8.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 205/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1430

tat-18 ta' Mejju 2017

li jissupplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trademark Komunitarja u li jirrevoka r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 u (KE) Nru 216/96

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta' Frar 2009 dwar it-trademark Komunitarja (1), b'mod partikolari l-Artikolu 42a, l-Artikolu 43(3), l-Artikolu 57a, l-Artikolu 65a, l-Artikolu 77(4), l-Artikolu 78(6), l-Artikolu 79(5), l-Artikolu 79b(2), l-Artikolu 79c(5), l-Artikolu 80(3), l-Artikolu 82a(3), l-Artikolu 93a, l-Artikolu 136b, l-Artikolu 154a(3) u l-Artikolu 156(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (2), li kien ikkodifikat bħala r-Regolament (KE) Nru 207/2009, ħoloq sistema speċifika għall-Unjoni għall-protezzjoni tat-trademarks li jridu jinkisbu fil-livell tal-Unjoni fuq il-bażi ta' applikazzjoni quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (“l-Uffiċċju”).

(2)

Ir-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) li jemenda r-Regolament (KE) Nru 207/2009 jallinja s-setgħat mogħtijin fih lill-Kummissjoni mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Sabiex jikkonformaw mal-qafas legali l-ġdid li jirriżulta minn dak l-allinjament, ċerti regoli għandhom jiġu adottati permezz ta' atti ta' implimentazzjoni u delegati. Ir-regoli l-ġodda għandhom jiġu applikati minflok ir-regoli eżistenti li huma stabbiliti fir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 (4) u (KE) Nru 216/96 (5) u jimmiraw għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 207/2009. Għalhekk għandhom jitħassru r-Regolamenti (KE) Nru 2868/95 u (KE) Nru 216/96.

(3)

Ir-regoli proċedurali dwar l-oppożizzjoni għandhom jiżguraw eżaminazzjoni u reġistrazzjoni effettivi, effiċjenti u mħaffa tal-applikazzjonijiet għat-trademarks tal-UE mill-Uffiċċju bl-użu ta' proċedura li hija trasparenti, dettaljata, ġusta u ekwa. Sabiex jissaħħu ċ-ċertezza tad-dritt u ċ-ċarezza, dawk ir-regoli dwar l-oppożizzjoni għandhom iqisu r-raġunijiet relattivi estiżi għaċ-ċaħda stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 207/2009 b'mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżiti għall-ammissibbiltà u s-sostanzjar tal-proċedimenti ta' oppożizzjoni, u jiġu aġġustati biex jirriflettu aħjar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u biex jikkodifikaw il-prattika attwali tal-Uffiċċju.

(4)

Sabiex ikun hemm sistema tat-trademarks iktar flessibbli, konsistenti u moderna fl-Unjoni, filwaqt li tiġi żgurata ċ-ċertezza tad-dritt, jixraq li jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-partijiet fi proċedimenti inter-partes billi jitnaqqsu r-rekwiżiti għas-sostanzjar tad-drittijiet preċedenti f'każijiet li fihom il-kontenut tal-evidenza rilevanti jkun aċċessibbli online minn sors rikonoxxut mill-Uffiċċju, kif ukoll ir-rekwiżit li tiġi ppreżentata evidenza bil-lingwa tal-proċedimenti.

(5)

Fl-interess taċ-ċarezza u taċ-ċertezza tad-dritt, huwa importanti li jiġu speċifikati r-rekwiżiti biex tiġi emendata applikazzjoni għal trademark tal-UE b'mod ċar u eżawrjenti.

(6)

Ir-regoli proċedurali li jirregolaw ir-revoka u d-dikjarazzjoni ta' invalidità ta' trademark tal-UE għandhom jiżguraw li trademark tal-UE tkun tista' tiġi rrevokata jew iddikjarata invalida b'mod effettiv u effiċjenti permezz ta' proċeduri trasparenti, dettaljati, ġusti u ekwi. Għal raġunijiet ta' aktar ċarezza, konsistenza kif ukoll effiċjenza u ċertezza tad-dritt, ir-regoli proċedurali li jirregolaw ir-revoka u d-dikjarazzjoni ta' invalidità ta' trademark tal-UE għandhom ikunu allinjati ma' dawk applikabbli għal proċedimenti ta' oppożizzjoni, filwaqt li jinżammu biss dawk id-differenzi li huma meħtieġa minħabba n-natura speċifika tal-proċedimenti ta' revoka u d-dikjarazzjoni ta' invalidità. Barra minn hekk, it-talbiet għaċ-ċessjoni ta' trademark tal-UE rreġistrata f'isem aġent mhux awtorizzat għandhom isegwu l-istess proċess proċedurali bħall-proċedimenti ta' invalidità, li fil-prattika jservu bħala alternattiva għall-invalidazzjoni tal-marka.

(7)

Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (6), sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor, l-Uffiċċju jgawdi minn setgħat diskrezzjonali meta jeżamina evidenza li tasal tard, ippreżentata għall-fini ta' sostanzjar ta' oppożizzjoni jew bħala prova ta' użu ġenwin tal-marka preċedenti fil-kuntest ta' proċedimenti ta' oppożizzjoni jew invalidità. Sabiex tiġi żgurata ċertezza tad-dritt, il-limiti rilevanti ta' dik id-diskrezzjoni għandhom ikunu riflessi biċ-ċar fir-regoli li jirregolaw il-proċedimenti ta' oppożizzjoni jew il-proċedimenti għad-dikjarazzjoni ta' invalidità tat-trademarks tal-UE.

(8)

Sabiex tkun tista' ssir reviżjoni effettiva, effiċjenti, fil-kamp ta' applikazzjoni tal-appell iddefinit mill-partijiet, u kompluta tad-deċiżjonijiet meħudin mill-Uffiċċju fl-ewwel istanza permezz ta' proċedura tal-appell trasparenti, dettaljata, ġusta u imparzjali adattata għan-natura speċifika tal-liġi dwar il-proprjetà intellettwali u fid-dawl tal-prinċipji stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 207/2009, jixraq li jissaħħu ċ-ċertezza tad-dritt u l-prevedibbiltà billi jiġu ċċarati u speċifikati r-regoli proċedurali u l-garanziji proċedurali tal-partijiet, b'mod partikolari meta konvenut jagħmel użu mid-dritt li jippreżenta kontroappell.

(9)

Sabiex tiġi żgurata organizzazzjoni effettiva u effiċjenti tal-Bordijiet tal-Appell, il-President, iċ-chairpersons u l-membri tal-Bordijiet tal-Appell għandhom, meta jeżerċitaw il-funzjonijiet rispettivi mogħtija lilhom mir-Regolament (KE) Nru 207/2009 u minn dan ir-Regolament, ikunu meħtieġa jiżguraw kwalità għolja u konsistenza tad-deċiżjonijiet meħudin b'mod indipendenti mill-Bordijiet fuq appelli kif ukoll l-effiċjenza tal-proċedimenti ta' appell.

(10)

Sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tal-President, iċ-chairpersons u l-membri tal-Bordijiet tal-Appell kif previst fl-Artikolu 136 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, il-Bord Maniġerjali għandu jqis dan l-Artikolu meta jadotta regoli ta' implimentazzjoni xierqa biex jagħtu effett lir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra skont l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(11)

Sabiex jissaħħu t-trasparenza u l-prevedibbiltà tal-proċedimenti ta' appell, ir-regoli tal-proċedura tal-Bordijiet tal-Appell attwalment stabbiliti fir-Regolamenti (KE) Nru 2868/95 u (KE) Nru 216/96, għandhom jiġu stabbiliti f'test wieħed u jkollhom nisġa diretta mar-regoli proċedurali applikabbli għall-istanzi tal-Uffiċċju li d-deċiżjonijiet tagħhom huma soġġetti għal appelli.

(12)

Għall-fini taċ-ċarezza u ċ-ċertezza tad-dritt, hemm bżonn li jiġu kkodifikati u ċċarati ċerti regoli proċedurali li jirregolaw il-proċedimenti orali, b'mod partikolari dawk marbutin mal-lingwa ta' dawk il-proċedimenti. Huwa xieraq ukoll li jiġu pprovduti effiċjenza u flessibbiltà ikbar billi tiddaħħal il-possibbiltà ta' parteċipazzjoni fi proċedimenti orali b'mezzi tekniċi u ta' sostituzzjoni tal-minuti tal-proċedimenti orali mar-reġistrazzjoni tagħhom.

(13)

Sabiex ikomplu jiġu ssimplifikati l-proċeduri u jsiru iktar konsistenti, jixraq li jiġu stabbiliti l-istruttura bażika u l-format tal-evidenza li trid tiġi ppreżentata lill-Uffiċċju fil-proċedimenti kollha, kif ukoll il-konsegwenzi ta' x'jiġri meta l-evidenza ma tiġix ippreżentata skont dik l-istruttura u dak il-format.

(14)

Sabiex tiġi mmodernizzata s-sistema tat-trademarks fl-Unjoni billi tiġi adattata għall-era tal-Internet, huwa xieraq ukoll li tingħata definizzjoni ta' “mezzi elettroniċi” fil-kuntest tan-notifiki u għall-forom ta' notifika li għadhom jintużaw.

(15)

Fl-interess tal-effiċjenza, it-trasparenza u l-faċilità fl-użu għall-utenti, l-Uffiċċju għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni formoli standard bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Uffiċċju għall-komunikazzjoni fil-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju, li jkunu jistgħu jimtlew online.

(16)

Għall-finijiet ta' aktar ċarezza, konsistenza u effiċjenza, għandha tiddaħħal dispożizzjoni dwar is-sospensjoni tal-proċedimenti ta' oppożizzjoni, revoka, invalidità u appell, li tistabbilixxi wkoll id-durata massima ta' sospensjoni mitluba miż-żewġ partijiet.

(17)

Ir-regoli li jirregolaw il-kalkolu u d-durata tal-limiti ta' żmien, il-proċeduri għar-revoka ta' deċiżjoni jew għat-tħassir ta' reġistrazzjoni fir-Reġistru, l-arranġamenti dettaljati għall-issoktar tal-proċedimenti, u d-dettalji dwar ir-rappreżentanza quddiem l-Uffiċċju jridu jiżguraw operazzjoni mexxejja, effettiva u effiċjenti tas-sistema tat-trademarks tal-UE.

(18)

Hemm bżonn li tiġi żgurata reġistrazzjoni effettiva u effiċjenti tat-trademarks internazzjonali b'mod li jkun konsistenti għalkollox mar-regoli tal-Protokoll marbutin mal-Ftehim ta' Madrid rigward ir-reġistrazzjoni internazzjonali tal-marki.

(19)

Ir-regoli stabbiliti f'dan ir-Regolament jissupplimentaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 li ġew emendati bir-Regolament (UE) 2015/2424 b'effett mill-1 ta' Ottubru 2017. Għaldaqstant jeħtieġ li l-applikabbiltà ta' dawk ir-regoli tiġi diferita sal-istess data.

(20)

Minkejja t-tħassir tar-Regolamenti (KE) Nru 2868/95 u (KE) Nru 216/96, jeħtieġ li jibqgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet speċifiċi ta' dawk ir-Regolamenti għal ċerti proċedimenti li kienu nbdew qabel id-data msemmija hawn fuq sal-konklużjoni ta' dawk il-proċedimenti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli li jispeċifikaw:

(a)

id-dettalji tal-proċedura għall-ippreżentar u l-eżaminar ta' oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trademark tal-UE fl-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (“l-Uffiċċju”);

(b)

id-dettalji tal-proċedura li tirregola l-emendar ta' applikazzjoni għal trademark tal-UE;

(c)

id-dettalji li jirregolaw ir-revokar u d-dikjarazzjoni ta' invalidità ta' trademark tal-UE, kif ukoll it-trasferiment ta' trademark tal-UE rreġistrata f'isem aġent mhux awtorizzat;

(d)

il-kontenut formali ta' notifika ta' appell u l-proċedura għall-ippreżentar u l-eżaminar ta' appell, il-kontenut formali u l-forma tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell u r-rimborż tat-tariffa tal-appell, id-dettalji li jikkonċeraw l-organizzazzjoni tal-Bordijiet tal-Appell, u l-kundizzjonijiet li fihom iridu jittieħdu deċiżjonijiet dwar l-appelli minn membru uniku;

(e)

l-arranġamenti dettaljati għall-proċedimenti orali u għat-teħid tal-evidenza;

(f)

l-arranġamenti dettaljati għan-notifika mill-Uffiċċju u r-regoli dwar il-mezzi ta' komunikazzjoni mal-Uffiċċju;

(g)

id-dettalji rigward il-kalkolu u d-durata tal-limiti ta' żmien;

(h)

il-proċedura għar-revokar ta' deċiżjoni jew għat-tħassir ta' reġistrazzjoni fir-Reġistru tat-trademarks tal-UE;

(i)

l-arranġamenti dettaljati għall-issoktar tal-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju;

(j)

il-kundizzjonijiet u l-proċedura għall-ħatra ta' rappreżentant komuni, il-kundizzjonijiet li fihom l-impjegati u r-rappreżentanti professjonali għandhom jippreżentaw awtorizzazzjoni, u l-kontenut ta' dik l-awtorizzazzjoni, u ċ-ċirkustanzi li fihom persuna tista' titneħħa mil-lista ta' rappreżentanti professjonali ammessi;

(k)

id-dettalji tal-proċedura li tikkonċerna r-reġistrazzjonijiet internazzjonali fuq il-bażi ta' applikazzjoni bażika jew reġistrazzjoni bażika marbuta ma' marka kollettiva, marka ta' ċertifikazzjoni jew marka ta' garanzija, u l-proċedura għall-ippreżentar u l-eżaminar ta' oppożizzjoni għal reġistrazzjoni internazzjonali.

TITOLU II

PROĊEDURA GĦAL OPPOŻIZZJONI U PROVA TA' UŻU

Artikolu 2

Notifika ta' oppożizzjoni

1.   Notifika ta' oppożizzjoni tista' tiddaħħal fuq il-bażi ta' marka jew marki preċedenti jew drittijiet oħrajn skont it-tifsira tal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, diment li s-sidien jew il-persuni awtorizzati li jdaħħlu n-notifika skont l-Artikolu 41 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 ikunu intitolati li jagħmlu dan għall-marki jew id-drittijiet preċedenti kollha. Meta marka preċedenti jkollha iktar minn sid wieħed (sjieda konġunta) jew meta dritt preċedenti jkun jista' jiġi eżerċitat minn iktar minn persuna waħda, tista' tiġi ppreżentata oppożizzjoni skont l-Artikolu 41 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 minn kwalunkwe sid jew persuna awtorizzata jew minn kollha kemm huma.

2.   In-notifika ta' oppożizzjoni għandu jkun fiha:

(a)

in-numru tal-fajl tal-applikazzjoni li kontriha tiddaħħal l-oppożizzjoni u l-isem tal-applikant għat-trademark tal-UE;

(b)

identifikazzjoni ċara tal-marka jew id-dritt preċedenti li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni, jiġifieri:

(i)

meta l-oppożizzjoni tkun ibbażata fuq marka preċedenti skont it-tifsira tal-Artikolu 8(2)(a) jew (b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, in-numru tal-fajl jew in-numru tar-reġistrazzjoni tal-marka preċedenti, indikazzjoni ta' jekk il-marka preċedenti hijiex irreġistrata jew applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' dik il-marka, kif ukoll indikazzjoni tal-Istati Membri inkluż, fejn applikabbli, il-Benelux, fejn jew li għalih tkun protetta l-marka preċedenti, jew, jekk applikabbli, l-indikazzjoni li hija trademark tal-UE;

(ii)

meta l-oppożizzjoni tkun ibbażata fuq marka ferm magħrufa skont it-tifsira tal-Artikolu 8(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, l-indikazzjoni tal-Istati Membri meta l-marka tkun ferm magħrufa u rappreżentazzjoni tal-marka;

(iii)

meta l-oppożizzjoni tkun ibbażata fuq in-nuqqas ta' kunsens tas-sid kif imsemmi fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, indikazzjoni tat-territorju li fih hija protetta t-trademark preċedenti, ir-rappreżentazzjoni tal-marka u, jekk applikabbli, indikazzjoni ta' jekk il-marka preċedenti hijiex applikazzjoni jew reġistrazzjoni, f'liema każ għandu jingħata n-numru tal-preżentazzjoni jew tar-reġistrazzjoni;

(iv)

meta l-oppożizzjoni tkun ibbażata fuq marka preċedenti jew sinjal ieħor skont it-tifsira tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, indikazzjoni tat-tip jew l-għamla tagħha, rappreżentazzjoni tal-marka jew is-sinjal preċedenti, u indikazzjoni ta' jekk jeżistix id-dritt għall-marka jew is-sinjal preċedenti fl-Unjoni sħiħa jew fi Stat Membru wieħed jew iktar, u, jekk iva, indikazzjoni ta' dawk l-Istati Membri;

(v)

meta l-oppożizzjoni tkun ibbażata fuq denominazzjoni tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika preċedenti skont it-tifsira tal-Artikolu 8(4a) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, indikazzjoni tal-għamla tagħha, rappreżentazzjoni tad-denominazzjoni tal-oriġini jew l-indikazzjoni ġeografika preċedenti, u indikazzjoni ta' jekk hijiex protetta fl-Unjoni sħiħa jew fi Stat Membru wieħed jew iktar, u, jekk iva, indikazzjoni ta' dawk l-Istati Membri;

(c)

ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni permezz ta' stqarrija li turi li huma ssodisfati r-rekwiżiti tal-Artikolu 8(1), (3), (4), (4a) jew (5) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 fir-rigward ta' kull marka jew dritt preċedenti invokati mill-parti li qed topponi;

(d)

fil-każ ta' applikazzjoni jew reġistrazzjoni ta' trademark preċedenti, id-data tal-preżentazzjoni u, fejn applikabbli, id-data tar-reġistrazzjoni u d-data tal-prijorità tal-marka preċedenti;

(e)

fil-każ tad-drittijiet preċedenti skont l-Artikolu 8(4a) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, id-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew, jekk dik id-data ma tkunx disponibbli, id-data li minnha hija ggarantita l-protezzjoni;

(f)

fil-każ ta' applikazzjoni jew reġistrazzjoni ta' trademark preċedenti, rappreżentazzjoni tal-marka preċedenti kif irreġistrata jew kif saret l-applikazzjoni għaliha; jekk il-marka preċedenti hi bil-kulur, ir-rappreżentazzjoni għandha tkun bil-kulur;

(g)

indikazzjoni tal-prodotti jew is-servizzi li fuqhom hija bbażata kull waħda mir-raġunijiet tal-oppożizzjoni;

(h)

rigward il-parti li qed topponi:

(i)

l-identifikazzjoni tal-parti li qed topponi skont l-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1431 (7);

(ii)

meta l-parti li qed topponi tkun ħatret rappreżentant, jew meta r-rappreżentazzjoni tkun obbligatorja skont l-Artikolu 92(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, l-isem u l-indirizz tan-negozju tar-rappreżentant skont l-Artikolu 2(1)(e) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1431;

(iii)

meta l-oppożizzjoni tiddaħħal minn detentur ta' liċenzja jew minn persuna li hija intitolata skont il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali sabiex teżerċita dritt preċedenti, stqarrija f'dan is-sens u indikazzjonijiet li jikkonċernaw l-awtorizzazzjoni jew l-intitolament li tiġi ppreżentata l-oppożizzjoni;

(i)

indikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi li kontrihom issir l-oppożizzjoni; fin-nuqqas ta' indikazzjoni bħal din, l-oppożizzjoni għandha titqies li hija kontra l-prodotti jew is-servizzi kollha tal-applikazzjoni għat-trademark tal-UE li kontriha ssir l-oppożizzjoni.

3.   Meta l-oppożizzjoni tkun ibbażata fuq iktar minn marka waħda jew dritt wieħed preċedenti, il-paragrafu 2 għandu japplika għal kull wieħed jew waħda minn dawk il-marki, sinjali, denominazzjonijiet ta' oriġini jew indikazzjonijiet ġeografiċi.

4.   In-notifika ta' oppożizzjoni tista' tinkludi wkoll stqarrija motivata dwar ir-raġunijiet, il-fatti u l-argumenti li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni, u l-evidenza li ssostni l-oppożizzjoni.

Artikolu 3

Użu ta' lingwi fi proċedimenti ta' oppożizzjoni

Il-parti li qed topponi jew l-applikant jistgħu, qabel id-data li fiha titqies li se tibda l-parti avversarjali tal-proċedimenti ta' oppożizzjoni skont l-Artikolu 6(1), jinformaw lill-Uffiċċju li l-applikant u l-parti li qed topponi qablu fuq lingwa differenti għall-proċedimenti ta' oppożizzjoni skont l-Artikolu 119(7) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009. Meta n-notifika ta' oppożizzjoni ma tkunx ġiet ippreżentata f'dik il-lingwa, l-applikant jista' jitlob lill-parti li qed topponi biex tippreżenta traduzzjoni f'dik il-lingwa. Talba bħal din għandha tasal għand l-Uffiċċju sa mhux aktar tard mid-data li fiha l-parti avversarjali tal-proċedimenti ta' oppożizzjoni jitqiesu li għandhom jibdew. L-Uffiċċju għandu jispeċifika skadenza għall-parti li qed topponi biex tippreżenta traduzzjoni. Jekk dik it-traduzzjoni ma tiġix ippreżentata jew tiġi ppreżentata tard, il-lingwa tal-proċedimenti kif stabbilita skont l-Artikolu 119 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (“lingwa tal-proċedimenti”) għandha tibqa' l-istess.

Artikolu 4

Informazzjoni lill-partijiet għall-proċedimenti ta' oppożizzjoni

In-notifika ta' oppożizzjoni u kwalunkwe dokument ippreżentat mill-parti li qed topponi, kif ukoll kwalunkwe komunikazzjoni indirizzata lil waħda mill-partijiet mill-Uffiċċju qabel il-konstatazzjoni ta' ammissibbiltà għandhom jintbagħtu mill-Uffiċċju lill-parti l-oħra sabiex tiġi informata dwar il-preżentazzjoni ta' oppożizzjoni.

Artikolu 5

Ammissibilità tal-oppożizzjoni

1.   Meta t-tariffa għall-oppożizzjoni tkun għadha ma tħallsitx sal-perjodu tal-oppożizzjoni stabbilit fl-Artikolu 41(1) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, l-oppożizzjoni titqies li ma ġietx ippreżentata. Meta t-tariffa tal-oppożizzjoni tkun tħallset wara li jkun skada l-perjodu tal-oppożizzjoni, għandha tintradd lura lill-parti li qed topponi.

2.   Meta n-notifika ta' oppożizzjoni tkun ġiet ippreżentata wara li jkun skada l-perjodu tal-oppożizzjoni, l-Uffiċċju għandu jiċħad l-oppożizzjoni bħala waħda inammissibbli.

3.   Meta n-notifika ta' oppożizzjoni tkun ġiet ippreżentata f'lingwa li mhijiex waħda mil-lingwi tal-Uffiċċju kif jeħtieġ l-Artikolu 119(5) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, jew meta ma tkunx tikkonforma mal-Artikolu 2(2)(a), (b) jew (c) ta' dan ir-Regolament, u meta dawk in-nuqqasijiet ma jkunux ġew rimedjati qabel ma jiskadi l-perjodu tal-oppożizzjoni, l-Uffiċċju għandu jiċħad l-oppożizzjoni bħala waħda inammissibbli.

4.   Meta l-parti li qed topponi ma tippreżentax traduzzjoni kif jeħtieġ l-Artikolu 119(6) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, l-oppożizzjoni għandha tiġi miċħuda bħala waħda inammissibbli. Meta l-parti li qed topponi tissottometti traduzzjoni mhux kompluta, il-parti tan-notifika ta' oppożizzjoni li ma tkunx ġiet tradotta ma tiġix ikkunsidrata għall-eżami ta' ammissibilità.

5.   Meta n-notifika ta' oppożizzjoni ma tkunx tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(2)(d) sa (h), l-Uffiċċju għandu jinforma lill-parti li qed topponi u għandu jistedinha biex tirrimedja għan-nuqqasijiet osservati fi żmien xahrejn. Jekk in-nuqqasijiet ma jiġux rimedjati qabel tagħlaq l-iskadenza, l-Uffiċċju għandu jiċħad l-oppożizzjoni minħabba li tkun inammissibbli.

6.   L-Uffiċċju għandu jinnotifika lill-applikant dwar kwalunkwe konstatazzjoni skont il-paragrafu 1 li n-notifika ta' oppożizzjoni titqies li ma ġietx ippreżentata u dwar kwalunkwe deċiżjoni ta' ċaħda tal-oppożizzjoni fuq il-bażi ta' inammissibbiltà skont il-paragrafi 2, 3, 4 jew 5. Meta oppożizzjoni tiġi miċħuda fit-totalità tagħha bħala inammissibbli skont il-paragrafi 2, 3, 4 jew 5 qabel in-notifika tal-Artikolu 6(1), ma għandha tittieħed ebda deċiżjoni dwar l-ispejjeż.

Artikolu 6

Bidu tal-parti avversarjali tal-proċedimenti ta' oppożizzjoni u għeluq minn qabel tal-proċedimenti

1.   Meta jinstab li l-oppożizzjoni hija ammissibbli skont l-Artikolu 5, l-Uffiċċju għandu jibgħat komunikazzjoni lill-partijiet li fiha jinformahom li l-parti avversarjali tal-proċedimenti ta' oppożizzjoni titqies li se tibda xahrejn wara l-wasla tal-komunikazzjoni. Dak il-perjodu jista' jiġi estiż sa total ta' 24 xahar jekk iż-żewġ partijiet jitolbu estensjoni qabel ma jiskadi l-perjodu ta' xahrejn.

2.   Meta, fi ħdan il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, l-applikazzjoni tiġi rtirata jew ristretta għal prodotti jew servizzi li l-oppożizzjoni mhijiex immirata lejhom, jew l-Uffiċċju jkun informat li l-partijiet sabu soluzzjoni, jew l-applikazzjoni tiġi miċħuda fi proċedimenti paralleli, il-proċedimenti ta' oppożizzjoni għandhom jingħalqu.

3.   Meta, fi ħdan il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, l-applikant jirrestrinġi l-applikazzjoni billi jħassar uħud mill-prodotti jew mis-servizzi li lejhom tkun immirata l-oppożizzjoni, l-Uffiċċju għandu jistieden lill-parti li qed topponi sabiex tiddikjara, fil-perjodu li tispeċifika, jekk hijiex se żżomm l-oppożizzjoni tagħha u, jekk iva, kontra liema mill-prodotti jew mis-servizzi li jifdal. Meta l-parti li qed topponi tirtira l-oppożizzjoni fid-dawl tar-restrizzjoni, għandhom jingħalqu l-proċedimenti ta' oppożizzjoni.

4.   Meta qabel ma jiskadi l-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, il-proċedimenti ta' oppożizzjoni jingħalqu skont il-paragrafi 2 jew 3, ma għandha tittieħed ebda deċiżjoni dwar l-ispejjeż.

5.   Jekk qabel l-iskadenza tal-perjodu msemmi fil-paragrafu 1 il-proċedimenti ta' oppożizzjoni jingħalqu wara l-irtirar jew ir-restrizzjoni tal-applikazzjoni skont il-paragrafu 2 jew wara l-irtirar tal-oppożizzjoni skont il-paragrafu 3, it-tariffa tal-oppożizzjoni għandha tiġi rimborżata.

Artikolu 7

Sostanzjar tal-oppożizzjoni

1.   L-Uffiċċju għandu jagħti lill-parti li qed topponi l-opportunità li tippreżenta l-fatti, l-evidenza u l-argumenti li jappoġġjaw l-oppożizzjoni jew li tipprovdi l-fatti, l-evidenza jew l-argumenti sħaħ li diġà jkunu ġew ippreżentati b'mod parzjali skont l-Artikolu 2(4). Għal dak il-għan, l-Uffiċċju għandu jispeċifika skadenza ta' mill-inqas xahrejn, mid-data li fiha jitqies li bdiet il-parti avversarjali tal-proċedimenti ta' oppożizzjoni skont l-Artikolu 6(1).

2.   Fi ħdan il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, il-parti li qed topponi għandha tippreżenta wkoll evidenza tal-eżistenza, il-validità u l-kamp ta' applikazzjoni tal-protezzjoni tal-marka jew id-dritt preċedenti tagħha, kif ukoll evidenza li tipprovdi l-intitolament tagħha sabiex tippreżenta l-oppożizzjoni. B'mod partikolari, il-parti li qed topponi għandha tipprovdi l-evidenza li ġejja:

(a)

meta l-oppożizzjoni tkun ibbażata fuq trademark preċedenti skont it-tifsira tal-Artikolu 8(2)(a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, li mhijiex trademark tal-UE, l-evidenza tal-preżentazzjoni jew ir-reġistrazzjoni tagħha, billi tippreżenta:

(i)

kopja taċ-ċertifikat tal-preżentazzjoni rilevanti jew dokument ekwivalenti mill-amministrazzjoni li bih ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għat-trademark, jekk it-trademark ma tkunx għadha ġiet irreġistrata; jew

(ii)

meta t-trademark preċedenti tkun ġiet irreġistrata, kopja taċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni rilevanti u, jekk applikabbli, tal-aħħar ċertifikat ta' tiġdid, li juri li t-terminu tal-protezzjoni tat-trademark jestendi lil hinn mill-iskadenza msemmija fil-paragrafu 1 jew kwalunkwe estensjoni fih, jew dokumenti ekwivalenti mill-amministrazzjoni li bihom ġiet irreġistrata t-trademark;

(b)

meta l-oppożizzjoni tkun ibbażata fuq marka ferm magħrufa skont it-tifsira tal-Artikolu 8(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, evidenza li turi li l-marka hija magħrufa sew fit-territorju rilevanti għall-prodotti jew is-servizzi indikati skont l-Artikou 2(2)(g) ta' dan ir-Regolament;

(c)

meta l-oppożizzjoni tkun ibbażata fuq in-nuqqas ta' kunsens min-naħa tas-sid kif imsemmi fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, evidenza tas-sjieda tal-parti li qed topponi tat-trademark preċedenti u tar-relazzjoni tagħha mal-aġent jew ir-rappreżentant;

(d)

meta l-oppożizzjoni tkun ibbażata fuq dritt preċedenti skont it-tifsira tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, evidenza li turi l-użu ta' dak id-dritt matul negozju f'livell li mhuwiex sempliċiment lokali, kif ukoll evidenza tal-akkwist, tal-eżistenza ssoktata u tal-kamp ta' applikazzjoni tal-protezzjoni tiegħu inkluża, meta d-dritt preċedenti jkun invokat skont il-liġi ta' Stat Membru, identifikazzjoni ċara tal-kontenut tal-liġi nazzjonali li ntużat bħala bażi billi jiġu ċċitati pubblikazzjonijiet tad-dispożizzjonijiet jew tal-ġurisprudenza rilevanti;

(e)

meta l-oppożizzjoni tkun ibbażata fuq denominazzjoni tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika preċedenti skont it-tifsira tal-Artikolu 8(4a) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, evidenza tal-akkwist, tal-eżistena ssoktata u tal-kamp ta' applikazzjoni tal-protezzjoni tiegħu inkluża, meta d-denominazzjoni tal-oriġini jew l-indikazzjoni ġeografika preċedenti tkun invokata skont il-liġi ta' Stat Membru, identifikazzjoni ċara tal-kontenut tal-liġi nazzjonali li ntużat bħala bażi billi jiġu ċċitati pubblikazzjonijiet tad-dispożizzjonijiet jew tal-ġurisprudenza rilevanti;

(f)

jekk l-oppożizzjoni tkun ibbażata fuq marka b'reputazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, minbarra l-evidenza msemmija fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu, evidenza li turi li l-marka għandha reputazzjoni fl-Unjoni jew fl-Istat Membru kkonċernat għall-prodotti jew is-servizzi indikati skont l-Artikolu 2(2)(g) ta' dan ir-Regolament, kif ukoll evidenza jew argumenti li juru li l-użu mingħajr kawża ġusta tat-trademark li ssir applikazzjoni għaliha jkun qiegħed jieħu vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew l-isem tat-trademark preċedenti, jew ikun ta' detriment għalih.

3.   Jekk l-evidenza dwar il-preżentazzjoni jew ir-reġistrazzjoni tad-drittijiet preċedenti msemmija fil-paragrafu 2(a) jew, fejn applikabbli, il-paragrafu 2(d) jew (e), jew l-evidenza li tikkonċerna l-kontenut tal-liġi nazzjonali rilevanti, ikunu aċċessibbli online minn sors rikonoxxut mill-Uffiċċju, il-parti li qed topponi tista' tipprovdi din l-evidenza billi tirreferi għal dak is-sors.

4.   Kwalunkwe preżentazzjoni, reġistrazzjoni jew ċeritifikat ta' tiġdid jew dokument ekwivalenti msemmi fil-paragrafu 2(a), (d) jew (e), kif ukoll kwalunkwe dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali applikabbli li tirregola l-akkwist ta' drittijiet u l-kamp ta' applikazzjoni tal-protezzjoni tiegħu kif imsemmi fil-paragrafu 2(d) u (e), inkluża l-evidenza aċċessibbli online kif imsemmi fil-paragrafu 3, għandhom ikunu bil-lingwa tal-proċedimenti jew għandhom ikunu akkumpanjati minn traduzzjoni f'dik il-lingwa. It-traduzzjoni għandha tiġi ppreżentata mill-parti li qed topponi fuq mozzjoni tagħha stess sal-iskadenza speċifikata għall-preżentazzjoni tad-dokument oriġinali. Kwalunkwe evidenza oħra ppreżentata mill-parti li qed topponi sabiex tissostanzja l-oppożizzjoni għandha tkun soġġetta għall-Artikolu 24 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1431. It-traduzzjonijiet ippreżentati wara li jiskadu l-limiti ta' żmien rilevanti ma għandhomx jiġu kkunsidrati.

5.   L-Uffiċċju ma għandux jikkunsidra preżentazzjonijiet bil-miktub, jew siltiet minnhom, li ma jkunux ġew ippreżentati bil-lingwa tal-proċedimenti, jew li ma jkunux ġew tradotti fiha, sal-iskadenza stabbilita mill-Uffiċċju skont il-paragrafu 1.

Artikolu 8

Eżaminazzjoni tal-oppożizzjoni

1.   Meta sal-iskadenza tal-perjodu msemmi fl-Artikolu 7(1), il-parti li qed topponi tkun għadha ma pprovdiet ebda evidenza, jew meta l-evidenza pprovduta tkun manifestament irrilevanti jew insuffiċjenti sabiex tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 7(2) għal kwalunkwe wieħed mid-drittijiet preċedenti, l-oppożizzjoni għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

2.   Meta l-oppożizzjoni ma tkunx miċħuda skont il-paragrafu 1, l-Uffiċċju għandu jikkomunika l-preżentazzjoni tal-parti li qed topponi lill-applikant u għandu jistiednu jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fi ħdan perjodu speċifikat mill-Uffiċċju.

3.   Meta l-applikant ma jippreżenta ebda osservazzjoni, l-Uffiċċju għandu jibbaża d-deċiżjoni tiegħu dwar l-oppożizzjoni fuq l-evidenza quddiemu.

4.   L-osservazzjonijiet ippreżentati mill-applikant għandhom jiġu kkomunikati lill-parti li qed topponi li għandha tkun mistiedna, jekk l-Uffiċċju jqis li dan huwa meħtieġ, sabiex twieġeb fi ħdan perjodu speċifikat mill-Uffiċċju.

5.   Meta wara li jiskadi l-perjodu msemmi fl-Artikolu 7(1) il-parti li qed topponi tissottometti fatti jew evidenza li jissupplimentaw il-fatti jew l-evidenza rilevanti provduti fi żmien dak il-perjodu u li jkunu marbutin mal-istess rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 7(2), l-Uffiċċju għandu jeżerċita d-diskrezzjoni tiegħu skont l-Artikolu 76(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 meta jiddeċiedi jekk jaċċettax dawn il-fatti jew l-evidenza supplimentari. Għal dak il-għan, l-Uffiċċju għandu jikkunsidra, b'mod partikolari, l-istadju tal-proċedimenti u jivvaluta jekk il-fatti jew l-evidenza jistgħux, prima facie, ikunu rilevanti għall-eżitu tal-kawża u jekk hemmx raġunijiet validi għall-preżentazzjoni tard ta' fatti jew ta' evidenza.

6.   L-Uffiċċju għandu jistieden lill-applikant jippreżenta osservazzjonijiet oħrajn bħala rispons jekk iqis li dan ikun xieraq fiċ-ċirkustanzi.

7.   Meta l-oppożizzjoni ma tkunx ġiet miċħuda skont il-paragrafu 1 u l-evidenza ppreżentata mill-parti li qed topponi ma tkunx biżżejjed sabiex tissostanzja l-oppożizzjoni skont l-Artikolu 7 għal kwalunkwe wieħed mid-drittijiet preċedenti, l-oppożizzjoni għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

8.   L-Artikolu 6(2) u (3) għandu japplika mutatis mutandis wara d-data li fiha jitqies li tibda l-parti avversarjali tal-proċedimenti ta' oppożizzjoni. Meta l-applikant ikun jixtieq jirtira jew jirrestrinġi l-applikazzjoni kkontestata, għandu jagħmel dan permezz ta' dokument separat.

9.   F'każijiet xierqa, l-Uffiċċju jista' jistieden lill-partijiet sabiex jillimitaw l-osservazzjonijiet tagħhom għal kwistjonijiet partikolari, f'liema każ għandu jippermettilhom iqajmu l-kwistjonijiet l-oħrajn iktar tard fil-proċedimenti. L-Uffiċċju ma għandux ikun meħtieġ jinforma lil parti bil-possibbiltà li tipproduċi ċerti fatti jew evidenza rilevanti li dik il-parti preċedentement naqset milli tipproduċi.

Artikolu 9

Oppożizzjonijiet multipli

1.   Meta jkunu ddaħħlu diversi oppożizzjonijiet fir-rigward tal-istess applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trademark tal-UE, l-Uffiċċju jista' jeżaminhom f'sett wieħed ta' proċedimenti. Sussegwentement, l-Uffiċċju jista' jiddeċiedi li jeżamina dawk l-oppożizzjonijiet b'mod separat.

2.   Meta eżaminazzjoni preliminari ta' oppożizzjoni waħda jew iktar issib li t-trademark tal-UE li għaliha ġiet ippreżentata r-reġistrazzjoni tista' tkun ineliġibbli għar-reġistrazzjoni fir-rigward ta' wħud mill-prodotti jew is-servizzi jew il-prodotti jew is-servizzi kollha li għalihom tintalab ir-reġistrazzjoni, l-Uffiċċju jista' jissospendi l-proċedimenti ta' oppożizzjoni l-oħrajn marbutin ma' dik l-applikazzjoni. L-Uffiċċju għandu jinforma lill-partijiet li qed jopponu affettwati mis-sospensjoni dwar kwalunkwe deċiżjoni rilevanti meħuda fil-kuntest ta' dawk il-proċedimenti li għadhom għaddejjin.

3.   Ladarba deċiżjoni ta' ċaħda ta' applikazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 issir finali, l-oppożizzjonijiet li għalihom ġew sospiżi l-proċedimenti skont il-paragrafu 2 għandhom jitqiesu li ġew indirizzati u l-partijiet li qed jopponu kkonċernati għandhom jiġu informati kif xieraq. Dispożizzjoni bħal din għandha titqies li tikkostitwixxi każ li ma jkunx ipproċeda għal deċiżjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 85(4) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009.

4.   L-Uffiċċju għandu jrodd lura 50 % tat-tariffa tal-oppożizzjoni mħallsa minn kull parti li qed topponi li l-oppożizzjoni tagħha titqies li ġiet indirizzata skont il-paragrafu 3 diment li s-sospensjoni tal-proċedimenti marbuta ma' dik l-oppożizzjoni tkun seħħet qabel il-bidu tal-parti avversarjali tal-proċedimenti.

Artikolu 10

Prova tal-użu

1.   Talba għall-prova tal-użu ta' marka preċedenti skont l-Artikolu 42(2) jew (3) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 għandha tkun ammissibbli jekk tkun ippreżentata bħala talba inkundizzjonali f'dokument separat fil-perjodu speċifikat mill-Uffiċċju skont l-Artikolu 8(2) ta' dan ir-Regolament.

2.   Meta l-applikant ikun għamel talba għal prova tal-użu ta' marka preċedenti li tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 42(2) jew (3) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, l-Uffiċċju għandu jistieden lill-parti li qed topponi sabiex tipprovdi il-prova meħtieġa sa skadenza speċifikata mill-Uffiċċju. Meta l-parti li qed topponi ma tipprovdi ebda evidenza jew raġuni għan-nuqqas ta' użu qabel ma tagħlaq l-iskadenza jew meta l-evidenza jew ir-raġunijiet ipprovduti jkunu manifestament insuffiċjenti jew irrilevanti, l-Uffiċċju għandu jiċħad l-oppożizzjoni peress li tkun ibbażata fuq dik il-marka preċedenti.

3.   L-indikazzjonijiet u l-evidenza tal-użu għandhom jistabbilixxu l-post, il-ħin, il-firxa u x-xorta ta' użu tat-trademark li qed topponi għall-prodotti jew is-servizzi li fir-rigward tagħhom hija rreġistrata u li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni.

4.   L-evidenza msemmija fil-paragrafu 3 għandha tiġi ppreżentata skont l-Artikolu 55(2) u l-Artikoli 63 u 64 u għandha tkun limitata għall-preżentazzjoni ta' dokumenti u oġġetti ta' sostenn, bħal pakketti, tikketti, listi ta' prezzijiet, katalgi, fatturi, ritratti, reklami fil-gazzetti, u stqarrijiet bil-miktub kif imsemmi fl-Artikolu 78(1)(f) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009.

5.   Talba għall-prova tal-użu tista' tiġi ppreżentata fl-istess ħin tal-osservazzjonijiet tar-raġunijiet li fuqhom hi bbażata l-oppożizzjoni. Osservazzjonijiet bħal dawn jistgħu jiġu ppreżentati wkoll flimkien mal-osservazzjonijiet bħala risposta għall-prova tal-użu.

6.   Meta l-evidenza pprovduta mill-parti li qed topponi ma tkunx bil-lingwa tal-proċedimenti ta' oppożizzjoni, l-Uffiċċju jista' jitlob lill-parti li qed topponi tippreżenta traduzzjoni ta' dik l-evidenza f'dik il-lingwa skont l-Artikolu 24 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1431.

7.   Jekk wara li tagħlaq l-iskadenza msemmija fil-paragrafu 2 il-parti li qed topponi tippreżenta indikazzjonijiet jew evidenza li jissupplimentaw l-indikazzjonijiet jew l-evidenza rilevanti li diġà jkunu ġew ippreżentati qabel ma tkun għalqet l-iskadenza u li jkunu marbutin mal-istess rekwiżit stabbilit fil-paragrafu 3, l-Uffiċċju għandu jeżerċita d-diskrezzjoni tiegħu skont l-Artikolu 76(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 meta jiddeċiedi jekk jaċċettax dawk l-indikazzjonijiet jew l-evidenza supplimentari. Għal dak il-għan, l-Uffiċċju għandu jikkunsidra, b'mod partikolari, l-istadju tal-proċedimenti u jivvaluta jekk l-indikazzjonijiet jew l-evidenza jistgħux, prima facie, ikunu rilevanti għall-eżitu tal-kawża u jekk hemmx raġunijiet validi għall-preżentazzjoni tard ta' indikazzjonijiet jew ta' evidenza.

TITOLU III

EMENDI GĦALL-APPLIKAZZJONI

Artikolu 11

Emenda tal-applikazzjoni

1.   Talba għall-emenda ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 43(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 għandu jkun fiha:

(a)

in-numru tal-fajl tal-applikazzjoni;

(b)

l-isem u l-indirizz tal-applikant skont l-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1431;

(c)

indikazzjoni tal-element tal-applikazzjoni li jrid jiġi emendat, u dak l-element fil-verżjoni emendata tiegħu;

(d)

meta l-emenda tkun marbuta mar-rappreżentazzjoni tal-marka, rappreżentazzjoni tal-marka kif emendata, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1431.

2.   Meta r-rekwiżiti għall-emenda tal-applikazzjoni ma jkunux issodisfati, l-Uffiċċju għandu jikkomunika n-nuqqas lill-applikant u għandu jispeċifika skadenza sa meta jista' jiġi rimedjat in-nuqqas. Meta l-applikant ma jirrimedjax għan-nuqqas sal-iskadenza speċifikata, l-Uffiċċju għandu jiċħad it-talba għall-emenda.

3.   Meta l-applikazzjoni għat-trademark emendata tkun ippubblikata skont l-Artikolu 43(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, l-Artikoli 2 sa 10 ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw mutatis mutandis.

4.   L-istess applikant jista' jagħmel talba waħda biss għall-emenda tal-istess element f'żewġ applikazzjonijiet jew iktar.

5.   Il-paragrafi 1, 2 u 4 għandhom japplikaw mutatis mutandis għal applikazzjonijiet sabiex jiġi kkoreġut l-isem jew l-indirizz tan-negozju ta' rappreżentant maħtur mill-applikant.

TITOLU IV

REVOKA U INVALIDITÀ JEW ĊESSJONI

Artikolu 12

Applikazzjoni għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta' invalidità

1.   Applikazzjoni li ssir lill-Uffiċċju għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta' invalidità skont l-Artikolu 56 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 għandu jkun fiha:

(a)

in-numru tar-reġistrazzjoni tat-trademark tal-UE li fir-rigward tagħha tintalab ir-revoka jew dikjarazzjoni tal-invalidità u l-isem tas-sid tagħha;

(b)

ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni permezz ta' stqarrija li r-rekwiżiti rispettivi stabbiliti fl-Artikoli 51, 52, 53, 73, 74, 74i jew 74j tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 huma ssodisfati;

(c)

għal dak li jirrigwarda l-applikant:

(i)

l-identifikazzjoni tal-applikant skont l-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1431;

(ii)

meta l-applikant ikun ħatar rappreżentant jew meta r-rappreżentanza tkun obbligatorja skont it-tifsira tal-Artikolu 92(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, l-isem u l-indirizz tan-negozju tar-rappreżentant skont l-Artikolu 2(1)(e) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1431;

(d)

indikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi li fir-rigward tagħhom tintalab revoka jew dikjarazzjoni ta' invalidità, li fin-nuqqas tagħha l-applikazzjoni għandha titqies li hija mmirata kontra l-prodotti jew is-servizzi kollha koperti mit-trademark tal-UE kkontestata.

2.   Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1, applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' invalidità fuq il-bażi tar-raġunijiet relattivi għandu jkun fiha dawn li ġejjin:

(a)

fil-każ ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 53(1) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, identifikazzjoni tad-dritt preċedenti li fuqu hija bbażata l-applikazzjoni, skont l-Artikolu 2(2)(b) ta' dan ir-Regolament, li għandu japplika mutatis mutandis għal dik l-applikazzjoni;

(b)

fil-każ ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 53(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, indikazzjoni tan-natura tad-dritt preċedenti li fuqu hija bbażata l-applikazzjoni, ir-rappreżentazzjoni tiegħu u indikazzjoni ta' jekk dan id-dritt preċedenti jeżistix fl-Unjoni kollha jew fi Stat Membru wieħed jew iktar u, jekk dak huwa l-każ, indikazzjoni ta' dawk l-Istati Membri;

(c)

id-dettalji skont l-Artikolu 2(2)(d) sa (g), li japplikaw mutatis mutandis għal applikazzjoni bħal din;

(d)

meta l-applikazzjoni tiddaħħal minn detentur ta' liċenzja jew minn persuna li hija intitolata skont il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali sabiex teżerċita dritt preċedenti, indikazzjoni li tikkonċerna l-awtorizzazzjoni jew l-intitolament li tiġi ppreżentata l-applikazzjoni.

3.   Meta l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' invalidità skont l-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 tkun ibbażata fuq iktar minn marka preċedenti waħda jew dritt preċedenti wieħed, il-paragrafi 1(b) u 2 ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu japplikaw għal kull marka jew dritt.

4.   L-applikazzjoni jista' jkun fiha stqarrija motivata dwar ir-raġunijiet li jistabbilixxu l-fatti u l-argumenti li fuqhom hija bbażata u l-evidenza ta' sostenn.

Artikolu 13

Lingwi użati fi proċedimenti għal revoka jew invalidità

L-applikant għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta' invalidità jew is-sid tat-trademark tal-UE jista' jinforma lill-Uffiċċju qabel ma jiskadi l-perjodu ta' xahrejn minn meta sid it-trademark tal-UE jirċievi l-komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 17(1), li jkun intlaħaq qbil fuq lingwa differenti għall-proċedimenti skont l-Artikolu 119(7) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009. Meta l-applikazzjoni ma tkunx ġiet ippreżentata f'dik il-lingwa, is-sid jista' jitlob li l-applikant jippreżenta traduzzjoni f'dik il-lingwa. Din it-talba għandha tasal għand l-Uffiċċju qabel ma jiskadi l-perjodu ta' xahrejn minn meta sid it-trademark tal-UE jirċievi l-komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 17(1). L-Uffiċċju għandu jispeċifika skadenza għall-applikant biex jippreżenta din it-traduzzjoni. Meta dik it-traduzzjoni ma tiġix ippreżentata jew tiġi ppreżentata tard, il-lingwa tal-proċedimenti ma tinbidilx.

Artikolu 14

Informazzjoni lill-partijiet rigward applikazzjoni għal revoka jew għal dikjazzjoni ta' invalidità

Applikazzjoni għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta' invalidità u kwalunkwe dokument ippreżentat mill-applikant, kif ukoll kwalunkwe komunikazzjoni indirizzata lil waħda mill-partijiet mill-Uffiċċju qabel il-konstatazzjoni ta' ammissibbiltà għandhom jintbagħtu mill-Uffiċċju lill-parti l-oħra sabiex tiġi informata dwar il-preżentazzjoni ta' applikazzjoni għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta' invalidità.

Artikolu 15

Ammissibbiltà ta' applikazzjoni għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta' invalidità

1.   Meta ma tkunx tħallset it-tariffa meħtieġa skont l-Artikolu 56(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, l-Uffiċċju għandu jistieden lill-applikant iħallas it-tariffa f'perjodu speċifikat minnu. Meta t-tariffa meħtieġa ma titħallasx sal-perjodu speċifikat, l-Uffiċċju għandu jinforma lill-applikant li l-applikazzjoni għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta' invalidità titqies li ma ġietx ippreżentata. Meta t-tariffa tkun tħallset wara li jkun skada l-perjodu speċifikat, għandha tintradd lura lill-applikant.

2.   Meta l-applikazzjoni tkun ġiet ippreżentata f'lingwa li mhijiex waħda mil-lingwi tal-Uffiċċju kif jeħtieġ l-Artikolu 119(5) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, jew meta ma tkunx tikkonforma mal-Artikolu 12(1)(a) jew (b) jew, meta applikabbli, l-Artikolu 12(2)(a) jew (b) ta' dan ir-Regolament, l-Uffiċċju għandu jiċħad l-applikazzjoni bħala inammissibbli.

3.   Meta t-traduzzjoni meħtieġa skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 119(6) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 ma tkunx ippreżentata fi żmien xahar mid-data tal-preżentazzjoni ta' applikazzjoni għal revoka jew dikjarazzjoni ta' invalidità, l-Uffiċċju għandu jiċħad l-applikazzjoni għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta' invalidità bħala inammissibbli.

4.   Meta l-applikazzjoni ma tkunx tikkonforma mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12(1)(c), l-Artikolu 12(2)(c) jew (d), l-Uffiċċju għandu jinforma lill-applikant kif xieraq u għandu jistieden lill-applikant jirrimedja għan-nuqqasijiet osservati fi żmien xahrejn. Jekk in-nuqqasijiet ma jiġux irrimedjati qabel ma tagħlaq l-iskadenza, l-Uffiċċju għandu jiċħad l-applikazzjoni bħala inammissibbli.

5.   L-Uffiċċju għandu jinnotifika lill-applikant u lil sid it-trademark tal-UE dwar kwalunkwe konstatazzjoni skont il-paragrafu 1 li l-applikazzjoni għal revoka jew dikjarazzjoni ta' invalidità hija meqjusa li ma ddaħħlitx u dwar kwalunkwe deċiżjoni ta' ċaħda tal-applikazzjoni għal revoka jew dikjarazzjoni ta' invalidità fuq il-bażi ta' inammissibbiltà skont il-paragrafi 2, 3 jew 4. Meta applikazzjoni għal revoka jew dikjarazzjoni ta' invalidità tiġi miċħuda fit-totalità tagħha bħala inammissibbli skont il-paragrafi 2, 3 jew 4 qabel in-notifika tal-Artikolu 17(1), ma għandha tittieħed ebda deċiżjoni dwar l-ispejjeż.

Artikolu 16

Sostanzjar ta' applikazzjoni għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta' invalidità

1.   L-applikant għandu jippreżenta l-fatti, l-evidenza u l-argumenti li jappoġġjaw l-applikazzjoni sal-għeluq tal-parti avversarjali tal-proċedimenti ta' revoka jew invalidità. B'mod partikolari, l-applikant għandu jipprovdi dawn li ġejjin:

(a)

fil-każ ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 51(1)(b) jew (c) jew l-Artikolu 52 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, fatti, argumenti u evidenza li jappoġġjaw ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni għal revoka jew dikjarazzjoni ta' invalidità;

(b)

fil-każ ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 53(1) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, l-evidenza meħtieġa skont l-Artikolu 7(2) ta' dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(3) għandhom japplikaw mutatis mutandis;

(c)

fil-każ ta' applikazzjoni skont Artikolu 53(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, evidenza tal-akkwiżizzjoni, tal-eżistenza ssoktata u tal-kamp ta' applikazzjoni ta' protezzjoni tad-dritt preċedenti rilevanti kif ukoll evidenza li turi li l-applikant huwa intitolat li jippreżenta l-applikazzjoni, inkluż meta d-dritt preċedenti jkun invokat skont il-liġi nazzjonali, identifikazzjoni ċara tal-kontenut tal-liġi nazzjonali billi jiġu ċċitati pubblikazzjonijiet tad-dispożizzjonijiet jew tal-ġurisprudenza rilevanti. Jekk l-evidenza dwar il-preżentazzjoni jew ir-reġistrazzjoni ta' dritt preċedenti skont l-Artikolu 53(2)(d) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 jew l-evidenza li tikkonċerna l-kontenut tal-liġi nazzjonali rilevanti, ikunu aċċessibbli online minn sors rikonoxxut mill-Uffiċċju, l-applikant jista' jipprovdi din l-evidenza billi jirreferi għal dak is-sors.

2.   Evidenza li tikkonċerna l-preżentazzjoni, ir-reġistrazzjoni jew it-tiġdid ta' drittijiet preċedenti jew, fejn applikabbli, il-kontenut tal-liġi nazzjonali rilevanti, inkluża l-evidenza aċċessibbli online, kif imsemmi fil-paragrafu 1(b) u (c), għandha tiġi ppreżentata fil-lingwa tal-proċedimenti jew tiġi ppreżentata traduzzjoni f'dik il-lingwa. It-traduzzjoni għandha tiġi ppreżentata mill-applikant fuq mozzjoni tal-applikant stess fi żmien xahar mill-preżentazzjoni ta' dik l-evidenza. Kwalunkwe evidenza oħra ppreżentata mill-applikant sabiex isostni l-applikazzjoni jew, fil-każ ta' applikazzjoni għal revoka skont l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, minn sid it-trademark ikkontestata tal-UE, għandha tkun soġġetta għall-Artikolu 24 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1431. It-traduzzjonijiet ippreżentati wara li jiskadu l-limiti ta' żmien rilevanti ma għandhomx jiġu kkunsidrati.

Artikolu 17

Eżaminazzjoni tal-merti ta' applikazzjoni għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta' invalidità

1.   Meta jinstab li l-applikazzjoni hija ammissibbli skont l-Artikolu 15, l-Uffiċċju għandu jibgħat komunikazzjoni lill-partijiet li fiha jinformahom li bdiet il-parti avversarjali tal-proċedimenti ta' revoka jew ta' invalidità u jistieden lil sid it-trademark tal-UE sabiex jippreżenta osservazzjonijiet fi żmien perjodu speċifikat.

2.   Meta l-Uffiċċju jkun stieden lil parti skont l-Artikolu 57(1) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 sabiex jippreżenta osservazzjonijiet fi ħdan perjodu speċifikat u dik il-parti ma tippreżenta ebda osservazzjoni sa dak il-perjodu, l-Uffiċċju għandu jagħlaq il-parti avversarjali tal-proċedimenti u jibbaża d-deċiżjoni tiegħu dwar ir-revoka jew l-invalidità fuq il-bażi tal-evidenza quddiemu.

3.   Meta l-applikant ma jkunx ippreżenta l-fatti, l-argumenti jew l-evidenza meħtieġa li jsostnu l-applikazzjoni, l-applikazzjoni għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 62, l-osservazzjonijiet kollha ppreżentati mill-partijiet għandhom jintbagħtu lill-parti kkonċernata l-oħra.

5.   Meta s-sid jikkonsenja t-trademark tal-UE soġġetta għal applikazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 12 biex tkopri biss il-prodotti jew is-servizzi li l-applikazzjoni mhijiex immirata lejhom, jew it-trademark tal-UE titħassar fi proċedimenti paralleli, jew tiskadi, il-proċedimenti għandhom jingħalqu ħlief meta għandu japplika l-Artikolu 50(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 jew meta l-applikant juri li għandu interess leġittimu li jikseb deċiżjoni fuq il-mertu.

6.   Meta s-sid jikkonsenja b'mod parzjali t-trademark tal-UE billi jħassar uħud mill-prodotti jew mis-servizzi li għalihom hija mmirata l-applikazzjoni, l-Uffiċċju għandu jistieden lill-applikant sabiex jiddikjara, fil-perjodu li jispeċifika, jekk huwiex se żżomm l-applikazzjoni u, jekk iva, kontra liema mill-prodotti jew mis-servizzi li jifdal. Meta l-applikant jirtira l-applikazzjoni fid-dawl tal-konsenja, jew l-Uffiċċju ikun informat dwar soluzzjoni bejn il-partijiet, il-proċedimenti għandhom jingħalqu.

7.   Meta s-sid ikun jixtieq jikkonsenja t-trademark tal-UE kkontestata, għandu jagħmel dan permezz ta' dokument separat.

8.   L-Artikolu 8(9) għandu japplika mutatis mutandis.

Artikolu 18

Applikazzjonijiet multipli għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta' invalidità

1.   Meta jiġu ppreżentati diversi applikazzjonijiet għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta' invalidità b'rabta mal-istess trademark tal-UE, l-Uffiċċju jista' jeżaminhom f'sett wieħed ta' proċedimenti. Sussegwentement l-Uffiċċju jista' jiddeċiedi li jeżamina dawk l-applikazzjonijiet b'mod separat.

2.   L-Artikolu 9(2), (3) u (4) għandu japplika mutatis mutandis.

Artikolu 19

Prova tal-użu b'rabta ma' applikazzjoni għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta' invalidità

1.   Fil-każ ta' applikazzjoni għal revoka fuq il-bażi tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, l-Uffiċċju għandu jistieden lil sid it-trademark tal-UE sabiex jipprovdi prova ta' użu ġenwin ta' dik il-marka jew tar-raġunijiet xierqa għan-nuqqas ta' użu, fi ħdan perjodu li jispeċifika l-Uffiċċju stess. Meta s-sid ma jipprovdix din il-prova jew ir-raġunijiet għan-nuqqas ta' użu qabel ma tagħlaq l-iskadenza jew l-evidenza jew ir-raġunijiet ipprovduti jkunu manifestament insuffiċjenti jew irrilevanti, it-trademark tal-UE għandha tiġi revokata. L-Artikolu 10(3), (4), (6) u (7) ta' dan ir-Regolament għandu japplika mutatis mutandis.

2.   Talba għall-prova tal-użu skont l-Artikolu 57(2) jew (3) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 għandha tkun ammissibbli jekk sid it-trademark tal-UE jippreżentaha bħala talba inkundizzjonali f'dokument separat fi ħdan il-perjodu speċifikat mill-Uffiċċju skont l-Artikolu 17(1) ta' dan ir-Regolament. Meta sid it-trademark tal-UE ikun għamel talba għall-prova tal-użu ta' marka preċedenti jew tar-raġunijiet xierqa għan-nuqqas ta' użu li tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 57(2) jew (3) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, l-Uffiċċju għandu jistieden lill-applikant għal dikjarazzjoni ta' invalidità sabiex jipprovdi l-prova meħtieġa sal-għeluq ta' skadenza speċifikata mill-Uffiċċju. Meta l-applikant għal dikjarazzjoni ta' invalidità ma jipprovdix din il-prova jew ir-raġunijiet għan-nuqqas ta' użu qabel ma tagħlaq l-iskadenza jew l-evidenza jew ir-raġunijiet ipprovduti jkunu manifestament insuffiċjenti jew irrilevanti, l-Uffiċċju għandu jiċħad l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' invalidità peress li tkun ibbażata fuq dik il-marka preċedenti. L-Artikolu 10(3) sa (7) ta' dan ir-Regolament għandu japplika mutatis mutandis.

Artikolu 20

Talba għal ċessjoni

1.   Meta sid trademark jitlob, b'konformità mal-Artikolu 18(1) u (2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, ċessjoni minflok dikjarazzjoni ta' invalidità, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 12 sa 19 ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw mutatis mutandis.

2.   Meta talba għal ċessjoni skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 tiġi approvata parzjalment jew għalkollox mill-Uffiċċju jew minn qorti tat-trademarks tal-UE u d-deċiżjoni jew is-sentenza ssir finali, l-Uffiċċju għandu jiżgura li t-trasferiment parzjali jew totali li jirriżulta tat-trademark tal-UE jiddaħħal fir-Reġistru u jiġi ppubblikat.

TITOLU V

APPELLI

Artikolu 21

Notifika ta' Appell

1.   Notifika ta' appell ippreżentata skont l-Artikolu 60(1) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 għandu jkun fiha dawn li ġejjin:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-appellant skont l-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1431;

(b)

meta l-appellant ikun qabbad rappreżentant, l-isem u l-indirizz tan-negozju tar-rappreżentant skont l-Artikolu 2(1)(e) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1431;

(c)

meta r-rappreżentazzjoni tal-appellant tkun obbligatorja skont l-Artikolu 92(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, l-isem u l-indirizz tan-negozju tar-rappreżentant skont l-Artikolu 2(1)(e) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1431;

(d)

identifikazzjoni ċara u mhux ambigwa tad-deċiżjoni appellata li tindika d-data li fiha nħarġet u n-numru tal-fajl tal-proċedimenti li magħhom hija marbuta d-deċiżjoni appellata;

(e)

meta d-deċiżjoni appellata tkun ikkontestata biss parzjalment, identifikazzjoni ċara u mhux ambigwa tal-prodotti jew tas-servizzi li fir-rigward tagħhom tkun ikkontestata d-deċiżjoni appellata.

2.   Meta n-notifika tal-appell tiġi ppreżentata f'lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni li mhijiex il-lingwa tal-proċedimenti, l-appellant għandu jipprovdi traduzzjoni tagħha fi żmien erba' xhur mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni appellata.

3.   Meta fi proċedimenti ex parte d-deċiżjoni appellata tkun ittieħdet f'lingwa uffiċjali li mhijiex il-lingwa tal-proċedimenti, l-appellant jista' jippreżenta n-notifika tal-appell bil-lingwa tal-proċedimenti jew bil-lingwa li biha ttieħdet id-deċiżjoni appellata; fi kwalunkwe każ, il-lingwa użata għan-notifika tal-appell għandha ssir il-lingwa tal-proċedimenti tal-appell u ma għandux japplika l-paragrafu 2.

4.   Malli n-notifika tal-appell tiġi ppreżentata fi proċedimenti inter partes, għandha tiġi nnotifikata lill-konvenut.

Artikolu 22

Stqarrija tar-Raġunijiet

1.   Stqarrija li tistabbilixxi r-raġunijiet tal-appell ippreżentata skont ir-raba' sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 għandu jkun fiha identifikazzjoni ċara u mhux ambigwa ta' dawn li ġejjin:

(a)

il-proċedimenti ta' appell li għalihom tirreferi billi jiġi indikat in-numru tal-appell korrispondenti jew inkella d-deċiżjoni appellata skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 21(1)(d) ta' dan ir-Regolament;

(b)

ir-raġunijiet tal-appell li fuqhom qiegħed jintalab it-tħassir tad-deċiżjoni kkontestata sal-grad identifikat skont l-Artikolu 21(1)(e) ta' dan ir-Regolament;

(c)

il-fatti, l-evidenza u l-argumenti li jappoġġjaw ir-raġunijiet invokati, ippreżentati skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 55(2).

2.   L-istqarrija tar-raġunijiet għandha tiġi ppreżentata bil-lingwa tal-proċedimenti tal-appell kif stabbilit skont l-Artikolu 21(2) u (3). Meta l-istqarrija tar-raġunijiet tkun ippreżentata f'lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni, l-appellant irid jipprovdi traduzzjoni tagħha fi żmien xahar mid-data tal-preżentazzjoni tal-istqarrija oriġinali.

Artikolu 23

Ammissibbiltà ta' appell

1.   Il-Bord tal-Appell għandu jiċħad appell bħala inammissibbli fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

meta n-notifika tal-appell ma tkunx ġiet ippreżentata fi żmien xahrejn mid-data ta' notifika tad-deċiżjoni appellata;

(b)

meta l-appell ma jikkonformax mal-Artikoli 58 u 59 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, jew ma' dawk stabbiliti fl-Artikolu 21(1)(d) u l-Artikolu 21(2) u (3) ta' dan ir-Regolament, sakemm dawn in-nuqqasijiet ma jiġux irrimedjati fi żmien erba' xhur mid-data ta' notifika tad-deċiżjoni appellata;

(c)

meta n-notifika tal-appell ma tikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 21(1)(a), (b), (c) u (e), u l-appellant, minkejja li jkun ġie informat dwar dan mill-Bord tal-Appell, ma jkunx irrimedja għal dawk in-nuqqasijiet fl-iskadenza speċifikata mill-Bord tal-Appell għal dak il-għan;

(d)

meta l-istqarrija tar-raġunijiet ma tkunx ġiet ippreżentata fi żmien erba' xhur mid-data ta' notifika tad-deċiżjoni appellata;

(e)

meta l-istqarrija tar-raġunijiet ma tikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 22(1)(a) u (b), u l-appellant, minkejja li jkun ġie informat dwar dan mill-Bord tal-Appell, ma jkunx irrimedja għal dawk in-nuqqasijiet fl-iskadenza speċifikata mill-Bord tal-Appell għal dak il-għan jew ma jkunx ippreżenta t-traduzzjoni tal-istqarrija tar-raġunijiet fi żmien xahar mid-data tal-preżentazzjoni tal-istqarrija oriġinali skont l-Artikolu 22(2).

2.   Meta l-appell jidher li jkun inammissibbli, il-President tal-Bord tal-Appell li lilu jiġi allokat il-każ skont l-Artikolu 35(1) jista' jitlob lill-Bord tal-Appell sabiex jiddeċiedi mingħajr dewmien dwar l-ammissibbiltà tal-appell qabel ma l-konvenut jiġi nnotifikat bin-notifika jew bl-istqarrija tar-raġunijiet, skont il-każ.

3.   Il-Bord tal-Appell għandu jiddikjara li appell ma jitqiesx li ġie ppreżentat meta t-tariffa tal-appell tkun tħallset wara li tkun għalqet l-iskadenza stabbilita fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009. F'każ bħal dan, għandu japplika l-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 24

Rispons

1.   Fi proċedimenti inter partes, il-konvenut jista' jippreżenta risposta fi żmien xahrejn mid-data ta' notifika tal-istqarrija tar-raġunijiet tal-appellant. F'ċirkustanzi eċċezzjonali, dik l-iskadenza tista' tiġi estiża fuq talba raġunata tal-konvenut.

2.   Ir-risposta għandu jkun fiha l-isem u l-indirizz tal-konvenut skont l-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1431 u għandha tikkonforma, mutatis mutandis, mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 21(1)(b), (c) u (d), l-Artikolu 22(1)(a) u (c) u l-Artikolu 22(2) ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 25

Kontroappell

1.   Meta l-konvenut jitlob deċiżjoni li tħassar jew tbiddel id-deċiżjoni kkontestata fuq punt li ma jkunx tqajjem fl-appell, skont l-Artikolu 60(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, dak il-kontroappell għandu jiġi ppreżentat fi żmien l-iskadenza għall-preżentazzjoni ta' risposta skont l-Artikolu 24(1) ta' dan ir-Regolament.

2.   Kontroappell għandu jiġi ppreżentat b'dokument separat mir-risposta.

3.   Il-kontroappell għandu jkun fih l-isem u l-indirizz tal-konvenut skont l-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1431 u għandu jikkonforma mutatis mutandis mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 21(1)(b) sa (e) u l-Artikolu 22 ta' dan ir-Regolament.

4.   Kontroappell għandu jkun miċħud bħala inammissibbli fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

meta ma jkunx ġie ppreżentat sal-iskadenza stabbilita fil-paragrafu 1;

(b)

meta ma jkunx ġie ppreżentat b'ħarsien tar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 2 jew fl-Artikolu 21(1)(d);

(c)

meta ma jikkonformax mar-rekwiżiti msemmijin fil-paragrafu 3, u l-konvenut, minkejja li jkun ġie informat dwar dan mill-Bord tal-Appell, ma jkunx irrimedja għal dawn in-nuqqasijiet fi żmien l-iskadenza speċifikata mill-Bord tal-Appell għal dak il-għan, jew ma jkunx ippreżenta t-traduzzjoni tal-kontroappell u l-istqarrija tar-raġunijiet korrispondenti fi żmien xahar mid-data tal-preżentazzjoni oriġinali.

5.   L-appellant għandu jkun mistieden jippreżenta osservazzjonijiet dwar il-kontroappell tal-konvenut fi żmien xahrejn mid-data ta' notifika lill-appellant. F'ċirkostanzi eċċezzjonali, dik l-iskadenza tista' tiġi estiża mill-Bord tal-Appell fuq talba motivata tal-appellant. L-Artikolu 26 għandu japplika mutatis mutandis.

Artikolu 26

Risposta u kontroreplika fi proċedimenti inter partes

1.   Fuq talba motivata tal-appellant ippreżentata fi żmien ġimgħatejn wara n-notifika tar-risposta, il-Bord tal-Appell, skont l-Artikolu 63(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, jista' jawtorizza lill-appellant sabiex jissupplimenta l-istqarrija tar-raġunijiet b'risposta fi żmien speċifikat mill-Bord tal-Appell.

2.   F'dan il-każ, il-Bord tal-Appell għandu jawtorizza wkoll lill-konvenut sabiex jissupplimenta r-risposta b'kontroreplika fi żmien speċifikat mill-Bord tal-Appell.

Artikolu 27

Eżaminazzjoni tal-appell

1.   Fi proċedimenti ex parte u fir-rigward ta' dawk il-prodotti jew servizzi li jifformaw parti mis-suġġett tal-appell, il-Bord tal-Appell, f'konformità mal-Artikolu 40(3) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, għandu jipproċedi skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, meta jqajjem raġuni għaċ-ċaħda tal-applikazzjoni għat-trademark li ma kinitx diġà invokata fid-deċiżjoni appellata fl-applikazzjoni ta' dik id-dispożizzjoni.

2.   Fi proċedimenti inter partes, l-eżaminazzjoni tal-appell u, skont il-każ, il-kontroappell, għandha tkun ristretta għar-raġunijiet invokati fl-istqarrija tar-raġunijiet u, skont il-każ, fil-kontroappell. Il-punti legali li ma jitqajmux mill-partijiet għandhom jiġu eżaminati mill-Bord tal-Appell biss meta jkunu jikkonċernaw rekwiżiti proċedurali essenzjali jew meta jkun meħtieġ li dawn jissolvew sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 fir-rigward tal-fatti, l-evidenza u l-argumenti ppreżentati mill-partijiet.

3.   L-eżaminazzjoni tal-appell għandha tinkludi t-talbiet jew il-pretensjonijiet li ġejjin sakemm dawn ikunu tqajmu fid-dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-appell jew, skont il-każ, fil-kontroappell u sakemm ikunu tqajmu fil-ħin matul il-proċedimenti quddiem l-istanza tal-Uffiċċju li jkun adotta d-deċiżjoni soġġetta għal appell:

(a)

id-distintività miksuba bl-użu kif imsemmi fl-Artikolu 7(3) u fl-Artikolu 52(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009;

(b)

ir-rikonoxximent tat-trademark preċedenti fis-suq miksub bl-użu għall-finijiet tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009;

(c)

prova tal-użu skont l-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 jew l-Artikolu 57(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009.

4.   B'konformità mal-Artikolu 76(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, il-Bord tal-Appell jista' jaċċetta fatti jew evidenza ppreżentati għall-ewwel darba quddiemu biss meta dawk il-fatti jew l-evidenza jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

minn kif ikun jidher, aktarx li jkunu rilevanti għall-eżitu tal-każ; u

(b)

ma jkunux ġew prodotti fil-ħin għal raġunijiet validi, speċjalment meta jkunu qegħdin sempliċiment jissupplimentaw fatti u evidenza rilevanti li jkunu diġà ġew ippreżentati fil-ħin, jew ikunu ppreżentati sabiex jiġu kkontestati sejbiet li jkunu saru jew ikunu ġew eżaminati mill-ewwel istanza tal-mozzjoni tagħha stess fid-deċiżjoni appellata.

5.   Sa mhux iktar tard mid-deċiżjoni tiegħu fuq l-appell u, skont il-każ, il-kontroappell, il-Bord tal-Appell għandu jiddeċiedi fuq it-talbiet għal restrizzjoni, diviżjoni jew konsenja parzjali tal-marka kkontestata ddikjarata matul il-proċedimenti ta' appell mill-applikant jew mis-sid skont l-Artikoli 43, 44 jew 50 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009. Meta l-Bord tal-Appell jaċċetta r-restrizzjoni, id-diviżjoni jew il-konsenja parzjali, mingħajr dewmien għandu jinforma lid-dipartiment inkarigat mir-reġistru u lid-dipartimenti li jindirizzaw il-proċedimenti paralleli li jinvolvu l-istess marka, kif xieraq.

Artikolu 28

Komunikazzjonijiet mill-Bord tal-Appell

1.   Il-komunikazzjonijiet mill-Bord tal-Appell matul l-eżaminazzjoni tal-appell jew sabiex tiġi ffaċilitata soluzzjoni bonarja tal-proċedimenti għandhom jitħejjew mir-rapporteur u għandhom jiġu ffirmati mir-rapporteur f'isem il-Bord tal-Appell, bi qbil mal-President tal-Bord tal-Appell.

2.   Meta Bord tal-Appell jikkomunika mal-partijiet rigward l-opinjoni provviżorja tiegħu fuq kwistjonijiet ta' fatt jew liġi, għandu jiddikjara li mhuwiex marbut b'dik il-komunikazzjoni.

Artikolu 29

Kummenti dwar kwistjonijiet ta' interess ġenerali

Il-Bord tal-Appell, fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba motivata u bil-miktub mid-Direttur Eżekuttiv tal-Uffiċċju, jista' jistieden lid-Direttur Eżekuttiv sabiex jikkummenta fuq kwistjonijiet ta' interess ġenerali li jqumu matul il-proċedimenti pendenti quddiemu. Il-partijiet għandhom ikunu intitolati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-kummenti tad-Direttur Eżekuttiv.

Artikolu 30

Ftuħ mill-ġdid tal-eżaminazzjoni tar-raġunijiet assoluti

1.   Meta, fi proċedimenti ex parte, il-Bord tal-Appell iqis li raġuni assoluta għaċ-ċaħda tista' tkun applikabbli għall-prodotti jew is-servizzi elenkati fl-applikazzjoni għat-trademark li ma jagħmlux parti mis-suġġett tal-appell, għandu jinforma lill-eżaminatur kompetenti biex jeżamina dik l-applikazzjoni li jista' jiddeċiedi li jerġa' jiftaħ l-eżaminazzjoni skont l-Artikolu 40(3) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 fir-rigward ta' dawk il-prodotti jew is-servizzi.

2.   Meta deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tkun appellata, il-Bord tal-Appell jista', permezz ta' deċiżjoni interim motivata u mingħajr ħsara għall-Artikolu 58(1) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, jissospendi l-proċedimenti ta' appell u jirreferi l-applikazzjoni kkontestata lill-eżaminatur kompetenti biex jeżamina dik l-applikazzjoni b'rakkomandazzjoni li jerġa' jiftaħ l-eżaminazzjoni skont l-Artikolu 40(3) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, meta jqis li għandha tapplika raġuni assoluta għaċ-ċaħda għal uħud mill-prodotti jew mis-servizzi fl-applikazzjoni għat-trademark jew għal kollha kemm huma.

3.   Meta l-applikazzjoni kkontestata tkun ġiet rimessa b'applikazzjoni tal-paragrafu 2, l-eżaminatur għandu jinforma lill-Bord tal-Appell mingħajr demwien dwar jekk l-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni kkontestata reġgħetx infetħet jew le. Meta l-eżaminazzjoni terġa' tinfetaħ, il-proċedimenti tal-appell għandhom jibqgħu sospiżi sakemm l-eżaminatur jieħu deċiżjoni u, meta l-applikazzjoni kkontestata tiġi miċħuda kollha kemm hi jew parti minnha, sakemm id-deċiżjoni tal-eżaminatur f'dan is-sens issir finali.

Artikolu 31

Eżaminazzjoni ta' appell bħala kwistjoni ta' prijorità

1.   Fuq il-bażi ta' talba motivata tal-appellant jew tal-konvenut u wara s-smigħ tal-parti l-oħra, il-Bord tal-Appell jista' jiddeċiedi, fir-rigward tal-urġenza partikolari u ċ-ċirkustanzi tal-każ, li jeżamina l-appell bħala kwistjoni ta' prijorità, bla ma jippreġudika d-dispożizzjonijiet fl-Artikoli 23 u 26, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar il-limiti ta' żmien.

2.   It-talba għall-eżaminazzjoni tal-appell bħala kwistjoni ta' prijorità tista' tiġi ppreżentata fi kwalunkwe ħin matul il-proċedimenti tal-appell. Hija għandha tiġi ppreżentata f'dokument separat u tkun sostnuta b'evidenza dwar l-urġenza u ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ.

Artikolu 32

Kontenut formali tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell

Id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell għandu jkun fiha:

(a)

stqarrija li hija meħuda mill-Bordijiet tal-Appell;

(b)

id-data li fiha ttieħdet id-deċiżjoni;

(c)

l-ismijiet tal-partijiet u tar-rappreżentanti tagħhom;

(d)

in-numru tal-appell li tirreferi għalih u identifikazzjoni tad-deċiżjoni appellata skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 21(1)(d);

(e)

indikazzjoni rigward il-kompożizzjoni tal-Bord tal-Appell;

(f)

l-isem u, mingħajr ħsara għall-Artikolu 39(5), il-firma tal-President u tal-membri li ħadu sehem fid-deċiżjoni, inkluża indikazzjoni ta' min aġixxa bħala rapporteur fil-każ, jew, meta d-deċiżjoni tittieħed minn membru uniku, l-isem u l-firma tal-membru li ħadha;

(g)

l-isem u l-firma tar-Reġistratur jew, skont il-każ, tal-membru tar-Reġistru li jiffirma f'isem ir-Reġistratur;

(h)

sommarju tal-fatti u tal-argumenti ppreżentati mill-partijiet;

(i)

stqarrija tar-raġunijiet li għalihom ittieħdet id-deċiżjoni;

(j)

l-ordni tal-Bord tal-Appell, inkluża, fejn hemm bżonn, deċiżjoni fuq l-ispejjeż.

Artikolu 33

Rimborż tat-tariffa tal-appell

It-tariffa tal-appell għandha tintradd lura fuq ordni tal-Bord tal-Appell fi kwalunkwe wieħed minn dawn il-każijiet:

(a)

meta l-appell ma jitqisx li ġie ppreżentat skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009;

(b)

meta l-istanza tat-teħid tad-deċiżjoniijiet tal-Uffiċċju li adottat id-deċiżjoni kkontestata tawtorizza reviżjoni skont l-Artikolu 61(1) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 jew tirrevoka d-deċiżjoni kkontestata b'applikazzjoni tal-Artikolu 80 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009;

(c)

meta wara l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedimenti ta' eżaminazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 40(3) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Bord tal-Appell skont l-Artikolu 30(2) ta' dan ir-Regolament, l-applikazzjoni kkontestata tkun ġiet miċħuda mid-deċiżjoni finali tal-eżaminatur u bħala konsegwenza ta' dan l-appell ikun tilef l-għan tiegħu;

(d)

meta l-Bord tal-Appell iqis li t-tali rimborż huwa ekwu minħabba ksur proċedurali sostanzjali.

Artikolu 34

Reviżjoni u revoka tad-deċiżjoni appellata

1.   Meta, fi proċedimenti ex parte, l-appell ma jiġix miċħud skont l-Artikolu 23(1), il-Bord tal-Appell għandu jippreżenta n-notifika tal-appell u l-istqarrija tar-raġunijiet tal-appell lill-istanza tal-Uffiċċju li adottat id-deċiżjoni kkontestata għall-finijiet tal-Artikolu 61 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009.

2.   Meta l-istanza tal-Uffiċċju li adottat id-deċiżjoni appellata tiddeċiedi li tawtorizza reviżjoni skont l-Artikolu 61(1) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, għandha tinforma lill-Bord tal-Appell dwar dan mingħajr dewmien.

3.   Meta l-istanza tal-Uffiċċju li adottat id-deċiżjoni appellata tniedi l-proċedura għar-revokazzjoni tad-deċiżjoni appellata skont l-Artikolu 80(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, għandha tinforma lill-Bord tal-Appell dwar dan mingħajr dewmien għall-finijiet tal-Artikolu 71 ta' dan ir-Regolament. Għandha tinforma wkoll lill-Bord tal-Appell mingħajr dewmien dwar l-eżitu finali ta' dik il-proċedura.

Artikolu 35

Allokazzjoni ta' appell lil Bord u ħatra ta' rapporteur

1.   Malli tiġi ppreżentata n-notifika tal-appell, il-President tal-Bordijiet għandu jalloka l-kawża lil Bord tal-Appell skont il-kriterji oġġettivi stabbiliti mill-Presidju tal-Bordijiet tal-Appell imsemmi fl-Artikolu 136(4)(c) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009.

2.   Għal kull kawża allokata lil Bord tal-Appell skont il-paragrafu 1, il-President tiegħu għandu jaħtar lil membru ta' dak il-Bord tal-Appell, jew lill-president, bħala rapporteur.

3.   Meta kawża taqa' taħt l-awtorità ta' membru uniku skont l-Artikolu 36(1), il-Bord tal-Appell li jieħu ħsieb il-kawża għandu jagħżel rapporteur bħala membru uniku skont l-Artikolu 135(5) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009.

4.   Meta deċiżjoni ta' Bord tal-Appell fuq kawża tiġi annullata jew tinbidel permezz ta' sentenza finali mill-Qorti Ġenerali jew, skont il-każ, mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-President tal-Bordijiet tal-Appell għandu, bil-għan li jikkonforma ma' dik is-sentenza skont l-Artikolu 65(6) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, jerġa' jalloka l-kawża skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu lil Bord tal-Appell, li ma għandux jinkludi fih dawk il-membri li kienu adottaw id-deċiżjoni annullata, ħlief meta l-kawża tiġi riferita lill-Bord tal-Appell estiż (“il-Gran Bord”) jew meta d-deċiżjoni annullata tkun ittieħdet mill-Gran Bord.

5.   Meta jiġu ppreżentati diversi appelli kontra l-istess deċiżjoni, dawk l-appelli għandhom jiġu kkunsidrati fl-istess proċedimenti. Meta l-appelli li jinvolvu l-istess partijiet jiġu ppreżentati kontra deċiżjonijiet separati li jikkonċernaw l-istess trademark, jew ikollhom elementi fattwali jew legali rilevanti oħrajn komuni bejniethom, dawk l-appelli jistgħu jiġu kkunsidrati fi proċedimenti konġunti bil-kunsens tal-partijiet.

Artikolu 36

Kawżi li jaqgħu taħt l-awtorità ta' membru uniku

1.   Il-Bord tal-Appell li jieħu ħsieb il-kawża jista' jaħtar membru uniku skont it-tifsira tal-Artikolu 135(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 għall-finijiet tad-deċiżjonijiet li ġejjin:

(a)

deċiżjonijiet skont l-Artikolu 23;

(b)

deċiżjonijiet li jagħlqu l-proċedimenti ta' appell wara l-irtirar, iċ-ċaħda, il-konsenja jew it-tħassir tal-marka kkontestata jew dik preċedenti;

(c)

deċiżjonijiet li jagħlqu l-proċedimenti ta' appell wara l-irtirar tal-oppożizzjoni, tat-talba għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta' invalidtà jew tal-appell;

(d)

deċiżjonijiet dwar miżuri skont l-Artikolu 79d(1) u l-Artikolu 80(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, sakemm il-korrezzjoni jew, skont il-każ, ir-revoka tad-deċiżjoni dwar l-appell tikkonċerna deċiżjoni meħuda minn membru uniku;

(e)

deċiżjonijiet skont l-Artikolu 81(4) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009;

(f)

deċiżjonijiet skont l-Artikolu 85(3), (4) u (7) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009;

(g)

deċiżjonijiet dwar appelli kontra deċiżjonijiet fi proċedimenti ex parte meħudin abbażi ta' raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, li huma manifestament infondati jew manifestament fondati sew.

2.   Meta l-membru uniku jikkunsidra li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jew fl-Artikolu 135(5) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 mhumiex, jew ma għadhomx, issodisfati, il-membru uniku għandu jirreferi l-kawża lura lill-Bord tal-Appell fil-kompożizzjoni tiegħu ta' tliet membri billi jippreżenta abbozz tad-deċiżjoni skont l-Artikolu 41 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 37

Riferiment lill-Gran Bord

1.   Mingħajr ħsara għall-fakultà li jirreferi għal kawża lill-Gran Bord skont l-Artikolu 135(3) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, Bord tal-Appell għandu jirrferi l-kawża allokata lilu lill-Gran Bord jekk iqis li jrid jiddevja minn interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti mogħtija f'deċiżjoni preċedenti tal-Gran Bord, jew jekk josserva li l-Bordijiet tal-Appell ħarġu deċiżjonijiet diverġenti fuq punt legali li aktarx jaffettwa l-eżitu tal-kawża.

2.   Id-deċiżjonijiet kollha dwar ir-riferimenti tal-kawżi ta' appell lill-Gran Bord għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li għalihom il-Bord tal-Appell li jagħmel ir-riferiment jew, skont il-każ, il-Presidju tal-Bordijiet tal-Appell iqis li dan huwa ġġustifikat, għandhom ikunu kkomunikati lill-partijiet fil-kawża u għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Uffiċċju.

3.   Il-Gran Bord għandu jirreferi l-kawża lura mingħajr dewmien lill-Bord tal-Appell li oriġinarjament kienet allokata lilu jekk jemmen li l-kundizzjonijiet għar-riferiment oriġinali mhumiex, jew ma għadhomx, issodisfati.

4.   It-talbiet għal opinjoni motivata fuq kwistjonijiet ta' punt legali skont l-Artikolu 128(4)(l) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 għandhom jiġu riferiti lill-Gran Bord bil-miktub, għandhom jiddikjaraw il-kwistjonijiet legali li fuqhom qiegħda tintalab interpretazzjoni, u jistgħu jiddikjaraw ukoll il-fehma tad-Direttur Eżekuttiv fuq l-interpretazzjonijiet differenti possibbli kif ukoll fuq il-konsegwenzi legali u prattiċi rispettivi tagħhom. It-talba għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Uffiċċju.

5.   Meta Bord tal-Appell ikollu jiddeċiedi, f'kawża pendenti quddiemu, fuq l-istess punt legali li diġà tqajjem f'riferiment lill-Gran Bord skont l-Artikolu 135(3) jew l-Artikolu 128(4)(l) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, huwa għandu jissospendi l-proċedimenti sakemm il-Gran Bord ikun ħa d-deċiżjoni tiegħu jew ikun ta l-opinjoni motivata tiegħu.

6.   Gruppi jew korpi li jirrappreżentaw manifatturi, produtturi, fornituri ta' servizzi, negozjanti jew konsumaturi li jistgħu jistabbilixxu interess fir-riżultat ta' kawża fuq appell jew talba għal opinjoni motivata mressqa quddiem il-Gran Bord, jistgħu jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Uffiċċju tad-deċiżjoni ta' riferiment jew, skont il-każ, it-talba għal opinjoni raġunata. Ma għandhomx ikunu partijiet għall-proċedimenti quddiem il-Gran Bord u għandhom iġarrbu l-ispejjeż tagħhom stess.

Artikolu 38

Bidla fil-kompożizzjoni ta' Bord

1.   Meta, wara l-proċedimenti orali, il-kompożizzjoni ta' Bord tal-Appell tinbidel skont l-Artikolu 43(2) u (3), il-partijiet kollha fil-proċedimenti għandhom ikunu informati li fuq talba ta' kwalunkwe parti, il-proċedimenti orali l-ġodda għandhom isiru quddiem il-Bord tal-Appell fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu. Proċedimenti orali ġodda għandhom isiru wkoll jekk il-membru l-ġdid jitlob hekk u sakemm il-membri l-oħrajn tal-Bord tal-Appell ikunu qablu miegħu.

2.   Il-membru l-ġdid ta' Bord tal-Appell għandu jkun marbut daqs il-membri l-oħrajn bi kwalunkwe deċiżjoni li diġà tkun ittieħdet.

Artikolu 39

Deliberazzjoni, votazzjoni u ffirmar tad-deċiżjonijiet

1.   Ir-rapporteur għandu jippreżenta lill-membri l-oħrajn tal-Bord tal-Appell abbozz tad-deċiżjoni li trid tittieħed u għandu jistabbilixxi skadenza raġonevoli sa meta tista' tiġi ppreżentata oppożizzjoni jew jintalbu bidliet.

2.   Il-Bord tal-Appell għandu jiltaqa' sabiex jiddelibera fuq id-deċiżjoni li trid tittieħed jekk jidher li l-membri tiegħu ma jkunux kollha tal-istess fehma. Il-membri tal-Bord tal-Appell biss għandhom jieħdu sehem fid-deliberazzjonijiet; madankollu, il-President tal-Bord tal-Appell jista' jawtorizza l-attendenza ta' uffiċjali oħrajn bħar-Reġistratur jew interpreti. Id-deliberazzjonijiet għandhom ikunu u jibqgħu sigrieti.

3.   Matul id-deliberazzjonijiet bejn il-membri ta' Bord tal-Appell, l-opinjoni tar-rapporteur għandha tinstemal-ewwel, u, jekk ir-rapporteur ma jkunx il-President, l-opinjoni tal-President għandha tinstemal-aħħar.

4.   Jekk ikun meħtieġ li ssir votazzjoni, il-voti għandhom jittieħdu fl-istess sekwenza, ħlief li l-President dejjem irid jivvota l-aħħar. Mhumiex permessi astensjonijiet.

5.   Il-membri kollha tal-Bord tal-Appell li jieħdu d-deċiżjoni jridu jiffirmawha. Madankollu, meta l-Bord tal-Appell diġà jkun ħa deċiżjoni finali u membru ma jkunx jista' jaġixxi, dak il-membru ma għandux jinbidel u l-President għandu jiffirma d-deċiżjoni f'isem il-membru. Meta l-President ma jkunx jista' jaġixxi, l-iktar membru anzjan tal-Bord tal-Appell kif stabbilit skont l-Artikolu 43(1) għandu jiffirma d-deċiżjoni f'isem il-President.

6.   Il-paragrafi 1 sa 5 ma għandhomx japplikaw meta tkun trid tittieħed deċiżjoni minn membru wieħed skont l-Artikolu 135(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 u skont l-Artikolu 36(1) ta' dan ir-Regolament. F'dawn il-każijiet, id-deċiżjonijiet iridu jiġu ffirmati mill-membru uniku.

Artikolu 40

President ta' Bord tal-Appell

President għandu jippresjedi fuq Bord tal-Appell u għandu jkollu d-dmirijiet li ġejjin:

(a)

jaħtar membru tal-Bord tal-Appell, jew lilu nnifsu, bħala rapporteur għal kull kawża allokata lil dak il-Bord tal-Appell skont l-Artikolu 35(2);

(b)

jaħtar, f'isem il-Bord tal-Appell, ir-rapporteur bħala membru uniku skont l-Artikolu 135(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009;

(c)

jitlob lill-Bord tal-Appell jiddeċiedi fuq l-ammissibbiltà tal-appell skont l-Artikolu 23(2) ta' dan ir-Regolament;

(d)

jidderieġi l-eżaminazzjoni preparatorja tal-kawża mwettqa mir-rapporteur skont l-Artikolu 41 ta' dan ir-Regolament;

(e)

jippresjedi seduti orali u t-teħid ta' evidenza, u jiffirma l-minuti tagħhom.

Artikolu 41

Rapporteur għal Bord tal-Appell

1.   Ir-rapporteur għandu jwettaq studju preliminari tal-appell assenjat lir-rapporteur, iħejji l-kawża għall-eżaminazzjoni u d-deliberazzjoni mill-Bord tal-Appell, u jabbozza d-deċiżjoni li jrid jieħu l-Bord tal-Appell.

2.   Għal dan il-għan, ir-rapporteur, fejn ikun hemm bżonn u soġġett għall-ordnijiet tal-President tal-Bord tal-Appell, għandu jkollu l-kompiti li ġejjin:

(a)

jistieden lill-partijiet jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 63(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009;

(b)

jiddeċiedi fuq talbiet għall-estensjoni tal-limiti ta' żmien u, skont il-każ, jistabbilixxi limiti ta' żmien skont it-tifsira tal-Artikolu 24(1), l-Artikolu 25(5) u l-Artikolu 26 ta' dan ir-Regolament, u fuq is-sospensjonijiet skont l-Artikolu 71;

(c)

iħejji komunikazzjonijiet skont l-Artikolu 28 u s-seduta orali;

(d)

jiffirma l-minuti tal-proċedimenti orali u t-teħid ta' evidenza.

Artikolu 42

Reġistru

1.   Għandu jiġi stabbilit Reġistru fil-Bordijiet tal-Appell. Għandu jkun responsabbli għar-riċeviment, id-dispaċċ, il-ħarsien u n-notifika tad-dokumenti kollha marbutin mal-proċedimenti quddiem il-Bordijiet tal-Appell, u għall-kumpilazzjoni tal-fajls rilevanti.

2.   Ir-Reġistru għandu jitmexxa minn Reġistratur. Ir-Reġistratur għandu jwettaq il-kompiti msemmijin f'dan l-Artikolu taħt l-awtorità tal-President tal-Bordijiet tal-Appell, mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 3.

3.   Ir-Reġistratur għandu jiżgura li jiġu rrispettati r-rekwiżiti formali u l-limiti ta' żmien kollha stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 207/2009, f'dan ir-Regolament jew f'deċiżjonijiet tal-Presidju tal-Bordijiet tal-Appell adottati skont l-Artikolu 136(4)(c) u (d) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009. Għal dan il-għan, ir-Reġistratur għandu jkollu d-dmirijiet li ġejjin:

(a)

jiffirma d-deċiżjonijiet meħudin mill-Bordijiet tal-Appell fir-rigward tal-appelli;

(b)

jieħu u jiffirma l-minuti tal-proċedimenti orali u t-teħid ta' evidenza;

(c)

jipprovdi, jew fuq mozzjoni tiegħu stess jew fuq talba tal-Bord tal-Appell, opinjonijiet raġunati lill-Bord tal-Appell fuq rekwiżiti proċedurali u formali inkluż fuq irregolaritajiet skont l-Artikolu 23(2) ta' dan ir-Regolament;

(d)

jippreżenta l-appell, skont l-Artikolu 34(1) ta' dan ir-Regolament, lill-istanza tal-Uffiċċju li adottat id-deċiżjoni kkontestata;

(e)

jordna, f'isem il-Bord tal-Appell, fil-każijiet imsemmijin fl-Artikolu 33(a) u (b) ta' dan ir-Regolament, ir-rimborż tat-tariffa tal-appell.

4.   Ir-Reġistratur, fuq delega tal-President tal-Bordijiet tal-Appell, għandu jkollu l-kompiti li ġejjin:

(a)

jalloka l-kawżi skont l-Artikolu 35(1) u (4);

(b)

jimplimenta, skont l-Artikolu 136(4)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, deċiżjonijiet tal-Presidju tal-Bordijiet tal-Appell marbutin mal-kondotta tal-proċedimenti quddiem il-Bordijiet tal-Appell.

5.   Ir-Reġistratur, fuq delega tal-Presidju tal-Bordijiet tal-Appell li ssir fuq proposta tal-President tal-Bordijiet tal-Appell, jista' jwettaq kompiti oħrajn marbutin mal-kondotta tal-proċedimenti tal-appell quddiem il-Bordijiet tal-Appell u l-organizzazzjoni tal-ħidma tagħhom.

6.   Ir-Reġistratur jista' jiddelega l-kompiti msemmijin f'dan l-Artikolu lil membru tar-Reġistru.

7.   Meta r-Reġistratur ma jkunx jista' jaġixxi skont it-tifsira tal-Artikolu 43(4), jew meta l-kariga ta' Reġistratur tkun battala, il-President tal-Bordijiet tal-Appell għandu jaħtar membru tar-Reġistru li għandu jwettaq il-kompiti tar-Reġistratur fin-nuqqas tar-Reġistratur.

8.   Il-membri tar-Reġistru għandhom ikunu mmaniġġjati mir-Reġistratur.

Artikolu 43

Ordni ta' anzjanità u sostituzzjoni tal-membri u tal-Presidenti

1.   L-anzjanità tal-Presidenti u tal-membri għandha tiġi kkalkolata skont id-data li fiha assumew dmirijiethom kif speċifikat fl-istrument tal-ħatra jew, fin-nuqqas ta' dan, kif stabbilita mill-Bord Maniġerjali tal-Uffiċċju. Fil-każ tal-istess anzjanità fuq dik il-bażi, hija l-età li tiddetermina l-ordni ta' anzjanità. Il-Presidenti u l-membri li jiġġedded il-mandat tagħhom għandhom iżommu l-anzjanità preċedenti tagħhom.

2.   Meta l-President ta' Bord tal-Appell ma jkunx jista' jaġixxi, dak il-President għandu jiġi sostitwit, fuq il-bażi tal-anzjanità kif stabbilita skont il-paragrafu 1, mill-iktar membru anzjan tal-Bord tal-Appell jew, jekk ma jkun hemm ebda membru ta' dak il-Bord tal-Appell disponibbli, mill-iktar membru anzjan mill-membri l-oħrajn tal-Bordijiet tal-Appell.

3.   Meta membru ta' Bord tal-Appell ma jkunx jista' jaġixxi, dak il-membru għandu jiġi ssostitwit, fuq il-bażi tal-anzjanità kif stabbilita skont il-paragrafu 1, mill-iktar membru anzjan tal-Bord tal-Appell jew, jekk ma jkun hemm ebda membru ta' dak il-Bord tal-Appell disponibbli, mill-iktar membru anzjan mill-membri l-oħrajn tal-Bordijiet tal-Appell.

4.   Għall-finijiet tal-paragrafi 2 u 3, il-Presidenti u l-membri tal-Bordijiet tal-Appell għandhom jitqiesu li ma jistgħux jaġixxu fil-każ ta' liv, mard, impenji li ma jistgħux joħorġu minnhom u esklużjoni skont l-Artikolu 137 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 u l-Artikolu 35(4) ta' dan ir-Regolament. President għandu jitqies ukoll li ma jistax jaġixxi meta dak il-President jaġixxi ad interim bħala President tal-Bordijiet tal-Appell skont l-Artikolu 47(2) ta' dan ir-Regolament. Meta l-kariga ta' President jew membru tkun battala, il-funzjonijiet rispettivi tagħhom għandhom jiġu eżerċitati ad interim skont id-dispożizzjonijiet fil-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu rigward is-sostituzzjoni.

5.   Kwalunkwe membru li jqis li ma jistax jaġixxi għandu jinforma mingħajr dewmien lill-President tal-Bord tal-Appell ikkonċernat. Kwalunkwe President li jqis li ma jistax jaġixxi għandu jinforma fl-istess ħin mingħajr dewmien lis-sostitut ta' dak il-President stabbilit skont il-paragrafu 2 u lill-President tal-Bordijiet tal-Appell.

Artikolu 44

Esklużjoni u oġġezzjoni

1.   Qabel ma Bord tal-Appell jieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 137(4) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, il-President jew il-membru kkonċernat għandu jkun mistieden jippreżenta kummenti dwar jekk hemmx raġuni għall-esklużjoni jew l-oġġezzjoni.

2.   Meta l-Bord tal-Appell isir jaf, minn sors li mhuwiex il-membru kkonċernat innifsu jew parti għall-proċedimenti, dwar raġuni possibbli għall-esklużjoni jew oġġezzjoni skont l-Artikolu 137(3) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, għandha tiġi applikata l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 137(4) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009.

3.   Il-proċedimenti kkonċernati għandhom ikunu sospiżi sakemm tittieħed deċiżjoni fuq l-azzjoni li trid tittieħed skont l-Artikolu 137(4) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009.

Artikolu 45

Gran Bord

1.   Il-lista li tinkludi l-ismijiet tal-membri kollha tal-Bordijiet tal-Appell għajr il-President tal-Bordijiet tal-Appell u l-Presidenti tal-Bordijiet tal-Appell għall-finijiet ta' għażla b'sistema ta' rotazzjoni tal-membri tal-Gran Bord imsemmijin fl-Artikolu 136a(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 għandha titfassal fl-ordni ta' anzjanità stabbilita skont l-Artikolu 43(1) ta' dan ir-Regolament. Meta appell ikun ġie riferit lill-Gran Bord skont l-Artikolu 135(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, il-Gran Bord għandu jinkludi lir-rapporteur maħtur qabel ir-riferiment.

2.   L-Artikolu 40 għandu japplika għall-President tal-Bordijiet tal-Appell li jaġixxu fil-kapaċità ta' President tal-Gran Bord. L-Artikolu 41 għandu japplika għar-rapporteur għall-Gran Bord.

3.   Meta l-President tal-Bordijiet tal-Appell ma jkunx jista' jaġixxi bħala President tal-Gran Bord, il-President tal-Bordijiet tal-Appell għandu jkun sostitwit f'dik il-funzjoni u, skont il-każ, bħala rapporteur għall-Gran Bord, fuq il-bażi tal-anzjanità kif stabbilita skont l-Artikolu 43(1) mill-iktar President anzjan tal-Bordijiet tal-Appell. Meta membru tal-Gran Bord ma jkunx jista' jaġixxi, dak il-membru għandu jkun sostitwit minn membru ieħor tal-Bordijiet tal-Appell li jrid jintgħażel skont l-Artikolu 136a(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 u l-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. L-Artikolu 43(4) u (5) ta' dan ir-Regolament għandu japplika mutatis mutandis.

4.   Il-Gran Bord ma għandux jiddelibera jew jivvota fuq kawżi, u l-proċedimenti orali ma għandhomx iseħħu quddiem il-Gran Bord sakemm ma jkunux preżenti sebgħa mill-membri tiegħu, inklużi l-President u r-rapporteur tiegħu.

5.   L-Artikolu 39(1) sa (5) għandu japplika għad-deliberazzjoni u l-votazzjoni tal-Gran Bord. F'każ ta' voti ndaqs, il-vot tal-President għandu jkun deċiżiv.

6.   L-Artikolu 32 għandu japplika għal deċiżjonijiet tal-Gran Bord u mutatis mutandis għall-opinjonijiet immotivati tiegħu skont it-tifsira tal-Artikolu 128(4)(l) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009.

Artikolu 46

Presidju tal-Bord tal-Appell

1.   Il-Presidju tal-Bordijiet tal-Appell għandu jkollu d-dmirijiet li ġejjin:

(a)

jiddeċiedi fuq kif inhuma kkostitwiti l-Bordijiet tal-Appell;

(b)

jistabbilixxi l-kriterji oġġettivi għall-allokazzjoni tal-kawżi tal-appell lill-Bordijiet tal-Appell u jiddeċiedi dwar kwalunkwe kunflitt fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom;

(c)

fuq proposta tal-President tal-Bordijiet tal-Appell, jistabbilixxi r-rekwiżiti ta' nfiq tal-Bordijiet tal-Appell bil-għan li jfassal l-estimi tan-nefqa tal-Uffiċċju;

(d)

jistipula r-regoli interni tiegħu;

(e)

jistabbilixxi r-regoli għall-ipproċessar tal-esklużjoni u l-oġġezzjoni tal-membri skont l-Artikolu 137 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009;

(f)

jistabbilixxi l-istruzzjonijiet tal-ħidma għar-Reġistru;

(g)

jieħu kwalunkwe miżura oħra għall-fini ta' eżerċitar tal-funzjonijiet tiegħu li jistabbilixxu r-regoli u jorganizza l-ħidma tal-Bordijiet tal-Appell skont l-Artikolu 135(3)(a) u l-Artikolu 136(4)(a) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009.

2.   Il-Presidju jista' jiddelibera b'mod validu biss jekk ikunu preżenti tal-inqas żewġ terzi mill-membri tiegħu, inkluż il-President tal-Presidju u nofs il-Presidenti tal-Bordijiet tal-Appell, imqarrba 'l fuq jekk ikun hemm bżonn. Id-deċiżjonijiet tal-Presidju huma meħuda permezz ta' votazzjoni b'maġġoranza. F'każ ta' voti ndaqs, il-vot tal-President għandu jkun deċiżiv.

3.   Id-deċiżjonijiet li jadotta l-Presidju skont l-Artikolu 43(1), l-Artikolu 45(1) u l-paragrafu 1(a) u (b) ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Uffiċċju.

Artikolu 47

President tal-Bordijiet tal-Appell

1.   Meta l-President u l-Bordijiet tal-Appell ma jkunux jistgħu jaġixxu skont it-tifsira tal-Artikolu 43(4), il-funzjonijiet maniġerjali u organizzazzjonali mogħtija lill-President tal-Bordijiet tal-Appell mill-Artikolu 136(4) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 għandhom jiġu eżerċitati, fuq il-bażi tal-anzjanità kif stabbilita skont l-Artikolu 43(1) ta' dan ir-Regolament, mill-iktar President anzjan tal-Bordijiet tal-Appell.

2.   Meta l-kariga tal-President tal-Bordijiet tal-Appell tkun battala, il-funzjonijiet ta' dak il-President għandhom jiġu eżerċitati ad interim, fuq il-bażi tal-anzjanità stabbilita skont l-Artikolu 43(1), mill-iktar Presidenet anzjan tal-Bordijiet tal-Appell.

Artikolu 48

Applikabbiltà għall-proċedimenti ta' appell tad-dispożizzjonijiet marubtin ma' proċedimenti oħrajn

Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f'dan it-titolu, id-dispożizzjonijiet marbutin mal-proċedimenti quddiem l-istanza tal-Uffiċċju li adottat id-deċiżjoni appellata għandhom ikunu applikabbli għall-proċedimenti ta' appell mutatis mutandis.

TITOLU VI

PROĊEDIMENTI ORALI U ĠBIR TA' EVIDENZA

Artikolu 49

Taħrik għal proċedimenti orali

1.   Il-partijiet għandhom jitħarrku għall-proċedimenti orali msemmijin fl-Artikolu 77 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 u għandha tinġibed l-attenzjoni tagħhom lejn il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

2.   Meta tinħareġ it-taħrika, l-Uffiċċju, fejn ikun hemm bżonn, għandu jitlob li l-partijiet jipprovdu l-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti kollha qabel is-seduta. L-Uffiċċju jista' jistieden lill-partijiet sabiex jikkonċentraw fuq kwistjoni speċifika waħda jew iktar matul il-proċedimenti orali. Jista' joffri wkoll lill-partijiet il-possibbiltà li jieħdu sehem fil-proċedimenti orali permezz ta' vidjokonferenza jew mezzi tekniċi oħrajn.

3.   Jekk parti li tkun tħarrket kif xieraq għal proċedimenti orali quddiem l-Uffiċċju ma tidhirx hekk kif tkun ġiet imħarrka, il-proċedimenti jistgħu jkomplu mingħajr dik il-parti.

4.   L-Uffiċċju għandu jiżgura li l-kawża hija lesta għal deċiżjoni fi tmiem il-proċedimenti orali, sakemm ma jkunx hemm xi raġuni speċjali li tindika l-kuntrarju.

Artikolu 50

Lingwi tal-proċedimenti orali

1.   Il-proċedimenti orali għandhom isiru bil-lingwa tal-proċedimenti, sakemm il-partijiet ma jaqblux li jużaw lingwa uffiċjali differenti tal-Unjoni.

2.   L-Uffiċċju jista' jikkomunika fil-proċedimenti orali b'lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni u, fuq talba, jista' jawtorizza lil parti sabiex tagħmel dan sakemm tkun disponibbli interpretazzjoni simultanja fil-lingwa tal-proċedimenti. L-ispejjeż tal-forniment ta' interpretazzjoni simultanja għandhom jiġġarrbu mill-parti li tagħmel it-talba jew mill-Uffiċċju skont il-każ.

Artikolu 51

Evidenza orali tal-partijiet, xhieda jew esperti u spezzjoni

1.   Meta l-Uffiċċju jqis li hemm bżonn li jismal-evidenza orali tal-partijiet, ix-xhieda jew l-esperti jew dak li jwettaq spezzjoni, għandu jieħu deċiżjoni interim għal dan il-għan, li fiha jiddikjara l-mezzi li bihom biħsiebu jikseb l-evidenza, il-fatti rilevanti li se jiġu pprovduti u d-data, il-ħin u l-post tas-seduta jew tal-ispezzjoni. Meta s-smigħ tal-evidenza orali tax-xhieda jew l-esperti jintalab minn parti, l-Uffiċċju għandu jistabbilixxi fid-deċiżjoni tiegħu l-perjodu li fih dik il-parti trid tinforma lill-Uffiċċju l-ismijiet u l-indirizzi tax-xhieda jew tal-esperti.

2.   It-taħrika tal-partijiet, ix-xhieda jew l-esperti sabiex jagħtu l-evidenza għandu jkun fiha:

(a)

silta mid-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, li tindika d-data, il-ħin u l-post tas-seduta ordnata u li tiddikjara l-fatti rigward liema partijiet, xhieda u esperti se jinstemgħu;

(b)

l-ismijiet tal-partijiet għall-proċedimenti u d-dettalji dwar id-drittijiet li x-xhieda jew lill-esperti jistgħu jinvokaw skont l-Artikolu 54(2) sa (5).

It-taħrika għandha toffri wkoll lix-xhieda jew l-esperti li jiġu mħarrkin il-possibbiltà li jieħdu sehem fil-proċedimenti orali permezz ta' vidjokonferenza jew mezzi tekniċi oħrajn.

3.   L-Artikolu 50(2) għandu japplika mutatis mutandis.

Artikolu 52

Ħatra ta' esperti u perizja

1.   L-Uffiċċju għandu jiddeċiedi f'liema forma espert se jipprovdi perizja.

2.   It-termini ta' referenza tal-espert iridu jinkludu:

(a)

deskrizzjoni preċiża tal-kompitu tal-espert;

(b)

l-iskadenza stabbilita għall-preżentazzjoni tal-perizja;

(c)

l-ismijiet tal-partijiet fil-proċedimenti;

(d)

id-dettalji dwar id-drittijiet li jista' jinvoka l-espert skont l-Artikolu 54(2), (3) u (4).

3.   Meta jinħatar espert, il-perizja trid tiġi ppreżentata bil-lingwa tal-proċedimenti jew tkun akkumpanjata minn traduzzjoni b'dik il-lingwa. Kopja ta' kwalunkwe opinjoni miktuba, u tat-traduzzjoni jekk meħtieġa, trid tiġi ppreżentata lill-partijiet.

4.   Il-partijiet jistgħu joġġezzjonaw għall-ħatra ta' espert fuq il-bażi ta' inkompetenza jew fuq l-istess raġunijiet bħal dawk li fuqhom tista' ssir oġġezzjoni għal eżaminatur jew membru ta' Diviżjoni jew Bord tal-Appell skont l-Artikolu 137(1) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009. Kwalunkwe oġġezzjoni għall-ħatra ta' espert trid tiġi ppreżentata bil-lingwa tal-proċedimenti jew tkun akkumpanjata minn traduzzjoni f'dik il-lingwa. Id-dipartiment tal-Uffiċċju kkonċernat għandu jieħu deċiżjoni fuq l-oġġezzjoni.

Artikolu 53

Minuti tal-proċedimenti orali

1.   Għadhom jittieħdu l-minuti tal-proċedimenti orali jew tat-teħid tal-evidenza orali, u fihom għandu jkun hemm:

(a)

in-numru tal-kawża li għaliha huma relatati l-proċedimenti orali u d-data kif ukoll rigward it-twettiq tal-proċedimenti orali;

(b)

l-ismijiet tal-uffiċjali tal-Uffiċċju, tal-partijiet, tar-rappreżentanti tagħhom, u tax-xhieda u tal-esperti li huma preżenti;

(c)

il-preżentazzjonijiet u t-talbiet li jsiru mill-partijiet;

(d)

il-mezzi tal-għoti jew tat-teħid ta' evidenza;

(e)

fejn applikabbli, l-ordnijiet jew id-deċiżjonijiet maħruġa mill-Uffiċċju.

2.   Il-minuti għandhom isiru parti mill-fajl tal-applikazzjoni jew tar-reġistrazzjoni tat-trademark tal-UE rilevanti. Għandhom ikunu nnotifikati lill-partijiet.

3.   Meta l-proċedimenti orali jew tat-teħid ta' evidenza quddiem l-Uffiċċju jiġu rrekordjati, l-irrekordjar għandu jieħu post il-minuti u l-paragrafu (2) għandu jkun japplika mutatis mutandis.

Artikolu 54

Spejjeż tat-teħid ta' evidenza fil-proċedimenti orali

1.   It-teħid ta' evidenza mill-Uffiċċju jista' jsir bil-kundizzjoni ta'depożitu magħha, mill-parti li talbet it-teħid ta' evidenza, ta' somma li għandha tiġi stabbilita b'referenza għal stima tal-ispejjeż.

2.   Ix-xhieda u l-esperti li jitħarrku u jidhru quddiem l-Uffiċċju għandhom ikunu intitolati għal rimborż tal-ispejjeż raġonevoli għall-ivvjaġġar u s-sussistenza meta jiġġarrbu dawk l-ispejjeż. L-Uffiċċju jista' jagħtihom ħlas bil-quddiem għal dawk l-ispejjeż.

3.   Ix-xhieda intitolati għal rimborż skont il-paragrafu 2 għandhom ikunu intitolati wkoll għal kumpens xieraq għal qligħ mitluf, u l-esperti għal onorarji għal xogħolhom. Dak il-kumpens għandu jitħallas lix-xhieda u lill-esperti wara li jkunu wettqu dmirijiethom jew il-kompiti tagħhom, meta t-tali xhieda u esperti jkunu tħarrku mill-Uffiċċju fuq l-inizjattiva tiegħu stess.

4.   L-ammonti u l-ħlasijiet bil-quddiem għall-ispejjeż li jridu jitħallsu skont il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom jiġu stabbiliti mid-Direttur Eżekuttiv u għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Uffiċċju. L-ammonti għandhom jiġu kkalkolati fuq l-istess bażi li hija stabbilita fir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni, stabbiliti fir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tal-Kunsill (8) u l-Anness VII tiegħu.

5.   Ir-responsabbiltà għall-ammonti dovuti jew imħallsin skont il-paragrafi 1 sa 4 għandha taqa' taħt:

(a)

l-Uffiċċju meta, fuq inizjattiva tiegħu stess, dan ikun ħarrek lix-xhieda jew lill-esperti;

(b)

il-parti kkonċernata meta dik il-parti tkun talbet l-għoti tal-evidenza orali minn xhieda jew esperti, soġġetta għad-deċiżjoni dwar il-ħatra u l-istabbiliment tal-ispejjeż skont l-Artikoli 85 u 86 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 u l-Artikolu 18 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1431. Din il-parti għandha tirrimborza lill-Uffiċċju għal kwalunkwe ħlas bil-quddiem li huwa jkun ħallas.

Artikolu 55

Eżaminazzjoni tal-evidenza bil-miktub

1.   L-Uffiċċju għandu jeżamina kwalunkwe evidenza mogħtija jew miksuba fi kwalunkwe proċediment quddiemu safejn hemm bżonn sabiex jieħu deċiżjoni fil-proċedimenti inkwistjoni.

2.   Id-dokumenti jew oġġetti oħrajn tal-evidenza għandhom jitqiegħdu f'annessi għal preżentazzjoni li għandhom jiġu enumerati b'mod konsekuttiv. Il-preżentazzjoni għandha tinkludi anness li, għal kull dokument jew oġġett tal-evidenza mehmuż, jindika:

(a)

in-numru tal-anness;

(b)

deskrizzjoni qasira tad-dokument jew tal-oġġett u, jekk applikabbli, in-numru ta' paġni;

(c)

in-numru tal-paġna tal-preżentazzjoni fejn jissemma id-dokument jew l-oġġett.

Il-parti li tippreżenta tista' tindika wkoll, fl-indiċi tal-annessi, liema partijiet speċifiċi ta' dokument tibbaża fuqhom li jappoġġjaw l-argumenti tagħha.

3.   Meta l-preżentazzjoni jew l-annessi ma jikkonformawx mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 2, l-Uffiċċju jista' jistieden lill-parti li tippreżenta sabiex tirrimedja għal kwalunkwe nuqqas, fi ħdan perjodu speċifikat mill-Uffiċċju.

4.   Meta n-nuqqas ma jkunx rimedjat fi ħdan il-perjodu speċifikat mill-Uffiċċju u meta ma jkunx possibbli li l-Uffiċċju jistabbilixxi biċ-ċar għal liema raġuni jew argument jirreferi dokument jew oġġett tal-evidenza, dak id-dokument jew l-oġġett ma għandux jittieħed f'kunsiderazzjoni.

TITOLU VII

NOTIFIKI MILL-UFFIĊĊJU

Artikolu 56

Dispożizzjonijiet ġenerali fuq in-notifiki

1.   Fil-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju, in-notifiki li jridu jsiru mill-Uffiċċju għandhom ikunu konformi mal-Artikolu 75(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 u għandhom jikkonsistu fit-trażmissjoni tad-dokumenti li jridu jiġu nnotifikati lill-partijiet ikkonċernati. It-trażmissjoni tista' sseħħ billi jingħata aċċess elettroniku għal dak id-dokument.

2.   In-notifiki għandhom isiru permezz ta' wieħed mill-mezzi li ġejjin:

(a)

mezzi elettroniċi skont l-Artikolu 57;

(b)

posta jew kurrier skont l-Artikolu 58;

(c)

notifika pubblika skont l-Artikolu 59.

3.   Meta d-destinatarju jkun indika dettalji ta' kuntatt għall-komunikazzjoni mad-destinatarju permezz ta' mezzi elettroniċi, l-Uffiċċju għandu jagħżel bejn dawk il-mezzi u n-notifika bil-posta jew bil-kurrier.

Artikolu 57

Notifika b'mezzi elettroniċi

1.   In-notifika b'mezzi elettroniċi tkopri trażmissjonijiet b'wajer, bir-radju, b'mezzi ottiċi jew b'mezzi elettromanjetiċi oħrajn, inkluż l-Internet.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jistabbilixxi d-dettalji rigward il-mezzi elettroniċi speċifiċi li se jintużaw, il-mod li bih se jintużaw il-mezzi elettroniċi, u l-iskadenza għan-notifika bil-mezzi elettroniċi.

Artikolu 58

Notifika bil-posta jew bil-kurrier

1.   Minkejja l-Artikolu 56(3), id-deċiżjonijiet soġġetti għal skadenza għall-appell, it-taħrika u dokumenti oħrajn kif jistabbilixxi d-Direttur Eżekuttiv għandhom jiġu notifikati b'servizz tal-kurrier jew posta rreġistrata, fiż-żewġ każijiet b'avviż tal-wasla. In-notifiki kollha l-oħrajn għandhom isiru b'servizz tal-kurrier jew posta rreġistrata, kemm jekk b'avviż tal-wasla kif ukoll mingħajr, jew bil-posta normali.

2.   Minkejja l-Artikolu 56(3), in-notifiki fir-rigward tad-destinatarji li la għandhom id-domiċilju tagħhom u lanqas is-sede prinċipali tagħhom jew l-istabbiliment industrijali jew kummerċjali reali u effettiv tagħhom fiż-Żona Ekonomika Ewropea (“ŻEE”) u li ma ħatrux rappreżentant kif jeħtieġ l-Artikolu 92(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 għandhom isiru billi d-dokument li jeħtieġ notifika jiġi impustat bil-posta normali.

3.   Meta n-notifika ssir b'servizz tal-kurrier jew b'posta rreġistrata, kemm jekk b'avviż tal-wasla kif ukoll mingħajr, għandha titqies li twasslet lid-destinatarju fl-għaxar jum wara dak tal-impostar tagħha, sakemm l-ittra ma tkunx naqset milli tasal għand id-destinatarju jew tkun waslet għand id-destinatarju iktar tard. F'każ ta' xi tilwima, għandha tkun ir-responsabbiltà tal-Uffiċċju li jistabbilixxi li l-ittra laħqet id-destinazzjoni tagħha jew li jistabbilixxi d-data li fiha twasslet għand id-destinatarju, skont il-każ.

4.   Notifika b'servizz tal-kurrier jew b'posta rreġistrata għandha titqies li saret anki jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta l-ittra.

5.   Notifika bil-posta normali għandha titqies li saret fl-għaxar jum wara dak tal-impustar tagħha.

Artikolu 59

Notifika pubblika b'avviż pubbliku

Meta l-indirizz tad-destinatarju ma jkunx jista' jiġi stabbilit jew meta wara tal-inqas tentattiv wieħed deher li ma kienx possibbli li ssir notifika skont l-Artikolu 56(2)(a) u (b), in-notifika għandha ssir b'avviż pubbliku.

Artikolu 60

Notifika lir-rappreżentanti

1.   Meta jkun inħatar rappreżentant jew meta l-applikant li jissemma l-ewwel f'applikazzjoni komuni jitqies li huwa r-rappreżentant komuni skont l-Artikolu 73(1), in-notifiki għandhom jiġu indirizzati lil dak ir-rappreżentant maħtur jew komuni.

2.   Meta parti waħda tkun ħatret diversi rappreżentanti, in-notifika għandha ssir skont l-Artikolu 2(1)(e) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1431. Meta diversi partijiet ikunu ħatru rappreżentant komuni, in-notifika ta' dokument wieħed lir-rappreżentant komuni għandha tkun biżżejjed.

3.   Notifika jew komunikazzjoni oħra indirizzata mill-Uffiċċju lir-rappreżentant awtorizzat kif xieraq għandu jkollha l-istess effett daqs li kieku ġiet indirizzata lill-persuna rappreżentata.

Artikolu 61

Irregolaritajiet fin-notifika

Meta dokument ikun wasal għand id-destinatarju u meta l-Uffiċċju ma jkunx jista' juri bil-provi li nnotifikah kif xieraq jew meta d-dispożizzjonijiet marbutin man-notifika tiegħu ma jkunux ġew irrispettati, id-dokument għandu jitqies li ġie nnotifikat fid-data stabbilita bħala d-data tal-wasla.

Artikolu 62

Notifika tad-dokumenti f'każ ta' diversi partijiet

Normlament, id-dokumenti li jinħarġu minn partijiet għandhom jiġu notifikati lill-partijiet l-oħrajn. Notifika tista' ma ssirx jekk id-dokument ma jkunx fih talbiet ġodda u l-kwistjoni tkun lesta għal deċiżjoni.

TITOLU VIII

KOMUNIKAZZJONIJIET BIL-MIKTUB U FORMOLI

Artikolu 63

Komunikazzjonijiet lill-Uffiċċju bil-miktub jew b'mezzi oħrajn

1.   Applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta' trademark tal-UE kif ukoll kwalunkwe applikazzjoni oħra stipulata fir-Regolament (KE) Nru 207/2009 u l-komunikazzjonijiet kollha l-oħrajn indirizzati lill-Uffiċċju għandhom jiġu ppreżentati kif ġej:

(a)

billi tintbagħat komunikazzjoni b'mezzi elettroniċi, f'liema każ l-indikazzjoni tal-isem tal-emittent għandha titqies li hija ekwivalenti għall-firma;

(b)

billi jiġi ppreżentat oriġinal iffirmat tad-dokument inkwistjoni lill-Uffiċċju bil-posta jew bil-kurrier.

2.   Fi proċedimenti quddiem l-Uffiċċju, id-data li fiha tiġi riċevuta komunikazzjoni mill-Uffiċċju għandha titqies li hija d-data tal-preżentazzjoni jew is-sottomissjoni tagħha.

3.   Meta komunikazzjoni riċevuta b'mezzi elettroniċi ma tkunx kompluta jew ma tkunx tista' tinqara jew meta l-Uffiċċju jkollu dubji raġonevoli dwar il-preċiżjoni tat-trażmissjoni, l-Uffiċċju għandu jinforma lill-emittent dwar dan u għandu jistieden lill-emittent, fi ħdan perjodu li jispeċifika l-Uffiċċju, sabiex jerġa' jibgħat l-oriġinal jew jerġa' jippreżentah skont il-paragrafu (1)(b). Meta t-talba tiġi rrispettata fi ħdan il-perjodu speċifikat, id-data tar-riċevuta tat-trażmissjoni mill-ġdid jew tal-oriġinal għandha titqies li hija d-data tar-riċevuta tal-komunikazzjoni oriġinali. Madankollu, meta n-nuqqas ikun jikkonċerna l-għoti ta' data tal-preżentazzjoni għal applikazzjoni sabiex tiġi rreġistrata trademark, għandhom ikunu japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar id-data tal-preżentazzjoni. Meta t-talba ma tiġix irrispettata sal-perjodu speċifikat, il-komunikazzjoni għandha titqies li ma tkunx waslet.

Artikolu 64

Annessi għall-komunikazzjonijiet bil-posta jew bil-kurrier

1.   L-annessi għall-komunikazzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati fuq trasportaturi tad-dejta skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti mid-Direttur Eżekuttiv.

2.   Meta komunikazzjoni bl-annessi tiġi ppreżentata skont l-Artikolu 63(1)(b) minn parti fi proċediment li jinvolvi iktar minn parti waħda, il-parti trid tippreżenta kopji tal-annessi daqs kemm ikun hemm partijiet għall-proċedimenti. L-annessi għandhom ikunu indiċjati skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 55(2).

Artikolu 65

Formoli

1.   L-Uffiċċju għandu jqiegħed formoli għad-dispożizzjoni tal-pubbliku bla ħlas, li jistgħu jimtlew online, għall-finijiet ta':

(a)

preżentazzjoni ta' applikazzjoni għal trademark tal-UE, inklużi, fejn xieraq, talbiet għal rapporti ta' riċerki;

(b)

reġistrazzjoni ta' oppożizzjoni;

(c)

applikazzjoni għal revoka tad-drittijiet;

(d)

applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' invalidità jew iċ-ċessjoni ta' trademark tal-UE;

(e)

applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trasferiment u l-formola jew id-dokument tat-trasferiment imsemmijn fl-Artikolu 13(3)(d) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1431;

(f)

applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' liċenzja;

(g)

applikazzjoni għat-tiġdid ta' trademark tal-UE;

(h)

preżentazzjoni ta' appell;

(i)

awtorizzazzjoni ta' rappreżentant, fil-forma ta' awtorizzazzjoni individwali jew awtorizzazzjoni ġenerali;

(j)

preżentazzjoni ta' applikazzjoni internazzjonali jew denominazzjoni sussegwenti skont il-Protokoll għall-Ftehim ta' Madrid dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali ta' marki, adottat f'Madrid fis-27 ta' Ġunju 1989 (9) lill-Uffiċċju.

2.   Il-partijiet għall-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju jistgħu jużaw ukoll:

(a)

formoli stabbiliti taħt it-Trattat tal-Liġi dwar it-Trademark jew skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Assemblea tal-Unjoni ta' Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali;

(b)

bl-eċċezzjoni tal-formola msemmija fil-punt (i) tal-paragrafu 1, formoli bl-istess kontenut u format bħal dawk imsemmijin fil-paragrafu 1.

3.   L-Uffiċċju għandu jqiegħed il-formoli msemmijin fil-paragrafu 1 għad-dispożizzjoni fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.

Artikolu 66

Komunikazzjonijiet mir-rappreżentanti

Kwalunkwe komunikazzjoni indirizzata lill-Uffiċċju mir-rappreżentant debitament awtorizzat ikollha l-istess effett bħal li kieku oriġinat mill-persuna rappreżentata.

TITOLU IX

SKADENZI

Artikolu 67

Kalkolu u durata tal-iskadenzi

1.   Il-kalkolu tal-iskadenzi għandu jibda mill-għada li jseħħ l-avveniment rilevanti, jew stadju proċedurali jew inkella l-għeluq ta' skadenza oħra. Meta l-istadju proċedurali jkun notifika, l-avveniment għandu jkun il-wasla tad-dokument notifikat, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor.

2.   Meta skadenza tiġi espressa bħala sena jew ċertu numru ta' snin, għandu jiskadi fis-sena sussegwenti rilevanti fix-xahar li jkollu l-istess isem u fil-jum li jkollu l-istess numru bħax-xahar u l-jum li fihom seħħ l-avveniment rilevanti. Meta x-xahar rilevanti ma jkollu ebda jum bl-istess numru, l-iskadenza għandha tagħlaq fl-aħħar jum tax-xahar.

3.   Meta skadenza tiġi espressa bħala xahar jew ċertu numru ta' xhur, għandha tagħlaq fix-xahar sussegwenti rilevanti fil-jum li jkollu l-istess numru bħall-jum li fih seħħ l-avveniment rilevanti. Meta x-xahar sussegwenti rilevanti ma jkollu ebda jum bl-istess numru, l-iskadenza għandha tagħlaq fl-aħħar jum tax-xahar.

4.   Meta skadenza tiġi espressa bħala ġimgħa jew ċertu numru ta' ġimgħat, għandha tagħlaq fil-ġimgħa sussegwenti rilevanti fil-jum li jkollu l-istess isem bħall-jum li fih seħħ l-avveniment rilevanti.

Artikolu 68

Estensjoni ta' skadenzi

Soġġett għal skadenza massima jew speċifika stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 207/2009, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1431 jew dan ir-Regolament, l-Uffiċċju jista' jagħti estensjoni ta' skadenza fuq talba raġunata. Din it-talba għandha tiġi ppreżentata mill-parti kkonċernata qabel ma jiskadi l-limitu ta' żmien inkwistjoni. Meta dawn ikunu żewġ partijiet jew iktar, l-Uffiċċju jista' jissoġġetta l-estensjoni tal-iskadenza għall-qbil tal-partijiet l-oħrajn.

Artikolu 69

Għeluq ta' skadenzi f'każijiet speċjali

1.   Meta skadenza tagħlaq f'jum meta l-Uffiċċju ma jkunx miftuħ sabiex jirċievi d-dokumenti jew meta, għal raġunijiet għajr dawk imsemmijin fil-paragrafu 2, il-posta normali ma tasalx fil-lokalità fejn jinsab l-Uffiċċju, l-iskadenza għandha tiġi estiża sal-ewwel jum li jmiss meta l-Uffiċċju jkun miftuħ sabiex jirċievi dokumenti u meta tasal il-posta normali.

2.   Meta skadenza tagħlaq dakinhar li jkun hemm interruzzjoni ġenerali fil-kunsinna tal-posta fl-Istat Membru fejn jinsab l-Uffiċċju, jew, jekk u sal-grad li d-Direttur Eżekuttiv ikun awtorizza li jintbagħtu komunikazzjonijiet b'mezzi elettroniċi skont l-Artikolu 79b(1) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, meta jkun hemm interruzzjoni attwali fil-konnessjoni tal-Uffiċċju ma' dawk il-mezzi elettroniċi ta' komunikazzjoni, l-iskadenza għandha tiġi estiża sal-ewwel jum li jmiss meta l-Uffiċċju jkun miftuħ sabiex jirċievi dokumenti u meta tasal il-posta normali jew meta l-konnessjoni tal-Uffiċċju ma' dawk il-mezzi elettroniċi ta' komunikazzjoni terġa' lura għan-normal.

TITOLU X

REVOKA TA' DEĊIŻJONI

Artikolu 70

Revoka ta' deċiżjoni jew reġistrazzjoni fir-Reġistru

1.   Meta l-Uffiċċju jiskopri fuq mozzjoni tiegħu jew wara li jirċievi informazzjoni korrispondenti mingħand il-partijiet fil-proċedimenti li deċiżjoni jew reġistrazzjoni fir-Reġistru huma soġġetti għal revoka skont l-Artikolu 80 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, għandu jinforma lill-parti affettwata dwar ir-revoka ppjanata.

2.   Il-parti affettwata għandha tippreżenta osservazzjonijiet dwar ir-revoka ppjanata sal-iskadenza speċifikata mill-Uffiċċju.

3.   Meta l-parti affettwata taqbel fuq ir-revoka ppjanata jew ma tippreżenta ebda osservazzjoni sal-iskadenza, l-Uffiċċju għandu jirrevoka d-deċiżjoni jew ir-reġistrazzjoni. Jekk il-parti affettwata ma taqbilx mar-revoka ppjanata, l-Uffiċċju għandu jieħu deċiżjoni dwar ir-revoka ppjanata.

4.   Meta r-revoka ppjanata aktarx taffettwa iktar minn parti waħda, il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw mutatis mutandis. F'dawk il-każijiet, l-osservazzjonijiet ippreżentati minn waħda mill-partijiet skont il-paragrafu 3 dejjem għandhom ikunu kkomunikati lill-parti jew lill-partijiet l-oħra bi stedina sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet.

5.   Meta r-revoka ta' deċiżjoni jew reġistrazzjoni fir-Reġistru tolqot deċiżjoni jew reġistrazzjoni li ġiet ippubblikata, ir-revoka għandha tiġi ppubblikata wkoll.

6.   Il-kompetenza għar-revoka skont il-paragrafi 1 sa 4 għandha tkun tad-dipartiment jew tal-unità li ħadu d-deċiżjoni.

TITOLU XI

SOSPENSJONI TAL-PROĊEDIMENTI

Artikolu 71

Sospensjoni tal-proċedimenti

1.   Rigward l-oppożizzjoni, ir-revoka u d-dikjarazzjoni ta' invalidità u l-proċedimenti ta' appell, id-dipartiment kompetenti jew il-Bord tal-Appell jista' jissospendi l-proċedimenti:

(a)

minn jeddu meta sospensjoni tkun xierqa fiċ-ċirkustanzi tal-każ;

(b)

fuq talba raġunata ta' parti minnhom fi proċedimenti inter partes meta sospensjoni tkun xierqa fiċ-ċirkustanzi tal-każ, filwaqt li jitqiesu l-interessi tal-partijiet u l-istadju tal-proċedimenti.

2.   Fuq it-talba taż-żewġ partijiet fi proċedimenti inter partes, id-dipartiment kompetenti jew il-Bord tal-Appell jista' jissospendi l-proċedimenti għal perjodu li ma għandux ikun itwal minn sitt xhur. Dik is-sospensjoni tista' tiġi estiża fuq talba taż-żewġ partijiet sa massimu totali ta' sentejn.

3.   Kwalunkwe skadenza marbuta mal-proċedimenti inkwistjoni, għajr l-iskadenzi għall-ħlas tat-tariffa applikabbli, għandha tkun interrotta mid-data tas-sospensjoni. Mingħajr ħsara għall-Artikolu 137a(5) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, l-iskadenzi għandhom jerġgħu jiġu kkalkolati sabiex jibdew mill-ġdid dakinhar li jissoktaw il-proċedimenti.

4.   Meta jkun xieraq fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-partijiet jistgħu jkunu mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fir-rigward tas-sospensjoni jew l-issoktar tal-proċedimenti.

TITOLU XII

INTERRUZZJONI TA' PROĊEDIMENTI

Artikolu 72

Issoktar tal-proċedimenti

1.   Meta l-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju jkunu ġew interrotti skont l-Artikolu 82a(1) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, l-Uffiċċju għandu jkun informat dwar l-identità tal-persuna awtorizzata sabiex tkompli l-proċedimenti skont l-Artikolu 82a(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009. L-Uffiċċju għandu jikkomunika lil dik il-persuna u lil kwalunkwe parti terza interessata li l-proċedimenti għandhom jitkomplew minn data li jistabbilixxi l-Uffiċċju.

2.   Meta, tliet xhur wara li tibda l-interruzzjoni tal-proċedimenti skont l-Artikolu 82a(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, l-Uffiċċju ma jkunx ġie informat dwar il-ħatra ta' rappreżentant ġdid, dan għandu jinforma lill-applikant għat-trademark tal-UE jew lis-sid tagħha li:

(a)

meta japplika l-Artikolu 92(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, l-applikazzjoni għat-trademark tal-UE għandha titqies li ġiet irtirata jekk l-informazzjoni ma tiġix ippreżentata fi żmien xahrejn minn meta tiġi notifikata l-komunikazzjoni;

(b)

meta ma jkunx japplika l-Artikolu 92(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, il-proċedimenti jitkomplew mal-applikant għat-trademark tal-UE jew ma' sidha mid-data li fiha tiġi nnotifikata din il-komunikazzjoni.

3.   Il-limiti ta' żmien fis-seħħ fir-rigward tal-applikant għat-trademark tal-UE jew sidha fid-data tal-interruzzjoni tal-proċedimenti, għajr l-iskadenza għall-ħlas tat-tariffi tat-tiġdid, għandhom jibdew mill-ġdid mill-jum li fih jissoktaw il-proċedimenti.

TITOLU XIII

RAPPREŻENTANZA

Artikolu 73

Ħatra ta' rappreżentant komuni

1.   Meta jkun hemm iktar minn applikant wieħed u l-applikazzjoni għal trademark tal-UE ma ssemmix rappreżentant komuni, l-ewwel applikant imsemmi fl-applikazzjoni b'domiċilju jew sede prinċipali jew stabbiliment industrijali jew kummerċjali reali u effettiv fiż-ŻEE, jew ir-rappreżentant tiegħu jekk jinħatar, għandu jitqies li huwa r-rappreżentant komuni. Meta l-applikanti kollha jkunu obbligati jaħtru rappreżentant professjonali, ir-rappreżentant professjonali li jissemma l-ewwel fl-applikazzjoni għandu jitqies li huwa r-rappreżentant komuni. Dan għandu japplika mutatis mutandis għal partijiet terzi li jaġixxu b'mod komuni fil-preżentazzjoni ta' notifika ta' oppożizzjoni jew li japplikaw għal revoka jew dikjarazzjoni ta' invalidità u għal sidien konġunti ta' trademark tal-UE.

2.   Meta, matul il-proċedimenti, it-trasferiment isir għal iktar minn persuna waħda u dawk il-persuni ma jkunux ħatru rappreżentant komuni, għandu japplika l-paragrafu 1. Meta dik il-ħatra ma tkunx possibbli, l-Uffiċċju għandu jitlob lil dawk il-persuni sabiex jaħtru rappreżentant komuni fi żmien xahrejn. Jekk dik it-talba ma tiġix irrispettata, l-Uffiċċju għandu jagħżel ir-rappreżentant komuni.

Artikolu 74

Awtorizzazzjonijiet

1.   Impjegati li jirrappreżentaw lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi skont it-tifsira tal-Artikolu 92(3) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, kif ukoll ġuristi u rappreżentanti professjonali mdaħħlin fil-lista miżmuma mill-Uffiċċju skont l-Artikolu 93(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, għandhom jippreżentaw awtorizzazzjoni ffirmata mal-Uffiċċju għal inseriment fil-fajls skont l-Artikolu 92(3) u l-Artikolu 93(1) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 biss meta l-Uffiċċju jeħtieġ dan b'mod espliċitu jew meta jkun hemm diversi partijiet fil-proċedimenti li fihom ir-rappreżentant jaġixxi quddiem l-Uffiċċju u l-parti l-oħra titlob dan b'mod espliċitu.

2.   Meta, skont l-Artikolu 92(3) jew l-Artikolu 93(1) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, ikun meħtieġ li tiġi ppreżentata awtorizzazzjoni ffirmata, awtorizzazzjoni bħal din tista' tiġi ppreżentata bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni. Tista' tkopri applikazzjoni jew trademark irreġistrata waħda jew iktar jew tista' tkun fil-forma ta' awtorizzazzjoni ġenerali li tawtorizza lir-rappreżentant sabiex jaġixxi fir-rigward tal-proċedimenti kollha quddiem l-Uffiċċju li għalihom hija parti l-persuna li tagħti l-awtorizzazzjoni.

3.   L-Uffiċċju għandu jispeċifika skadenza sa meta trid tiġi ppreżentata awtorizzazzjoni. Meta l-awtorizzazzjoni ma tiġix ippreżentata fil-ħin, il-proċedimenti għandhom jissoktaw mal-persuna rappreżentata. Kwalunkwe stadju proċedurali mwettaq mir-rappreżentant għajr il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għandu jitqies li ma twettaqx jekk il-persuna rappreżentata ma tkunx approvathom sal-iskadenza li jispeċifika l-Uffiċċju.

4.   Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw mutatis mutandis għal dokument li jirtira awtorizzazzjoni.

5.   Kwalunkwe rappreżentant li ma jibqax awtorizzat għandu jkompli jitqies bħala r-rappreżentant sakemm it-terminazzjoni tal-awtorizzazzjoni ta' dak ir-rappreżentant tiġi kkomunikata lill-Uffiċċju.

6.   Soġġetta għal kwalunkwe dispożizzjoni li tgħid bil-kontra li tkun tinstab fiha, awtorizzazzjoni ma għandhiex issir invalida b'mod awtomatiku fil-konfront tal-Uffiċċju mal-mewt tal-persuna li tkun tatha.

7.   Meta l-ħatra ta' rappreżentant tiġi kkomunikata lill-Uffiċċju, l-isem u l-indirizz tan-negozju tar-rappreżentant għandhom ikunu indikati skont l-Artikolu 2(1)(e) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni 2017/1431. Meta rappreżentant li diġà jkun inħatar jidher quddiem l-Uffiċċju, dak ir-rappreżentant għandu jindika l-isem u n-numru ta' identifikazzjoni attribwit lir-rappreżentant mill-Uffiċċju. Meta jinħatru diversi rappreżentanti mill-istess parti, minkejja xi dispożizzjonijiet kontra fl-awtorizzazzjonijiet tagħhom, dawn jistgħu jaġixxu jew flimkien jew individwalment.

8.   Il-ħatra jew l-awtorizzazzjoni ta' assoċjazzjoni ta' rappreżentanti għandha titqies li hija ħatra jew awtorizzazzjoni ta' kwalunkwe rappreżentant li jipprattika fi ħdan dik l-assoċjazzjoni.

Artikolu 75

Emenda tal-lista ta' rappreżentanti professjonali

1.   Skont l-Artikolu 93(5) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, ir-reġistrazzjoni ta' rappreżentant professjonali għandha titħassar b'mod awtomatiku:

(a)

fil-każ tal-mewt jew ta' inkapaċità legali tar-rappreżentant professjonali;

(b)

meta r-rappreżentant professjonali ma jkunx għadu ċittadin ta' wieħed mill-Istati Membri taż-ŻEE, sakemm id-Direttur Eżekuttiv ma jkunx ta eżenzjoni skont l-Artikolu 93(4)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009;

(c)

meta r-rappreżentant professjonali ma jkunx għad għandu s-sede tan-negozju jew l-impjieg tiegħu fiż-ŻEE;

(d)

meta r-rappreżentant professjonali ma jkunx għad għandu l-intitolament imsemmi fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 93(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009.

2.   Ir-reġistrazzjoni ta' rappreżentant professjonali għandha tkun sospiża fuq mozzjoni tal-Uffiċċju stess meta jiġi sospiż l-intitolament tar-rappreżentant sabiex jirrappreżenta persuni fiżiċi jew ġuridiċi quddiem l-Uffiċċju tal-Benelux għall-Proprjetà Intellettwali jew l-uffiċċju ċentrali tal-proprjetà industrijali ta' Stat Membru kif imsemmi fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 93(2)(c) (KE) Nru 207/2009.

3.   Meta ma jibqgħux jeżistu l-kundizzjonijiet għat-tħassir, persuna li r-reġistrazzjoni tagħha tkun tħassret għandha, fuq talba, flimkien ma' ċertifikat skont l-Artikolu 93(3) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, terġa' tiddaħħal fil-lista ta' rappreżentanti professjonali.

4.   L-Uffiċċju tal-Benelux għall-Proprjetà Intellettwali u l-uffiċċji ċentrali tal-proprjetà industrijali tal-Istati Membri kkonċernati għandhom, meta jkunu jafu b'xi każ imsemmi fil-paragrafi 1 u 2, jinformaw lill-Uffiċċju dwar dan minnufih.

TITOLU XIV

PROĊEDURI LI JIKKONĊERNAW IR-REĠISTRAZZJONI INTERNAZZJONALI TAL-MARKI

Artikolu 76

Marki kollettivi u ta' ċertifikazzjoni

1.   Mingħajr ħsara għall-Artikolu 154 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, meta reġistrazzjoni internazzjonali li tiddenomina lill-Unjoni tkun indirizzata bħala marka kollettiva tal-UE jew bħala marka ta' ċertifikazzjoni tal-UE skont l-Artikolu 154a(1) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, għandha tinħareġ ukoll notifika ta' ċaħda provviżorja ex officio skont l-Artikolu 33 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1431 fil-każijiet li ġejjin:

(a)

meta tkun teżisti waħda mir-raġunijiet għaċ-ċaħda pprovduti fl-Artikolu 68(1) jew (2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 flimkien mal-paragrafu 3 ta' dak l-Artikolu, jew fl-Artikolu 74c(1) jew (2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 flimkien mal-paragrafu 3 ta' dak l-Artikolu;

(b)

meta r-regolamenti li jirregolaw l-użu tal-marka ma jkunux ġew ippreżentati skont l-Artikolu 154a(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009.

2.   Notifika tal-emendi għar-regolamenti li jirregolaw l-użu tal-marka skont l-Artikoli 71 u 74f tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 għandha tiġi ppubblikata fil-Bulettin tat-Trademarks tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 77

Proċedimenti ta' oppożizzjoni

1.   Meta titressaq oppożizzjoni kontra reġistrazzjoni internazzjonali li tiddenomina lill-Unjoni skont l-Artikolu 156 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, in-notifika ta' oppożizzjoni għandu jkun fiha:

(a)

in-numru tar-reġistrazzjoni internazzjonali li kontriha titressaq l-oppożizzjoni;

(b)

indikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi elenkati fir-reġistrazzjoni internazzjonali li kontriha titressaq l-oppożizzjoni;

(c)

l-isem tad-detentur tar-reġistrazzjoni internazzjonali;

(d)

ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 2(2)(b) sa (h) ta' dan ir-Regolament.

2.   L-Artikolu 2(1), (3) u (4) u l-Artikoli 3 sa 10 ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw għall-finijiet tal-proċedimenti ta' oppożizzjoni marbutin mar-reġistrazzjonijiet internazzjonali li jiddenominaw lill-Unjoni, soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

kwalunkwe referenza għal applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trademark tal-UE għandha tinqara bħala referenza għal reġistrazzjoni internazzjonali;

(b)

kwalunkwe referenza għal irtirar tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trademark tal-UE għandha tinqara bħala referenza għal rinunzja tar-reġistrazzjoni internazzjonali fir-rigward tal-Unjoni;

(c)

kull referenza għall-applikant għandha tinqara bħala referenza għad-detentur tar-reġistrazzjoni internazzjonali.

3.   Meta n-notifika ta' oppożizzjoni tiġi ppreżentata qabel ma jagħlaq il-perjodu ta' xahar imsemmi fl-Artikolu 156(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, in-notifika tal-oppożizzjoni għandha titqies li ġiet ippreżentata fl-ewwel jum wara li jiskadi l-perjodu ta' xahar.

4.   Meta d-detentur tar-reġistrazzjoni internazzjonali jkun obbligat li jkun rappreżentat fi proċedimenti quddiem l-Uffiċċju skont l-Artikolu 92(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, u meta d-detentur tar-reġistrazzjoni internazzjonali ma jkunx diġà ħatar rappreżentant skont it-tifsira tal-Artikolu 93(1) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, il-komunikazzjoni tal-oppożizzjoni lid-detentur tar-reġistrazzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 6(1) ta' dan ir-Regolament għandu jkun fiha talba għall-ħatra ta' rappreżentant skont it-tifsira tal-Artikolu 93(1) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 sa skadenza ta' xahrejn mid-data ta' notifika tal-komunikazzjoni.

Meta d-detentur tar-reġistrazzjoni internazzjonali jonqos milli jaħtar rappreżentant sa dik l-iskadenza, l-Uffiċċju għandu jieħu deċiżjoni ta' ċaħda tal-protezzjoni tar-reġistrazzjoni internazzjonali.

5.   Il-proċedura ta' oppożizzjoni għandha titwaqqaf meta tinħareġ ċaħda provviżorja ex officio skont l-Artikolu 154 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009. Meta ċ-ċaħda provviżorja ex officio tkun wasslet għal deċiżjoni ta' ċaħda tal-protezzjoni tal-marka li saret finali, l-Uffiċċju ma għandux jipproċedi għal deċiżjoni u jrodd lura t-tariffa tal-oppożizzjoni u ma għandha tittieħed ebda deċiżjoni dwar it-tqassim tal-ispejjeż.

Artikolu 78

Notifika taċ-ċaħdiet provviżorji bbażati fuq oppożizzjoni

1.   Meta notifika ta' oppożizzjoni kontra reġistrazzjoni internazzjonali tiġi ppreżentata lill-Uffiċċju skont l-Artikolu 156(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, jew meta oppożizzjoni titqies li tressqet skont l-Artikolu 77(3) ta' dan ir-Regolament, l-Uffiċċju għandu joħroġ notifika taċ-ċaħda provviżorja tal-protezzjoni fuq il-bażi ta' oppożizzjoni lill-Bureau Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (“il-Bureau Internazzjonali”).

2.   In-notifka ta' ċaħda provviżjorja tal-protezzjoni bbażata fuq oppożizzjoni għandha tinkludi:

(a)

in-numru tar-reġistrazzjoni internazzjonali;

(b)

l-indikazzjoni li ċ-ċaħda hija bbażata fuq il-fatt li ġiet ippreżentata oppożizzjoni, flimkien ma' referenza għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni;

(c)

l-isem u l-indirizz tal-parti li qed topponi.

3.   Meta l-oppożizzjoni tkun ibbażata fuq applikazzjoni jew reġistrazzjoni ta' trademark, in-notifika msemmija fil-paragrafu 2 għandu jkun fiha l-indikazzjonijiet li ġejjin:

(a)

id-data tal-preżentazzjoni, id-data tar-reġistrazzjoni u d-data ta' prijorità, jekk teżisti;

(b)

in-numru tal-preżentazzjoni u n-numru tar-reġistrazzjoni, jekk ikunu differenti;

(c)

l-isem u l-indirizz tas-sid;

(d)

riproduzzjoni tal-marka;

(e)

lista tal-prodotti jew tas-servizzi li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni.

4.   Meta ċ-ċaħda provviżorja tkun marbuta biss ma' parti mill-prodotti jew mis-servizzi, in-notifika msemmija fil-paragrafu 2 għandha tindika dawk il-prodotti jew servizzi.

5.   L-Uffiċċju għandu jinforma lill-Bureau Internazzjonali dwar dawn li ġejjin:

(a)

meta minħabba l-proċedimenti ta' oppożizzjoni tiġi rtirata ċ-ċaħda provviżorja, il-fatt li l-marka hija protetta fl-Unjoni;

(b)

meta deċiżjoni ta' ċaħda tal-protezzjoni tal-marka ssir finali wara appell skont l-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 jew azzjoni skont l-Artikolu 65 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, il-fatt li l-protezzjoni tal-marka hija miċħuda fl-Unjoni;

(c)

meta ċ-ċaħda msemmija fil-punt (b) tikkonċerna biss parti mill-prodotti jew is-servizzi, il-prodotti jew is-servizzi li għalihom il-marka hija protetta fl-Unjoni.

6.   Meta tinħareġ iktar minn ċaħda provviżorja waħda għal reġistrazzjoni internazzjonali waħda skont l-Artikolu 154(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 jew il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu għandha tkun marbuta maċ-ċaħda totali jew parzjali tal-protezzjoni tal-marka skont l-Artikoli 154 u 156 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009.

Artikolu 79

Stqarrija tal-għoti ta' protezzjoni

1.   Meta l-Uffiċċju ma jkunx ħareġ notifika provviżorja ex officio taċ-ċaħda skont l-Artikolu 154 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 u l-Uffiċċju ma jirċievi ebda oppożizzjoni sal-perjodu tal-oppożizzjoni msemmi fl-Artikolu 156(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 u l-Uffiċċju ma jkunx ħareġ ċaħda provviżorja ex officio bħala riżultat tal-osservazzjonijiet ippreżentati tal-partijiet terzi, l-Uffiċċju għandu jibgħat stqarrija tal-għoti ta' protezzjoni lill-Bureau Internazzjonali li fiha jindika li l-marka hija protetta fl-Unjoni.

2.   Għall-finijiet tal-Artikolu 151(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, l-istqarrija ta' għoti tal-protezzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jkollha l-istess effett bħal dikjarazzjoni mill-Uffiċċju li ġie rtirat notifika ta' ċaħda.

TITOLU XV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 80

Tħassir

Ir-Regolamenti (KE) Nru 2868/95 u (KE) Nru 216/96 huma mħassra. Madankollu, għandhom jibqgħu japplikaw għall-proċedimenti li għaddejjin fejn dan ir-Regolament ma japplikax skont l-Artikolu 81 tiegħu, sa meta jiġu konklużi dawn il-proċedimenti.

Artikolu 81

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Għandu japplika mill-1 ta' Ottubru 2017, soġġett għall-eċċezzjonijiet li ġejjin:

(a)

L-Artikoli 2 sa 6 ma għandhomx japplikaw għan-notifiki ta' oppożizzjoni mdaħħla qabel id-data msemmija hawn fuq;

(b)

L-Artikoli 7 u 8 ma għandhomx japplikaw għall-proċedimenti ta' oppożizzjoni, fejn il-parti avversarjali bdiet qabel id-data msemmija hawn fuq;

(c)

L-Artikolu 9 ma għandux japplika għas-sospensjonijiet li saru qabel id-data msemmija hawn fuq;

(d)

L-Artikolu 10 ma għandux japplika għat-talbiet għall-prova tal-użu li saru qabel id-data msemmija hawn fuq;

(e)

It-Titolu III ma għandux japplika għat-talbiet għal emenda mdaħħla qabel id-data msemmija hawn fuq;

(f)

L-Artikoli 12 sa 15 ma għandhomx japplikaw għal applikazzjonijiet għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta' invalidità jew talbiet għal ċessjoni mdaħħla qabel id-data msemmija hawn fuq;

(g)

L-Artikoli 16 u 17 ma għandhomx japplikaw għall-proċedimenti, fejn il-parti avversarjali bdiet qabel id-data msemmija hawn fuq;

(h)

L-Artikolu 18 ma għandux japplika għas-sospensjonijiet li saru qabel id-data msemmija hawn fuq;

(i)

L-Artikolu 19 ma għandux japplika għat-talbiet għall-prova tal-użu li saru qabel id-data msemmija hawn fuq;

(j)

It-Titolu V ma għandux japplika għall-appelli mdaħħla qabel id-data msemmija hawn fuq;

(k)

It-Titolu VI ma għandux japplika għall-proċedimenti orali mibdija qabel id-data msemmija hawn fuq jew għal evidenza bil-miktub fejn il-perjodu għall-preżentazzjoni tagħha beda qabel dik id-data;

(l)

It-Titolu VII ma għandux japplika għan-notifiki li saru qabel id-data msemmija hawn fuq;

(m)

It-Titolu VIII ma għandux japplika għall-komunikazzjonijiet riċevuti u għall-forom disponibbli qabel id-data msemmija hawn fuq;

(n)

It-Titolu IX ma għandux japplika għall-iskadenzi stabbiliti qabel id-data msemmija hawn fuq;

(o)

It-Titolu X ma għandux japplika għar-revoki ta' deċiżjonijiet meħuda jew entrati fir-Reġistru magħmula qabel id-data msemmija hawn fuq;

(p)

It-Titolu XI ma għandux japplika għas-sospensjonijiet mitluba mill-partijiet jew imposti mill-Uffiċċju qabel id-data msemmija hawn fuq;

(q)

It-Titolu XII ma għandux japplika għall-proċedimenti interrotti qabel id-data msemmija hawn fuq;

(r)

L-Artikolu 73 ma għandux japplika għall-applikazzjonijiet għat-trademarks tal-UE riċevuti qabel id-data msemmija hawn fuq;

(s)

L-Artikolu 74 ma għandux japplika għar-rappreżentanti maħtura qabel id-data msemmija hawn fuq;

(t)

L-Artikolu 75 ma għandux japplika għall-entrati fil-lista ta' rappreżentanti professjonali li saru qabel id-data msemmija hawn fuq;

(u)

It-Titolu XIV ma għandux japplika għad-denominazzjonijiet ta' trademark tal-UE li saru qabel id-data msemmija hawn fuq;

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Mejju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 78, 24.3.2009, p. 1

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta' Diċembru 1993 dwar it-trademark Komunitarja (ĠU L 11, 14.1.1994, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2015 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trademark Komunitarja u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trademark tal-Komunità, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2869/95 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinji) (ĠU L 341, 24.12.2015, p. 21).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat-13 ta' Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trademark tal-Komunità (ĠU L 303, 15.12.1995, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 216/96 tal-5 ta' Frar 1996 li jistipula r-regoli tal-proċedura tal-Bordijiet tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern (Trade Marks u Disinji) (ĠU L 28, 6.2.1996, p. 11).

(6)  Sentenza tat-13 ta' Marzu 2007, Kawża C-29/05P, UASI vs Kaul GmbH, (ARCOL/CAPOL), Ġabra I-2213, ECLI:EU:C:2007:162, punti 42-44; sentenza tat-18 ta' Lulju 2013, Kawża C-621/11P, New Yorker SHK Jeans GmbH & Co. KG vs UASI, (FISHBONE/FISHBONE BEACHWEAR), ECLI:EU:C:2013:484, paragrafi 28-30; sentenza tas-26 ta' Settembru 2013, Kawża C-610/11P, Centrotherm Systemtechnik GmbH vs UASI, (CENTROTHERM), ECLI:EU:C:2013:593, paragrafi 85-90 u 110-113; sentenza tat-3 ta' Ottubru 2013, Kawża C-120/12P, Bernhard Rintisch vs UASI, (PROTI SNACK/PROTI), ECLI:EU:C:2013:638, paragrafi 32 u 38-39; sentenza tat-3 ta' Ottubru 2013, Kawża C-121/12P, Bernhard Rintisch vs UASI, (PROTIVITAL/PROTI), ECLI:EU:C:2013:639, paragrafi 33 u 39-40; sentenza tat-3 ta' Ottubru 2013, Kawża C-122/12P, Bernhard Rintisch vs UASI, (PROTIACTIVE/PROTI), ECLI:EU:C:2013:628; paragrafi 33 u 39-40; sentenza tal-21 ta' Lulju 2016, Kawża C-597/14P, EUIPO vs Xavier Grau Ferrer, paragrafi 26-27.

(7)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1431 tat-18 ta' Mejju 2017 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ara paġna 39 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(8)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.

(9)  ĠU L 296, 14.11.2003, p. 22.