20.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 341/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2358

tal-21 ta' Settembru 2017

li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti ta' sorveljanza u ta' governanza tal-prodotti għall-impriżi tal-assigurazzjoni u għad-distributuri tal-assigurazzjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Jannar 2016 dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 25(2) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva (UE) 2016/97 tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati biex tispeċifika ulterjorment ir-rekwiżiti ta' sorveljanza u ta' governanza tal-prodotti stipulati fl-Artikolu 25 ta' dik id-Direttiva. Fl-interess ta' protezzjoni tal-konsumatur effettiva, ir-regoli ta' sorveljanza u ta' governanza tal-prodott jenħtieġ li japplikaw b'mod koerenti għall-prodotti tal-assigurazzjoni kollha li jkunu għadhom kemm jiġu żviluppati u għal adattamenti sinifikanti ta' prodotti tal-assigurazzjoni eżistenti, irrispettivament mit-tip ta' prodott u mir-rekwiżiti applikabbli fil-punt tal-bejgħ. Il-forma ta' Regolament tiżgura qafas koerenti għall-operaturi tas-suq kollha u hija l-aqwa garanzija possibbli għal kundizzjonijiet ekwi, kundizzjonijiet ugwali tal-kompetizzjoni u standard xieraq ta' protezzjoni għall-konsumaturi.

(2)

Fid-dawl tar-rekwiżiti tad-Direttiva (UE) 2016/97, il-miżuri ta' sorveljanza u ta' governanza tal-prodotti jenħtieġ li jintgħażlu u jkunu applikati b'mod proporzjonali u xieraq, skont il-kumplessità tal-prodott u skont il-grad sa liema tkun tista' tinkiseb l-informazzjoni disponibbli pubblikament, meta jitqiesu n-natura tal-prodott tal-assigurazzjoni u r-riskju ta' detriment għall-konsumatur relatat miegħu, il-karatteristiċi tas-suq fil-mira u n-natura, l-iskala u l-kumplessità tan-negozju rilevanti tal-manifattur jew distributur. Il-proporzjonalità tfisser li dawk il-miżuri jenħtieġ li jkunu relattivament sempliċi għall-prodotti diretti u mhux kumplessi li huma kompatibbli mal-ħtiġijiet u mal-karatteristiċi tas-suq tal-massa fil-livell tal-konsumatur, inklużi l-prodotti attwali ta' assigurazzjoni mhux tal-ħajja b'kamp ta' applikazzjoni limitat u li jinftiehem faċilment. Min-naħa l-oħra, fil-każ ta' prodotti aktar kumplessi b'riskju akbar ta' detriment għall-konsumatur, inklużi prodotti ta' investiment fl-assigurazzjoni mhux koperti mill-Artikolu 30(3) tad-Direttiva (UE) 2016/97, jenħtieġu miżuri aktar esiġenti.

(3)

Għall-finijiet tal-Artikolu 25(1) tad-Direttiva (UE) 2016/97, jenħtieġ li intermedjarju tal-assigurazzjoni jkun ikkunsidrat bħala manifattur ta' prodott tal-assigurazzjoni meta, minn analiżi kumplessiva tal-attività tal-intermedjarju fuq bażi ta' kull każ għalih, ikun jirriżulta li l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jiddeċiedi awtonomament rigward il-fatturi essenzjali u l-elementi ewlenin ta' prodott tal-assigurazzjoni, inklużi l-kopertura, l-kostijiet, ir-riskji, is-suq fil-mira jew id-drittijiet ta' garanzija jew kumpens. Madankollu, jenħtieġ li l-attivitajiet marbuta mas-sempliċi adattament tal-prodotti tal-assigurazzjoni eżistenti, inklużi każijiet li fihom l-intermedjarju jkollu għażla bejn varjanti differenti ta' prodott, klawżoli jew għażliet kuntrattwali differenti, jew jista' jasal għal qbil mal-konsumatur rigward primjums jew tariffi skontati, ma jiġux ikkunsidrati bħala mmanifatturar billi f'każijiet bħal dawn, id-deċiżjonijiet prinċipali dwar id-disinn u l-iżvilupp tal-prodott jittieħdu mill-impriża tal-assigurazzjoni u mhux mill-intermedjarju tal-assigurazzjoni.

(4)

Fil-każijiet li fihom prodott tal-assigurazzjoni jkun iddisinjat u żviluppat minn intermedjarju tal-assigurazzjoni u impriża tal-assigurazzjoni li jaġixxu b'mod konġunt u t-tnejn li huma jkollhom rwol ta' teħid tad-deċiżjonijiet fl-iddisinjar u l-iżviluppar ta' dak il-prodott, jenħtieġ li l-intermedjarju tal-assigurazzjoni u l-impriża tal-assigurazzjoni jispeċifikaw il-kollaborazzjoni u r-rwoli rispettivi tagħhom fi ftehim bil-miktub sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu f'pożizzjoni li jwettqu superviżjoni tal-konformità mar-rekwiżiti ġuridiċi.

(5)

Jenħtieġ li l-identifikar tas-suq fil-mira mill-manifattur ikun intiż bħala d-deskrizzjoni ta' grupp ta' konsumaturi li jikkondividu karatteristiċi komuni f'livell astratt u ġeneralizzat sabiex il-manifattur ikun jista' jadatta l-fatturi tal-prodott għall-ħtiġijiet, għall-karatteristiċi u għall-objettivi ta' dak il-grupp ta' konsumaturi. Jenħtieġ li ssir distinzjoni bejn dan u l-valutazzjoni individwali fil-punt tal-bejgħ sabiex ikun iddeterminat jekk prodott tal-assigurazzjoni jissodisfax id-domandi u l-ħtiġijiet u, meta applikabbli, jekk prodott ta' investiment fl-assigurazzjoni huwa adattat jew xieraq għall-konsumatur individwali jew konsumatur potenzjali.

(6)

Jenħtieġ li l-livell ta' granularità tas-suq fil-mira u l-kriterji użati sabiex ikun definit is-suq fil-mira u tkun iddeterminata l-istrateġija ta' distribuzzjoni xierqa jkunu rilevanti għall-prodott u huwa mistenni li jagħtu lok għall-valutazzjoni ta' liema huma l-konsumaturi li jaqgħu fl-ambitu tas-suq fil-mira. Għal prodotti aktar sempliċi u aktar komuni, jenħtieġ li s-suq fil-mira jkun identifikat b'anqas dettall filwaqt li għal prodotti aktar ikkumplikati jew għal prodotti anqas komuni, jenħtieġ li s-suq fil-mira jkun identifikat b'aktar dettall b'kunsiderazzjoni tar-riskju akbar ta' detriment għall-konsumatur assoċjat ma' tali prodotti.

(7)

Sabiex tittejjeb il-protezzjoni tal-konsumatur, b'mod partikolari fir-rigward tal-prodotti ta' investiment fl-assigurazzjoni, jenħtieġ li l-manifatturi jkollhom il-possibbiltà li jidentifikaw gruppi speċifiċi ta' konsumaturi li s-soltu l-prodott tal-assigurazzjoni ma jkunx adattat għalihom.

(8)

Bħala parti mill-arranġamenti ta' sorveljanza u ta' governanza tal-prodotti, jenħtieġ li l-manifatturi jwettqu ttestjar xieraq tal-prodotti tal-assigurazzjoni, inkluż, meta rilevanti, u b'mod partikolari għall-prodotti ta' investiment fl-assigurazzjoni, analiżijiet tax-xenarji, biex ikun żgurat li, tul iċ-ċiklu kollu ta' ħajja tiegħu, il-prodott ikun jissodisfa l-ħtiġijiet, l-objettivi u l-karatteristiċi tas-suq fil-mira. B'mod partikolari, dan jenħtieġ li jinkludi l-valutazzjonijiet tal-prestazzjoni tal-prodotti u l-profil tar-riskji u l-gwadanji. Madankollu jenħtieġ li r-rekwiżit ta' valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-prodott ma jiġix intiż bħala interferenza mal-libertà tal-manifatturi li jistabbilixxu primjums jew bħala kontroll tal-prezzijiet f'xi għamla jew oħra.

(9)

Sabiex ikun żgurat li l-konsumaturi jingħataw konsulenza u informazzjoni xierqa, jenħtieġ li l-manifatturi jagħżlu d-distributuri tal-assigurazzjoni li jkollhom l-għarfien, l-għarfien espert u l-kompetenza neċessarji biex jifhmu l-fatturi ta' prodott tal-assigurazzjoni u s-suq fil-mira identifikat. Għall-istess raġuni, jenħtieġ li dawn, fil-qafas tal-liġi nazzjonali applikabbli li tirregola r-relazzjoni tagħhom mad-distributuri tal-assigurazzjoni inkwistjoni, jagħmlu monitoraġġ u analiżi fuq bażi regolari ta' jekk il-prodott tal-assigurazzjoni jkunx distribwit f'konformità mal-objettivi tal-arranġamenti ta' sorveljanza u ta' governanza tal-prodotti tagħhom u jieħdu azzjoni korrettiva xierqa meta skonthom dan ma jkunx il-każ. Madankollu dan ma għandux iċaħħad lid-distributuri tal-assigurazzjoni milli jiddistribwixxu prodotti tal-assigurazzjoni lill-konsumaturi li ma jkunux jappartjenu għal dak is-suq fil-mira, dment li l-valutazzjoni individwali fil-punt tal-bejgħ tkun tiġġustifika l-konklużjoni li dawk il-prodotti jikkorrispondu għad-domandi u għall-ħtiġijiet ta' dawk il-konsumaturi u, meta applikabbli, li l-prodotti ta' investiment fl-assigurazzjoni jkunu adattati jew xierqa għall-konsumatur.

(10)

Sabiex id-distributuri tal-assigurazzjoni jkunu jistgħu jifhmu mija fil-mija l-prodotti li jkun beħsiebhom jiddistribwixxu, biex ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet ta' distribuzzjoni tagħhom f'konformità mal-aqwa interessi tal-konsumaturi tagħhom, b'mod partikolari billi jipprovdu konsulenza professjonali, jenħtieġ li l-manifatturi jipprovdu l-informazzjoni xierqa kollha lid-distributuri tal-assigurazzjoni dwar dawk il-prodotti tal-assigurazzjoni, inkluż dwar il-proċess tal-approvazzjoni tal-prodotti, is-suq fil-mira identifikat u l-istrateġija ta' distribuzzjoni ssuġġerita. Min-naħa l-oħra, jenħtieġ li d-distributuri tal-assigurazzjoni jkollhom arranġamenti biex jiksbu l-informazzjoni meħtieġa mingħand il-manifatturi b'mod effiċjenti.

(11)

It-tħaddim effiċjenti tal-governanza tal-prodotti jirrikjedi li d-distributuri tal-assigurazzjoni jinfurmaw regolarment lill-manifatturi dwar l-esperjenza tagħhom vis-à-vis il-prodotti tal-assigurazzjoni. Għaldaqstant jenħtieġ li d-distributuri tal-assigurazzjoni jipprovdu lill-manifatturi d-data meħtieġa għar-rieżami tal-prodott tal-assigurazzjoni u jivverifikaw li dawk il-prodotti jibqgħu f'konformità mal-ħtiġijiet, mal-karatteristiċi u mal-objettivi tas-suq fil-mira identifikat mill-manifattur.

(12)

Sabiex ikun evitat ir-riskju ta' detriment għall-konsumatur, jenħtieġ li l-manifatturi u d-distributuri jieħdu azzjoni xierqa meta skonthom il-prodott ma jkunx jew ma jkunx għadu aktar allinjat mal-interessi, mal-objettivi u mal-karatteristiċi tas-suq fil-mira identifikat.

(13)

Sabiex l-awtoritajiet kompetenti u l-professjonisti fl-assigurazzjoni jitħallew jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda li jinsabu f'dan ir-Regolament, id-data tal-bidu tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament jenħtieġ li tkun allinjata mad-data li fiha jibdew japplikaw il-miżuri nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva (UE) 2016/97.

(14)

L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, stabbilita permezz tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), ġiet ikkonsultata għal parir tekniku (3),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli biex jinżammu, ikunu operati u riveduti arranġamenti ta' sorveljanza u ta' governanza tal-prodotti għall-prodotti tal-assigurazzjoni u biex isiru adattamenti sinifikanti tal-prodotti tal-assigurazzjoni eżistenti qabel ma dawk il-prodotti jitqiegħdu fis-suq jew jiġu distribwiti lill-konsumaturi (“proċess tal-approvazzjoni tal-prodotti”), kif ukoll regoli għal arranġamenti ta' distribuzzjoni tal-prodotti għal dawk il-prodotti tal-assigurazzjoni.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-impriżi tal-assigurazzjoni u għall-intermedjarji tal-assigurazzjoni li jimmanifatturaw prodotti tal-assigurazzjoni offruti għall-bejgħ lill-konsumaturi (“manifatturi”), kif ukoll għad-distributuri tal-assigurazzjoni li jipprovdu konsulenza dwar prodotti tal-assigurazzjoni mhux immanifatturati minnhom jew jipproponuhom.

Artikolu 3

Immanifatturar tal-prodotti tal-assigurazzjoni

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 25(1) tad-Direttiva (UE) 2016/97, l-intermedjarji tal-assigurazzjoni għandhom jitqiesu bħala manifatturi meta analiżi kumplessiva tal-attività tagħhom tindika li għandhom rwol ta' teħid tad-deċiżjonijiet fl-iddisinjar u l-iżviluppar ta' prodott ta' assigurazzjoni għas-suq.

2.   Rwol ta' teħid tad-deċiżjonijiet għandu jkun preżunt, b'mod partikolari, meta l-intermedjarji tal-assigurazzjoni jiddeterminaw awtonomament il-fatturi essenzjali u l-elementi ewlenin ta' prodott tal-assigurazzjoni, inklużi l-kopertura, il-prezzijiet, il-kostijiet, ir-riskji, is-suq fil-mira u d-drittijiet ta' garanzija jew kumpens, li ma jiġux immodifikati b'mod sostanzjali mill-impriża tal-assigurazzjoni li tipprovdi l-kopertura għall-prodott tal-assigurazzjoni.

3.   Il-personalizzazzjoni u l-adattament ta' prodotti tal-assigurazzjoni eżistenti fil-kuntest tal-attivitajiet ta' distribuzzjoni tal-assigurazzjoni għall-konsumaturi individwali, kif ukoll id-disinn ta' kuntratti mfassla apposta fuq talba ta' konsumatur wieħed, ma għandhomx jitqiesu bħala mmanifatturar.

4.   Intermedjarju tal-assigurazzjoni u impriża tal-assigurazzjoni li t-tnejn li huma jkunu manifatturi fis-sens tal-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament Delegat, għandhom jiffirmaw ftehim bil-miktub li jispeċifika l-kollaborazzjoni tagħhom biex jikkonformaw mar-rekwiżiti għall-manifatturi msemmija fl-Artikolu 25(1) tad-Direttiva (UE) 2016/97, il-proċedura li permezz tagħhom għandhom jaqblu dwar l-identifikar tas-suq fil-mira u r-rwoli rispettivi tagħhom fil-proċess tal-approvazzjoni tal-prodotti.

KAPITOLU II

REKWIŻITI TA' GOVERNANZA TAL-PRODOTTI GĦALL-MANIFATTURI

Artikolu 4

Il-proċess tal-approvazzjoni tal-prodotti

1.   Il-manifatturi għandhom iżommu, joperaw u jirrieżaminaw proċess tal-approvazzjoni tal-prodotti għall-prodotti tal-assigurazzjoni li jkunu għadhom kemm ġew żviluppati u għal adattamenti sinifikanti tal-prodotti tal-assigurazzjoni eżistenti. Dak il-proċess għandu jkun fih miżuri u proċeduri għall-iddisinjar, monitoraġġ, rieżami u distribuzzjoni tal-prodotti tal-assigurazzjoni, kif ukoll għal azzjoni korrettiva għall-prodotti tal-assigurazzjoni li jkunu ta' detriment għall-konsumaturi. Il-miżuri u l-proċeduri għandhom ikunu proporzjonati mal-livell ta' kumplessità u mar-riskji relatati mal-prodotti, kif ukoll in-natura, l-iskala u l-kumplessità tan-negozju rilevanti tal-manifattur.

2.   Il-proċess tal-approvazzjoni tal-prodotti għandu jkun stipulat f'dokument bil-miktub (“politika ta' sorveljanza u ta' governanza tal-prodotti”), li għandu jkun disponibbli għall-persunal rilevanti.

3.   Il-proċess tal-approvazzjoni tal-prodotti għandu:

(a)

jiżgura li d-disinn tal-prodotti tal-assigurazzjoni jissodisfa l-kriterji li ġejjin:

(i)

jikkunsidra l-objettivi, l-interessi u l-karatteristiċi tal-konsumaturi;

(ii)

ma jolqotx lill-konsumaturi b'mod negattiv;

(iii)

jipprevjeni jew inaqqas id-detriment għall-konsumatur;

(b)

iservi ta' forċina għal ġestjoni kif suppost tal-kunflitti ta' interess.

4.   L-istruttura jew il-korp tal-manifatturi responsabbli għall-immanifatturar tal-prodotti tal-assigurazzjoni għandhom jagħmlu dan kollu li ġej:

(a)

japprovaw u jkunu fl-aħħar mill-aħħar responsabbli biex il-proċess tal-approvazzjoni tal-prodotti jkun stabbilit, implimentat u rieżaminat;

(b)

jivverifikaw kontinwament il-konformità interna ma' dak il-proċess.

5.   Il-manifatturi li jaħtru parti terza biex tiddisinja l-prodotti għan-nom tagħhom għandhom jibqgħu responsabbli mija fil-mija għall-konformità mal-proċess tal-approvazzjoni tal-prodotti.

6.   Il-manifatturi għandhom iwettqu rieżami tal-proċess tal-approvazzjoni tal-prodotti regolarment sabiex jiżguraw li l-proċess ikun għadu validu u aġġornat. Dawn għandhom jemendaw il-proċess tal-approvazzjoni tal-prodotti meta neċessarju.

Artikolu 5

Is-suq fil-mira

1.   Il-proċess tal-approvazzjoni tal-prodotti għandu, għal kull prodott tal-assigurazzjoni, jidentifika s-suq fil-mira u l-grupp ta' konsumaturi kompatibbli. Is-suq fil-mira għandu jkun identifikat f'livell granulari biżżejjed, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi, il-profil tar-riskju, il-kumplessità u n-natura tal-prodott tal-assigurazzjoni.

2.   Il-manifatturi jistgħu, b'mod partikolari għall-prodotti ta' investiment fl-assigurazzjoni, jidentifikaw gruppi ta' konsumaturi li ġeneralment il-prodott tal-assigurazzjoni ma jkunx kompatibbli mal-ħtiġijiet, mal-karatteristiċi u mal-objettivi tagħhom.

3.   Il-manifatturi għandhom jiddisinjaw u jikkummerċjalizzaw biss prodotti tal-assigurazzjoni li jkunu kompatibbli mal-ħtiġijiet, mal-karatteristiċi u mal-objettivi tal-konsumaturi li jappartjenu għas-suq fil-mira. Meta jkunu qed jivvalutaw jekk prodott tal-assigurazzjoni huwiex kompatibbli ma' suq fil-mira, il-manifatturi għandhom iqisu l-livell ta' informazzjoni disponibbli għall-konsumaturi li jappartjenu għal dak is-suq fil-mira u l-litteriżmu finanzjarju tagħhom.

4.   Il-manifatturi għandhom jiżguraw li l-membri tal-persunal involuti fl-iddisinjar u l-immanifatturar tal-prodotti tal-assigurazzjoni jkollhom il-ħiliet, l-għarfien u l-għarfien espert neċessarji biex jifhmu kif suppost il-prodotti tal-assigurazzjoni mibjugħa u l-interessi, l-objettivi u l-karatteristiċi tal-konsumaturi li jappartjenu għas-suq fil-mira.

Artikolu 6

L-ittestjar tal-prodotti

1.   Il-manifatturi għandhom jittestjaw il-prodotti tal-assigurazzjoni tagħhom b'mod xieraq, inklużi analiżijiet tax-xenarji, meta rilevanti, qabel ma jqiegħdu dak il-prodott fis-suq jew jadattawh b'mod sinifikanti, jew f'każ li s-suq fil-mira jkun inbidel b'mod sinifikanti. Dak l-ittestjar tal-prodotti għandu jivvaluta jekk il-prodott tal-assigurazzjoni, tul iċ-ċiklu ta' ħajja tiegħu, jissodisfax il-ħtiġijiet identifikati, l-objettivi u l-karatteristiċi tas-suq fil-mira. Il-manifatturi għandhom jittestjaw il-prodotti tal-assigurazzjoni tagħhom b'mod kwalitattiv u, skont it-tip u n-natura tal-prodott tal-assigurazzjoni u r-riskju relatat ta' detriment għall-konsumaturi, b'mod kwantitattiv.

2.   Il-manifatturi ma għandhomx iqiegħdu prodotti tal-assigurazzjoni fis-suq jekk ir-riżultati tal-ittestjar tal-prodotti jindikaw li l-prodotti ma jissodisfawx il-ħtiġijiet, l-objettivi u l-karatteristiċi tas-suq fil-mira.

Artikolu 7

Il-monitoraġġ u r-rieżami tal-prodotti

1.   Il-manifatturi għandhom iwettqu monitoraġġ kontinwu tal-prodotti tal-assigurazzjoni li jkunu qiegħdu fis-suq, u jirrieżaminawhom regolarment biex jidentifikaw avvenimenti li jistgħu jolqtu b'mod materjali l-fatturi prinċipali, il-kopertura tar-riskji jew il-garanziji ta' dawk il-prodotti. Huma għandhom jivvalutaw jekk il-prodotti tal-assigurazzjoni jkunux baqgħu konsistenti mal-ħtiġijiet, mal-karatteristiċi u mal-objettivi tas-suq fil-mira identifikat u jekk dawk il-prodotti jkunux qed jiġu distribwiti lis-suq fil-mira jew ikunu qed jaslu għand konsumaturi barra mis-suq fil-mira.

2.   Il-manifatturi għandhom jiddeterminaw iż-żmien xieraq bejn rieżami u ieħor għar-rieżami regolari tal-prodotti tal-assigurazzjoni tagħhom, u b'hekk iqisu d-daqs, l-iskala, it-tul taż-żmien kuntrattwali u l-kumplessità ta' dawk il-prodotti tal-assigurazzjoni, il-kanali ta' distribuzzjoni rispettivi tagħhom, u kull fattur estern rilevanti bħal bidliet għar-regoli ġuridiċi applikabbli, żviluppi teknoloġiċi, jew bidliet fil-qagħda tas-suq.

3.   Il-manifatturi li, tul iċ-ċiklu ta' ħajja ta' prodott tal-assigurazzjoni, jidentifikaw xi ċirkostanza relatata mal-prodott tal-assigurazzjoni li tista' tolqot negattivament lill-konsumatur ta' dak il-prodott, għandhom jieħdu azzjoni xierqa biex irażżnu s-sitwazzjoni u jipprevjenu okkorrenzi ulterjuri tal-avveniment detrimentali. Il-manifatturi għandhom jinfurmaw minnufih lill-konsumaturi u lid-distributuri tal-assigurazzjoni kkonċernati dwar l-azzjoni korrettiva li tkun ittieħdet.

Artikolu 8

Il-kanali ta' distribuzzjoni

1.   Il-manifatturi għandhom jagħżlu bir-reqqa l-kanali ta' distribuzzjoni li huma adattati għas-suq fil-mira, u b'hekk iqisu l-karatteristiċi partikolari tal-prodotti tal-assigurazzjoni rilevanti.

2.   Il-manifatturi għandhom jipprovdu l-informazzjoni xierqa lid-distributuri tal-assigurazzjoni dwar il-prodotti tal-assigurazzjoni, is-suq fil-mira identifikat u l-istrateġija ta' distribuzzjoni ssuġġerita, inkluża informazzjoni dwar il-fatturi u l-karatteristiċi ewlenin tal-prodotti tal-assigurazzjoni, ir-riskji u l-kostijiet tagħhom, inklużi kostijiet impliċiti, u kull ċirkostanza li jaf tikkawża kunflitt ta' interess għad-detriment tal-konsumatur. Dik l-informazzjoni għandha tkun ċar, kompluta u aġġornata.

3.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tippermetti lid-distributuri tal-assigurazzjoni:

(a)

jifhmu l-prodotti tal-assigurazzjoni;

(b)

ikollhom komprensjoni tas-suq fil-mira identifikat għall-prodotti tal-assigurazzjoni;

(c)

jidentifikaw kwalunkwe konsumatur li l-prodott tal-assigurazzjoni ma jkunx kompatibbli mal-ħtiġijiet, mal-karatteristiċi u mal-objettivi tiegħu;

(d)

iwettqu attivitajiet ta' distribuzzjoni għall-prodotti tal-assigurazzjoni rilevanti f'konformità mal-aqwa interessi tal-konsumaturi tagħhom kif preskritt fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva (UE) 2016/97.

4.   Il-manifatturi għandhom jieħdu l-passi xierqa biex iwettqu monitoraġġ li d-distributuri tal-assigurazzjoni jkunu qed jaġixxu f'konformità mal-objettivi tal-proċess tal-approvazzjoni tal-prodotti tal-manifatturi. Huma għandhom, b'mod partikolari, jivverifikaw jekk il-prodotti tal-assigurazzjoni jkunux qed jiġu distribwiti fis-suq fil-mira identifikat. Dak l-obbligu ta' monitoraġġ ma għandux jestendi għar-rekwiżiti regolatorji ġenerali li magħhom iridu jikkonformaw id-distributuri tal-assigurazzjoni meta jwettqu attivitajiet ta' distribuzzjoni tal-assigurazzjoni għall-konsumaturi individwali. L-attivitajiet ta' monitoraġġ għandhom ikunu raġonevoli, filwaqt li jqisu l-karatteristiċi u l-qafas ġuridiku tal-kanali ta' distribuzzjoni rispettivi.

5.   Il-manifatturi li jqisu li d-distribuzzjoni tal-prodotti tal-assigurazzjoni tagħhom ma tkunx f'konformità mal-objettivi tal-proċess tal-approvazzjoni tal-prodotti, għandhom jieħdu azzjoni korrettiva xierqa.

Artikolu 9

Dokumentazzjoni

L-azzjonijiet rilevanti meħuda mill-manifatturi f'rabta mal-proċess tal-approvazzjoni tal-prodotti tagħhom għandhom ikunu dokumentati kif dovut, miżmuma għal skopijiet ta' awditjar u meta ssir talba jitqiegħdu għad-disponibbiltà tal-awtoritajiet kompetenti.

KAPITOLU III

REKWIŻITI TA' GOVERNANZA TAL-PRODOTTI GĦAD-DISTRIBUTURI TAL-ASSIGURAZZJONI

Artikolu 10

Arranġamenti ta' distribuzzjoni tal-prodotti

1.   Id-distributuri tal-assigurazzjoni għandu jkollhom arranġamenti ta' distribuzzjoni tal-prodotti li jkun fihom miżuri u proċeduri xierqa sabiex jiksbu mingħand il-manifattur l-informazzjoni xierqa kollha dwar il-prodotti tal-assigurazzjoni li jkun beħsiebhom joffru lill-konsumaturi tagħhom u biex ikollhom komprensjoni kompluta ta' dawk il-prodotti tal-assigurazzjoni, filwaqt li jqisu l-livell ta' kumplessità u r-riskji relatati mal-prodotti kif ukoll in-natura, l-iskala u l-kumplessità tan-negozju rilevanti tad-distributur.

Id-distributuri tal-assigurazzjoni għandhom jistipulaw l-arranġamenti ta' distribuzzjoni tal-prodotti f'dokumenti bil-miktub u jqiegħduh għad-disponibbiltà tal-persunal rilevanti tagħhom.

2.   L-arranġamenti ta' distribuzzjoni tal-prodotti għandhom:

(a)

jimmiraw għall-prevenzjoni u għat-tnaqqis tad-detriment tal-konsumatur;

(b)

iservu ta' forċina għal ġestjoni kif suppost tal-kunflitti ta' interess;

(c)

jiżguraw li l-objettivi, l-interessi u l-karatteristiċi tal-konsumaturi jitqiesu kif dovut.

3.   L-arranġamenti ta' distribuzzjoni tal-prodotti għandhom jiżguraw li d-distributuri tal-assigurazzjoni jiksbu mingħand il-manifattur l-informazzjoni li trid tiġi kkomunikata skont l-Artikolu 8(2).

4.   Kull strateġija speċifika ta' distribuzzjoni stabbilita jew applikata mid-distributuri tal-assigurazzjoni għandha tkun f'konformità mal-istrateġija ta' distribuzzjoni stabbilita u mas-suq fil-mira identifikat mill-manifattur.

5.   L-istruttura jew il-korp tad-distributuri tal-assigurazzjoni responsabbli għad-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni għandhom japprovaw u jkunu fl-aħħar mill-aħħar responsabbli biex l-arranġamenti ta' distribuzzjoni tal-prodotti jkunu stabbiliti, implimentati u rieżaminati u għandhom jivverifikaw kontinwament il-konformità interna ma' dawk l-arranġamenti.

6.   Id-distributuri tal-assigurazzjoni għandhom iwettqu rieżami tal-arranġamenti ta' distribuzzjoni tal-prodotti regolarment sabiex jiżguraw li dawk l-arranġamenti jkunu għadhom validi u aġġornati. Fejn ikun xieraq, huma għandhom jemendaw l-arranġamenti ta' distribuzzjoni tal-prodotti. Id-distributuri tal-assigurazzjoni li jkunu stabbilew jew japplikaw strateġija speċifika ta' distribuzzjoni, għandhom, fejn ikun xieraq, jemendaw dik l-istrateġija fid-dawl tal-eżitu tar-rieżami tal-arranġamenti ta' distribuzzjoni tal-prodotti. Meta jkunu qed jirrevedu l-arranġamenti ta' distribuzzjoni tal-prodotti, id-distributuri tal-assigurazzjoni għandhom jivverifikaw li l-prodotti tal-assigurazzjoni jkunu qed jiġu distribwiti lis-suq fil-mira identifikat.

Id-distributuri tal-assigurazzjoni għandhom jiddeterminaw iż-żmien xieraq bejn rieżami u ieħor għar-rieżami regolari tal-arranġamenti ta' distribuzzjoni tal-prodotti tagħhom, u b'hekk iqisu d-daqs, l-iskala u l-kumplessità tal-prodotti tal-assigurazzjoni differenti involuti

Sabiex jagħtu l-appoġġ tagħhom għar-rieżamijiet imwettqa mill-manifatturi, id-distributuri tal-assigurazzjoni għandhom, meta ssirilhom talba, jipprovdu lill-manifatturi l-informazzjoni rilevanti dwar il-bejgħ, inkluża, meta jkun xieraq, informazzjoni dwar ir-rieżamijiet regolari tal-arranġamenti ta' distribuzzjoni tal-prodotti.

Artikolu 11

L-infurmar lill-manifattur

Id-distributuri tal-assigurazzjoni li jiġu akkonoxxenza li prodott tal-assigurazzjoni mhuwiex konformi mal-interessi, mal-objettivi u mal-karatteristiċi tas-suq fil-mira identifikat tiegħu jew jiġu akkonoxxenza ta' ċirkostanzi oħra relatati mal-prodott li jistgħu jolqtu lill-konsumatur b'mod negattiv, għandhom jinfurmaw minnufih lill-manifattur u, meta jkun xieraq, jemendaw l-istrateġija ta' distribuzzjoni tagħhom għal dak il-prodott tal-assigurazzjoni.

Artikolu 12

Dokumentazzjoni

L-azzjonijiet rilevanti meħuda mid-distributuri tal-assigurazzjoni f'rabta mal-arranġamenti tad-distribuzzjoni tal-prodotti tagħhom għandhom ikunu dokumentati kif dovut, miżmuma għal skopijiet ta' awditjar u meta ssir talba jitqiegħdu għad-disponibbiltà tal-awtoritajiet kompetenti.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 13

Id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-23 ta' Frar 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Settembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 26, 2.2.2016, p. 19.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).

(3)  Parir Tekniku dwar atti delegati possibbli li jikkonċernaw id-Direttiva dwar id-Distribuzzjoni tal-Assigurazzjoni, EIOPA-17/048, l-1 ta' Frar 2017, disponibbli hawnhekk: https://eiopa.europa.eu/Publications/Consultations/EIOPA%20Technical%20Advice%20on%20the%20IDD.pdf#search=Technical%20Advice%2017%2F048