29.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 350/7


REGOLAMENT (UE) 2017/2392 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta' Diċembru 2017

li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE biex jitkomplew il-limitazzjonijiet attwali tal-kamp ta' applikazzjoni fl-attivitajiet tal-avjazzjoni u ssir il-preparazzjoni biex tiġi implimentata miżura globali bbażata fuq is-suq mill-2021

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw mal-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) saret f'Pariġi mit-30 ta' Novembru sat-12 ta' Diċembru 2015. F'dik il-Konferenza, ġie adottat ftehim internazzjonali (“il-Ftehim ta' Pariġi”) biex jissaħħaħ ir-rispons globali għat-tibdil fil-klima. Il-Ftehim ta' Pariġi, fost l-oħrajn, jistabbilixxi mira fit-tul li tikkonforma mal-għan li ż-żieda fit-temperatura globali tinżamm sew taħt iż-2 °C 'il fuq mil-livelli preindustrijali u biex jitkomplew l-isforzi biex tinżamm sal-1,5 °C 'il fuq mil-livelli preindustrijali. Il-Ftehim ta' Pariġi ġie approvat f'isem l-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1841 (3). Il-Ftehim ta' Pariġi daħal fis-seħħ fl-4 ta' Novembru 2016. Sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi, ser ikollhom jikkontribwixxu s-setturi kollha u l-Partijiet ser iħejju, jikkomunikaw u jżommu Kontributi suċċessivi Determinati fil-livell Nazzjonali (“NDCs”). Għalhekk jenħtieġ li tittieħed azzjoni wkoll permezz tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (“ICAO”) sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali.

(2)

Il-protezzjoni tal-ambjent hija waħda mill-isfidi l-iktar importanti li qed tiffaċċa l-Unjoni. L-għanijiet ambjentali tal-Unjoni kif imsemmija fl-Artikolu 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, huma s-salvagwardja, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent; il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem; l-użu għaqli u razzjonali tar-riżorsi naturali; u l-promozzjoni ta' miżuri fil-livell internazzjonali biex jittrattaw problemi ambjentali reġjonali jew globali, u b'mod partikolari li jiġġieldu l-bidla fil-klima.

(3)

Il-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu tat-23 u l-24 ta' Ottubru 2014 stabbilixxa mira vinkolanti sabiex sal-2030 ikun hemm tnaqqis domestiku fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra fis-setturi ekonomiċi kollha ta' mill-inqas 40 % meta mqabbel mal-1990. Il-Kunsill fis-6 ta' Marzu 2015 approva formalment dan il-kontribut mill-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha bħala l-NDC maħsub tagħhom skont il-Ftehim ta' Pariġi. Fil-konklużjonijiet tiegħu ta' Ottubru 2014, il-Kunsill Ewropew stqarr li l-mira trid tintlaħaq b'mod kollettiv mill-Unjoni bl-aktar mod kosteffikaċi possibbli, bit-tnaqqis fis-setturi tal-Iskema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet tal-Unjoni Ewropea (“EU ETS”) u dawk mhux tal-ETS li jammonta għal 43 % u 30 % rispettivament sal-2030 meta mqabbel mal-2005. Jenħtieġ li s-setturi kollha tal-ekonomija jikkontribwixxu biex jinkisbu dawk it-tnaqqis fl-emissjonijiet. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiffaċilita l-iskambji fost l-Istati Membri dwar l-aħjar prattika u t-tagħlimiet meħuda fis-settur tal-mobbiltà b'emissjonijiet baxxi.

(4)

EU ETS riformata u li taħdem sew bi strument imsaħħaħ biex jistabbilizza s-suq ser ikunu l-istrumenti Ewropej prinċipali biex tinkiseb il-mira ta' tnaqqis ta' 40 % msemmija fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ottubru 2014, b'fattur lineari u allokazzjoni bla ħlas lil hinn mill-2020. Dawk id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu konsistenti mal-għanijiet tal-Unjoni dwar il-klima u mal-impenji tagħha skont il-Ftehim ta' Pariġi. Is-sehem tal-irkant jenħtieġ li jkun espress bħala ċifra perċentwali fid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), biex tittejjeb iċ-ċertezza tal-ippjanar fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta' investiment, tiżdied it-trasparenza, tiġi minimizzata r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, u biex is-sistema inġenerali ssir aktar sempliċi u aktar faċli biex wieħed jifhimha. Bħala parti mir-rappurtar regolari tagħha skont ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta wkoll ir-riżultat tad-Djalogu Faċilitattiv tal-2018. Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/87/KE jinżammu taħt reviżjoni fid-dawl ta' żviluppi internazzjonali u l-isforzi li jittieħdu biex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi, inkluż l-ewwel rendikont globali fl-2023, u r-rendikonti globali sussegwenti li minn hemm 'il quddiem isiru kull ħames snin, maħsuba biex jinformaw l-NDCs suċċessivi.

(5)

L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ilhom mill-1997 jagħmlu sforzi biex isir progress biex jintlaħaq ftehim internazzjonali biex jitnaqqsu l-impatti tal-gassijiet serra mill-avjazzjoni u għandhom leġislazzjoni li ilha stabbilita mill-2008 biex jiġu limitati l-impatti tat-tibdil tal-klima minn attivitajiet tal-avjazzjoni permezz tal-EU ETS li ilha topera mill-2005. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet, fis-sentenza tagħha tal-21 ta' Diċembru 2011 (6), li l-inklużjoni tal-attivitajiet tal-avjazzjoni fl-EU ETS skont id-Direttiva 2008/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) ma tmurx kontra d-dritt internazzjonali. Biex jiġi ffaċilitat il-progress fl-ICAO, l-Unjoni darbtejn adottat derogi marbutin biż-żmien għall-EU ETS biex jiġu limitati l-obbligi tal-konformità tal-emissjonijiet minn titjiriet bejn ajrudromi li jinsabu fiż-Żona Ekonomika Ewropea (“ŻEE”), bi trattament ugwali fuq ir-rotot tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru, irrispettivament minn fejn ikunu bbażati. L-aktar deroga reċenti mill-EU ETS, stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 421/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), illimitat l-obbligi ta' konformità għal titjiriet ġewwa ż-ŻEE bejn l-2013 u l-2016, u pprevediet bidliet potenzjali fl-ambitu tas-sistema rigward l-attività lejn u minn ajrudromi li jinsabu barra miż-ŻEE mill-1 ta' Jannar 2017 'il quddiem wara r-reviżjoni stabbilita f'dak ir-Regolament.

(6)

Il-ħidma tal-ICAO fuq miżura bbażata fuq is-suq għall-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali hija element wieħed tal-hekk imsejjaħ “pakkett ta' miżuri” biex jintlaħaq l-għan indikattiv ta' tkabbir newtrali fil-karbonju mill-2020 (“CNG 2020”), u jenħtieġ li tiġi kkomplementata b'avvanzi fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u t-teknoloġiji ta' propulsjoni. L-iżvilupp kontinwu ta' strateġiji u programmi ta' riċerka ser ikun essenzjali għall-innovazzjoni teknoloġika u t-titjib operazzjonali meħtieġa sabiex ikun hemm progress lil hinn mill-mira ta' CNG 2020 u biex jinkiseb tnaqqis assolut fl-emissjonijiet fis-settur kollu.

(7)

Ġew adottati diversi miżuri fil-livell tal-Unjoni li l-għan tagħhom huwa l-prevenzjoni tal-frammentazzjoni tal-ispazju tal-ajru Ewropew sabiex jittejbu l-fluss tat-traffiku tal-ajru u l-kontroll tal-użu tal-ispazju tal-ajru, u b'hekk jitnaqqsu l-emissjonijiet. L-Istati Membri impenjaw ruħhom mill-ġdid li jimplimentaw il-kunċett ta' Ajru Uniku Ewropew, b'kont meħud tat-tkabbir mistenni fil-volum tat-traffiku tal-ajru fis-snin li ġejjin. Sabiex jinkiseb progress fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, jeħtieġ li tiġi aċċellerata l-implimentazzjoni tal-Impriża Konġunta tar-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR). Miżuri oħra bħall-użu tal-GNSS għan-navigazzjoni bis-satellita, l-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti bħall-Clean Sky I u Clean Sky II u l-programmi ta' riċerka tal-Unjoni, bħal Orizzont 2020 u s-suċċessuri tiegħu, ser jikkontribwixxu wkoll biex tiżdied l-effiċjenza u jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-avjazzjoni.

(8)

Fid-dawl tar-riżoluzzjoni adottata fid-39 Assemblea tal-ICAO f'Ottubru 2016 dwar l-implimentazzjoni ta' miżura globali bbażata fuq is-suq mill-2021 biex jiġu kkumpensati l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali 'l fuq mil-livelli tal-2020, l-adozzjoni tal-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati (“SARPs”) mill-ICAO biex jikkomplementaw dik ir-riżoluzzjoni u biex jimplimentaw is-sistema globali hija ppjanata għall-2018. Madankollu, l-operazzjonalizzazzjoni konkreta ser jeħtieġ azzjoni mill-partijiet tal-ICAO fil-livell domestiku. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġu żviluppati arranġamenti ta' governanza mill-ICAO, inkluż sistema ta' reġistru. F'dak il-kuntest, sabiex jiġi promoss il-momentum fl-ICAO u biex tiġi ffaċilitata l-operazzjonalizzazzjoni tal-iskema tal-ICAO, id-deroga attwali mill-obbligi tal-EU ETS għal titjiriet lejn u minn pajjiżi terzi jenħtieġ li tiġi estiża sal-31 ta' Diċembru 2023, soġġetta għal reviżjoni, biex tippermetti li tinġabar l-esperjenza meħtieġa fl-implimentazzjoni tal-iskema tal-ICAO. Minħabba l-estensjoni tad-deroga, l-ammont tal-kwoti li għandhom jiġu rkantati u maħruġin bla ħlas, inkluż mir-riżerva speċjali, jenħtieġ li jibqa' proporzjonali għat-tnaqqis tal-obbligu ta' restituzzjoni. Mill-1 ta' Jannar 2021 'il quddiem, jenħtieġ li n-numru ta' kwoti allokati lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandha titnaqqas kull sena skont il-fattur ta' tnaqqis lineari applikabbli għas-setturi l-oħrajn kollha fl-EU ETS, soġġett għar-reviżjoni fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-iskema tal-ICAO. Ir-reviżjoni ser titħejja f'konformità sħiħa mal-linji gwida tar-regolamentazzjoni aħjar b'konsultazzjonijiet adegwati mal-partijiet ikkonċernati kollha, inkluż l-Istati Membri. Jenħtieġ li kwoti mhux allokati mir-riżerva speċjali jkomplu jiġu kkanċellati.

(9)

Id-dħul iġġenerat mill-irkant tal-kwoti, jew l-ekwivalent tiegħu f'valur finanzjarju, jenħtieġ li jintuża biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima fl-Unjoni u pajjiżi terzi, fost oħrajn, biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra, biex ikun hemm adattament għall-impatti tat-tibdil fil-klima fl-Unjoni u pajjiżi terzi, speċjalment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, biex jiġu ffinanzjati r-riċerka u l-iżvilupp għall-mitigazzjoni u l-adattament, inkluż fl-oqsma tal-aeronawtika, tat-trasport bl-ajru u tal-fjuwils tal-avjazzjoni alternattivi sostenibbli, biex jitnaqqsu l-emissjonijiet permezz ta' trasport b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju u biex jiġu koperti l-ispejjeż amministrattivi tal-EU ETS. Jenħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni speċjali mill-Istati Membri li jużaw dak id-dħul għall-kofinanzjament ta' riċerka u innovazzjoni għal programmi jew inizjattivi taħt id-Disa' Programm Qafas għar-Riċerka (“FP9”). Biex jintlaħqu l-impenji tal-Unjoni, huwa essenzjali li tiġi żgurata t-trasparenza dwar l-użu tad-dħul iġġenerat mill-irkant tal-kwoti skont id-Direttiva 2003/87/KE permezz tal-preżentazzjoni ta' rapporti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 525/2013.

(10)

L-integrità ambjentali tal-EU ETS jenħtieġ li tiġi mħarsa kontra r-riskju ta' obbligi li jiskadu għal operaturi tal-inġenji tal-ajru u operaturi oħrajn regolati minn Stat Membru. Għalhekk, jenħtieġ li l-kwoti maħruġa minn tali Stat Membru jkunu jistgħu jintużaw biss jekk l-obbligi li jiġu ċeduti kwoti għall-emissjonijiet mhumiex f'riskju li jiskadu b'mod li jirriżulta fid-dgħajfien tal-integrità ambjentali tal-EU ETS. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tieħu l-miżuri meħtieġa biex titħares l-integrità ambjentali tal-EU ETS kif xieraq. Tali miżuri jenħtieġ li jiġu implimentati sakemm ma jkunux aktar meħtieġa minħabba bidla fiċ-ċirkostanzi.

(11)

Billi l-karatteristiċi ewlenin tal-miżura globali bbażata fuq is-suq għad iridu jiġu żviluppati u billi l-implimentazzjoni tagħha tiddependi fuq il-leġislazzjoni domestika stabbilita mill-Istati u r-reġjuni parteċipanti, il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrapporta b'mod regolari lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress fin-negozjati tal-ICAO, b'mod partikolari dwar l-istrumenti rilevanti adottati permezz tal-ICAO, inkluż is-SARPs, l-azzjonijiet meħuda minn pajjiżi terzi biex jimplimentaw il-miżura globali bbażata fuq is-suq li ser tiġi applikata għall-emissjonijiet għall-perijodu 2021-2035, l-isforzi biex jiġu stabbiliti miżuri ambizzjużi u vinkolanti biex jinkiseb l-għan fit-tul tal-industrija tal-avjazzjoni li sal-2050 l-emissjonijiet tas-CO2 mill-avjazzjoni jitnaqqsu bin-nofs meta mqabbla mal-livelli tal-2005, u żviluppi internazzjonali u strumenti applikabbli oħrajn li huma rilevanti, bħar-regoli skont l-UNFCCC u l-Ftehim ta' Pariġi dwar is-swieq tal-karbonju u l-kontabbiltà. Ladarba jkun hemm ċarezza dwar in-natura u l-kontenut tal-istrumenti tal-ICAO u qabel il-bidu tal-miżura globali bbażata fuq is-suq tal-ICAO, il-Kummissjoni jenħtieġ li tippreżenta rapport li fih jenħtieġ li tikkunsidra kif timplimenta dawk l-istrumenti fid-dritt tal-Unjoni permezz ta' reviżjoni tad-Direttiva 2003/87/KE. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkunsidra aktar ir-regoli li japplikaw għat-titjiriet ġewwa ż-ŻEE, kif xieraq. B'dan il-mod, il-Kummissjoni fir-rapport tagħha jenħtieġ li tirrifletti l-ħtieġa li tiġi żgurata l-konsistenza mad-dritt tal-Unjoni, b'mod partikolari sabiex tiġi evitata kwalunkwe distorsjoni tal-kompetizzjoni u jiġi mminimizzat kwalunkwe piż amministrattiv żejjed għall-Istati Membri u l-operaturi tal-inġenji tal-ajru. Il-Kummissjoni jenħtieġ li mar-rapport tagħha żżid proposta, kif xieraq, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li tkun konsistenti mal-iżgurar tal-kontribut tal-avjazzjoni għall-impenn tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra fis-setturi ekonomiċi kollha sal-2030.

(12)

Sabiex titħejja l-implimentazzjoni tal-miżura globali bbażata fuq is-suq tal-ICAO, huwa neċessarju li jkun hemm disponibbli data rilevanti dwar l-emissjonijiet mill-attivitajiet tal-avjazzjoni kmieni kemm jista' jkun. Dawk l-emissjonijiet jenħtieġ li jiġu mmonitorjati, irrappurtati u vverifikati skont l-istess prinċipji bħal dawk applikabbli għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet mill-attivitajiet tal-avjazzjoni skont id-Direttiva 2003/87/KE. Għaldaqstant, il-Kummissjoni jenħtieġ li tadotta dispożizzjonijiet dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika għall-fini li jiġu implimentati miżuri bbażati fis-suq globali tal-ICAO sabiex jiġi evitat kull distorsjoni tal-kompetizzjoni. Dawk id-dispożizzjonijiet jenħtieġ li jkunu konsistenti mal-prinċipji li jinsabu fir-regolament imsemmi fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/87/KE u jenħtieġ li jiżguraw li r-rapporti dwar emissjonijiet li jkunu sottomessi jiġu vverifikati f'konformità mal-prinċipji u l-kriterji ta' verifika msemmija fl-Artikolu 15 ta' dik id-Direttiva. Dawk id-dispożizzjonijiet jenħtieġ li jiġu adottati skont il-proċedura applikabbli għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika skont id-Direttiva 2003/87/KE.

(13)

L-avjazzjoni għandha impatt ukoll fuq il-klima minħabba r-rilaxx tal-ossidi tan-nitroġenu, il-fwar tal-ilma u s-sulfat u l-partikoli tan-nugrufun f'altitudnijiet għoljin, li jista' jkollhom effett sinifikanti fuq il-klima, skont ir-riċerka xjentifika. Il-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima kkalkula li l-impatt klimatiku totali tas-settur tal-avjazzjoni huwa attwalment darbtejn sa erba' darbiet ogħla mill-effett tal-emissjonijiet biss mid-diossidu tal-karbonju tiegħu fil-passat. Sakemm isir progress xjentifiku, l-impatti kollha tal-avjazzjoni jenħtieġ li jiġu indirizzati sa fejn huwa possibbli. Fid-Direttiva 2008/101/KE ġiet prevista proposta tal-Kummissjoni dwar l-ossidi tan-nitroġenu fl-2008. Minkejja d-diffikultajiet tekniċi u politiċi involuti, il-Kummissjoni jenħtieġ li taċċellera l-ħidma tagħha f'dak ir-rigward. Jenħtieġ li tiġi promossa wkoll ir-riċerka dwar il-formazzjoni ta' faxex ta' kondensazzjoni, magħrufa wkoll bħala contrails, dwar l-evoluzzjoni tagħhom fi sħab tat-tip cirrus, dwar l-effetti diretti iżgħar tal-aerosols tas-sulfat u tan-nugrufun, u dwar miżuri ta' mitigazzjoni effettivi, fosthom miżuri operazzjonali u tekniċi.

(14)

Biex jiġu simplifikati u mnaqqsa l-kompiti amministrattivi, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru b'emissjonijiet ta' inqas minn 3 000 tunnellata ta' CO2 fis-sena minn titjiriet ġewwa ż-ŻEE jenħtieġ li jibbenefikaw mill-użu tal-għodda ta' emittenti żgħar approvata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 606/2010 (9) għall-verifika tal-emissjonijiet tagħhom. L-operaturi tal-inġenji tal-ajru mhux kummerċjali li jipproduċu inqas minn 1 000 tunnellata ta' CO2 fis-sena jenħtieġ li jkomplu jitqiesu li jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/87/KE għal 10 snin oħra, li matulhom jenħtieġ li jiġu żviluppati miżuri biex fil-futur l-operaturi kollha jikkontribwixxu għat-tnaqqis fl-emissjonijiet.

(15)

Minħabba li l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu estiżi l-limitazzjonijiet attwali tal-kamp ta' applikazzjoni fl-attivitajiet tal-avjazzjoni sal-31 ta' Diċembru 2023 u li ssir il-preparazzjoni biex tiġi implimentata miżura globali bbażata fuq is-suq mill-2021, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(16)

Huwa essenzjali li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru u l-awtoritajiet nazzjonali fid-dawl tal-iskadenza ta' restituzzjoni tat-30 ta' April 2018 kif speċifikat fid-Direttiva 2003/87/KE. Għaldaqstant, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(17)

Għalhekk, id-Direttiva 2003/87/KE jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2003/87/KE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 3c, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   Kwalunkwe allokazzjoni ta' kwoti għall-attivitajiet tal-avjazzjoni minn u lejn ajrudromi li jinsabu f'pajjiżi li mhumiex fiż-Żona Ekonomika Ewropea (‘ŻEE’) wara l-31 ta' Diċembru 2023 għandha tkun soġġetta għar-reviżjoni msemmija fl-Artikolu 28b.”;

(2)

fl-Artikolu 3d, il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

“2.   Mill-1 ta' Jannar 2013, 15 % tal-kwoti għandhom ikunu rkantati. Il-Kummissjoni għandha twettaq studju dwar il-ħila tas-settur tal-avjazzjoni li jgħaddi l-ispiża tas-CO2 lill-klijenti tiegħu, fir-rigward tal-EU ETS u tal-miżura globali bbażata fuq is-suq żviluppata mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (‘ICAO’). L-istudju għandu jivvaluta l-ħila tas-settur tal-avjazzjoni li jgħaddi l-ispiża tal-unitajiet ta' emissjonijiet meħtieġa, billi tqabbilha mal-industriji u s-settur tal-enerġija, bl-intenzjoni li tagħmel proposta biex jiżdied il-persentaġġ ta' bejgħ bl-irkant skont ir-reviżjoni msemmija fl-Artikolu 28b(2), b'kont meħud tal-analiżi tal-ispejjeż mgħoddija u billi tikkunsidra l-allinjament ma' setturi oħra u l-kompetittività bejn il-modi ta' trasport differenti.”;

(3)

fl-Artikolu 3d, il-paragrafu 4 jinbidel b'dan li ġej:

“4.   Id-dħul kollu ġġenerat mill-irkant tal-kwoti jenħtieġ li jintuża biex jittratta t-tibdil fil-klima fl-Unjoni u f'pajjiżi terzi, fost oħrajn, biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra, biex isir adattament għall-impatti tat-tibdil fil-klima fl-Unjoni u f'pajjiżi terzi, speċjalment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, biex jiġu ffinanzjati r-riċerka u l-iżvilupp għall-mitigazzjoni u l-adattament, inkluż b'mod partikolari fl-oqsma tal-aeronawtika u tat-trasport bl-ajru, biex jitnaqqsu l-emissjonijiet permezz ta' mezzi tat-trasport b'emissjonijiet baxxi, u biex jiġu koperti l-ispejjeż amministrattivi tal-EU ETS. Id-dħul mill-irkantar jenħtieġ li jintuża wkoll biex jiffinanzja proġetti komuni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra mis-settur tal-avjazzjoni, bħal pereżempju l-Impriża Konġunta tar-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR) u l-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti Clean Sky u kwalunkwe inizjattiva li tippermetti l-użu mifrux tal-GNSS għal navigazzjoni bbażata fuq is-satellita u kapaċitajiet interoperabbli fl-Istati Membri kollha, b'mod partikolari proġetti li jtejbu l-infrastruttura tan-navigazzjoni bl-ajru, il-forniment ta' servizzi ta' navigazzjoni bl-ajru u l-użu tal-ispazju tal-ajru. Id-dħul mill-bejgħ bl-irkant jista' jintuża wkoll sabiex jiffinanzja kontribuzzjonijiet għall-Fond Globali għall-Effiċjenza Enerġetika u l-Enerġija Rinnovabbli, u għal miżuri biex tiġi evitata d-deforestazzjoni. Għandha tingħata kunsiderazzjoni speċjali mill-Istati Membri li jużaw dak id-dħul għall-kofinanzjament ta' programmi jew inizjattivi ta' riċerka u innovazzjoni skont id-Disa' Programm Qafas għar-Riċerka (“FP9”). It-trasparenza fir-rigward tal-użu li jsir mid-dħul iġġenerat mill-irkant tal-kwoti skont din id-Direttiva hija essenzjali biex jintlaħqu l-impenji tal-Unjoni.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar azzjonijiet meħuda skont l-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu.”;

(4)

fl-Artikolu 12, il-paragrafu 3 jinbidel b'dan li ġej:

“3.   Għall-perijodu sal-31 ta' Diċembru 2020, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sat-30 ta' April ta' kull sena, l-operatur ta' kull installazzjoni jirrestitwixxi għadd ta' kwoti, barra minn dawk il-kwoti maħruġa taħt il-Kapitolu II, li jkun ekwivalenti għat-total tal-emissjonijiet ta' dik l-installazzjoni matul is-sena kalendarja preċedenti, kif ivverifikati skont l-Artikolu 15, u li dawk il-kwoti jiġu kkanċellati sussegwentement. Għall-perjodu li jibda mill-1 ta' Jannar 2021, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sat-30 ta' April ta' kull sena, l-operatur ta' kull installazzjoni jirrestitwixxi għadd ta' kwoti, li jkun ekwivalenti għat-total tal-emissjonijiet ta' dik l-installazzjoni fis-sena kalendarja preċedenti, kif ivverifikati skont l-Artikolu 15, u li dawk il-kwoti jiġu kkanċellati sussegwentement, soġġett għar-reviżjoni msemmija fl-Artikolu 28b.”;

(5)

fl-Artikolu 12, jiddaħħal il-paragrafu li ġej qabel il-paragrafu 3a:

“3-a.   Fejn ikun meħtieġ, u sakemm ikun meħtieġ, sabiex titħares l-integrità ambjentali tal-EU ETS, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru u operaturi oħra fl-EU ETS għandhom ikunu projbiti milli jużaw kwoti li jinħarġu minn Stat Membru li fir-rigward tiegħu hemm obbligi li jiskadu għal operaturi tal-inġenji tal-ajru u operaturi oħra. L-att legali msemmi fl-Artikolu 19 għandu jinkludi l-miżuri meħtieġa fil-każijiet imsemmija f'dan il-paragrafu.”;

(6)

l-Artikolu 28a huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu jinbidel b'dan li ġej:

“Derogi applikabbli minn qabel l-implimentazzjoni tal-miżura globali bbażata fuq is-suq tal-ICAO”;

(b)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punti (a) u (b) jinbidlu b'dan li ġej:

“(a)

l-emissjonijiet kollha minn titjiriet minn u lejn l-ajrudromi li jinsabu f'pajjiżi li mhumiex fiż-ŻEE f'kull sena kalendarja mill-1 ta' Jannar 2013 sal-31 ta' Diċembru 2023, soġġett għar-reviżjoni msemmija fl-Artikolu 28b;

(b)

l-emissjonijiet kollha minn titjiriet bejn ajrudromu li jinsab f'reġjun ultraperiferiku fit-tifsira tal-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u ajrudromu li jinsab f'reġjun ieħor taż-ŻEE f'kull sena kalendarja mill-31 ta' Jannar 2013 sal-1 ta' Diċembru 2023, soġġett għar-reviżjoni msemmija fl-Artikolu 28b.”;

(ii)

il-punt (c) jitħassar;

(c)

il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

“2.   B'deroga mill-Artikoli 3e u 3f, operaturi tal-inġenji tal-ajru li jibbenefikaw mid-derogi previsti fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jinħarġilhom, kull sena, għadd ta' kwoti mingħajr ħlas imnaqqsa proporzjonalment skont it-tnaqqis tal-obbligu ta' restituzzjoni tal-kwoti previst f'dawk il-punti.

B'deroga mill-Artikolu 3f(8), kwoti li mhumiex allokati mir-riżerva speċjali għandhom jiġu kkanċellati.

Mill-1 ta' Jannar 2021, l-għadd ta' kwoti allokati lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandu jkun soġġett għall-applikazzjoni tal-fattur lineari msemmi fl-Artikolu 9, soġġett għar-reviżjoni msemmija fl-Artikolu 28b.

Fir-rigward tal-attività fil-perijodu mill-1 ta' Jannar 2017 sal-31 ta' Diċembru 2023, l-Istati Membri għandhom, qabel l-1 ta' Settembru 2018, jippubblikaw l-għadd ta' kwoti tal-avjazzjoni allokati lil kull operatur tal-inġenji tal-ajru.”;

(d)

il-paragrafu 4 jinbidel b'dan li ġej:

“4.   B'deroga mill-Artikolu 3d(3), l-għadd ta' kwoti li jridu jiġu rkantati minn kull Stat Membru fir-rigward tal-perijodu mill-1 ta' Jannar 2013 sal-31 ta' Diċembru 2023 għandu jitnaqqas b'tali mod li jikkorrispondi għas-sehem tiegħu ta' emissjonijiet attribwiti għall-avjazzjoni minn titjiriet li mhumiex soġġetti għad-derogi previsti fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.”;

(e)

il-paragrafu 6 jinbidel b'dan li ġej:

“6.   B'deroga mill-Artikoli 3 g, 12, 15 u 18a, fejn operatur tal-inġenji tal-ajru għandu t-total annwali ta' emissjonijiet inqas minn 25 000 tunnellata ta' CO2, jew fejn operatur tal-inġenji tal-ajru għandu t-total annwali ta' emissjonijiet inqas minn 3 000 tunnellata ta' CO2 minn titjiriet għajr dawk imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-emissjonijiet tiegħu għandhom jitqiesu li huma emissjonijiet ivverifikati jekk jiġu ddeterminati bl-użu tal-għodda ta' emittenti żgħar approvata mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 606/2010 (*1) u li hija popolata mill-Eurocontrol b'data mill-faċilità ta' appoġġ tagħha tal-ETS. L-Istati Membri jistgħu jimplimentaw proċeduri simplifikati għal operaturi tal-inġenji tal-ajru mhux kummerċjali sakemm tali proċeduri ma jipprovdux inqas preċiżjoni milli tipprovdi l-għodda ta' emittenti żgħar.

(*1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 606/2010 tad- 9 ta' Lulju 2010 dwar l-approvazzjoni ta' għodda simplifikata żviluppata mill-organizzazzjoni Ewropea għas-sigurtà tan-navigazzjoni bl-ajru (Eurocontrol) sabiex tistima l-konsum tal-fjuwil ta' ċerti operaturi tal-inġenji tal-ajru b'emissjonijiet baxxi (ĠU L 175, 10.7.2010, p. 25).”;"

(f)

il-paragrafu 7 jinbidel b'dan li ġej:

“7.   Il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu japplika għall-pajjiżi li magħhom intlaħaq ftehim skont l-Artikolu 25 jew 25a skont it-termini ta' dan il-ftehim biss.”;

(g)

jitħassar il-paragrafu 8;

(7)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 28b

Ir-rappurtar u r-reviżjoni mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' miżura globali tal-ICAO bbażata fuq is-suq

1.   Qabel l-1 ta' Jannar 2019 u regolarment wara, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress fin-negozjati tal- ICAO biex tiġi implimentata l-miżura globali bbażata fuq is-suq li għandha tiġi applikata għall-emissjonijiet mill-2021, b'mod partikolari fir-rigward ta': (i) l-istrumenti rilevanti tal-ICAO, inkluż l-Istandards u Prattiki Rakkomandati; (ii) rakkomandazzjonijiet tal-ICAO approvati mill-Kunsill rilevanti għall-miżura globali bbażata fuq is-suq; (iii) l-istabbiliment ta' reġistru globali; (iv) miżuri domestiċi meħuda minn pajjiżi terzi biex tiġi implimentata il-miżura globali bbażata fuq is-suq li għandha tiġi applikata għall-emissjonijiet mill-2021;(v) l-implikazzjonijiet tar-riżervi minn pajjiżi terzi u (vi) żviluppi internazzjonali u strumenti applikabbli oħrajn li huma rilevanti.

F'konformità mar-rendikont globali tal-UNFCCC, il-Kummissjoni għandha tirrapporta wkoll dwar l-isforzi sabiex jinkiseb l-għan fit-tul mixtieq ta' tnaqqis ta' emissjonijiet tas-settur tal-avjazzjoni li sal-2050 l-emissjonijiet tas-CO2 mill-avjazzjoni jitnaqqsu bin-nofs meta mqabbla mal-livelli tal-2005.

2.   Fi żmien 12-il xahar mill-adozzjoni mill-ICAO tal-istrumenti rilevanti, u qabel ma l-miżura globali bbażata fuq is-suq issir operazzjonali, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li fih għandha tikkunsidra modi biex dawk l-istrumenti jiġu implimentati fil-liġi tal-Unjoni permezz ta' reviżjoni ta' din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha, f'dak ir-rapport, tikkunsidra wkoll ir-regoli li japplikaw fir-rigward tat-titjiriet fiż-ŻEE, kif xieraq. Għandha teżamina wkoll l-ambizzjoni u l-integrità ambjentali globali tal-miżura globali bbażata fuq is-suq, inkluż l-ambizzjoni ġenerali tagħha fir-rigward tal-miri skont il-Ftehim ta' Pariġi, il-livell ta' parteċipazzjoni, l-infurzabbiltà tagħha, it-trasparenza, il-penali għan-nonkonformità, il-proċessi għall-input pubbliku, il-kwalità tal-krediti ta' kumpens, il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet, ir-reġistri, ir-responsabbiltà kif ukoll ir-regoli dwar l-użu tal-bijofjuwils. Barra minn hekk, ir-rapport għandu jqis jekk id-dispożizzjonijiet adottati skont l-Artikolu 28c(2) jeħtiġux li jiġu riveduti.

3.   Il-Kummissjoni għandha mar-rapport imsemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu żżid proposta, fejn ikun xieraq, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jemendaw, iħassru, jestendu jew jissostitwixxu d-derogi previsti fl-Artikolu 28a, li tkun konsistenti mal-impenn għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra fis-setturi ekonomiċi kollha tal-Unjoni għall-2030 bl-għan li jiġu ppreservati l-effettività u l-integrità ambjentali tal-azzjoni klimatika tal-Unjoni.

Artikolu 28c

Dispożizzjonijiet għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika għall-finijiet tal-miżura globali bbażata fuq is-suq

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta dispożizzjonijiet għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika xierqa tal-emissjonijiet bil-għan li tiġi implimentata l-miżura globali bbażata fuq is-suq tal-ICAO fuq ir-rotot kollha koperti minnha. Dawk id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq l-istrumenti rilevanti adottati fl-ICAO, għandhom jevitaw kwalunkwe distorsjoni tal-kompetizzjoni, ikunu konsistenti mal-prinċipji li jinsabu fir-Regolament imsemmi fl-Artikolu 14(1), u għandhom jiżguraw li r-rapporti dwar l-emissjonijiet ppreżentati jkunu vverifikati f'konformità mal-prinċipji u l-kriterji ta' verifika msemmija fl-Artikolu 15.

2.   Id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikoli 14 u 15.”;

(8)

fl-Artikolu 30, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   Qabel l-1 ta' Jannar 2020, il-Kummissjoni għandha tippreżenta analiżi aġġornata tal-effetti tal-avjazzjoni mhux mis-CO2 u, fejn ikun xieraq, takkumpanjaha bi proposta dwar kif l-aħjar jiġu indirizzati dawk l-effetti.”;

(9)

fil-punt (k) tal-Anness I, is-sena “2020” tinbidel bi “2030”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta' Diċembru 2017.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

M. MAASIKAS


(1)  ĠU C 288, 31.8.2017, p. 75.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2017 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1841 tal-5 ta' Ottubru 2016 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (ĠU L 282, 19.10.2016, p. 1).

(4)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra u għar-rapportar ta' informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 13).

(6)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Diċembru 2011, Air Transport Association of America u Oħrajn vs The Secretary of State for Energy and Climate Change, C-366/10, ECLI:EU:C:2011:864.

(7)  Id-Direttiva 2008/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex tinkludi l-attivitajiet tal-avjazzjoni fl-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità (ĠU L 8, 13.1.2009, p. 3).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 421/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta' April 2014 li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità, fid-dawl tal-implimentazzjoni sal-2020 ta' ftehim internazzjonali li japplika miżura globali unika bbażata fuq is-suq għal emissjonijiet tal-avjazzjoni internazzjonali (ĠU L 129, 30.4.2014, p. 1).

(9)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 606/2010 tad-9 ta' Lulju 2010 dwar l-approvazzjoni ta' għodda simplifikata żviluppata mill-organizzazzjoni Ewropea għas-sigurtà tan-navigazzjoni bl-ajru (Eurocontrol) sabiex tistima l-konsum tal-fjuwil ta' ċerti operaturi tal-inġenji tal-ajru b'emissjonijiet baxxi (ĠU L 175, 10.7.2010, p. 25).