19.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 338/1


REGOLAMENT (UE) 2017/2321 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-12 ta' Diċembru 2017

li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1036 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament (UE) 2016/1037 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Bir-Regolament (UE) 2016/1036 (2) il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw regoli komuni għall-protezzjoni kontra importazzjonijiet oġġett ta' dumping minn pajjiżi li mhumiex Stati Membri tal-Unjoni.

(2)

L-Artikolu 2(7) tar-Regolament (UE) 2016/1036 jikkostitwixxi l-bażi li fuqha jenħtieġ li jiġi determinat il-valur normali fil-każ ta' importazzjonijiet minn pajjiżi li mhumiex ekonomiji tas-suq. Bil-ħsieb ta' żviluppi fir-rigward ta' ċerti pajjiżi, huwa xieraq li l-valur normali jiġi determinat abbażi tar-Regolament (UE) 2016/1036 kif emendat minn dan ir-Regolament, b'effett mill-20 ta' Diċembru 2017. Fil-każ ta' pajjiżi li, fid-data tal-bidu ta' investigazzjoni, mhumiex Membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), il-valur normali jenħtieġ li jiġi determinat skont metodoloġija speċifika fformulata għal dawk il-pajjiżi. Dan ir-Regolament hu mingħajr preġudizzju għad-determinazzjoni dwar jekk Membru tad-WTO huwiex ekonomija tas-suq jew għat-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-protokolli u fi strumenti oħrajn li skonthom il-pajjiżi aderew mal-Ftehim ta' Marrakexx li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ li ntlaħaq fil-15 ta' April 1994 (4).

(3)

Fid-dawl tal-esperjenza miksuba fi proċedimenti tal-passat, huwa xieraq li jiġu ċċarati ċ-ċirkostanzi fejn id-distorsjonijiet sinifikanti li jaffettwaw b'mod konsiderevoli l-forzi tas-suq ħieles jistgħu jitqiesu li jeżistu. B'mod partikolari, huwa xieraq li jiġi ċċarat li dan huwa każ meta prezzijiet jew kostijiet irrappurtati, inklużi l-kostijiet ta' materji primi u ta' enerġija, ma jkunux ir-riżultat ta' forzi tas-suq ħieles għax huma affettwati minn intervent sostanzjali tal-gvern. Huwa wkoll xieraq li jiġi ċċarat li meta tkun valutata l-eżistenza ta' distorsjonijiet sinifikanti jenħtieġ li tingħata attenzjoni, inter alia, lill-impatt potenzjali ta' element wieħed jew aktar mis-segwenti: is-suq inkwistjoni huwa f'miżura sinifikanti servut minn intrapriżi li joperaw taħt is-sjieda, kontroll jew superviżjoni ta' politika jew gwida tal-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur; il-preżenza tal-istat f'ditti li jippermettu lill-istat jinterferixxi fir-rigward tal-prezzijiet jew kostijiet; politiki jew miżuri pubbliċi li jiddiskriminaw favur fornituri domestiċi jew li b'mod ieħor jinfluwenzaw il-forzi tas-suq ħieles;in-nuqqas, l-applikazzjoni diskriminatorja jew l-infurzar inadegwat tal-liġijiet fil-qasam tal-fallimenti, dak soċjetarju jew dak tal-proprjetà; id-distorsjoni tal-kostijiet tal-pagi; l-aċċess għall-finanzi mogħtija minn istituzzjonijiet li jimplimentaw objettivi ta' ordni pubbliku jew li b'xi mod ieħor ma jaġixxux indipendentement mill-Istat.

(4)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tipproduċi, tippubblika u taġġorna regolarment ir-rapporti dwar distorsjonijiet sinifikanti, li jistgħu potenzjalment jirriżultaw f'investigazzjoni antidumping, li jiddeskrivu ċ-ċirkostanzi tas-suq relatati ma' dawk il-każijiet f'ċertu pajjiż jew f'ċertu settur. Tali rapporti u l-evidenza li fuqha huma bbażati jenħtieġ li jitqiegħdu fuq il-fajl ta' kull investigazzjoni relatata ma' dak il-pajjiż jew settur. F'tali investigazzjonijiet, il-partijiet interessati jenħtieġ li jkollhom biżżejjed opportunità biex jikkummentaw fuq ir-rapporti u l-evidenza li fuqha huma bbażati. Fil-valutazzjoni tal-eżistenza ta' distorsjonijiet sinifikanti, l-istandards internazzjonali rilevanti, fosthom il-konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u l-konvenzjonijiet ambjentali multilaterali rilevanti, jenħtieġ li jitqiesu, skont il-każ.

(5)

Il-kostijiet normalment jiġu kkalkulati fuq abbażi tar-rekords miżmuma mill-esportatur u produttur taħt investigazzjoni. Madankollu, fejn hemm distorsjonijiet diretti jew indiretti sinifikanti fil-pajjiż esportatur bil-konsegwenza li l-kostijiet riflessi fir-rekords tal-parti kkonċernata huma artifiċjalment baxxi, tali kostijiet jistgħu jiġu aġġustati jew stabbiliti fuq kull bażi raġonevoli, inkluża informazzjoni minn swieq rappreżentattivi oħrajn jew minn prezzijiet jew valuri ta' riferiment internazzjonali. Il-kostijiet domestiċi jistgħu wkoll jintużaw, iżda sal-punt biss li jkunu stabbiliti pożittivament biex ma jkunux soġġetti għal distorsjoni, fuq abbażi ta' evidenza preċiża u xierqa.

(6)

Meta d-data tinkiseb mill-pajjiżi rappreżentattivi u l-Kummissjoni jkollha tistabbilixxi jekk il-livell tal-protezzjoni soċjali u ambjentali f'tali pajjiżi huwiex adegwat, huwa neċessarju li l-Kummissjoni teżamina jekk dawk il-pajjiżi jirrispettawx il-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO u konvenzjonijiet ambjentali multilaterali rilevanti.

(7)

Meta parti mill-kostijiet għall-esportatur u produttur tkun distorta, inkluż fil-każijiet li fihom ċerta data tkun inkisbet minn sorsi differenti, dik il-parti tal-kostijiet jenħtieġ li tkun sostitwita minn kostijiet mhux distorti. Fid-dawl tal-esperjenza miksuba fi proċedimenti fil-passat,huwa xieraq li jiġi ċċarat ukoll li, għall-għanijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta' distorsjonijiet sinifikanti f'pajjiż terz, jenħtieġ li tiġi kkunsidrata kif dovut rigward l-evidenza kollha rilevanti rigward iċ-ċirkostanzi prevalenti fuq is-suq domestiku tal-esportaturi u produtturi minn dak il-pajjiż, li tpoġġiet fuq il-fajl, u li fuqha l-partijiet interessati kellhom opportunità jikkummentaw, inkluża opportunità għal dawk l-esportaturi u produtturi biex juru b'mod konklużiv li l-kostijiet domestiċi tagħhom huma mingħajr distorsjoni. Meta disponibbli, tali evidenza tinkludi rapporti rilevanti. L-indikazzjonijiet dwar l-eżistenza ta' distorsjonijiet sinifikanti jistgħu wkoll ikunu ppreżentati mill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inkluża l-industrija u t-trade unions tal-Unjoni. Tali indikazzjonijiet u l-bżonn li jkun evitat kwalunkwe piż addizzjonali għall-industrija tal-Unjoni, hija u tuża l-istrument antidumping, partikolarment fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet ekonomiċi u kummerċjali tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju, jenħtieġ li jitqiesu meta tittieħed id-deċiżjoni dwar it-tħejjija jew l-aġġornament tar-rapporti rilevanti.

(8)

Fir-rigward tal-metodoloġija użata fl-investigazzjoni oriġinali u li għandha tintuża fl-investigazzjoni ta' rieżami, japplika l-Artikolu 11(9) tar-Regolament (UE) 2016/1036. F'dak il-kuntest, huwa xieraq li jiġi ċċarat ukoll li, meta jiġi eżaminat jekk hemmx indikazzjoni li ċ-ċirkostanzi nbidlu, jenħtieġ li tiġi kkunsidrata kif dovut l-evidenza kollha rilevanti, inklużi rapporti rilevanti rigward iċ-ċirkostanzi prevalenti fis-suq domestiku tal-esportaturi u produtturi u l-evidenza li fuqha huma bbażati, li tpoġġiet fuq il-fajl, u li fuqha l-partijiet interessati kellhom opportunità jikkummentaw.

(9)

Fin-nuqqas ta' regoli tranżizzjonali speċifiċi oħrajn li jirregolaw il-kwistjoni, huwa xieraq li tiġi prevista l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għad-deċiżjonijiet kollha dwar il-bidu ta' proċedimenti, u għall-proċedimenti kollha, inklużi l-investigazzjonijiet oriġinali u l-investigazzjonijiet ta' rieżami, mibdija, fl-20 ta' Diċembru 2017 jew wara dik id-data, soġġett għall-Artikolu 11(9) tar-Regolament (UE) 2016/1036. Barra minn hekk, permezz ta' regola tranżizzjonali speċifika għall-miżuri eżistenti, u wara li jkun ġie kkunsidrat in-nuqqas ta' xi regoli tranżizzjonali speċifiċi oħrajn li jirregolaw il-kwistjoni, fil-każ ta' tranżizzjoni minn valur normali kkalkulat skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament (UE) 2016/1036 għal valur normali kkalkulat skont il-metodoloġija stabbilita fir-Regolament (UE) 2016/1036 kif emendat minn dan ir-Regolament, il-metodoloġija oriġinali jenħtieġ li tkompli tapplika sa meta jinbeda l-ewwel rieżami ta' skadenza wara tali tranżizzjoni. Bil-ħsieb ta' tnaqqis tar-riskju ta' ċirkomvenzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, l-istess approċċ jenħtieġ li japplika fir-rigward tar-rieżamijiet imwettqa skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (UE) 2016/1036. Huwa xieraq ukoll li jiġi mfakkar li tranżizzjoni minn valur normali kkalkulat skont l-Artikolu 2(7) għal valur normali kkalkulat skont il-metodoloġija stabbilita fir-Regolament (UE) 2016/1036 kif emendat minn dan ir-Regolament minnha nnifisha ma tikkostitwixxix biżżejjed evidenza fis-sens tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2016/1036. Jenħtieġ li tali regoli tranżizzjonali ineħħu lacuna li tista' toħloq inċertezza tad-dritt, jipprovdu opportunità raġonevoli biex il-partijiet interessati jkunu jistgħu jadattaw ruħhom għall-iskadenza ta' regoli antiki u għad-dħul fis-seħħ tar-regoli l-ġodda, u jiffaċilitaw l-amministrazzjoni effiċjenti, ordnata u ekwa tar-Regolament (UE) 2016/1036.

(10)

Bir-Regolament (UE) 2016/1037 (5), il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw regoli komuni għall-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex Stati Membri tal-Unjoni. L-esperjenza wriet li l-entità reali tas-sussidji ġeneralment tiġi skoperta matul l-investigazzjoni rilevanti. B'mod partikolari, l-esportaturi investigati frekwentement jinsabu li jibbenefikaw minn sussidji li l-eżistenza tagħhom ma setgħetx tkun magħrufa raġonevolment qabel ma ssir l-investigazzjoni. Huwa xieraq li jiġi ċċarat li, meta tali sussidji jinstabu matul xi investigazzjoni jew rieżami partikolari, il-Kummissjoni jenħtieġ li toffri konsultazzjonijiet addizzjonali lill-pajjiż tal-oriġini u/jew tal-esportazzjoni kkonċernat fir-rigward ta' tali sussidji identifikati matul l-investigazzjoni. Fin-nuqqas ta' regoli tranżizzjonali speċifiċi oħrajn li jirregolaw il-kwistjoni, huwa xieraq li tiġi prevista l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għad-deċiżjonijiet kollha dwar il-bidu ta' proċedimenti, u għall-proċedimenti kollha, inklużi l-investigazzjonijiet oriġinali u l-investigazzjonijiet ta' rieżami, mibdija, fl-20 ta' Diċembru 2017 jew wara dik id-data.

(11)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2016/1036 u r-Regolament (UE) 2016/1037 jiġu emendati skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2016/1036 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“6a.

(a)

Fil-każ li jiġi determinat, meta tiġi applikata din id-dispożizzjoni jew kwalunkwe dispożizzjoni oħra rilevanti ta' dan ir-Regolament, li mhuwiex xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi fil-pajjiż esportatur minħabba l-eżistenza f'dak il-pajjiż ta' distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-punt (b), il-valur normali għandu jiġi kkalkolat esklużivament abbażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew valuri ta' riferiment mingħajr distorsjoni, soġġett għar-regoli segwenti.

Is-sorsi li l-Kummissjoni tista' tuża jinkludu:

kostijiet korrispondenti ta' produzzjoni u bejgħ f'pajjiż rappreżentattiv xieraq b'livell simili ta' żvilupp ekonomiku bħall-pajjiż esportatur, sakemm id-data rilevanti tkun disponibbli fil-pront; f'każ li tali pajjiż jkunu aktar minnwieħed, għandha tingħata preferenza, meta jkun il-każ, lill-pajjiżi li għandhom livell adegwat ta' protezzjoni soċjali u ambjentali;

jekk tqis li huwa xieraq, il-prezzijiet, il-kostijiet, jew il-valuri ta' riferiment internazzjonali mingħajr distorsjoni; jew

kostijiet domestiċi, iżda sal-punt biss li jkunu stabbiliti pożittivament biex ma jkunux soġġetti għal distorsjoni, abbażi ta' evidenza preċiża u xierqa, inkluż il-qafas tad-dispożizzjonijiet dwar il-partijiet interessati fil-punt (c).

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17, dik il-valutazzjoni għandha ssir separatament għal kull esportatur u produttur.

Il-valur normali maħdum għandu jinkludi ammont raġonevoli u mingħajr distorsjoni għal kostijiet amministrattivi, tal-bejgħ u ġenerali u għal profitti.

(b)

Id-distorsjonijiet sinifikanti huma dawk id-distorsjonijiet li jseħħu meta prezzijiet jew kostijiet irrappurtati, inklużi l-kostijiet ta' materji primi u ta' enerġija, ma jkunux ir-riżultat ta' forzi tas-suq ħieles għax ikunu affettwati minn intervent sostanzjali tal-gvern. Meta tkun valutata l-eżistenza ta' distorsjonijiet sinifikanti għandha tingħata attenzjoni, inter alia, lill-impatt potenzjali ta' element wieħed jew aktar mis-segwenti:

is-suq inkwistjoni huwa servut f'miżura sinifikanti minn intrapriżi li joperaw taħt is-sjieda, kontroll jew superviżjoni politika jew gwida tal-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur;

il-preżenza tal-istat f'ditti li jippermettu lill-istat jinterferixxi fir-rigward tal-prezzijiet jew kostijiet;

politiki jew miżuri pubbliċi li jiddiskriminaw favur fornituri domestiċi jew li b'mod ieħor jinfluwenzaw il-forzi tas-suq ħieles;

in-nuqqas, l-applikazzjoni diskriminatorja jew l-infurzar inadegwat tal-liġijiet fil-qasam tal-fallimenti, dak soċjetarju jew dak tal-proprjetà;

il-kostijiet tal-pagi soġġetti għal distorsjoni;

l-aċċess għall-finanzi mogħtija minn istituzzjonijiet li jimplimentaw objettivi ta' ordni pubbliku jew li b'xi mod ieħor ma jaġixxux indipendentement mill-Istat.

(c)

Fejn il-Kummissjoni jkollha indikazzjonijiet fondati sew tal-eżistenza potenzjali ta' distorsjonijiet sinifikanti kif imsemmija fil-punt (b) f'ċertu pajjiż jew f'ċertu settur f'dak il-pajjiż, u fejn ikun xieraq għall-applikazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tipproduċi, tippubblika u taġġorna regolarment rapport li jiddeskrivi ċ-ċirkostanzi tas-suq imsemmija fil-punt (b) f'dak il-pajjiż jew settur. Tali rapporti u l-evidenza li fuqha huma bbażati għandhom jitqiegħdu fil-fajl ta' kull investigazzjoni relatata ma' dak il-pajjiż jew settur. Il-partijiet interessati għandu jkollhom biżżejjed opportunità biex jirrespinġu, iżidu, jikkummentaw jew joqogħdu fuq ir-rapport u l-evidenza li fuqha huwa bbażat f'kull investigazzjoni li fiha jintużaw tali rapport jew evidenza. Fil-valutazzjoni tal-eżistenza ta' distorsjonijiet sinifikanti, il-Kummissjoni għandha tqis l-evidenza rilevanti kollha preżenti fuq il-fajl ta' investigazzjoni.

(d)

Fil-preżentazzjoni ilment skont l-Artikolu 5, jew talba għal rieżami skont l-Artikolu 11, l-industrija tal-Unjoni tista' tibbaża ruħha fuq l-evidenza fir-rapport imsemmi fil-punt (c) ta' dan il-paragrafu, meta tissodisfa l-istandard tal-evidenza fid-dawl tal-Artikolu 5(9), biex tiġġustifika l-kalkolu tal-valur normali.

(e)

Fejn il-Kummissjoni tikkunsidra li jkun hemm biżżejjed evidenza, skont l-Artikolu 5(9), ta' distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-punt (b) ta' dan il-paragrafu u tiddeċiedi li tibda investigazzjoni fuq tali bażi, in-notifika ta' bidu għandha tispeċifika dak il-fatt. Il-Kummissjoni għandha tiġbor id-data neċessarja biex jinħadem il-valur normali skont il-punt (a) ta' dan il-paragrafu.

Il-partijiet fl-investigazzjoni għandhom jiġu infurmati fil-pront wara l-bidu tagħha dwar is-sorsi rilevanti li l-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tuża għall-għan li jiġi determinat il-valur normali skont il-punt (a) ta' dan il-paragrafu u għandhom jingħataw għaxart (10) ijiem biex jikkummentaw. Għal dak l-għan, il-partijiet interessati għandom jingħataw aċċess għall-fajl, li għandu jinkludi kull evidenza li fuqha tibbaża ruħha l-awtorità investigattiva, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 19. Kull evidenza dwar l-eżistenza ta' distorsjonijiet sinifikanti tista' titqies biss jekk tkun tista' tiġi verifikata b'mod puntwali fi ħdan l-investigazzjoni, skont l-Artikolu 6(8).”;

(2)

Fl-Artikolu 2, il-paragrafu 7 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“7.   Fil-każ ta' importazzjonijiet minn pajjiżi li, fid-data tal-bidu tal-investigazzjoni, mhumiex membri tad-WTO u elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), il-valur normali għandu jiġi ddeterminat abbażi tal-prezz jew valur maħdum f'pajjiż rappreżentattiv xieraq, jew il-prezz minn tali pajjiż terz għal pajjiżi oħrajn, inkluża l-Unjoni, jew fejn dawk mhumiex possibbli, fuq kull bażi raġonevoli oħra, inkluż il-prezz imħallas realment jew pagabbli fl-Unjoni għall-prodott simili, aġġustat kif xieraq jekk neċessarju biex jinkludi marġni tal-profitt raġonevoli.

Il-pajjiż rappreżentattiv xieraq għandu jiġi magħżul b'mod raġonevoli, filwaqt li titqies kull informazzjoni kredibbli disponibbli fiż-żmien tal-għażla, u b'mod partikolari, l-kooperazzjoni minn tal-anqas esportatur u produttur wieħed f'dak il-pajjiż. F'każ li jkun tali pajjiżi jkunu aktar minn wieħed, għandha tingħata preferenza, meta jkun il-każ, lill-pajjiżi li għandhom livell adegwat ta' protezzjoni soċjali u ambjentali. Għandhom jitqiesu wkoll il-limiti taż-żmien. Fejn xieraq, għandu jintuża pajjiż rappreżentant xieraq li huwa soġġett għall-istess investigazzjoni.

Il-partijiet għall-investigazzjoni għandhom jiġu infurmati fil-pront wara l-bidu tagħha dwar il-pajjiż previst u għandhom jingħataw għaxart (10) ijiem biex jikkummentaw.

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 33).”"

(3)

Fl-Artikolu 11(3), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Fejn il-miżuri antidumping eżistenti huma bbażati fuq valur normali kkalkulat skont l-Artikolu 2(7) kif kien fis-seħħ fid-19 ta' Diċembru 2017, il-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 2(1) sa (6a) għandha tissostitwixxi l-metodoloġija oriġinali użata għad-determinazzjoni tal-valur normali biss mid-data meta jinbeda l-ewwel rieżami ta' skadenza ta' dawk il-miżuri, wara d-19 ta' Diċembru 2017. Skont l-Artikolu 11(2), dawk il-miżuri għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm jibqa' pendenti l-eżitu tar-rieżami.”

(4)

Fl-Artikolu 11(4), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Meta l-miżuri antidumping eżistenti huma bbażati fuq valur normali kkalkulat skont l-Artikolu 2(7) kif kien fis-seħħ fid-19 ta' Diċembru 2017, il-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 2(1) sa (6a) għandha tissostitwixxi l-metodoloġija oriġinali użata għad-determinazzjoni tal-valur normali biss wara d-data li fiha jinbeda l-ewwel rieżami ta' skadenza ta' tali miżuri, wara l-20 ta' Diċembru 2017. Skont l-Artikolu 11(2), dawk il- miżuri għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm jibqa' pendenti l-eżitu tar-rieżami.”;

(5)

Fl-Artikolu 11(9), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Fir-rigward taċ-ċirkostanzi rilevanti għad-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2, għandha tiġi kkunsidrata kif dovut l-evidenza kollha rilevanti, inklużi r-rapporti rilevanti rigward iċ-ċirkostanzi prevalenti fuq is-suq domestiku tal-esportaturi u produtturi u l-evidenza li fuqha huma bbażati, li tpoġġiet fuq il-fajl, u li fuqha l-partijiet interessati kellhom opportunità jikkummentaw.”;

(6)

L-Artikolu 23 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 23

Rapport u informazzjoni

1.   Il-Kummissjoni, b'rispett dovut għall-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali fis-sens tal-Artikolu 19, għandha tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta' miżuri provviżorji u definittivi, it-terminazzjoni ta' investigazzjonijiet mingħajr miżuri, investigazzjonijiet mill-ġdid, rieżamijiet, distorsjonijiet sinifikanti u żjarat ta' verifika, u l-attivitajiet tad-diversi korpi responsabbli mill-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u s-sodisfazzjon tal-obbligi derivati minnu.

2.   Il-Parlament Ewropew jista' jistieden lill-Kummissjoni għal laqgħa ad hoc tal-kumitat reponsabbli tiegħu biex tippreżenta u tispjega kwalunkwe kwistjoni relatata mal-implimentazzjoni tar-Regolament. Barra minn hekk, jista', inter alia abbażi tar-rapport skont il-paragrafu 1 u l-preżentazzjoni u l-ispjegazzjonijiet imsemmija f'dan il-paragrafu, jikkomunika kwalunkwe kunsiderazzjoni u fatt rilevanti lill-Kummissjoni.

3.   Mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-preżentazzjoni tar-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tagħmel ir-rapport pubbliku.”.

Artikolu 2

Fl-Artikolu 10(7) tar-Regolament (UE) 2016/1037, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha toffri wkoll konsultazzjonijiet lill-pajjiż ta' oriġini u/jew esportazzjoni kkonċernat fir-rigward ta' sussidji oħrajn identifikati matul l-investigazzjoni. F'dawk is-sitwazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-pajjiż ta' oriġini u/jew esportazzjoni sommarju tal-elementi prinċipali dwar sussidji oħrajn, b'mod partikolari dawk imsemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 2. Jekk is-sussidji addizzjonali mhumiex koperti bin-notifika ta' bidu, in-notifika ta' bidu għandha tiġi emendata u l-verżjoni emendata ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-partijiet interessati kollha għandhom jingħataw żmien addizzjonali u suffiċjenti biex jikkummentaw.”.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu japplika għad-deċiżjonijiet kollha dwar il-bidu tal-proċedimenti, u għall-proċedimenti kollha, inklużi l-investigazzjonijet oriġinali u l-investigazzjonijiet ta' rieżami, mibdija fid-data li fiha dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ jew wara dik id-data.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-12 ta' Diċembru 2017.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

M. MAASIKAS


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Novembru 2017 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-4 ta' Diċembru 2017.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar regoli komuni għall-importazzjoni minn ċerti pajjiżi terzi (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 33).

(4)  ĠU L 336, 23.12.1994, p. 3.

(5)  Ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55).


Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-arranġament tranżitorju

Il-Kummissjoni tfakkar li l-metodu l-ġdid għandu l-għan li jżomm protezzjoni kontinwa tal-industrija tal-Unjoni kontra l-prattiki kummerċjali żleali, b'mod partikolari dawk li jirriżultaw f'distorsjonijiet sinifikanti tas-suq. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ser tiżgura li l-industrija tal-Unjoni ma ġġarrab ebda piż addizzjonali meta tkun qed tfittex il-protezzjoni offruta mill-istrument tal-antidumping, b'mod partikolari fil-kuntest ta' talbiet potenzjali ta' rieżami fl-ambitu tal-iskadenza tal-miżuri mdaħħla wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-metodu l-ġdid.


Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 23 u dwar l-interazzjoni mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill

Il-Kummissjoni ser tgħarraf lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kull darba li jkun beħsiebha tistabbilixxi jew taġġorna rapport skont l-Artikolu 2(6)(a), punt (c) tar-Regolament bażiku. Meta l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jgħarrfu lill-Kummissjoni li huma jqisu li l-kondizzjonijiet għall-istabbiliment jew l-aġġornament ta' rapport skont l-Artikolu 2(6)(a), punt (c) tar-Regolament bażiku jkunu ssodisfati, il-Kummissjoni tieħu l-miżuri xierqa u tgħarraf lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b'dan.


Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rapporti stabbiliti skont l-Artikolu 2(6)(a), punt (c) tar-Regolament bażiku

Il-Kummissjoni ser tagħmel użu malajr mill-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 2(6)(a), punt (c) tar-Regolament bażiku, li tħejji rapporti dwar id-distorsjonijiet sinifikanti, sabiex il-partijiet interessati jkollhom dawn ir-rapporti meta jħejju l-osservazzjonijiet li għalihom jista' japplika l-Artikolu 2(6)(a) tar-Regolament bażiku. Hija ser tipprovdi lill-partijiet interessati bi gwida dwar l-użu ta' dawn ir-rapporti.