu 301b, għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika l-metodoloġiji għall-kalkolu tal-imposta kapitali addizzjonali proporzjonata msemmija hemm.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija f’dan il-paragrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.”

(*2)  Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35).”"

(2)

L-Artikolu 308b(11) huwa mħassar.

Artikolu 40

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 1060/2009

Ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fil-premessi 22 u 41, fl-Artikolu 8c u fil-punt 1 tal-Parti II Taqsima D tal-Anness I„ “strument finanzjarju strutturat” hija mibdula bi “strument ta’ titolizzazzjoni”.

(2)

Fil-premessi 34 u 40, fl-Artikoli 8(4), 8c, 10(3) u 39(4) kif ukoll fil-ħames paragrafu tal-punt 2 tat-Taqsima A tal-Anness I, il-punt 5 tat-Taqsima B tal-Anness I, it-titolu u l-punt 2 tal-Parti II tat-Taqsima D tal-Anness I, il-punti 8, 24 u 45 tal-Parti I tal-Anness III u l-punt 8 tal-Parti III tal-Anness III, “strumenti finanzjarji strutturati” hija mibdula bi “strumenti ta’ titolizzazzjoni”.

(3)

fl-Artikolu 1, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll l-obbligi għall-emittenti u l-partijiet terzi relatati stabbiliti fl-Unjoni rigward l-istrumenti ta’ titolizzazzjoni.”

(4)

Fl-Artikolu 3(1), il-punt (l) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(l)

“strument ta’ titolizzazzjoni” tfisser strument finanzjarju jew assi oħrajn li jirriżultaw minn tranżazzjoni jew skema ta’ titolizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2017/2402[ir-Regolament dwar it-Titolizzazzjoni];”.

(5)

L-Artikolu 8b huwa mħassar.

(6)

fil-punt (b) tal-Artikolu 4(3), il-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(6) u l-Artikolu 25a, ir-referenza għall-Artikolu 8b hija mħassra.

Artikolu 41

Emenda għad-Direttiva 2011/61/UE

L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2011/61/UE huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 17

“Meta AIFMs jiġu esposti għal titolizzazzjoni li m’għadhiex tissodisfa r-rekwiżiti previsti fir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3), għandhom, fl-aħjar interess tal-investituri fl-AIFs rilevanti, jaġixxu u jieħdu azzjoni korrettiva, jekk ikun xieraq.

Artikolu 42

Emenda għar-Regolament (UE) Nru 648/2012

Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2 jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(30)

‘bond kopert’ tfisser bond li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 129 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.”

(31)

‘entità ta’ bonds koperti’ tfisser l-emittent tal-bonds koperti jew l-ippuljar ta’ kopertura ta’ bond kopert.”

(2)

fl-Artikolu 4 jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“5.   Paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandux japplika fir-rigward tal-kuntratti tad-derivattivi OTC li ma jiġux konklużi minn entitajiet ta’ bonds koperti b’rabta ma’ bond kopert, jew minn entità bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni b’rabta ma’ titolizzazzjoni, skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament u tal-Kunsill (*4) dment li:

(a)

fil-każ ta’ entitajiet bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni, l-entità bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni għandha toħroġ biss titolizzazzjonijiet li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 18, u tal-Artikoli 19 sa 22 jew l-Artikoli 23 sa 26 tar-Regolament (UE) 2017/2402 [ir-Regolament dwar it-Titolizzazzjoni];

(b)

il-kuntratt tad-derivattivi OTC jintuża biss għal hedgeing ta’ rati ta’ interessi jew spariġġi fil-munita fil-bond kopert jew fit-titolizzazzjoni; u

(c)

l-arranġamenti fil-bond kopert jew fit-titolizzazzjoni jimmitigaw b’mod adegwat ir-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti fir-rigward tal-kuntratti tad-derivattivi OTC konklużi mill-entità ta’ bonds koperti jew l-entità bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni b’rabta mal-bond kopert jew it-titolizzazzjoni.

6.   Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, u filwaqt li jitqies il-bżonn li jiġi evitat arbitraġġ regolatorju, l-ASE għandhom jiżviluppaw abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji għall-istabbiliment ta’ liema arranġamenti f’bonds koperti jew titolizzazzjonijiet jimmitigaw b’mod adegwat ir-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti, skont it-tifsira tal-paragrafu 5.

L-ASE għandhom jissottomettu dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Lulju 2018.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija f’dan il-paragrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 jew (UE) Nru 1095/2010.

(*4)  Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35)”"

(3)

fl-Artikolu 11, il-paragrafu 15 huwa mibdul b’dan li ġej:

“15.   Sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-ASE għandhom jiżviluppaw abbozz komuni ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw:

(a)

il-proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju, inklużi l-livelli u t-tip ta’ kollateral u l-arranġamenti tas-segregazzjoni, meħtieġa għall-osservanza tal-paragrafu 3;

(b)

il-proċeduri għall-kontrapartijiet u l-awtoritajiet kompetenti rilevanti li għandhom jiġu segwiti fl-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet skont il-paragrafi 6 sa 10;

(c)

il-kriterji applikabbli msemmija fil-paragrafi 5 sa 10 inkluż, b’mod partikulari, x’għandu jitqies bħala impediment prattiku jew legali għat-trasferiment immedjat tal-fondi proprji u għar-rimborż ta’ passivi bejn il-kontrapartijiet.

Il-livell u t-tip ta’ kollateral meħtieġ fir-rigward tal-kuntratti tad-derivattivi OTC li huma konklużi minn entitajiet ta’ bonds koperti b’rabta ma’ bond kopert, jew minn entità bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni b’rabta ma’ titolizzazzjoni skont it-tifsira ta’ [dan ir-Regolament] u li jissodisfaw il-kondizzjonijiet tal-Artikolu 4(5) ta’ dan ir-Regolament u r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 18, u fl-Artikoli 19 sa 22 jew fl-Artikoli 23 sa 26 tar-Regolament (UE) 2017/2402 [ir-Regolament dwar it-Titolizzazzjoni] għandhom jiġu stabbiliti filwaqt li jittieħed f’kunsiderazzjoni kwalunkwe xkiel affaċċjat fl-iskambju tal-kollateral fir-rigward ta’ arranġamenti kollaterali eżistenti fil-bond kopert jew it-titolizzazzjoni.

L-ASE għandhom jippreżentaw dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Lulju 2018.

Skont in-natura legali tal-kontroparti, is-setgħa hija ddelegata lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija f’dan il-paragrafu b’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 jew (UE) Nru 1095/2010.”

Artikolu 43

Dispożizzjonijiet transitorji

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal titolizzazzjonijiet li t-titoli tagħhom ikunu ġew ippubblikati fl-1 ta’ Jannar 2019 jew wara, soġġett għall-paragrafi 7 u 8.

2.   Fir-rigward tat-titolizzazzjonijiet li t-titoli tagħhom ikunu nħarġu qabel l-1 ta’ Jannar 2019, l-oriġinaturi, l-isponsors u l-SSPEs jistgħu jużaw id-deżinjazzjoni “STS” jew “sempliċi, trasparenti u standardizzata” jew deżinjazzjoni li tirreferi direttament jew indirettament għal dawn it-termini fil-każ biss li r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 18 u l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu ikunu ssodisfati.

3.   Titolizzazzjonijiet li t-titoli tagħhom ikunu nħarġu qabel l-1 ta’ Jannar 2019 [id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament], għajr pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjoni marbuta ma’ tranżazzjoni ABCP jew programm ABCP, għandhom jitqiesu bħala “STS” dment li:

(a)

fil-mument tal-ħruġ ta’ dawk it-titoli, ikunu ssodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 20(1) sa (5), (7) sa (9) u (11) sa (13) u l-Artikolu 21(1) u (3); u

(b)

jissodisfaw, fil-mument tan-notifika skont l-Artikolu 27(1), ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 20(6) u (10), l-Artikolu 21(2) u (4) sa (10) u l-Artikolu 22(1) sa (5).

4.   Għall-finijiet tal-punt (b) tal-paragrafu 3, japplika dan li ġej:

(a)

fl-Artikolu 22(2) “qabel jinħarġu” għandhom jitqiesu li jinqraw “qabel in-notifika skont l-Artikolu 27(1)”;

(b)

fl-Artikolu 22(3) “qabel l-ipprezzar tat-titolizzazzjoni” għandhom jitqiesu li jinqraw “qabel in-notifika skont l-Artikolu 27(1)”;

(c)

fl-Artikolu 22(5):

(i)

fit-tieni sentenza, “qabel l-ipprezzar” għandha titqies li taqra “qabel in-notifika skont l-Artikolu 27(1)”;

(ii)

“qabel l-ipprezzar għall-inqas fl-abbozz jew fil-forma inizjali” għandha titqies li taqra “qabel in-notifika skont l-Artikolu 27(1)”;

(iii)

ir-rekwiżit stipulat fir-raba’ sentenza ma għandux japplika;

(iv)

referenzi għall-konformità mal-Artikolu 7 għandhom jitqiesu bħallikieku l-Artikolu 7 japplika għal dawk it-titolizzazzjonijiet minkejja l-Artikolu 43(1).

5.   Fir-rigward ta’ titolizzazzjonijiet li t-titoli tagħhom inħarġu fl-1 ta’ Jannar 2011 jew wara, iżda qabel l-1 ta’ Jannar 2019 u fir-rigward ta’ titolizzazzjonijiet li t-titoli tagħhom inħarġu qabel l-1 ta’ Jannar 2011 fejn żdiedu jew ġew sostitwiti skoperturi sottostanti ġodda wara l-31 ta’ Diċembru 2014, ir-rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta kif previst fir-Regolament (UE) Nru 575/2013, fir-Regolament Delegat (UE) 2015/35 u r-Regolament Delegat (UE) Nru 231/2013 rispettivament għandhom ikomplu japplikaw fil-verżjoni applikabbli fil-31 ta’ Diċembru 2018.

6.   Fir-rigward ta’ titolizzazzjonijiet li t-titoli tagħhom inħarġu qabel l-1 ta’ Jannar 2019, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jew id-ditti tal-investiment kif definiti fil-punti (1) u (2) tal-Artikolu 4(1), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-impriżi tal-assigurazzjoni kif definiti fil-punt (1) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE, l-impriżi ta’ riassigurazzjoni kif definiti fil-punt (4) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE u maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattiv (AIFMs) kif definiti fil-punt (b) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE għandhom jibqgħu japplikaw l-Artikolu 405 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u l-Kapitoli I, II u III u l-Artikolu 22 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 625/2014, l-Artikoli 254 u 255 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/35 u l-Artikolu 51 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 231/2013, rispettivament, fil-verżjoni applikabbli fil-31 ta’ Diċembru 2018.

7.   Sakemm japplikaw l-istandards tekniċi regolatorji li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 6(7) ta’ dan ir-Regolament, l-oriġinaturi, l-isponsors jew il-mutwant oriġinali għandhom, għall-finijiet tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament, japplikaw il-Kapitoli I, II u III u l-Artikolu 22 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 625/2014 għat-titolizzazzjonijiet li t-titoli tagħhom ikunu ġew ippubblikati fi jew wara l-1 ta’ Jannar 2019.

8.   Sakemm japplikaw l-istandards tekniċi regolatorji li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-Regolament, l-oriġinaturi, l-isponsors u l-SSPEs, għandhom, għall-finijiet tal-obbligi stabbiliti fil-punti (a) u (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-Regolament, jagħmlu l-informazzjoni msemmija fl-Annessi I sa VIII tar-Regolament Delegat (UE) 2015/3 disponibbli skont l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament.

9.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, fil-każ ta’ titolizzazzjonijiet li ma jinvolvux il-ħruġ ta’ titoli, kwalunkwe referenza għal “titolizzazzjonijiet li t-titoli tagħhom ikunu nħarġu” għandha titqies li tfisser “titolizzazzjonijiet li l-pożizzjonijiet tat-titoli inizjali tagħhom huma maħluqa”, dment li dan ir-Regolament japplika għal kwalunkwe titolizzazzjonijiet li joħolqu pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjoni ġodda fid-data jew wara l-1 ta' Jannar 2019.

Artikolu 44

Rapporti

Sal-1 ta’ Jannar 2021 u kull tliet snin wara dik id-data, il-Kumitat Konġunt tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej għandu jippubblika rapport dwar:

(a)

l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti STS kif previst fl-Artikoli 18 sa 27;

(b)

valutazzjoni tal-azzjonijiet li wettqu l-awtoritajiet kompetenti, dwar ir-riskji materjali u l-vulnerabbiltajiet il-ġodda li setgħu tfaċċaw u dwar l-azzjonijiet tal-parteċipanti fis-suq sabiex ikomplu jistandardizzaw id-dokumenti tat-titolizzazzjonijiet;

(c)

il-funzjonament tar-rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta previsti fl-Artikolu 5 u r-rekwiżiti ta’ trasparenza previsti fl-Artikolu 7 u l-livell ta’ trasparenza tas-suq tat-titolizzazzjoni fl-Unjoni, inkluż dwar jekk ir-rekwiżiti ta’ trasparenza previsti fl-Artikolu 7 jippermettux lill-awtoritajiet kompetenti li jkollhom stampa ġenerali suffiċjenti tas-suq sabiex iwettqu l-mandati rispettivi tagħhom;

(d)

ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 6, inkluż il-konformità magħhom mill-parteċipanti tas-suq u l-modalitajiet għar-retenzjoni tar-riskju skont l-Artikolu 6(3).

Artikolu 45

Titolizzazzjonijiet sintetiċi

1.   Sat-2 ta’ Lulju 2019, l-EBA, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ESMA u mal-EIOPA, għandha tippubblika rapport dwar il-fattibbiltà ta’ qafas speċifiku rigward titolizzazzjoni sintetika sempliċi, trasparenti u standardizzata, limitat għal titolizzazzjoni sintetika mdaħħla fil-karta tal-bilanċ.

2.   Sat-2 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni, filwaqt li tqis ir-rapport tal-EBA msemmi fil-paragrafu 1, għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-ħolqien ta’ qafas speċifiku rigward titolizzazzjoni sintetika sempliċi, trasparenti u standardizzata, limitat għal titolizzazzjoni sintetika mdaħħla fil-karta tal-bilanċ, flimkien ma’ proposta leġislattiva jekk ikun xieraq.

Artikolu 46

Rieżami

Sal-1 ta’ Jannar 2022, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-funzjonament ta’ dan ir-Regolament, akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposta leġislattiva.

Dak ir-rapport għandu jikkunsidra b’mod partikolari s-sejbiet tar-rapporti msemmija fl-Artikolu 44, u għandu jivvaluta:

(a)

l-effetti ta’ dan ir-Regolament, inkluż l-introduzzjoni tad-deżinjazzjoni ta’ titolizzazzjoni STS, fuq il-funzjonament tas-suq għat-titolizzazzjonijiet fl-Unjoni, il-kontribuzzjoni tat-titolizzazzjoni għall-ekonomija reali, b’mod partikolari dwar l-aċċess għall-kreditu għall-SMEs u l-investimenti, u l-interkonnettività bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-istabbiltà tas-settur finanzjarju;

(b)

id-differenzi fl-użu tal-modalitajiet imsemmija fl-Artikolu 6(3), abbażi ta’ data rrappurtata skont il-punt (e)(iii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1). Jekk is-sejbiet juru żieda ta’ riskji prudenzjali kkawżati mill-użu tal-modalitajiet imsemmija fil-punti (a), (b), (c) u (e) tal-Artikolu 6(3), imbagħad għandhom jiġu kkunsidrati passi rimedjali xierqa;

(c)

jekk kienx hemm żieda sproporzjonata fl-għadd ta’ tranżazzjonijiet imsemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7(2), sa mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u jekk il-parteċipanti fis-suq strutturawx it-tranżazzjonijiet b’mod li jevadu l-obbligu skont l-Artikolu 7 li jagħmlu disponibbli informazzjoni permezz ta’ repożitorji tat-titolizzazzjoni;

(d)

jekk hemmx il-ħtieġa li jiġu estiżi r-rekwiżiti tal-iżvelar skont l-Artikolu 7 biex ikopru t-tranżazzjonijiet imsemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7(2), u l-pożizzjonijiet tal-investituri;

(e)

jekk fil-qasam tat-titolizzazzjonijiet STS jistax jiġi introdott reġim ta’ ekwivalenza għal oriġinaturi, sponsors u SSPEs ta’ pajjiżi terzi, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi internazzjonali fil-qasam tat-titolizzazzjoni, b’mod partikolari inizjattivi dwar titolizzazzjonijiet sempliċi, trasparenti u komparabbli;

(f)

l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 22(4) u jekk hemmx bżonn li jiġu estiżi għal titolizzazzjoni fejn l-iskoperturi sottostanti mhumiex self residenzjali jew self jew kirjiet għal karozzi, bil-ħsieb tal-integrazzjoni tad-divulgazzjoni ambjentali, soċjali u ta’ governanza;

(g)

l-adegwatezza tar-reġim tal-verifika tal-parti terza kif previst fl-Artikoli 27 u 28, u jekk ir-reġim ta’ awtorizzazzjoni għal partijiet terzi previsti fl-Artikolu 28 irawwimx kompetizzjoni suffiċjenti fost partijiet terzi u jikkunsidrax jekk iridux jiġu introdotti bidliet fil-qafas superviżorju sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja; u

(h)

jekk hemmx il-ħtieġa li jiġi kkomplementat il-qafas dwar it-titolizzazzjoni stipulat f’dan ir-Regolament billi tiġi stabbilita sistema ta’ banek b'liċenzji limitati, li jwettqu l-funzjonijiet ta’ SSPEs u li għandhom id-dritt esklużiv li jixtru skoperturi minn oriġinaturi u jbigħu pretensjonijiet appoġġati mill-iskoperturi mixtrija lil investituri.

Artikolu 47

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa għall-adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni skont il-kondizzjonijiet previsti f’dan l-Artikolu.

2.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 16(2) għal perijodu ta’ żmien indeterminat mis-17 ta’ Jannar 2018.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 16(2) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandha taffettwa l-validità ta’ ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti maħtura minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 16(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 48

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-12 ta’ Diċembru 2017.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

M. MAASIKAS


(1)  ĠU C 219, 17.6.2016, p. 2.

(2)  ĠU C 82, 3.3.2016, p. 1.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Ottubru 2017 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2017.

(4)  Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1).

(5)  Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

(6)  Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(7)  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 tal-10 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u r-Riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 12, 17.1.2015, p. 1).

(8)  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/61 tal-10 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ rekwiżit ta’ kopertura tal-likwidità għall-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu (ĠU L 11, 17.1.2015, p. 1).

(9)  Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(10)  Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, 22.5.2008, p. 66).

(11)  Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 34).

(12)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).

(13)  Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal- impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

(14)  Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).

(15)  Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).

(16)  Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1).

(17)  Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

(18)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(19)  Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 625/2014 tat-13 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill permezz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw ir-rekwiżiti tal-istituzzjonijiet investituri, sponsors, mutwanti oriġinali u oriġinaturi marbuta ma’ skoperturi għar-riskju tal-kreditu trasferit (ĠU L 174, 13.6.2014, p. 16).

(20)  Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(21)  Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2013 tad-19 ta’ Diċembru 2012 li jissupplimenta d-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-eżenzjonijiet, il-kundizzjonijiet ġenerali tal-operat, id-depożitarji, l-ingranaġġ, it-trasparenza u s-superviżjoni (ĠU L 83, 22.3.2013, p. 1).

(22)  Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/3 tat-30 ta’ Settembru 2014 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar rekwiżiti ta’ divulgazzjoni għal strumenti finanzjarji strutturati. (ĠU L 2, 6.1.2015, p. 57).

(23)  Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali (IORPs) (ĠU L 354, 23.12.2016, p. 37).

(24)  Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar is-superviżjoni supplementari ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu dwar impriżi ta’ assigurazzjoni u ditti ta’l-investiment f’konglomerat finanzjarju u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 73/239/KEE, 79/267/KEE, 92/49/KEE, 92/96/KEE, 93/6/KEE u 93/22/KEE, u d-Direttivi 98/78/KE u 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 35, 11.2.2003, p. 1).

(25)  Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(26)  Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 — il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1).

(27)  Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).

(28)  Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64).

(29)  Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1).

(30)  Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar it-trasparenza ta’ transazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli u l-użu mill-ġdid u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 1).

(31)  Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

(32)  Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1).

(33)  Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 2003 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali (ĠU L 235,23.9.2003, p. 10).

(34)  Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).

(35)  Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE and 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).