9.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 291/72


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1988

tat-3 ta' Novembru 2017

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju 4

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2), ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu fis-seħħ fil-15 ta' Ottubru 2008.

(2)

Fit-12 ta' Settembru 2016, il-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (International Accounting Standards Board, IASB) ippubblika l-emendi għall-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (International Financial Reporting Standard, IFRS) 4, bl-applikazzjoni konġunta tal-IFRS 9 għall-Istrumenti Finanzjarji u tal-IFRS 4 għall-Kuntratti tal-Assigurazzjoni (minn hawn 'il quddiem “l-emendi fl-IFRS 4”). L-emendi fl-IFRS 4 għandhom l-għan li jindirizzaw il-konsegwenzi temporanji tal-kontabilità tad-dati effettivi differenti tal-IFRS 9 u tal-istandard il-ġdid tal-kuntratti tal-assigurazzjoni li jissostitwixxi l-IFRS 4 (l-IFRS 17).

(3)

L-objettiv tal-IFRS 9 huwa li jtejjeb ir-rappurtar finanzjarju tal-istrumenti finanzjarji billi jindirizza t-tħassib li feġġ f'dan il-qasam matul il-kriżi finanzjarja. B'mod partikolari, l-IFRS 9 iwieġeb għall-appell tal-G20 biex jibda jintuża mudell li jħares aktar 'il quddiem għar-rikonoxximent tat-telf mistenni fuq l-assi finanzjarji.

(4)

L-emendi fl-IFRS 4 jippermettu li l-entitajiet li b'mod predominanti jwettqu attivitajiet tal-assigurazzjoni jkollhom l-opzjoni li jiddifferixxu d-data effettiva tal-IFRS 9 sal-1 ta' Jannar 2021. L-effett ta' dan id-differiment huwa li l-entitajiet ikkonċernati jkunu jistgħu jibqgħu jagħtu rendikont permezz tal-istandard eżistenti, l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (International Accounting Standard, IAS) 39, għall-Istrumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Valutazzjoni. L-emendi fl-IFRS 4 jippermettu wkoll lill-entitajiet li joħorġu l-kuntratti tal-assigurazzjoni, biex ineħħu mill-profitt jew mit-telf xi spariġġ addizzjonali tal-kontabilità u tal-volatilità temporanja li jistgħu jseħħu meta jiġi applikat l-IFRS 9 qabel ma jiġi implimentat l-IFRS 17.

(5)

Wara konsultazzjonijiet mal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-emendi fl-IFRS 4 jissodisfaw il-kriterji għall-adozzjoni stipulati fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

(6)

Madankollu, il-Kummissjoni tqis li l-emendi fl-IFRS 4 ma humiex biżżejjed wiesgħa fil-kamp ta' applikazzjoni biex jilħqu l-ħtiġijiet tal-entitajiet tal-assigurazzjoni importanti kollha fl-Unjoni. B'mod partikolari, is-settur tal-assigurazzjoni f'konglomerat finanzjarju ma jkunx eliġibbli biex jiddiferixxi l-applikazzjoni tal-IFRS 9, u dan jista' jpoġġih fi żvantaġġ kompetittiv. Għalhekk, is-settur tal-assigurazzjoni ta' konglomerat finanzjarju li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jinħtieġ li jitħalla jiddifferixxi l-applikazzjoni tal-IFRS 9 sal-1 ta' Jannar 2021.

(7)

Id-differiment tal-applikazzjoni tal-IFRS 9 mis-settur tal-assigurazzjoni f'konglomerat ikun ifisser l-applikazzjoni ta' żewġ standards ta' kontabilità differenti f'konglomerat finanzjarju wieħed li jistgħu joħolqu opportunitajiet fl-arbitraġġ tal-kontabilità kif ukoll jistgħu jwasslu għal diffikultajiet għall-investituri biex jifhmu r-rapporti finanzjarji konsolidati. Għaldaqstant, dan id-differiment jinħtieġ li jkun suġġett għal ċerti kundizzjonijiet. Sabiex jiġi evitat li grupp jittrasferixxi strumenti finanzjarji bejn is-setturi ħalli jibbenefika minn trattament kontabilistiku iktar favorevoli, jinħtieġ li tkun tapplika projbizzjoni temporanja fuq it-trasferiment tal-istrumenti finanzjarji, li huma differenti mill-istrumenti finanzjarji li jiġu vvalutati bil-valur ġust fejn il-bidliet fil-valur ġust iseħħupermezz tal-profitt u t-telf. It-trasferimenti ta' strumenti finanzjarji li jikkwalifikaw għad-dekontabilizzar mill-kontijiet tal-entità trasferenti biss jinħtieġ li jkunu suġġetti għall-projbizzjoni ta' trasferiment. Strumenti finanzjarji maħruġa minn entità tal-grupp jinħtieġ li ma jkunux suġġetti għal din il-projbizzjoni peress li l-parteċipazzjoni intragrupp ta' strumenti finanzjarji tiġi eliminata fil-kontijiet konsolidati tal-konglomerat.

(8)

Id-differiment tal-applikazzjoni tal-IFRS 9 huwa konsistenti fl-approċċ tiegħu mal-IFRS 4 li jippermetti lil gruppi tal-assigurazzjoni biex jikkonsolidaw is-sussidjarji mingħajr ma jikkonformaw il-valutazzjoni tal-obbligazzjonijiet tal-assigurazzjoni, skont il-politiki lokali ta' kontabbiltà ġeneralment aċċettati tas-sussidjarji, mal-politiki kontabilistiċi użati mill-bqija tal-grupp. Filwaqt li l-użu ta' politiki ta' kontabilità mhux unifomi jista' jnaqqas il-komprensibilità tar-rapporti finanzjarji, l-utenti tar-rapporti finanzjarji se jkunu diġà familjari mar-rappurtar finanzjarju skont l-IAS 39, u d-differiment huwa biss għal perjodu limitat ta' żmien. Il-kundizzjonijiet għall-użu ta' differiment jinħtieġ li jtaffu wkoll dan it-tħassib.

(9)

Id-differiment tal-applikazzjoni tal-IFRS 9 għas-settur tal-assigurazzjoni f'konglomerat finanzjarju jinħtieġ li jkun limitat fiż-żmien minħabba li huwa importanti li t-titjib introdott mill-IFRS 9 jsir effettiv malajr kemm jista' jkun, u l-IFRS 17 se jkollu d-data effettiva ta' applikazzjoni mill-1 ta' Jannar 2021.

(10)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1126/2008 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(11)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju dwar il-Kontabilità,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1126/2008, l-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) 4 għall-Kuntratti tal-Assigurazzjoni jiġi emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament;

Artikolu 2

Konglomerat finanzjarju kif definit fl-Artikolu 2(14) tad-Direttiva 2002/87/KE jista' jagħżel li l-ebda waħda mill-entitajiet li joperaw fis-settur tal-assigurazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 2(8)(b) ta' din id-Direttiva ma tapplika l-IFRS 9 fir-rapporti finanzjarji konsolidati għas-snin finanzjarji li jiġu qabel l-1 ta' Jannar 2021, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-ebda strument finanzjarju ma jiġi ttrasferit bejn is-settur tal-assigurazzjoni u xi settur ieħor tal-konglomerat finanzjarju wara d-29 ta' Novembru 2017 ħlief l-istrumenti finanzjarji li jiġu vvalutati bil-valur ġust fejn il-bidliet fil-valur ġust iseħħu permezz tal-profitt u t-telf miż-żewġ setturi involuti f'dawn it-trasferimenti;

(b)

il-konglomerat finanzjarju jistipula fir-rapporti finanzjarji konsolidati liema huma l-entitajiet tal-assigurazzjoni fil-grupp li qed japplikaw l-IAS 39;

(c)

id-divulgazzjoni mitluba mill-IFRS 7 hija pprovduta b'mod separat għas-settur tal-assigurazzjoni bl-applikazzjoni tal-IAS 39, u għall-bqija tal-grupp bl-applikazzjoni tal-IFRS 9.

Artikolu 3

1.   Kull kumpanija għandha tapplika l-emendi msemmija fl-Artikolu 1 sa mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja tagħha li tibda nhar l-1 ta' Jannar 2018 jew minn wara din id-data.

2.   Madankollu, konglomerat finanzjarju jista' jagħżel li japplika l-emendi msemmija fl-Artikolu 1 skont il-kundizzjonjiet stabbiliti fl-Artikolu 2 sa mill-bidu tal-ewwel sena finanzjarja tiegħu li tibda nhar l-1 ta' Jannar 2018 jew minn wara din id-data.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta' Novembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta' Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1)

(3)  Id-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar is-superviżjoni supplementari ta' istituzzjonijiet ta' kreditu dwar impriżi ta' assigurazzjoni u ditti tal-investiment f'konglomerat finanzjarju u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 73/239/KEE, 79/267/KEE, 92/49/KEE, 92/96/KEE, 93/6/KEE u 93/22/KEE, u d-Direttivi 98/78/KE u 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 35, 11.2.2003, p. 1).


ANNESS

L-applikazzjoni tal-Istrumenti Finanzjarji tal-IFRS 9 mal-Kuntratti tal-Assigurazzjoni tal-IFRS 4

(Emendi għall-IFRS 4)

Emendi għall-

IFRS 4 Kuntratti tal-Assigurazzjoni

Il-paragrafu 3 qiegħed jiġi emendat.

AMBITU

3.

Dan l-IFRS ma jindirizzax aspetti oħra ta' kontabilità mill-assiguraturi, bħal kontabilità għal assi finanzjarji miżmuma minn assiguraturi u obbligazzjonijiet finanzjarji maħruġa minn assiguraturi (ara l-IAS 32 Strumenti Finanzjarji: Preżentazzjoni, IFRS 7 u IFRS 9 Strumenti Finanzjarji), ħlief li:

(a)

il-paragrafu 20 A jippermetti lill-assiguraturi li jissodisfaw il-kriterji speċifikati biex japplikaw eżenzjoni temporanja mill-IFRS 9;

(b)

il-paragrafu 35B jippermetti lill-assiguraturi sabiex japplikaw l-approċċ ta' sovrappożizzjoni għal assi finanzjarji magħżula; kif ukoll

(c)

il-paragrafu 45 jippermetti lill-assiguraturi sabiex jirriklassifikaw f'ċirkostanzi speċifikati xi wħud mill-assi finanzjarji tagħhom, jew kollha, b'tali mod li l-assi jitkejlu fil-valur ġust permezz ta' qligħ jew telf.

Il-paragrafu 5 qiegħed jiġi emendat.

5.

Biex ikun hemm referenza faċli, dan l-IFRS jiddeskrivi kull entità li toħroġ kuntratt tal-assigurazzjoni bħala assiguratur, kemm jekk l-emittent hu meqjus bħala assiguratur għal skopijiet legali jew superviżorji u kemm mhux. Kull referenza fil-paragrafi 3(a)–3(b), 20 A–20Q, 35B–35N, 39B–39M u 46–49 għal assiguratur għandha tinftiehem bħala li tirreferi wkoll għal emittent ta' strument finanzjarju li jkun fih aspett ta' parteċipazzjoni diskrezzjonali.

Jiddaħħlu intestaturi ġodda taħt il-paragrafi 20, 20K u 20N. Jiddaħħlu l-paragrafi ġodda 20 A–20Q.

RIKONOXXIMENT U KEJL

Eżenzjoni temporanja mill-IFRS 9

20 A

L-IFRS 9 jindirizza l-kontabbiltà għal strumenti finanzjarji u huwa effettiv għal perjodi annwali li jibdew fl-1 ta' Jannar 2018 jew wara. Madankollu, fil-każ ta' assiguratur li jissodisfa l-kriterji fil-paragrafu 20B, dan l-IFRS jipprovdi eżenzjoni temporanja li tippermetti, iżda ma timponix, li l-assiguratur japplika l-IAS 39 Strumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Kejl pjuttost milli l-IFRS 9 għal perjodi annwali li jibdew qabel l-1 ta' Jannar 2021. Assiguratur li japplika l-eżenzjoni temporanja mill-IFRS 9 għandu:

(a)

juża r-rekwiżiti fl-ISRF 9 li huma meħtieġa biex jipprovdu l-iżvelar meħtieġ fil-paragrafi 39B–39J ta' dan l-IFRS; kif ukoll

(b)

japplika l-IFRSs l-oħra kollha applikabbli għall-istrumenti finanzjarji tiegħu, ħlief kif deskritt fil-paragrafi 20 A–20Q, 39B–39J u 46–47 ta' dan l-IFRS.

20B

Assiguratur jista' japplika l-eżenzjoni temporanja mill-IFRS 9 jekk, u biss jekk:

(a)

ma jkunx preċedentement applika xi verżjoni tal-IFRS 9  (1) , minbarra biss ir-rekwiżiti għall-preżentazzjoni ta' qligħ u telf fuq obbligazzjonijiet finanzjarji magħżula bħala fil-valur ġust permezz ta' qligħ jew telf fil-paragrafi 5.7.1(c), 5.7.7–5.7.9, 7.2.14 u B5.7.5–B5.7.20 tal-IFRS 9; kif ukoll

(b)

l-attivitajiet tiegħu ikunu fil-biċċa l-kbira marbuta mal-assigurazzjoni, kif deskritt fil-paragrafu 20D, fid-data tar-rappurtaġġ annwali tiegħu li tkun tippreċedi immedjatament l-1 ta' April 2016, jew f'data sussegwenti ta' rappurtar annwali kif speċifikat fil-paragrafu 20G.

20C

Assiguratur li japplika l-eżenzjoni temporanja mill-IFRS 9, huwa permess li jagħżel li japplika biss ir-rekwiżiti għall-preżentazzjoni ta' qligħ u telf fuq obbligazzjonijiet finanzjarji kklassifikati bħala fil-valur ġust permezz ta' qligħ jew telf fil-paragrafi 5.7.1(c), 5.7.7–5.7.9, 7.2.14 u B5.7.5–B5.7.20 tal-IFRS 9; Jekk assiguratur jagħżel li japplika dawk ir-rekwiżiti, huwa għandu japplika d-dispożizzjonijiet rilevanti ta' tranżizzjoni fl-IFRS 9, jiżvela l-fatt li huwa jkun applika dawn ir-rekwiżiti u jipprovdi fuq bażi kontinwa d-divulgazzjonijiet relatati stabbiliti fil-paragrafi 10–11 tal-IFRS 7 (kif emendat mill-IFRS 9 (2010)).

20D

L-attivitajiet tal-assiguratur ikunu fil-biċċa l-kbira marbuta ma' attivitajiet tal-assigurazzjoni jekk, u biss jekk:

(a)

l-ammont miżmum fil-kotba tal-obbligazzjonijiet tiegħu li jirriżultaw minn kuntratti fl-ambitu ta' dan l-IFRS, li jinkludu kwalunkwe elementi ta' depożitu jew derivattivi inkorporati separati minn kuntratti tal-assigurazzjoni li japplikaw il-paragrafi 7–12 ta' dan l-IFRS, ikun sinifikanti meta mqabbel mat-total tal-ammont miżmum fil-kotba tal-obbligazzjonijiet kollha tiegħu; kif ukoll

(b)

il-perċentwali tat-total tal-ammont miżmum fil-kotba tal-obbligazzjonijiet tiegħu marbuta mal-assigurazzjoni (ara l-paragrafu 20E) meta mqabbel mat-total tal-ammont miżmum fil-kotba tal-obbligazzjonijiet kollha tiegħu ikun:

(i)

aktar minn 90 fil-mija; jew

(ii)

inqas minn jew ekwivalenti għal 90 fil-mija iżda aktar minn 80 fil-mija, u l-assiguratur ma jkunx jinvolvi ruħu f'xi attività sinifikanti mhux marbuta mal-assigurazzjoni (ara l-paragrafu 20F).

20E

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 20D(b), l-obbligazzjonijiet relatati mal-assigurazzjoni:

(a)

obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn kuntratti fl-ambitu ta' dan l-IFRS, kif deskritt fil-paragrafu 20D(a);

(b)

obbligazzjonijiet ta' kuntratt ta' investiment mhux derivattivi mkejlin bil-valur ġust permezz tal-qligħ jew telf bl-applikazzjoni tal-IAS 39 (inklużi dawk magħżula bħala fil-valur ġust permezz ta' qligħ jew telf li għalihom l-assiguratur ikun applika r-rekwiżiti fl-IFRS 9 għall-preżentazzjoni ta' qligħ u telf (ara l-paragrafi 20B(a) u 20C)); kif ukoll

(c)

obbligazzjonijiet li jirriżultaw minħabba li l-assiguratur joħroġ, jew jissodisfa l-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn, il-kuntratti f' (a) u (b). Eżempji ta' tali obbligazzjonijiet jinkludu derivattivi użati għall-mitigazzjoni tar-riskji li jirriżultaw minn dawk il-kuntratti u mill-assi li jsostnu dawn il-kuntratti, obbligazzjonijiet tat-taxxa rilevanti bħal ma huma obbligazzjonijiet ta' taxxa differita għal differenzi temporanji taxxabbli fuq obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn dawn il-kuntratti, u strumenti ta' dejn maħruġa li huma inklużi fil-kapital regolatorju tal-assiguratur.

20F

Fil-valutazzjoni ta' jekk assiguratur hux involut f'attività sinifikanti mhux marbuta mal-assigurazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 20D(b)(ii), l-assiguratur għandu jqis:

(a)

biss dawk l-attivitajiet li minnhom jista' jaqla' dħul u jġarrab spejjeż; kif ukoll

(b)

fatturi kwantitattivi jew kwalitattivi (jew it-tnejn), inkluża informazzjoni pubblikament disponibbli, bħal pereżempju l-klassifikazzjoni tal-industrija li l-utenti tar-rapporti finanzjarji japplikaw għall-assiguratur.

20G

Il-Paragrafu 20B(b) jobbliga li entità tevalwa jekk tikkwalifikax għall-eżenzjoni temporanja mill-IFRS 9 fir-rapport annwali tagħha li jiġi immedjatament qabel l-1 ta' April 2016. Wara dik id-data:

(a)

entità li kienet qabel tikkwalifika għall-eżenzjoni temporanja mill-IFRS 9 għandha tirrivaluta jekk l-attivitajiet tagħha humiex fil-biċċa l-kbira marbuta ma' assigurazzjoni f'data ta' rappurtaġġ annwali sussegwenti jekk, u biss jekk, kien hemm xi bidla fl-attivitajiet tal-entità, kif deskritt fil-paragrafi 20H–20I, matul il-perjodu annwali li jkun intemm f'dik id-data.

(b)

entità li qabel ma kinitx tikkwalifika għall-eżenzjoni temporanja mill-IFRS 9 hija permessa li tirrivaluta jekk l-attivitajiet tagħha humiex fil-biċċa l-kbira marbuta mal-assigurazzjoni f'data ta' rappurtaġġ annwali sussegwenti qabel il-31 ta' Diċembru 2018 jekk, u biss jekk, kien hemm xi bidla fl-attivitajiet tal-entità, kif deskritt fil-paragrafi 20H–20I, matul il-perjodu annwali li jkun intemm f'dik id-data.

20H

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 20G, bidla fl-attivitajiet ta' entità hija bidla li:

(a)

tkun stabbilita mill-amministraturi ewlenin tal-entità bħala riżultat ta' tibdiliet interni jew esterni;

(b)

tkun sinifikanti għall-operazzjonijiet tal-entità; kif ukoll

(c)

tkun viżibbli għal partijiet esterni.

Għaldaqstant, tali bidla sseħħ biss meta l-entità tibda jew tieqaf milli twettaq attività li tkun sinifikanti għall-operazzjonijiet tagħha jew li tbiddel b'mod sinifikanti l-portata ta' xi waħda mill-attivitajiet tagħha; Pereżempju, meta l-entità tkun akkwistat, warrbet jew itterminat linja ta' negozju.

20I

Huwa mistenni li bidla fl-attivitajiet ta' entità, kif deskritt fil-paragrafu 20H, tkun rari ħafna. Dawn li ġejjin m'humiex bidliet fl-attivitajiet ta' entità għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 20G:

(a)

bidla fl-istruttura tal-finanzjament tal-entità li fiha nnifisha ma tkunx taffettwa l-attivitajiet li minnhom l-entità taqla' d-dħul u jġarrab l-ispejjeż.

(b)

xi pjan tal-entità li tbigħ xi linja ta' negozju, anke jekk l-assi u l-obbligazzjonijiet ikunu kklassifikati bħala miżmuma għall-bejgħ bl-applikazzjoni tal-IFRS 5 Assi Mhux Kurrenti Miżmuma għall-Bejgħ u Operazzjonijiet li Ma Tkomplewx. Pjan biex tinbiegħ linja ta' negozju li tkun tista' tibdel l-attivitajiet tal-entità u tagħti lok għall-valutazzjoni mill-ġdid fil-ġejjieni iżda li għad trid taffettwa l-obbligazzjonijiet rikonoxxuti fir-rapport dwar il-pożizzjoni finanzjarja tagħha.

20J

Jekk entità ma tibqax tikkwalifika għall-eżenzjoni temporanja mill-IFRS 9 minħabba valutazzjoni mill-ġdid (ara l-paragrafu 20G(a)), allura l-entità tiġi permessa biex tkompli tapplika l-eżenzjoni temporanja mill-IFRS 9 biss sa tmiem il-perjodu annwali li jkun beda immedjatament wara dik il-valutazzjoni mill-ġdid. Madankollu, l-entità ikollha tapplika l-IFRS 9 għal perjodi annwali li jibdew fl-1 ta' Jannar 2021 jew wara. Pereżempju, jekk entità tiddetermina li m'għadhiex tikkwalifika għall-eżenzjoni temporanja mill-IFRS 9 bl-applikazzjoni tal-paragrafu 20G(a) fil-31 ta' Diċembru 2018 (tmiem il-perjodu annwali tagħha), allura l-entità tiġi permessa biex tkompli tapplika l-eżenzjoni temporanja mill-IFRS 9 biss sal-31 ta' Diċembru 2019.

20K

Assiguratur li jkun preċedentement għażel li japplika l-eżenzjoni temporanja mill-IFRS 9 jista', fil-bidu ta' kull perjodu annwali sussegwenti, jagħżel b'mod irrevokabbli li japplika l-IFRS 9.

Min jadotta għall-ewwel darba

20L

Min jadotta l-Istandard għall-ewwel darba, kif definit fl-IFRS 1 Adozzjoni għall-ewwel darba tal-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju, jista' japplika l-eżenzjoni temporanja mill-IFRS 9 deskritta fil-paragrafu 20 A jekk, u biss jekk, dan jissodisfa l-kriterji deskritti fil-paragrafu 20B. Fl-applikazzjoni tal-paragrafu 20B(b), min jadotta l-Istandard għall-ewwel darba għandu juża l-ammonti miżmuma fil-kotba ddeterminati bl-applikazzjoni tal-IFRSs fid-data speċifikata f'dan il-paragrafu.

20M

L-IFRS 1 fih obbligi u eżenzjonijiet applikabbli għal min jadottahom għall-ewwel darba. Dawk ir-rekwiżiti u l-eżenzjonijiet (pereżempju, il-paragrafi D16–D17 tal-IFRS 1) ma jiħdux preċedenza fuq ir-rekwiżiti fil-paragrafi 20 A–20Q u 39B–39J ta' dan l-IFRS. Pereżempju, l-obbligi u l-eżenzjonijiet fl-IFRS 1 ma jiħdux preċedenza fuq l-obbligu li min jadotta għall-ewwel darba għandu jissodisfa l-kriterji speċifikati fil-paragrafu 20L biex japplika l-eżenzjoni temporanja mill-IFRS 9.

20N

Min jadotta l-Istandard għall-ewwel darba u jiżvela l-informazzjoni meħtieġa mill-paragrafi 39B–39J għandu juża l-obbligi u l-eżenzjonijiet fl-IFRS 1 li huma rilevanti biex isiru l-valutazzjonijiet meħtieġa għal dan l-iżvelar.

Eżenzjoni temporanja minn obbligi speċifiċi f'IAS 28

20O

Il-paragrafi 35–36 tal-IAS 28 Investimenti f'Kumpaniji Assoċjati u Impriżi Konġunti jobbligaw lill-entità tapplika politika uniformi ta' kontabilità meta tuża l-metodu tal-ekwità. Madankollu, għall-perjodi annwali li jibdew qabel l-1 ta' Jannar 2021, entità tkun permessa, iżda mhux obbligata, li żżomm il-politika ta' kontabilità rilevanti applikata minn dik il-kumpanija assoċjata jew impriża konġunta kif ġej:

(a)

l-entità tapplika l-IFRS 9, iżda l-kumpanija assoċjata jew l-impriża konġunta tapplika l-eżenzjoni temporanja mill-IFRS 9; jew

(b)

l-entità tapplika l-eżenzjoni temporanja mill-IFRS 9 iżda l-kumpanija assoċjata jew l-impriża konġunta tapplika l-IFRS 9.

20P

Meta entità tuża l-metodu tal-ekwità biex tagħti kont tal-investiment tagħha f'kumpanija assoċjata jew impriża konġunta:

(a)

jekk l-IFRS 9 kien ġie applikat preċedentement fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji li jintużaw biex japplikaw il-metodu ta' ekwità għal dik il-kumpanija assoċjata jew impriża konġunta (wara li jiġi rifless kull aġġustament li jkun sar mill-entità), l-IFRS 9 għandu jkompli jiġi applikat.

(b)

jekk l-eżenzjoni temporanja mill-IFRS 9 kienet ġie applikata preċedentement fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji użati biex jiġi applikat il-metodu ta' ekwità għal dik il-kumpanija assoċjata jew impriża konġunta (wara li jiġi rifless kull aġġustament li jkun sar mill-entità), allura l-IFRS 9 jista' jkompli jiġi applikat.

20Q

Entità tista' tapplika l-paragrafi 20O u 20P(b) separatament għal kull kumpanija assoċjata jew impriża konġunta.

Jiddaħħlu l-paragrafi l-ġodda 35 A–35N, 39B–39M u 46–49. Jiddaħħlu l-intestaturi ġodda taħt il-paragrafi 35 A, 35K, 35M, 39 A, 39J, 45 u 47.

Aspetti diskrezzjonali ta' parteċipazzjoni fi strumenti finanzjarji

35 A

L-eżenzjonijiet temporanji fil-paragrafi 20 A, 20L u 20O u l-approċċ ta' sovrappostazzjoni fil-paragrafu 35B huma disponibbli wkoll għal emittent ta' strument finanzjarju li jkun fih aspett ta' parteċipazzjoni diskrezzjonali. Għaldaqstant, ir-referenzi kollha fil-paragrafi 3(a)–3(b), 20 A–20Q, 35B–35N, 39B–39M u 46–49 għal assiguratur għandhom jiftiehmu bħala li jirreferu wkoll għal emittent ta' strument finanzjarju li jkun fih aspett ta' parteċipazzjoni diskrezzjonali.

PREŻENTAZZJONI

L-approċċ ta' sovrappostazzjoni

35B

Assiguratur huwa permess, iżda mhux obbligat, li japplika l-approċċ ta' sovrappostazzjoni fil-każ ta' assi finanzjarji magħżula; Assiguratur li japplika l-approċċ ta' sovrappostazzjoni għandu:

(a)

jikklassifika mill-ġdid bejn qligħ u telf u xi introjtu komprensiv ieħor ammont li jirriżulta fil-qligħ jew it-telf fi tmiem il-perjodu ta' rappurtar għall-assi finanzjarji magħżula li jkunu l-istess daqslikieku l-assiguratur kien applika l-IAS 39 għall-assi finanzjarji magħżula. Għaldaqstant, l-ammont ikklassifikat mill-ġdid huwa ugwali għad-differenza bejn:

(i)

l-ammont irrapportat fi qligħ jew telf għall-assi finanzjarji magħżula li japplikaw l-IFRS 9; u

(ii)

l-ammont li kien ikun irrapportat fi qligħ jew telf għall-assi finanzjarji magħżula li kieku kellu jiġi applikat l-IAS 39.

(b)

jiġu applikati l-IFRSs l-oħra kollha applikabbli għall-istrumenti finanzjarji tiegħu, ħlief kif deskritt fil-paragrafi 35B–35N, 39K–39M u 48–49 ta' dan l-IFRS.

35C

Assiguratur jista' jagħżel li japplika l-approċċ ta' sovrappostazzjoni deskritt fil-paragrafu 35B biss meta japplika l-IFRS 9 għall-ewwel darba, inkluż meta japplika l-ewwel darba l-IFRS 9 wara li qabel kien ikun applika:

(a)

l-eżenzjoni temporanja mill-IFRS 9 deskritta fil-paragrafu 20 A; jew

(b)

biss l-obbligi għall-preżentazzjoni ta' qligħ u telf fuq obbligazzjonijiet finanzjarji kklassifikati bħala fil-valur ġust permezz ta' qligħ jew telf fil-paragrafi 5.7.1(c), 5.7.7–5.7.9, 7.2.14 u B5.7.5–B5.7.20 tal-IFRS 9;

35D

Assiguratur għandu jippreżenta l-ammont ikklassifikat mill-ġdid bejn il-qlighħ jew it-telf u introjtu komprensiv ieħor billi japplika l-approċċ ta' sovrappostazzjoni

(a)

fil-qligħ jew it-telf bħala entrata f'linja separata; u

(b)

fi dħul komprensiv ieħor bħala element separat ta' dħul komprensiv ieħor.

35E

Assi finanzjarji jkunu eliġibbli biex jintgħażlu għall-approċċ ta' sovrappożizzjoni jekk, u biss jekk, ikunu ssodisfati l-kriterji li ġejjin:

(a)

ikunu mkejla fil-valur ġust permezz ta' qligħ jew telf bl-applikazzjoni tal-IFRS 9 iżda li ma jkunux tkejlu bil-valur ġust permezz tal-qligħ jew it-telf fit-totalità tagħhom bl-applikazzjoni tal-IAS 39; u

(b)

ma jinżammewx fir-rigward ta' attività li ma tkunx marbuta ma' kuntratti fl-ambitu ta' dan l-IFRS. Eżempji ta' assi finanzjarji li ma jkunux eliġibbli għall-approċċ ta' sovrappostazzjoni huma dawk l-assi miżmuma fir-rigward ta' attivitajiet bankarji jew assi finanzjarji miżmuma f'fondi marbuta ma' kuntratti tal-investiment li jkunu barra mill-ambitu ta' dan l-IFRS.

35F

Assiguratur jista' jagħżel assi finanzjarji eliġibbli għall-approċċ ta' sovrappostazzjoni meta jagħżel li japplika l-approċċ ta' sovrappostazzjoni (ara l-paragrafu 35C). Sussegwentement, jista' jagħżel ass finanzjarju eliġibbli għall-approċċ ta' sovrappostazzjoni meta, u biss meta:

(a)

dak l-ass jiġi rikonoxxut inizjalment; jew

(b)

dak l-ass jibda' jissodisfa l-kriterju fil-paragrafu 35E(b) wara li preċedentement ma jkunx issodisfa dan il-kriterju.

35G

Assiguratur hu permess li jagħżel assi finanzjarju eliġibbli għall-approċċ ta' sovrappostazzjoni billi japplika l-paragrafu 35F skont kull strument individwali separatament.

35H

Fejn ikun rilevanti, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-approċċ ta' sovrappostazzjoni għal assi finanzjarju li jkunu għadhom kif ġew magħżula bl-applikazzjoni tal-paragrafu 35F(b):

(a)

il-valur ġust tagħhom fid-data tal-klassifikazzjoni għandu jkun l-ammont amortizzat miżmum fil-kotba tiegħu; u

(b)

ir-rata effettiva tal-imgħax għandha tiġi ddeterminata abbażi tal-valur ġust tiegħu fid-data tal-għażla.

35I

Entità għandha tkompli tapplika l-approċċ ta' sovrappostazzjoni għal assi finanzjarji magħżula sakemm dawk l-assi finanzjarji jiġu deklassifikati. Madankollu, entità:

(a)

għanda tneħħi l-għażla ta' ass finanzjarju meta l-ass finanzjarju ma jibqax jissodisfa l-kriterju fil-paragrafu 35E(b). Pereżempju, ass finanzjarju ma jibqax jissodisfa dan il-kriterju meta entità tittrasferixxi dak l-ass b'tali mod li huwa jinżamm fir-rigward tal-attivitajiet bankarji tagħha jew meta entità ma tibqax assiguratur.

(b)

tista', fil-bidu ta' kull perjodu annwali, ma tibqax tapplika l-approċċ ta' sovrappostazzjoni għall-assi finanzjarji kollha magħżula. Entità li tagħżel li ma tibqax tapplika l-approċċ ta' sovrappostazzjoni għandha tapplika l-IAS 8 biex jittieħed kont tal-bidla fil-politika tal-kontabilità.

35J

Meta entità tneħħi l-għażla ta' ass finanzjarju bl-applikazzjoni tal-paragrafu 35I(a), hija għandha tirriklassifika minn dħul ieħor komprensiv akkumulat għal qligħ jew telf bħala aġġustament ta' riklassifikazzjoni (ara l-IAS 1) kwalunkwe bilanċ relatat ma' dak l-ass finanzjarju.

35K

Jekk entità ma tibqax tuża l-approċċ ta' sovrappostazzjoni billi tapplika l-għażla fil-paragrafu 35I(b) jew minħabba li ma tkunx għadha assiguratur, hija ma għandhiex sussegwentement tapplika l-approċċ ta' sovrappostazzjoni. Assiguratur li jkun għażel li japplika l-approċċ ta' sovrappostazzjoni (ara l-paragrafu 35C) iżda li ma jkollu l-ebda assi finanzjarji eliġibbli (ara l-paragrafu 35E) jista' sussegwentement japplika l-approċċ ta' sovrappostazjoni meta jkollu assi finanzjarji eliġibbli.

Interazzjoni ma' rekwiżiti oħra

35L

Il-paragrafu 30 ta' dan l-IFRS jippermetti prassi li xi kultant tiġi deskritta bħala 'shadow accounting'. Jekk assiguratur japplika l-approċċ ta' sovrappostazzjoni, jkun jista' jiġi applikat ix-shadow accounting.

35M

Ir-riklassifikazzjoni ta' ammont bejn qligħ jew telf u introjtu komprensiv ieħor bl-applikazzjoni tal-paragrafu 35B jista' jkollha effetti konsegwenzjali għall-inkużjoni ta' ammonti oħra fi dħul komprensiv ieħor, bħal ma huma taxxi fuq id-dħul. Assiguratur għandu japplika l-IFRS rilevanti, bħal l-IAS 12 Taxxi fuq l-introjtu biex jiddetermina kwalunkwe effetti konsegwenzjali.

Min jadotta għall-ewwel darba

35N

Jekk min jadotta għall-ewwel darba jagħżel li japplika l-approċċ ta' sovrappostazzjoni, huwa għandu jiddikjara mill-ġdid l-informazzjoni komparattiva biex tirrifletti l-approċċ ta' sovrappostazzjoni jekk, u biss jekk, huwa jiddikjara mill-ġdid l-informazzjoni komparattiva biex tintlaħaq konformità mal-IFRS 9 (ara l-paragrafi E1–E2 tal-IFRS 1).

ŻVELAR

Żvelar dwar l-eżenzjoni temporanja mill-IFRS 9

39B

Assiguratur li jagħżel li japplika l-eżenzjoni temporanja mill-IFRS 9 għandu jiżvela xi informazzjoni biex l-utenti tar-rapporti finanzjarji jkunu jistgħu:

(a)

jifhmu kif l-assiguratur ikun ikkwalifika għall-eżenzjoni temporanja; u

(b)

iqabblu bejn l-assiguraturi li japplikaw l-eżenzjoni temporanja u l-entitajiet li japplikaw l-IFRS 9.

39C

Għall-konformità mal-paragrafu 39B(a), assiguratur għandu jiżvela l-fatt li jkun qiegħed japplika l-eżenzjoni temporanja mill-IFRS 9 u kif l-assiguratur ikun ikkonkluda fid-data speċifikata fil-paragrafu 20B(b) li huwa jikkwalifika għall-eżenzjoni temporanja mill-IFRS 9, inkluż:

(a)

jekk l-ammont miżmum fil-kotba tal-obbligazzjonijiet tiegħu li jirriżultaw minn kuntratti fl-ambitu ta' dan l-IFRS (jiġifieri dawk l-obbligazzjonijiet deskritti fil-paragrafu 20E(a)) kien inqas minn jew kien daqs 90 fil-mija tat-total tal-ammont miżmum fil-kotba tal-obbligazzjonijiet kollha tiegħu, in-natura u l-ammonti miżmuma fil-kotba tal-obbligazzjonijiet marbuta mal-assigurazzjoni li ma jkunux obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn kuntratti fl-ambitu ta' dan l-IFRS (jiġifieri dawk l-obbligazzjonijiet deskritti fil-paragrafi 20E(b) u 20E(c));

(b)

jekk il-perċentwali tat-total tal-ammont miżmum fil-kotba tal-obbligazzjonijiet tiegħu marbuta mal-assigurazzjoni meta mqabbel mat-total tal-ammont miżmum fil-kotba tal-obbligazzjonijiet kollha tiegħu kien inqas minn jew ekwivalenti għal 90 fil-mija iżda aktar minn 80 fil-mija, kif l-assiguratur ikun iddetermina li ma kienx involut f'attività sinifikanti mhux marbuta mal-assigurazzjoni, inklużi liema informazzjoni huwa kkunsidra; u

(c)

jekk l-assiguratur ikun ikkwalifika għall-eżenzjoni temporanja mill-IFRS 9 fuq il-bażi ta' rivalutazzjoni bl-applikazzjoni tal-paragrafu 20G(b):

(i)

ir-raġuni għar-rivalutazzjoni;

(ii)

id-data li fiha jkun seħħ it-tibdil relevanti fl-attivitajiet tiegħu; u

(iii)

spjega ddettaljata dwar il-bidla fl-attivitajiet tiegħu u deskrizzjoni kwalitattiva tal-effett ta' din il-bidla fir-rapporti finanzjarji tal-assiguratur.

39D

Jekk, meta jiġi applikat il-paragrafu 20G(a), entità tikkonkludi li l-attivitajiet tagħha m'għadhomx fil-biċċa l-kbira ma għadhomx marbuta mal-assigurazzjoni, hija għandha tiddivulga l-informazzjoni li ġejja f'kull perjodu ta' rappurtar qabel ma tibda tapplika l-IFRS 9:

(a)

il-fatt li hija ma tkunx għadha tikkwalifika għall-eżenzjoni temporanja mill-IFRS 9;

(b)

id-data li fiha jkun seħħ it-tibdil relevanti fl-attivitajiet tiegħu; u

(c)

spjega ddettaljata dwar il-bidla fl-attivitajiet tagħha u deskrizzjoni kwalitattiva tal-effett ta' dik il-bidla fir-rapporti finanzjarji tal-entità.

39E

Għall-konformità mal-paragrafu 39B(b), assiguratur għandu jiżvela l-valur ġust fi tmiem il-perjodu tar-rappurtar u l-ammont ta' bidla fil-valur ġust matul dak il-perijodu għal dawn iż-żewġ gruppi ta' assi finanzjarji, b'mod separat:

(a)

assi finanzjarji b'termini kuntrattwali li jagħtu lok f'dati speċifiċi għal flussi ta' flus kontanti li jkunu unikament pagamenti ta' kapital u l-imgħax fuq l-ammont pendenti prinċipali (jiġifieri assi finanzjarji li jissodisfaw il-kundizzjoni fil-paragrafi 4.1.2(b) u 4.1.2 A(b) tal-IFRS 9), bl-esklużjoni ta' kwalunkwe ass finanzjarju li jissodisfa d-definizzjoni ta' miżmum għan-negozju fl-IFRS 9, jew li jkun iġġestit u li l-prestazzjoni tiegħu tkun evalwata fuq bażi ta' valur ġust (ara l-paragrafu B4.1.6 tal-IFRS 9).

(b)

l-assi finanzjarji kollha għajr dawk speċifikati fil-paragrafu 39E(a); jiġifieri, kwalunkwe ass finanzjarju:

(i)

b'termini kuntrattwali li ma jirriżultawx f'dati speċifiċi għal flussi ta' flus kontanti li jkunu unikament pagamenti ta' kapital u l-imgħax fuq l-ammont prinċipali pendenti;

(ii)

li jissodisfa d-definizzjoni ta' miżmum għan-negozju fl-IFRS 9; jew

(iii)

li jkun iġġestit u li l-prestazzjoni tiegħu tkun evalwata, fuq bażi ta' valur ġust.

39F

Meta jiddivulga l-informazzjoni fil-paragrafu 39E, l-assiguratur:

(a)

jista' jikkunsidra l-ammont miżmum fil-kotba tal-ass finanzjarju mkejjel billi japplika l-IAS 39 bħala approssimazzjoni raġonevoli tal-valur ġust tiegħu jekk l-assiguratur ma jkunx obbligat jiżvela l-valur ġust tiegħu bl-applikazzjoni tal-paragrafu 29(a) tal-IFRS 7 (eż. debituri u kredituri tan-negozju fuq perijodu qasir); u

(b)

għandu jikkunsidra l-livell ta' dettall meħtieġ biex l-utenti ta' dikjarazzjonijiet finanzjarji jkunu jistgħu jifhmu l-karatteristiċi tal-assi finanzjarji.

39G

Għall-konformità mal-paragrafu 39B(b), assiguratur għandu jiżvela informazzjoni dwar l-esponiment għar-riskju tal-kreditu, inklużi konċentrazzjonijiet sinifikanti ta' riskju ta' kreditu, inerenti fl-assi finanzjarji deskritti fil-paragrafu 39E(a). Bħala minimu, assiguratur għandu jiżvela l-informazzjoni li ġejja fil-każ ta' dawk l-assi finanzjarji fi tmiem il-perjodu ta' rappurtar:

(a)

permezz ta' gradi ta' klassifikazzjoni tar-riskju ta' kreditu kif definit fl-IFRS 7, l-ammonti li jinżammu fil-kotba bl-applikazzjoni tal-IAS 39 (fil-każ ta' assi finanzjarji mkejla b'kost amortizzat, qabel ma jsir aġġustament għal kwalunkwe benefiċċju ta' indeboliment).

(b)

għall-assi finanzjarji deskritti fil-paragrafu 39E(a) li ma għandhomx riskju baxx ta' kreditu fit-tmiem tal-perjodu tar-rappurtar, il-valur ġust u l-ammont miżmum fil-kotba bl-applikazzjoni tal-IAS 39 (fil-każ ta' assi finanzjarji mkejla b'kost amortizzat, qabel ma jsir aġġustament għal kwalunkwe benefiċċju ta' indeboliment). Għall-iskopijiet ta' dan l-iżvelar, il-paragrafu B5.5.22 tal-IFRS 9 jistipula r-rekwiżiti rilevanti għall-evalwazzjoni ta' jekk ir-riskju ta' kreditu fuq strument finanzjarju hux ikkunsidrat baxx.

39H

Għall-konformità mal-paragrafu 39B(b), assiguratur għandu jiżvela informazzjoni dwar fejn utent tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji jkun jista' jikseb kull informazzjoni pubblikament disponibbli dwar l-IFRS 9 li tkun tirrelata ma' entità fi ħdan il-grupp u li ma tkunx ġiet ipprovduta fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati tal-grupp għall-perjodu relevanti ta' rappurtar. Pereżempju tali informazzjoni tal-IFRS 9 tista' tinkiseb mid-dikjarazzjonijiet finanzjarji individwali jew separati pubblikament disponibbli ta' xi entità fi ħdan il-grupp li jkun applika l-IFRS 9.

39I

Jekk entità tkun iddeċidiet li tapplika l-eżenzjoni fil-paragrafu 20O minn xi rekwiżiti partikolari fl-IAS 28, hija għandha tiżvela dak il-fatt.

39 J

Jekk entità tapplika l-eżenzjoni temporanja mill-IFRS 9 meta tieħu f'kunsiderazzjoni l-investiment tagħha f'kumpanija assoċjata jew impriża konġunta billi tuża l-metodu tal-ekwità (pereżempju, ara l-paragrafu 20O(a)), l-entità għandha tiżvela dan li ġej, flimkien mal-informazzjoni meħtieġa mill-IFRS 12 Divulgazzjoni ta' Interessi f'Entitajiet Oħra:

(a)

l-informazzjoni deskritta fil-paragrafi 39B-39H għal kull kumpanija assoċjata jew impriża konġunta li hi materjali għall-entità. L-ammonti żvelati għandhom ikunu dawk inklużi fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-IFRS tal-kumpanija assoċjata jew tal-impriża konġunta wara li jittieħdu f'kunsiderazzjoni l-aġġustamenti li jkunu saru mill-entità meta tuża l-metodu tal-ekwità (ara l-paragrafu B14(a) tal-IFRS 12), pjuttost milli sehem l-entità minn dawk l-ammonti.

(b)

l-informazzjoni kwantitattiva deskritta fil-paragrafi 39B–39H fl-aggregat għall-kumpaniji assoċjati jew impriżi konġunti individwali kollha. L-ammonti aggregati:

(i)

li jkunu żvelati għandhom ikunu s-sehem tal-entità minn dawk l-ammonti; u

(ii)

fil-każ ta' kumpaniji assoċjati għandhom ikunu żvelati separatament mill-ammonti aggregati żvelati fil-każ ta' impriżi konġunti.

Żvelar dwar l-approċċ ta' sovrappożizzjoni

39K

Assiguratur li japplika l-approċċ ta' sovrappożizzjoni għandu jiżvela xi informazzjoni sabiex l-utenti tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji jkunu jistgħu jifhmu:

(a)

kif ikun ġie kkalkulat l-ammont totali riklassifikat bejn qligħ jew telf u dħul komprensiv ieħor fil-perjodu tar-rappurtar; u

(b)

l-effett ta' din ir-riklassifikazzjoni fuq id-dikjarazzjonijiet finanzjarji.

39L

Għall-konformità mal-paragrafu 38K, assiguratur għandu jiżvela:

(a)

il-fatt li jkun qed japplika l-approċċ ta' sovrappożizzjoni;

(b)

l-ammont miżmum fil-kotba fit-tmiem tal-perjodu ta' rapportar ta' assi finanzjarji li għalihom l-assiguratur japplika l-approċċ ta' sovrappożizzjoni skont il-klassi ta' ass finanzjarju;

(c)

il-bażi biex xi assi finanzjarji jiġi magħżul għall-approċċ ta' sovrappożizzjoni, inkluża spjegazzjoni ta' xi assi finanzjarji magħżula li jkunu jinżammu barra l-entità ġuridika li toħroġ kuntratti fl-ambitu ta' dan l-IFRS;

(d)

spjegazzjoni tal-ammont totali riklassifikat bejn il-qligħ jew telf u introjtu komprensiv ieħor fil-perjodu ta' rappurtar b'mod li l-utenti tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji jkunu jistgħu jifhmu kif jinkiseb dak l-ammont, li tinkludi:

(i)

l-ammont irrapportat fi qligħ jew telf għall-assi finanzjarji magħżula li japplikaw l-IFRS 9; u

(ii)

l-ammont li kien ikun irrapportat fi qligħ jew telf għall-assi finanzjarji magħżula li kieku kellu jiġi applikat l-IAS 39.

(e)

l-effett tar-riklassifikazzjoni deskritt fil-paragrafi 35B u 35M fuq kull partita affettwata fil-qligħ jew telf; u

(f)

jekk waqt il-perjodu tar-rapportar l-assiguratur ikun bidel il-klassifikazzjoni tal-assi finanzjarji:

(i)

l-ammont riklassifikat bejn qligħ jew telf u dħul komprensiv ieħor fil-perjodu ta' rappurtar marbut mal-assi finanzjarji li jkunu għadhom kif ġew magħżula bl-applikazzjoni tal-approċċ ta' sovrappożizzjoni (ara l-paragrafu 35F(b));

(ii)

l-ammont li kien jiġi irriklassifikat bejn qligħ jew telf u dħul komprensiv ieħor fil-perjodu ta' rapportar kieku l-assi finanzjarju ma kinux ġew imneħħija mill-għażla (ara l-paragrafi 35I(a)); u

(iii)

l-ammont riklassifikat f'perjodu ta' rapportar għal qligħ jew telf min dħul komprensiv ieħor akkumulat għal assi finanzjarji li jkunu tneħħew mill-għażla (ara l-paragrafu 35j).

39M

Jekk entità tkun applikat l-approċ ta' sovrappożizzjoni meta tieħu f'kunsiderazzjoni l-investiment tagħha f'kumpanija assoċjata jew impriża konġunta bl-użu tal-metodu tal-ekwità, l-entità għandha tiddivulga dan li ġej, flimkien mal-informazzjoni meħtieġa mill-IFRS 12:

(a)

l-informazzjoni deskritta fil-paragrafi 39K-39L għal kull kumpanija assoċjata jew impriża konġunta li hi materjali għall-entità. L-ammonti żvelati għandhom ikunu dawk inklużi fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-IFRS tal-kumpanija assoċjata jew tal-impriża konġunta wara li jittieħdu f'kunsiderazzjoni l-aġġustamenti li jkunu saru mill-entità meta tuża l-metodu tal-ekwità (ara l-paragrafu B14(a) tal-IFRS 12), pjuttost milli sehem l-entità minn dawk l-ammonti.

(b)

l-informazzjoni kwantitattiva deskritta fil-paragrafi 39K–39L(d) u 39L(f), u l-effett tar-riklassifikazzjoni deskritt fil-paragrafu 35B fuq il-qligħ jew it-telf u dħul komprensiv ieħor fl-aggregat għall-kumpaniji assoċjati jew impriżi konġunti immaterjali individwali. L-ammonti aggregati:

(i)

li jkunu żvelati għandhom ikunu s-sehem tal-entità minn dawk l-ammonti; u

(ii)

fil-każ ta' kumpaniji assoċjati għandhom ikunu żvelati separatament mill-ammonti aggregati żvelati fil-każ ta' impriżi konġunti.

DATA EFFETTIVA U TRANŻIZZJONI

L-applikazzjoni tal-IFRS 4 u l-IFRS 9

Eżenzjoni temporanja mill-IFRS 9

46.

L-applikazzjoni tal-Istrumenti Finanzjarji IFRS 9 maI-IFRS 4 Kuntratti ta' Assigurazzjoni (Emendi għall-IFRS 4), maħruġa f'Settembru 2016, paragrafi 3 u 5 emendati, u żieda tal-paragrafi 20 A–20Q, 35 A u 39B–39J u l-intestaturi wara l-paragrafi 20, 20K, 20N u 39 A. Entità għandha tapplika dawk l-emendi, li jippermettu lill-assiguraturi li jissodisfaw kriterji speċifiċi biex japplikaw eżenzjoni temporanja mill-IFRS 9 għal perjodi annwali li jibdew fl-1 ta' Jannar 2018 jew wara.

47.

Entità li tiżvela l-informazzjoni meħtieġa mill-paragrafi 39B–39J għandha tuża d-dispożizzjonijiet tranżizzjonali fl-IFRS 9 li jkunu rilevanti biex isiru l-valutazzjonijiet meħtieġa għal dan l-iżvelar. Id-data tal-applikazzjoni inizjali għal dak l-għan għandha titqies li tkun il-bidu tal-ewwel perijodu annwali li jibda fl-1 ta' Jannar 2018 jew wara.

L-approċċ ta' sovrappostazzjoni

48.

L-applikazzjoni tal-Istrumenti Finanzjarji IFRS 9 maI-IFRS 4 Kuntratti ta' Assigurazzjoni (Emendi għall-IFRS 4), maħruġa f'Settembru 2016, paragrafi 3 u 5 emendati, u żieda tal-paragrafi 35 A–35N u 39K–39M u l-intestaturi wara l-paragrafi 35 A, 35K, 35M u 39 J. Entità għandha tapplika dawk l-emendi, li jippermettu lill-assiguraturi sabiex japplikaw l-approċċ ta' sovrappożizzjoni għal assi finanzjarji magħżulai, meta tapplika l-IFRS 9 għall-ewwel darba (ara l-paragrafu 35C).

49.

Entità li tagħżel li tapplika l-approċċ ta' sovrappostazzjoni għandha:

(a)

tapplika dak l-approċċ b'mod retrospettiv għal assi finanzjarji magħżula mat-tranżizzjoni għall-IFRS 9. Għaldaqstant, pereżempju, l-entità għandha tirrikonoxxi bħala aġġustament għall-bilanċ tal-ftuħ ta' dħul komprensiv akkumulat ieħor ammont ugwali għad-differenza bejn il-valur ġust tal-assi finanzjarji magħżula determinat bl-applikazzjoni tal-IFRS 9 u l-ammont miżmum fil-kotba tagħhom determinat bl-applikazzjoni tal-IAS 39.

(b)

tiddikjara mill-ġdid informazzjoni komparattiva biex jiġi rifless l-approċċ ta' sovrappożizzjoni jekk, u biss jekk, l-entità tiddikjara mill-ġdid informazzjoni komparattiva fl-applikazzjoni tal-IFRS 9.


(1)  Il-Bord ħareġ verżjonijiet suċċessivi tal-IFRS 9 fl-2009, l-2010, l-2013 u l-2014.