23.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 307/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2177

tat-22 ta' Novembru 2017

dwar l-aċċess għall-faċilitajiet ta' servizz u għas-servizzi relatati mal-ferroviji

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13(9) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-regoli bażiċi tad-Direttiva 2012/34/UE dwar l-aċċess għal faċilitajiet ta' servizz u l-użu tas-servizzi forniti f'dawk il-faċilitajiet, bħad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet ta' aċċess, ir-regoli proċedurali ewlenin dwar l-immaniġġjar tat-talbiet u r-rekwiżiti dwar il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni, japplikaw għall-faċilitajiet kollha ta' servizz. Id-Direttiva 2012/34/UE tistabbilixxi wkoll regoli differenti għal tipi differenti ta' servizzi pprovduti f'faċilitajiet ta' servizz. Jenħtieġ li dawn id-distinzjonijiet ikunu riflessi fir-Regolament ukoll.

Filwaqt li jitqies l-iskop u tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2012/34/UE, id-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-servizzi pprovduti f'faċilitajiet ta' servizz jenħtieġ li jkopru biss servizzi li huma relatati mal-forniment ta' servizzi tat-trasport bil-ferrovija.

(2)

Biex jiġu evitati piżijiet sproporzjonati għall-operaturi ta' faċilitajiet ta' servizz b'importanza minuri, jidher xieraq li tiġi pprovduta possibbiltà biex il-korpi regolatorji jeżentaw lil operaturi ta' faċilitajiet ta' servizz mid-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolament jew minn uħud minnhom, bl-eċċezzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-obbligu ta' pubblikazzjoni ta' deskrizzjoni tal-faċilità ta' servizz, meta l-korp regolatorju jqis li l-faċilità tkun mingħajr importanza strateġika għall-funzjonament tas-suq. Meta s-suq tal-faċilitajiet ta' servizz rilevanti jkun ikkaratterizzat minn firxa ta' operaturi li jipprovdu servizzi komparabbli f'kompetizzjoni jew korp regolatorju jqis li dispożizzjonijiet speċifiċi ta' dan ir-Regolament jistgħu jħallu impatt negattiv fuq il-funzjonament tas-suq tal-faċilitajiet ta' servizz, jenħtieġ li l-korp regolatorju jkun intitolat jagħti dawn l-eżenzjonijiet ukoll. Pereżempju dan jista' jkun il-każ jekk intrapriża ferrovjarja tkun qed tipprovdi servizzi lil intrapriża ferrovjarja oħra biex tassisti lil dik l-intrapriża f'postijiet remoti bħala parti minn kooperazzjoni li hi neċessarja minħabba l-kost ekonomiku li kieku jkollha ġġarrab.

Jenħtieġ li l-korpi regolatorji jivvalutaw it-talbiet għal eżenzjonijiet b'mod individwali, fuq il-bażi ta' każ b'każ. Jekk wara lment rigward l-aċċess għall-faċilità ta' servizz jew għas-servizz relatat mal-ferroviji kkonċernati, il-korp regolatorju jqis li ċ-ċirkustanzi setgħu nbidlu b'tali mod li eżenzjoni li tkun ingħatat fl-imgħoddi jkollha impatt negattiv fuq is-suq tas-servizzi tat-trasport bil-ferrovija, jenħtieġ li l-korp regolatorju jirrieżamina u jista' jirrevoka eżenzjoni.

Jenħtieġ li l-korpi regolatorji jiżguraw l-applikazzjoni konsistenti tal-eżenzjonijiet fl-Istati Membri kollha; jenħtieġ li dawn jiżviluppaw prinċipji komuni għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-eżenzjonijiet mid-data tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2. F'konformità mal-Artikolu 57(8) tad-Direttiva 2012/34/UE, jekk ikun hemm bżonn il-Kummissjoni tista' tadotta miżuri li jistabbilixxu dawn il-prinċipji.

L-operaturi tal-faċilitajiet ta' servizz li ġew eżentati mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jibqgħu soġġetti għar-regoli l-oħra kollha dwar l-aċċess għall-faċilitajiet ta' servizz u l-użu ta' servizzi relatati mal-ferroviji stabbiliti fid-Direttiva 2012/34/UE.

(3)

Ir-Regolament (UE) 2017/352 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxi qafas għall-forniment tas-servizzi portwarji u regoli komuni dwar it-trasparenza finanzjarja tal-portijiet. Dan ir-Regolament, li jistabbilixxi d-dettalji tal-proċeduri u l-kriterji li għandhom jiġu segwiti mill-operaturi tal-faċilitajiet ta' servizzi u mill-applikanti, jenħtieġ li japplika wkoll għal faċilitajiet marittimi u tal-portijiet interni li huma marbuta ma' attivitajiet ferrovjarji.

Id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tiddefinixxi l-obbligi tal-entità inkarigata mill-manutenzjoni. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ikun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' dik id-Direttiva.

(4)

It-trasparenza dwar il-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-faċilitajiet ta' servizz u għal servizzi relatati mal-ferroviji u għal informazzjoni dwar l-imposti hi prerekwiżit biex l-applikanti kollha jkunu jistgħu jaċċessaw faċilitajiet ta' servizz u servizzi forniti f'dawk il-faċilitajiet fuq bażi nondiskriminatorja. Skontijiet moħbija li huma nnegozjati b'mod individwali ma' kull applikant mingħajr ma jiġu segwiti l-istess prinċipji jkunu ta' xkiel għall-prinċipju ta' aċċess nondiskriminatorju għall-faċilitajiet ta' servizz u għal servizzi relatati mal-ferroviji. Madankollu, jenħtieġ li l-informazzjoni dwar il-prinċipji tal-iskemi ta' skont ipprovduti fid-deskrizzjoni tal-faċilitajiet ta' servizz tqis ir-rekwiżiti dwar il-kunfidenzjalità kummerċjali.

(5)

Id-Direttiva 2012/34/UE teħtieġ li l-operaturi tal-faċilitajiet ta' servizz jipprovdu aċċess nondiskriminatorju għall-faċilitajiet ta' servizz u għas-servizzi forniti f'dawk il-faċilitajiet. Dik id-Direttiva tapplika f'każijiet ta' awtoforniment ta' servizzi kif ukoll f'każijiet ta' servizzi li jiġu forniti minn operatur ta' faċilità ta' servizz. Meta jkun hemm bżonn li jiġu korretti distorsjoni fis-suq jew żviluppi mhux mixtieqa fis-suq, jenħtieġ li l-korp regolatorju jkun jista' jitlob li l-operatur ta' faċilità ta' servizz jiftaħ il-faċilità għall-awtoforniment, dment li dan ikun legalment u teknikament fattibbli u ma jipperikolax is-sikurezza tal-operazzjonijiet.

(6)

Meta jkun hemm bżonn li wieħed jgħaddi minn linja fergħa privata jew minn siding biex jaċċessa faċilità ta' servizz, l-operatur tal-faċilità ta' servizz jenħtieġ li jipprovdi informazzjoni dwar il-linja fergħa privata u s-siding. Jenħtieġ li din l-informazzjoni tippermetti lill-applikant jifhem lil min jista' jikkuntattja biex jitlob aċċess għal din il-linja f'konformità mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2012/34/UE.

(7)

Il-maniġers tal-infrastruttura jenħtieġ li jiffaċilitaw il-ġbir ta' informazzjoni dwar il-faċilitajiet ta'servizz u jtaffu l-piż amministrattiv tal-operaturi tal-faċilitajiet ta' servizz billi jipprovdu mudell f'post faċilment aċċessibbli bħall-portal web tagħhom. Jenħtieġ li dan il-mudell jiġi żviluppat mis-settur ferrovjarju u minn korpi regolatorji, f'konsultazzjoni mal-operaturi tal-faċilitajiet ta' servizz. L-operaturi tal-faċilitajiet ta' servizz huma obbligati jfornu l-informazzjoni rilevanti kollha lill-maniġers tal-infrastruttura tagħhom f'konformità mal-Artikolu 31(10) u mal-punt 6 tal-Anness IV għad-Direttiva 2012/34/UE. Il-maniġer tal-infrastruttura ewlieni, li lilu trid tiġi pprovduta d-deskrizzjoni tal-faċilità ta' servizz f'każ li l-maniġer tal-infrastruttura li l-faċilità kkonċernata tkun imqabbda man-netwerk tiegħu jkun eżentat mill-obbligu li jippubblika d-dikjarazzjoni dwar in-netwerk, jenħtieġ li jkun dak iddeterminat mill-Istat Membru għall-fini ta' parteċipazzjoni fin-netwerk imsemmi fl-Artikolu 7f tad-Direttiva 2012/34/UE.

(8)

Entitajiet differenti jistgħu jkunu inkarigati mit-teħid ta' deċiżjoni dwar il-kundizzjonijiet ta' aċċess għal faċilità ta' servizzi, mill-allokazzjoni tal-kapaċità fil-faċilità ta' servizzi u mill-forniment ta' servizzi relatati mal-ferroviji fil-faċilità. F'każijiet bħal dawn, l-entitajiet ikkonċernati kollha għandhom jitqiesu bħala operaturi ta' faċilità ta' servizz skont it-tifsira tad-Direttiva 2012/34/UE. Barra minn hekk, kull waħda minnhom jenħtieġ li tissodisfa r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament għall-parti li tkun responsabbli minnha. Jekk faċilità tkun proprjetà ta' diversi entitajiet u tkun ġestita u operata minnhom, l-entitajiet effettivament responsabbli għall-fornment tal-informazzjoni u għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar it-talbiet għall-aċċess għall-faċilità ta' servizz u dwar l-użu tas-servizzi relatati mal-ferroviji biss jenħtieġ li jiġu kkunsidrati bħala operaturi tal-faċilità ta' servizz.

(9)

Il-prattika attwali turi li f'ħafna każijiet applikanti bħal spedituri u spedizjoniera jitolbu aċċess għall-faċilitajiet ta' servizz. Madankollu, l-intrapriża ferrovjarja maħtura mill-applikant spiss ma jkollhiex relazzjoni kuntrattwali mal-operatur tal-faċilità ta' servizz. Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġi ċċarat li mhux biss l-intrapriżi ferrovjarji iżda anki applikanti oħra jenħtieġ li jkollhom dritt li jitolbu aċċess għal faċilitajiet ta' servizz bil-kundizzjonijiet stabbilitif'dan ir-Regolament, meta d-dritt nazzjonali jipprovdi għal possibbiltà bħal din. Jenħtieġ li l-operaturi ta' dawn il-faċilitajiet ta' servizz ikunu marbuta b'dan ir-Regolament irrisipettivament minn jekk ikunux f'relazzjoni kuntrattwali ma' intrapriża ferrovjarja jew ma' applikant ieħor intitolat li jitlob kapaċità f'faċilitajiet ta' servizz f'konformità mad-dritt nazzjonali.

(10)

Il-mogħdijiet u l-kapaċità tal-ferrovija fil-faċilitajiet ta' servizz spiss jiġu allokati minn entitajiet differenti. Għalhekk hu importanti li dawn l-entitajiet jikkomunikaw ma' xulxin biex jiżguraw li l-mogħdijiet tal-ferroviji skedati u l-islots skedati fil-faċilitajiet ta' servizz ikunu konsistenti biex l-operazzjonijiet ferrovjarji jsiru mingħajr intoppi u b'mod effiċjenti. Jenħtieġ li jsir l-istess għal sitwazzjonijiet li fihom applikant jitlob servizzi relatati mal-ferroviji f'faċilità li huma pprovduti minn fornituri differenti. Għal servizzi mhux direttament marbuta mal-kapaċità infrastrutturali, ma jkunx hemm bżonn ta' kooperazzjoni bħal din.

(11)

L-iskambju ta' data bejn entitajiet li jordnaw servizzi tat-trasport, intrapriżi u terminals ferrovjarji dwar traċċar u rintraċċar u l-ħin stmat tal-wasla u tat-tluq jenħtieġ li jikkontribwixxi għal kwalità u kosteffettività aħjar tas-servizzi fil-katina loġistika.

(12)

Ir-rekwiżit biex titqiegħed għad-dispożizzjoni informazzjoni indikattiva f'ħin reali dwar il-kapaċità disponibbli tal-faċilità ta' servizz fuq portal web komuni jista' jiġi ssodisfat billi tiġi pprovduta informazzjoni dwar jekk il-faċilità hix sħiħa, fadlilhiex kapaċità limitata jew fadlilhiex biżżejjed kapaċità biex takkomoda kwalunkwe tip ta' talba. Għal servizzi bħall-manutenzjoni, li għalihom vettura trid titneħħa mis-servizz għal perjodu estiż, jaf ma jkunx hemm bżonn ta' informazzjoni bħal din. Il-kapaċità operazzjonali massima tista' tkun iktar baxxa mill-kapaċità teorika massima. Dan għaliex jista' jkun hemm bżonn ta' ħin addizzjonali xieraq biex ikunu jistgħu jiġu pprovduti servizzi affidabbli f'sitwazzjonijiet bħall-wasla ttardjata ta' ferrovija fil-faċilità jew xkiel operazzjonali. Jenħtieġ li l-indikazzjoni tal-kapaċità tirreferi għall-kapaċità operazzjonali disponibbli.

(13)

Jenħtieġ li l-operaturi tal-faċilitajiet ta' servizz ma jobbligawx lill-applikanti jixtru servizzi offruti f'faċilità, li l-applikant ma jkunx jeħtieġ. Madankollu, jenħtieġ li dan il-prinċipju ma jimplikax li l-applikant jista' jġiegħel lill-operatur ta' faċilità jaċċetta l-awtoforniment fil-bini tal-operatur fejn l-operatur ikun qed joffri s-servizz rispettiv b'tali mod li jikkonforma mad-Direttiva 2012/34/UE u ma' dan ir-Regolament.

(14)

Meta operatur ta' faċilità ta' servizz jirċievi talba li tkun f'kunflitt ma' talba jew ma' kapaċità oħra diġà allokata, l-operatur tal-faċilità ta' servizz jenħtieġ li l-ewwel nett jivverifika jekk ikunx possibbli li jakkomoda t-talba addizzjonali billi jipproponi slot differenti, jimmodifika l-islot allokata jekk l-applikant ikkonċernat jaqbel dwar dan, jew billi jieħu miżuri li jagħmluha possibbli li tiżdied il-kapaċità tal-faċilità. Jenħtieġ li l-operatur ma jkunx obbligat jieħu miżuri bħat-tibdil tas-sigħat tal-ftuħ jew miżuri li jkunu jeħtieġu investiment biex tiżdied il-kapaċità ta' faċilità. Madankollu, meta applikant jiggarantixxi li jkopri l-kostijiet tal-investiment jew il-kostijiet operazzjonali addizzjonali mġarrba, l-operatur ta' faċilità ta' servizz jenħtieġ li jikkunsidra din l-għażla.

(15)

Meta l-proċedura ta' koordinazzjoni ma tkunx ippermettiet ir-rikonċiljazzjoni ta' talbiet f'kunflitt, l-operatur ta' faċilità ta' servizz jista' japplika kriterji tal-prijorità biex jiddeċiedi dwar it-talbiet f'kunflitt. Jenħtieġ li dawn il-kriterji jkunu nondiskriminatorji u trasparenti u jiġu ppubblikati fid-deskrizzjoni tal-faċilità ta' servizz, li hi soġġetta għal rieżami mill-korp regolatorju.

(16)

It-terminu alternattiva vijabbli jħaddan fih diversi elementi, inklużi b'mod partikolari karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bħall-post ta' faċilità, l-aċċess bit-triq, bil-ferrovija, b'passaġġ fuq l-ilma jew bit-trasport pubbliku, spazju ħieles tal-gejġ tal-linji, it-tul tal-binarju u elettrifikazzjonijiet; karatteristiċi operazzjonali bħall-ħinijiet tal-ftuħ, il-kapaċità fil-faċilità u madwarha, ir-rekwiżiti ta' taħriġ tas-sewwieq, il-kamp ta' applikazzjoni u t-tip ta' servizzi offruti; l-attraenza u l-kompetittività tas-servizzi tat-trasport bħar-rotot, il-konnessjonijiet ma' modalitajiet oħra tat-trasport, u l-ħin tat-trasport; u l-aspetti ekonomiċi bħall-impatt fuq il-kostijiet operazzjonali u l-profittabbiltà tas-servizzi previsti.

(17)

Il-bini ta' faċilità ta' servizz jeħtieġ investimenti sinifikanti u l-karattru tan-netwerk tal-linji ferrovjarji jimplika li hemm limitazzjonijiet fuq fejn jistgħu jinbnew il-faċilitajiet; b'riżultat ta' dan, ħafna faċilitajiet ta' servizz ma jistgħux jiġu duplikati faċilment. Meta t-talbiet għall-aċċess għal faċilità ma jistgħux jiġu akkomodati wara l-proċedura ta' koordinazzjoni u l-faċilità tkun magħluqa għall-konġestjoni, jenħtieġ li l-korpi regolatorji jkunu jistgħu jitolbu lill-operaturi tal-faċilitajiet ta' servizz idaħħlu fis-seħħ miżura biex jottimizzaw l-użu tal-faċilità. Jenħtieġ li l-operatur tal-faċilità ta' servizz jidentifika miżuri xierqa għall-kisba ta' dan l-objettiv. Dawn jistgħu jinkludu pereżempju penali finanzjarji li jridu jitħallsu mill-applikanti li jonqsu milli jużaw id-drittijiet ta' aċċess mogħtija jew jitolbu lill-applikanti jirrinunzjaw għad-drittijiet ta' aċċess għal faċilità ta' servizz jew għal servizzi relatati mal-ferroviji jekk ikunu naqsu milli jużaw dawn id-drittijiet b'mod ripetut jew b'mod intenzjonat jew ikunu kkawżaw xkiel fl-operat tal-faċilitajiet ta' servizz jew lil applikant ieħor.

(18)

Biex isir l-aħjar użu mill-faċilitajiet eżistenti, l-operar tal-faċilitajiet li ma jkunux intużaw għal tal-inqas sentejn jenħtieġ li jiġi ppubbliċizzat għal-lokazzjoni jew għall-kirja meta intrapriża ferrovjarja tesprimi interess fl-użu ta' din il-faċilità fuq il-bażi tal-ħtiġijiet murija. Kwalunkwe attur ekonomiku interessat li jopera dik il-faċilità jenħtieġ li jkun jista' jieħu sehem fil-proċeduri tal-offerti u jissottometti offerta għall-akkwiżizzjoni tal-operat tal-faċilità. Madankollu, proċedura tal-offerti mhux bilfors li trid titnieda jekk ikun għaddej proċess formali biex tiġi rtirata d-dedikazzjoni tas-sit għal skopijiet ferrovjarji u l-faċilità tkun qed terġa' tiġi żviluppata għal skopijiet oħra li mhumiex l-użu bħala faċilità ta' servizz.

(19)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi sett ta' regoli ġodda għall-operaturi ta' faċilitajiet ta' servizz. Dawk l-operaturi jeħtieġu ż-żmien biex jadattaw proċeduri interni eżistenti biex jiżguraw konformità sħiħa mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. Għalhekk, ir-Regolament jenħtieġ li japplika biss mill-1 ta' Ġunju 2019. Dan ifisser li d-deskrizzjoni tal-faċilità ta' servizz meħtieġa f'konformità mal-Artikolu 4 jew link għall-informazzjoni rilevanti ser ikollhom jitħejjew u jiġu inklużi biss għall-ewwel darba fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk għall-iskeda ta' żmien operazzjonali li tibda f'Diċembru 2020.

(20)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat taż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi d-dettalji tal-proċedura u tal-kriterji li għandhom jiġu segwiti għall-aċċess għas-servizzi li għandhom jiġu forniti fil-faċilitajiet ta' servizz elenkati fil-punti 2, 3 u 4 tal-Anness II għad-Direttiva 2012/34/UE.

Meta d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jirreferu għall-applikanti, dawn għandhom jinftiehmu li jirreferu għal intrapriżi ferrovjarji. Meta d-dritt nazzjonali jintitola lil applikanti oħra li mhumiex intrapriżi ferrovjarji biex jitolbu aċċess għall-faċilitajiet ta' servizz u għal servizzi relatati mal-ferroviji, id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw ukoll għal dawk l-applikanti f'konformità mad-dritt nazzjonali.

Artikolu 2

L-eżenzjonijiet

1.   L-operaturi tal-faċilitajiet ta' servizz imsemmija fil-paragrafu 2 jistgħu jitolbu li jiġu eżentati mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha ta' dan ir-Regolament jew minn uħud minnhom, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 4(2)(a) sa (d) u (m) u 5.

L-operaturi ta' faċilitajiet ta' servizz li jeżistu biss għall-użu minn operaturi ta' ferroviji storiċi għall-finijiet tagħhom stess jistgħu jitolbu eżenzjoni mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha ta' dan ir-Regolament.

Dawn it-talbiet għandhom jiġu sottomessi lill-korp regolatorju u jkunu sostanzjati kif xieraq.

2.   Il-korpi regolatorji jistgħu jiddeċiedu li jeżentaw lil operaturi ta' faċilitajiet ta' servizz li joperaw il-faċilitajiet ta' servizz li ġejjin jew jipprovdu s-servizzi li ġejjin:

il-faċilitajiet ta' servizz jew is-servizzi li m'għandhom ebda importanza strateġika għall-funzjonament tas-suq tas-servizzi tat-trasport bil-ferrovija, b'mod partikolari fir-rigward tal-livell ta' użu tal-faċilità, fir-rigward tat-tip u tal-volum ta' traffiku potenzjalment affettwati u fir-rigward tat-tip ta' servizzi offruti fil-faċilità;

il-faċilitajiet ta' servizz jew is-servizzi li huma operati jew ipprovduti f'ambjent tas-suq kompetittiv b'firxa ta' kompetituri li jipprovdu servizzi komparabbli;

il-faċilitajiet ta' servizz jew is-servizzi fejn l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament tista' tħalli impatt negattiv fuq il-funzjonament tas-suq tal-faċilitajiet ta' servizz.

3.   Il-korpi regolatorji għandhom jippubblikaw kwalunkwe deċiżjoni li tagħti eżenzjoni msemmija fil-paragrafu 2 fuq is-sit web tagħhom fi żmien ġimagħtejn wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni.

4.   Meta l-kriterji għall-għoti ta' eżenzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ma jibqgħux issodisfati, il-korp regolatorju għandu jirrevoka l-eżenzjoni.

5.   Il-korpi regolatorji għandhom jiżviluppaw u jippubblikaw prinċipji komuni tat-teħid tad-deċiżjonijiet għall-applikazzjoni tal-kriterji msemmija fil-paragrafu 2.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“servizz bażiku” tfisser servizz fornit fi kwalunkwe waħda mill-faċilitajiet ta' servizz elenkati fil-punt 2 tal-Anness II għad-Direttiva 2012/34/UE;

(2)

“servizz relatat mal-ferroviji” tfisser servizz bażiku, addizzjonali jew anċillari elenkat fil-punti 2, 3 u 4 tal-Anness II għad-Direttiva 2012/34/UE;

(3)

“deskrizzjoni tal-faċilitajiet ta' servizz” tfisser dokument li jistabbilixxi informazzjoni dettaljata neċessarja għall-aċċess għall-faċilitajiet ta' servizz u għal servizzi relatati mal-ferroviji;

(4)

“kapaċità tal-faċilità ta' servizz” tfisser il-potenzjal li tintuża faċilità ta' servizz u li jiġi fornit servizz tul perjodu partikolari ta' żmien, filwaqt li jitqies iż-żmien meħtieġ biex wieħed jaċċessa u jitlaq il-faċilità ta' servizz;

(5)

“proċedura ta' koordinazzjoni” tfisser proċedura li permezz tagħha l-operatur ta' faċilità ta' servizz u l-applikanti jippruvaw isolvu sitwazzjonijiet li fihom il-ħtiġijiet ta' aċċess għal faċilità ta' servizz jew għal servizzi relatati mal-ferroviji jikkonċernaw l-istess kapaċità tal-faċilità ta' servizz u jkunu f'kunflitt;

(6)

“faċilitajiet ta' servizz konnessi” tfisser faċilitajiet ta' servizz li huma biswit xulxin u jeħtieġu passaġġ minn waħda biex wieħed jasal għall-oħra;

(7)

“entità ta' kontroll” tfisser korp jew ditta, li jeżerċitaw kontroll dirett jew indirett fuq operatur ta' faċilità ta' servizz u jkunu attivi wkoll u jżommu pożizzjoni dominanti fi swieq nazzjonali tas-servizzi tat-trasport bil-ferrovija li għalihom tintuża l-faċilità jew inkella teżerċita kontroll dirett jew indirett fuq operatur ta' faċilità ta' servizz u intrapriża ferrovjarja li jkollha kariga bħal din;

(8)

“awtoforniment ta' servizzi” tfisser sitwazzjoni li fiha intrapriża ferrovjarja twettaq hi stess servizz relatat mal-ferroviji fuq il-bini ta' operatur ta' faċilità ta' servizz, dment li l-aċċess għall-faċilità u l-użu ta' din minn dik l-intrapriża ferrovjarja għall-awtoforniment ta' servizzi jkunu legalment u teknikament fattibbli, ma jipperikolawx is-sikurezza tal-operazzjonijiet u l-operatur tal-faċilità ta' servizz ikkonċernata joffri din il-possibbiltà;

(9)

“rikonverżjoni” tfisser proċess formali li bih l-iskop tal-faċilità ta' servizz jinbidel għal użu li mhuwiex għall-provvista ta' servizzi relatati mal-ferroviji;

(10)

“talba ad hoc” tfisser talba għall-aċċess għal faċilità ta' servizz jew għal servizz relatat mal-ferroviji li hu marbut ma' talba ta' passaġġ ad hoc għal mogħdija tal-ferrovija individwali msemmija fl-Artikolu 48(1) tad-Direttiva 2012/34/UE;

(11)

“talba tard” tfisser talba għall-aċċess għal faċilità ta' servizz jew għal servizz relatat mal-ferrovija sottomessa wara l-iskadenza għas-sottomissjoni ta' talbiet iddefiniti mill-operatur tal-faċilità inkwistjoni;

Artikolu 4

Deskrizzjoni tal-faċilità ta' servizz

1.   L-operaturi tal-faċilitajiet ta' servizz għandhom jistabbilixxu deskrizzjoni tal-faċilità ta' servizz għall-faċilitajiet ta' servizz u għas-servizzi li jkunu responsabbli għalihom.

2.   Id-deskrizzjoni tal-faċilità ta' servizz għandha tinkludi tal-inqas l-informazzjoni li ġejja sal-punt li hu meħtieġ minn dan ir-Regolament:

(a)

il-lista tal-installazzjonijiet kollha li fihom huma forniti s-servizzi relatati mal-ferrovija, inkluża informazzjoni dwar il-postijiet u l-ħinijiet tal-ftuħ tagħhom;

(b)

dettalji ta' kuntatt ewlenin tal-operatur tal-faċilità ta' servizz;

(c)

deskrizzjoni tal-karatteristiċi tekniċi tal-faċilità ta' servizz, bħas-sidings jew il-linji ferrovjarji tax-shuting u tal-marshalling, it-tagħmir tekniku għat-tagħbija u għall-ħatt, għall-ħasil, għall-manutenzjoni u l-kapaċità ta' ħżin disponibbli; informazzjoni dwar linji fergħa privati u sidings li mhumiex parti mill-infrastruttura ferrovjarja, iżda huma meħtieġa għall-aċċess ta' faċilitajiet ta' servizz li huma essenzjali għall-forniment tas-servizzi tat-trasport bil-ferrovija;

(d)

deskrizzjoni tas-servizzi kollha relatati mal-ferroviji, li huma forniti fil-faċilità, u tat-tip tagħhom (bażiku, addizzjonali jew anċillari);

(e)

il-possibbiltà għal awtoforniment ta' servizzi relatati mal-ferroviji u tal-kundizzjonijiet li japplikaw għalihom;

(f)

informazzjoni dwar proċeduri għat-talba ta' aċċess għall-faċilità ta' servizz jew għas-servizzi forniti fil-faċilità jew għat-tnejn, inklużi skadenzi għas-sottomissjoni tat-talbiet, u limiti ta' żmien għall-immaniġġjar ta' dawk it-talbiet;

(g)

f'faċilitajiet ta' servizz operati minn iktar minn operatur wieħed jew fejn is-servizzi relatati mal-ferroviji jiġu pprovduti minn iktar minn operatur wieħed, indikazzjoni ta' jekk iridux jiġu sottomessi talbiet separati għall-aċċess għall-faċilitajiet u għal dawk is-servizzi;

(h)

informazzjoni dwar il-kontenut minimu u l-format ta' talba għall-aċċess għall-faċilitajiet ta' servizz u għal servizzi relatati mal-ferroviji, jew mudell għal talba bħal din;

(i)

tal-inqas fil-każ ta' faċilitajiet ta' servizz operati u ta' servizzi relatati mal-ferroviji pprovduti minn operaturi taħt il-kontroll dirett jew indirett ta' entità ta' kontroll, il-mudell ta' kuntratti ta' aċċess u l-patti u kundizzjonijiet ġenerali;

(j)

fejn rilevanti, informazzjoni dwar il-patti tal-użu tas-sistemi tal-IT tal-operatur, jekk l-applikanti huma meħtieġa jużaw dawn is-sistemi, u r-regoli li jikkonċernaw il-protezzjoni ta' data sensittiva u kummerċjali;

(k)

deskrizzjoni tal-proċedura ta' koordinazzjoni u tal-miżuri regolatorji msemmija fl-Artikolu 10 u l-kriterji ta' prijorità msemmija fl-Artikolu 11;

(l)

informazzjoni dwar it-tibdiliet fil-karatteristiċi tekniċi u tar-restrizzjonijiet temporanji fuq il-kapaċità tal-faċilità ta' servizz, li jista' jkollhom impatt qawwi fuq l-operat tal-faċilità ta' servizz, inklużi x-xogħlijiet ippjanati;

(m)

informazzjoni dwar l-imposti għall-kisba ta' aċċess għall-faċilitajiet ta' servizz u l-imposti għall-użu ta' kull servizz relatat mal-ferroviji fornit fihom;

(n)

informazzjoni dwar il-prinċipji tal-iskemi ta' skont offruti lill-applikanti, filwaqt li jiġu rrispettati r-rekwiżiti ta' kunfidenzjalità kummerċjali.

Artikolu 5

Pubblikazzjoni ta' deskrizzjoni tal-faċilità ta' servizz

1.   L-operaturi tal-faċilitajiet ta' servizz għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni pubblika d-deskrizzjoni dwar il-faċilità ta' servizz mingħajr ħlas, b'wieħed mill-modi li ġejjin:

(a)

billi jippubblikawha fuq il-portal web tagħhom jew fuq portal web komuni u jipprovdu lill-maniġers tal-infrastruttura b'link li għandha tiddaħħal fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk;

(b)

billi jipprovdu lill-maniġers tal-infrastruttura bl-informazzjoni rilevanti u lesta biex tiġi ppubblikata li għandha tiddaħħal fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk.

Meta l-maniġer tal-infrastruttura li man-netwerk tiegħu tkun konnessa l-faċilità jkun eżentat mill-obbligu li jippubblika dikjarazzjoni dwar in-netwerk f'konformità mal-Artikolu 2(3) jew (4) tad-Direttiva 2012/34/UE, l-operatur ta' faċilità ta' servizz għandu jipprovdi l-link rilevanti jew l-informazzjoni lesta biex tiġi ppubblikata lill-maniġer tal-infrastruttura ewlieni.

2.   Fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk jew fuq il-portal web tagħhom, il-maniġers tal-infrastruttura għandhom jispeċifikaw l-iskadenza biex tiġi pprovduta l-informazzjoni jew il-link li għandha tiġi ppubblikata fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk, bl-għan li tiġi ppubblikata sad-data msemmija fl-Artikolu 27(4) tad-Direttiva 2012/34/UE.

Il-maniġers tal-infrastruttura għandhom jipprovdu mudell komuni li għandu jiġi żviluppat mis-settur ferrovjarju f'kooperazzjoni mal-korpi regolatorji sat-30 ta' Ġunju 2018 li l-operaturi tal-faċilitajiet ta' servizz jistgħu jużaw biex jissottomettu l-informazzjoni. Il-mudell għandu jiġi rivedut u aġġornat skont il-bżonn.

3.   L-operaturi tal-faċilitajiet ta' servizz għandhom iżommu d-deskrizzjoni tal-faċilità ta' servizz aġġornata skont il-bżonn. Dawn għandhom fi żmien debitu jinformaw lill-applikanti li diġà jkunu talbu aċċess jew li jkunu abbonaw għal servizz wieħed jew iktar fil-faċilità ta' servizz dwar kwalunkwe tibdil rilevanti fid-deskrizzjoni tal-faċilità.

4.   Fil-każ ta' faċilitajiet ta' servizz operati minn iktar minn operatur wieħed ta' faċilità ta' servizz jew meta s-servizzi fil-faċilità jkunu forniti minn iktar minn fornitur wieħed, dawk l-operaturi jew il-fornituri għandhom jikkoordinaw ma' xulxin biex:

(a)

iqiegħdu għad-dispożizzjoni f'post wieħed id-deskrizzjonijiet tal-faċilitajiet ta' servizz tagħhom; jew

(b)

jindikaw fid-deskrizzjonijiet tal-faċilità ta' servizz tagħhom l-operaturi tal-faċilità ta' servizz kollha responsabbli għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar talbiet għall-aċċess għall-faċilità jew għas-servizzi relatati mal-ferroviji forniti fl-istess faċilità ta' servizz.

Jekk din il-koordinazzjoni ma tirnexxix, il-korp regolatorju jista' jadotta deċiżjoni li tiddeżinja wieħed mill-operaturi tal-faċilità ta' servizz biex jikkonforma mar-rekwiżit stabbilit fl-ewwel subparagrafu. Kwalunkwe kost rilevanti għandu jinqasam bejn l-operaturi kollha kkonċernati tal-faċilità ta' servizz.

5.   L-obbligu msemmi fil-paragrafu 1 u fl-Artikolu 4 għandu jiġi ssodisfat b'mod li jkun proporzjonat għad-daqs, għall-karatteristiċi tekniċi u għall-importanza tal-faċilità ta' servizz ikkonċernata.

Artikolu 6

Informazzjoni addizzjonali

1.   Il-korp regolatorju jista' jitlob lill-operaturi tal-faċilitajiet ta' servizz jiġġustifikaw għaliex huma jiddeżinjaw servizz relatat mal-ferroviji bħala bażiku, addizzjonali jew anċillari.

2.   Fuq talba ta' applikant, l-operaturi ta' faċilitajiet ta' servizz elenkati fil-punti 2(a) sa (g) tal-Anness II għad-Direttiva 2012/34/UE għandhom jipprovdu informazzjoni indikattiva dwar il-kapaċità disponibbli tal-faċilità ta' servizz.

3.   Kull meta dan ikun teknikament possibbli bi sforzi ekonomiċi raġonevoli, l-operaturi tal-faċilitajiet ta' servizz għandhom iqiegħdu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(2)(l) disponibbli f'ħin reali permezz tal-użu ta' portal web komuni.

Artikolu 7

Il-kooperazzjoni fl-allokazzjoni tal-kapaċità ta' faċilità ta' servizz u l-użu tagħha

1.   L-applikanti għandhom jissottomettu t-talbiet tagħhom għal aċċess għall-faċilitajiet ta' servizz u għal servizzi relatati mal-ferroviji f'konformità mal-iskadenzi stabbiliti mill-operaturi tal-faċilitajiet ta' servizz. Meta rilevanti, l-operaturi tal-faċilitajiet ta' servizz elenkati fil-punt 2 tal-Anness II għad-Direttiva 2012/34/UE għandhom jagħtu l-kunsiderazzjoni dovuta lill-iskedi ta' żmien u lill-kriterji ta' prijorità stabbiliti mill-maniġers tal-infrastruttura għall-proċess ta' skedar meta jiddeterminaw dawn l-iskadenzi bl-għan li jipprevjenu inkonsistenzi.

2.   L-operaturi ta' faċilitajiet ta' servizz elenkati fil-punt 2 tal-Anness II għad-Direttiva 2012/34/UE u l-maniġers tal-infrastruttura għandhom jikkooperaw bl-għan li jiżguraw li l-allokazzjoni tal-kapaċità għall-infrastruttura u għall-faċilitajiet ta' servizz hi konsistenti meta jkun hemm bżonn. L-obbligu ta' kooperazzjoni għandu japplika wkoll għal operaturi ta' faċilitajiet ta' servizz konnessi. L-applikanti kkonċernati jistgħu jkunu involuti f'din il-kooperazzjoni fuq talba. L-applikanti jistgħu jitolbu wkoll l-involviment tal-entitajiet responsabbli għall-għoti tal-aċċess għal linji fergħa privati u għal sidings meħtieġa biex jiksbu aċċess għall-faċilitajiet ta' servizz li huma essenzjali għall-forniment ta' servizzi tat-trasport bil-ferrovija fil-kooperazzjoni.

Meta applikant ifittex il-provvista ta' servizzi addizzjonali jew anċillari elenkati fil-punti 3 u 4 tal-Anness II għad-Direttiva 2012/34/UE offruti fil-faċilità minn operatur wieħed jew iktar tal-faċilità ta' servizz għajr dak responsabbli għall-għoti ta' aċċess għall-faċilità, l-applikant jista' jitlob il-parteċipazzjoni tal-operaturi kollha tal-faċilitajiet ta' servizz li jipprovdu dawn is-servizzi fil-kooperazzjoni.

Dment li l-proċess ta' skedar imwettaq mill-maniġer tal-infrastruttura jkun pendenti, it-talbiet għall-aċċess għall-faċilitajiet ta' servizz u għas-servizzi relatati mal-ferroviji m'għandhomx jiġu rrifjutati fuq il-bażi li ma tkunx għadha ġiet allokata mogħdija tal-ferrovija mitluba. Madankollu, l-operaturi tal-faċilitajiet ta' servizz elenkati fil-punt 2 tal-Anness II għad-Direttiva 2012/34/UE u l-maniġers tal-infrastruttura kkonċernati għandhom ifittxu konsistenza fid-deċiżjonijiet rispettivi tagħhom.

3.   Meta rilevanti, l-operaturi tal-faċilitajiet ta' servizz, il-maniġers tal-infrastruttura u l-applikanti għandhom jikkooperaw biex jiżguraw l-operat effiċjenti tal-ferroviji minn u lejn il-faċilitajiet ta' servizz. Fil-każ ta' ferroviji li jużaw terminals tal-merkanzija bil-ferrovija, inklużi dawk f'portijiet marittimi jew interni, din il-kooperazzjoni għandha tinkludi l-iskambju ta' informazzjoni dwar it-traċċar u r-rintraċċar tal-ferroviji u, fejn disponibbli, il-ħin stmat tal-wasla u tat-tluq fil-każ ta' dewmien u ta' disturbi.

4.   Fuq talba tal-korp regolatorju, l-operaturi tal-faċilitajiet ta' servizz għandhom juru bil-miktub li għall-aħħar tliet snin huma ssodisfaw ir-rekwiżiti ta' kooperazzjoni f'konformità ma' dan l-Artikolu.

Artikolu 8

Talbiet għall-aċċess għall-faċilitajiet ta' servizz u għall-użu ta' servizzi relatati mal-ferroviji

1.   It-talbiet għall-aċċess għall-faċilitajiet ta' servizz u għall-użu ta' servizzi relatati mal-ferroviji jistgħu jsiru mill-applikanti.

2.   L-applikanti għandhom jindikaw fit-talbiet tagħhom il-faċilità ta' servizz jew is-servizzi relatati mal-ferroviji li għalihom talbu l-aċċess, jew it-tnejn li huma. L-operaturi tal-faċilitajiet ta' servizz m'għandhomx jagħmlu aċċess għall-faċilità jew għall-provvista ta' servizz relatat mal-ferroviji li jkunu soġġetti għax-xiri obbligatorju ta' servizzi oħra li ma jknuux relatati mas-servizz mitlub.

3.   L-operatur ta' faċilità ta' servizz għandu jikkonferma li rċieva talba mingħajr dewmien żejjed. Meta t-talba ma jkunx fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa f'konformità mad-deskrizzjoni tal-faċilità ta' servizz u neċessarja għat-teħid ta' deċiżjoni, l-operatur ta' faċilità ta' servizz kkonċernata għandu jinforma lill-applikant dwar dan u għandu jistabbilixxi skadenza raġonevoli għas-sottomissjoni tal-informazzjoni nieqsa. Jekk din l-informazzjoni ma tiġix sottomessa sa dik l-iskadenza, it-talba tista' tiġi rrifjutata.

Artikolu 9

Tweġiba għat-talbiet

1.   Wara li jirċievi l-informazzjoni kollha meħtieġa, l-operatur ta' faċilità ta' servizz għandu jwieġeb għat-talbiet għall-aċċess għall-faċilitajiet ta' servizz u għall-provvista ta' servizzi fil-faċilitajiet ta' servizz elenkati fil-punt 2 tal-Anness II għad-Direttiva 2012/34/UE f'limitu ta' żmien raġonevoli stabbilit mill-korp regolatorju f'konformità mal-Artikolu 13(4) tad-Direttiva 2012/34/UE. Jistgħu jiġu stabbiliti skadenzi differenti għal tipi differenti ta' faċilitajiet ta' servizz u/jew ta' servizzi.

2.   Meta l-operatur ta' faċilità ta' servizz ikun wieġeb b'offerta ta' aċċess għall-faċilità ta' servizz, dik l-offerta għandha tibqa' valida għal żmien raġonevoli li hu jispeċifika u li għandu jqis il-ħtiġijiet kummerċjali tal-applikant.

3.   Il-korpi regolatorji għandhom jistabbilixxu l-limiti ta' żmien biex iwieġbu t-talbiet sottomessi mill-applikanti kif stipulat fl-Artikolu 13(4) tad-Direttiva 2012/34/UE qabel il-pubblikazzjoni tal-ewwel dikjarazzjoni dwar in-netwerk soġġetti għar-regoli ta' dan ir-Regolament ta' implimentazzjoni biex jiżguraw konformità mal-Artikolu 27(4) tad-Direttiva 2012/34/UE.

4.   Għal talbiet ad hoc li jikkonċernaw l-aċċess għall-faċilitajiet ta' servizz u għas-servizzi elenkati fil-punti (a) sa (d) u (f) sa (i) tal-punt 2 tal-Anness II, meta jiġu stabbiliti l-limiti ta' żmien f'konformità mal-Artikolu 13(4) tad-Direttiva 2012/34/UE, il-korpi regolatorji għandhom iqisu l-limiti ta' żmien stabbiliti fl-Artikolu 48(1) tad-Direttiva 2012/34/UE. Meta l-korpi regolatorju ma jkunux iddefinew limiti ta' żmien għal dawn it-talbiet ad hoc, l-operatur ta' faċilità ta' servizz għandu jwieġeb it-talba fil-limiti ta' żmien stabbiliti fl-Artikolu 48(1) tad-Direttiva.

Meta l-operatur ta' faċilità ta' servizz ikun iddefinixxa skadenza annwali għas-sottomissjoni ta' talbiet għall-aċċess għall-faċilitajiet ta' servizz u għas-servizzi relatati mal-ferroviji elenkati fil-punti (a) sa (d) u (f) sa (i) tal-punt 2 tal-Anness II, il-limiti ta' żmien biex jitwieġbu t-talbiet tard iddefiniti mill-korp regolatorju għandhom iqisu l-limiti ta' żmien applikati mill-maniġers tal-infrastruttura għall-ipproċessar ta' dawn it-talbiet.

Għall-faċilitajiet ta' servizz u għas-servizzi relatati mal-ferroviji elenkati fil-punt (e) tal-punt 2 tal-Anness II, il-limitu ta' żmien għandu jibda ladarba l-kompatibbiltà teknika tal-vetturi ferrovjarji ma' dawk il-faċilitajiet u mat-tagħmir tkun ġiet ivvalutata u l-applikant ikun ġie informat dwar din.

5.   L-operaturi tal-faċilitajiet ta' servizz li jipprovdu servizzi addizzjonali u anċillari elenkati fil-punti 3 u 4 tal-Anness II għad-Direttiva 2012/34/UE għandhom iwieġbu għal talbiet għal dawn is-servizzi fil-limitu ta' żmien stabbilit mill-korp regolatorju jew, meta dan il-limitu ta' żmien ma jkunx ġie stabbilit, fi żmien raġonevoli. Meta applikant jissottometti talbiet ad hoc għal diversi servizzi relatati mal-ferroviji forniti f'faċilità ta' servizz waħda u jindika li l-allokazzjoni simultanja tagħhom biss tkun ta' użu, l-operaturi kkonċernati kollha tal-faċilità ta' servizz, inklużi l-fornituri ta' servizzi addizzjonali u anċillari elenkati fil-punti 3 u 4 tal-Anness II għandhom iwieġbu għal dawk it-talbiet fi żmien raġonevoli msemmi fil-paragrafu 4.

Għas-servizzi relatati mal-ferroviji elenkati fil-punt (e) tal-punt 4 tal-Anness II, il-limitu ta' żmien għandu jibda ladarba l-kompatibbiltà teknika tal-vetturi ferrovjarji mal-faċilitajiet u mat-tagħmir tkun ġiet ivvalutata u l-applikant ikun ġie informat dwar din.

6.   Bil-qbil tal-applikant ikkonċernat, il-limiti ta' żmien imsemmija fil-paragrafi 3, 4 u 5 jistgħu jiġu estiżi.

7.   Id-drittijiet ta' aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja u għas-servizzi relatati mal-ferroviji m'għandhomx jiġu ttrasferiti lil applikanti oħra.

8.   Jekk applikant ikun biħsiebu jagħmlu użu minn dritt ta' aċċess għal faċilità ta' servizz jew għal servizz relatat mal-ferroviji mogħti mill-operatur tal-faċilità ta' servizz, hu għandu jinforma lill-operatur ikkonċernat mingħajr dewmien żejjed.

Artikolu 10

Proċedura ta' koordinazzjoni

1.   Meta operatur ta' faċilità ta' servizz elenkata fil-punt 2 tal-Anness II għad-Direttiva 2012/34/UE jirċievi talba għall-aċċess għall-faċilità ta' servizz jew għall-provvista ta' servizz li tkun f'kunflitt ma' talba oħra jew tkun tikkonċerna kapaċità tal-faċilità ta' servizz diġà allokata, hu għandu jipprova, permezz ta' diskussjoni u ta' koordinazzjoni mal-applikanti kkonċernati, jiżgura l-aħjar tlaqqigħ possibbli tat-talbiet kollha. Din il-koordinazzjoni għandha tinvolvi wkoll lil fornituri ta' servizzi addizzjonali u anċillari elenkati fil-punti 3 u 4 tal-Anness II għad-Direttiva 2012/34/UE meta dawn is-servizzi jiġu offruti fil-faċilità u jintalbu minn applikant. Kwalunkwe modifika tad-drittijiet ta' aċċess diġà mogħtija għandha tkun soġġetta għall-ftehim tal-applikant ikkonċernat.

2.   L-operaturi tal-faċilitajiet ta' servizz elenkati fil-punt 2 tal-Anness II għad-Direttiva 2012/34/UE m'għandhomx jiċħdu talbiet għall-aċċess għall-faċilità ta' servizz tagħhom jew għall-provvista ta' servizz u lanqas ma jindikaw alternattivi vijabbli lill-applikant, meta l-kapaċità li taqbel mal-ħtiġijiet tal-applikant tkun disponibbli fil-faċilità ta' servizz tagħhom jew tkun mistennija li ser issir disponibbli matul jew wara l-proċedura ta' koordinazzjoni.

3.   L-operaturi tal-faċilitajiet ta' servizz għandhom jikkunsidraw għażliet differenti li jippermettulhom jakkomodaw talbiet f'kunflitt għall-aċċess għall-faċilità ta' servizz jew għall-provvista ta' servizz fil-faċilità ta' servizz. Meta jkun hemm bżonn, dawk l-għażliet għandhom jinkludu miżuri biex tiġi mmassimizzata l-kapaċità disponibbli fil-faċilità, sal-punt li ma jkunx meħtieġ investiment addizzjonali f'riżorsi jew f'faċilitajiet. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu:

il-proposta ta' twaqqit alternattiv;

it-tibdil tal-ħinijiet tal-ftuħ jew tal-mudell tax-xiftijiet, fejn possibbli;

l-għoti tal-aċċess għall-faċilità għall-awtoforniment tas-servizzi.

4.   L-applikanti u l-operaturi tal-faċilitajiet ta' servizz jistgħu jitolbu lill-korp regolatorju flimkien biex jieħu sehem bħala osservatur fil-proċedura ta' koordinazzjoni.

5.   Meta talba għall-aċċess għal faċilità ta' servizz elenkata fil-punt 2 tal-Anness II għad-Direttiva 2012/34/UE ma tkunx tista' tintlaqa' wara l-proċedura ta' koordinazzjoni u l-faċilità ta' servizz tkun kważi f'konġestjoni, il-korp regolatorju jista' jitlob lill-operatur tal-faċilità ta' servizz biex jieħu miżuri mfassla biex jippermettu l-akkomodazzjoni ta' talbiet addizzjonali għall-aċċess għall-faċilità tiegħu. Miżuri bħal dawn għandhom ikunu trasparenti u nondiskriminatorji.

Artikolu 11

Kriterji ta' prijorità

L-operaturi tal-faċilità ta' servizz jistgħu jiddeterminaw il-kriterji ta' prijorità biex jallokaw il-kapaċità fil-każ ta' talbiet f'kunflitt għall-aċċess għall-faċilitajiet ta' servizz u għas-servizzi relatati mal-ferroviji, meta dawn it-talbiet ma jkunux jistgħu jiġu akkomodati wara l-proċedura ta' koordinazzjoni.

Dawn il-kriterji ta' prijorità għandhom ikunu nondiskriminatorji u oġġettivi u jiġu ppubblikati fid-deskrizzjoni tal-faċilità ta' servizz f'konformità mal-ittra k tal-Artikolu 4(2). Dawn għandhom iqisu l-iskop tal-faċilità, l-iskop u n-natura tas-servizzi kkonċernati tat-trasport bil-ferrovija u l-objettiv ta' kisba ta' użu effiċjenti tal-kapaċità disponibbli.

Il-kriterji ta' prijorità jistgħu jqisu wkoll l-aspetti li ġejjin:

il-kuntratti eżistenti;

l-intenzjoni u l-ħila ta' użu tal-kapaċità mitluba, inkluż falliment preċedenti, jekk ikun jeżisti, ta' użu tal-kapaċità allokata kollha jew ta' parti minnha u r-raġunijiet għal dak il-falliment;

il-mogħdijiet tal-ferrovija diġà allokati li huma konnessi mas-servizzi mitluba;

il-kriterji ta' prijorità għall-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija;

is-sottomissjoni puntwali tat-talbiet.

Artikolu 12

Alternattivi vijabbli

1.   Meta talba għall-aċċess għall-faċilitajiet ta' servizz u għas-servizzi relatati mal-ferroviji ma tkunx tista' tiġi akkomodata wara l-proċedura ta' koordinazzjoni, l-operatur ta' faċilità ta' servizz elenkata fil-punt 2 tal-Anness II għad-Direttiva 2012/34/UE għandu jinforma lill-applikant ikkonċernat u lill-korp regolatorju, fuq talba ta' dan, mingħajr dewmien żejjed. L-Istati Membri jistgħu jitolbu li l-korp regolatorju jiġi informat anki fin-nuqqas ta' talba bħal din.

2.   L-operatur ta' faċilità ta' servizz elenkata fil-punt 2 tal-Anness II għad-Direttiva 2012/34/UE u l-applikant għandhom, jekk ma tkunx tista' tiġi akkomodata talba, jivvalutaw b'mod konġunt jekk hemmx alternattivi vijabbli li jippermettu l-operar tas-servizz ikkonċernat tal-merkanzija jew ta' trasport ta' passiġġieri fuq l-istess rotot jew oħrajn alternattivi f'kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli. L-applikant m'għandux ikun meħtieġ jiżvela l-istrateġija tan-negozju tiegħu.

3.   Għall-fini tal-paragrafu 2, l-operatur tal-faċilità ta' servizz għandu jindika l-alternattivi possibbli, inkluż, fejn rilevanti, fi Stati Membri oħra, fuq il-bażi ta' deskrizzjonijiet ta' faċilità ta' servizz oħra, fuq il-bażi tal-informazzjoni ppubblikata fuq portal web komuni f'konformità mal-Artikolu 5 u fuq il-bażi ta' kwalunkwe informazzjoni pprovduta mill-applikant. Meta jiġu proposti alternattivi possibbli, tal-inqas għandhom jiġu kkunsidrati l-kriterji li ġejjin, dment li dawk ikunu jistgħu jiġu vvalutati mill-operatur tal-faċilità ta' servizz:

is-sostitwibbiltà tal-karatteristiċi operazzjonali tal-faċilità ta' servizz alternattiva;

is-sostitwibbiltà tal-karatteristiċi fiżiċi u tekniċi tal-faċilità ta' servizz alternattiva;

l-impatt ċar fuq l-attraenza u l-kompetittività tas-servizz tat-trasport bil-ferrovija previst mill-applikant;

il-kost addizzjonali stmat għall-applikant.

L-operatur ta' faċilità ta' servizz għandu jirrispetta l-kunfidenzjalità kummerċjali tal-informazzjoni pprovduta mill-applikant.

4.   Meta l-informazzjoni dwar il-kapaċità tal-alternattiva proposta ma tkunx disponibbli pubblikament, l-applikant għandu jivverifikaha.

L-applikant għandu jivvaluta jekk l-użu tal-alternattiva proposta jippermettilux jopera s-servizz tat-trasport previst b'kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli. Għandu jinforma lill-operatur tal-faċilità ta' servizz dwar l-eżitu tal-valutazzjoni tiegħu sa skadenza miftiehma b'mod konġunt.

5.   L-applikant jista' jitlob lill-operatur ta' faċilità ta' servizz biex ma jindikax l-alternattivi vijabbli u ma jipproċedix għall-valutazzjoni konġunta.

Artikolu 13

Rifjut tal-aċċess

1.   Meta l-operatur ta' faċilità ta' servizz elenkata fil-punt 2 tal-Anness II għad-Direttiva 2012/34/UE u l-applikant jikkonkludu li ma teżisti ebda alternattiva vijabbli, u ma jkunx possibbli li t-talba għall-aċċess tiġi akkomodata jew li jiġi fornit servizz fil-faċilità wara l-proċedura ta' koordinazzjoni, l-operatur ta' faċilità ta' servizz jista' jirrifjuta t-talba.

Meta l-operatur tal-faċilità ta' servizz u l-applikant ma jkunux jistgħu jaqblu fuq alternattiva vijabbli, l-operatur tal-faċilità ta' servizz jista' jirrifjuta t-talba li tindika l-alternattivi li hu jqis bħala vijabbli.

L-applikant jista' jilmenta mal-korp regolatorju f'konformità mal-Artikolu 13(5) tad-Direttiva 2012/34/UE.

2.   Meta l-operatur tal-faċilità ta' servizz u l-applikant ikunu identifikaw alternattivi vijabbli b'mod konġunt, l-operatur tal-faċilità ta' servizz jista' jirrifjuta t-talba.

3.   L-operaturi ta' faċilità ta' servizz imsemmija fl-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 2012/34/UE għandhom jiġġustifikaw bil-miktub mal-applikant għaliex it-talba ma setgħetx tiġi akkomodata wara l-proċedura ta' koordinazzjoni u għaliex, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, huma jqisu li kwalunkwe alternattiva proposta tissodisfa r-rekwiżiti tal-applikant u hi vijabbli.

4.   Operatur ta' faċilità ta' servizz li jirrifjuta talba għandu juri lill-korp regolatorju u lill-applikant, fuq talba tagħhom, ir-raġunijiet għar-rifjut, inklużi l-alternattivi eżaminati u l-eżitu tal-proċedura ta' koordinazzjoni.

5.   Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 12(5), l-operatur ta' faċilità ta' servizz jista' jirrifjuta mingħajr ma jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 3 u 4 ta' dan l-Artikolu.

6.   Meta l-applikant ikun naqas b'mod ripetut milli jħallas għad-drittijiet ta' aċċess diġà mogħtija u użati, l-operatur ta' faċilità ta' servizz jista' jitlob garanziji finanzjarji biex jissalvagwardja l-aspettattivi leġittimi tiegħu dwar id-dħul u l-użu futuri tal-faċilità. L-informazzjoni dwar dawn il-garanziji għandha tiġi ppubblikata fid-deskrizzjoni tal-faċilità ta' servizz.

Artikolu 14

Ilmenti

Meta l-applikant jilmenta mal-korp regolatorju skont l-Artikolu 13(5) tad-Direttiva 2012/34/UE li l-korp regolatorju għandu, fil-valutazzjoni tal-impatt ta' kwalunkwe deċiżjoni li jista' jieħu biex jagħti parti xierqa tal-kapaċità lill-applikant, iqis tal-inqas l-elementi li ġejjin, meta dawn ikunu rilevanti:

L-obbligi kuntrattwali u l-vijabbiltà tal-mudelli kummerċjali ta' utenti oħra tal-faċilità ta' servizz affettwata;

il-volum ġenerali tal-kapaċità tal-faċilità ta' servizz diġà allokata lil utenti affettwati oħra;

l-investimenti magħmula fil-faċilità minn utenti affettwati oħra;

id-disponibbiltà ta' alternattivi vijabbli biex jiġu akkomodati l-ħtiġijiet ta' utenti affettwati oħra, inklużi alternattivi fi Stati Membri oħra f'każ ta' servizzi ferrovjarji internazzjonali;

il-vijabbiltà tal-mudell kummerċjali tal-operatur tal-faċilità ta' servizz;

id-drittijiet ta' aċċess għall-infrastruttura tal-konnessjoni.

Artikolu 15

Faċilitajiet mhux użati

1.   Il-faċilitajiet ta' servizz elenkati fil-punt 2 tal-Anness II għad-Direttiva 2012/34/UE li ma ntużawx għal tal-inqas sentejn konsekuttivi għandhom ikunu soġġetti għall-espressjoni ta' interess u għal-lokazzjoni jew għall-kirja. Informazzjoni dwar il-faċilitajiet mhux użati għandha tiġi ppubblikata f'konformità mal-Artikolu 5.

2.   Il-perjodu ta' sentejn imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jibda l-għada tad-data li fiha servizz relatat mal-ferroviji ġie fornit fil-faċilità ta' servizz ikkonċernata għall-aħħar darba.

3.   Applikant interessat li juża faċilità ta' servizz elenkata fil-punt 2 tal-Anness II għad-Direttiva 2012/34/UE li ma ntużatx għal mill-inqas sentejn konsekuttivi għandu jesprimi l-interess tiegħu bil-miktub lill-operatur tal-faċilità kkonċernata u jinforma lill-korp regolatorju dwar dan. Din l-espressjoni ta' interess għandha turi l-ħtiġijiet tal-intrapriża ferrovjarja kkonċernata. L-oepratur tal-faċilità ta' servizz jista' jiddeċiedi li jkompli bl-operazzjonijiet b'mod li jissodisfa l-ħtiġijiet murija tal-intrapriża ferrovjarja.

4.   Meta s-sid ta' faċilità ta' servizz ma joperax dik il-faċilità, l-operatur ta' dik il-faċilità għandu jinforma lis-sid dwar l-espressjoni ta' interess fi żmien 10 ijiem wara r-riċevuta tagħha. Is-sid tal-faċilità għandu jirreklama li l-faċilità hi disponibbli għal-lokazzjoni jew għall-kiri, kollha kemm hi jew parti minnha, sakemm l-operatur tal-faċilità ta' servizz ma jkunx iddeċieda li jkompli bl-operazzjonijiet wara l-espressjoni ta' interess.

5.   Qabel ma ssir pubblikazzjoni bħal din, is-sid tal-faċilità ta' servizz jista' jippermetti lill-operatur tal-faċilità ta' servizz jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu fuq dik il-pubblikazzjoni fi żmien erba' ġimgħat. L-operatur jista' joġġezzjona għal dik il-pubblikazzjoni billi jissottometti dokumenti li juru bil-provi li hemm proċess ta' rikonverżjoni li għaddej, imniedi qabel l-espressjoni ta' interess.

6.   Il-korp regolatorju għandu jiġi informat mis-sid dwar il-proċess ta' rikonverżjoni u jista' jitlob id-dokumenti mingħand l-operatur sabiex jivvaluta l-plawżibbiltà tiegħu.

Jekk il-valutazzjoni ma tkunx sodisfaċenti, il-korp regolatorju għandu jitlob il-pubblikazzjoni tal-operazzjoni tal-faċilità bħala waħda għal-lokazzjoni jew għall-kiri, kollha kemm hi jew parti minnha.

7.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli tal-akkwist pubbliku, is-sid ta' faċilità ta' servizz elenkata fil-punt 2 tal-Anness II għad-Direttiva 2012/34/UE għandu jippubblika fuq il-portal web tiegħu avviż dwar il-lokazzjoni jew il-kiri tal-faċilità ta' servizz ikkonċernata u għandu jinforma dwar dan lill-korp regolatorju u lill-maniġer tal-infrastruttura li man-netwerk tiegħu hi konnessa l-faċilità. Il-pubblikazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni kollha meħtieġa biex l-intrapriżi interessati jkunu jistgħu jissottomettu offerta biex jakkwiżixxu l-operat tal-faċilità, kollha kemm hi jew parti minnha. Din l-informazzjoni b'mod partikolari għandha tinkludi:

(a)

id-dettalji tal-proċedura tal-għażla li għandha tkun trasparenti u nondiskriminatorja u tqis l-objettiv ta' żgurar ta' użu effettiv ottimali tal-kapaċità tal-faċilità;

(b)

il-kriterji tal-għażla;

(c)

il-karatteristiċi ewlenin tat-tagħmir tekniku tal-faċilità ta' servizz;

(d)

l-indirizz u l-limitu ta' żmien għas-sottomissjoni ta' offerta li mill-inqas għandu jkun ta' 30 jum mill-pubblikazzjoni tal-avviż.

8.   Il-maniġer tal-infrastruttura kkonċernat għandu jippubblika wkoll fuq il-portal web tiegħu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 7.

9.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli tal-akkwist pubbliku, is-sid ta' faċilità ta' servizz elenkata fil-punt 2 tal-Anness II għad-Direttiva 2012/34/UE għandu jagħżel il-kandidat ammess u jagħmel offerta raġonevoli mingħajr dewmien żejjed.

10.   L-Istati Membri jistgħu japplikaw il-proċeduri eżistenti għall-kontroll regolatorju tad-dekummissjonar tal-faċilitajiet ta' servizz. F'dan il-każ, il-korp regolatorju jista' jagħti eżenzjonijiet mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 16

Reviżjoni

Sal-1 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u, fuq il-bażi tal-eżitu ta' dik il-valutazzjoni, tirrevedih, jekk ikun hemm bżonn.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Ġunju 2019.

Madankollu, l-Artikolu 2 għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Novembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2017/352 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Frar 2017 li jistabbilixxi qafas għall-forniment tas-servizzi portwarji u regoli komuni dwar it-trasparenza finanzjarja tal-portijiet (ĠU L 57, 3.3.2017, p. 1).

(3)  Id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar is-sikurezza ferrovjarja (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 102).