26.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 276/22


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1945

tad-19 ta' Ġunju 2017

li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward ta' notifiki minn u lill-applikanti u ditti tal-investiment awtorizzati skont id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (1) u b'mod partikolari t-tielet sottoparagrafu tal-Artikolu 7(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Huwa xieraq li jiġu stabbiliti forom, formoli u proċeduri standard komuni biex jiġi żgurat li jkun hemm mekkaniżmu wieħed li permezz tiegħu l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jeżerċitaw b'mod effettiv is-setgħat tagħhom fir-rigward tal-awtorizzazzjoni ta' ditti għall-provvista ta' servizzi ta' investiment u attivitajiet tal-investiment u, meta rilevanti, ta' servizzi anċillari.

(2)

Biex tiġi ffaċilitata il-komunikazzjoni bejn applikant li jkun qiegħed ifittex awtorizzazzjoni bħala ditta tal-investiment skont it-Titolu II tad-Direttiva 2014/65/UE u l-awtorità kompetenti, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jaħtru punt ta' kuntatt speċifikament għall-għan tal-proċess ta' applikazzjoni u għandhom jippubblikaw informazzjoni dwar il-punt ta' kuntatt fuq is-sit web tagħhom.

(3)

Sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jivvalutaw jekk il-bidliet fil-korp maniġerjali tad-ditta jistgħux ikunu ta' theddida għall-ġestjoni effettiva, soda u prudenti tad-ditta, u biex b'mod adegwat jitqiesu l-interessi tal-klijenti tagħha u l-integrita tas-suq, għandhom jiġu definiti limiti taż-żmien ċari għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni dwar dawk il-bidliet.

(4)

Id-ditti għandhom jiġu eżentati mir-rekwiżit li jippreżentaw informazzjoni dwar bidliet lill-korp maniġerjali qabel din il-bidla tidħol fis-seħħ, jekk il-bidla hija dovuta għal fatturi li mhumiex fil-kontroll tad-ditta, bħal fil-każ ta' mewt ta' membru tal-korp maniġerjali. F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-impriżi għandhom jitħallew jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti fi żmien 10 t'ijiem ta' xogħol wara li jkun sar it-tibdil.

(5)

Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) tapplika għall-ipproċessar ta' dejta personali mill-Istati Membri fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(6)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni sottomess mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) lill-Kummissjoni.

(7)

L-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ħatra ta' punt ta' kuntatt

L-awtoritajiet kompetenti jaħtru punt ta' kuntatt għall-ġestjoni tal-informazzjoni kollha li tasal mingħand l-applikanti li jkunu qegħdin ifittxu awtorizzazzjoni bħala ditta tal-investiment f'konformità mat-Titolu II tad-Direttiva 2014/65/UE. Id-dettalji ta' kuntatt dwar il-punt ta' kuntatt maħtur ikunu ppubblikati u aġġornati regolarment fuq is-siti web tal-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 2

Preżentazzjoni tal-applikazzjoni

1.   Applikant li jkun qed jipprova jingħata awtorizzazzjoni bħala ditta tal-investiment f'konformità mat-Titolu II tad-Direttiva 2014/65/UE jippreżenta lill-awtorità kompetenti l-applikazzjoni tiegħu billi jimla l-mudell stabbilit fl-Anness I.

2.   L-applikant jinnotifika lill-awtorità kompetenti bl-informazzjoni dwar il-membri kollha tal-korp maniġerjali tiegħu billi jimla l-mudell stabbilit fl-Anness II.

Artikolu 3

Riċevuta tal-formola ta' applikazzjoni u konferma tar-riċevuta

Fi żmien 10 t'ijiem ta' xogħol mill-wasla tal-applikazzjoni, l-awtorità kompetenti tibgħat konferma ta' riċevuta lill-applikant, inklużi d-dettalji ta' kuntatt tal-punt ta' kuntatt maħtur kif imsemmi fl-Artikolu 1.

Artikolu 4

Talba għal informazzjoni addizzjonali

Fejn informazzjoni addizzjonali hija meħtieġa biex tipproċedi b'valutazzjoni tal-applikazzjoni, l-awtorità kompetenti tibgħat talba lill-applikant li tindika l-informazzjoni li għandha tingħata.

Artikolu 5

Notifika ta' bidla fis-sħubija tal-korp maniġerjali

1.   Ditta ta' investiment għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti bi kwalunkwe bidla fis-sħubija tal-korp maniġerjali tagħha qabel tali bidla tidħol fis-seħħ.

Fejn, għal raġunijiet sostanzjati, in-notifika ma tistax issir qabel ma l-bidla tidħol fis-seħħ, din issir fi żmien 10 t' ijiem ta' xogħol wara l-bidla.

2.   Id-ditta ta' investiment tipprovdi l-informazzjoni dwar il-bidla skont il-paragrafu 1 skont il-format stabbilit fl-Anness III.

Artikolu 6

Komunikazzjoni tad-deċiżjoni

L-awtorità kompetenti tgħarraf lill-applikant dwar id-deċiżjoni tagħha li tagħti jew ma tagħtix l-awtorizzazzjoni f'forma stampata, b'mezz elettroniku jew bit-tnejn li huma, fi żmien il-perjodu ta' sitt xhur tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2014/65/UE.

Artikolu 7

Id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan japplika mit-3 ta' Jannar 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.

(2)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


ANNESS I

Formola ta' Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni bħala Ditta tal-Investiment

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS II

Lista ta' membri tal-korp maniġerjali

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS III

Notifika ta' informazzjoni dwar tibdil fil-kompożizzjoni tal-korp maniġerjali

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni