28.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 312/54


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2196

tal-24 ta' Novembru 2017

li jistabbilixxi kodiċi tan-netwerk dwar l-emerġenza u r-restawr tal-elettriku

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(11) tiegħu,

Billi:

(1)

Suq intern tal-enerġija li jiffunzjona b'mod sħiħ u li jkun kompletament interkonness huwa kruċjali biex tinżamm is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, biex tiżdied il-kompetittività u biex jiġi żgurat li l-konsumaturi kollha jkunu jistgħu jixtru l-enerġija bi prezzijiet affordabbli.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 714/2009 jistabblixxi regoli nondiskriminatorji li jirregolaw l-aċċess għan-netwerk għal skambji transfruntiera fl-elettriku bil-għan li jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq intern fl-elettriku.

(3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1485 (2) jistabbilixxi regoli armonizzati dwar it-tħaddim tas-sistema għall-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni (“TSOs”), il-koordinaturi reġjonali tas-sigurtà (“RSCs”), l-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni (“DSOs”) u l-utenti sinifikanti tal-grilja (“SGUs”). Huwa jidentifika stati kritiċi differenti tas-sistema (stat normali, stat ta' twissija, stat ta' emerġenza, stat ta' blekawt u restawr). Huwa jinkludi wkoll rekwiżiti u prinċipji sabiex jassiguraw il-kundizzjonijiet għaż-żamma tas-sigurtà operazzjonali madwar l-Unjoni u jippromwovu l-koordinazzjoni tat-tħaddim tas-sistema, rekwiżiti u prinċipji għall-ippjanar operazzjonali u l-proċessi ta' skedar meħtieġa sabiex jiġu antiċipati d-diffikultajiet tas-sigurtà operazzjonali f'ħin reali u rekwiżiti u prinċipji għall-kontroll tal-frekwenza tat-tagħbija u r-riservi madwar l-Unjoni kollha.

(4)

Jeħtieġ li jiġi żviluppat sett komuni ta' rekwiżiti minimi u prinċipji għall-proċeduri u l-azzjonijiet li għandhom jitwettqu speċifikament fl-istati ta' emerġenza, blekawt u restawr.

(5)

Għalkemm kull TSO huwa responsabbli għaż-żamma tas-sigurtà operazzjonali fiż-żona ta' kontroll tiegħu, it-tħaddim sigur u effiċjenti tas-sistema tal-elettriku tal-Unjoni huwa kompitu kondiviż bejn it-TSOs kollha tal-Unjoni billi s-sistemi nazzjonali kollha huma, sa ċertu punt, interkonnessi u ħsara f'xi żona ta' kontroll tista' taffettwa żoni oħra. It-tħaddim effiċjenti tas-sistema tal-elettriku tal-Unjoni jeħtieġ ukoll kollaborazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib bejn il-partijiet ikkonċernati.

(6)

Għalhekk huwa neċessarju li jiġu stabbiliti rekwiżiti armonizzati rigward il-miżuri tekniċi u organizzattivi sabiex jiġu evitati l-propagazzjoni jew id-deterjorament ta' inċident fis-sistema nazzjonali u sabiex jiġi evitat it-tixrid tal-istat ta' disturb u blekawt għal sistemi oħra. Huwa neċessarju wkoll li jiġu stabbiliti proċeduri armonizzati li t-TSOs jenħtieġ li jimplimentaw sabiex jirrestawraw l-istat ta' twissija jew normali wara t-tixrid tal-istat ta' disturb jew ta' blekawt.

(7)

Kull TSO jenħtieġ li jistabbilixxi pjan ta' difiża tas-sistema u pjan ta' restawr, permezz ta' approċċ fi tliet passi: fażi tat-tfassil, li tikkonsisti fid-definizzjoni tal-kontenut dettaljat tal-pjan; fażi tal-implimentazzjoni, li tikkonsisti fl-iżvilupp u l-installazzjoni tal-mezzi u s-servizzi neċessarji kollha għall-attivazzjoni tal-pjan; u fażi ta' attivazzjoni, li tikkonsisti mill-użu operazzjonali ta' miżura waħda jew aktar mill-pjan.

(8)

L-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti għall-istabbiliment, min-naħa tat-TSOs, tal-pjan ta' difiża tas-sistema u l-pjan ta' restawr rispettivi tagħhom, jeħtieġ li tiżgura l-effiċjenza globali ta' dawk il-pjanijiet fil-livell tal-Unjoni.

(9)

It-TSOs jenħtieġ li jassiguraw il-kontinwità tat-tranżazzjonijiet tal-enerġija waqt stat ta' emerġenza, blekawt jew restawr u jissospendu l-attivitajiet tas-suq u l-proċessi ta' akkumpanjament tas-suq biss bħala l-aħħar alternattiva. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ċari, oġġettivi u armonizzati li fihom it-tranżazzjonijiet tal-enerġija jistgħu jiġu sospiżi u suċċessivament restawrati.

(10)

Jekk jiġi mitlub, kull TSO jenħtieġ li jappoġġa lil kwalunkwe TSO ieħor fi stat ta' emerġenza, blekawt jew restawr, meta tali appoġġ ma jwassalx lis-sistema tat-TSO mitlub fl-istat ta' emerġenza jew ta' blekawt.

(11)

Fl-Istati Membri fejn jintużaw is-sistemi ta' komunikazzjoni pubblika, it-TSOs, id-DSOs, l-SGUs u l-fornituri tas-servizz ta' restawr jenħtieġ li jistinkaw biex jiksbu l-istatus ta' prijorità tat-telekomunikazzjoni mill-fornitur tat-telekomunikazzjoni rispettiv tagħhom.

(12)

Fl-20 ta' Lulju 2015, l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (“l-Aġenzija”) irrakkomandat l-adozzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-Kodiċi tan-Netwerk dwar l-Ibbilanċjar tal-Elettriku, soġġetta għar-rekwiżiti mniżżla fir-rakkomandazzjoni tal-Aġenzija Nru 3/2015.

(13)

Minbarra d-dispożizzjonijiet ġenerali tar-Regolament (UE) 2017/1485, huma meħtieġa rekwiżiti speċifiċi sabiex jiggarantixxu l-iskambju ta' informazzjoni u l-komunikazzjoni waqt l-istati ta' emerġenza, blekawt jew restawr, kif ukoll id-disponibbiltà tal-għodod u l-faċilitajiet kritiċi neċessarji sabiex titħaddem u tiġi restawrata s-sistema.

(14)

Dan ir-Regolament ġie adottat abbażi tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 li jissupplimenta u li jifforma parti integrali minnu. Ir-referenzi għar-Regolament (KE) Nru 714/2009 f'atti legali oħrajn jenħtieġ li jinftiehmu li jirreferu wkoll għal dan ir-Regolament.

(15)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Sabiex tiġi salvagwardjata s-sigurtà operazzjonali, jiġu pprevenuti l-propagazzjoni jew id-deterjorament ta' inċident biex jiġi evitat disturb estensiv u l-istat ta' blekawt kif ukoll għar-restawr rapidu u effiċjenti tas-sistema tal-elettriku mill-istati ta' emerġenza jew ta' blekawt, dan ir-Regolament jistabbilixxi kodiċi tan-netwerk li jistabbilixxi r-rekwiżiti dwar:

(a)

il-ġestjoni tal-istati ta' emerġenza, blekawt u restawr mit-TSOs;

(b)

il-koordinazzjoni tat-tħaddim tas-sistema madwar l-Unjoni fl-istati ta' emerġenza, blekawt u restawr;

(c)

is-simulazzjonijiet u t-testijiet sabiex ikun iggarantit restawr affidabbli, effiċjenti u rapidu tas-sistemi interkonnessi ta' trażmissjoni għall-istat normali mill-istati ta' emerġenza jew ta' blekawt;

(d)

l-għodod u l-faċilitajiet meħtieġa sabiex ikun iggarantit restawr affidabbli, effiċjenti u rapidu tas-sistemi interkonnessi ta' trażmissjoni għall-istat normali mill-istati ta' emerġenza jew ta' blekawt.

Artikolu 2

Kamp ta' Applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għat-TSOs, għad-DSOs, għall-SGUs, għall-fornituri tas-servizz ta' difiża, għall-fornituri tas-servizz ta' restawr, għall-partijiet inkarigati mill-ibbilanċjar, għall-fornituri ta' servizzi ta' bbilanċjar, għall-operaturi nominati tas-suq tal-elettriku (“NEMO”) u entitajiet oħra nnominati biex iwettqu funzjonijiet tas-suq skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 (3) u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/1719 (4).

2.   B'mod partikolari, dan ir-Regolament għandu japplika għall-SGUs li ġejjin:

(a)

moduli eżistenti u ġodda tal-ġenerazzjoni tal-enerġija kklassifikati bħala tip C u D skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/631 (5);

(b)

il-moduli eżistenti u ġodda tal-ġenerazzjoni tal-enerġija kklassifikati bħala tip B skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/631, meta dawn jiġu identifikati bħala SGUs skont l-Artikolu 11(4) u l-Artikolu 23(4);

(c)

faċilitajiet eżistenti u ġodda tad-domanda konnessi mat-trażmissjoni;

(d)

sistemi ta' distribuzzjoni magħluqa eżistenti u ġodda konnessi mas-sistema tat-trażmissjoni;

(e)

fornituri tar-ridispaċċ ta' moduli tal-ġenerazzjoni tal-enerġija jew ta' faċilitajiet tad-domanda permezz ta' aggregazzjoni u fornituri ta' riserva ta' potenza attiva skont it-Titolu 8 tar-Regolament (UE) 2017/1485; u

(f)

sistemi eżistenti u ġodda ta' kurrent dirett b'vultaġġ għoli (“HVDC”) u moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'kurrent dirett skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/1447 (6).

3.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal moduli eżistenti u ġodda tal-ġenerazzjoni tal-enerġija tat-tip A, b'konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/631, għal moduli eżistenti u ġodda tal-ġenerazzjoni tal-enerġija tat-tip B għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 2(b), kif ukoll għall-faċilitajiet eżistenti u ġodda tad-domanda, is-sistemi ta' distribuzzjoni magħluqa u partijiet terzi li jipprovdu rispons tad-domanda meta jikkwalifikaw bħala fornituri tas-servizz ta' difiża jew fornituri tas-servizz ta' restawr skont l-Artikolu 4(4).

4.   Il-moduli tal-ġenerazzjoni tal-enerġija tat-tip A u tat-tip B imsemmija fil-paragrafu 3, il-faċilitajiet tad-domanda u s-sistemi ta' distribuzzjoni magħluqa li jipprovdu rispons tad-domanda jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament jew direttament jew indirettament permezz ta' parti terza, skont il-patti u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(4).

5.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-unitajiet ta' ħażna tal-enerġija ta' SGU, ta' fornitur tas-servizz ta' difiża jew ta' fornitur tas-servizz ta' restawr, li jistgħu jintużaw biex jibbilanċjaw is-sistema, bil-kundizzjoni li jiġu identifikati bħala tali fil-pjanijiet ta' difiża tas-sistema, fil-pjanijiet ta' restawr jew fil-kuntratt tas-servizz rilevanti.

6.   Dan ir-Regolament għandu japplika għas-sistemi ta' trażmissjoni, is-sistemi ta' distribuzzjoni u l-interkonnessjonijiet kollha fl-Unjoni ħlief is-sistemi ta' trażmissjoni u s-sistemi ta' distribuzzjoni jew partijiet mis-sistemi ta' trażmissjoni u mis-sistemi ta' distribuzzjoni ta' gżejjer ta' Stati Membri li s-sistemi tagħhom ma jkunux operati b'mod sinkroniku maż-żona sinkronika tal-Ewropa Kontinentali, tal-Gran Brittanja, Nordika, tal-Irlanda u tal-Irlanda ta' Fuq jew Baltika, bil-kundizzjoni li dan it-tħaddim mhux sinkroniku ma jirriżultax minn disturb.

7.   Fl-Istati Membri fejn ikun hemm aktar minn operatur ta' sistema ta' trażmissjoni wieħed, dan ir-Regolament għandu japplika għall-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni kollha f'dak l-Istat Membru. Meta operatur ta' sistema ta' trażmissjoni ma jkollux funzjoni rilevanti għal obbligu wieħed jew aktar skont dan ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li r-responsabbiltà li jkun hemm konformità ma' dawn l-obbligi tiġi assenjata lil operatur wieħed jew iktar tas-sistema ta' trażmissjoni speċifiċi differenti.

8.   Sakemm ikunu qegħdin joperaw b'mod sinkroniku f'żona sinkronika fejn mhux il-pajjiżi kollha jkunu marbuta bil-leġislazzjoni tal-Unjoni, it-TSOs tal-Litwanja, tal-Latvja u tal-Estonja huma eżentati mill-applikazzjoni tal-Artikoli 15, 29 u 33, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fi ftehim ta' kooperazzjoni ma' TSOs ta' pajjiż terz li jikkostitwixxi l-bażi għall-kooperazzjoni tagħhom għat-tħaddim sigur tas-sistema skont l-Artikolu 10.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009, l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2013 (8), l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2015/1222, l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2016/631, l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/1388 (9), l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2016/1447, l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2016/1719 u l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2017/1485.

Barra minn hekk, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“fornitur ta' servizz ta' difiża” tfisser entità ġuridika b'obbligu legali jew kuntrattwali sabiex tipprovdi servizz li jikkontribwixxi għal miżura waħda jew diversi tal-pjan ta' difiża tas-sistema;

(2)

“fornitur ta' servizz ta' restawr” tfisser entità ġuridika b'obbligu legali jew kuntrattwali sabiex tipprovdi servizz li jikkontribwixxi għal miżura waħda jew diversi tal-pjan ta' restawr;

(3)

“utent tal-grilja sinifikanti ta' prijorità għolja” tfisser l-utent sinifikanti tal-grilja li għalih japplikaw kundizzjonijiet speċjali għall-iskonnessjoni u r-rienerġizzazzjoni;

(4)

“domanda netta” tfisser il-valur nett tal-potenza attiva meqjus minn punt partikolari tas-sistema, ikkalkolat bħala (tagħbija - ġenerazzjoni), ġeneralment espress f'kilowatts (kW) jew megawatts (MW) f'mument partikolari jew bħala medja fuq kwalunkwe intervall ta' ħin iddeżinjat;

(5)

“pjan ta' restawr” tfisser il-miżuri tekniċi u organizzattivi kollha neċessarji sabiex is-sistema tiġi restawrata għall-istat normali;

(6)

“rienerġizzazzjoni” tfisser ir-rikonnessjoni tal-ġenerazzjoni u tat-tagħbija sabiex jiġu enerġizzati l-partijiet tas-sistema li jkunu ġew skonnettjati;

(7)

“strateġija ta' rienerġizzazzjoni minn fuq għal isfel” tfisser strateġija li teħtieġ l-assistenza ta' TSOs oħra sabiex jiġu rienerġizzati partijiet mis-sistema ta' TSO;

(8)

“strateġija ta' rienerġizzazzjoni minn isfel għal fuq” tfisser strateġija fejn parti mis-sistema ta' TSO tista' tiġi rienerġizzata mingħajr l-assistenza minn TSOs oħrajn;

(9)

“risinkronizzazzjoni” tfisser is-sinkronizzazzjoni u l-konnessjoni mill-ġdid ta' żewġ reġjuni sinkronizzati fil-punt ta' risinkronizzazzjoni;

(10)

“mexxej tal-frekwenza” tfisser it-TSO maħtur u responsabbli għall-ġestjoni tal-frekwenza tas-sistema fi ħdan reġjun sinkronizzat jew żona sinkronika bil-għan li l-frekwenza tas-sistema titreġġa' lura għall-frekwenza nominali;

(11)

“reġjun sinkronizzat” tfisser il-frazzjoni ta' żona sinkronika koperta minn TSOs interkonnessi bi frekwenza komuni tas-sistema u li ma tkunx sinkronizzata mal-bqija taż-żona sinkronika;

(12)

“mexxej tar-risinkronizzazzjoni” tfisser it-TSO maħtur u responsabbli għar-risinkronizzazzjoni ta' żewġ reġjuni sinkronizzati;

(13)

“punt ta' risinkronizzazzjoni” tfisser l-istrument użat sabiex jiġu konnessi żewġ reġjuni sinkronizzati, ġeneralment salvavita.

Artikolu 4

Aspetti regolatorji

1.   Meta jkunu qegħdin japplikaw dan ir-Regolament, l-Istati Membri, l-awtoritajiet regolatorji, l-entitajiet kompetenti u l-operaturi tas-sistema għandhom:

(a)

japplikaw il-prinċipji ta' proporzjonalità u nondiskriminazzjoni;

(b)

jiżguraw it-trasparenza;

(c)

japplikaw il-prinċipju ta' ottimizzazzjoni bejn l-ogħla effiċjenza globali u l-ispejjeż totali l-aktar baxxi għall-partijiet kollha involuti;

(d)

jiżguraw li safejn ikun possibbli t-TSOs jużaw mekkaniżmi bbażati fuq is-suq sabiex jassiguraw is-sigurtà u l-istabbiltà tan-netwerk;

(e)

jirrispettaw ir-restrizzjonijiet tekniċi, legali, tas-sigurtà personali u tas-sikurezza;

(f)

jirrispettaw ir-responsabbiltà assenjata lit-TSO rilevanti sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tas-sistema, inkluż kif meħtieġ mil-leġiżlazzjoni nazzjonali;

(g)

jikkonsultaw mad-DSOs rilevanti u jqisu l-impatti potenzjali fuq is-sistema tagħhom; u

(h)

iqisu l-istandards Ewropej u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li ntlaħaq qbil dwarhom.

2.   Kull TSO għandu jippreżenta l-proposti li ġejjin lill-aworità regolatorja rilevanti b'konformità mal-Artikolu 37 tad-Direttiva 2009/72/KE għall-approvazzjoni:

(a)

il-patti u l-kundizzjonijiet sabiex jaġixxu bħala fornituri ta' servizz ta' difiża fuq bażi kuntrattwali skont il-paragrafu 4;

(b)

il-patti u l-kundizzjonijiet sabiex jaġixxu bħala fornituri ta' servizz ta' difiża fuq bażi kuntrattwali skont il-paragrafu 4;

(c)

il-lista ta' SGUs responsabbli li jimplimentaw fuq l-installazzjonijiet tagħhom il-miżuri li jirriżultaw mir-rekwiżiti obbligatorji kif stabbilti fir-Regolamenti (UE) 2016/631, (UE) 2016/1388 u (UE) 2016/1447 u/jew mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-lista tal-miżuri li jridu jiġu implimentati minn dawn l-SGUs, identifikati mit-TSOs skont l-Artikoli 11(4)(c) u 23(4)(c);

(d)

il-lista tal-utenti sinifikanti tal-grilja ta' prijorità għolja msemmija fl-Artikoli 11(4)(d) u 23(4)(d) u l-prinċipji applikati għad-definizzjoni tagħhom u l-patti u l-kundizzjonijiet għall-iskonnessjoni u r-rienerġizzazzjoni tal-utenti tal-grilja ta' prijorità għolja, sakemm ma jkunux iddefiniti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri.

(e)

ir-regoli għas-sospensjoni u r-restawr tal-attivitajiet tas-suq skont l-Artikolu 36(1);

(f)

ir-regoli speċifiċi għas-saldu tal-iżbilanċ u s-saldu tal-enerġija ta' bbilanċjar f'każ ta' sospensjoni tal-attivitajiet tas-suq, skont l-Artikolu 39(1);

(g)

il-pjan tal-ittestjar skont l-Artikolu 43(2).

3.   Meta Stat Membru jkun ippreveda dan, il-proposti msemmija fil-punti (a) sa (d) u (g) tal-paragrafu 2 jistgħu jiġu sottomessi għall-approvazzjoni lil entità li ma tkunx l-awtorità regolatorja. L-awtoritajiet regolatorji u l-entitajiet iddeżinjati mill-Istati Membri skont dan il-paragrafu għandhom jiddeċiedu dwar il-proposti msemmija fil-paragrafu 2 fi żmien sitt xhur mid-data tal-preżentazzjoni mit-TSO.

4.   Il-patti u l-kundizzjonijiet sabiex jaġixxu bħala fornitur ta' servizz ta' difiża u bħala fornitur ta' servizz ta' restawr għandhom jiġu stabbiliti jew fil-qafas legali nazzjonali jew fuq bażi kuntrattwali. Jekk jiġu stabbiliti fuq bażi kuntrattwali, kull TSO għandu jiżviluppa mhux aktar tard mit-18 ta' Diċembru 2018 proposta għall-patti u l-kundizzjonijiet rilevanti, li għandha tiddefinixxi mill-inqas:

(a)

il-karatteristiċi tas-servizz li għandu jiġi pprovdut;

(b)

il-possibbiltà ta' aggregazzjoni u l-kundizzjonijiet għaliha; u

(c)

għall-fornituri ta' servizz ta' restawr, id-distribuzzjoni ġeografika fil-mira tas-sorsi tal-enerġija b'abilitajiet ta' startjar minn mitfi totali u ta' operat ta' netwerk iżolat.

5.   Mhux aktar tard mit-18 ta' Diċembru 2018, kull TSO għandu jinnotifika lill-awtorità regolatorja jew lill-entità maħtura mill-Istat Membru, il-pjan ta' difiża tas-sistema mfassal skont l-Artikolu 11 u l-pjan ta' restawr imfassal skont l-Artikolu 23, jew tal-anqas l-elementi li ġejjin ta' dawk il-pjani:

(a)

l-objettivi tal-pjan ta' difiża tas-sistema u tal-pjan ta' restawr, inklużi l-fenomeni li għandhom jiġu mmaniġġjati jew is-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu solvuti;

(b)

il-kundizzjonijiet li jwasslu għall-attivazzjoni tal-miżuri tal-pjan ta' difiża tas-sistema u tal-pjan ta' restawr;

(c)

il-ħsieb ta' kull miżura, fejn jiġi spjegat kif din tikkontribwixxi għall-objettivi tal-pjan ta' difiża tas-sistema u tal-pjan ta' restawr, u l-parti responsabbli għall-implimentazzjoni ta' dawk il-miżuri; u

(d)

l-iskadenzi stabbiliti skont l-Artikoli 11 u 23 għall-implimentazzjoni tal-miżuri.

6.   Fejn TSO jkun meħtieġ jew permess skont dan ir-Regolament, li jispeċifika, jistabbilixxi jew jiftiehem dwar ir-rekwiżiti, il-patti u l-kundizzjonijiet jew il-metodoloġiji li ma jkunux soġġetti għall-approvazzjoni skont il-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jitolbu l-approvazzjoni bil-quddiem mill-awtorità regolatorja, l-entità maħtura mill-Istat Membru jew awtoritajiet kompetenti oħra tal-Istati Membri, ta' dawk ir-rekwiżiti, patti u kundizzjonijiet jew metodoloġiji.

7.   Jekk TSO jħoss li jkun hemm il-ħtieġa ta' emenda għad-dokumenti, approvati skont il-paragrafu 3, ir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafi 2 sa 5 għandhom japplikaw għall-emenda proposta. It-TSOs li jkunu qegħdin jipproponu emenda għandhom iqisu, jekk ikun meħtieġ, l-aspettattivi leġittimi tas-sidien tal-faċilità tal-ġenerazzjoni tal-enerġija, tas-sidien tal-faċilità tad-domanda u partijiet ikkonċernati oħra abbażi tar-rekwiżiti jew il-metodoloġiji inizjalment speċifikati jew maqbula.

8.   Kwalunkwe parti tista' tilmenta kontra operatur ta' sistema jew TSO rilevanti fir-rigward tal-obbligi jew id-deċiżjonijiet ta' dak l-operatur ta' sistema jew tat-TSO rilevanti skont dan ir-Regolament u tista' tirreferi l-ilment lill-awtorità regolatorja li, filwaqt li taġixxi bħala awtorità għas-soluzzjoni tat-tilwim, għandha toħroġ deċiżjoni fi żmien xahrejn wara l-wasla tal-ilment. Dak il-perjodu jista' jiġi estiż b'xahrejn oħra meta l-awtorità regolatorja tkun teħtieġ iktar informazzjoni. Dan il-perjodu estiż jista' jkompli jiġi estiż bil-ftehim tal-persuna li tkun għamlet l-ilment. Id-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja għandha tkun vinkolanti sakemm din ma titħassarx permezz ta' appell u, f'dak il-każ, sa dak il-waqt.

Artikolu 5

Konsultazzjoni u koordinazzjoni

1.   Meta dan ir-Regolament jistipula li TSO għandu jikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati għall-azzjonijiet li jiddefinixxi qabel il-ħin reali jew f'ħin reali, għandha tapplika l-proċedura li ġejja:

(a)

it-TSO għandu jikkomunika tal-anqas mal-partijiet identifikati fl-Artikoli ta' dan ir-Regolament li jeħtieġu konsultazzjoni;

(b)

it-TSO għandu jispjega l-ħsieb u l-objettiv tal-konsultazzjoni u tad-deċiżjoni li jrid jieħu;

(c)

it-TSO għandu jiġbor mingħand il-partijiet imsemmija fil-punt (a), kwalunkwe informazzjoni rilevanti u l-valutazzjoni tagħhom;

(d)

it-TSO għandu jqis l-opinjonijiet, is-sitwazzjonijiet u r-restrizzjonijiet tal-partijiet ikkonsultati;

(e)

qabel ma jieħu deċiżjoni, it-TSO għandu jipprovdi spjegazzjoni lill-partijiet ikkonsultati, tar-raġunijiet għaliex segwa jew ma segwiex l-opinjonijiet tagħhom.

2.   Fejn dan ir-Regolament jistipula li TSO għandu jikkoordina l-eżekuzzjoni ta' sett ta' azzjonijiet f'ħin reali ma' diversi partijiet, għandha tapplika l-proċedura li ġejja:

(a)

it-TSO għandu jikkomunika tal-anqas mal-partijiet identifikati fl-Artikoli ta' dan ir-Regolament li jeħtieġu koordinazzjoni f'ħin reali;

(b)

it-TSO għandu jispjega l-ħsieb u l-objettiv tal-koordinazzjoni u tal-azzjonijiet li għandhom jittieħdu;

(c)

it-TSO għandu jagħmel proposta inizjali dwar l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu minn kull parti;

(d)

it-TSO għandu jiġbor mingħand il-partijiet imsemmija fil-punt (a), kwalunkwe informazzjoni rilevanti u l-valutazzjoni tagħhom;

(e)

it-TSO għandu jagħmel proposta finali dwar l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu minn kull parti, billi jqis l-opinjonijiet, is-sitwazzjonijiet u r-restrizzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati u billi jistabbilixxi skadenza għall-partijiet sabiex jesprimu l-oppożizzjoni tagħhom għall-azzjonijiet proposti mit-TSO;

(f)

fejn il-partijiet ikkonċernati ma jopponux it-twettiq tal-azzjonijiet proposti mit-TSO, kull parti, inkluż it-TSO, għandha twettaq l-azzjonijiet f'konformità mal-proposta;

(g)

fejn waħda jew aktar mill-partijiet tirrifjuta l-azzjoni proposta mit-TSO sal-iskadenza stabbilita, it-TSO għandu jirreferi l-azzjoni proposta lill-awtorità rilevanti għal deċiżjoni, flimkien ma' ġustifikazzjoni tal-ħsieb u l-objettivi tal-azzjoni proposta mit-TSO u tal-valutazzjoni u l-pożizzjoni tal-partijiet;

(h)

jekk ma jkunx possibbli r-riferiment f'ħin reali lill-awtorità rilevanti, it-TSO għandu jibda azzjoni ekwivalenti li jkollha l-anqas jew l-ebda impatt fuq il-partijiet li jkunu rrifjutaw li jwettqu l-azzjoni proposta.

3.   Parti tista' tirrifjuta li twettaq azzjonijiet f'ħin reali proposti mit-TSO skont il-proċedura ta' koordinazzjoni deskritta fil-paragrafu 2 jekk din tiġġustifika li l-azzjoni proposta twassal għall-ksur ta' restrizzjoni teknika, legali, tas-sigurtà jew is-sikurezza pesonali waħda jew aktar.

Artikolu 6

Koordinazzjoni reġjonali

1.   Meta jkun qiegħed ifassal il-pjan ta' difiża tas-sistema tiegħu skont l-Artikolu 11 u l-pjan ta' restawr tiegħu skont l-Artikolu 23 jew meta jkun qiegħed jirrieżamina l-pjan ta' difiża tas-sistema tiegħu skont l-Artikolu 50 u l-pjan ta' restawr tiegħu skont l-Artikolu 51, kull TSO għandu jiżgura l-konsistenza mal-miżuri korrispondenti fil-pjanijiet tat-TSOs fi ħdan iż-żona sinkronika tiegħu u fil-pjanijiet tat-TSOs ġirien li jappartjenu għal żona sinkronika oħra, tal-anqas tal-miżuri li ġejjin:

(a)

l-assistenza u l-koordinazzjoni bejn it-TSOs fi stat ta' emerġenza, skont l-Artikolu 14;

(b)

il-proċeduri għall-ġestjoni tal-frekwenza, skont l-Artikolu 18 u l-Artikolu 28, bl-esklużjoni tal-istabbiliment ta' frekwenza fil-mira fil-każ ta' strateġija ta' rienerġizzazzjoni minn isfel għal fuq, qabel kwalunkwe risinkronizzazzjoni tas-sistema interkonnessa ta' trażmissjoni;

(c)

l-assistenza għall-proċedura tal-potenza attiva, skont l-Artikolu 21;

(d)

l-istrateġija ta' rienerġizzazzjoni minn fuq għal isfel, skont l-Artikolu 27.

2.   Il-valutazzjoni tal-konsistenza tal-pjan ta' difiża tas-sistema u tal-pjan ta' restawr skont il-paragrafu 1 għandha tinkludi l-kompiti li ġejjin:

(a)

l-iskambju ta' informazzjoni u dejta relatata mal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 bejn it-TSOs ikkonċernati;

(b)

l-identifikazzjoni ta' inkompatibbiltajiet tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, fil-pjanijiet tat-TSOs involuti;

(c)

l-identifikazzjoni ta' theddidiet potenzjali għas-sigurtà operazzjonali fir-reġjun bil-kapaċità kkalkolata. Dawn it-theddidiet jinkludu, fost l-oħrajn, ħsarat reġjonali ta' modalità komuni b'impatt sinifikanti fuq is-sistemi ta' trażmissjoni tat-TSOs involuti;

(d)

valutazzjoni tal-effettività tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 speċifikati fil-pjanijiet ta' difiża tas-sistema u fil-pjanijiet ta' restawr tat-TSOs involuti, sabiex jiġu mmaniġġjati t-theddidiet potenzjali msemmija fil-punt (c);

(e)

konsultazzjoni mal-RSCs sabiex tiġi vvalutata l-konsistenza tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 fiż-żona sinkronika kkonċernata sħiħa;

(f)

l-identifikazzjoni ta' azzjonijiet ta' mitigazzjoni f'każ ta' inkompatibbiltajiet fil-pjanijiet ta' difiża tas-sistema u fil-pjanijiet ta' restawr tat-TSOs involuti jew f'każ li jkunu neqsin miżuri fil-pjanijiet ta' difiża tas-sistema u fil-pjanijiet ta' restawr tat-TSOs involuti.

3.   Mhux aktar tard mit-18 ta' Diċembru 2018, kull TSO għandu jittrażmetti l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 lill-RSC(s) rilevanti stabbiliti skont l-Artikolu 77 tar-Regolament (UE) 2017/1485. Fi żmien tliet xhur mill-preżentazzjoni tal-miżuri, l-RSC(s) għandhom jipproduċu rapport tekniku dwar il-konsistenza tal-miżuri abbażi tal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 2. Kull TSO għandu jiżgura d-disponibbiltà tal-esperti mħarrġa proprji tiegħu sabiex jgħinu lill-RSC(s) fit-tħejjija ta' dan ir-rapport.

4.   L-RSC(s) għandhom jittrażmettu mingħajr dewmien ir-rapport tekniku msemmi fil-paragrafu 3 lit-TSOs kollha involuti, li min-naħa tagħhom għandhom jittrażmettuh lill-awtoritajiet regolatorji rilevanti, kif ukoll lin-Netwerk Ewropew tal-Operaturi tas-Sistemi tat-Trażmissjoni (ENTSO) tal-Elettriku, għall-finijiet tal-Artikolu 52.

5.   It-TSOs kollha ta' kull reġjun bil-kapaċità kalkolata għandhom jiftiehmu fuq soll li 'l fuq minnu l-impatt tal-azzjonijiet ta' TSO wieħed jew aktar fl-istati ta' emerġenza, blekawt jew restawr jitqies bħala sinifikanti għal TSOs oħra fir-reġjun bil-kapaċità kkalkolata.

Artikolu 7

Konsultazzjoni pubblika

1.   It-TSOs rilevanti għandhom jikkonsultaw lill-partijiet ikkonċernati, inklużi l-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru, dwar il-proposti soġġetti għall-approvazzjoni skont il-punti (a), (b), (e), (f) u (g) tal-Artikolu 4(2). Din il-konsultazzjoni għandha ddum għal perjodu ta' mhux anqas minn xahar.

2.   It-TSOs rilevanti għandhom iqisu l-opinjonijiet tal-partijiet ikkonċernati li joħorġu mill-konsultazzjonijiet qabel ma jissottomettu l-abbozz ta' proposta. Fil-każijiet kollha, għandha tingħata ġustifikazzjoni soda għall-inklużjoni jew le tal-opinjonijiet tal-partijiet ikkonċernati u għandha tiġi ppubblikata fi żmien xieraq qabel, jew fl-istess ħin, mal-pubblikazzjoni tal-proposta.

Artikolu 8

Irkupru tal-ispejjeż

1.   L-ispejjeż sostnuti mill-operaturi tas-sistema soġġetti għar-regolament dwar it-tariffi tan-netwerk u li jirriżultaw mill-obbligi stabbiliti f'dan ir-Regolament għandhom jiġu vvalutati mill-awtoritajiet regolatorji rilevanti b'konformità mal-Artikolu 37 tad-Direttiva 2009/72/KE. L-ispejjeż li jiġu stmati bħala raġonevoli, effiċjenti u proporzjonati għandhom jiġu rkuprati permezz ta' tariffi tan-netwerk jew permezz ta' mekkaniżmi xierqa oħra.

2.   Jekk jiġu mitluba mill-awtoritajiet regolatorji rilevanti, l-operaturi tas-sistema msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom, fi żmien tliet xhur mit-talba, jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa biex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni tal-ispejjeż imġarrba.

Artikolu 9

Obbligi ta' kunfidenzjalità

1.   Kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali li tasal, tiġi skambjata jew trażmessa skont dan ir-Regolament għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet tas-segretezza professjonali stabbiliti fil-paragrafi 2, 3 u 4.

2.   L-obbligu tas-segretezza professjonali għandu japplika għal kwalunkwe persuna soġġetta għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

3.   L-informazzjoni kunfidenzjali li tasal għand il-persuni msemmija fil-paragrafu 2 fil-qadi ta' dmirijiethom, ma tistax tiġi żvelata lil xi persuna jew awtorità oħra, mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, mid-dispożizzjonijiet l-oħra ta' dan ir-Regolament jew minn leġiżlazzjoni rilevanti oħra tal-Unjoni.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti mil-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni, l-awtoritajiet regolatorji, korpi jew persuni li jirċievu informazzjoni kunfidenzjali skont dan ir-Regolament, jistgħu jużawha biss għall-finijiet tal-qadi tad-dmirijiet tagħhom skont dan ir-Regolament.

Artikolu 10

Ftehim ma' TSOs mhux marbuta b'dan ir-Regolament

Fejn żona sinkronika tinkludi kemm TSOs tal-Unjoni kif ukoll ta' pajjiżi terzi, sat-18 ta' Ġunju 2019, it-TSOs kollha tal-Unjoni f'dik iż-żona sinkronika għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jikkonkludu mat-TSOs ta' pajjiżi terzi mhux marbuta b'dan ir-Regolament, ftehim li jistabbilixxi l-bażi għall-kooperazzjoni tagħhom dwar it-tħaddim sigur tas-sistema u li jistabbilixxi arranġamenti għall-konformità tat-TSOs tal-pajjiżi terzi mal-obbligi stipulati f'dan ir-Regolament.

KAPITOLU II

PJAN TA' DIFIŻA TAS-SISTEMA

TAQSIMA 1

Dispożizzjonijiet Ġenerali

Artikolu 11

Tfassil tal-pjan ta' difiża tas-sistema

1.   Sat-18 ta' Diċembru 2018, kull TSO għandu jfassal pjan ta' difiża tas-sistema f'konsultazzjoni mad-DSOs, l-SGUs u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rilevanti, jew l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 4(3), it-TSOs ġirien u t-TSOs l-oħra fiż-żona sinkronika tiegħu.

2.   Fit-tfassil tal-pjan ta' difiża tas-sistema tiegħu, kull TSO għandu jikkunsidra tal-anqas l-elementi li ġejjin:

(a)

il-limiti ta' sigurtà operazzjonali stabbiliti skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2017/1485;

(b)

l-imġiba u l-kapaċitajiet ta' tagħbija u ġenerazzjoni fiż-żona sinkronika;

(c)

il-ħtiġijiet speċifiċi tal-utenti tal-grilja sinifikanti u ta' prijorità għolja elenkati skont il-punt (d) tal-paragrafu 4; u

(d)

il-karatteristiċi tas-sistema ta' trażmissjoni tiegħu u tas-sistemi tad-DSOs sottostanti.

3.   Il-pjan ta' difiża tas-sistema għandu jinkludi tal-anqas id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-kundizzjonijiet li fihom jiġi attivat il-pjan ta' difiża tas-sistema, skont l-Artikolu 13;

(b)

l-istruzzjonijiet tal-pjan ta' difiża tas-sistema li għandhom jinħarġu mit-TSO; u

(c)

il-miżuri soġġetti għal konsultazzjoni jew koordinazzjoni f'ħin reali mal-partijiet identifikati.

4.   B'mod partikolari, il-pjan ta' difiża tas-sistema għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

lista tal-miżuri li għandhom jiġu implimentati mit-TSO fuq l-installazzjonijiet tiegħu;

(b)

lista tal-miżuri li għandhom jiġu implimentati mid-DSOs u tad-DSOs responsabbli għall-implimentazzjoni ta' dawk il-miżuri fuq l-installazzjonijiet tagħhom;

(c)

lista tal-SGUs responsabbli għall-implimentazzjoni fuq l-installazzjonijiet tagħhom, tal-miżuri li jirriżultaw mir-rekwiżiti obbligatorji stabbiliti fir-Regolamenti (UE) 2016/631, (UE) 2016/1388 u (UE) 2016/1447 jew mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u lista tal-miżuri li għandhom jiġu implimentati minn dawk l-SGUs;

(d)

lista tal-utenti tal-grilja sinifikanti ta' prijorità għolja u l-patti u l-kundizzjonijiet għall-iskonnessjoni tagħhom, u

(e)

l-iskadenzi għall-implimentazzjoni ta' kull miżura elenkata fil-pjan ta' difiża tas-sistema.

5.   Il-pjan ta' difiża tas-sistema għandu jinkludi tal-anqas il-miżuri tekniċi u organizzattivi li ġejjin speċifikati fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu II:

(a)

l-iskemi ta' protezzjoni tas-sistema li jinkludu tal-anqas:

(i)

skema għall-kontroll awtomatiku ta' sottofrekwenza skont l-Artikolu 15;

(ii)

skema għall-kontroll awtomatiku ta' sovrafrekwenza skont l-Artikolu 16; u

(iii)

skema awtomatika kontra l-waqgħa tal-vultaġġ skont l-Artikolu 17.

(b)

il-proċeduri tal-pjan ta' difiża tas-sistema, li jinkludu tal-anqas:

(i)

il-proċedura għall-ġestjoni ta' devjazzjonijiet tal-frekwenza skont l-Artikolu 18;

(ii)

il-proċedura għall-ġestjoni ta' devjazzjonijiet tal-vultaġġ skont l-Artikolu 19;

(iii)

il-proċedura għall-ġestjoni tal-fluss tal-enerġija skont l-Artikolu 20;

(iv)

assistenza għall-proċedura tal-potenza attiva skont l-Artikolu 21; u

(v)

il-proċedura għall-iskonnessjoni manwali tad-domanda skont l-Artikolu 22.

6.   Il-miżuri kontenuti fil-pjan ta' difiża tas-sistema għandhom jikkonformaw mal-prinċipji li ġejjin:

(a)

l-impatt tagħhom fuq l-utenti tas-sistema għandu jkun minimu;

(b)

huma għandhom ikunu ekonomikament effiċjenti;

(c)

għandhom jiġu attivati biss dawk il-miżuri li jkunu neċessarji; u

(d)

ma għandhomx iwasslu lis-sistema ta' trażmissjoni tat-TSO jew is-sistemi interkonnessi ta' trażmissjoni fl-istat ta' emerġenza jew fl-istat ta' blekawt.

Artikolu 12

Implimentazzjoni tal-pjan ta' difiża tas-sistema

1.   Sat-18 ta' Diċembru 2019 kull TSO għandu jimplimenta dawk il-miżuri tal-pjan ta' difiża tas-sistema tiegħu li għandhom jiġu implimentati fuq is-sistema ta' trażmissjoni. Huwa għandu jżomm il-miżuri implimentati minn hemmhekk 'il quddiem.

2.   Sat-18 ta' Diċembru 2018 kull TSO għandu jinnotifika lid-DSOs konnessi mat-trażmissjoni dwar il-miżuri, inklużi d-dati ta' skadenza għall-implimentazzjoni, li għandhom jiġu implimentati fuq:

(a)

l-installazzjonijiet tad-DSO skont l-Artikolu 11(4); jew

(b)

l-installazzjonijiet tal-SGUs identifikati skont l-Artikolu 11(4) imqabbdin mas-sistemi ta' distribuzzjoni tagħhom; jew

(c)

l-installazzjonijiet tal-fornituri ta' servizz ta' difiża mqabbdin mas-sistemi ta' distribuzzjoni tagħhom; jew

(d)

l-installazzjonijiet tad-DSOs imqabbdin mas-sistemi ta' distribuzzjoni tagħhom.

3.   Sat-18 ta' Diċembru 2018 kull TSO għandu jinnotifika lill-SGUs identifikati skont il-punt (c) tal-Artikolu 11(4) jew lill-fornituri tas-servizz ta' difiża direttament konnessi mas-sistema ta' trażmissjoni tiegħu, dwar il-miżuri li għandhom jiġu implimentati fuq l-installazzjonijiet tagħhom, inklużi d-dati ta' skadenza għall-implimentazzjoni.

4.   Meta jkun stipulat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, it-TSO għandu jinnotifika direttament lill-SGUs identifikati skont il-punt (c) tal-Artikolu 11(4), lill-fornituri ta' servizz ta' difiża jew lid-DSOs konnessi mas-sistemi ta' distribuzzjoni, dwar il-miżuri li għandhom jiġu implimentati fuq l-installazzjonijiet tagħhom, inklużi d-dati ta' skadenza għall-implimentazzjoni tagħhom. Huwa għandu jinforma lid-DSO kkonċernat dwar din in-notifika.

5.   Fejn TSO jinnotifika DSO skont il-paragrafu 2, id-DSO mbagħad għandu jinnotifika, mingħajr dewmien, lill-SGUs, lill-fornituri ta' servizz ta' difiża u lid-DSOs konnessi mas-sistema ta' distribuzzjoni tiegħu, dwar il-miżuri tal-pjan ta' difiża tas-sistema li huma jridu jimplimentaw fuq l-installazzjonijiet rispettivi tagħhom, inklużi d-dati ta' skadenza għall-implimentazzjoni tagħhom.

6.   Kull DSO, SGU u fornitur tas-servizz ta' difiża nnotifikat għandu:

(a)

jimplimenta l-miżuri nnotifikati skont dan l-Artikolu sa mhux aktar tard minn 12-il xahar mid-data tan-notifika;

(b)

jikkonferma l-implimentazzjoni tal-miżuri lill-operatur tas-sistema notifikanti, li, meta jkun differenti mit-TSO, għandu jinnotifika l-konferma lit-TSO; u

(c)

iżomm il-miżuri implimentati fuq l-installazzjonijiet tiegħu.

Artikolu 13

Attivazzjoni tal-pjan ta' difiża tas-sistema

1.   Kull TSO għandu jattiva l-proċeduri tal-pjan ta' difiża tas-sistema tiegħu skont il-punt (b) tal-Artikolu 11(5) f'koordinazzjoni mad-DSOs u l-SGUs identifikati skont l-Artikolu 11(4) u mal-fornituri tas-servizz ta' difiża.

2.   Minbarra l-iskemi attivati b'mod awtomatiku tal-pjan ta' difiża tas-sistema, skont il-punt (a) tal-Artikolu 11(5), kull TSO għandu jattiva proċedura tal-pjan ta' difiża tas-sistema meta:

(a)

is-sistema tkun fi stat ta' emerġenza skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) 2017/1485 u ma jkun hemm l-ebda azzjoni ta' rimedju disponibbli sabiex is-sistema titreġġa' lura għall-istat normali; jew

(b)

fuq il-bażi tal-analiżi tas-sigurtà operazzjonali, is-sigurtà operazzjonali tas-sistema ta' trażmissjoni tkun teħtieġ l-attivazzjoni ta' miżura tal-pjan ta' difiża tas-sistema skont l-Artikolu 11(5) flimkien mal-azzjonijiet ta' rimedju disponibbli.

3.   Kull DSO u SGU identifikat skont l-Artikolu 11(4), kif ukoll kull fornitur ta' servizz ta' difiża għandhom jeżegwixxu mingħajr dewmien l-istruzzjonijiet tal-pjan ta' difiża tas-sistema maħruġa mit-TSO skont il-punt (c) tal-Artikolu 11(3), skont il-proċeduri tal-pjan ta' difiża tas-sistema stipulati fil-punt (b) tal-Artikolu 11(5).

4.   Kull TSO għandu jattiva l-proċeduri tal-pjan ta' difiża tas-sistema tiegħu msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 11(5) li jkollhom impatt transfruntier sinifikanti, f'koordinazzjoni mat-TSOs affettwati.

Artikolu 14

Assistenza u koordinazzjoni bejn it-TSOs fi stat ta' emerġenza

1.   Fuq talba minn TSO fi stat ta' emerġenza, kull TSO għandu jipprovdi permezz tal-interkonnetturi kwalunkwe assistenza possibbli lit-TSO li jagħmel it-talba, bil-kundizzjoni li dan ma jwassalx biex is-sistema ta' trażmissjoni tiegħu jew is-sistemi interkonnessi ta' trażmissjoni jidħlu fi stat ta' emerġenza jew fi stat ta' blekawt.

2.   Fejn l-assistenza tkun trid tiġi pprovduta permezz ta' interkonnetturi tal-kurrent dirett, din tista' tikkonsisti fit-twettiq tal-azzjonijiet li ġejjin, b'kont meħud tal-karatteristiċi tekniċi u l-kapaċità tas-sistema HVDC:

(a)

azzjonijiet ta' regolazzjoni manwali tal-potenza attiva trażmessa sabiex it-TSO fl-istat ta' emerġenza jiġi megħjun sabiex iġib il-flussi tal-enerġija fil-limiti tas-sigurtà operazzjonali jew il-frekwenza taż-żona sinkronika ġirien fil-limiti tal-frekwenza tas-sistema għall-istat ta' twissija definit skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2017/1485;

(b)

funzjonijiet ta' kontroll awtomatiku tal-potenza attiva trażmessa fuq il-bażi tas-sinjali u l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2016/1447;

(c)

kontroll awtomatiku tal-frekwenza skont l-Artikoli 15 sa 18 tar-Regolament (UE) 2016/1447 fil-każ ta' operat ta' netwerk iżolat;

(d)

kontroll tal-vultaġġ u tal-potenza reattiva skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2016/1447, u

(e)

kwalunkwe azzjoni xierqa oħra.

3.   Kull TSO jista' jipproċedi għall-iskonnessjoni manwali ta' kwalunkwe element tas-sistema ta' trażmissjoni li jkollu impatt transfruntier sinifikanti, inkluż interkonnettur, soġġett għar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

it-TSO għandu jikkoordina mat-TSOs ġirien; u

(b)

din l-azzjoni ma għandhiex iddaħħal is-sistema ta' trażmissjoni interkonnessa li jifdal, fi stat ta' emerġenza jew ta' blekawt.

4.   Minkejja l-paragrafu 3, TSO jista' jiskonnettja manwalment kwalunkwe element tas-sistema ta' trażmissjoni li jkollu impatt transfruntier sinifikanti, inkluż interkonnettur, mingħajr koordinazzjoni, f'ċirkustanzi eċċezzjonali li jimplikaw ksur tal-limiti tas-sigurtà operazzjonali, biex jevita li tiġi pperikolata s-sikurezza tal-persunal jew li ssir ħsara fit-tagħmir. Fi żmien 30 jum mill-inċident, it-TSO għandu jipprepara rapport tal-anqas bl-Ingliż li jkun fih spjegazzjoni dettaljata tal-ħsieb, l-implimentazzjoni u l-impatt ta' din l-azzjoni u jippreżentah lill-awtorità regolatorja rilevanti b'konformità mal-Artikolu 37 tad-Direttiva 2009/72/KE u lit-TSOs ġirien, u jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-utenti tas-sistema affettwati b'mod sinifikanti.

TAQSIMA 2

Miżuri tal-Pjan ta' Difiża tas-Sistema

Artikolu 15

Skema għall-kontroll awtomatiku ta' sottofrekwenza

1.   L-iskema għall-kontroll awtomatiku ta' sottofrekwenza, tal-pjan ta' difiża tas-sistema, għandha tinkludi skema għall-iskonnessjoni awtomatika tad-domanda f'każ ta' frekwenza baxxa u s-settings tal-modalità sensittiva għal frekwenza limitata–sottofrekwenza fiż-żona ta' kontroll tal-frekwenza tat-tagħbija (LFC) tat-TSO.

2.   Fit-tfassil tal-pjan ta' difiża tas-sistema tiegħu, kull TSO għandu jipprovdi għall-attivazzjoni tal-modalità sensittiva għal frekwenza limitata–sottofrekwenza qabel ma tiġi attivata l-iskema għall-iskonnessjoni awtomatika tad-domanda f'każ ta' frekwenza baxxa, meta r-rata ta' tibdil tal-frekwenza tippermetti dan.

3.   Qabel ma tiġi attivata l-iskema għall-iskonnessjoni awtomatika tad-domanda f'każ ta' frekwenza baxxa, kull TSO u DSO identifikat skont l-Artikolu 11(4) għandu jipprevedi li l-unitajiet ta' ħażna tal-enerġija li jaġixxu bħala tagħbija konnessa mas-sistema tiegħu:

(a)

jaqilbu awtomatikament għall-modalità ta' ġenerazzjoni fil-limitu taż-żmien u f'punt stabbilit ta' potenza attiva stabbilit mit-TSO fil-pjan ta' difiża tas-sistema; jew

(b)

meta l-unità ta' ħażna tal-enerġija ma tkunx kapaċi taqleb fil-limitu taż-żmien stabbilit mit-TSO fil-pjan ta' difiża tas-sistema, jiskonnettjaw awtomatikament l-unità ta' ħażna tal-enerġija li tkun qiegħda taġixxi bħala tagħbija.

4.   Fil-pjan ta' difiża tas-sistema tiegħu, kull TSO għandu jistabbilixxi s-sollijiet tal-frekwenza li fihom għandhom iseħħu l-qlib awtomatiku jew l-iskonnessjoni tal-unitajiet ta' ħażna tal-enerġija. Dawn is-sollijiet tal-frekwenza għandhom ikunu aktar baxxi minn, jew daqs il-limitu ta' frekwenza tas-sistema definit għall-istat ta' emerġenza fl-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) 2017/1485 u ogħla mil-limitu ta' frekwenza għal-livell obbligatorju tal-bidu għall-iskonnessjoni tad-domanda stabbilit fl-Anness.

5.   Kull TSO għandu jfassal l-iskema għall-iskonnessjoni awtomatika tad-domanda f'każ ta' frekwenza baxxa skont il-parametri għat-tnaqqis tat-tagħbija f'ħin reali stabbiliti fl-Anness. L-iskema għandha tinkludi l-iskonnessjoni tad-domanda fi frekwenzi differenti, minn “livell obbligatorju tal-bidu” sa “livell obbligatorju finali”, f' medda ta' implimentazzjoni filwaqt li tirrispetta numru minimu u daqs massimu ta' passi. Il-medda ta' implimentazzjoni għandha tiddefinixxi d-devjazzjoni massima ammissibbli tad-domanda netta li għandha tiġi skonnettjata mid-domanda netta fil-mira li għandha tiġi skonnettjata fi frekwenza partikolari, ikkalkulata permezz ta' interpolazzjoni lineari bejn il-livelli obbligatorji tal-bidu u l-livelli obbligatorji finali. Il-medda ta' implimentazzjoni ma għandhiex tippermetti l-iskonnessjoni ta' anqas domanda netta mill-ammont tad-domanda netta li għandu jiġi skonnettjat fil-livell obbligatorju tal-bidu. Pass ma jistax jitqies bħala tali jekk l-ebda domanda netta ma tiġi skonnettjata ladarba jintlaħaq dan il-pass.

6.   Kull TSO jew DSO għandu jinstalla r-rilejs neċessarji għall-iskonnessjoni tad-domanda f'każ ta' frekwenza baxxa billi jqis tal-anqas l-imġiba tat-tagħbija u l-ġenerazzjoni mxerrda.

7.   Fl-implimentazzjoni tal-iskema għall-iskonnessjoni awtomatika tad-domanda f'każ ta' frekwenza baxxa f'konformità man-notifika skont l-Artikolu 12(2), kull TSO jew DSO għandu:

(a)

jevita li jissettja dewmien intenzjonali fil-ħin minbarra l-ħin operattiv tar-rilejs u tas-salvaviti;

(b)

jimminimizza l-iskonnessjoni tal-moduli tal-ġenerazzjoni tal-enerġija, speċjalment dawk li jipprovdu l-inerzja; u

(c)

jillimita r-riskju li l-iskema twassal għal devjazzjonijiet fil-fluss tal-enerġija u devjazzjonijiet fil-vultaġġ barra l-limiti tas-sigurtà operazzjonali.

Jekk DSO ma jkunx jista' jissodisfa r-rekwiżiti skont il-punti (b) u (c), huwa għandu jinnotifika lit-TSO u jipproponi liema rekwiżit għandu japplika. It-TSO, b'konsultazzjoni mad-DSO għandu jistabbilixxi r-rekwiżiti applikabbli abbażi ta' analiżi konġunta tal-kostijiet-benefiċċji.

8.   L-iskema għall-iskonnessjoni awtomatika tad-domanda f'każ ta' frekwenza baxxa, tal-pjan ta' difiża tas-sistema, tista' tipprovdi għall-iskonnessjoni tad-domanda netta bbażata fuq gradjent tal-frekwenza bil-kundizzjoni li:

(a)

din tiġi attivata biss:

(i)

meta d-devjazzjoni tal-frekwenza tkun ogħla mid-devjazzjoni statika massima tal-frekwenza u l-gradjent tal-frekwenza jkun ogħla minn dak prodott mill-inċident ta' referenza;

(ii)

sakemm il-frekwenza tilħaq il-frekwenza tal-livell obbligatorju tal-bidu għall-iskonnessjoni tad-domanda;

(b)

tikkonforma mal-Anness; u

(c)

tkun meħtieġa u ġġustifikata sabiex tinżamm b'mod effiċjenti s-sigurtà operazzjonali.

9.   F'każ li l-iskema għall-iskonnessjoni awtomatika tad-domanda f'każ ta' frekwenza baxxa tal-pjan ta' difiża tas-sistema tinkludi skonnessjoni tad-domanda netta bbażata fuq gradjent tal-frekwenza, kif deskritta fil-paragrafu 8, it-TSO għandu jippreżenta, fi żmien 30 jum mill-implimentazzjoni, rapport li jinkludi spjegazzjoni dettaljata tal-ħsieb, l-implimentazzjoni u l-impatt ta' din il-miżura, lill-awtorità regolatorja nazzjonali.

10.   Fl-iskema għall-iskonnessjoni awtomatika tad-domanda f'każ ta' frekwenza baxxa, tal-pjan ta' difiża tas-sistema tiegħu, TSO jista' jinkludi passi addizzjonali għall-iskonnessjoni tad-domanda netta taħt il-livell obbligatorju finali tal-iskonnessjoni tad-domanda stabbilit fl-Anness.

11.   Kull TSO għandu jkun intitolat li jimplimenta skemi addizzjonali għall-protezzjoni tas-sistema li jkunu attivati minn frekwenza iżgħar jew daqs il-frekwenza tal-livell obbligatorju finali tal-iskonnessjoni tad-domanda u li jfittxu proċess ta' restawr aktar mgħaġġel. It-TSO għandu jassigura li dawn l-iskemi addizzjonali ma jiddeterjorawx ulterjorment il-frekwenza.

Artikolu 16

Skema għall-kontroll awtomatiku ta' sovrafrekwenza

1.   L-iskema għall-kontroll awtomatiku ta' sovrafrekwenza, tal-pjan ta' difiża tas-sistema, għandha twassal għal tnaqqis awtomatiku tal-potenza attiva totali injettata f'kull żona LFC.

2.   F'konsultazzjoni mat-TSOs l-oħra taż-żona sinkronika tiegħu, kull TSO għandu jistabbilixxi l-parametri li ġejjin tal-iskema tiegħu għall-kontroll awtomatiku ta' sovrafrekwenza:

(a)

is-sollijiet tal-frekwenza għall-attivazzjoni tagħha; u

(b)

il-proporzjon tat-tnaqqis tal-injezzjoni tal-potenza attiva.

3.   Kull TSO għandu jfassal l-iskema tiegħu għall-kontroll awtomatiku ta' sovrafrekwenza filwaqt li jqis il-kapaċitajiet tal-moduli tal-ġenerazzjoni tal-enerġija dwar il-modalità sensittiva għal frekwenza limitata – sovrafrekwenza u tal-unitajiet ħażna tal-enerġija, fiż-żona LFC tiegħu. Jekk il-modalità sensittiva għal frekwenza limitata – sovrafrekwenza ma tkunx teżisti jew ma tkunx biżżejjed biex tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2, kull TSO għandu jimplimenta wkoll skonnessjoni lineari pass pass tal-ġenerazzjoni fiż-żona LFC tiegħu. It-TSO għandu jistabbilixxi d-daqs massimu tal-passi għall-iskonnessjoni tal-moduli tal-ġenerazzjoni tal-enerġija u/jew tas-sistemi HVDC f'konsultazzjoni mat-TSOs l-oħra taż-żona sinkronika tiegħu.

Artikolu 17

Skema awtomatika kontra l-waqgħa tal-vultaġġ

1.   L-iskema awtomatika kontra l-waqgħa tal-vultaġġ, tal-pjan ta' difiża tas-sistema, tista' tinkludi waħda jew aktar mill-iskemi li ġejjin skont ir-riżultati ta' valutazzjoni tas-sigurtà tas-sistema minn TSO:

(a)

skema għall-iskonnessjoni tad-domanda f'każ ta' vultaġġ baxx skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (UE) 2016/1388;

(b)

skema tal-imblukkar għall-kommutatur tat-trasformatur fi stat ta' tagħbija skont l-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2016/1388; u

(c)

skemi ta' protezzjoni tas-sistema għall-ġestjoni tal-vultaġġ.

2.   Sakemm il-valutazzjoni skont il-paragrafu 1 ma turix li l-implimentazzjoni ta' skema tal-imblukkar għall-kommutatur tat-trasformatur ma tkunx meħtieġa sabiex tipprevjeni waqgħa tal-vultaġġ fiż-żona ta' kontroll tat-TSO, it-TSO għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom il-kommutatur għat-trasformatur għandu jimblokka skont l-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2016/1388, li jinkludu tal-anqas:

(a)

il-metodu tal-imblukkar (lokali jew mill-bogħod minn kamra tal-kontroll);

(b)

is-soll tal-livell ta' vultaġġ fil-punt ta' konnessjoni;

(c)

id-direzzjoni tal-fluss tal-potenza reattiva; u

(d)

il-ħin massimu li jgħaddi bejn is-sejbien tas-soll u l-imblukkar.

Artikolu 18

Proċedura għall-ġestjoni ta' devjazzjonijiet tal-frekwenza

1.   Il-proċedura għall-ġestjoni ta' devjazzjonijiet tal-frekwenza, tal-pjan ta' difiża tas-sistema, għandha tinkludi sett ta' miżuri għall-ġestjoni ta' devjazzjoni tal-frekwenza barra l-limiti tal-frekwenza għall-istat ta' twissija fl-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2017/1485. Il-proċedura għall-ġestjoni ta' devjazzjonijiet tal-frekwenza għandha tkun konformi mal-proċeduri stabbiliti għall-azzjonijiet ta' rimedju li jridu jiġu mmaniġġjati b'mod ikkoordinat skont l-Artikolu 78(4) tar-Regolament (UE) 2017/1485 u għandha tissodisfa tal-anqas ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

it-tnaqqis tal-ġenerazzjoni għandu jkun iżgħar mit-tnaqqis tat-tagħbija waqt avvenimenti ta' sottofrekwenza; u

(b)

it-tnaqqis tal-ġenerazzjoni għandu jkun akbar mit-tnaqqis tat-tagħbija waqt avvenimenti ta' sovrafrekwenza.

2.   Kull TSO għandu jaddatta l-modalità operattiva tal-LFC tiegħu sabiex jipprevjeni l-interferenza mal-attivazzjoni jew id-diżattivazzjoni manwali tal-potenza attiva kif stabbilit fil-paragrafi 3 u 5.

3.   Kull TSO għandu jkun intitolat li jistabbilixxi punt fiss ta' potenza attiva li kull SGU identifikat skont il-punt (c) tal-Artikolu 11(4) għandu jżomm, bil-kundizzjoni li l-punt fiss jissodisfa r-restrizzjonijiet tekniċi tal-SGU. Kull TSO għandu jkun intitolat li jistabbilixxi punt fiss tal-potenza attiva li kull fornitur ta' servizz ta' difiża għandu jżomm, bil-kundizzjoni li din il-miżura tapplika għalihom skont il-patti u l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(4) u l-punt fiss jirrispetta r-restrizzjonijiet tekniċi tal-fornitur ta' servizz ta' difiża. L-SGUs u l-fornituri ta' servizz ta' difiża għandhom jeżegwixxu mingħajr dewmien bla bżonn l-istruzzjonijiet mogħtija mit-TSO direttament jew indirettament permezz tad-DSOs u għandhom jibqgħu f'dak l-istat sakemm jinħarġu struzzjonijiet oħra. Meta l-istruzzjonijiet jingħataw direttament, it-TSO għandu jinforma lid-DSOs rilevanti mingħajr dewmien bla bżonn.

4.   Kull TSO għandu jkun intitolat li jiskonnettja l-SGUs u l-fornituri ta' servizz ta' difiża, direttament jew indirettament permezz tad-DSOs. L-SGUs u l-fornituri tas-servizz ta' difiża għandhom jibqgħu skonnettjati sakemm jinħarġu aktar struzzjonijiet. Meta l-SGUs jiġu skonnettjati direttament, it-TSO għandu jinforma lid-DSOs rilevanti mingħajr dewmien bla bżonn. Fi żmien 30 jum mill-inċident, it-TSO għandu jipprepara rapport li jkun fih spjegazzjoni dettaljata tal-ħsieb, l-implimentazzjoni u l-impatt ta' din l-azzjoni u jippreżentah lill-awtorità regolatorja rilevanti b'konformità mal-Artikolu 37 tad-Direttiva 2009/72/KE kif ukoll iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-utenti tas-sistema affettwati b'mod sinifikanti.

5.   Qabel ma tiġi attivata l-iskema għall-iskonnessjoni awtomatika tad-domanda f'każ ta' frekwenza baxxa, stipulata fl-Artikolu 15, u sakemm ir-rata ta' tibdil tal-frekwenza tippermetti dan, kull TSO għandu, direttament jew indirettament permezz tad-DSOs, jattiva rispons tad-domanda mill-fornituri tas-servizz ta' difiża rilevanti u:

(a)

jaqleb l-unitajiet ta' ħażna tal-enerġija li jaġixxu bħala tagħbija għall-modalità ta' ġenerazzjoni f'punt fiss ta' potenza attiva stabbilit mit-TSO fil-pjan ta' difiża tas-sistema; jew

(b)

meta l-unità ta' ħażna tal-enerġija ma tkunx kapaċi taqleb malajr biżżejjed sabiex tistabbilizza l-frekwenza, jiskonnettja manwalment l-unità ta' ħażna tal-enerġija.

Artikolu 19

Proċedura għall-ġestjoni ta' devjazzjonijiet tal-vultaġġ

1.   Il-proċedura għall-ġestjoni ta' devjazzjonijiet tal-vultaġġ, tal-pjan ta' difiża tas-sistema, għandha tinkludi sett ta' miżuri għall-ġestjoni ta' devjazzjonijiet tal-vultaġġ barra l-limiti tas-sigurtà operazzjonali stabbiliti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2017/1485.

2.   Kull TSO għandu jkun intitolat li jistabbilixxi medda ta' potenza reattiva jew medda ta' vultaġġ u jagħti struzzjoni lid-DSOs u lill-SGUs identifikati għal din il-miżura skont l-Artikolu 11(4) sabiex iżommuha, skont l-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament (UE) 2017/1485.

3.   Fuq talba minn TSO ġar fi stat ta' emerġenza, kull TSO għandu jagħmel disponibbli l-kapaċitajiet kollha ta' potenza reattiva li ma jwasslux is-sistema ta' trażmissjoni tiegħu fi stat ta' emerġenza jew ta' blekawt.

Artikolu 20

Proċedura għall-ġestjoni tal-fluss tal-enerġija

1.   Il-proċedura għall-ġestjoni tal-fluss tal-enerġija, tal-pjan ta' difiża tas-sistema, għandha tinkludi sett ta' miżuri għall-ġestjoni tal-fluss tal-enerġija barra l-limiti tas-sigurtà operazzjonali stabbiliti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2017/1485.

2.   Kull TSO għandu jkun intitolat li jistabbilixxi punt fiss ta' potenza attiva li kull SGU identifikat skont il-punt (c) tal-Artikolu 11(4) għandu jżomm, bil-kundizzjoni li l-punt fiss jirrispetta r-restrizzjonijiet tekniċi tal-SGU. Kull TSO għandu jkun intitolat li jistabbilixxi punt fiss tal-potenza attiva li kull fornitur ta' servizz ta' difiża għandu jżomm, bil-kundizzjoni li din il-miżura tapplika għalihom skont il-patti u l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(4) u l-punt fiss jirrispetta r-restrizzjonijiet tekniċi tal-fornituri tas-servizz ta' difiża. L-SGUs u l-fornituri ta' servizz ta' difiża għandhom jeżegwixxu mingħajr dewmien bla bżonn l-istruzzjonijiet mogħtija mit-TSO direttament jew indirettament permezz tad-DSOs u għandhom jibqgħu f'dak l-istat sakemm jinħarġu struzzjonijiet oħra. Meta l-istruzzjonijiet jingħataw direttament, it-TSO għandu jinforma lid-DSOs rilevanti mingħajr dewmien bla bżonn.

3.   Kull TSO għandu jkun intitolat li jiskonnettja l-SGUs u l-fornituri ta' servizz ta' difiża, direttament jew indirettament permezz tad-DSOs. L-SGUs u l-fornituri tas-servizz ta' difiża għandhom jibqgħu skonnettjati sakemm jinħarġu aktar struzzjonijiet. Meta l-SGUs jiġu skonnettjati direttament, it-TSO għandu jinforma lid-DSOs rilevanti mingħajr dewmien bla bżonn. Fi żmien 30 jum mill-inċident, it-TSO għandu jipprepara rapport li jkun fih spjegazzjoni dettaljata tal-ħsieb, l-implimentazzjoni u l-impatt ta' din l-azzjoni u jippreżentah lill-awtorità regolatorja rilevanti b'konformità mal-Artikolu 37 tad-Direttiva 2009/72/KE.

Artikolu 21

Assistenza għall-proċedura tal-potenza attiva

1.   F'każ ta' nuqqas ta' adegwatezza taż-żona ta' kontroll f'perjodu ta' żmien ta' ġurnata bil-quddiem jew fl-istess ġurnata, identifikat skont il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 107 tar-Regolament (UE) 2017/1485, u qabel kwalunkwe sospensjoni potenzjali tal-attivitajiet tas-suq skont l-Artikolu 35, TSO għandu jkun intitolat li jitlob assistenza għall-potenza attiva mingħand:

(a)

kwalunkwe fornitur tas-servizz ta' bbilanċjar, li, fuq talba tat-TSO, għandu jibdel l-istatus ta' disponibbiltà tiegħu biex jagħmel disponibbli l-potenza attiva tiegħu kollha, bil-kundizzjoni li ma tkunx diġà ġiet attivata permezz tas-suq tal-ibbilanċjar, u jikkonforma mar-restrizzjonijiet tekniċi tiegħu;

(b)

kwalunkwe SGU konness fiż-żona LFC tiegħu, li ma jkunx diġà jipprovdi servizz ta' bbilanċjar lit-TSO, u li, fuq talba tat-TSO, għandu jagħmel disponibbli l-potenza attiva tiegħu kollha, filwaqt li jikkonforma mar-restrizzjonijiet tekniċi tiegħu; u

(c)

TSOs oħrajn li huma fl-istat normali jew ta' twissija.

2.   TSO jista' jattiva l-assistenza għall-potenza attiva mingħand fornitur tas-servizz ta' bbilanċjar jew mingħand SGU, skont il-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1, biss jekk ikun attiva l-offerti kollha għall-enerġija ta' bbilanċjar disponibbli, b'kont meħud tal-kapaċità transżonali disponibbli fil-mument tan-nuqqas ta' adegwatezza taż-żona ta' kontroll.

3.   Kull TSO li jkun ġie soġġett għal talba għall-assistenza għal potenza attiva skont il-paragrafu 1(c) għandu:

(a)

jagħmel disponibbli l-offerti mhux kondiviżi tiegħu;

(b)

ikun intitolat li jattiva l-enerġija ta' bbilanċjar disponibbli, sabiex tiġi pprovduta l-enerġija korrispondenti lit-TSO li jagħmel it-talba; u

(c)

ikun intitolat li jitlob l-assistenza għall-potenza attiva mingħand il-fornituri ta' servizz ta' bbilanċjar tiegħu jew mingħand kwalunkwe SGU kkonnettjat fż-żona LFC tiegħu li ma jkunx diġà jipprovdi servizz ta' bbilanċjar lit-TSO, sabiex jipprovdi l-assistenza korrispondenti għall-potenza attiva lit-TSO rikjedenti.

4.   Meta jkunu qegħdin jattivaw il-potenza attiva mitluba skont il-paragrafu 1(c), it-TSO rikjedenti u t-TSO mitlub għandhom ikunu intitolati li jużaw:

(a)

il-kapaċità transżonali disponibbli f'każ li l-attivazzjoni ssir qabel il-ħin tal-għeluq tan-negozju tal-kapaċità transżonali tal-istess ġurnata u jekk il-forniment tal-kapaċitajiet transżonali kkonċernati ma jkunx ġie sospiż skont l-Artikolu 35;

(b)

il-kapaċità addizzjonali li tista' tkun disponibbli minħabba l-istatus ta' ħin reali tas-sistema, f'liema każ it-TSO rikjedenti u t-TSO mitlub għandhom jikkoordinaw ma' TSOs oħra affettwati b'mod sinifikanti skont l-Artikolu 6(5).

5.   Ladarba t-TSO mitlub u t-TSO rikjedenti jkunu qablu dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-assistenza għall-potenza attiva, l-ammont miftiehem ta' potenza attiva u l-ħinijiet allokati għall-forniment għandhom ikunu sodi, sakemm is-sistema tat-trażmissjoni tat-TSO li jipprovdi l-assistenza ma tidħolx fl-istat ta' emerġenza jew ta' blekawt.

Artikolu 22

Proċedura għall-iskonnessjoni manwali tad-domanda

1.   Minbarra l-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 18 sa 21, kull TSO jista' jistabbilixxi ammont tad-domanda netta li għandu jiġi skonnettjat manwalment, direttament mit-TSO jew indirettament permezz tad-DSOs, fejn ikun meħtieġ sabiex jiġu evitati l-propagazzjoni jew it-taħżin ta' stat ta' emerġenza. Meta d-domanda trid tiġi skonnettjata direttament, it-TSO għandu jinforma lid-DSOs rilevanti mingħajr dewmien.

2.   It-TSO għandu jattiva l-iskonnessjoni manwali tad-domanda netta msemmija fil-paragrafu 1 biex:

(a)

isolvi sitwazzjonijiet ta' tagħbijiet eċċessivi jew ta' vultaġġ baxx; jew

(b)

isolvi sitwazzjonijiet fejn tkun intalbet assistenza għal potenza attiva skont l-Artikolu 21 iżda din ma tkunx suffiċjenti sabiex tinżamm l-adegwatezza fiż-żona ta' kontroll tiegħu fil-perjodu ta' żmien ta' ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata, skont l-Artikolu 107 tar-Regolament (UE) 2017/1485, li jwassal għal riskju ta' deterjorament tal-frekwenza fiż-żona sinkronika.

3.   It-TSO għandu jinnotifika lid-DSOs dwar l-ammont tad-domanda netta stabbilita skont il-paragrafu 1 li għandha tiġi skonnettjata fis-sistemi ta' distribuzzjoni tagħhom. Kull DSO għandu jiskonnettja l-ammont innotifikat tad-domanda netta, mingħajr dewmien bla bżonn.

4.   Fi żmien 30 jum mill-inċident, it-TSO għandu jipprepara rapport li jkun fih spjegazzjoni dettaljata tal-ħsieb, l-implimentazzjoni u l-impatt ta' din l-azzjoni u jippreżentah lill-awtorità regolatorja rilevanti b'konformità mal-Artikolu 37 tad-Direttiva 2009/72/KE.

KAPITOLU III

PJAN TA' RESTAWR

TAQSIMA 1

Dispożizzjonijiet Ġenerali

Artikolu 23

Tfassil tal-pjan ta' restawr

1.   Sat-18 ta' Diċembru 2018 kull TSO għandu jfassal pjan ta' restawr f'konsultazzjoni mad-DSOs, l-SGUs, u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rilevanti, jew l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 4(3), it-TSOs ġirien u t-TSOs l-oħra f'dik iż-żona sinkronika.

2.   Fit-tfassil tal-pjan ta' restawr tiegħu, kull TSO għandu jikkunsidra, tal-anqas, l-elementi li ġejjin:

(a)

l-imġiba u l-kapaċitajiet ta' tagħbija u ġenerazzjoni;

(b)

il-ħtiġijiet speċifiċi tal-utenti sinifikanti tal-grilja ta' prijorità għolja elenkati skont il-paragrafu (4); u

(c)

il-karatteristiċi tan-netwerk tiegħu u tan-netwerks tad-DSOs sottostanti.

3.   Il-pjan ta' restawr għandu jinkludi tal-anqas id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-kundizzjonijiet li fihom jiġi attivat il-pjan ta' restawr, kif previst fl-Artikolu 25;

(b)

l-istruzzjonijiet tal-pjan ta' restawr li għandhom jinħarġu mit-TSO; u

(c)

il-miżuri soġġetti għal konsultazzjoni jew koordinazzjoni f'ħin reali mal-partijiet identifikati.

4.   B'mod partikolari, il-pjan ta' restawr għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

lista tal-miżuri li għandhom jiġu implimentati mit-TSO fuq l-installazzjonijiet tiegħu;

(b)

lista tal-miżuri li għandhom jiġu implimentati mid-DSOs u tad-DSOs responsabbli għall-implimentazzjoni ta' dawk il-miżuri fuq l-installazzjonijiet tagħhom;

(c)

lista tal-SGUs responsabbli għall-implimentazzjoni fuq l-installazzjonijiet tagħhom, tal-miżuri li jirriżultaw mir-rekwiżiti obbligatorji stabbiliti fir-Regolamenti (UE) 2016/631, (UE) 2016/1388 u (UE) 2016/1447 jew mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u lista tal-miżuri li għandhom jiġu implimentati minn dawk l-SGUs;

(d)

il-lista tal-utenti sinifikanti tal-grilja ta' prijorità għolja u l-patti u l-kundizzjonijiet għall-iskonnessjoni u r-rienerġizzazzjoni tagħhom;

(e)

lista tas-substazzjonijiet li huma essenzjali għall-proċeduri tal-pjan ta' restawr tiegħu;

(f)

in-numru ta' sorsi ta' enerġija fiż-żona ta' kontroll tat-TSO li huma neċessarji sabiex tiġi rienerġizzata s-sistema tiegħu bi strateġija ta' rienerġizzazzjoni minn isfel għal fuq li jkollha abilità ta' startjar minn mitfi totali, abilità ta' risinkronizzazzjoni ta' malajr (permezz ta' operat tad-domanda interna) u abilità ta' operat ta' netwerk iżolat; u

(g)

l-iskadenzi għall-implimentazzjoni ta' kull miżura elenkata.

5.   Il-pjan ta' restawr għandu jinkludi tal-anqas il-miżuri tekniċi u organizzattivi li ġejjin speċifikati fil-Kapitolu III:

(a)

il-proċedura ta' rienerġizzazzjoni, skont it-Taqsima 2;

(b)

il-proċedura għall-ġestjoni tal-frekwenza, skont it-Taqsima 3; u

(c)

il-proċedura għar-risinkronizzazzjoni, skont it-Taqsima 4.

6.   Il-miżuri kontenuti fil-pjan ta' restawr għandhom jikkonformaw mal-prinċipji li ġejjin:

(a)

l-impatt tagħhom fuq l-utenti tas-sistema għandu jkun minimu;

(b)

huma għandhom ikunu ekonomikament effiċjenti;

(c)

għandhom jiġu attivati biss dawk il-miżuri li jkunu neċessarji; u

(d)

ma għandhomx iwasslu lis-sistemi interkonnessi ta' trażmissjoni fi stat ta' emerġenza jew ta' blekawt.

Artikolu 24

Implimentazzjoni tal-pjan ta' restawr

1.   Sat-18 ta' Diċembru 2019 kull TSO għandu jimplimenta dawk il-miżuri tal-pjan ta' restawr tiegħu li għandhom jiġu implimentati fuq is-sistema ta' trażmissjoni. Huwa għandu jżomm il-miżuri implimentati minn hemmhekk 'il quddiem.

2.   Sat-18 ta' Diċembru 2018 kull TSO għandu jinnotifika lid-DSOs konnessi mat-trażmissjoni dwar il-miżuri, inklużi d-dati ta' skadenza għall-implimentazzjoni, li għandhom jiġu implimentati fuq:

(a)

l-installazzjonijiet tad-DSO skont l-Artikolu 23(4); u

(b)

l-installazzjonijiet tal-SGUs identifikati skont l-Artikolu 23(4) u konnessi mas-sistemi ta' distribuzzjoni tagħhom; u

(c)

l-installazzjonijiet tal-fornituri ta' servizz ta' restawr konnessi mas-sistemi ta' distribuzzjoni tagħhom; u

(d)

l-installazzjonijiet tad-DSOs konnessi mas-sistemi ta' distribuzzjoni tagħhom.

3.   Sat-18 ta' Diċembru 2018 kull TSO għandu jinnotifika lill-SGUs identifikati skont l-Artikolu 23(4) u lill-fornituri ta' servizz ta' restawr konnessi direttament mas-sistema ta' trażmissjoni tiegħu, dwar il-miżuri li għandhom jiġu implimentati fuq l-installazzjonijiet tagħhom, inklużi l-iskadenzi għall-implimentazzjoni skont il-punt (g) tal-Artikolu 23(4).

4.   Meta jkun stipulat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, it-TSO għandu jinnotifika direttament lill-SGUs identifikati skont l-Artikolu 23(4) u lill-fornituri tas-servizz ta' restawr u lid-DSOs konnessi mas-sistemi ta' distribuzzjoni u għandu jinforma lid-DSO kkonċernat dwar din in-notifika.

5.   Fejn TSO jinnotifika DSO skont il-paragrafu 2, id-DSO mbagħad għandu jinnotifika, mingħajr dewmien, lill-SGUs, lill-fornituri tas-servizz ta' restawr u lid-DSOs konnessi mas-sistema ta' distribuzzjoni tiegħu, dwar il-miżuri tal-pjan ta' restawr li huma jridu jimplimentaw fuq l-installazzjonijiet rispettivi tagħhom, inklużi l-iskadenzi għall-implimentazzjoni skont il-punt (g) tal-Artikolu 23(4).

6.   Kull DSO, SGU u fornitur tas-servizz ta' restawr innotifikat għandu:

(a)

jimplimenta l-miżuri nnotifikati sa mhux aktar tard minn 12-il xahar mid-data tan-notifika;

(b)

jikkonferma l-implimentazzjoni tal-miżuri lill-operatur tas-sistema notifikanti, li, meta jkun differenti mit-TSO, għandu jinnotifika lit-TSO; u

(c)

iżomm il-miżuri implimentati fuq l-installazzjonijiet tiegħu.

Artikolu 25

Attivazzjoni tal-pjan ta' restawr

1.   Kull TSO għandu jattiva l-proċeduri tal-pjan ta' restawr tiegħu f'koordinazzjoni mad-DSOs u l-SGUs identifikati skont l-Artikolu 23(4) u mal-fornituri ta' servizz ta' restawr fil-każijiet li ġejjin:

(a)

meta s-sistema tkun fl-istat ta' emerġenza skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) 2017/1485, ladarba s-sistema tiġi stabbilizzata wara l-attivazzjoni tal-miżuri tal-pjan ta' difiża tas-sistema; jew

(b)

meta s-sistema tkun fl-istat ta' blekawt skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 18(4) tar-Regolament (UE) 2017/1485.

2.   Waqt ir-restawr tas-sistema, kull TSO għandu jidentifika u jimmonitorja:

(a)

id-daqs u l-konfini tar-reġjun sinkronizzat jew tar-reġjuni sinkronizzati li għalihom tappartjeni ż-żona ta' kontroll tiegħu;

(b)

it-TSOs li magħhom jaqsam reġjun sinkronizzat jew reġjuni sinkronizzati; u

(c)

ir-riserva ta' potenza attiva disponibbli fiż-żona ta' kontroll tiegħu.

3.   Kull DSO u SGU identifikat skont l-Artikolu 23(4), kif ukoll kull fornitur ta' servizz ta' restawr għandu jesegwixxi mingħajr dewmien l-istruzzjonijiet tal-pjan ta' restawr maħruġa mit-TSO, skont il-punt (b) tal-Artikolu 23(3) skont il-proċeduri tal-pjan ta' restawr.

4.   Kull TSO għandu jattiva dawk il-proċeduri tal-pjan ta' restawr tiegħu li jkollhom impatt transfruntier sinifikanti, f'koordinazzjoni mat-TSOs affettwati.

TAQSIMA 2

Rienerġizzazzjoni

Artikolu 26

Proċedura ta' rienerġizzazzjoni

1.   Il-proċedura ta' rienerġizzazzjoni, tal-pjan ta' restawr, għandha tinkludi sett ta' miżuri li jippermettu lit-TSO li japplika:

(a)

strateġija ta' rienerġizzazzjoni minn fuq għal isfel; u

(b)

strateġija ta' rienerġizzazzjoni minn isfel għal fuq.

2.   Rigward l-istrateġija ta' rienerġizzazzjoni minn isfel għal fuq, il-proċedura ta' rienerġizzazzjoni għandha mill-anqas tinkludi miżuri għal:

(a)

l-immaniġġjar ta' devjazzjonijiet tal-vultaġġ u tal-frekwenza minħabba r-rienerġizzazzjoni;

(b)

il-monitoraġġ u l-ġestjoni ta' operat ta' netwerk iżolat; u

(c)

ir-risinkronizzazzjoni ta' żoni b'operat ta' netwerk iżolat.

Artikolu 27

Attivazzjoni tal-proċedura ta' rienerġizzazzjoni

1.   Meta jkun qiegħed jattiva l-proċedura ta' rienerġizzazzjoni, kull TSO għandu jistabbilixxi l-istrateġija li għandha tiġi applikata, b'kont meħud ta':

(a)

id-disponibbiltà ta' sorsi ta' enerġija li kapaċi jagħmlu rienerġizzazzjoni fiż-żona ta' kontroll tiegħu;

(b)

it-tul ta' żmien u r-riskji mistennija tal-istrateġiji possibbli ta' rienerġizzazzjoni;

(c)

il-kundizzjonijiet tas-sistemi tal-enerġija;

(d)

il-kundizzjonijiet tas-sistemi konnessi direttament, li jinkludu tal-anqas l-istatus tal-interkonnetturi;

(e)

l-utenti tal-grilja sinifikanti ta' prijorità għolja elenkati skont l-Artikolu 23(4); u

(f)

il-possibbiltà li jiġu kombinati strateġiji ta' rienerġizzazzjoni minn fuq għal isfel u minn isfel għal fuq.

2.   Meta japplika strateġija ta' rienerġizzazzjoni minn fuq għal isfel, kull TSO għandu jimmaniġġja l-konnessjoni tat-tagħbija u tal-ġenerazzjoni bil-għan li l-frekwenza tiġi regolata lejn il-frekwenza nominali b'tolleranza massima tad-devjazzjoni statika massima tal-frekwenza. Kull TSO għandu japplika l-kundizzjonijiet għall-konnessjoni tat-tagħbija u l-ġenerazzjoni definiti mill-mexxej tal-frekwenza, meta jkun maħtur skont l-Artikolu 29.

3.   Meta japplika strateġija ta' rienerġizzazzjoni minn isfel għal fuq, kull TSO għandu jimmaniġġja l-konnessjoni tat-tagħbija u tal-ġenerazzjoni bil-għan li l-frekwenza tiġi regolata lejn il-frekwenza fil-mira stabbilita skont il-punt (c) tal-Artikolu 28(3).

4.   Waqt ir-rienerġizzazzjoni, it-TSO għandu, wara konsultazzjoni mad-DSOs, jistabbilixxi u jinnotifika l-ammont tad-domanda netta li għandu jiġi rikonness fuq in-netwerks ta' distribuzzjoni. Kull DSO għandu jikkonnettja mill-ġdid l-ammont innotifikat tad-domanda netta, filwaqt li jirrispetta t-tagħbija fi blokok u jqis ir-rikonnessjoni awtomatika tat-tagħbija u l-ġenerazzjoni fin-netwerk tiegħu.

5.   Kull TSO għandu jinforma lit-TSOs ġirien tiegħu dwar l-abilità tiegħu li jappoġġa strateġija ta' rienerġizzazzjoni minn fuq għal isfel.

6.   Għall-attivazzjoni ta' strateġija ta' rienerġizzazzjoni minn fuq għal isfel, it-TSO għandu jitlob lit-TSOs ġirien sabiex jappoġġaw ir-rienerġizzazzjoni. Dan l-appoġġ jista' jikkonsisti f'assistenza għall-potenza attiva, skont il-paragrafi 3 sa 5 tal-Artikolu 21. It-TSOs mitluba għandhom jipprovdu assistenza għar-rienerġizzazzjoni, sakemm din ma twassalx lis-sistemi tagħhom fl-istati ta' emerġenza jew ta' blekawt. F'dan il-każ, it-TSO rikjedenti għandu juża l-istrateġija ta' rienerġizzazzjoni minn isfel għal fuq.

TAQSIMA 3

Ġestjoni tal-Frekwenza

Artikolu 28

Proċedura għall-ġestjoni tal-frekwenza

1.   Il-proċedura għall-ġestjoni tal-frekwenza tal-pjan ta' restawr għandha tinkludi sett ta' miżuri mmirati sabiex jirrestawraw il-frekwenza tas-sistema lura għall-frekwenza nominali.

2.   Kull TSO għandu jattiva l-proċedura għall-ġestjoni tal-frekwenza tiegħu:

(a)

bi preparazzjoni għall-proċedura ta' risinkronizzazzjoni, meta żona sinkronika tkun maqsuma f'diversi reġjuni sinkronizzati;

(b)

f'każ ta' devjazzjoni tal-frekwenza fiż-żona sinkronika; jew

(c)

f'każ ta' rienerġizzazzjoni.

3.   Il-proċedura ta' ġestjoni tal-frekwenza għandha tinkludi tal-anqas:

(a)

lista ta' azzjonijiet dwar l-issettjar tal-kontrollur tal-frekwenza tat-tagħbija qabel il-ħatra tal-mexxejja tal-frekwenza;

(b)

il-ħatra ta' mexxejja tal-frekwenza;

(c)

l-istabbiliment ta' frekwenza fil-mira fil-każ ta' strateġija ta' rienerġizzazzjoni minn isfel għal fuq;

(d)

il-ġestjoni tal-frekwenza wara devjazzjoni tal-frekwenza; u

(e)

il-ġestjoni tal-frekwenza wara qasma ta' żona sinkronika.

(f)

id-determinazzjoni tal-ammont ta' tagħbija u ġenerazzjoni li għandhom jiġu rikonnessi, b'kont meħud tar-riservi ta' potenza attiva disponibbli fir-reġjun sinkronizzat sabiex jiġu evitati devjazzjonijiet kbar tal-frekwenza.

Artikolu 29

Ħatra ta' mexxej tal-frekwenza

1.   Waqt restawr tas-sistema, meta żona sinkronika tiġi maqsuma f'diversi reġjuni sinkronizzati, it-TSOs ta' kull reġjun sinkronizzat għandhom jaħtru mexxej tal-frekwenza, skont il-paragrafu 3.

2.   Waqt restawr tas-sistema, meta żona sinkronika ma tiġix maqsuma iżda l-frekwenza tas-sistema taqbeż il-limiti tal-frekwenza għall-istat ta' twissija kif definit fl-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2017/1485, it-TSOs kollha taż-żona sinkronika għandhom jaħtru mexxej tal-frekwenza, skont il-paragrafu 3.

3.   It-TSO bl-ogħla fattur-K stmat f'ħin reali għandu jinħatar bħala l-mexxej tal-frekwenza, sakemm it-TSOs tar-reġjun sinkronizzat, jew taż-żona sinkronika, ma jiftehmux li jaħtru TSO ieħor bħala l-mexxej tal-frekwenza. F'dak il-każ, it-TSOs tar-reġjun sinkronizzat, jew taż-żona sinkronika, għandhom jikkunsidraw il-kriterji li ġejjin:

(a)

l-ammont ta' riservi ta' potenza attiva disponibbli u speċjalment ir-riservi tar-restrawr tal-frekwenza;

(b)

il-kapaċitajiet disponibbli fuq l-interkonnetturi;

(c)

id-disponibbiltà ta' kejlijiet tal-frekwenza tat-TSOs tar-reġjun sinkronizzat jew taż-żona sinkronika; u

(d)

id-disponibbiltà ta' kejlijiet dwar l-elementi kritiċi fi ħdan ir-reġjun sinkronizzat jew iż-żona sinkronika.

4.   Minkejja l-paragrafu 3, meta d-daqs taż-żona sinkronika kkonċernata u s-sitwazzjoni ta' ħin reali jippermettu dan, it-TSOs taż-żona sinkronika jistgħu jaħtru mexxej tal-frekwenza predeterminat.

5.   It-TSO maħtur bħala mexxej tal-frekwenza skont il-paragrafi 1 u 2 għandu jinforma mingħajr dewmien bil-ħatra tiegħu lit-TSOs l-oħra taż-żona sinkronika.

6.   Il-mexxej tal-frekwenza li jinħatar għandu jaġixxi bħala tali sakemm:

(a)

jinħatar mexxej tal-frekwenza ieħor għar-reġjun sinkronizzat tiegħu;

(b)

jinħatar mexxej tal-frekwenza ġdid b'riżultat tar-risinkronizzazzjoni tar-reġjun sinkronizzat tiegħu ma' reġjun sinkronizzat ieħor; jew

(c)

iż-żona sinkronika tkun ġiet risinkronizzata kompletament, il-frekwenza tas-sistema tkun fil-medda standard tal-frekwenza u l-LFC operat minn kull TSO taż-żona sinkronika jkun lura għall-modalità operattiva normali tiegħu skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2017/1485.

Artikolu 30

Ġestjoni tal-frekwenza wara devjazzjoni tal-frekwenza

1.   Waqt restawr tas-sistema, meta jkun inħatar mexxej tal-frekwenza skont l-Artikolu 29(3), it-TSOs taż-żona sinkronika, għajr il-mexxej tal-frekwenza, għandhom bħala l-ewwel miżura jissospendu l-attivazzjoni manwali tar-riservi tar-restawr tal-frekwenza u r-riservi ta' rimpjazzament.

2.   Il-mexxej tal-frekwenza għandu jistabbilixxi, wara konsultazzjoni mat-TSOs l-oħra taż-żona sinkronika, il-mod operatorju li għandu jiġi applikat fuq l-LFC operat minn kull TSO taż-żona sinkronika.

3.   Il-mexxej tal-frekwenza għandu jimmaniġġja l-attivazzjoni manwali tar-riservi tar-restawr tal-frekwenza u r-riservi ta' rimpjazzament fi ħdan iż-żona sinkronika, bil-għan li jirregola l-frekwenza taż-żona sinkronika lejn il-frekwenza nominali u billi jqis il-limiti tas-sigurtà operazzjonali definiti skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2017/1485. Fuq talba, kull TSO taż-żona sinkronika għandu jappoġġa lill-mexxej tal-frekwenza.

Artikolu 31

Ġestjoni tal-frekwenza wara qasma ta' żona sinkronika

1.   Waqt restawr tas-sistema, meta jkun inħatar mexxej tal-frekwenza skont l-Artikolu 29(3), it-TSOs ta' kull reġjun sinkronizzat, bl-eċċezzjoni tal-mexxej tal-frekwenza, għandhom bħala l-ewwel miżura jissospendu l-attivazzjoni manwali tar-riservi tar-restawr tal-frekwenza u r-riservi ta' rimpjazzament.

2.   Il-mexxej tal-frekwenza għandu jistabbilixxi, wara konsultazzjoni mat-TSOs l-oħra tar-reġjun sinkronizzat, il-mod operatorju li għandu jiġi applikat fuq l-LFC operat minn kull TSO tar-reġjun sinkronizzat.

3.   Il-mexxej tal-frekwenza għandu jimmaniġġja l-attivazzjoni manwali tar-riservi tar-restawr tal-frekwenza u r-riservi ta' rimpjazzament fi ħdan ir-reġjun sinkronizzat, bil-għan li jirregola l-frekwenza tar-reġjun sinkronizzat lejn il-frekwenza fil-mira stabbilita mill-mexxej tar-risinkronizzazzjoni, jekk ikun hemm, skont il-punt (a) tal-Artikolu 34(1) u billi jqis il-limiti tas-sigurtà operazzjonali stabbiliti skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2017/1485. Meta ma jinħatar l-ebda mexxej tar-risinkronizzazzjoni għar-reġjun sinkronizzat, il-mexxej tal-frekwenza għandu jfittex li jirregola l-frekwenza lejn il-frekwenza nominali. Fuq talba, kull TSO tar-reġjun sinkronizzat għandu jappoġġa lill-mexxej tal-frekwenza.

TAQSIMA 4

Risinkronizzazzjoni

Artikolu 32

Proċedura ta' risinkronizzazzjoni

Il-proċedura ta' risinkronizzazzjoni, tal-pjan ta' restawr, għandha tinkludi tal-anqas:

(a)

il-ħatra ta' mexxej tar-risinkronizzazzjoni;

(b)

il-miżuri li jippermettu lit-TSO japplika strateġija ta' risinkronizzazzjoni; u

(c)

il-limiti massimi għad-differenzi fl-angolu tal-fażi, il-frekwenza u l-vultaġġ għal-linji ta' konnessjoni.

Artikolu 33

Ħatra ta' mexxej tar-risinkronizzazzjoni

1.   Waqt restawr tas-sistema, meta żewġ reġjuni sinkronizzati jkunu jistgħu jiġu risinkronizzati mingħajr ma tiġi pperikolata s-sigurtà operazzjonali tas-sistemi ta' trażmissjoni, il-mexxejja tal-frekwenza ta' dawn ir-reġjuni sinkronizzati għandhom jaħtru mexxej tar-risinkronizzazzjoni b'konsultazzjoni tal-anqas mat-TSO(s) identifikat(i) bħala l-mexxej(ja) potenzjali tar-risinkronizzazzjoni u skont il-paragrafu 2. Kull mexxej tar-risinkronizzazzjoni għandu jinforma mingħajr dewmien lit-TSOs mir-reġjun sinkronizzat tiegħu, dwar il-mexxej tar-risinkronizzazzjoni li jkun inħatar.

2.   Għal kull par ta' reġjuni sinkronizzati li għandhom jiġu risinkronizzati, il-mexxej tar-risinkronizzazzjoni għandu jkun it-TSO li:

(a)

ikollu operattiv mill-anqas substazzjon wieħed mgħammar bi strument ta' qlib parallel fuq il-fruntiera bejn iż-żewġ reġjuni sinkronizzati li għandhom jiġu risinkronizzati;

(b)

ikollu aċċess għall-kejlijiet tal-frekwenza miż-żewġ reġjuni sinkronizzati;

(c)

ikollu aċċess għall-kejlijiet tal-vultaġġ fuq is-substazzjonijiet li bejniethom ikun hemm punti potenzjali ta' risinkronizzazzjoni; u

(d)

ikun jista' jikkontrolla l-vultaġġ tal-punti potenzjali ta' risinkronizzazzjoni.

3.   Fejn ikun hemm aktar minn TSO wieħed li jissodisfa l-kriterji skont il-paragrafu 2, it-TSO bl-ogħla numru ta' punti potenzjali ta' risinkronizzazzjoni bejn iż-żewġ reġjuni sinkronizzati għandu jinħatar bħala l-mexxej tar-risinkronizzazzjoni, sakemm il-mexxejja tal-frekwenza taż-żewġ reġjuni sinkronizzati ma jaqblux li jaħtru TSO ieħor bħala mexxej tar-risinkronizzazzjoni.

4.   Il-mexxej tar-risinkronizzazzjoni li jinħatar għandu jaġixxi bħala tali sakemm:

(a)

jinħatar mexxej tar-risinkronizzazzjoni ieħor għaż-żewġ reġjuni sinkronizzati; jew

(b)

iż-żewġ reġjuni sinkronizzati jkunu ġew risinkronizzati, u l-passi kollha fl-Artikolu 34 ikunu tlestew.

Artikolu 34

Strateġija ta' risinkronizzazzjoni

1.   Qabel ir-risinkronizzazzjoni, il-mexxej tar-risinkronizzazzjoni għandu:

(a)

jistabbilixxi, skont il-limiti massimi msemmija fl-Artikolu 32:

(i)

il-valur immirat tal-frekwenza għar-risinkronizzazzjoni;

(ii)

id-differenza massima fil-frekwenza bejn iż-żewġ reġjuni sinkronizzati;

(iii)

l-iskambju massimu ta' potenza attiva u reattiva; u

(iv)

il-modalità operattiva li għandha tiġi applikata fuq l-LFC;

(b)

jagħżel il-punt ta' risinkronizzazzjoni, billi jqis il-limiti tas-sigurtà operazzjonali fir-reġjuni sinkronizzati;

(c)

jistabbilixxi u jipprepara l-azzjonijiet neċessarji kollha għar-risinkronizzazzjoni taż-żewġ reġjuni sinkronizzati fil-punt ta' risinkronizzazzjoni;

(d)

jistabbilixxi u jipprepara sett sussegwenti ta' azzjonijiet sabiex jinħolqu konnessjonijiet addizzjonali bejn ir-reġjuni sinkronizzati; u

(e)

jivvaluta jekk ir-reġjuni sinkronizzati jkunux lesti għar-risinkronizzazzjoni, billi jqis il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (a).

2.   Meta jkun qiegħed iwettaq il-kompiti elenkati fil-paragrafu 1, il-mexxej tar-risinkronizzazzjoni għandu jikkonsulta lill-mexxejja tal-frekwenza tar-reġjuni sinkronizzati involuti u, għall-kompiti elenkati fil-punti (b) sa (e), huwa għandu jikkonsulta wkoll lit-TSOs li joperaw is-substazzjonijiet użati għar-risinkronizzazzjoni.

3.   Kull mexxej tal-frekwenza għandu jinforma lit-TSOs fir-reġjun sinkronizzat tiegħu, dwar ir-risinkronizzazzjoni ppjanata mingħajr dewmien bla bżonn.

4.   Meta jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti skont il-punt (a) tal-paragrafu 1, il-mexxej tar-risinkronizzazzjoni għandu jwettaq ir-risinkronizzazzjoni billi jattiva l-azzjonijiet stabbiliti skont il-punt (c) u (d) tal-paragrafu 1.

KAPITOLU IV

INTERAZZJONIJIET TAS-SUQ

Artikolu 35

Proċedura għas-sospensjoni tal-attivitajiet tas-suq

1.   TSO jista' jissospendi temporanjament attività tas-suq waħda jew aktar stabbiliti fil-paragrafu 2 meta:

(a)

is-sistema tat-trażmissjoni tat-TSO tkun fi stat ta' blekawt; jew

(b)

it-TSO jkun eżawrixxa l-opzjonijiet kollha pprovduti mis-suq u l-kontinwazzjoni tal-attivitajiet tas-suq fl-istat ta' emerġenza tiddeterjora waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) 2017/1485; jew

(c)

il-kontinwazzjoni tal-attivitajiet tas-suq tnaqqas b'mod sinifikanti l-effettività tal-proċess ta' restawr għall-istat normali jew ta' twissija; jew

(d)

l-għodod u l-mezzi ta' komunikazzjoni meħtieġa biex it-TSOs jiffaċilitaw l-attivitajiet tas-suq ma jkunux disponibbli.

2.   L-attivitajiet tas-suq li ġejjin jistgħu jiġu sospiżi skont il-paragrafu 1:

(a)

il-forniment ta' kapaċità transżonali għall-allokazzjoni tal-kapaċità fuq il-konfini korrispondenti taż-żona tal-offerti għal kull unità temporali tas-suq meta jkun mistenni li s-sistema ta' trażmissjoni ma għandhiex tkun restawrata għall-istat normali jew ta' twissija;

(b)

is-sottomissjoni ta' offerti għall-kapaċità ta' bbilanċjar u ta' offerti għall-enerġija ta' bbilanċjar minn fornitur tas-servizz ta' bbilanċjar;

(c)

il-forniment ta' pożizzjoni bbilanċjata minn parti inkarigata mill-ibbilanċjar fi tmiem il-qafas taż-żmien ta' ġurnata bil-quddiem jekk ikun meħtieġ mill-patti u l-kundizzjonijiet relatati mal-ibbilanċjar;

(d)

il-forniment ta' modifiki tal-pożizzjoni tal-partijiet inkarigati mill-ibbilanċjar;

(e)

il-forniment tal-iskedi msemmija fl-Artikolu 111(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2017/1485, u

(f)

attivitajiet tas-suq rilevanti oħra li s-sospensjoni tagħhom titqies meħtieġa biex is-sistema tiġi ppreservata u/jew restawrata.

3.   F'każ ta' sospensjoni tal-attivitajiet tas-suq skont il-paragrafu 1, fuq talba tat-TSO, kull SGU għandu jopera, fejn ikun teknikament possibbli, f'punt fiss ta' potenza attiva stabbilit mit-TSO.

4.   Meta jissospendi attivitajiet tas-suq skont il-paragrafu 1, it-TSO jista' jissospendi b'mod sħiħ jew parzjali l-operat tal-proċessi tiegħu affettwati minn dik is-sospensjoni.

5.   Meta jissospendi attivitajiet tas-suq skont il-paragrafu 1, it-TSO għandu jikkoordina tal-anqas mal-partijiet li ġejjin:

(a)

it-TSOs tar-reġjuni bil-kapaċità kkalkolata li t-TSO jkun membru tagħhom;

(b)

it-TSOs li magħhom it-TSO għandu arranġamenti għall-koordinazzjoni tal-ibbilanċjar;

(c)

in-“NEMO” u entitajiet oħra assenjati jew iddelegati sabiex iwettqu funzjonijiet tas-suq skont ir-Regolament (UE) 2015/1222 fi ħdan iż-żona ta' kontroll tiegħu;

(d)

it-TSOs ta' blokka ta' kontroll tal-frekwenza tat-tagħbija li t-TSO jkun membru tagħha; u

(e)

il-kalkolatur tal-kapaċità kkoordinata tar-reġjuni bil-kapaċità kkalkolata li t-TSO jkun membru tagħhom.

6.   F'każ ta' sospensjoni tal-attivitajiet tas-suq, kull TSO għandu jniedi l-proċedura ta' komunikazzjoni stipulata fl-Artikolu 38.

Artikolu 36

Regoli għas-sospensjoni u r-restawr tal-attivitajiet tas-suq

1.   Sat-18 ta' Diċembru 2018, kull TSO għandu jiżviluppa proposta għal regoli dwar is-sospensjoni u r-restawr tal-attivitajiet tas-suq.

2.   It-TSO għandu jippubblika dawn ir-regoli fuq is-sit web tiegħu wara li jiġu approvati mill-awtorità regolatorja relevanti b'konformità mal-Artikolu 37 tad-Direttiva 2009/72/KE.

3.   Ir-regoli għas-sospensjoni u r-restawr tal-attivitajiet tas-suq għandhom ikunu kompatibbli safejn ikun possibbli ma':

(a)

ir-regoli dwar il-forniment ta' kapaċità transżonali fir-reġjuni bil-kapaċità kkalkolata kkonċernati;

(b)

ir-regoli għas-sottomissjoni mill-fornituri tas-servizz ta' bbilanċjar tal-kapaċità ta' bbilanċjar u tal-offerti għall-enerġija ta' bbilanċjar li jirriżultaw mill-arranġamenti ma' TSOs oħra għall-koordinazzjoni tal-ibbilanċjar;

(c)

ir-regoli għall-forniment ta' pożizzjoni bbilanċjata minn parti inkarigata mill-ibbilanċjar fi tmiem il-qafas taż-żmien ta' ġurnata bil-quddiem jekk ikun meħtieġ mill-patti u l-kundizzjonijiet relatati mal-ibbilanċjar;

(d)

ir-regoli għall-forniment ta' modifiki tal-pożizzjoni tal-partijiet inkarigati mill-ibbilanċjar; u

(e)

ir-regoli għall-forniment tal-iskedi msemmija fl-Artikolu 111(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2017/1485.

4.   Fl-iżvilupp tar-regoli għas-sospensjoni u r-restawr tal-attivitajiet tas-suq, kull TSO għandu jikkonverti s-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 35(1) f'parametri definiti oġġettivament b'kont meħud tal-fatturi li ġejjin:

(a)

il-perċentwal ta' skonnessjoni tat-tagħbija fiż-żona LFC tat-TSO li jikkorrispondi għal:

(i)

l-inabilità ta' proporzjon sinifikanti ta' partijiet inkarigati mill-ibbilanċjar sabiex iżommu l-bilanċ tagħhom; jew

(ii)

il-ħtieġa li t-TSO ma jsegwix il-proċessi normali ta' bbilanċjar sabiex iwettaq rienerġizzazzjoni effiċjenti;

(b)

il-perċentwal ta' skonnessjoni tal-ġenerazzjoni fiż-żona LFC tat-TSO li jikkorrispondi għall-inabilità ta' proporzjon sinifikanti ta' partijiet inkarigati mill-ibbilanċjar sabiex iżommu l-bilanċ tagħhom;

(c)

is-sehem u d-distribuzzjoni ġeografika ta' elementi mhux disponibbli tas-sistema ta' trażmissjoni li jikkorrispondu għal:

(i)

id-desinkronizzazzjoni ta' parti sinifikanti taż-żona LFC li tirrendi l-proċessi ta' bbilanċjar tas-soltu kontroproduċenti; jew

(ii)

it-tnaqqis għal żero tal-kapaċità transżonali fuq il-fruntiera jew il-fruntieri taż-żona tal-offerti;

(d)

l-inabiliità tal-entitajiet affettwati li ġejjin li jwettqu l-attivitajiet tas-suq tagħhom għal raġuni(jiet) barra mill-kontroll tagħhom:

(i)

il-partijiet inkarigati mill-ibbilanċjar;

(ii)

il-fornituri ta' servizz ta' bbilanċjar;

(iii)

in-NEMOs u entitajiet oħra assenjati jew iddelegati sabiex iwettqu funzjonijiet tas-suq skont ir-Regolament (UE) 2015/1222;

(iv)

DSOs konnessi mat-trażmissjoni;

(e)

in-nuqqas ta' għodod u mezzi ta' komunikazzjoni li jiffunzjonaw sewwa li huma meħtieġa sabiex jitwettqu:

(i)

l-akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem u/jew fl-istess ġurnata jew kwalunkwe mekkaniżmu ta' allokazzjoni espliċita tal-kapaċità; jew

(ii)

il-proċess tar-restawr tal-frekwenza; jew

(iii)

il-proċess ta' rimpjazzament ta' riserva; jew

(iv)

il-forniment ta' pożizzjoni bbilanċjata ġurnata bil-quddiem mill-parti inkarigata mill-ibbilanċjar u l-forniment ta' bidla tal-pożizzjoni tiegħu; jew

(v)

il-forniment tal-iskedi msemmija fl-Artikolu 111(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2017/1485.

5.   Ir-regoli għas-sospensjoni u r-restawr tal-attivitajiet tas-suq għandhom jiddefinixxu ħin tad-dewmien li għandu jiġi rrispettat għal kull parametru definit skont il-paragrafu 4, qabel ma tinbeda l-proċedura għas-sospensjoni tal-attivitajiet tas-suq.

6.   It-TSO kkonċernat għandu jivvaluta f'ħin reali l-parametri definiti skont il-paragrafu 4, abbażi tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tiegħu.

7.   Mhux aktar tard miit-18 ta' Diċembru 2020, in-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku għandu jissottometti lill-Aġenzija rapport li jivvaluta l-livell ta' armonizzazzjoni tar-regoli għas-sospensjoni u r-restawr tal-attivitajiet tas-suq stabbiliti mit-TSOs u li jidentifika, kif xieraq, iż-żoni li jirrikjedu l-armonizzazzjoni.

8.   Sat-18 ta' Ġunju 2019, kull TSO għandu jissottometti lill-ENTSO tal-Elettriku d-dejta meħtieġa sabiex jiġi ppreparat u sottomess ir-rapport skont il-paragrafu 7.

Artikolu 37

Proċedura għar-restawr tal-attivitajiet tas-suq

1.   It-TSO kkonċernat, f'koordinazzjoni man-NEMO(s) attiv(i) fiż-żona ta' kontroll tiegħu u mat-TSOs ġirien, għandu jniedi l-proċedura għar-restawr tal-attivitajiet tas-suq sospiżi skont l-Artikolu 35(1) meta:

(a)

is-sitwazzjoni li wasslet għas-sospensjoni tkun intemmet u ma tkun tapplika l-ebda sitwazzjoni oħra msemmija fl-Artikolu 35(1); u

(b)

l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 38(2) ikunu ġew debitament infurmati minn qabel skont l-Artikolu 38.

2.   It-TSO kkonċernat, f'koordinazzjoni mat-TSOs ġirien, għandu jniedi r-restawr tal-proċessi tat-TSO affettwati mis-sospensjoni tal-attivitajiet tas-suq meta jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-paragrafu 1 jew qabel, jekk ikun meħtieġ sabiex jiġu restawrati l-attivitajiet tas-suq.

3.   In-NEMO(s) ikkonċernati, b'koordinazzjoni mat-TSOs u l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 35(5), għandhom iniedu r-restawr tal-proċessi rilevanti għal akkoppjament singolu ġurnata bil-quddiem u/jew fl-istess ġurnata malli t-TSO(s) jinnotifikaw li l-proċessi tat-TSOs ikunu ġew restawrati.

4.   Meta l-forniment ta' kapaċità transżonali jkun ġie sospiż u sussegwentement restawrat, kull TSO kkonċernat għandu jaġġorna l-kapaċitajiet transżonali għall-allokazzjoni tal-kapaċità billi juża, minn dawn li ġejjin, l-aktar opzjoni fattibbli u effiċjenti għal kull unità temporali tas-suq:

(a)

billi juża l-aħħar kapaċitajiet transżonali disponibbli kkalkulati bil-kalkolatur tal-kapaċità kkoordinata;

(b)

billi jniedi l-proċessi ta' kalkolu tal-kapaċità reġjonali applikabbli skont l-Artikoli 29 u 30 tar-Regolament (UE) 2015/1222; jew,

(c)

billi jistabbilixxi, f'koordinazzjoni mat-TSOs tar-reġjuni bil-kapaċità kalkolata, il-kapaċitajiet transżonali abbażi tal-kundizzjonijiet fiżiċi attwali tan-netwerk.

5.   Meta parti miż-żona akkoppjata totali fejn ikunu ġew sospiżi l-attivitajiet tas-suq tkun lura fl-istat normali jew fl-istat ta' twissija, in-NEMO(s) ta' din iż-żona għandhom ikunu intitolati li jwettqu akkoppjament tas-suq f'parti miż-żona totali akkoppjata, f'konsultazzjoni mat-TSOs u l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 35(5), bil-kundizzjoni li t-TSO jkun irrestawra l-proċess ta' kalkolu tal-kapaċità.

6.   Sa mhux aktar tard minn 30 ġurnata wara li jkunu ġew restawrati l-attivitajiet tas-suq, it-TSOs li jkunu ssospendew u rrestawraw l-attivitajiet tas-suq għandhom iħejju rapport tal-anqas bl-Ingliż li jinkludi spjegazzjoni dettaljata tar-raġunijiet, tal-impliemtnazzjoni u tal-impatt tas-sospensjoni tas-suq u referenza għall-konformità mar-regoli għas-sospensjoni u r-restawr tal-attivitajiet tas-suq u għandhom jissottomettuh lill-awtorità regolatorja rilevanti b'konformità mal-Artikolu 37 tad-Direttiva 2009/72/KE, u jpoġġuh għad-dispożizzjoni tal-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 38(2).

7.   L-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri jew l-Aġenzija jistgħu joħorġu rakkomandazzjoni lit-TSO(s) ikkonċernat(i) sabiex jippromwovu prattiki tajba u jevitaw inċidenti simili fil-ġejjieni.

Artikolu 38

Proċedura ta' komunikazzjoni

1.   Ir-regoli għas-sospensjoni u r-restawr tal-attivitajiet tas-suq skont l-Artikolu 36 għandhom jinkludu wkoll proċedura ta' komunikazzjoni li tispjega l-kompiti u l-azzjonijiet mistennija minn kull parti fir-rwoli differenti tagħha waqt is-sospensjoni u r-restawr tal-attivitajiet tas-suq.

2.   Il-proċedura ta' komunikazzjoni għandha tipprovdi li l-informazzjoni tintbagħat, fl-istess ħin, lill-entitajiet li ġejjin:

(a)

il-partijiet imsemmija fl-Artikolu 35(5);

(b)

il-partijiet inkarigati mill-ibbilanċjar;

(c)

il-fornituri ta' servizz ta' bbilanċjar;

(d)

id-DSOs konnessi mat-trażmissjoni; u

(e)

l-awtorità regolatorja rilevanti tal-Istati Membri kkonċernati b'konformità mal-Artikolu 37 tad-Direttiva 2009/72/KE.

3.   Il-proċedura ta' komunikazzjoni għandha tinkludi tal-anqas il-passi li ġejjin:

(a)

in-notifika, min-naħa tat-TSO, li l-attivitajiet tas-suq ikunu ġew sospiżi skont l-Artikolu 35;

(b)

in-notifika, min-naħa tat-TSO, tal-aħjar stima għall-ħin u d-data tar-restawr tas-sistema ta' trażmissjoni;

(c)

in-notifika, min-naħa tan-NEMO u entitajiet oħra nnominati biex iwettqu funzjonijiet tas-suq skont ir-Regolament (UE) 2015/1222 u r-Regolament (UE) 2016/1719 tas-sospensjoni tal-attivitajiet tagħhom, jekk ikun hemm;

(d)

l-aġġornamenti, min-naħa tat-TSOs, dwar il-proċess għar-restawr tas-sistema ta' trażmissjoni;

(e)

in-notifika, min-naħa tal-entitajiet imsemmija fil-punti (a) sa (d) tal-paragrafu 2, li l-għodod tas-suq u s-sistemi ta' komunikazzjoni tagħhom ikunu operattivi;

(f)

in-notifika, min-naħa tat-TSO(s), li s-sistema ta' trażmissjoni tkun treġġgħet lura għall-istat normali jew ta' twissija;

(g)

in-notifika, min-naħa tan-NEMO u entitajiet oħra assenjati jew iddelegati sabiex iwettqu funzjonijiet tas-suq skont ir-Regolament (UE) 2015/1222, tal-aħjar stima għall-ħin u d-data meta jkunu se jiġu restawrati l-attivitajiet tas-suq; u

(h)

il-konferma, min-naħa tan-NEMO u entitajiet oħra assenjati jew iddelegati sabiex iwettqu funzjonijiet tas-suq skont ir-Regolament (UE) 2015/1222, li l-attivitajiet tas-suq ikunu ġew restawrati.

4.   In-notifiki u l-aġġornamenti kollha mit-TSO(s), in-NEMO(s) u entitajiet oħra assenjati jew iddelegati sabiex iwettqu l-funzjonijiet tas-suq imsemmija fil-paragrafu 3, għandhom jiġu ppubblikati fuq is-siti web ta' dawk l-entitajiet. Meta ma jkunux possibbli notifika jew aġġornament fuq is-sit web, l-entità soġġetta għall-obbligu ta' notifika, għandha tinnotifika permezz ta' email, jew bi kwalunkwe mezz ieħor disponibbli, tal-anqas lil dawk il-partijiet li jkunu qegħdin jipparteċipaw direttament fl-attivitajiet tas-suq sospiżi.

5.   Għandha ssir notifika skont il-punt (e) tal-paragrafu 3, permezz ta' email jew bi kwalunkwe mezz ieħor disponibbli, lit-TSO kkonċernat.

Artikolu 39

Regoli għas-saldu f'każ ta' sospensjoni tal-attivitajiet tas-suq

1.   Mhux aktar tard mit-18 ta' Diċembru 2018, kull TSO għandu jiżviluppa proposta għar-regoli għas-saldu tal-iżbilanċ u għas-saldu tal-kapaċità tal-ibbilanċjar u tal-enerġija tal-ibbilanċjar li għandhom ikunu applikabbli għall-perjodi ta' saldu tal-iżbilanċ li matulhom kienu sospiżi l-attivitajiet tas-suq. It-TSO jista' jipproponi l-istess regoli li japplika għall-operazzjonijiet normali.

It-TSO għandu jippubblika dawn ir-regoli fuq is-sit web tiegħu wara li jiġu approvati mill-awtorità regolatorja relevanti b'konformità mal-Artikolu 37 tad-Direttiva 2009/72/KE.

TSO jista' jiddelega l-kompiti tat-TSO(s) imsemmija f'dan l-Artikolu lil wieħed jew aktar partijiet terzi, bil-kundizzjoni li l-parti terza tista' twettaq il-funzjoni rispettiva tal-anqas b'mod effettiv daqs it-TSO(s). Stat Membru jew, fejn applikabbli, awtorità regolatorja, jistgħu jassenjaw il-kompiti msemmija f'dan l-Artikolu lil wieħed jew aktar partijiet terzi, bil-kundizzjoni li l-parti terza tista' twettaq il-funzjoni rispettiva tal-anqas b'mod effettiv daqs it-TSO(s).

2.   Ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jindirizzaw is-saldi tat-TSOs u tal-partijiet terzi, fejn rilevanti, mal-partijiet inkarigati mill-ibbilanċjar, u mal-fornituri tas-servizzi ta' bbilanċjar.

3.   Ir-regoli żviluppati skont il-paragrafu 1 għandhom:

(a)

jiżguraw in-newtralità finanzjarja ta' kull TSO u parti terza rilevanti msemmija fil-paragrafu 1;

(b)

jevitaw distorsjonijiet tal-inċentivi jew inċentivi kontroproduċenti għall-partijiet inkarigati mill-ibbilanċjar, il-fornituri tas-servizzi ta' bbilanċjar u t-TSOs;

(c)

jinċentivaw lill-partijiet inkarigati mill-ibbilanċjar sabiex ikunu bilanċjati jew jgħinu lis-sistema sabiex tirrestawra l-bilanċ tagħha;

(d)

jevitaw kull penali finanzjarja imposta fuq il-partijiet inkarigati mill-ibbilanċjar u l-fornituri tas-servizz tal-ibbilanċjar minħabba t-twettiq tal-azzjonijiet mitluba mit-TSO;

(e)

jiskoraġġixxu lit-TSOs milli jissospendu l-attivitajiet tas-suq, sakemm ma jkunux verament meħtieġa, u jinċentivaw lit-TSOs biex jirrestawraw l-attivitajiet tas-suq kemm jista' jkun malajr; u

(f)

jinċentivaw lill-fornituri tas-servizzi ta' bbilanċjar biex joffru servizzi lit-TSO ta' konnessjoni li jgħin sabiex is-sistema tiġi restawrata għall-istat normali.

KAPITOLU V

SKAMBJU TA' INFORMAZZJONI U KOMUNIKAZZJONI, GĦODOD U FAĊILITAJIET

Artikolu 40

Skambju ta' informazzjoni

1.   Minbarra d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 40 sa 53 tar-Regolament (UE) 2017/1485, kull TSO, meta jkun fl-istat ta' emerġenza, blekawt jew restawr, għandu jkun intitolat li jiġbor l-informazzjoni li ġejja:

(a)

mid-DSOs identifikati skont l-Artikolu 23(4), l-informazzjoni meħtieġa tal-anqas dwar:

(i)

il-parti tan-netwerk tagħhom li tkun f'operat ta' netwerk iżolat;

(ii)

l-abilità li jissinkronizzaw partijiet tan-netwerk tagħhom li jkun f'operat ta' netwerk iżolat; u

(iii)

l-abilità li jibdew operat ta' netwerk iżolat.

(b)

mill-SGUs identifikati skont l-Artikolu 23(4) u mill-fornituri tas-servizzi ta' restawr, informazzjoni tal-anqas dwar il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

l-istatus kurrenti tal-installazzjoni;

(ii)

il-limiti operazzjonali;

(iii)

il-ħin ta' attivazzjoni totali u l-ħin sabiex tiżdied il-ġenerazzjoni; u

(iv)

il-proċessi kritiċi għall-ħin.

2.   Waqt l-istati ta' emerġenza, blekawt jew restawr, kull TSO għandu jipprovdi fi żmien debitu u għall-iskopijiet tal-proċeduri tal-pjan ta' difiża tas-sistema u tal-proċeduri tal-pjan ta' restawr, l-informazzjoni li ġejja, meta tkun disponibbli għat-TSO:

(a)

lit-TSOs ġirien, informazzjoni tal-anqas dwar:

(i)

id-daqs u l-konfini tar-reġjun sinkronizzat jew tar-reġjuni sinkronizzati li għalihom tappartjeni ż-żona ta' kontroll tiegħu;

(ii)

ir-restrizzjonijiet għall-operazzjoni tar-reġjun sinkronizzat;

(iii)

it-tul ta' żmien u l-ammont massimi ta' potenza attiva u reattiva li tista' tiġi pprovduta permezz tal-interkonnetturi; u

(iv)

kwalunkwe restrizzjoni teknika jew organizzattiva oħra;

(b)

lill-mexxej tal-frekwenza tar-reġjun sinkronizzat tiegħu, informazzjoni tal-anqas dwar:

(i)

ir-restrizzjonijiet għaż-żamma tal-operat tan-netwerk iżolat;

(ii)

it-tagħbija u l-ġenerazzjoni addizzjonali disponibbli; u

(iii)

id-disponibbiltà ta' riservi operazzjonali;

(c)

lid-DSOs konnessi mas-sistema tat-trażmissjoni identifikati skont l-Artikoli 11(4) u 23(4), l-informazzjoni meħtieġa tal-anqas dwar:

(i)

l-istat tas-sistema tas-sistema ta' trażmissjoni tiegħu;

(ii)

il-limiti tal-potenza attiva u reattiva, it-tagħbija fi blokok, il-pożizzjoni tal-punt ta' kuntatt u tas-salvavita fil-punti ta' konnessjoni;

(iii)

l-informazzjoni dwar l-istatus kurrenti u ppjanat tal-moduli tal-ġenerazzjoni tal-enerġija konnessi mad-DSO, jekk ma tkunx disponibbli għad-DSO direttament; u

(iv)

l-informazzjoni kollha neċessarja li twassal għal aktar koordinazzjoni mal-partijiet konnessi mad-distribuzzjoni;

(d)

lill-fornituri ta' servizz ta' difiża, informazzjoni tal-anqas dwar:

(i)

l-istat tas-sistema tas-sistema ta' trażmissjoni tiegħu; u

(ii)

il-miżuri skedati li jeħtieġu l-parteċipazzjoni tal-fornituri ta' servizz ta' difiża;

(e)

lid-DSOs u lill-SGUs identifikati skont l-Artikolu 23(4) u lill-fornituri tas-servizz ta' restawr, informazzjoni tal-anqas dwar:

(i)

l-istat tas-sistema tas-sistema ta' trażmissjoni tiegħu;

(ii)

l-abilità u l-pjanijiet għar-rienerġizzazzjoni tal-akkoppjamenti; u

(iii)

il-miżuri skedati li jeħtieġu l-parteċipazzjoni tagħhom.

3.   It-TSOs fi stat ta' emerġenza, blekawt jew restawr għandhom jiskambjaw bejniethom informazzjoni tal-anqas dwar:

(a)

iċ-ċirkustanzi li wasslu għall-istat kurrenti tas-sistema ta' trażmissjoni tagħhom, safejn ikunu magħrufa; u

(b)

il-problemi potenzjali li jagħmlu l-assistenza għall-potenza attiva neċessarja.

4.   TSO fl-istat ta' emerġenza, blekawt jew restawr għandu jipprovdi, fi żmien debitu, informazzjoni dwar l-istat tas-sistema ta' trażmissjoni tiegħu u, meta tkun disponibbli, informazzjoni addizzjonali li tispjega s-sitwazzjoni dwar is-sistema ta' trażmissjoni:

(a)

lin-NEMO(s), li għandhom jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli għall-parteċipanti tagħhom tas-suq, kif previst fl-Artikolu 38;

(b)

lill-awtoritajiet regolatorji rilevanti tiegħu b'konformità mal-Artikolu 37 tad-Direttiva 2009/72/KE, jew meta jkun stipulat espliċitament fil-liġi nazzjonali, lill-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 4(3); u

(c)

lil kwalunkwe parti rilevanti oħra, kif ikun xieraq.

5.   It-TSOs għandhom jinfurmaw lil kull parti affettwata dwar il-pjan ta' ttestjar żviluppat skont l-Artikolu 43(2) u (3).

Artikolu 41

Sistemi ta' komunikazzjoni

1.   Kull DSO u SGU identifikat skont il-punti (b) u (c) tal-Artikolu 23(4), kull fornitur tas-servizz ta' restawr u kull TSO għandu jkollhom fis-seħħ sistema ta' komunikazzjoni bil-vuċi b'ammont żejjed suffiċjenti ta' tagħmir u sorsi ta' provvista supplimentari ta' enerġija sabiex jippermettu l-iskambju tal-informazzjoni meħtieġa għall-pjan ta' restawr għal mill-anqas 24 siegħa, f'każ ta' nuqqas totali ta' provvista tal-enerġija elettrika esterna jew fil-każ ta' ħsara fi kwalunkwe tagħmir individwali tas-sistema ta' komunikazzjoni bil-vuċi. L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu kapaċità minima ta' provvista supplimentari ta' enerġija ta' aktar minn 24 siegħa.

2.   Kull TSO għandu jistabbilixxi, f'konsultazzjoni mad-DSOs u l-SGUs identifikati skont l-Artikolu 23(4) u mal-fornituri ta' servizz ta' restawr, ir-rekwiżiti tekniċi li għandhom jiġu ssodisfati mis-sistemi ta' komunikazzjoni bil-vuċi tagħhom kif ukoll mis-sistema ta' komunikazzjoni bil-vuċi tat-TSO nnifsu sabiex tkun permessa l-interoperabilità tagħhom u sabiex ikun iggarantit li t-telefonata li tidħol tat-TSO tkun tista' tiġi identifikata mill-parti l-oħra u titwieġeb immedjatament.

3.   Kull TSO għandu jistabbilixxi, f'konsultazzjoni mat-TSOs ġirien tiegħu u t-TSOs l-oħra taż-żona sinkronika tiegħu, ir-rekwiżiti tekniċi li għandhom jiġu ssodisfati mis-sistemi ta' komunikazzjoni bil-vuċi tagħhom kif ukoll mis-sistema ta' komunikazzjoni bil-vuċi tat-TSO nnifsu sabiex tkun permessa l-interoperabilità tagħhom u sabiex ikun iggarantit li t-telefonata li tidħol tat-TSO tkun tista' tiġi identifikata mill-parti l-oħra u titwieġeb immedjatament.

4.   Minkejja l-paragrafu 1, dawk l-SGUs identifikati skont l-Artikolu 23(4) li jkunu moduli tal-ġenerazzjoni tal-enerġija tat-tip B u dawk il-fornituri tas-servizz ta' restawr li jkunu moduli tal-ġenerazzjoni tal-enerġija tat-tip A jew B, għandu jkollhom il-possibbiltà li jkollhom biss sistema ta' komunikazzjoni tad-dejta, minflok sistema ta' komunikazzjoni bil-vuċi, jekk ikun hemm qbil dwar dan mat-TSO. Din is-sistema ta' komunikazzjoni tad-dejta għandha tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2.

5.   L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li, minbarra s-sistema ta' komunikazzjoni bil-vuċi, tintuża sistema ta' komunikazzjoni komplementari biex tappoġġa l-pjan ta' restawr; f'dak il-każ, is-sistema ta' komunikazzjoni komplementari għandha tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1.

Artikolu 42

Għodod u faċilitajiet

1.   Kull TSO għandu jagħmel disponibbli l-għodod u l-faċilitajiet kritiċi msemmija fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2017/1485 għal mill-anqas 24 siegħa f'każ ta' telf tal-provvista primarja tal-enerġija.

2.   Kull DSO u SGU identifikat skont l-Artikolu 23(4) kif ukoll fornitur ta' servizz ta' restawr għandu jagħmel disponibbli l-għodod u l-faċilitajiet kritiċi msemmija fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2017/1485 u użati fil-pjan ta' restawr għal mill-anqas 24 siegħa f'każ ta' telf tal-provvista primarja tal-enerġija, kif definit mit-TSO.

3.   Kull TSO għandu jkollu mill-anqas kamra ta' kontroll ta' riserva ġeografikament separata. Il-kamra ta' kontroll ta' riserva għandu jkun fiha tal-anqas l-għodod u l-faċilitajiet kritiċi msemmija fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2017/1485. Kull TSO għandu jirranġa provvista supplimentari ta' enerġija għall-kamra ta' kontroll ta' riserva tiegħu għal mill-anqas 24 siegħa f'każ ta' telf tal-provvista primarja tal-enerġija.

4.   Kull TSO għandu jħejji proċedura ta' trasferiment biex il-funzjonijiet tal-kamra ta' kontroll ewlenija jgħaddu fil-kamra ta' kontroll ta' riserva, kemm jista' jkun malajr, u fi kwalunkwe każ f'mhux aktar minn tliet sigħat. Il-proċedura għandha tinkludi t-tħaddim tas-sistema matul it-trasferiment.

5.   Is-substazzjonijiet identifikati bħala essenzjali għall-proċeduri tal-pjan ta' restawr skont l-Artikolu 23(4) għandhom ikunu operattivi f'każ ta' telf tal-provvista primarja tal-enerġija għal mill-anqas 24 siegħa. Għas-substazzjonijiet fiż-żona sinkronika tal-Irlanda u l-Latvja, it-tul ta' ħin tat-tħaddim f'każ ta' telf tal-provvista primarja tal-enerġija jista' jkun anqas minn 24 siegħa u għandu jkun approvat mill-awtorità regolatorja jew minn awtorità kompetenti oħra tal-Istat Membru, fuq proposta tat-TSO.

KAPITOLU VI

KONFORMITÀ U RIEŻAMI

TAQSIMA 1

Ittestjar tal-konformità tal-kapaċitajiet tat-TSO, tad-DSO u tal-SGU

Artikolu 43

Prinċipji ġenerali

1.   Kull TSO għandu jivvaluta perjodikament il-funzjonament korrett tat-tagħmir u l-kapaċitajiet kollha kkunsidrati fil-pjan ta' difiża tas-sistema u fil-pjan ta' restawr. Għal dan il-għan, kull TSO għandu jivverifika perjodikament il-konformità ta' dawn it-tagħmir u l-kapaċitajiet, skont il-paragrafu 2 u l-Artikolu 41(2) tar-Regolament (UE) 2016/631, l-Artikolu 35(2) tar-Regolament (UE) 2016/1388/] u l-Artikolu 69(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2016/1447.

2.   Mhux aktar tard miit-18 ta' Diċembru 2019, kull TSO għandu jiddefinixxi pjan ta' ttestjar f'konsultazzjoni mad-DSOs, l-SGUs identifikati skont l-Artikoli 11(4) u 23(4), il-fornituri tas-servizz ta' difiża u l-fornituri tas-servizz ta' restawr. Il-pjan ta' ttestjar għandu jidentifika t-tagħmir u l-kapaċitajiet rilevanti għall-pjan ta' difiża tas-sistema u għall-pjan ta' restawr li għandhom jiġu ttestjati.

3.   Il-pjan ta' ttestjar għandu jinkludi l-perjodiċità u l-kundizzjonijiet tat-testijiet, billi jsegwi r-rekwiżiti minimi spjegati fl-Artikoli 44 sa 47. Il-pjan ta' ttestjar għandu jsegwi l-metodoloġija stabbilita fir-Regolament (UE) 2016/631, ir-Regolament (UE) 2016/1388 u r-Regolament (UE) 2016/1447 għall-kapaċità ttestjata korrispondenti. Għall-SGUs li mhumiex soġġetti għar-Regolament (UE) 2016/631, ir-Regolament (UE) 2016/1388 u r-Regolament (UE) 2016/1447, il-pjan ta' ttestjar għandu jsegwi d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali.

4.   Kull TSO, DSO, SGU, fornitur tas-servizz ta' difiża u fornitur tas-servizz ta' restawr ma għandux jipperikola s-sigurtà operazzjonali tas-sistema ta' trażmissjoni u tas-sistema interkonnessa ta' trażmissjoni waqt it-test. It-test għandu jitwettaq b'mod li jimminimizza l-impatt fuq l-utenti tas-sistema.

5.   It-test jitqies li rnexxa meta jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-operatur tas-sistema rilevanti skont il-paragrafu 3. Sakemm test jonqos milli jissodisfa dawn il-kriterji, it-TSO, id-DSO, l-SGU, il-fornitur tas-servizz ta' difiża u l-fornitur tas-servizz ta' restawr għandhom jirrepetu t-test.

Artikolu 44

Ittestjar tal-konformità tal-kapaċitajiet tal-modulu tal-ġenerazzjoni tal-enerġija

1.   Kull fornitur tas-servizz ta' restawr li jkun modulu tal-ġenerazzjoni tal-enerġija li jipprovdi servizz ta' startjar minn mitfi totali għandu jwettaq test tal-abilità ta' startjar minn mitfi totali, mill-anqas kull tliet snin, billi jsegwi l-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 45(5) tar-Regolament (UE) 2016/631.

2.   Kull fornitur ta' servizz ta' restawr li jkun modulu tal-ġenerazzjoni tal-enerġija li jipprovdi servizz ta' risinkronizzazzjoni ta' malajr għandu jwettaq test tal-ittrippjar għal fuq id-domanda interna wara kwalunkwe bidla fit-tagħmir li jkollha impatt fuq l-abilità ta' operat tad-domanda interna tiegħu, jew wara żewġ trippings wara xulxin bla suċċess f'operazzjoni reali, billi jsegwi l-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 45(6) tar-Regolament (UE) 2016/631.

Artikolu 45

Ittestjar tal-konformità tal-faċilitajiet tad-domanda li jipprovdu rispons tad-domanda

1.   Kull fornitur ta' servizz ta' difiża li jipprovdi rispons tad-domanda għandu jwettaq test tal-modifika tad-domanda, wara żewġ risponsi konsekuttivi bla suċċess f'operazzjoni reali jew mill-anqas kull sena, billi jsegwi l-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 41(1) tar-Regolament (UE) 2016/1388.

2.   Kull fornitur tas-servizz ta' difiża li jipprovdi skonnessjoni tad-domanda ta' frekwenza baxxa għar-rispons tad-domanda għandu jwettaq test tal-iskonnessjoni tad-domanda ta' frekwenza baxxa fi żmien perjodu li għandu jiġi definit fil-livell nazzjonali u billi jsegwi l-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 37(4) tar-Regolament (UE) 2016/1388 għal faċilitajiet tad-domanda konnessi mat-trażmissjoni jew skont metodoloġija simili definita mill-operatur tas-sistema rilevanti għal faċilitajiet oħra tad-domanda.

Artikolu 46

Ittestjar tal-konformità tal-kapaċitajiet HVDC

Kull fornitur tas-servizz ta' restawr li jkun sistema HVDC li tipprovdi servizz ta' startjar minn mitfi totali għandu jwettaq test tal-abilità ta' startjar minn mitfi totali, mill-anqas kull tliet snin, billi jsegwi l-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 70(11) tar-Regolament (UE) 2016/1447.

Artikolu 47

Ittestjar tal-konformità tar-rilejs tal-iskonnessjoni tad-domanda f'każ ta' frekwenza baxxa

Kull DSO u TSO għandu jwettaq testijiet fuq ir-rilejs tal-iskonnessjoni tad-domanda f'każ ta' frekwenza baxxa implimentati fuq l-installazzjonijiet tiegħu, fi żmien perjodu definit fil-livell nazzjonali u billi jsegwi l-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 37(6) u l-Artikolu 39(5) tar-Regolament (UE) 2016/1388.

Artikolu 48

Ittestjar tas-sistemi ta' komunikazzjoni

1.   Kull DSO u SGU identifikat skont l-Artikolu 23(4), kull TSO u kull fornitur tas-servizz ta' restawr għandu jittestja s-sistemi ta' komunikazzjoni definiti fl-Artikolu 41, mill-anqas kull sena.

2.   Kull DSO u SGU identifikat skont l-Artikolu 23(4), kull TSO u kull fornitur tas-servizz ta' restawr għandu jittestja l-provvista supplimentari tal-enerġija tas-sistemi ta' komunikazzjoni tiegħu mill-anqas kull ħames snin.

3.   Sat-18 ta' Diċembru 2024 kull TSO, b'konsultazzjoni ma' TSOs oħrajn, għandu jiddefinixxi pjan tal-ittestjar biex tiġi ttestjata l-komunikazzjoni bejn it-TSOs.

Artikolu 49

Ittestjar tal-għodod u l-faċilitajiet

1.   Kull TSO għandu jittestja l-abilità tas-sorsi prinċipali u supplimentari tal-enerġija li jfornu lill-kmamar ta' kontroll prinċipali u ta' riserva tiegħu, previsti fl-Artikolu 42, mill-anqas kull sena.

2.   Kull TSO għandu jittestja l-funzjonalità tal-għodod u l-faċilitajiet kritiċi msemmija fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2017/1485, mill-anqas kull tliet snin, u jkopri kemm l-għodod u l-faċilitajiet prinċipali kif ukoll dawk ta' riserva. Meta dawn l-għodod u l-faċilitajiet ikunu jinvolvu DSOs jew SGUs, dawn il-partijiet għandhom jipparteċipaw f'dan it-test.

3.   Kull TSO għandu jittestja l-abilità tas-sorsi supplimentari ta' enerġija li jfornu s-servizzi essenzjali tas-substazzjonijiet identifikati bħala essenzjali għall-proċeduri tal-pjan ta' restawr skont l-Artikolu 23(4), mill-anqas kull ħames snin. Meta dawn is-substazzjonijiet ikunu f'sistemi ta' distribuzzjoni, id-DSOs għandhom iwettqu dan it-test.

4.   Kull TSO għandu jittestja l-proċedura ta' trasferiment għat-trasferiment mill-kamra ta' kontroll prinċipali għall-kamra ta' kontroll ta' riserva, prevista fl-Artikolu 42(4), mill-anqas kull sena.

TAQSIMA 2

Ittestjar tal-konformità u rieżami tal-pjanijiet ta' difiża tas-sistema u tal-pjanijiet ta' restawr

Artikolu 50

Ittestjar tal-konformità u rieżami perjodiku tal-pjan ta' difiża tas-sistema

1.   Kull DSO kkonċernat bl-implimentazzjoni tal-iskonnessjoni tad-domanda f'każ ta' frekwenza baxxa fuq l-installazzjonijiet tiegħu għandu jaġġorna darba fis-sena l-komunikazzjoni lill-operatur tas-sistema notifikanti prevista fil-punt (b) tal-Artikolu 12(6). Din il-komunikazzjoni għandha tinkludi s-settings tal-frekwenza li fihom tinbeda l-iskonnessjoni tad-domanda netta u l-perċentwal tad-domanda netta skonnettjat f'kull setting minn dawn.

2.   Kull TSO għandu jimmonitorja l-implimentazzjoni xierqa tal-iskonnessjoni tad-domanda f'każ ta' frekwenza baxxa fuq il-bażi tal-komunikazzjoni bil-miktub annwali msemmija fil-paragrafu 1 u abbażi tad-dettalji dwar l-implimentazzjoni tal-installazzjonijiet tat-TSOs fejn ikun applikabbli.

3.   Kull TSO għandu jirrieżamina, tal-anqas kull ħames snin, il-pjan ta' difiża tas-sistema sħiħ tiegħu sabiex jivvaluta l-effettività tiegħu. F'dan ir-rieżami, it-TSO għandu jikkunsidra tal-anqas:

(a)

l-iżvilupp u l-evoluzzjoni tan-netwerk tiegħu mill-aħħar rieżami jew l-ewwel tfassil;

(b)

il-kapaċitajiet tat-tagħmir ġdid installat fuq is-sistemi ta' trażmissjoni u ta' distribuzzjoni mill-aħħar rieżami jew l-ewwel tfassil;

(c)

l-SGUs ikkummissjonati mill-aħħar rieżami jew l-ewwel tfassil, il-kapaċitajiet tagħhom u s-servizzi rilevanti offruti;

(d)

it-testijiet imwettqa u l-analiżi tal-inċidenti fis-sistema skont l-Artikolu 56(5) tar-Regolament (UE) 2017/1485; u

(e)

id-dejta operazzjonali miġbura waqt il-ħidma normali u wara d-disturb.

4.   Kull TSO għandu jirrieżamina l-miżuri rilevanti tal-pjan ta' difiża tas-sistema tiegħu skont il-paragrafu 3 qabel kwalunkwe tibdil sostanzjali fil-konfigurazzjoni tal-grilja.

5.   Meta t-TSO jidentifika l-ħtieġa li jaddatta l-pjan ta' difiża tas-sistema, huwa għandu jemenda l-pjan ta' difiża tas-sistema u jimplimenta dawn l-emendi skont il-punti (c) u (d) tal-Artikolu 4(2) u l-Artikoli 11 u 12.

Artikolu 51

Ittestjar tal-konformità u rieżami perjodiku tal-pjan ta' restawr

1.   Kull TSO għandu jirrieżamina l-miżuri tal-pjan ta' restawr tiegħu abbażi ta' testijiet ta' simulazzjoni fuq il-kompjuter, billi juża dejta mid-DSOs identifikati skont l-Artikolu 23(4) u l-fornituri tas-servizz ta' restawr, mill-anqas kull ħames snin. It-TSO għandu jiddefinixxi dawn it-testijiet ta' simulazzjoni fi proċedura ddedikata ta' ttestjar li tkopri tal-anqas:

(a)

il-mogħdija ta' restawr tal-enerġija minn fornituri tas-servizz ta' restawr b'abilitajiet ta' startjar minn mitfi totali jew ta' operat ta' netwerk iżolat;

(b)

il-forniment ta' awżiljarji prinċipali tal-moduli tal-ġenerazzjoni tal-enerġija;

(c)

il-proċess għar-rikonnessjoni tad-domanda; u

(d)

il-proċess għar-risinkronizzazzjoni ta' netwerks f'operat ta' netwerk iżolat.

2.   Barra minn hekk, fejn ikun meqjus bħala neċessarju mit-TSO għall-effettività tal-pjan ta' restawr, kull TSO għandu jwettaq ittestjar operattiv ta' partijiet mill-pjan ta' restawr, f'koordinazzjoni mad-DSOs identifikati skont l-Artikolu 23(4) u mal-fornituri tas-servizz ta' restawr. It-TSO għandu jistabbilixxi, f'konsultazzjoni mad-DSOs u mal-fornituri ta' servizz ta' restawr, dawn it-testijiet operattivi fi proċedura dedikata ta' ttestjar.

3.   Kull TSO għandu jirrieżamina l-pjan ta' restawr tiegħu sabiex jivvaluta l-effettività tiegħu, mill-anqas kull ħames snin.

4.   Kull TSO għandu jirrieżamina l-miżuri rilevanti tal-pjan ta' restawr tiegħu skont il-paragrafu 1 u jirrieżamina l-effettività tagħhom qabel kwalunkwe tibdil sostanzjali fil-konfigurazzjoni tal-grilja.

5.   Meta t-TSO jidentifika l-ħtieġa li jaddatta l-pjan ta' restawr, huwa għandu jemenda l-pjan ta' restawr u jimplimenta dawn l-emendi skont il-punti (c) u (d) tal-Artikolu 4(2) u l-Artikoli 23 u 24.

KAPITOLU VII

IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 52

Monitoraġġ

1.   In-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku għandu jissorvelja l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament skont l-Artikolu 8(8) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009. Il-monitoraġġ għandu jkopri b'mod partikolari l-kwistjonijiet li ġejjin:

(a)

l-identifikazzjoni ta' kwalunkwe diverġenza fl-implimentazzjoni nazzjonali ta' dan ir-Regolament għall-punti elenkati fl-Artikolu 4(2);

(b)

il-valutazzjoni tal-konsistenza tal-pjanijiet ta' difiża tas-sistema u tal-pjanijiet ta' restawr imwettqa mit-TSOs skont l-Artikolu 6;

(c)

is-sollijiet li 'l fuq minnhom l-impatt tal-azzjonijiet ta' TSO wieħed jew aktar fl-istati ta' emerġenza, blekawt jew restawr jitqies bħala sinifikanti għal TSOs oħra fir-reġjun bil-kapaċità kkalkolata skont l-Artikolu 6;

(d)

il-livell ta' armonizzazzjoni tar-regoli għas-sospensjoni u r-restawr tal-attivitajiet tas-suq stabbiliti mit-TSOs skont l-Artikolu 36(1) u għall-iskopijiet tar-rapport previst fl-Artikolu 36(7);

(e)

il-livell ta' armonizzazzjoni tar-regoli għas-saldu tal-iżbilanċ u għas-saldu tal-enerġija ta' bbilanċjar f'każ ta' sospensjoni tas-suq, imsemmija fl-Artikolu 39.

2.   L-Aġenzija, f'kooperazzjoni man-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku, għandha tipprovdi sat-18 ta' Diċembru 2018 lista tal-informazzjoni rilevanti li trid tiġi kkomunikata min-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku lill-Aġenzija skont l-Artikoli 8(9) u 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009. Il-lista tal-informazzjoni rilevanti tista' tkun soġġetta għal aġġornamenti. In-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku għandu jżomm arkivju komprensiv tal-informazzjoni meħtieġa mill-Aġenzija fil-forma ta' dejta diġitali f'format standardizzat.

3.   It-TSOs rilevanti għandhom jissottomettu lill-ENTSO tal-Elettriku l-informazzjoni meħtieġa sabiex jitwettqu l-kompiti msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

4.   Wara talba mill-awtorità regolatorja rilevanti b'konformità mal-Artikolu 37 tad-Direttiva 2009/72/KE, id-DSOs u l-entitajiet skont l-Artikolu 39(1) għandhom jipprovdu lit-TSOs l-informazzjoni skont il-paragrafu 2 sakemm dik l-informazzjoni ma tkunx diġà disponibbli għall-awtoritajiet regolatorji, it-TSOs, l-Aġenzija jew in-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku b'rabta mal-kompiti ta' monitoraġġ tal-implimentazzjoni rispettivi tagħhom, bil-għan li tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-informazzjoni.

Artikolu 53

Involviment tal-partijiet ikkonċernati

L-Aġenzija, f'kooperazzjoni mill-qrib man-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku, għandha torganizza l-involviment tal-partijiet ikkonċernati rigward l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Tali involviment għandu jinkludi laqgħat regolari mal-partijiet ikkonċernati sabiex jiġu identifikati l-problemi u jiġi propost titjib b'rabta mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.

KAPITOLU VIII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 54

Emendi għall-kuntratti u l-patti u l-kundizzjonijiet ġenerali

Il-klawsoli rilevanti kollha fil-kuntratti u l-patti u l-kundizzjonijiet ġenerali tat-TSOs, id-DSOs u l-SGUs fir-rigward tat-tħaddim tas-sistema għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. Għal dak il-għan, dawk il-kuntratti u l-patti u l-kundizzjonijiet ġenerali għandhom jiġu mmodifikati kif xieraq.

Artikolu 55

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 15(5) sa (8), l-Artikolu 41 u l-Artikolu 42(1), (2) u (5) għandhom japplikaw mit-18 ta' Diċembru 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Novembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 15.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1485 tat-2 ta' Awwissu 2017 li jistabbilixxi linja gwida dwar it-tħaddim tas-sistema ta' trażmissjoni tal-elettriku (ĠU L 220, 25.8.2017, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 tal-24 ta' Lulju 2015 li jistabbilixxi linji gwida dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità u l-ġestjoni tal-konġestjoni (ĠU L 197, 25.7.2015, p. 24).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/1719 tas-26 ta' Settembru 2016 li jistabbilixxi linja gwida dwar l-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità (ĠU L 259, 27.9.2016, p. 42).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/631 tal-14 ta' April 2016 li jistabbilixxi kodiċi tan-netwerk dwar rekwiżiti għall-konnessjoni tal-ġeneraturi mal-grilja (ĠU L 112, 27.4.2016, p. 1).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru (UE) 2016/1447 tas-26 ta' Awwissu 2016 li jistabbilixxi kodiċi tan-netwerk dwar ir-rekwiżiti għall-konnessjoni mal-grilja ta' sistemi ta' kurrent dirett b'vultaġġ għoli u ta' moduli ta' parks tal-enerġija konnessi b'kurrent dirett (ĠU L 241, 8.9.2016, p. 1).

(7)  Id-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55).

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2013 tal-14 ta' Ġunju 2013 dwar is-sottomissjoni u pubblikazzjoni ta' data (dejta) fis-swieq tal-elettriku u li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 163, 15.6.2013, p. 1).

(9)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/1388 tas-17 ta' Awwissu 2016 li jistabbilixxi Kodiċi tan-Netwerk dwar il-Konnessjoni tad-Domanda (ĠU L 223, 18.8.2016, p. 10).


ANNESS

Karatteristiċi tal-iskema ta' skonnessjoni awtomatika tad-domanda f'każ ta' frekwenza baxxa:

Parametru

Valuri SA tal-Ewropa Kontinentali

Valuri SA Nordiċi

Valuri SA tal-Gran Brittanja

Valuri SA tal-Irlanda

Unità ta' Kejl

Livell obbligatorju tal-bidu għall-iskonnessjoni tad-domanda:

Frekwenza

49

48,7 – 48,8

48,8

48,85

Hz

Livell obbligatorju tal-bidu għall-iskonnessjoni tad-domanda:

Domanda li għandha tiġi skonnettjata

5

5

5

6

% tat-Tagħbija Totali fil-livell nazzjonali

Livell obbligatorju finali għall-iskonnessjoni tad-domanda:

Frekwenza

48

48

48

48,5

Hz

Livell obbligatorju finali għall-iskonnessjoni tad-domanda:

Domanda Kumulattiva li għandha tiġi skonnettjata

45

30

50

60

% tat-Tagħbija Totali fil-livell nazzjonali

Medda ta' implimentazzjoni

± 7

± 10

± 10

± 7

% tat-Tagħbija Totali fil-livell nazzjonali, għal Frekwenza partikolari

Numru minimu ta' passi sabiex jintlaħaq il-livell obbligatorju finali

6

2

4

6

Numru ta' passi

Skonnessjoni Massima tad-Domanda għal kull pass

10

15

10

12

% tat-Tagħbija Totali fil-livell nazzjonali, għal pass partikolari