9.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 326/42


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2273

tat-8 ta' Diċembru 2017

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta' Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 22(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 42 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 (2) kif emendat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 836/2014 (3), jippermetti eċċezzjonalment, sal-31 ta' Diċembru 2017, skont ċerti kundizzjonijiet u meta ma jkunx disponibbli għattuq imkabbar b'mod organiku, li għattuq imkabbar mhux b'mod organiku, għall-produzzjoni tal-bajd, ta' mhux iktar minn 18-il ġimgħa, jista' jiddaħħal f'unità ta' bhejjem organiċi.

(2)

Il-produzzjoni ta' għattuq imkabbar b'mod organiku għall-produzzjoni tal-bajd ma kinitx disponibbli fi kwantità u bi kwalità suffiċjenti fis-suq tal-Unjoni biex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-bdiewa tat-tiġieġ li jbidu. Sabiex ikun hemm lok għal iżjed żmien biex tiġi żviluppata l-produzzjoni ta' għattuq organiku għall-produzzjoni tal-bajd, il-perjodu ta' applikazzjoni tar-regoli ta' produzzjoni eċċezzjonali għall-użu ta' għattuq imkabbar mhux b'mod organiku għall-produzzjoni tal-bajd ta' mhux aktar minn 18-il ġimgħa, jenħtieġ li jiġi estiż sal-31 ta' Diċembru 2018.

(3)

L-Artikolu 43 tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 kif emendat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 836/2014 jippermetti b'mod eċċezzjonali, għas-snin kalendarji 2015, 2016 u 2017, ammont massimu ta' 5 % ta' għalf mhux organiku tal-proteini biex jintuża għall-ispeċijiet tal-ħnieżer u tat-tjur.

(4)

Il-provvista tal-proteini organiċi ma kinitx disponibbli fis-suq tal-Unjoni fi kwantità u bi kwalità suffiċjenti biex tissodisfa l-ħtiġijiet nutrizzjonali tal-ħnieżer u tat-tjur imrobbija fi rziezet organiċi. Il-produzzjoni tal-għelejjel organiċi tal-proteini għadha lura meta mqabbla mad-domanda. Għalhekk jixraq li jiġi estiż il-perjodu tal-possibbiltà eċċezzjonali ta' użu ta' proporzjon limitat ta' għalf mhux organiku tal-proteini sal-31 ta' Diċembru 2018.

(5)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 889/2008 jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Produzzjoni Organika,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 889/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 42(b) id-data “31 ta' Diċembru 2017” qed tinbidel bid-data “31 ta' Diċembru 2018”.

(2)

Fl-Artikolu 43, it-tieni subparagrafu qed jinbidel b'dan li ġej:

“Il-perċentwal massimu ta' għalf mhux organiku tal-proteini awtorizzat għal kull perjodu ta' 12-il xahar għal dawk l-ispeċijiet għandu jkun ta' 5 % għas-sena kalendarja 2018.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Diċembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 tal-5 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku (ĠU L 250, 18.9.2008, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 836/2014 tal-31 ta' Lulju 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku (ĠU L 230, 1.8.2014, p. 10).