19.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 337/21


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2366

tat-18 ta' Diċembru 2017

li jemenda d-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-livelli limitu ta' applikazzjoni għall-proċeduri tal-għoti ta' kuntratti

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni (1), u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tagħha,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni 2014/115/UE (2), il-Kunsill approva l-Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi (“il-Ftehim”) (3) konkluż fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Il-Ftehim huwa strument plurilaterali u għandu l-għan li jiftaħ is-swieq tal-akkwist pubbliku b'mod reċiproku fost il-partijiet kontraenti tiegħu. Huwa japplika għal kwalunkwe kuntratt ta' akkwist pubbliku b'valur li jilħaq jew li jaqbeż l-ammonti (“il-livelli limitu”) stipulati fil-Ftehim u espressi bħala drittijiet speċjali ta' prelevament.

(2)

Wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva 2014/23/UE huwa li l-entitajiet kontraenti u l-awtoritajiet kontraenti li japplikaw dik id-Direttiva jkunu jistgħu, fl-istess waqt, jikkonformaw mal-obbligi stabbiliti fil-Ftehim. Biex jinkiseb dan, jenħtieġ li l-livelli limitu stabbiliti f'dik id-Direttiva għall-kuntratti pubbliċi, li huma koperti wkoll mill-Ftehim, jiġu allinjati sabiex jiġi żgurat li jikkorrispondu mal-ekwivalenti f'euro, imqarrba għall-eqreb elf, tal-livelli limitu stipulati fil-Ftehim.

(3)

Għal raġunijiet ta' koerenza, huwa xieraq li jiġu allinjati wkoll il-livelli limitu fid-Direttiva 2014/23/UE, li mhumiex koperti mill-Ftehim.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva 2014/23/UE tiġi emendata skont dan.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2014/23/UE, l-ammont “EUR 5 225 000” jinbidel b'“EUR 5 548 000”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2018.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Diċembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/115/UE tat-2 ta' Diċembru 2013 dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern, (ĠU L 68, 7.3.2014, p. 1).

(3)  ĠU L 68, 7.3.2014, p. 4.