13.12.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 329/4 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2294
tat-28 ta' Awwissu 2017
li jemenda r-Regolament (UE) 2017/565 rigward l-ispeċifikazzjoni tad-definizzjoni ta' internalizzaturi sistematiċi għall-finijiet tad-Direttiva 2014/65/UE
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(2) tagħha,
Billi:
(1) |
Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni oġġettiva u effettiva tad-definizzjoni ta' internalizzaturi sistematiċi fl-Unjoni kif stipulat fl-Artikolu 4(1)(20) tad-Direttiva 2014/65/UE, jinħtieġ li għandhom jiġu pprovduti aktar speċifikazzjonijiet fuq żviluppi teknoloġiċi riċenti fis-swieq tat-titoli li jikkonċernaw l-arranġamenti ta' tqabbil li d-ditti ta' investiment jistgħu jipparteċipaw fihom. |
(2) |
Żviluppi teknoloġiċi fis-swieq tat-titoli wasslu għall-ħolqien ta' netwerks ta' komunikazzjoni elettronika li jippermettu li jkun hemm rabta bejn numru ta' ditti tal-investiment li jkollhom il-ħsieb li joperaw taħt id-deżinjazzjoni ta' internalizzatur sistematiku ma' fornituri tal-likwidità oħrajn involuti f'tekniki ta' negozjar algoritmiku ta' frekwenza għolja. Dawn l-iżviluppi qed ipoġġu f'riskju s-separazzjoni ċara bejn in-negozjar għan-nom proprju bilaterali fl-eżekuzzjoni tal-ordnijiet tal-klijenti u n-negozjar multilaterali previst permezz tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/565 (2). Dawn l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq għalhekk jenħtieġu li jiġi speċifikat li internalizzatur sistematiku mhuwiex permess biex jinvolvi ruħu, fuq bażi regolari, fit-tqabbil interna jew esterna permezz ta' negozjar matched principal jew tipi oħra ta' tranżazzjonijiet spalla ma' spalla bla riskju de facto fi strument finanzjarju partikolari barra minn post tan-negozjar. |
(3) |
Sakemm il-ġestjoni ċentralizzata tar-riskju fi grupp normalment tinvolvi t-trasferiment tar-riskju akkumulat minn ditta ta' investiment bħala riżultat ta' tranżazzjonijiet ma' partijiet terzi lil entità fl-istess grupp li ma jkollha l-ebda kapaċità biex tipprovdi kwotazzjonijiet, informazzjoni oħra dwar l-interessi kummerċjali jew biex tirrifjuta jew temenda tali tranżazzjonijiet, dawn it-trasferimenti jenħtieġ li xorta waħda jitqiesu bħala negozjar fuq kont proprju meta mwettqa għal finijiet biss ta' ċentralizzazzjoni tal-ġestjoni tar-riskju tal-grupp. |
(4) |
Għal raġunijiet ta' ċarezza u ċertezza legali, il-formulazzjoni dwar id-data ta' applikazzjoni tar-Regolament Delegat (UE) 2017/565 jinħtieġ li tkun f'konformità mal-formulazzjoni fuq id-data ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2014/65/UE. |
(5) |
Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji, huwa meħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ bħala kwistjoni ta' urġenza. |
(6) |
Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Grupp ta' Esperti tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament Delegat (UE) 2017/565 huwa emendat kif ġej:
(1) |
jiddaħħal l-Artikolu 16a li ġej: “Artikolu 16a Parteċipazzjoni f'arranġamenti ta' tqabbil Ditta tal-investiment ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala negozjar għan-nom proprju fis-sens tal-Artikolu 4(1)(20) tad-Direttiva 2014/65/UE fejn dik id-ditta tal-investiment tipparteċipa f'arranġamenti ta' tqabbil li jsiru ma' entitajiet barra l-grupp bl-għan jew bil-konsegwenza li twettaq tranżazzjonijiet spalla ma' spalla bla riskju de facto fi strument finanzjarju barra post ta' negozjar”. |
(2) |
fl-Artikolu 91, it-tieni paragrafu jiġi sostitwit b'dan li ġej: “Dan għandu japplika mit-3 ta' Jannar 2018”. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Awwissu 2017.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/565 tal-25 ta' April 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward rekwiżiti organizzazzjonali u kundizzjonijiet għall-operat għal ditti tal-investiment u termini definiti għall-finijiet ta' dik id-Direttiva (ĠU L 87, 31.3.2017, p. 1).