14.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 295/21


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2017/2063

tat-13 ta' Novembru 2017

dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b'mod partikulari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2074 tat-13 ta' Novembru 2017 rigward miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Fid-dawl tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem f'deterjorament kontinwu fil-Venezwela, l-Unjoni kemm-il darba esprimiet tħassib u talbet lill-atturi politiċi u lill-istituzzjonijiet kollha fil-Venezwela biex jaħdmu b'mod kostruttiv lejn soluzzjoni għall-kriżi fil-pajjiż, b'rispett sħiħ tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem, tal-istituzzjonijiet demokratiċi u tas-separazzjoni tas-poteri.

(2)

Fit-13 ta' Novembru 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074, li tipprevedi, inter alia, projbizzjoni tal-esportazzjoni ta' armi u tagħmir li jista' jintuża għar-repressjoni interna, u projbizzjoni tal-esportazzjoni ta' tagħmir ta' sorveljanza u l-iffriżar ta' fondi u ta' riżorsi ekonomiċi ta' ċerti persuni, entitajiet u korpi responsabbli għal vjolazzjonijiet jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem jew għar-ripressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika u persuni, entitajiet u korpi li l-azzjonijiet, il-politiki jew l-attivitajiet tagħhom b'xi mod ieħor jimminaw id-demokrazija jew l-istat tad-dritt fil-Venezwela, kif ukoll persuni, entitajiet u korpi assoċjati magħhom.

(3)

Ċerti miżuri previsti fid-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat u għalhekk, partikolarment bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha,hija neċessarja azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex dawn jiġu implimentati.

(4)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, partikolarment id-dritt għal rimedju effettiv u proċess ġust u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi applikat f'konformità ma' dawk id-drittijiet.

(5)

Jenħtieġ li s-setgħa tal-modifika tal-listi fl-Annessi IV u V għal dan ir-Regolament tkun eżerċitata mill-Kunsill sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-proċess għall-emendar u r-reviżjoni tal-Annessi I u II għad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074.

(6)

Għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, u sabiex tinħoloq l-akbar ċertezza tad-dritt fl-Unjoni, l-ismijiet u data oħra rilevanti li jikkonċernaw persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom għandhom jiġu ffriżati f'konformità ma' dan ir-Regolament jenħtieġ li jsiru pubbliċi. Kull ipproċessar ta' data personali għandu jkun konformi mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u mad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(7)

Jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jinfurmaw lil xulxin dwar il-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament u dwar informazzjoni rilevanti oħra li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom b'rabta ma' dan ir-Regolament.

(8)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiddeterminaw il-penali applikabbli għall-ksur ta' dan ir-Regolament. Il-penali jenħtieġ li jkunu effettivi, proprozjonati u dissważivi.

(9)

Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament ikunu effettivi, jenħtieġ li dan jidħol fis-seħħ immedjatament,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin.

(a)

“pretensjoni” tfisser kwalunkwe pretensjoni, kemm jekk asserita permezz ta' proċedimenti legali kif ukoll jekk le, magħmula qabel, fi jew wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, skont kuntratt jew tranżazzjoni, jew b'rabta magħhom, u b'mod partikolari tinkludi:

(i)

pretensjoni għall-prestazzjoni ta' kull obbligu li jirriżulta skont kuntratt jew tranżazzjoni, jew b'rabta magħhom;

(ii)

pretensjoni għall-proroga jew għall-ħlas ta' bond, garanzija finanzjarja jew indennizz ta' kwalunkwe forma;

(iii)

pretensjoni għall-kumpens fir-rigward ta' kuntratt jew tranżazzjoni;

(iv)

kontropretensjoni;

(v)

pretensjoni għar-rikonoxximent jew l-infurzar, inkluż permezz tal-proċedura ta' exequatur, ta' sentenza, deċiżjoni arbitrali jew deċiżjoni ekwivalenti, kull fejn issir jew tingħata;

(b)

“kuntratt jew tranżazzjoni” tfisser kwalunkwe tranżazzjoni irrispettivament mill-forma u irrispettivament mil-liġi applikabbli, kemm jekk tikkonsisti f'kuntratt wieħed jew aktar jew f'obbligi simili magħmula bejn l-istess partijiet jew bejn partijiet differenti; għal dan l-iskop, “kuntratt” tinkludi bond, garanzija jew indennità, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, u kreditu, kemm jekk legalment indipendenti kif ukoll jekk le, kif ukoll kwalunkwe dispożizzjoni relatata li tirriżulta mit-tranżazzjoni jew b'konnessjoni magħha;

(c)

“awtoritajiet kompetenti” tirriferi għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif identifikati fuq is-siti web elenkati fl-Anness III;

(d)

“riżorsi ekonomiċi” tfisser assi ta' kull tip, tanġibbli jew intanġibbli, mobbli jew immobbli, li mhumiex fondi, iżda li jistgħu jintużaw biex jinkisbu fondi, prodotti jew servizzi;

(e)

“iffriżar ta' riżorsi ekonomiċi” tfisser il-prevenzjoni tal-użu ta' riżorsi ekonomiċi għall-akkwist ta' fondi, prodotti jew servizzi b'kull mod, inkluż, iżda mhux limitat għall-bejgħ, il-kiri jew l-użu tagħhom bħala ipoteka;

(f)

“iffriżar ta' fondi” tfisser il-prevenzjoni ta' kull moviment, trasferiment, alterazzjoni jew użu ta', aċċess għal, jew in-negozjar b'fondi b'kull mod li jirriżulta f'xi tibdil fil-volum, l-ammont, il-post, is-sjieda, il-pussess, in-natura jew id-destinazzjoni tagħhom jew kull tibdil ieħor li jippermetti li l-fondi jintużaw, inkluż il-ġestjoni ta' portafolli;

(g)

“fondi” tfisser assi u benefiċċji finanzjarji ta' kull xorta, li jinkludu, iżda li mhumiex limitati għal, dan li ġej:

(i)

flus kontanti, ċekkijiet, pretensjonijiet fuq flus, kambjali, money orders u strumenti oħra ta' pagament;

(ii)

depożiti ma' istituzzjonijiet finanzjarji jew entitajiet oħra, bilanċi fuq kontijiet, dejn u obbligi ta' dejn;

(iii)

titoli u strumenti ta' dejn innegozjati pubblikament u privatament, inklużi stokks u ishma, ċertifikati li jirrappreżentaw titoli, bonds, noti, warrants, obbligazzjonijiet u kuntratti derivati;

(iv)

imgħax, dividendi jew introjtu ieħor minn assi jew il-valur provenjenti jew iġġenerat minnhom;

(v)

kreditu, dritt ta' tpaċija, garanziji, garanziji ta' eżekuzzjoni jew impenji finanzjarji oħra;

(vi)

ittri ta' kreditu, poloz ta' kargu, poloz ta' bejgħ; kif ukoll

(vii)

dokumenti li jagħtu prova ta' interess f'fondi jew f'riżorsi finanzjarji;

(h)

“assistenza teknika” tfisser kull appoġġ tekniku relatat ma ' tiswijiet, żvilupp, manifattura, muntaġġ, ittestjar, manutenzjoni jew kwalunkwe servizz tekniku ieħor, u tista' tieħu forom bħal istruzzjoni, pariri, taħriġ, trażmissjoni ta ' tagħrif jew ħiliet prattikċi jew servizzi ta' konsulenza, inkluż forom verbali ta' assistenza;

(i)

“servizzi ta' senserija” tfisser:

(i)

in-negozjar jew l-arranġament ta' tranżazzjonijiet għax-xiri, il-bejgħ jew il-forniment ta' prodotti u teknoloġija jew servizzi finanzjarji u tekniċi minn pajjiż terz lil xi pajjiż terz ieħor, jew

(ii)

il-bejgħ jew ix-xiri ta' prodotti u teknoloġija jew servizzi finanzjarji u tekniċi li jkunu jinsabu f'pajjiż terz għat-trasferiment tagħhom lejn pajjiż terz ieħor;

(j)

“territorju tal-Unjoni” tfisser it-territorji tal-Istati Membri li għalihom huwa applikabbli t-Trattat, skont il-kundizzjonijiet stipulati fit-Trattat, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħhom;

Artikolu 2

1.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

li jingħataw, direttament jew indirettament, assistenza teknika, servizzi ta' senserija u servizzi oħra relatati mal-prodotti u t-teknoloġija elenkati fil-Lista Komuni tal-UE ta' Tagħmir Militari (“il-Lista Militari Komuni”) u mal-provvista, manufattura, manutenzjoni u użu ta' prodotti u teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Venezwela, jew għall-użu fil-Venezwela;

(b)

li jingħataw, direttament jew indirettament, finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati mal-prodotti u teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni, inklużi b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni, kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni, għal kull bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' tali oġġetti, jew għall-provvista ta' assistenza teknika, servizzi ta' senserija u servizzi oħra relatati, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Venezwela, jew għall-użu fil-Venezwela.

2.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għall-eżekuzzjoni ta' kuntratti konklużi qabel it-13 ta' Novembru 2017 jew għal kuntratti anċillari neċessarji għall-eżekuzzjoni ta' tali kuntratti, sakemm dawn ikunu konformi mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (4), b'mod partikolari mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2 tagħha, u l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jfittxu jwettqu l-kuntratt ikunu nnotifikaw il-kuntratt lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti fi żmien 5 ġranet ta' xogħol mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Għandu jkun ipprojbit:

(a)

il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta' tagħmir li jista' jintuża għar-repressjoni interna kif elenkat fl-Anness I, kemm jekk joriġina fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Venezwela, jew għall-użu fil-Venezwela;

(b)

li tingħata assistenza teknika u servizzi ta' senerija u servizzi oħrajn relatati mat-tagħmir imsemmi fil-punt (a), direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Venezwela, jew għall-użu fil-Venezwela;

(c)

li jingħataw finanzjament jew assistenza finanzjarja, inklużi b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni, kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni, relatati mat-tagħmir imsemmi fil-punt (a), direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Venezwela, jew għall-użu fil-Venezwela.

Artikolu 4

1.   B'deroga mill-Artikoli 2 and 3, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif elenkati fl-Anness III jistgħu jawtorizzaw, taħt dawk il-kundizzjonijiet li jqisu xierqa:

(a)

il-provvista ta' finanzjament u assistenza finanzjarja u assistenza teknika relatata ma':

(i)

tagħmir militari mhux letali maħsub biss għall-użu umanitarju jew protettiv, jew għal programmi ta' bini ta' istituzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) u tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha jew ta' organizzazzjonijiet reġjonali u subreġjonali;

(ii)

materjal maħsub għal operazzjonijiet tan-NU u tal-Unjoni ta' maniġġar tal-kriżijiet jew għal organizzazzjonijiet reġjonali u subreġjonali;

(b)

il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' tagħmir li jista' jintuża għar-repressjoni interna u finanzjament u assistenza finanzjarja u teknika assoċjati, maħsuba biss għall-użu umanitarju jew protettiv jew għal programmi ta' bini ta' istituzzjonijiet tan-NU jew tal-Unjoni, jew għal operazzjonijiet tan-NU u tal-Unjoni ta' maniġġar tal-kriżijiet jew għal organizzazzjonijiet reġjonali u subreġjonali;

(c)

il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' tagħmir għat-tneħħija ta' mini u materjal għall-użu f'operazzjonijiet tat-tneħħija ta' mini u finanzjament u assistenza finanzjarja u teknika assoċjati.

2.   L-awtorizzazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jingħataw biss qabel l-attività li jkunu ntalbu għaliha.

Artikolu 5

L-Artikoli 2 u 3 ma għandhomx japplikawx għal ilbies protettiv, inklużi ġkieket rinforzati u elmi militari, temporanjament esportati lejn il-Venezwela mill-persunal tan-NU, il-persunal tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha, rappreżentanti tal-midja, u ħaddiema umanitarji u fl-iżvilupp u l-persunal assoċjat għall-użu personali tagħhom biss.

Artikolu 6

1.   Għandu jkun ipprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta' tagħmir, teknoloġija jew software identifikati fl-Anness II, kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kemm jekk le, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Venezwela jew għall-użu fil-Venezwela, sakemm l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rilevanti, kif identifikata fuq is-siti web elenkati fl-Anness III, ma tkunx tat awtorizzazzjoni minn qabel.

2.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif identifikati fuq is-siti web elenkati fl-Anness III, ma għandhomx jagħtu awtorizzazzjoni taħt il-paragrafu 1 jekk dawn ikollhom raġunijiet validi biex jiddeterminaw li t-tagħmir, it-teknoloġija jew is-software inkwistjoni jkunu jintużaw għar-repressjoni interna mill-gvern, il-korpi pubbliċi, il-korporazzjonijiet jew l-aġenziji tal-Venezwela jew kwalunkwe persuna jew entità li topera jew f'isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom.

3.   L-Anness II għandu jinkludi tagħmir, teknoloġija jew software maħsubin primarjament għall-użu fil-monitoraġġ jew l-interċettazzjoni tal-komunikazzjonijiet bl-internet jew bit-telefon.

4.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni mogħtija skont dan l-Artikolu, fi żmien erba' ġimgħat mill-awtorizzazzjoni.

Artikolu 7

1.   Sakemm l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rilevanti, kif identifikata fuq is-siti web elenkati fl-Anness III, ma tkunx tat awtorizzazzjoni minn qabelskont l-Artikolu 6(2), għandu jkun ipprojbit:

(a)

il-forniment, direttament jew indirettament, ta' għajnuna teknika jew servizzi ta' senserija relatati mat-tagħmir, it-teknoloġija jew is-software identifikati fl-Anness II, jew relatati mal-istallazzjoni, il-provvista, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu tat-tagħmir u t-teknoloġija identifikati fl-Anness II jew mal-provvista, l-installazzjoni, l-operat jew l-aġġornar ta' kull software identifikat fl-Anness II, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Venezwela jew għall-użu fil-Venezwela;

(b)

il-forniment, direttament jew indirettament, ta' finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati mat-tagħmir, it-teknoloġija u s-software identifikati fl-Anness II lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Venezwela jew għall-użu fil-Venezwela;

(c)

il-fornuiment ta' kwalunkwe servizzi ta' monitoraġġ jew ta' interċettazzjoni tat-telekomunikazzjoni jew tal-internet ta' kwalunkwe tip lil, jew għall-benefiċċju dirett jew indirett tal-gvern, il-korpi pubbliċi, il-korporazzjonijiet jew l-aġenziji tal-Venezwela, jew ta' kwalunkwe persuna jew entità li joperaw f'isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom.

2.   Għall-finijiet tal-punt (c) tal-paragrafu 1, “servizzi ta' monitoraġġ jew ta' interċettazzjoni tat-telekomunikazzjoni jew tal-internet” tfisser dawk is-servizzi li jipprovdu, b'mod partikolari bl-użu ta' tagħmir, teknoloġija jew software kif identifikat fl-Anness II, aċċess għal u twassil tad-data assoċjata ma' telekomunikazzjonijiet jew telefonati deħlin jew ħerġin għall-finijiet tal-estrazzjoni, id-dekodifikar, ir-reġistrar, l-ipproċessar, l-analiżi jew il-ħżin tagħha, jew kwalunkwe attività relatata oħra.

Artikolu 8

1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu jew li huma l-proprjetà ta', jew li huma fil-pussess jew taħt il-kontroll ta' xi persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Annessi IV u V għandhom jiġu ffriżati.

2.   L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandha ssir disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għall-benefiċċju ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Annessi IV u V.

3.   L-Anness IV għandu jinkludi:

(a)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi responsabbli għal vjolazzjonijiet jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem jew għal ripressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela;

(b)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi li l-azzjonijiet, il-politiki jew l-attivitajiet tagħhom b'xi mod ieħor jimminaw id-demokrazija jew l-istat tad-dritt fil-Venezwela.

4.   L-Anness V għandu jinkludi l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi assoċjati mal-persuni u entitajiet imsemmija fil-paragrafu 3.

5.   L-Annessi IV u V għandhom jinkludu r-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi kkonċernati.

6.   L-Annessi IV u V għandhom jinkludu wkoll, fejn disponibbli, informazzjoni neċessarja għall-identifikazzjoni tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati. Fir-rigward ta' persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, inklużi l-psewdonimi, id-data u l-post ta' twelid, iċ-ċittadinanza, in-numri tal-passaporti u tal-karti tal-identità, is-sess, l-indirizz jekk magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward ta' persuni ġuridiċi entitajiet u korpi, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.

Artikolu 9

1.   B'deroga mill-Artikolu 8, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif identifikati fuq is-siti web elenkati fl-Anness III, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew id-disponibbiltà ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, bil-kundizzjonijiet li jqisu li jkunu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu:

(a)

neċessarji biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi elenkati fl-Anness IV jew V, u tal-familjari dipendenti ta' dawn il-persuni fiżiċi, inklużi pagamenti għal oġġetti tal-ikel, kera jew ipoteki, mediċini u trattament mediku, taxxi, primjums tal-assigurazzjoni u spejjeż ta' servizzi pubbliċi;

(b)

maħsuba esklużivament għall-ħlas ta' tariffi professjonali raġonevoli jew għar-rimborż ta' spejjeż marbutin mal-għoti ta' servizzi legali;

(c)

maħsuba esklużivament għall-ħlas ta' tariffi jew imposti għal servizzi ta' kustodja jew ġestjoni normali ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati;

(d)

neċessarji għal spejjeż straordinarji, sakemm l-awtorità kompetenti relevanti tkun innotifikat ir-raġunijiet għaliex hi kkunsidrat li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni mill-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni; jew

(e)

se jitħallsu f'kont jew minn kont ta' missjoni diplomatika jew konsulari jew ta' organizzazzjoni internazzjonali li tgawdi minn immunitajiet f'konformità mad-dritt internazzjonali, sakemm tali pagamenti jkunu maħsuba għall-iskopijiet uffiċjali tal-missjoni diplomatika jew konsulari jew tal-organizzazzjoni internazzjonali.

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1.

Artikolu 10

1.   B'deroga mill-Artikolu 8, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif identifikati fuq is-siti web elenkati fl-Anness III, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati:

(a)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma soġġetti għal deċiżjoni arbitrarja li tkun ittieħdet qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmija fl-Artikolu 8 ġew inklużi fl-Anness IV jew V, jew ta' deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva fl-Unjoni, jew għal deċiżjoni ġudizzjarja eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat, qabel, fi jew wara dik id-data;

(b)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi se jintużaw esklużivament sabiex jiġu ssodisfati l-pretensjonijiet iggarantiti minn tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f'tali deċiżjoni, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta' persuni li jkollhom tali pretensjonijiet;

(c)

id-deċiżjoni ma tkunx għall-benefiċċju ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness IV jew V; u

(d)

ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jmurx kontra l-ordni pubbliku fl-Istat Membru kkonċernat.

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1.

Artikolu 11

1.   B'deroga mill-Artikolu 8 u bil-kundizzjoni li pagament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness IV jew V jkun dovut skont kuntratt jew ftehim li ġie konkluż, jew skont obbligu li rriżulta għall-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernat, sa minn qabel id-data ta' meta dik il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp iddaħħlu fl-Anness IV jew V, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, jistgħu jawtorizzaw, taħt dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu adattati, ir-rilaxx ta' ċerti fondi ffriżati jew ta' riżorsi ekonomiċi, dejjem jekk l-awtorità kompetenti kkonċernata tkun iddeterminat li:

(a)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi għandhom jintużaw għal pagament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness IV jew V;

(b)

il-pagament ma jiksirx l-Artikolu 8(2).

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni li jagħti skont il-paragrafu 1 fi żmien erba' ġimgħat mill-awtorizzazzjoni.

3.   L-Artikolu 8(2) ma għandux jipprevjeni l-ikkreditar ta' kontijiet iffriżati minn istituzzjonijiet finanzjarji jew ta' kreditu li jirċievu fondi ttrasferiti minn partijiet terzi fil-kont ta' persuna fiżika jew ġuridika, ta' entità jew ta' korp elenkati, bil-kundizzjoni li kull żieda f'dawn il-kontijiet tiġi ffriżata wkoll. L-istituzzjoni finanzjarja jew ta' kreditu għandha tinforma lill-awtorità kompetenti rilevanti b'kull tali tranżazzjoni, mingħajr dewmien.

4.   Sakemm kull imgħax, qligħ u pagamenti oħra jiġu ffriżati f'konformità mal-Artikolu 8, l-Artikolu 8(2) ma għandux japplika għaż-żieda mal-kontijiet iffriżati ta':

(a)

imgħax jew qligħ ieħor fuq dawk il-kontijiet;

(b)

pagamenti dovuti skont kuntratti, ftehimiet jew obbligi li jkunu ġew konklużi jew li nħolqu qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmijin fl-Artikolu 8 jkunu ġew inklużi fl-Anness IV jew V; jew

(c)

pagamenti dovuti skont deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali meħuda fi Stat Membru jew infurzabbli fl-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 12

1.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar ir-rappurtar, il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi għandhom:

(a)

ifornu minnufih kull informazzjoni li tiffaċilita l-osservanza ta' dan ir-Regolament, bħall-informazzjoni fuq kontijiet u l-ammonti ffriżati f'konformità mal-Artikolu 8, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikunu residenti jew fejn jinsabu, u għandhom jittrażmettu din l-informazzjoni, direttament jew permezz tal-Istat Membru, lill-Kummissjoni; u

(b)

jikkooperaw mal-awtorità kompetenti f'kull verifika tal-informazzjoni msemmija fil-punt (a).

2.   Kull informazzjoni addizzjonali li l-Kummissjoni tirċievi direttament għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri.

3.   Kull informazzjoni pprovduta jew li tasal skont dan l-Artikolu għandha tintuża biss għall-għanijiet li għalihom tkun ngħatat jew waslet.

Artikolu 13

1.   L-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi jew iċ-ċaħda li tali fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, imwettaq in bona fide abbażi tal-fatt li tali azzjoni tkun konformi ma' dan ir-Regolament, ma għandu joħloq responsabbiltà tal-ebda tip min-naħa tal-persuna fiżika jew ġuridika jew l-entità jew il-korp li jkunu qed jimplimentawh, jew tad-diretturi jew l-impjegati tagħhom, sakemm ma jiġix ippruvat li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ġew iffriżati jew miżmuma b'riżultat ta' negliġenza.

2.   Azzjonijiet minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ma għandhom joħolqu l-ebda tip ta' responsabbiltà min-naħa tagħhom jekk huma ma kinux jafu, u ma kellhom ebda raġuni valida li jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom jiksru l-miżuri stabbiliti f'dan ir-Regolament.

Artikolu 14

Għandha tkun ipprojbita l-parteċipazzjoni, konxja u intenzjonata, f'attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun li jevitaw il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament.

Artikolu 15

1.   Ebda pretensjoni b'konnessjoni ma' xi kuntratt jew tranżazzjoni fejn il-prestazzjoni tagħhom tkun ġiet affettwata, direttament jew indirettament, totalment jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont dan ir-Regolament, inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew kull pretensjoni oħra ta' dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b'mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew għall-ħlas ta' bond, garanzija jew indennizz, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta' kull forma, ma għandha tiġi ssodisfata, jekk din issir minn:

(a)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ddeżinjati, elenkati fl-Annessi IV u V;

(b)

kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li taġixxi permezz ta' waħda mill-persuni, entitajiet jew korpi imsemmija fil-punt (a) jew f'isimhom.

2.   F'kull proċediment għall-eżekuzzjoni ta' pretensjoni, l-obbligu ta' prova li l-issodisfar tal-pretensjoni mhux ipprojbit bil-paragrafu 1, għandu jkun fuq il-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp li jkunu qed ifittxu l-eżekuzzjoni ta' dik il-pretensjoni.

3.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi msemmija fil-paragrafu 1 għal stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tan-nuqqas ta' eżekuzzjoni ta' obbligi kuntrattwali f'konformità ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 16

1.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin bil-miżuri li jkunu ttieħdu skont dan ir-Regolament u jikkondividu kull informazzjoni oħra rilevanti għad-dispożizzjoni tagħhom b'rabta ma' dan ir-Regolament, partikolarment informazzjoni li tirrigwarda:

(a)

fondi ffriżati skont l-Artikolu 8 u awtorizzazzjonijiet mogħtija skont l-Artikoli 9 sa 11;

(b)

problemi ta' ksur u eżekuzzjoni u sentenzi mogħtija minn qrati nazzjonali.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw minnufih lil xulxin u lill-Kummissjoni b'kull informazzjoni rilevanti oħra li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom li jista' jkollha impatt fuq l-implimentazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 17

1.   Fejn il-Kunsill jiddeċiedi li jissottoponi persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 8, hu għandu jemenda l-Anness IV jew V skont il-każ.

2.   Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista, lill-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp msemmijin fil-paragrafu 1, direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta' avviż, sakemm tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

3.   Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew fejn tiġi ppreżentata evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jirrivedi d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp skont il-każ.

4.   Il-lista li tinsab fl-Annessi IV u V għandha tiġi riveduta f'intervalli regolari u mill-inqas kull 12-il xahar.

5.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li temenda l-Anness III abbażi ta' informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri.

Artikolu 18

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penalii applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dawn ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikawha dwar kwalunkwe emenda sussegwenti.

Artikolu 19

1.   L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw l-awtoritajiet kompetenti msemmija f'dan ir-Regolament u jidentifikawhom fuq is-siti web elenkati fl-Anness III. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-bidliet kollha fl-indirizzi tas-siti web tagħhom elenkati fl-Anness III.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, inklużi d-dettalji ta' kuntatt ta' dawk l-awtoritajiet kompetenti, mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikawha dwar kull emenda sussegwenti.

3.   Fejn dan ir-Regolament jistipula obbligu li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata jew infurmata, jew li ssir xi komunikazzjoni magħha b'xi mod ieħor, l-indirizz u d-dettalji l-oħra tal-kuntatt li għandhom jintużaw għal din il-komunikazzjoni għandhom ikunu dawk indikati fl-Anness III.

Artikolu 20

Dan ir-Regolament għandu japplika:

(a)

fit-territorju tal-Unjoni, inkluż fl-ispazju tal-ajru tagħha;

(b)

abbord kull inġenju tal-ajru jew kull bastiment taħt il-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru;

(c)

għal kull persuna fit-territorju tal-Unjoni jew barra minnu li tkun ċittadina ta' Stat Membru;

(d)

għal kull persuna ġuridika, entità jew korp ġuridiku, fit-territorju tal-Unjoni jew barra minnu, li jkunu inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi ta' Stat Membru;

(e)

għal kull persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta' kwalunkwe kummerċ li jkun sar, interament jew parzjalment, fl-Unjoni.

Artikolu 21

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Novembru 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  Ara paġna 60 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(3)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(4)  Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat- 8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).


ANNESS I

Lista ta' tagħmir li jista' jkun jintuża għar-repressjoni interna kif imsemmi fl-Artikolu 3

1.

Armi tan-nar, munizzjon u aċċessorji relatati magħhom, kif ġej:

1.1.

Armi tan-nar mhux ikkontrollati mil-LM 1 u l-LM 2 tal-Lista Militari Komuni;

1.2.

Munizzjon iddisinjat speċifikament għall-armi tan-nar elenkati fil-punt 1.1 u komponenti ddisinjati speċifikament għalihom;

1.3.

Miri tal-armi mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni.

2.

Bombi u granati mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni.

3.

Vetturi kif ġej:

3.1.

Vetturi mgħammra b'kanun tal-ilma, speċifikament iddisinjati jew immodifikati għall-fini tal-kontroll tal-irvellijiet;

3.2.

Vetturi ddisinjati jew immodifikati speċifikament biex ikunu elettrifikati biex jimbuttaw lill-attakkanti;

3.3.

Vetturi ddisinjati jew immodifikati speċifikament biex ineħħu barrikati, inkluż tagħmir għall-kostruzzjoni bi protezzjoni ballistika;

3.4.

Vetturi ddisinjati speċifikament għat-trasport jew it-trasferiment ta' priġunieri u/jew detenuti;

3.5.

Vetturi ddisinjati speċifikament għall-iskjerament tal-barrikati mobbli;

3.6.

Komponenti għall-vetturi speċifikati fil-punti 3.1 sa 3.5 mfassla speċifikament għall-finijiet ta' kontroll tal-irvellijiet.

Nota 1

Din l-entrata ma tkoprix il-vetturi ddisinjati apposta għall-finijiet ta' tifi tan-nar.

Nota 2

Għall-finijiet tal-entrata 3.5, it-terminu “vetturi” jinkludi l-karrijiet.

4.

Sustanzi splussivi u tagħmir relatat kif ġej:

4.1.

Tagħmir u strumenti ddisinjati speċifikament biex jagħtu bidu għall-isplużjonijiet b'mezzi elettriċi jew mhux elettriċi, inkluż settijiet tat-tqabbid, detonaturi, tagħmir li jqabbad, busters u korda tad-detonaturi, u komponenti ddisinjati b'mod speċjali għal dak l-iskop; minbarra dawk iddisinjati speċifikament għal użu kummerċjali speċifiku li jikkonsistu fl-attwazzjoni jew l-operar b'mezzi splussivi ta' tagħmir jew tagħmir ieħor li l-funzjoni tagħhom mhijiex il-ħolqien ta' splużjonijiet (pereżempju, neffieħa tal-airbags tal-karozzi, tagħmir li jipprevjeni ż-żieda f'daqqa tal-elettriku ta' attwaturi ta' bexxiexa għat-tifi tan-nar);

4.2.

Kargi splussivi ta' qtugħ lineari mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni;

4.3.

Splussivi oħra mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni u sustanzi relatati kif ġej:

(a)

amatol;

(b)

nitroċelluloża (li fiha aktar minn 12,5 % nitroġenu);

(c)

nitroglikol;

(d)

tetranitrat tal-penteritritol (PETN);

(e)

klorur tal-pikril;

(f)

2,4,6-trinitrutoluwen (TNT).

5.

Tagħmir protettiv mhux ikkontrollat mil-LM 13 tal-Lista Militari Komuni kif ġej:

5.1.

Korazza kontra l-balal li tipprovdi protezzjoni ballistika u/jew kontra ferimenti b'arma bil-ponta jew sikkina;

5.2.

Elmi li jipprovdu protezzjoni ballistika u/jew frammentarja, elmi għal kontra l-irvellijiet, tarki għal kontra l-irvellijiet u tarki ballistiċi.

Nota:

Din l-entrata ma tikkontrollax:

tagħmir iddisinjat speċifikament għal attivitajiet sportivi;

tagħmir iddisinjat speċifikament sabiex jissodisfa rekwiżiti ta' sikurezza okkupazzjonali.

6.

Simulaturi, minbarra dawk ikkontrollati mil-LM 14 tal-Lista Militari Komuni, għal taħriġ fl-użu ta' armi tan-nar, u software iddisinjat speċifikament għalihom.

7.

Tagħmir ta' viżjoni fid-dlam, tagħmir għal immaġnijiet termiċi u tubi tal-intensifikazzjoni tal-immaġni, minbarra dawk ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni.

8.

Fildiferru mxewwek (barbed wire) bix-xfafar.

9.

Skieken militari, skieken tal-ġlied u bajunetti b'xafra itwal minn 10 cm

10.

Tagħmir ta' produzzjoni ddisinjat speċifikament għall-oġġetti speċifikati f'din il-lista.

11.

Teknoloġija speċifika għall-iżvilupp, il-produzzjoni jew l-użu tal-oġġetti speċifikati f'din il-lista.


ANNESS II

It-tagħmir, it-teknoloġija u s-software imsemmijin fl-Artikoli 6 u 7

Nota ġenerali

Minkejja l-kontenut ta' dan l-Anness, huwa ma għandux japplika għal:

(a)

tagħmir, teknoloġija jew software li huma speċifikati fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 428/2009 (1) jew il-Lista Militari Komuni; jew

(b)

software li huwa mfassal għall-installazzjoni mill-utent mingħajr aktar appoġġ sostanzjali mill-fornitur u li huwa ġeneralment disponibbli għall-pubbliku billi jinbiegħ mill-ħwienet, mingħajr restrizzjoni, permezz ta':

(i)

tranżazzjonijiet fil-ħanut;

(ii)

tranżazzjonijiet permezz ta' bejgħ bil-korrispondenza;

(iii)

tranżazzjonijiet elettroniċi; jew

(iv)

tranżazzjonijiet permezz ta' ordnijiet bit-telefon; jew

(c)

software li huwa fid-dominju pubbliku.

Il-kategoriji A, B, C, D u E jirreferu għall-kategoriji li jirriferi għalihom ir-Regolament (KE) Nru 428/2009.

It-tagħmir, teknoloġija u software imsemmija fl-Artikoli 6 u 7 huwa:

A.

Lista ta' tagħmir

Tagħmir għall-ispezzjoni approfondita tal-pakketti

Tagħmir ta' Interċettar ta' Netwerk li jinkludi Tagħmir ta' Ġestjoni tal-Interċettar (IMS) u tagħmir ta' Data Retention Link Intelligence

Tagħmir ta' monitoraġġ tal-Frekwenzi tar-Radju

Tagħmir ta' disturbazzjoni ta' Netwerks u Satelliti

Tagħmir ta' Infettar Telekomandat

Tagħmir ta' għarfien/ipproċessar tal-kelliem

Tagħmir ta' interċettar u sorveljanza IMSI (2), MSIDN (3), IMEI (4), TMSI (5)

Tagħmir tattiku ta' interċettar u sorveljanza SMS (6) /GSM (7) /GPS (8) / GPRS (9) /UMTS (10) /CDMA (11) /PSTN (12)

Tagħmir ta' interċettar u sorveljanza tal-informazzjoni DHCP (13), SMTP (14), GTP (15)

Tagħmir ta' għarfien ta' xejriet u klassifikazzjoni ta' xejriet

Tagħmir forensiku li jaħdem mill-bogħod

Tagħmir ta' mutur għall-ipproċessar semantiku (semantic processing engine)

Tagħmir ta' kriptanaliżi WEP u WPA

Tagħmir ta' interċettar għall-protokolli proprjetarji u standard tal-VoIP

B.

Mhux użati

C.

Mhux użati

D.

“Software” għall-“iżvilupp”, il-“produzzjoni” jew l-“użu” tat-tagħmir speċifikat f'A hawn fuq.

E.

“Teknoloġija” għall-“iżvilupp”, “il-produzzjoni” jew l“użu” tat-tagħmir speċifikat f'A hawn fuq.

Tagħmir, teknoloġija u software li jaqgħu f'dawn il-kategoriji huma fl-ambitu ta' dan l-Anness biss sal-punt li jaqgħu taħt id-deskrizzjoni ġenerali “sistemi ta' interċettar u sorveljanza tal-komunikazzjonijiet bl-internet, bit-telefon u bis-satellita”.

Għall-fini ta' dan l-Anness, is-“sorveljanza” tfisser l-akkwist, l-estrazzjoni, id-dekodifikar, ir-reġistrar, l-ipproċessar, l-analiżi u l-arkivjar tal-kontenut tat-telefonati jew id-dejta tan-netwerk.


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta' oġġetti b'użu doppju (ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1).

(2)  “IMSI” tirreferi għall-identità internazzjonali tal-abbonati tal-mowbajl (International Mobile Subscriber Identity). Din hija kodiċi ta' identifikazzjoni uniku għal kull biċċa apparat ta' telefonija mobbli, integrata fil-karta SIM u li tippermetti l-identifikazzjoni ta' tali SIM permezz tan-netwerks GSM u UMTS.

(3)  “MSISDN” tirreferi għal Mobile Subscriber Integrated Services Digital Network Number (numru tas-servizzi integrati tan-netwerk diġitali għall-abbonat ta' telefonija mobbli). Huwa numru uniku li jidentifika s-sottoskrizzjoni f'netwerk tal-mowbajls GSM jew UMTS. Fi kliem sempliċi, huwa n-numru tat-telefon għas-SIM card fit-telefon mobbli u għalhekk jidentifika lill-abbonat tat-telefon mobbli kif ukoll l-IMSI, iżda sabiex is-sejħiet jiġu trażmessi mingħandu.

(4)  “IMEI” tirreferi għall-identità internazzjonali tal-apparat tal-mowbajl (International Mobile Equipment Identity). Huwa numru li normalment ikun uniku, biex jidentifika l-mowbajls GSM, WCDMA u IDEN kif ukoll xi telefowns satellitari. Normalment issibu stampat fil-kompartiment tal-batterija tal-mowbajl. L-interċettazzjoni telefonika (wiretapping) jista' jiġi speċifikat permezz tan-numru IMEI kif ukoll l-IMSI u l-MSISDN.

(5)  “TMSI” tirreferi għal Temporary Mobile Subscriber Identity (identità temporanja tal-abbonat mobbli). Hija l-identità li tintbagħat l-aktar komunement bejn l-apparat mobbli u n-netwerk.

(6)  “SMS” tirreferi għal Short Message System (sistema ta' messaġġi qosra).

(7)  “GSM” tirreferi għal Global System for Mobile Communications (sistema globali għall-komunikazzjoni mobbli).

(8)  “GPS” tirreferi għal Global Positioning System (sistema ta' pożizzjonament globali).

(9)  “GPRS” tirreferi għal General Package Radio Service (servizz ġenerali tar-radju f'pakketti).

(10)  “UMTS” tirreferi għal Universal Mobile Telecommunication System (sistema universali ta' komunikazzjoni mobbli).

(11)  “CDMA” tirreferi għal Code Division Multiple Access (aċċess multiplu b'diviżjoni tal-kodiċi).

(12)  “PSTN” tirreferi għal Public Switch Telephone Network (netwerk telefoniku pubbliku bl-iswiċċ).

(13)  “DHCP” tirreferi għal Dynamic Host Configuration Protocol (protokoll ta' konfigurazzjoni dinamika tal-host).

(14)  “SMTP” tirreferi għal Simple Mail Transfer Protocol (protokoll ta' trasferiment sempliċi tal-posta).

(15)  “GTP” tirreferi għal GPRS Tunneling Protocol.


ANNESS III

Siti web b'informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti u l-indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni

IL-BELĠJU

https://diplomatie.belgium.be/nl/Beleid/beleidsthemas/vrede_en_veiligheid/sancties

https://diplomatie.belgium.be/fr/politique/themes_politiques/paix_et_securite/sanctions

https://diplomatie.belgium.be/en/policy/policy_areas/peace_and_security/sanctions

IL-BULGARIJA

http://www.mfa.bg/en/pages/135/index.html

IR-REPUBBLIKA ĊEKA

www.financnianalytickyurad.cz/mezinarodni-sankce.html

ID-DANIMARKA

http://um.dk/da/Udenrigspolitik/folkeretten/sanktioner/

IL-ĠERMANJA

http://www.bmwi.de/DE/Themen/Aussenwirtschaft/aussenwirtschaftsrecht,did=404888.html

L-ESTONJA

http://www.vm.ee/est/kat_622/

L-IRLANDA

http://www.dfa.ie/home/index.aspx?id=28519

IL-GREĊJA

http://www.mfa.gr/en/foreign-policy/global-issues/international-sanctions.html

SPANJA

http://www.exteriores.gob.es/Portal/en/PoliticaExteriorCooperacion/GlobalizacionOportunidadesRiesgos/Paginas/SancionesInternacionales.aspx

FRANZA

http://www.diplomatie.gouv.fr/fr/autorites-sanctions/

IL-KROAZJA

http://www.mvep.hr/sankcije

L-ITALJA

http://www.esteri.it/MAE/IT/Politica_Europea/Deroghe.htm

ĊIPRU

http://www.mfa.gov.cy/sanctions

IL-LATVJA

http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539

IL-LITWANJA

http://www.urm.lt/sanctions

IL-LUSSEMBURGU

http://www.mae.lu/sanctions

L-UNGERIJA

http://www.kormany.hu/download/9/2a/f0000/EU%20szankci%C3%B3s%20t%C3%A1j%C3%A9koztat%C3%B3_20170214_final.pdf

MALTA

https://www.gov.mt/en/Government/Government%20of%20Malta/Ministries%20and%20Entities/Officially%20Appointed%20Bodies/Pages/Boards/Sanctions-Monitoring-Board-.aspx

IN-NETHERLANDS

https://www.rijksoverheid.nl/onderwerpen/internationale-sancties

L-AWSTRIJA

http://www.bmeia.gv.at/view.php3?f_id=12750&LNG=en&version=

IL-POLONJA

http://www.msz.gov.pl

IL-PORTUGALL

http://www.portugal.gov.pt/pt/ministerios/mne/quero-saber-mais/sobre-o-ministerio/medidas-restritivas/medidas-restritivas.aspx

IR-RUMANIJA

http://www.mae.ro/node/1548

IS-SLOVENJA

http://www.mzz.gov.si/si/omejevalni_ukrepi

IS-SLOVAKKJA

https://www.mzv.sk/europske_zalezitosti/europske_politiky-sankcie_eu

IL-FINLANDJA

http://formin.finland.fi/kvyhteistyo/pakotteet

L-IŻVEZJA

http://www.ud.se/sanktioner

IR-RENJU UNIT

https://www.gov.uk/sanctions-embargoes-and-restrictions

Indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea:

European Commission

Service for Foreign Policy Instruments (FPI)

EEAS 07/99

B-1049 Brussels, Belgium

Posta elettronika: relex-sanctions@ec.europa.eu


ANNESS IV

Lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 8(3)


ANNESS V

Lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 8(4)