31.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 284/1


REGOLAMENT (UE) 2017/1951 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta' Ottubru 2017

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 99/2013 dwar il-programm statistiku Ewropew tal-2013–17, billi jestendih sal-2020

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE u għall-Iżvizzera)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 338(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Evidenza affidabbli u rilevanti bbażata fuq l-istatistika Ewropea, disponibbli f'waqtha u pubblikament li tista' tiġi użata għat-tfassil tal-politiki, hija essenzjali għall-kejl tal-progress u għall-evalwazzjoni tal-effiċjenza tal-politiki u tal-programmi tal-Unjoni, b'mod speċjali fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020 stabbilita fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 intitolata “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv”(Ewropa 2020) u l-Aġenda tal-Kummissjoni għall-Impjiegi, it-Tkabbir, il-Ġustizzja u l-Bidla Demokratika.

(2)

Jenħtieġ li l-istatistika Ewropea tieħu approċċ komprensiv mifrux mal-Unjoni kollha li jipprovdi data preċiża li tassisti l-proċessi ta' integrazzjoni ulterjuri fl-Unjoni.

(3)

Id-disponibbiltà ta' statistika Ewropea affidabbli u komprensiva tikkostitwixxi wieħed mill-beni pubbliċi importanti li jibbenefika lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, lir-riċerkaturi u lill-pubbliku ġenerali.

(4)

Bilanċ tajjeb bejn il-miri ekonomiċi u soċjali fis-Semestru Ewropew huwa partikolarment importanti għas-sostenibbiltà u l-leġittimità tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Konsegwentement, il-miri soċjali u tal-impjieg saru aktar prominenti fis-Semestru Ewropew, fejn kemm ir-rapporti tal-pajjiżi kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi jivvalutaw l-isfidi soċjali u tal-impjieg u jippromwovu riformi politiċi bbażati fuq l-aħjar prattika. Għal dan il-għan, l-istatistika soċjali hija ta' importanza partikolari.

(5)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), il-programm Ewropew tal-istatistika (il-“programm”) għandu jipprevedi l-qafas għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni ta' statistika Ewropea ta' kwalità għolja, filwaqt li jistabbilixxi l-oqsma ewlenin u l-għanijiet ta' azzjonijiet previsti għal perjodu li jikkorrispondi għal dak tal-qafas finanzjarju pluriennali. Jenħtieġ li l-programm jiġi implimentat permezz ta' azzjonijiet statistiċi individwali f'konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009. Il-programmi ta' ħidma annwali tal-Kummissjoni jenħtieġ li jkunu bbażati fuq il-programm.

(6)

Ir-Regolament (UE) Nru 99/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) ikopri l-perjodu mill-2013 sal-2017 biss, filwaqt li l-qafas finanzjarju pluriennali kurrenti jestendi sal-2020. Għalhekk, dak ir-Regolament jenħtieġ li jiġi emendat mingħajr dewmien biex jestendi l-programm sal-2020 u biex jimla l-lakuni statistiċi fejn ikun meħtieġ b'urġenza.

(7)

Fil-kuntest tal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar tal-Kummissjoni, il-politiki tal-Unjoni jenħtieġ li jkunu ddisinjati u mmonitorjati dejjem iżjed abbażi ta' evidenza affidabbli li jkollha bażi statistika soda. L-istatistika Ewropea għandha rwol distint f'dak ir-rigward, u tista' tagħmel differenza reali, b'mod speċjali f'oqsma ta' politika fejn il-valur analitiku, ibbażat fuq data affidabbli, kif ukoll ir-rispons jikkostitwixxu fattur ewlieni biex il-politiki jkunu ta' suċċess.

(8)

Statistika ta' kwalità għolja hija għalhekk kruċjali biex jinkisbu riżultati aħjar u biex tikkontribwixxi għal Ewropa aħjar. Jenħtieġ li jsiru sforzi akbar biex tingħata spinta lill-investiment fl-istatistika uffiċjali kemm fil-livell Ewropew kif ukoll dak nazzjonali. Jenħtieġ li l-programm jipprovdi wkoll gwida fl-oqsma tal-politika ta' prijorità, tal-bini tal-kapaċità u tar-riprijoritizzazzjoni li għaddejja. Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat approċċ armonizzat biex jintlaħqu l-objettivi ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali.

(9)

Jenħtieġ li tittieħed azzjoni biex jiġu indirizzati l-aktar lakuni urġenti fl-istatistika, biex tiżdied il-puntwalità u biex jiġu appoġġjati l-prijoritajiet politiċi u l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika matul is-Semestru Ewropew. Jenħtieġ li l-Kummissjoni (Eurostat) tipprovdi wkoll projezzjonijiet ġodda tal-popolazzjoni f'kooperazzjoni mill-qrib mal-istituti tal-istatistika nazzjonali fir-rigward tal-flussi migratorji sabiex jiġu aġġornati l-analiżi tal-implikazzjonijiet soċjali, ekonomiċi u baġitarji tat-tixjiħ tal-popolazzjoni u tal-inugwaljanzi ekonomiċi.

(10)

Biex jappoġġaw it-tfassil ta' politika effiċjenti, l-indikaturi għandhom jiġu ppubblikati f'waqthom. Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, jenħtieġ li l-Kummissjoni (Eurostat) tikkomunika pubblikament fuq il-puntwalità, inkluża l-għoti ta' informazzjoni rilevanti rigward kull puntwalità insuffiċjenti li tista' sseħħ, bħala aspett tal-kwalità statistika..

(11)

Il-kontijiet sperimentali tal-ekosistema u l-istatistika dwar it-tibdil fil-klima, inklużi dawk rilevanti għall-adattament għat-tibdil fil-klima u għall-“impronti”, jenħtieġ li jiġu żviluppati aktar bl-użu ta' data eżistenti. L-Unjoni Ewropea tal-Enerġija u l-qafas tal-2030 għall-klima u l-enerġija, li għandhom l-għan li jagħmlu s-sistema tal-ekonomija u tal-enerġija tal-Unjoni aktar kompetittiva, effiċjenti, sigura u sostenibbli, ser ikunu jeħtieġu statistika ġdida dwar il-konsum tal-enerġija, l-effiċjenza enerġetika, is-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, id-dipendenza enerġetika u s-sigurtà tal-provvista, kif ukoll statistika ġdida dwar l-ekonomija ċirkolari.

(12)

Huwa mistenni li statistika ta' kwalità għolja żviluppata, prodotta u disseminata fil-qafas tal-programm, b'mod partikolari l-istatistika dwar l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-istatistika soċjali, l-istatistika ambjentali kif ukoll l-istatistika dwar l-enerġija u t-trasport tippermetti l-monitoraġġ tal-objettivi u l-miri li għandu jiġi stabbilit fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri fl-ambitu tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti u, b'dak il-mod, tikkontribwixxi biex jintlaħqu dawk l-għanijiet u l-miri.

(13)

Jenħtieġ li jsir progress biex titjieb l-informazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva li tikkontribwixxi għall-kompletezza tal-kontijiet nazzjonali u b'hekk tippermetti estimi aħjar tad-distakk fiskali u l-evitar tat-taxxa.

(14)

L-estensjoni tal-programm hija opportunità li jenħtieġ li tittieħed biex isiru adattamenti u jiġu riflessi l-orjentazzjonijiet il-ġodda, b'mod partikolari f'konformità mal-Viżjoni 2020 tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESS), li jikkomplementaw l-għanijiet eżistenti, il-prijoritizzazzjoni li għaddejja u d-disponibbiltà tad-data f'kuntest fejn l-Unjoni qed tiffaċċja sfidi sinifikanti f'termini ta' żvilupp ekonomiku u koeżjoni soċjali. Jenħtieġ li dan jiżgurawkoll it-tkomplija tal-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni (Eurostat) u l-istituti nazzjonali tal-istatistika, u jenħtieġ li jiżgura djalogi regolari mal-Kumitat Konsultattiv Ewropew tal-Istatistika stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 234/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Jenħtieġ ukoll li dan jiżgura l-koordinazzjoni bejn l- ESS u s-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali. Jenħtieġ li l-Kummissjoni (Eurostat) tissorvelja l-konformità tal-Istati Membri mal-Kodiċi ta' Prattika tal-Istatistika Ewropea (Kodiċi ta' Prattika).

(15)

Huwa partikolarment importanti li jitkejlu l-irqajja' ta' qgħad estrem, inkluż il-qgħad fost iż-żgħażagħ fir-reġjuni transfruntieri.

(16)

Jenħtieġ li żieda xierqa fil-baġit għall-istatistika fil-livell tal-Unjoni tappoġġja t-tibdil għall-programm u l-ħidma li għaddejja mill-ESS b'rabta mal-effiċjenza billi ġġib valur miżjud sinifikanti u riżultati għal titjib fil-kwalità tad-data permezz ta' proġetti fuq skala kbira, effetti ta' ingranaġġ strutturali u ekonomiji ta' skala li jistgħu jtejbu s-sistemi statistiċi fl-Istati Membri kollha.

(17)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għall-estensjoni tal-programm biex ikopri l-perjodu mill-2018 sal-2020, li ser jikkostitwixxi l-ammont ta' referenza ewlieni, fis-sens tal-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (6), għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

(18)

Fl-estensjoni tal-programm, jenħtieġ li l-Kummissjoni (Eurostat) tagħti attenzjoni partikolari lill-konsegwenzi tal-ħruġ ta' Stat Membru mill-Unjoni.

(19)

Billi l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġi estiż il-programm statistiku Ewropew biex ikopri l-perjodu mill-2018 sal-2020, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jista' minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dak il-għan.

(20)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 223/2009, l-abbozz tal-proposta għal estensjoni tal-programm li jkopri l-perjodu mill-2018 sal-2020 ġie ppreżentat għal eżaminazzjoni minn qabel lill-Kumitat Ewropew tas-Sistema Statistika (ESSC), il-Kumitat Konsultattiv Ewropew tal-Istatistika, u l-Kumitat dwar l-Istatistika Monetarja, Finanzjarja u tal-Bilanċ tal-Pagamenti stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/856/KE (7).

(21)

Jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 99/2013 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 99/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Il-programm għandu jiġi estiż biex ikopri l-perjodu mill-2018 sal-2020.”;

(2)

l-Artikolu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 3

Kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament jipprovdi l-qafas ta' programmazzjoni għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea, l-oqsma ewlenin u l-objettivi tal-azzjonijiet maħsuba għall-perjodu mill-2013 sal-2020, skont l-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009.”;

(3)

fl-Artikolu 7(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-programm għall-2018 sal-2020 għandu jammonta għal EUR 218,1 miljun, kopert bil-perjodu ta' programmazzjoni 2014 sal-2020.”;

(4)

l-Artikolu 9 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 9

Programmi ta' ħidma annwali

Sabiex timplimenta l-programm, il-Kummissjoni għandha tadotta programmi ta' ħidma annwali li għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 u li għandhom jistabbilixxu l-għanijiet li għandhom jintlaħqu u r-riżultati mistennija, f'konformità mal-objettivi ġenerali u speċifiċi msemmija fl-Artikolu 4(1) u (2) ta' dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li ssir enfasi xierqa fuq azzjonijiet li għandhom l-għan li jippromwovu l-konformità mal-Kodiċi ta' Prattika. Kull programm ta' ħidma annwali għandu jiġi kkomunikat lill-Parlament Ewropew għal skopijiet ta' informazzjoni.”;

(5)

l-Artikolu 13 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 13

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri xierqa sabiex tiżgura li, meta jiġu implimentati attivitajiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu mħarsa permezz tal-applikazzjoni ta' miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta' kontrolli effikaċi u, jekk jinstabu irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-ammonti li ma kellhomx jitħallsu u, fejn ikun xieraq, permezz ta' penali amministrattivi u finanzjarji effikaċi, proporzjonati u dissważivi.

2.   Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri għandu jkollhom is-setgħa tal-awditjar, abbażi ta' dokumenti u ta' spezzjonijiet fuq il-post, fuq il-benefiċjarji kollha tal-għotjiet, il-kuntratturi u s-subkuntratturi li rċevew fondi tal-Unjoni skont il-programm.

3.   L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista' jwettaq investigazzjonijiet, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post f'konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (*2), bl-għan li jiġi stabbilit jekk tkunx twettqet frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'konnessjoni ma' ftehim ta' għotja jew deċiżjoni ta' għotja jew kuntratt iffinanzjat skont il-programm.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, il-ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, kuntratti, ftehimiet ta' għotja u deċiżjonijiet ta' għotja li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li b'mod espliċitu jagħtu setgħa lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF sabiex iwettqu t-tali awditi u investigazzjonijiet skont il-kompetenza rispettiva tagħhom.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, meta l-implimentazzjoni ta' azzjoni tiġi esternalizzata jew sottodelegata, kollha kemm hi jew parzjalment, jew meta tkun teħtieġ l-għoti ta' kuntratt ta' akkwist jew appoġġ finanzjarju li jingħata lil parti terza, il-kuntratt, il-ftehim ta' għotja jew id-deċiżjoni ta' għotja għandhom jinkludu l-obbligu tal-kuntrattur jew tal-benefiċjarju li jimponi fuq kwalunkwe parti terza involuta l-aċċettazzjoni espliċita ta' dawk is-setgħat tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Awdituri u tal-OLAF.

(*1)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1)."

(*2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).”;"

(6)

l-Artikolu 15 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Sal-31 ta' Diċembru 2019, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tippreżenta rapport ta' progress dwar l-implimentazzjoni tal-programm lill-ESSC. Dak ir-rapport għandu jinkludi l-fehma tal-Kummissjoni (Eurostat) dwar il-prospetti għall-programm fil-qafas finanzjarju pluriennali li jibda fl-2021. Dak ir-rapport għandu jiġi ppreżentat ukoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Sal-31 ta' Diċembru 2021, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-ESSC u mal-Kumitat Konsultattiv Ewropew tal-Istatistika, għandha tippreżenta rapport ta' evalwazzjoni finali dwar l-implimentazzjoni tal-programm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport għandu, b'mod partikolari, jevalwa:

(a)

l-eżitu tar-riprijoritizzazzjoni u l-evalwazzjoni tal-ispejjeż tal-prodotti statistiċi;

(b)

l-azzjonijiet meħuda mis-Sistema Ewropea tal-Istatistika biex jitnaqqsu l-ispejjeż ta' produzzjoni u implimentazzjoni għall-Istati Membri u biex jiġi limitat il-piż globali li jirriżulta mill-proġetti u l-oqsma statistiċi koperti minn dan il-programm;

(c)

il-progress fuq l-iffaċilitar u l-użu aktar faċli tal-aċċess għall-istatistika uffiċjali, inkluż il-forniment ta' data fuq is-sit web tal-Eurostat; u

(d)

l-progress fuq it-titjib tad-disponibbiltà tad-data, inkluż dwar l-attivitajiet li jikkonċernaw l-ekonomija soċjali u dwar l-indikaturi ta' Ewropa 2020.”;

(7)

l-Anness għar-Regulation (UE) Nru 99/2013 huwa emendat skont l-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta' Ottubru 2017.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

M. MAASIKAS


(1)  ĠU C 75, 10.3.2017, p. 53.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Settembru 2017 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2017.

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta' data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 dwar Statistika tal-Komunità u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 99/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2013 dwar il-programm statistiku Ewropew tal-2013–17 (ĠU L 39, 9.2.2013, p. 12).

(5)  Id-Deċiżjoni Nru 234/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2008 li tistabbilixxi l-Kumitat Ewropew ta' Konsultazzjoni dwar il-Politika Komunitarja ta' Tagħrif Statistiku u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 91/116/KEE (ĠU L 73, 15.3.2008, p. 13).

(6)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/856/KE tat-13 ta' Novembru 2006 li tistabbilixxi Kumitat dwar l-istatistika monetarja, finanzjarja u tal-bilanċ tal-pagamenti (ĠU L 332, 30.11.2006, p. 21).


ANNESS

L-Anness għar-Regolament (UE) Nru 99/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

it-titolu tal-Anness huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Infrastruttura statistika u objettivi tal-programm statistiku Ewropew 2013 sal-2020”;

(2)

l-introduzzjoni hija emendata kif ġej:

(a)

l-ewwel u t-tieni paragrafi huma sostitwiti b'dan li ġej:

“L-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni tirrikjedi informazzjoni statistika ta' kwalità għolja, komparabbli u affidabbli dwar is-sitwazzjoni ekonomika, soċjali, territorjali u ambjentali fl-Unjoni u l-komponenti tagħha fil-livell nazzjonali u reġjonali. L-istatistika Ewropea hija indispensabbli għall-Unjoni ukoll, billi tippermetti lill-pubbliku ġenerali u liċ-ċittadini Ewropej jifhmu u jieħdu sehem fil-proċess demokratiku u fid-dibattitu dwar l-istat preżenti u dak futur tal-Unjoni.

Il-programm jipprevedi l-qafas leġiżlattiv għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni ta' statistika Ewropea matul il-perjodu mill-2013 sal-2020.”;

(b)

ir-raba' paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“L-istatistika żviluppata, prodotta u disseminata fil-qafas tal-programm tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni, kif riflessi fit-TFUE Ewropa 2020 u l-inizjattivi ewlenin rispettivi tagħha, kif ukoll politiki oħra stabbiliti fil-prijoritajiet strateġiċi tal-Kummissjoni.”;

(3)

fl-Għanijiet, l-għan 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“—

Għan 1: il-provvista ta' informazzjoni statistika, f'waqtu u b'mod kosteffiċjenti, mingħajr duplikazzjoni żejda tal-isforzi, għall-appoġġ tal-iżvilupp, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politiki tal-Unjoni li jirriflettu tajjeb il-prijoritajiet, filwaqt li jinżamm bilanċ bejn l-oqsma ekonomiċi, soċjali, territorjali u ambjentali u jiġu moqdija l-ħtiġijiet tal-firxa wiesgħa ta' utenti tal-istatistika Ewropea, inklużi entitajiet oħra li jieħdu d-deċiżjonijiet, riċerkaturi, negozji u ċittadini Ewropej b'mod ġenerali;”;

(4)

it-Taqsima I. Riżultati Statistiċi hija emendata kif ġej:

(a)

fil-punt 1.1. Ewropa 2020, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“L-approvazzjoni ta' Ewropa 2020 sawret fil-parti l-kbira l-aġenda strateġika għall-Unjoni u l-politiki nazzjonali għas-snin li ġejjin. Fil-qafas ta' dik l-aġenda, ġew maqbula għadd ta' miri u inizjattivi li l-ESS trid tforni indikaturi statistiċi għalihom f'għadd ta' oqsma, bħal: titjib tal-kundizzjonijiet għall-innovazzjoni; riċerka u l-iżvilupp; promozzjoni ta' impjiegi deċenti; promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi; kisba tal-objettivi tal-Unjoni dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima; effiċjenza fir-riżorsi; titjib tal-livelli edukattivi, fosthom it-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola; żieda fit-taħriġ vokazzjonali tul il-ħajja u l-mobbiltà tat-tagħlim; tixjiħ attiv u b'saħħtu; promozzjoni tal-inklużjoni soċjali; u tnaqqis tal-faqar. Meta jkun xieraq, tinħtieġ statistika diżaggregata skont is-sessi sabiex wieħed jifhem x'tinvolvi d-diskriminazzjoni sesswali, b'enfasi fuq il-vjolenza sessista.”;

(b)

l-għan 1.1.1 huwa emendat kif ġej:

(i)

l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Il-provvista ta' informazzjoni statistika ta' kwalità għolja, li għandha tkun disponibbli b'mod li jkun f'waqtu għas-Semestru Ewropew, sabiex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni ta' Ewropa 2020. L-indikaturi l-ġodda għandhom, safejn possibbli, ikunu bbażati fuq data statistika disponibbli.”;

(ii)

ir-raba' inċiż tat-tieni paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“—

indikaturi dwar l-impjiegi li jiddistingwu bejn xogħol part-time u xogħol full-time u bejn kuntratti ta' terminu fiss u kuntratti permanenti, kif ukoll indikaturi dwar il-qgħad li fihom jitqiesu l-persuni f'politiki ta' attivazzjoni bħat-taħriġ. Dawn l-indikaturi għandhom jinkludu wkoll data dwar id-distakk bejn is-sessi.”;

(c)

fl-għan 1.2.1, it-tieni inċiż tat-tieni paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“—

il-provvista ta' input statistiku għal Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir imtejjeb immirat b'mod speċifiku lejn il-produzzjoni u l-provvediment ta' statistika ta' kwalità għolja dwar id-defiċit u d-dejn tal-gvern;

l-għoti ta' input statistiku għal monitoraġġ effiċjenti tal-inugwaljanzi ekonomiċi.”;

(d)

l-għan 1.3.1 huwa emendat kif ġej:

(i)

l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“It-titjib tal-indikaturi u l-informazzjoni statistika disponibbli dwar il-globalizzazzjoni ekonomika u l-katini ta' valur globali għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-Unjoni u għall-pubbliku. Dik l-informazzjoni għandha twassal biex jinftiehem aħjar l-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-globalizzazzjoni.”;

(ii)

it-tielet inċiż tat-tieni paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“—

il-provvista ta' data li tippermetti analiżi tal-konsegwenzi pożittivi u negattivi għas-suq tal-Unjoni, b'mod partikolari s-suq tax-xogħol tal-Unjoni;

l-analiżi tal-katini ta' valur globali, possibilment permezz ta' tabelli xierqa ta' input/riżultati, u l-istatistika dwar il-kummerċ u n-negozju barranin, inkluż il-ħolqien ta' konnessjonijiet ta' mikrodata; u l-koordinazzjoni tar-riżultati ta' din l-analiżi fl-inizjattivi internazzjonali ta' interess għall-Unjoni; u”;

(e)

il-punt 2. Oqfsa ta' kontabilità huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Oqfsa ta' kontabilità

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Awwissu 2009 intitolata ‘Il-PDG u lil hinn: Inkejlu l-progress f'dinja li dejjem tinbidel’ (‘Il-PDG u lil hinn’), u l-pubblikazzjoni tar-Rapport Stiglitz-Sen-Fitoussi dwar il-Kejl tal-Prestazzjoni Ekonomika u l-Progress Soċjali, taw impetu ġdid lill-isfida ewlenija għall-ESS, prinċipalment kif tista' tinkiseb statistika aħjar dwar kwistjonijiet trażversali u statistika iżjed integrata sabiex jiġu deskritti fenomeni soċjali, ambjentali u ekonomiċi kumplessi lil hinn mill-miżuri tradizzjonali tar-riżultati ekonomiċi. Il-ħidma fuq il-PDG u lil hinn fl-ESS tiffoka fuq tliet oqsma ta' prijorità: l-istatistika dwar is-settur tal-unitajiet domestiċi u l-istatistika li tkejjel id-distribuzzjoni tad-dħul, il-konsum u l-ġid; il-kejl tal-kwalità tal-ħajja b'mod multidimensjonali; u l-kejl tas-sostenibbiltà ambjentali. L-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli dinjija ġodda adottati fl-2015 jipprovdu aktar impetu. Is-Sistema Ewropea tal-Kontijiet Nazzjonali u Reġjonali (ESA) toffri qafas integrat u konsistenti għall-istatistika ekonomika kollha li għandha tiġi kkumplimentata minn indikaturi oħra sabiex tingħata informazzjoni iżjed komprensiva għat-tfassil tal-politika u t-teħid ta' deċiżjonijiet. L-implimentazzjoni sħiħa tal-ESA 2010 ser tkun appoġġjata minn valutazzjonijiet regolari tal-kwalità u tal-konformità, billi titqies l-iskadenza progressiva tad-derogi sal-2020, li twassal għal titjib ulterjuri fil-puntwalità u d-disponibbiltà tal-indikaturi.”;

(f)

il-punt 2.1. Prestazzjoni ekonomika u soċjali huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.1.   Prestazzjoni ekonomika u soċjali

Il-kriżi ekonomika żiedet il-ħtieġa li jkun hemm indikaturi makroekonomiċi ta' kwalità għolja sabiex jiġu mifhuma u analizzati aħjar kemm iċ-ċaqliq ekonomiku kif ukoll sabiex jiġu mifhuma u analizzati aħjar l-evoluzzjoni ta' inugwaljanzi ekonomiċi u l-effetti tagħhom fuq is-soċjetà, biex b'hekk jiġi ffaċilitat il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Peress li l-produzzjoni qiegħda ssir dejjem aktar globalizzata, jeħtieġ li jiġi żviluppat qafas konsistenti li jiffaċilita l-interpretazzjoni u l-integrazzjoni tal-istatistika minn oqsma differenti.”;

(g)

fl-għan 2.1.1, it-tieni paragrafu huwa emendat kif ġej:

(i)

it-tieni inċiż huwa sostitwit b'dan li ġej:

“—

il-produzzjoni ta' indikaturi dwar id-distribuzzjoni tal-introjtu, tal-konsum u tal-ġid fost l-unitajiet domestiċi, u r-rikonċiljazzjoni tal-aggregati tal-kontijiet nazzjonali mad-data tal-istħarriġ tal-unitajiet domestiċi jew mad-data amministrattiva;”;

(ii)

ir-raba' inċiż huwa sostitwit b'dan li ġej:

“—

it-tisħiħ ta' rabtiet mal-kontijiet nazzjonali fl-oqsma tal-protezzjoni soċjali, is-saħħa u l-edukazzjoni;

l-iżvilupp ta' qafas għall-kejl tal-kwalità tal-ħajja, li jsaħħaħ il-perspettiva tal-unitajiet domestiċi fil-kontijiet nazzjonali;

l-iżvilupp ta' indikaturi relatati mal-‘PDG u lil hinn’ li jkejlu s-sostenibbiltà ambjentali u l-effetti esterni b'perspettiva ta' kontabilità nazzjonali;”;

(iii)

l-inċiżi li ġejjin jiddaħħlu wara l-ħames inċiż:

“—

l-iżvilupp ulterjuri ta' indikaturi soċjali f'waqthom, inklużi tekniki avvanzati għal previżjoni immedjata (now-casting) u estimi immedjati;

l-appoġġ għall-kondiviżjoni tad-data internazzjonali għal data makroekonomika biex jitnaqqas il-piż għall-produtturi tad-data u titjieb id-disponibbiltà ta' data komparabbli u konsistenti għall-utenti;

l-iżvilupp u l-irfinar ta' indikaturi aggregati tad-dħul u ta' aspetti ta' inugwaljanza fil-ġid;

il-kejl u l-analiżi tal-inugwaljanza bejn is-sessi, inkluża d-differenza fil-pagi;”;

(h)

fl-għan 2.1.2, l-aħħar inċiż tat-tieni paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“—

id-disponibbiltà u l-estensjoni ta' statistika armonizzata dwar il-prezzijiet tad-djar għall-Istati Membri kollha.”;

(i)

fl-għan 2.2.1, t-tieni paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“L-għan ser jiġi implimentat permezz ta':

l-iżvilupp ulterjuri ta' sistema koerenti ta' kontijiet ambjentali bħala “kontijiet satellita” tal-kontijiet nazzjonali ewlenin, li tipprovdi informazzjoni dwar l-emissjonijiet atmosferiċi, il-konsum tal-enerġija, il-flussi ta' riżorsi naturali, il-kummerċ fil-materja prima, it-tassazzjoni ambjentali u l-infiq fuq il-protezzjoni ambjentali, possibilment bl-inklużjoni tat-tkabbir/tal-akkwist ekoloġiku;

l-iżvilupp ulterjuri ta' kontijiet sperimentali tal-ekosistemi li jippermettu l-użu ta' data eżistenti, inklużi dawk miġbura mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni, bħala parti minn inizjattiva ta' integrazzjoni tad-data fit-tul;

l-iżvilupp ulterjuri ta' ħidma biex isir użu aħjar minn ġabriet ta' data eżistenti għal statistika relatata mat-tibdil fil-klima; u

l-iżvilupp ulterjuri ta' indikaturi li jkejlu l-‘impronti’ ambjentali abbażi ta' data eżistenti.”;

(j)

l-għan 3.1.1 huwa emendat kif ġej:

(i)

l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Żieda tal-effiċjenza u l-effikaċja tal-proċessi ta' produzzjoni tal-istatistika. F'konformità mal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar, il-leġiżlazzjoni eżistenti relatata mal-pilastru tal-istatistika kummerċjali jeħtieġ tiġi simplifikata. F'dan il-kuntest, għandha tingħata konsiderazzjoni xierqa għar-riżorsi limitati disponibbli għall-produtturi u għall-piż globali fuq ir-rispondenti f'konformità mal-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) tal-Kummissjoni. Il-provvista ta' statistika ta' kwalità għolja dwar oqsma ewlenin fejn l-impriżi huma ċ-ċentru tal-interess, bħal statistika kummerċjali, indikaturi fuq perjodu qasir, l-investiment tagħhom fil-kapital u l-ħiliet umani, it-tranżazzjonijiet internazzjonali, il-globalizzazzjoni, il-monitoraġġ tas-suq intern, ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, u t-turiżmu. Għandha tingħata attenzjoni speċjali għad-disponibbiltà ta' data f'setturi industrijali u tas-servizzi ta' valur miżjud għoli, b'mod partikolari fl-ekonomija ekoloġika, diġitali, kollaborattiva, tas-saħħa, edukattiva u soċjali.”;

(ii)

l-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“—

l-użu mill-ġdid ta' data disponibbli fis-sistema statistika jew fis-soċjetà, l-istabbiliment ta' bażi ġuridika komuni għall-istatistika kummerċjali u l-produzzjoni ta' infrastruttura komuni u ta' għodod komuni;”;

(k)

l-għan 3.2.1 huwa emendat kif ġej:

(i)

l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Il-provvista ta' statistika dwar l-oqsma ewlenin ta' politika soċjali fejn iċ-ċittadin ikun iċ-ċentru tal-interess, bħal: il-benesseri; is-sostenibbiltà; il-koeżjoni soċjali; il-faqar; l-inugwaljanzi;, l-isfidi demografiċi b'mod partikolari t-tixjiħ tal-popolazzjoni, id-depopolazzjoni, it-tixrid tal-popolazzjoni u l-migrazzjoni; is-suq tax-xogħol; l-edukazzjoni u t-taħriġ, inklużi l-edukazzjoni tul it-tfulija, it-tagħlim tal-adulti, it-taħriġ vokazzjonali u l-mobbiltà tat-tagħlim taż-żgħażagħ; il-kultura; l-attività fiżika; il-kwalità tal-ħajja; is-sikurezza; is-saħħa; id-diżabbiltà; il-konsum; il-moviment ħieles u s-suq intern; il-mobbiltà taż-żgħażagħ; l-innovazzjoni teknoloġika u għażliet ta' stili ġodda ta' ħajja. Fejn ikun xieraq, dik l-istatistika għandha tiġi diżaggregata skont is-sess, għal gruppi li jkunu ta' interess speċjali għal dawk li jfasslu l-politika soċjali. Il-prijoritajiet għandhom jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 6. F'konformità mal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar, il-leġiżlazzjoni eżistenti relatata mal-pilastru tal-istatistika soċjali jeħtieġ tiġi simplifikata. F'dan il-kuntest, jenħtieġ li tingħata konsiderazzjoni xierqa għar-riżorsi — limitati — disponibbli għall-produtturi u għall-piż globali fuq ir-rispondenti f'konformità mar- REFIT.”;

(ii)

ir-raba' inċiż tat-tieni paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“—

il-provvista ta' statistika dwar l-inugwaljanzi tal-introjtu, b'indikaturi bħall-koeffiċjent Gini u l-evoluzzjoni tad-deċili superjuri tad-distribuzzjoni tal-introjtu, li tipprovdi indikatur ewlieni nazzjonali paragunabbli, kif ukoll data dwar l-inugwaljanzi tal-aċċess għal beni u servizzi bażiċi;”;

(iii)

is-seba' inċiż tat-tieni paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“—

l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet tal-programm ta' ħidma dwar l-integrazzjoni tal-istatistika dwar il-migrazzjoni billi jitqiesu l-isfidi ġodda, b'mod partikolari l-iżviluppi internazzjonali;

il-forniment ta' projezzjonijiet tal-popolazzjoni u tal-aġġornamenti annwali tagħhom;

l-iżvilupp ta' indikaturi komprensivi dwar is-sitwazzjoni tal-migranti fl-Unjoni;

kooperazzjoni ulterjuri ma' aġenziji u organiżżazzjonijiet speċjalizzati dwar is-sitwazzjoni tar-rifuġjati;

l-iżvilupp ta' metodoloġija għal stħarriġ fuq bażi volontarja dwar il-vjolenza ta' natura sessista, f'kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji Ewropej li jaħdmu f'dan il-qasam;

it-twaqqif ta' bażi ġuridika komuni għall-istatistika soċjali u l-produzzjoni ta' infrastruttura u għodod komuni;”;

(l)

fil-punt 3.3. Statistika ġeospazjali, ambjentali, agrikola u statistika settorjali oħra, it-tielet paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“L-agrikoltura se tibqa' qasam ta' politika importanti tal-Unjoni. Il-Politika Agrikola Komuni tenfasiżża l-ħtieġa għal produzzjoni vijabbli tal-ikel, għal ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-azzjoni dwar il-klima u għal żvilupp territorjali bbilanċjat, li huma l-għanijiet prinċipali ta' dik il-politika. L-enfasi ser ikun fuq id-dimensjonijiet ambjentali, dawk relatati mal-bijodiversità/l-ekosistema, dawk ekonomiċi, tas-saħħa u s-sikurezza tal-bnedmin u dawk soċjali.”;

(m)

l-għan 3.3.1 huwa emendat kif ġej:

(i)

l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“L-appoġġ għat-tfassil ta' politika abbażi tal-evidenza b'użu iżjed flessibbli u użu akbar ta' informazzjoni spazjali kkombinata ma' informazzjoni statistika soċjali, territorjali, ekonomika u ambjentali għal reġjuni, tipoloġiji reġjonali, bliet u l-grad tal-urbanizzazzjoni.”;

(ii)

jiżdiedu l-inċiżi li ġejjin fit-tieni paragrafu:

“—

l-implimentazzjoni tal-użu tal-istatistika dwar l-użu tal-artijiet u l-kopertura tal-artijiet;

il-koordinazzjoni ta' data statistika għal reġjuni, bliet u tipoloġiji territorjali.”;

(n)

l-għan 3.3.3 huwa emendat kif ġej:

(i)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej wara l-ewwel paragrafu:

“F'konformità mal-prijorità tal-‘Unjoni Ewropea tal-Enerġija’ tal-Kummissjoni, u kemm jista' jkun abbażi tad-data eżistenti, se ssir enfasi partikolari fuq l-istatistika relatata mal-konsum tal-enerġija, l-effiċjenza enerġetika, is-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, id-dipendenza enerġetika, l-aspetti relatati mal-faqar enerġetiku u s-sigurtà tal-provvista u l-ekonomija ċirkolari. Barra minn hekk, l-istatistika dwar l-enerġija jeħtieġ li tappoġġja l-qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 li għandu l-għan li jagħmel is-sistema tal-ekonomija u tal-enerġija tal-Unjoni aktar kompetittiva, sigura u sostenibbli.”;

(ii)

jiżdied l-inċiż li ġej fit-tieni paragrafu:

“—

id-dipendenza enerġetika u s-sigurtà tal-provvista.”;

(o)

l-għan 3.3.4 huwa emendat kif ġej:

(i)

l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Il-provvista ta' statistika dwar l-agrikoltura, l-industrija tas-sajd u l-forestrija għall-iżvilupp u l-monitoraġġ tal-Politiki Komuni dwar l-Agrikoltura u s-Sajd, li tirrifletti l-objettivi strateġiċi ewlenin tal-Unjoni relatati mas-sostenibbiltà, kif ukoll mal-iżvilupp rurali, bit-twettiq ta' attivitajiet regolari relatati mal-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika. F'konformità mal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar, il-leġiżlazzjoni eżistenti relatata mal-pilastru tal-istatistika agrikola jeħtieġ tiġi simplifikata. F'dan il-kuntest, għandha tingħata konsiderazzjoni xierqa għar-riżorsi limitati għall-produtturi u għall-piż globali fuq ir-rispondenti f'konformità mar-REFIT.”;

(ii)

jiżdiedu l-inċiżi li ġejjin fit-tieni paragrafu:

“—

it-tħejjija u l-implimentazzjoni taċ-ċensiment agrikolu previst għall-2020;

lit-twaqqif ta' bażi ġuridika komuni għall-istatistika relatata mal-agrikolatura u l-produzzjoni ta' infrastruttura u għodod komuni.”;

(5)

il-taqsima II. Metodi ta' Produzzjoni tal-Istatistika Ewropea huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu introduttorju huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Attwalment l-ESS qiegħda tiffaċċja numru ta' sfidi. L-aspettattivi dwar il-kamp ta' applikazzjoni, il-kwalità u l-komparabbiltà tal-istatistika Ewropea qed jiżdiedu. Bil-globalizzazzjoni, ħarġet realtà kumplessa li jeħtieġ li tiġi riflessa fl-istatistika uffiċjali u tqajjem sfidi metodoloġiċi. Id-disponibbiltà dejjem tiżdied tad-data minn fornituri privati u pubbliċi toffri l-potenzjal għal titjib fil-puntwalità u r-rilevanza tal-istatistika uffiċjali kif ukoll biex jitnaqqas il-piż tar-rispons. Biex tiffaċċja dawn l-isfidi, fl-istess waqt li qed taffronta restrizzjonijiet fuq ir-riżorsi, l-ESS b'mod gradwali ser timplimenta l-għanijiet strateġiċi definiti fil-Viżjoni 2020 tal-ESS, billi tibni fuq approċċ olistiku biex tikseb titjib fil-kwalità u fl-effiċjenza:

biex tinvolvi ruħha b'mod proattiv fi djalogu regolari mal-utenti biex tifhem b'mod aktar profond il-ħtiġijiet tagħhom, filwaqt li tirrikonoxxi li gruppi ta' utenti differenti għandhom ħtiġijiet differenti li jeħtieġ li jiġu indirizzati b'mod korrett;

biex tipprovdi prodotti u servizzi ta' kwalità għolja u tapplika approċċ ta' kwalità għall-ġestjoni, l-organizzazzjoni, u l-governanza tal-ESS;

biex tibbaża prodotti u servizzi tal-istatistika kemm fuq stħarriġ tradizzjonali kif ukoll fuq sorsi oħra, fosthom data amministrattiva, ġeospazjali u, fejn possibbli, big data;

biex tikseb aċċess għal sorsi tad-data ġodda, toħloq metodi u ssib teknoloġija xierqa sabiex tuża dawn is-sorsi tad-data biex tipproduċi statistika Ewropea b'mod affidabbli;

biex ittejjeb l-effiċjenza tal-produzzjoni statistika billi tintensifika aktar il-kondiviżjoni tal-għarfien, l-esperjenzi u l-metodoloġiji iżda wkoll billi tikkondividi l-għodod, id-data, is-servizzi u r-riżorsi fejn xieraq u debitament ġustifikat. Il-kollaborazzjoni ser tkun ibbażata fuq standards maqbula u elementi komuni ta' infrastruttura teknoloġika u tal-istatistika;

biex timplimenta strateġija ta' disseminazzjoni u komunikazzjoni għall-istatistika Ewropea li tkun flessibbli biżżejjed biex tadatta għal teknoloġiji emerġenti, tagħti gwida f'dinja ta' rivoluzzjoni tad-data u sservi ta' pilastru affidabbli għad-demokrazija.”;

(b)

fl-għan 1.1, l-ewwel inċiż tat-tielet paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“—

l-introduzzjoni ta' mekkaniżmu ta' assigurazzjoni tal-kwalità ġdid, integrat, effettiv u adatt għall-iskop ibbażat fuq il-Kodiċi ta' Prattika u l-Qafas tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità tas-ESS;

il-valutazzjoni tal-konformità mal-Kodiċi ta' Prattika;”;

(c)

l-għan 4.1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-paragrafu li ġej jiddaħħal qabel l-ewwel paragrafu:

“Iċ-ċittadini Ewropej għandhom ikunu jistgħu jiksbu faċilment u mingħajr xkiel statistika Ewropea sabiex ikunu jistgħu jużaw din id-data għall-edukazzjoni u t-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom. Dan l-objettiv se jiġi implimentat permezz tat-tisħiħ tal-faċilità tal-użu tal-istatistika Ewropea u billi jiġi ffaċilitat l-aċċess għad-data. Għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-irkuprabilità u l-konvertibbiltà faċli tad-data statistika għall-użu prattiku, inkluż permezz ta' graffs u mapep. Iżjed ċittadini għandhom jibbenefikaw mill-istatistika Ewropea u b'hekk jingħata kontribut effikaċi għat-tisħiħ tad-disseminazzjoni ta' informazzjoni statistika fis-soċjetà kollha.”;

(ii)

l-inċiż li ġej jiżdied mal-ħames paragrafu:

“—

l-identifikazzjoni ta' rekwiżiti tad-data attwali u futuri biex jiġu offruti prodotti u servizzi tad-data bi skop multiplu u mfassla apposta għall-utent finali”;

(d)

fl-Għan 5.1, jiddaħħal l-inċiż ġdid li ġej wara t-tielet inċiż tar-raba' paragrafu kif ġej:

“—

l-analiżi tal-ħtiġijiet għal ħiliet ġodda relatati max-xjenza tad-data u l-integrazzjoni tagħhom fi programmi ta' taħriġ;”;

(6)

fill-Taqsima III. Sħubija, l-inċiżi li ġejjin jiddaħħlu wara r-raba' inċiż tat-tieni paragrafu tal-għan 1.4:

“—

iż-żieda fl-għarfien taċ-ċittadini Ewropej dwar l-importanza ta' statistika uffiċjali u l-komunikazzjoni ta' din l-istatistika lill-partijiet interessati kollha billi jiġi ċċelebrat il-Jum Ewropew tal-Istatistika fl-20 ta' Ottubru ta' kull sena;

id-disseminazzjoni ta' data statistika rilevanti biex tappoġġja l-Politika Ewropea tal-Viċinat u l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni rispettivi;

il-promozzjoni ta' valuri u inizjattivi Ewropej bħall-Kodiċi ta' Prattika, l-Oqfsa tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità tal-ESS, u l-approċċi ta' standardizzazzjoni u armonizzazzjoni għar-reġjuni u l-pajjiżi terzi;”.